Rapport Speċjali
09 2022

L-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020: Mhuwiex għoli daqskemm ġie rrappurtat

Dwar ir-rapport:L-UE impenjat lilha nfisha li tonfoq mill-inqas 20 % tal-baġit tagħha għall-perjodu 2014-2020 fuq l-azzjoni klimatika. Il-Kummissjoni ħabbret li l-UE laħqet il-mira, b’EUR 216-il biljun li ġew irrappurtati f’infiq fuq il-klima għal dan il-perjodu. Aħna sibna li l-infiq irrappurtat ma kienx dejjem rilevanti għall-azzjoni klimatika u b’mod ġenerali r-rappurtar dwar il-klima kien iddikjarat b'mod eċċessiv. Nistmaw li kien iddikjarat b'mod eċċessiv b'mill-inqas EUR 72 biljun.

Minkejja t-titjib ippjanat fir-rappurtar dwar l-azzjoni klimatika għall-perjodu 2021-2027, għad fadal xi sfidi. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna għandhom l-għan li jsaħħu r-rappurtar dwar il-klima u li jorbtu l-kontribuzzjoni baġitarja mill-UE mal-objettivi tagħha għall-klima u l-enerġija. Aħna nirrakkomandaw ukoll li tinkiseb evidenza xjentifika li tappoġġa l-kontribuzzjoni għall-klima li saret mill-politika agrikola tal-UE.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE għall-azzjoni klimatika fl-2014-2020

Sommarju eżekuttiv

I L-indirizzar tat-tibdil fil-klima huwa prijorità ewlenija għall-UE, li stabbiliet għaliha nfisha objettivi diffikultużi għall-enerġija u l-klima. Dawn jinkludu miri għall-2020 u l-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, u l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija. L-UE stabbiliet ukoll mira fuq terminu twil li tintlaħaq in-newtralità karbonika sal-2050.

II L-UE impenjat lilha nfisha li tonfoq mill-inqas 20 % tal-baġit għall-perjodu 2014-2020 fuq l-azzjoni klimatika. Fl-2021, il-Kummissjoni rrappurtat li kienet laħqet il-mira, wara li kienet nefqet EUR 216-il biljun (20.1 %) fuq miżuri rilevanti għall-klima. Il-baġit tal-UE għall-perjodu 2021-2027 jinkludi mira akbar ta’ 30 % fuq l-azzjoni klimatika.

III L-objettiv tal-awditu kien li jiġi determinat jekk il-Kummissjoni kinitx irrappurtat informazzjoni rilevanti u affidabbli dwar l-infiq fuq il-klima għall-perjodu 2014-2020. Aħna eżaminajna kif il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija tagħha waqt li vvalutat l-infiq fuq il-klima, kif ukoll kif l-infiq irrappurtat ikkontribwixxa għall-azzjoni klimatika. Irrieżaminajna wkoll it-tibdiliet mistennija fit-trekkjar tal-infiq fuq il-klima wara l-2020. Wettaqna x-xogħol f'dan il-mument biex ngħinu lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rappurtar futur dwar l-infiq fuq il-klima.

IV Aħna sibna li l-infiq irrappurtat ma kienx dejjem rilevanti għall-azzjoni klimatika. Il-valutazzjoni kumplessiva tagħna hija li l-Kummissjoni stmat b’mod eċċessiv il-kontribuzzjoni għall-klima ta’ komponenti ewlenin tal-finanzjament tal-agrikoltura bħall-kundizzjonalità, l-oqsma b’restrizzjonijiet naturali, u l-biedja organika. Il-pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni, dawk akkademiċi u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi jappoġġaw il-valutazzjoni tagħna.

V B’mod simili, aħna nivvalutaw li l-Kummissjoni stmat b’mod eċċessiv il-kontribuzzjoni għall-klima ta’ sottosetturi ewlenin tal-infrastruttura u l-finanzjament taħt il-qasam tal-koeżjoni, bħat-trasport ferrovjarju, l-elettriku u l-bijomassa. Il-Kummissjoni ma użatx suppożizzjonijiet konservattivi u kienet inkonsistenti fir-rappurtar ta’ dawn il-proġetti.

VI Aħna nqisu li r-rappurtar kumplessiv dwar l-infiq fuq il-klima ma kienx affidabbli. Hija kienet tinvolvi approssimazzjoni sinifikanti u ttrekkjat biss l-impatt pożittiv potenzjali fuq il-klima mingħajr ma evalwat il-kontribuzzjoni finali għall-għanijiet klimatiċi tal-UE. Kien hemm ukoll riskju li l-ammonti ppjanati jew impenjati ma jintefqux. Dan jista’ jkompli jkabbar l-infiq fuq il-klima rrappurtat. F’istanza waħda, il-Kummissjoni inkludiet il-kontribuzzjoni nazzjonali fir-rappurtar tal-UE.

VII L-analiżi li wettaqna indikat li l-Kummissjoni ddikjarat b’mod eċċessiv l-infiq fuq il-klima b’mill-inqas EUR 72 biljun, li minnhom aktar minn 80 % ġew mill-finanzjament għall-agrikoltura. Dan ifisser li madwar 13 % tal-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 intefaq fuq l-azzjoni klimatika.

VIII Aħna nesprimu tħassib rigward l-affidabbiltà tar-rappurtar dwar il-klima għall-perjodu 2021-2027. Minkejja t-titjib propost fil-metodoloġija tar-rappurtar, il-biċċa l-kbira mill-problemi identifikati għall-perjodu 2014-2020 għadhom jippersistu. L-istrument ta’ finanzjament NextGenerationEU, li ġie introdott fl-2020, jinkorpora l-prinċipju ewlieni ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, li jfisser li jenħtieġ li l-attivitajiet ekonomiċi ma jheddux l-objettivi ambjentali jew klimatiċi. Madankollu, aħna sibna li n-NextGenerationEU jġib miegħu sfidi addizzjonali minħabba rabtiet mhux ċari bejn il-pagamenti u l-objettivi klimatiċi.

IX Biex jitjieb ir-rappurtar futur dwar l-infiq fuq il-klima, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tikseb evidenza xjentifika biex tappoġġa l-kontribuzzjoni mill-politika agrikola, li hija l-akbar komponent tar-rappurtar dwar il-klima tal-UE. Nirrakkomandaw ukoll li r-rappurtar dwar il-klima jiġi msaħħaħ permezz tal-identifikazzjoni ta’ nfiq tal-UE b’impatt potenzjalment negattiv fuq il-klima, il-ħruġ ta’ linji gwida biex tiġi żgurata l-konsistenza, u jittieħed kont tal-ammonti li ma jkunux intefqu. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-kontribuzzjoni magħmula mill-infiq fuq il-klima għall-objettivi tal-UE għall-klima u l-enerġija.

Introduzzjoni

01 L-iskala tat-tibdil reċenti fis-sistema klimatika u l-influwenza umana fuqha ma għandhomx preċedent, u ħafna tibdil huwa irriversibbli għal sekli sħaħ, skont il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima1. L-indirizzar tat-tibdil fil-klima permezz ta’ politiki interni u l-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali huwa prijorità ewlenija għall-UE2. Il-Figura 1 turi l-elementi kostitwenti ewlenin tal-politika tal-UE dwar il-klima.

Figura 1 – Elementi kostitwenti ewlenin

Sors: il-QEA.

Impenji internazzjonali dwar il-klima

02 Skont il-Protokoll ta’ Kjoto, li daħal fis-seħħ fl-2005, l-UE ħadet l-impenn li, bejn l-2008 u l-2012, tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) tagħha bi 8 % mil-livelli tal-19903. Din il-mira għandha l-għan li tillimita t-tisħin globali biex tappoġġa l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-Protokoll jindirizza l-adattament għat-tibdil fil-klima, jew l-aġġustament għat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu.

03 Fl-2015, il- Ftehim ta’ Pariġi stabbilixxa mira ta’ mitigazzjoni tal-klima madwar id-dinja biex jillimita t-tisħin globali għal “ferm inqas” minn 2 C, u preferibbilment għal 1.5 C. Huwa kellu wkoll l-għan li jżid l-abbiltà tal-partijiet li jadattaw għat-tibdil fil-klima. L-UE u l-Istati Membri tagħha rratifikaw il-Ftehim fl-2016.

L-iżviluppi prinċipali fil-qafas tal-UE dwar il-klima

04 Fl-2011, il-Kummissjoni ħabbret l-objettiv tagħha li żżid il-proporzjon tal-baġit tal-UE relatat mal-klima għal mill-inqas 20 % għall-perjodu 2014-20204. Fl-2012, il-Parlament Ewropew għadda Riżoluzzjoni li tappoġġa li “tal-anqas 20 % tan-nefqa tkun relatata mal-klima”. Fl-2013, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li “l-objettivi tal-azzjoni dwar il-klima se jirrappreżentaw mill-inqas 20% tal-infiq tal-UE fil-perjodu 2014-2020”5. Fl-2014, l-UE integrat metodoloġija għall-appoġġ għat-tibdil fil-klima fil-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej6.

05 Il-Kummissjoni tibbaża l-metodoloġija tagħha biex tikkwantifika l-infiq fuq il-klima fuq l-assenjar ta’ koeffiċjenti lill-komponenti ta’ programmi tal-UE, bħall-oqsma ta’ intervent jew proġetti, b'segwitu għall-kontribuzzjoni mistennija tagħhom għall-azzjoni klimatika (ara t-Tabella 1). Din il-metodoloġija hija verżjoni adattata tal-markaturi ta’ Rio tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), li ġew introdotti fl-1998 biex jidentifikaw attivitajiet li jintegraw l-objettivi tal-konvenzjonijiet ta’ Rio fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp7.

Tabella 1 – It-tliet koeffiċjenti tal-UE għall-klima

Kontribuzzjoni mistennija għall-objettivi klimatiċi: Sinifikanti Moderata L-ebda jew insinifikanti
Koeffiċjent tal-UE għall-klima:

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-dokument tal-Kummissjoni, Baġit għall-Ewropa 2020, KUMM(2011) 500, 2011, Parti II, p. 15.

06 Il-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar l-infiq kumplessiv relatat mal-klima fl-abbozzi tal-baġit u fir-rapporti tagħha dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni għall-baġit tal-UE. Id-Direttorati Ġenerali għall-Baġit u għall-Azzjoni Klimatika flimkien imexxu dan l-eżerċizzju annwali. F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni rrappurtat li l-UE nefqet 20.1 % tal-baġit tagħha għall-perjodu 2014-2020, jew EUR 216-il biljun, fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b’hekk laħqet il-mira tagħha ta’ 20 %8. Il-Figura 2 turi l-programmi ta’ nfiq prinċipali li jikkontribwixxu għal din il-mira.

Figura 2 – Il-kontribuzzjoni għall-klima fi ħdan il-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020, kif irrappurtata mill-Kummissjoni

Nota: “Oħrajn” tinkludi wkoll l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, l-Għajnuna Umanitarja, eċċ.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-dokument tal-Kummissjoni2020 Annual Management and Performance Report for the EU budget.

07 Għall-perjodu 2021-2027, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni stabbilew mira kumplessiva ta’ kontribuzzjoni ta’ 30 % għall-azzjoni klimatika, li hija ogħla minn dik tal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti (ara l-Figura 3).

Figura 3 – Miri għall-infiq fuq il-klima għall-baġit tal-UE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq: Il-Kummissjoni Ewropea, Baġit Modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi; il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027, COM(2018) 321; il-Kunsill Ewropew, Konklużjonijiet - Laqgħa Straordinarja tal-Kunsill Ewropew, EUCO 10/20, 2020, p. 7; il-Kummissjoni, Guidance to Member States, Recovery and Resilience Plans, SWD(2020) 205, p. 5.

08 Fl-2019, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew tagħha, bl-għan li “[tittrasforma] l-UE f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva”. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew stabbilixxa pjan tal-UE għall-klima għall-2030 u l-2050. Il-Kunsill Ewropew approva l-objettiv li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-20509.

09 Fl-2021, l-UE adottat il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tagħha, fejn stabbiliet mira vinkolanti tal-UE ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti sal-2050. Hija stabbiliet ukoll mira intermedja li tnaqqas l-emissjonijiet netti b’55 % sal-2030 (meta mqabbla mal-1990). Il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” tal-Kummissjoni jappoġġa l-progress lejn il-mira intermedja għall-2030. Huwa fih lista ta’ proposti leġiżlattivi, reviżjonijiet u emendi interkonnessi li jinkludu oqsma ta’ politika bħall-enerġija, il-klima, il-bini, l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, inkluż il-ħolqien ta’ “Fond Soċjali għall-Klima”.

10 Fl-2013, il-Kummissjoni ppubblikat strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima, u strateġija ġdida fl-202110. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tirrikjedi li l-Istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu lejn l-adattament għat-tibdil fil-klima.

11 Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tappoġġa t-tnaqqis tal-emissjonijiet f’industriji intensivi fl-enerġija, fil-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana, u fl-avjazzjoni 11 (ara l-Kaxxa 1). Setturi ekonomiċi oħra jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni dwar il-“kondiviżjoni tal-isforzi” tal-UE, li tistabbilixxi miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet biex tiġi appoġġata l-mira tal-UE12.

Kaxxa 1 – Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet

L-EU ETS taħdem bħala programm ta’ limitu u skambju, li fih l-operaturi koperti jridu jċedu kwota waħda tal-emissjonijiet għal kull tunnellata ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju li jemettu. Dawn l-operaturi jistgħu jirċievu kwoti bla ħlas, jiksbuhom permezz ta’ rkant, jew jinnegozjawhom bejniethom. Kull sena l-għadd totali ta’ kwoti disponibbli jonqos, u b’hekk jiġi pprovdut “limitu”.

12 L-objettivi tal-UE għall-enerġija u l-klima għall-2020 u l-2030 jinkludu miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, iż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli, u l-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija (ara l-Figura 4, il-Figura 5 u l-Figura 6). Fl-2021, il-Liġi Ewropea dwar il-Klima stabbiliet objettiv vinkolanti li tinkiseb UE newtrali għall-klima sal-2050 (ara l-paragrafu 09), u l-Kummissjoni pproponiet miri ġodda għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija13.

13 L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tirrapporta li:

  • L-UE laħqet il-mira ta’ 20 % fi tnaqqis ta’ gassijiet serra sal-2020, wara li sal-2019 kienet diġà naqqset l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’24 % mil-livelli tal-1990 (ara l-Figura 4).
  • Is-sehem tal-konsum tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli kien ta’ 19.7 % fl-2019, filwaqt li ċ-ċifra għall-2020 kienet stmata li kienet 21.3 % (ara l-Figura 5).
  • Ix-xejra ’l isfel fil-konsum tal-enerġija osservata mill-2006 ’l hawn inbidlet fl-2015, iżda l-EEA tistma li l-UE laħqet il-mira tagħha għall-2020, billi naqqset il-konsum ta’ enerġija primarja b’24 % (ara l-Figura 6).

Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-konsum tal-enerġija fl-202014.

Figura 4 – Miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (linja bażi 1990)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq: EEA greenhouse gases - data viewer għall-perjodu 1990-2019; EEA Report No 13/2021 Trends and projections in Europe 2021għall-projezzjoni tal-2020.

Figura 5 – Sehem tal-konsum tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fl-UE

Nota: Fl-2021, il-Kummissjoni pproponiet mira ġdida għall-2030.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-EEA.

Figura 6 – Mira tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija (meta mqabbla mal-konsum tal-enerġija previst fl-2020).

Nota: Fl-2021, il-Kummissjoni pproponiet mira ġdida għall-2030.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-EEA.

14 Il-Kummissjoni rrappurtat li l-biċċa l-kbira mill-iffrankar tal-enerġija fuq livell nazzjonali kien dovut għall-obbligi tal-effiċjenza fl-enerġija jew għat-tassazzjoni fuq l-enerġija, aktar milli għall-investiment pubbliku15. Rapporti preċedenti tal-QEA kkonkludew li ma kienx possibbli li tiġi vvalutata l-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE għall-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE fil-bini u l-intrapriżi bl-użu tas-sistema ta’ monitoraġġ eżistenti. Aħna stmajna li l-proġetti li kkampjunajna jkunu jwasslu għal kontribuzzjoni modesta għall-objettivi tal-effiċjenza fl-enerġija16.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

15 Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar tagħna ħarset lejn jekk il-Kummissjoni kinitx irrappurtat informazzjoni rilevanti u affidabbli dwar l-infiq fuq il-klima għall-perjodu 2014-2020. Aħna analizzajna wkoll il-progress lejn il-mira ta’ nfiq ta’ mill-inqas 20 % tal-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika. Eżaminajna wkoll kif il-Kummissjoni kienet applikat il-metodoloġija tagħha biex tieħu kont tal-infiq fuq il-klima u l-affidabbiltà tar-rappurtar dwar il-klima. Fl-aħħar nett ħarisna lejn il-qafas tal-UE għat-trekkjar tal-infiq fuq il-klima wara l-2020.

16 Iddeċidejna li nwettqu dan ix-xogħol issa minħabba li dan is-suġġett għandu pożizzjoni prijoritarja fuq l-aġenda politika internazzjonali u dik tal-UE. Barra minn hekk, l-infiq fuq il-klima u r-rappurtar huma kwistjoni trażversali li tkopri sehem sinifikanti mill-baġit tal-UE (ara l-Figura 1). Ir-rapport tagħna se jgħin lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rilevanza u l-affidabbiltà tar-rappurtar tagħha dwar il-klima matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. Aħna nistennew li s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna jkunu utli fil-kuntest tal-objettiv tal-UE li tinkiseb newtralità klimatika sal-2050.

17 L-awditu jespandi fuq ix-xogħol preċedenti li wettaqna fil-qasam, li identifika dgħufijiet fil-metodoloġija li ntużat għat-trekkjar tal-azzjoni klimatika li wasslu għal stimi eċċessivi tal-infiq fuq il-klima17. Huwa jesplora oqsma li ġew preċedentement rieżaminati f'aktar dettal u jżid oqsma oħra mal-ambitu. L-Anness jelenka r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna li għadhom rilevanti għar-rappurtar dwar il-klima u li jikkomplementaw xogħolna.

18 Bl-użu tat-tliet koeffiċjenti tal-UE għall-klima tal-metodoloġija tal-Kummissjoni (ara t-Tabella 2), aħna erġajna vvalutajna l-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE għall-azzjoni klimatika. Biex nagħmlu dan, użajna l-evidenza xjentifika disponibbli, ix-xogħol preċedenti li wettaqna u l-ittestjar tal-awditjar rilevanti. Minħabba n-natura tal-eżerċizzju u l-limitazzjonijiet tad-data disponibbli, il-kwantifikazzjonijiet tagħna huma indikattivi. L-ambitu tagħna kien jinkludi l-programmi kollha tal-UE b’kontribuzzjoni ta’ aktar minn 2 % għar-rappurtar dwar il-klima (ara l-Figura 2). Il-Figura 7 tiġbor fil-qosor l-approċċ tal-awditjar tagħna u s-sorsi prinċipali ta’ evidenza.

Figura 7 – L-approċċ tal-awditjar tagħna u s-sorsi prinċipali ta’ evidenza

1 OECD, Climate Action Network, Institute for European Environmental Policy, iċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej, il-Bank Ewropew tal-Investiment.

2 Id-Direttorati Ġenerali għall-Baġit, għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, għall-Mobbiltà u t-Trasport, għall-Enerġija, għall-Azzjoni Klimatika, għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, għall-Politika Reġjonali u Urbana, għas-Sħubijiet Internazzjonali, għall-Appoġġ għar-Riformi Strutturali u t-Task Force għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Sors: il-QEA.

Osservazzjonijiet

L-infiq irrappurtat mhuwiex dejjem rilevanti għall-azzjoni klimatika

19 Jekk jiġi rrappurtat bħala rilevanti għall-klima, jenħtieġ li l-infiq tal-UE jaħdem lejn il-mitigazzjoni jew l-adattament għat-tibdil fil-klima, jikkontribwixxi għall-objettivi tal-UE għall-enerġija u l-klima, jew jindirizza l-impatt u r-riskji tat-tibdil fil-klima. Jenħtieġ li l-infiq li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika jiġi kkalkulat bl-użu ta’ koeffiċjenti għall-klima realistiċi. Din it-taqsima tħares lejn l-oqsma prinċipali tal-programmi ta’ nfiq pubbliċi tal-UE rrappurtati bħala rilevanti għall-klima: l-agrikoltura, l-infrastruttura u l-koeżjoni.

Nofs l-infiq tal-UE fuq il-klima rrappurtat huwa mill-agrikoltura, iżda ma hemmx tnaqqis fl-emissjonijiet mill-azjendi agrikoli

20 Iż-żewġ komponenti prinċipali tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE huma l-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Il-karatteristiċi u l-kontribuzzjonijiet prinċipali tagħhom għar-rappurtar dwar il-klima għall-perjodu 2014-2020 huma miġbura fil-qosor fil-Kaxxa 2 u l-Kaxxa 3.

Kaxxa 2 – Kontribuzzjoni għar-rappurtar dwar il-klima matul il-perjodu 2014-2020 Pagamenti diretti taħt il-FAEG

Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jiffinanzja l-pagamenti diretti tal-UE u l-miżuri tas-suq taħt il-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-pagamenti diretti, li jikkostitwixxu l-akbar sehem mill-finanzjament taħt il-FAEG, huma l-pagamenti ta’ appoġġ għall-agrikoltura li jsiru direttament lill-bdiewa (eż. abbażi tal-erja).

Sors: il-QEA, ibbażat fuq rappurtar tal-Kummissjoni.

21 Nofs l-infiq fuq il-klima tal-UE rrappurtat huwa relatat mal-agrikoltura (ara l-Figura 2). Rapport tal-2021 tal-QEA josserva li l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-biedja fl-UE ma naqqsux mill-2010 ’l hawn18. L-istudji ta’ mmudellar dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jissuġġerixxu li mingħajr pagamenti diretti, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE mill-agrikoltura jkunu bejn 2.5 % - 4.2 % inqas. Din hija konsegwenza ta’ tnaqqis fl-attività agrikola, bl-akbar kontribuzzjoni ġejja mit-trobbija tal-ifrat19. It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE minħabba tnaqqis fil-pagamenti diretti/attività agrikola fl-UE jkunu jitpattew sa ċertu punt minn żieda fl-emissjonijiet barra mit-territorju tal-UE (ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju)20.

22 Il-prattiki agrikoli bħall-kultivazzjoni tal-għelejjel ta’ kopertura jew iż-żamma tal-livelli ta’ materja organika tal-ħamrija huma ta’ benefiċċju kemm għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll għall-adattament għalih21. Għall-adattament, l-introjtu mill-pagamenti diretti jżid il-kapaċità tal-azjendi agrikoli li jindirizzaw ix-xokkijiet negattivi mit-tibdil fil-klima22. Dipendenza fuq il-pagamenti diretti, madankollu, tista’ żżomm azjendi agrikoli mhux vijabbli, b’hekk jitnaqqas ir-ritmu tal-bidliet strutturali li jistgħu jkunu neċessarji għall-adattament23.

23 Il-Kummissjoni tikkalkula l-kontribuzzjoni għall-klima tal-pagamenti diretti kemm mill-komponenti ekoloġiċi tagħhom, kif ukoll minn dawk mhux ekoloġiċi24. L-ekoloġizzazzjoni tirreferi għall-adozzjoni ta’ prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent. Bdiewa żgħar jistgħu jibbenefikaw mill-ekoloġizzazzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn jissodisfaw xi rekwiżit tal-ekoloġizzazzjoni25. Ir-rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni lanqas ma japplikaw għal azjendi meqjusa bħala “ekoloġiċi” fihom infushom (eż. bdiewa mis-settur organiku). Il-kontribuzzjonijiet mhux relatati mal-ekoloġizzazzjoni huma fil-biċċa l-kbira ġustifikati permezz tal-kundizzjonalità, li tistabbilixxi regoli dwar l-ambjent, is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, u l-ġestjoni tal-art.

24 Billi l-ekoloġizzazzjoni tinkludi referenzi għall-objettivi klimatiċi26, skont il-metodoloġija tal-Kummissjoni din hija rilevanti għall-klima, għal kontribuzzjoni kumplessiva ta’ EUR 28 biljun. Għal din ir-raġuni, il-kontribuzzjoni tal-ekoloġizzazzjoni tista’ tiġi vvalutata bħala konformi mal-metodoloġija. Madankollu, studju ta’ evalwazzjoni ppubblikat mill-Kummissjoni sab li l-impatt tal-ekoloġizzazzjoni fuq il-mitigazzjoni huwa inċert ħafna, iżda probabbilment baxx27. Bl-istess mod, studji oħra jindikaw biss impatt minimu tal-ekoloġizzazzjoni, b’tibdil fil-prattiki agrikoli fuq 2 % - 5 % tal-art agrikola28. Dan għaliex ir-rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni fil-biċċa l-kbira jaqblu mal-prattiki agrikoli diġà eżistenti. F’rapport preċedenti, aħna sibna li l-ekoloġizzazzjoni offriet protezzjoni limitata għall-karbonju maħżun fil-bwar u affettwat biss b’mod marġinali l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra29.

25 Skont il-Kummissjoni, 20 % tal-baġit mhux relatat mal-ekoloġizzazzjoni jagħmel kontribuzzjoni moderata għall-azzjoni klimatika (40 % tal-koeffiċjent), u jirrappreżenta EUR 17.5 biljun. Dan jirriżulta f’kontribuzzjoni netta ta’ 8 % mill-komponent mhux relatat mal-ekoloġizzazzjoni. Il-Kummissjoni tiġġustifika l-fattur ta’ ponderazzjoni ta’ 20 % bħala indikatur għall-penali għal ksur tal-kundizzjonalità. Aħna vvalutajna li l-kontribuzzjoni mhux relatata mal-ekoloġizzazzjoni għall-azzjoni klimatika hija negliġibbli (it-Tabella 2).

Tabella 2 – Valutazzjoni mill-QEA tal-kontribuzzjoni mhux relatata mal-ekoloġizzazzjoni għall-azzjoni klimatika

Il-komponent mhux relatat mal-ekoloġizzazzjoni u l-applikazzjoni tal-koeffiċjent għall-klima Valutazzjoni mill-QEA bl-użu tal-metodoloġija tal-Kummissjoni, u l-impatt fuq ir-rappurtar
Kontribuzzjoni tal-komponent mhux relatat mal-ekoloġizzazzjoni: EUR 17.5 biljun
Kundizzjonalità:

(kopertura minima tal-ħamrija)


(erożjoni tal-ħamrija)


(materja organika fil-ħamrija)

il-livell tal-penali fil-prattika huwa sinifikattivament inqas minn 20 % – ta’ spiss il-bdiewa jirċievu biss twissija bikrija, u l-ebda penalia,b,c;

il-penali ma japplikawx għall-bdiewa żgħar, il-livell ta’ konformità jvarja u jseħħ ksurb,c,d;

studju ta’ evalwazzjoni jindika r-riskju ta’ deadweight billi l-Istati Membri jistgħu jallinjaw ir-regoli tal-kundizzjonalità ma’ prattiki eżistentie;

kontribuzzjoni totali ta’ 8 % hija insinifikanti, aktar milli moderata.

stima eċċessiva probabbli
ta’ EUR 17.5 biljun

Sors: a: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Analitiku 01/2020: Insegwiment tal-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE, il-paragrafu 27, b: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 26/2016: Iż-żieda fl-effettività tal-kundizzjonalità u l-ksib ta’ simplifikazzjoni għadhom diffikultużi,il-paragrafu 29; c: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 31/2016: Infiq ta’ mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti; d: il-Kummissjoni, DĠ AGRI - Rapport Annwali tal-Attività għall-2019; Annessi, p. 192; e: il-Kummissjoni Evaluation study of the impact of the CAP on climate change and greenhouse gas emissions, Alliance Environnement, 2019, p. 96.

Kaxxa 3 – Kontribuzzjoni għar-rappurtar dwar il-klima matul il-perjodu 2014-2020: l-iżvilupp rurali

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jikkofinanzja l-iżvilupp rurali tal-UE taħt il-PAK. Huwa għandu l-għan li jagħmel lis-setturi tal-agrikoltura u tal-foresterija iktar kompetittivi, itejjeb l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni tal-ekonomija rurali.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq rappurtar tal-Kummissjoni.

26 L-impatt tal-finanzjament għall-iżvilupp rurali fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima mhuwiex ċar. Skont studju tal-Kummissjoni, mingħajr l-infiq fuq l-iżvilupp rurali, il-produzzjoni agrikola tkun tonqos u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE mill-agrikoltura jistgħu jkunu 1.6 % inqas sal-203030. Madankollu, it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE jkun ikkumpensat sa ċertu punt minn żidiet fil-pajjiżi mhux tal-UE (ara l-paragrafu 21). Evalwazzjoni oħra mwettqa mill-Kummissjoni tistma li xi miżuri ta' żvilupp rurali (l-aktar tan-Natura 2000) inaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura b’1.1 %. Madankollu, l-evalwazzjoni tirrikonoxxi li l-istima tagħha tesaġera l-impatt tal-pagamenti taħt Natura 2000 u tinvolvi xi għadd doppju31. F'rapport preċedenti tal-QEA, aħna konna sibna li l-appoġġ għall-iżvilupp rurali rari ntuża għal prattika effettivi ta’ mitigazzjoni32. Il-pagamenti għall-iżvilupp rurali jistgħu jikkontribwixxu għall-adattament għat-tibdil fil-klima (ara l-paragrafu 22 u t-Tabella 3)

27 Biex tikkalkula l-proporzjon ta’ nfiq fuq l-iżvilupp rurali li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika, il-Kummissjoni tassenja koeffiċjenti għall-klima lil diversi prijoritajiet tal-FAEŻR u oqsma ta’ prijorità. Pereżempju, il-Prijorità 4 tal-FAEŻR, “Ir-restawr, l-ippreżervar u t-titjib tal-ekosistemi relatati mal-agrikoltura u mal-forestrija” u l-Prijorità 5 “Effiċjenza tar-riżorsi, ekonomija reżistenti għat-tibdil fil-klima”, għandhom koeffiċjent għall-klima ta’ 100 %. Filwaqt li l-prijorità 5 għandha l-klima bħala l-objettiv iddikjarat, il-prijorità 4 m’għandhiex, għalkemm il-Kummissjoni tqis li huwa mistenni impatt sinifikanti fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Rapport preċedenti tal-QEA ftit li xejn sab elementi, fl-istudji tal-każijiet, f’analiżi tal-letteratura jew fin-noti interni tal-Kummissjoni, li jappoġġaw il-koeffiċjent għall-klima ta’ 100% għall-Prijorità 433. It-Tabella 3 turi l-valutazzjoni tagħna tal-aktar miżuri sinifikanti tal-Prijorità 4.

Tabella 3 – Valutazzjoni mill-QEA tal-kontribuzzjoni tal-Prijorità 4 tal-FAEŻR għall-azzjoni klimatika

Miżura tal-FAEŻR u l-koeffiċjent għall-klima applikat Valutazzjoni mill-QEA bl-użu tal-metodoloġija tal-Kummissjoni, u l-impatt fuq ir-rappurtar
Erjas li qegħdin jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħra EUR 16.1 biljun

ma jindirizzawx direttament it-tibdil fil-klimaa;

jipprevienu l-abbandun tal-arta (jipprevienu n-nirien fil-foresti ), iżda jipprevienu wkoll ir-restawr ekoloġiku (afforestazzjoni)b;

jipprovdu inċentivi biex tinżamm il-produzzjoni agrikola u b’hekk il-livelli tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serrab.

stima eċċessiva probabbli
ta’ EUR 16.1 biljun
Miżuri agroambjentali klimatiċi EUR 15.7 biljun

jappoġġaw prattiki li ma jagħmlux ħsara lill-klima (eż. għelejjel ta’ kopertura, kontenut ta’ karbonju fil-ħamrija)a,b;

għandhom fokus qawwi fuq il-bijodiversitàb;

xi skemi ma għandhom l-ebda impatt jew għandhom impatt limitat ħafna fuq il-klima (eż. diversifikazzjoni tal-għelejjel)b,c.

stima eċċessiva
probabbli
ta’ EUR 9.4 biljun
Biedja organika EUR 7.5 biljun

konverżjoni għal biedja organika twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet u għal titjib fil-kwalità tal-ħamrija (jekk jintuża inqas fertilizzant)d;

tista’ żżid l-adattament għat-tibdil fil-klima permezz ta’ diversifikazzjoni fil-produzzjoni, iżda xi għodod (eż. il-bijoteknoloġija, il-pestiċidi) ma jistgħux jintużawe;

rendimenti aktar baxxi mill-biedja organika jistgħu jwasslu għal aktar produzzjoni u aktar emissjonijiet fi bnadi oħrad.

stima eċċessiva
probabbli
ta’ EUR 4.5 biljun

Sors: il-QEA, ibbażat fuq: a: Commission Evaluation of the impact of the CAP on climate change and greenhouse gas emissions, SWD(2021) 115, pp. 40, 53; b: il-Kummissjoni, Evaluation study of the impact of the CAP on climate change and greenhouse gas emissions, 2019, pp. 19, 127, 129, 245; c: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 31/2016: Infiq ta’ mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti, il-paragrafu 52; d: Smith, L. G. et al, The greenhouse gas impacts of converting food production in England and Wales to organic methods, p. 4, 2019; e: Purnhagen, K.P.,et al, Europe’s Farm to Fork Strategy and Its Commitment to Biotechnology and Organic Farming: Conflicting or Complementary Goals?, pp. 603, 605, 2021.

28 F'rapport tal-2016, aħna ħarisna lejn “it-trawwim tal-iżvilupp lokali fiż-żoni rurali” (prijorità 6B) u sibna li ma kienet tat l-ebda kontribuzzjoni kumplessiva sinifikanti għall-objettivi klimatiċi34. L-analiżi tagħna tal-proġett (ara t-Tabella 4) tikkonferma li l-koeffiċjent għall-klima ta’ 40 % ma kienx iġġustifikat.

Tabella 4 – Valutazzjoni mill-QEA tal-kontribuzzjoni tal-Prijorità 6B tal-FAEŻR għall-azzjoni klimatika

 

Servizzi bażiċi u tiġdid tal-irħula f’żoni rurali

 

Żvilupp lokali mmexxi mill-komunità
EUR 4.8 biljun EUR 6.8 biljun
Il-proġetti jistgħu jinkludu investimenti fl-enerġija rinnovabbli jew fl-iffrankar tal-enerġija, iżda l-ittestjar tagħna wera li l-biċċa l-kbira mill-proġetti jew ma kinux relatati mal-klima jew inkella kienu potenzjalment dannużi (eż. bini ta’ infrastruttura). L-ittestjar tagħna kkonferma li dawn il-proġetti kienu jikkonċernaw l-aktar aspetti soċjali jew ekonomiċi u taw kontribuzzjoni insinifikanti (jekk kien hemm) għall-azzjoni klimatika.
Mis-17-il proġett iffinanzjati taħt din il-miżura u kkampjunati għad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni tagħna għall-perjodu 2014-2020:
-> 10 kienu jikkonċernaw toroq lokali (impatt negattiv fuq il-klima);
-> 2 kienu marbuta mal-azzjoni klimatika.
Mit-78 proġetti taħt il-FAEŻR ikkampjunati għar-rapport speċjali tagħna dwar din il-miżura35:
-> 1 kien marbut mal-azzjoni klimatika.
Mit-18-il proġett iffinanzjati taħt din il-miżura u kkampjunati għad-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni tagħna għall-perjodu 2014-2020:
-> 1 kien marbut mal-azzjoni klimatika.

stima eċċessiva
probabbli
ta’ EUR 11.6 biljun

Nota: dawn il-kampjuni ntużaw fil-kuntest ta’ awditi oħra, u jappoġġaw il-konklużjonijiet tagħna dwar rabtiet mal-klima.

Sors: il-QEA.

Xi suppożizzjonijiet inkonsistenti fil-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni għall-klima tal-finanzjament fil-qasam tal-infrastruttura u l-koeżjoni

29 Il-biċċa l-kbira mill-infiq tal-UE fil-qasam tal-infrastruttura u l-koeżjoni jitwassal permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK). Il-karatteristiċi prinċipali u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għar-rappurtar dwar il-klima għall-perjodu 2014-2020 huma miġbura fil-qosor fil-Kaxxa 4 u l-Kaxxa 5.

Kaxxa 4 – Kontribuzzjoni għar-rappurtar dwar il-klima għall-perjodu 2014-2020: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE)

L-FNE tappoġġa investimenti ta’ prijorità fis-setturi tal-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet. Din tinkludi proġetti dwar l-infrastruttura transfruntiera tal-enerġija, il-modi tat-trasport aktar nodfa, il-konnessjonijiet broadband b’veloċità għolja u n-networks diġitali.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq rappurtar tal-Kummissjoni.

30 L-objettivi ġenerali tal-FNE jirreferu għall-miri tal-UE għall-enerġija u l-klima (ara l-paragrafi 12-14), b’hekk ikopru l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima36. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-FNE tiffinanzja l-aktar proġetti li jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-UE37. L-objettivi u l-kriterji tal-azzjoni klimatika mhumiex neċessarji għall-approvazzjoni tal-proġett: mill-proġetti ta’ trasport taħt l-FNE skont il-valur (ta’ EUR 0.9 biljun), 4 % biss semmew it-trasport sostenibbli u effiċjenti bħala l-objettiv prinċipali tagħhom ta’ finanzjament, skont il-Kummissjoni38. Iżda t-trasport jirrappreżenta madwar kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE, bl-akbar proporzjon iġġenerat mit-trasport bit-triq39.

31 F’termini ta’ adattament, proġetti ferrovjarji aġġornati jistgħu jinkludu investimenti mmirati għall-prevenzjoni tal-għargħar matul il-linji ferrovjarji, imbankmenti msaħħa jew miżuri ta’ adattament għad-diżastri klimatiċi permezz ta’ sistemi ta’ monitoraġġ għal mini u pontijiet40. Fid-dawl tad-data disponibbli, dawn l-investimenti ma jistgħux jiġu kkwantifikati.

32 Biex tikkalkula l-proporzjon ta’ nfiq taħt l-FNE immarkat bħala nfiq fuq il-klima għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni applikat b’mod retroattiv il-koeffiċjenti għall-klima mir-Regolament dwar l-FNE għal wara l-202041, għalkemm proġetti simili taħt il-politika ta' koeżjoni jiġu ttrattati b’mod differenti (ara l-paragrafu 40). L-analiżi li wettaqna wriet li l-koeffiċjenti użati mill-Kummissjoni għas-sottosetturi l-aktar sinifikanti tal-FNE kienu ġenerużi (ara t-Tabella 5).

Tabella 5 – Valutazzjoni mill-QEA tal-kontribuzzjoni mis-sottosetturi l-aktar sinifikanti tal-FNE għall-azzjoni klimatika

Sottosettur tal-FNE u l-koeffiċjent għall-klima applikat Valutazzjoni mill-QEA bl-użu tal-metodoloġija tal-Kummissjoni, u l-impatt fuq ir-rappurtar
Trasport: Ferrovjarju EUR 15.3 biljun


Il-proġetti jinvolvu l-aktar il-modernizzazzjoni tal-ferroviji.

It-trasport ferrovjarju huwa fost l-aktar mezzi ta’ trasport effiċjenti f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serraa;

Il-ferroviji kisbu biss tnaqqis modest fl-emissjonijiet ta’ CO2, partikolarment fejn il-fjuwils fossili kienu għadhom is-sors tal-elettrikua;

L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-kostruzzjoni tal-infrastruttura għall-ferroviji huma akbar minn dawk ta’ modi oħra tat-trasport: il-ferroviji jista’ jkollhom bżonn minn ħames snin sa diversi deċennji biex dawn l-emissjonijiet jitpattewa,b;

Proġetti ferrovjarji simili assenjaw koeffiċjent għall-klima ta’ 40 % taħt il-politika ta' koeżjonic.

Stima eċċessiva
probabbli
ta’ EUR 9.2 biljun
Enerġija: Elettriku EUR 2.8 biljun


Il-proġetti jikkonċernaw l-aktar konnessjonijiet tal-elettriku u studji relatati.

Il-proġetti jistgħu jappoġġaw l-integrazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabblid;

L-elettriku mhux neċessarjament ifisser sors nadif ta’ enerġija, billi 37 % biss tal-elettriku kkunsmat fl-EU-27 fl-2020 kien iġġenerat minn sorsi rinnovabblid,e;

Proġetti simili ta’ trażmissjoni tal-enerġija assenjaw koeffiċjent għall-klima ta’ 0 % taħt il-politika ta' koeżjonic.

Stima eċċessiva
probabbli
ta’ EUR 1.7 biljun

Sors: a: Pritchard J. A., The potential of the railway to reduce greenhouse gas emissions, 2011, pp. 942, 945-946, 949; b: Olugbenga O., Embodied emissions in rail infrastructure: a critical literature review, 2019, p. 14; c: Ir-Regolament (UE) 215/2014 fir-rigward ta’ metodoloġiji tal-appoġġ għat-tibdil fil-klima; d: Ir-Rapport 13/2020 tal-EEA, Trends and projections in Europe 2020, 2020, p. 29; e: Eurostat, Statistics on renewable energy (SHARES summary results 2020).

Kaxxa 5 – Kontribuzzjoni għar-rappurtar dwar il-klima għall-perjodu 2014-2020: Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK)

Il-politika ta' koeżjoni tal-UE għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali fi ħdan l-UE. Fil-perjodu 2014-2020:

· il-FEŻR iffinanzja proġetti li jindirizzaw prijoritajiet ta’ investiment bħal: l-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji, u l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

· l-FK iffinanzja proġetti ta' infrastruttura fl-oqsma tat-trasport u l-ambjent fi Stati Membri tal-UE b’Introjtu Nazzjonali Gross għal kull abitant taħt id-90 % tal-medja tal-UE.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq rappurtar tal-Kummissjoni.

33 Il-leġiżlazzjoni tal-UE tipprovdi l-qafas biex jittieħed kont tal-infiq fuq il-klima mill-fondi taħt il-politika ta' koeżjoni42. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmaniġġjaw il-FEŻR u l-FK b’mod konġunt. L-Istati Membri huma responsabbli għall-għażla tal-proġetti u għar-rappurtar lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tirċievi informazzjoni konsolidata mill-Istati Membri li tkun maqsuma skont l-oqsma ta’ intervent rilevanti ddefiniti fil-leġiżlazzjoni. Dawn jiġu assenjati koeffiċjenti għall-klima speċifiċi.

34 Il-Kummissjoni għandha pjattaforma komprensiva u disponibbli għall-pubbliku li tikkumpila t-trekkjar tal-klima skont il-fond taħt il-politika ta’ koeżjoni, l-Istat Membru u l-programm43. Studju wieħed sab li l-koeffiċjenti għall-klima tal-FEŻR u l-FK għall-perjodu 2014-2020 ġeneralment kienu jirriflettu l-kontribuzzjoni magħmula għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih44. Madankollu, aħna nosservaw xi problemi għall-proġetti tal-bijomassa u l-infrastruttura tal-gass (ara l-Figura 8).

Figura 8 – Problemi bil-kontribuzzjoni mill-FEŻR u l-FK għall-infiq fuq il-klima

*Nota: L-ammont li jinsab f’riskju jirreferi għall-ammont totali investit fil-portijiet tal-baħar, fil-portijiet interni jew fil-passaġġi fuq l-ilma interni, minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-komponent tal-gass ta’ dawk il-proġetti.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq: Camia A. et al., The use of woody biomass for energy purposes in the EU, 2021, pp. 86, 143-147; Fisch-Romito, V. et al., Systematic map of the literature on carbon lock-in induced by long-lived capital. Environmental Research Letters; Brauers, H. et al., Liquefied natural gas expansion plans in Germany: The risk of gas lock-in under energy transitions. Energy Research & Social Science.

Ir-rappurtar kumplessiv dwar l-infiq fuq il-klima mhuwiex affidabbli

35 Jenħtieġ li l-metodoloġija użata għar-rappurtar dwar l-infiq fuq il-klima tieħu kont tal-finanzjament rilevanti kollu għall-azzjoni klimatika. Jenħtieġ li hija tuża stimi affidabbli, ibbażati fuq kontribuzzjonijiet ippruvati għall-objettivi klimatiċi. Jenħtieġ ukoll li ma tinvolvix piż amministrattiv tqil. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri japplikawha b’mod konsistenti fil-baġit kollu tal-UE. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha verifiki u kontrolli fis-seħħ biex tiżgura l-affidabbiltà tar-rappurtar dwar il-klima.

Limitazzjonijiet u applikazzjoni inkonsistenti tal-metodoloġija

36 Il-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD (OECD-DAC) fassal l-indikaturi ta’ Rio (ara l-paragrafu 05) biex jimmonitorja l-għajnuna għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, abbażi tar-rabta bejn l-objettivi ta’ finanzjament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. L-indikaturi huma ta’ natura kwalitattiva, billi l-OECD-DAC ma kellux il-ħsieb li jipproduċi ċifri eżatti, iżda li jipprovdi indikazzjoni tal-livell ta’ finanzjament għall-klima.

37 Il-Kummissjoni addattat il-mudell tal-OECD u applikatu fl-infiq pubbliku kollu tagħha, filwaqt li kkwantifikat in-nefqa fuq il-klima mill-baġit tal-UE (ara l-Figura 2). Il-Kummissjoni tindika li l-vantaġġi prinċipali ta’ dan il-metodu huma l-piż amministrattiv baxx u l-faċilità tal-applikazzjoni45. Madankollu, metodoloġija bbażata fuq objettivi ddikjarati jew fuq kontribuzzjoni mistennija għall-azzjoni klimatika tinvolvi approssimazzjonijiet sinifikanti: l-indikaturi ta’ Rio ma jippermettux kwantifikazzjoni eżatta tal-infiq trekkjat46.

38 Il-baġit tal-UE jinkludi ħafna objettivi li jridu jikkoeżistu mal-objettivi klimatiċi, bħall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. Huwa inerentement diffiċli li jiġi evitat kunflitt bejn l-objettivi u biex tintiżen il-kontribuzzjoni ta’ proġett għal kull wieħed. Pereżempju, il-finanzjament tal-koeżjoni għandu l-għan li jnaqqas id-disparitajiet bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, iżda l-finanzjament ta’ infrastruttura biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ekonomiku jista’ jżid l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-metodoloġija għat-trekkjar tal-infiq fuq il-klima tqis biss l-impatt pożittiv potenzjali fuq il-klima, u ma tittrekkjax l-impatt negattiv potenzjali fuq il-klima ta’ miżuri li jservu objettivi oħra tal-UE (ara l-Figura 9).

Figura 9 – Eżempji ta’ azzjonijiet iffinanzjati b’effetti li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju jew potenzjalment dannużi fuq il-klima

Sors: il-QEA.

39 Il-metodu attwali ta’ trekkjar huwa eżerċizzju a priori, li ma jevalwax il-kontribuzzjoni finali lejn l-għanijiet klimatiċi tal-UE. Il-metodoloġija ma tirrikjedix kwantifikazzjoni tal-impatt tal-infiq fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u lanqas ma tistabbilixxi xi indikaturi speċifiċi rigward l-adattament. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-“monitoraġġ tal-kisba tar-riżultati se jiggarantixxi l-effikaċja tal-isforz ta’ integrazzjoni47, iżda ma waqqfitx sistema għall-monitoraġġ tar-riżultat tal-klima.

40 Il-Kummissjoni indikat il-ħtieġa ta’ proċeduri komuni ta’ trekkjar għan-nefqa fuq il-klima48. Ix-xogħol li wettaqna żvela diversi inkonsistenzi oħra fl-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-infiq fuq il-klima:

  • Il-bażi ġuridika għall-metodoloġija: il-koeffiċjenti applikabbli (u r-raġunament għall-użu tagħhom) ġew stabbiliti fil-leġiżlazzjoni għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (ara l-paragrafu 04), iżda mhux fil-leġiżlazzjoni għal fondi oħra (eż. l-FAEG, l-FNE u Orizzont 2020). Għalhekk il-koeffiċjenti setgħu jiġu aġġustati b’mod retroattiv (ara l-paragrafu 46).
  • Għażla ta’ koeffiċjenti: proġetti simili jirċievu koeffiċjenti differenti. Il-proġetti tat-trasport bil-ferroviji fin-network trans-Ewropew, pereżempju, irċevew indikatur ogħla taħt l-FNE (100 %) milli taħt il-FEŻR u l-FK (40 %). Aħna identifikajna għaxar proġetti tat-trasport bl-ajru taħt Orizzont 2020 li rċevew koeffiċjenti differenti, minkejja l-fatt li kellhom deskrizzjonijiet u objettivi simili. L-istess miżura ta' żvilupp rurali tista’ tirċievi koeffiċjenti differenti skont l-oqsma ta’ prijorità li tkun ġiet assenjata għalihom.
  • Il-granularità (il-livell ta’ dettall f’sett ta’ data): il-koeffiċjenti jiġu attribwiti f’livelli differenti ta’ dettall, eż. il-livell tal-proġett (FNE), il-qasam ta' intervent (FEŻR), il-qasam ta’ fokus jew ta’ prijorità (FAEŻR), u l-linja baġitarja (FAEG).

41 Meta tirrapporta dwar l-infiq fuq il-klima, il-Kummissjoni ma tagħmilx distinzjoni bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. L-aggregazzjoni tal-adattament u tal-mitigazzjoni taħt indikatur komuni tfisser li mhuwiex possibbli li jiġi kkalkulat is-sehem mill-baġit tal-UE ddedikat għal kull wieħed minnhom. Ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar l-assistenza għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni huwa l-eċċezzjoni, billi jagħmel distinzjoni bejniethom it-tnejn. F’konformità mal-metodoloġija tal-OECD, il-Kummissjoni tassenja koeffiċjenti għall-klima separati għall-mitigazzjoni u l-adattament, u tirrapporta dwar iż-żewġ dimensjonijiet lill-OECD. Il-Figura 10 tippreżenta l-karatteristiċi tal-metodoloġija tal-Kummissjoni.

Figura 10 – Il-karatteristiċi prinċipali tal-metodoloġija tal-Kummissjoni

Sors: il-QEA.

42 Il-Kummissjoni tosserva li xi Stati Membri – l-Irlanda, Franza, l-Italja, in-Netherlands, il-Finlandja, l-Iżvezja u, sa ċertu punt, id-Danimarka – jirrappurtaw dwar il-politika baġitarja tagħhom minn angolu ambjentali jew klimatiku49. Il-Gvern Franċiż juża metodu komprensiv biex jirrapporta dwar l-impatt ambjentali tal-baġit nazzjonali tiegħu (jiġifieri bbaġitjar ekoloġiku), li jkopri kemm id-dħul kif ukoll l-infiq. Il-mudell Franċiż iżomm kont tal-kontribuzzjonijiet ambjentali kemm pożittivi kif ukoll negattivi tal-baġit nazzjonali. It-Tabella 6 toffri analiżi komparattiva tal-mudell Franċiż u dak tal-UE.

Tabella 6 – Analiżi komparattiva tal-mudell Franċiż u l-mudell tal-UE għar-rappurtar dwar il-klima/l-ambjent

Karatteristika Mudell Franċiż Mudell tal-UE
Dimensjonijiet tar-rappurtar Adattament għat-tibdil fil-klima Azzjoni klimatika
Mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima
Bijodiversità Bijodiversità
Ġestjoni tal-ilma Ma tiġix trekkjata
Tniġġis Arja nadifa
Ekonomija ċirkolari u skart Ma tiġix trekkjata
Rappurtar dwar… …l-ambjent u l-klima …il-klima
Id-distinzjoni bejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih Iva  
Le  
ħlief il-finanzjament mill-UE għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni, f’konformità mal-obbligi ta’ rappurtar tal-OECD
Bażi tal-valutazzjoni Firxa wiesgħa ta’ impatti u diversi orizzonti ta’ żmien Kontribuzzjoni mistennija għall-objettivi klimatiċi
Kunsiderazzjoni tal-impatt negattiv potenzjali tal-infiq pubbliku
Iva  

Le  
Indikaturi Ħamsa (-1 = impatt mhux favorevoli; 0 = l-ebda impatt; 1 sa 3 = impatt favorevoli) Tlieta (0 %, 40 % u 100 % ara t-Tabella 1)
Kwantifikazzjoni tal-infiq rilevanti fi ħdan il-baġit
Favorevoli 6.6 %
Imħallat 0.9 %
L-ebda impatt 90.8 %
Mhux favorevoli 1.7 %

Favorevoli 20.1 %
L-ebda impatt 79.9 %

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Gvern Franċiż , Report on the Environmental Impact of the Central Government Budget, 2020; Commission 2020 Annual Management and Performance Report for the EU budget.

43 Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza li jiġu stabbiliti miri klimatiċi fl-oqsma ta' politika kollha rilevanti50, madankollu mhux il-programmi kollha rilevanti ġew assenjati mira. It-Tabella 7 turi eżempji ta’ oqsma ta' politika rilevanti għall-klima u l-miri ta’ nfiq tagħhom stabbiliti fil-leġiżlazzjoni għall-perjodu 2014-2020. Dawn il-miri jistgħu jiggwidaw il-baġit tal-UE lejn infiq aktar ekoloġiku, iżda ma ġewx stabbiliti b’mod konsistenti fil-baġit kollu.

Tabella 7 – Eżempji ta’ oqsma ta’ politika rilevanti għall-klima u l-miri ta’ nfiq tagħhom stabbiliti fil-leġiżlazzjoni għall-perjodu 2014-2020:

  Programm Mira ta’ nfiq Bażi ġuridika
L-ebda mira rilevanti għall-klima FNE L-ebda mira għall-klima  
Miri għall-ambjent u għall-klima FAEG 30 % li għandhom jintefqu fuq l-“ekoloġizzazzjoni" L-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 1307/2013.
FAEŻR Mill-inqas 30 % għal azzjoni fuq il-klima u l-ambjent L-Artikolu 59(6) tar-Regolament (UE) 1305/2013
Miri klimatiċi FEŻR Minn mill-inqas 12 % għal mill-inqas 20 % għall-appoġġ tal-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 1301/2013.
  Orizzont 2020 Mill-inqas 35 % għall-azzjoni klimatika Il-Premessa 10 tar- Regolament (UE) 1291/2013
  DCI Mill-inqas 20 % għall-azzjoni klimatika Il-Premessa 20 tar- Regolament (UE) 233/2014

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq.

In-nefqa fuq il-klima rrappurtata mhux neċessarjament intefqet

44 Għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni rrappurtat madwar EUR 216-il biljun bħala “nfiq fuq il-klima”51. Madankollu, ġeneralment hija tibbaża r-rappurtar tagħha fuq ammonti ppjanati jew impenjati (ara l-Figura 11). Il-FSE huwa l-eċċezzjoni, billi f’dan il-każ il-Kummissjoni tuża l-ammonti li verament ikunu ntefqu, għalkemm tikkombina l-infiq tal-UE u tal-Istati Membri (ara l-Kaxxa 6).

Figura 11 – Bażi differenti użata għar-rappurtar dwar il-klima mwettaq mill-Kummissjoni

Sors: il-QEA, ibbażat fuq rappurtar dwar il-klima mwettaq mill-Kummissjoni.

Kaxxa 6 – Rappurtar dwar il-klima għall-FSE fil-perjodu 2014-2020

Għall-kuntrarju tal-programmi ta’ finanzjament oħra, il-Kummissjoni tirrapporta dwar l-infiq fuq il-klima taħt il-FSE abbażi tal-ammonti li jkunu ntefqu.

Billi l-awtoritajiet nazzjonali indikaw għadd akbar ta’ proġetti bħala li huma rilevanti għall-klima milli kien inizjalment mistenni, l-infiq relatat mal-klima rrappurtat għall-FSE kiber minn EUR 1.1 biljun għal EUR 5.5 biljun, li jirrappreżenta żieda ta’ 400 %.

Aħna sibna li l-Kummissjoni inkludiet l-infiq kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri, u b’hekk stmat b’mod eċċessiv l-infiq tal-UE b’EUR 1.5 biljun, jew 38 %.

Sors: Public dashboard for European Structural and Investment Funds (aċċessat fit-22/11/2021); il-Kummissjoni 2020 Annual Management and Performance Report for the EU budget, dokumenti interni tal-Kummissjoni.

45 Meta ċ-ċifri rrappurtati huma bbażati fuq ammonti ppjanati jew impenjati, dawn jiġu esaġerati minħabba fondi mhux użati jew mhux żborżati (eż. dewmien fil-proġetti, pagamenti tardivi jew maturità baxxa tal-proġetti)52, ara l-Figura 12. F’rapport tal-2018, aħna osservajna l-impatt li dan kellu fuq il-perjodu 2007-201353.

Figura 12 – L-infiq bħala perċentwal tal-ammont ibbaġitjat (fondi magħżula bbażati fuq il-proġetti għall-perjodu 2014-2020)

Nota: Data suġġetta għal bidla minħabba aġġornamenti fil-bażi ta'data.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq: dikjarazzjoni trimestrali tal-infiq, Marzu 2021 (FAEŻR); Public dashboard for European Structural and Investment Funds fit-22/11/2021 (FEŻR u FK); il-Kummissjoni, Annual Management and Performance Report for the EU Budget, volume III, 2021, p. 26 (FNE).

46 F’xi każijiet, il-Kummissjoni reġgħet ivvalutat l-infiq b’mod retroattiv u aġġustat iċ-ċifri tal-infiq fuq il-klima kif meħtieġ. Taħt l-FNE, pereżempju, il-Kummissjoni reġgħet ivvalutat b’mod retroattiv il-proġetti tat-trasport u l-enerġija billi użat il-metodoloġija tal-perjodu 2021-2027. Imbagħad żiedet il-kontribuzzjoni għall-klima taħt l-FNE għall-perjodu 2014-2020 b’91 %, minn EUR 11-il biljun għal EUR 21 biljun (ara l-paragrafu 32). B’mod simili, fl-2018, evalwazzjonijiet addizzjonali tas-suġġetti u l-proġetti taħt Orizzont 2020 wasslu għal żieda ta’ 41 % fil-kontribuzzjoni tal-2017 għall-infiq fuq il-klima minn Orizzont 2020. Aħna sibna li l-koeffiċjenti għall-klima li ntużaw għal 9 minn 24 proġett taħt Orizzont 2020 li eżaminajna ma kinux raġonevoli, billi kellhom rabta mal-azzjoni klimatika li kienet aktar dgħajfa minn dik iddikjarata. Għal dawn il-proġetti, aħna identifikajna stima eċċessiva ta’ madwar EUR 0.3 biljun (1 % tal-ammont relatat mal-klima taħt Orizzont 2020).

Mistenni titjib limitat fir-rappurtar dwar il-klima għall-perjodu 2021-2027

47 L-appoġġ finanzjarju mill-UE għall-perjodu 2021-2027 għandu żewġ komponenti prinċipali, il-baġit tal-QFP u l-NGEU (ara l-Figura 3). Jenħtieġ li t-trekkjar klimatiku u r-rappurtar jibnu fuq it-tagħlimiet meħuda fil-perjodu 2014-2020 u jipprovdu ċifri affidabbli dwar l-infiq fuq il-klima.

Rappurtar dwar il-klima taħt il-QFP il-ġdid

48 Biex tappoġġa l-mira ogħla ta’ 30 % għall-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE għall-objettivi klimatiċi fil-perjodu 2021-2027, il-leġiżlazzjoni tal-UE stabbiliet miri għall-kontribuzzjoni mingħand programmi speċifiċi għall-azzjoni klimatika (eż. FNE - 60 %, FEŻR - 30 %, FK - 37 %, Orizzont Ewropa - 35 %, Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali - 30 %)54. B’mod ġenerali, dawn il-miri jimbuttaw għal fokus akbar fuq l-azzjoni klimatika f’diversi oqsma ta' politika.

49 F’ħafna oqsma ta’ politika (eż. FNE, FSE, DCI) it-trekkjar klimatiku taħt il-QFP 2021-2027 jibqa’ essenzjalment l-istess bħal dak għall-perjodu 2014-2020. F’oqsma oħra (eż. FAEG, FAEŻR, FEŻR, FK), il-Kummissjoni aġġustat jew ikkjarifikat il-koeffiċjenti għall-klima għal xi programmi ta’ finanzjament biex itejjeb l-allinjament mal-kontribuzzjoni reali tagħhom għall-azzjoni klimatika (ara l-Figura 13). Il-Kummissjoni tosserva li hija qiegħda tiżviluppa r-rappurtar tagħha dwar il-klima, fejn qed tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti mistennija tal-infiq u tiżgura l-konsistenza fl-applikazzjoni tal-koeffiċjenti għal proġetti simili55.

Figura 13 – Eżempji ta’ titjib fir-rappurtar dwar il-klima għall-perjodu 2021-2027

Sors: L-Artikolu 100(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi taħt il-politika agrikola komuni; l-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1060 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar, fost l-oħrajn, il-FEŻR u l-FK.

50 Il-bidliet proposti jinvolvu aktar riskji u sfidi għal rappurtar affidabbli dwar l-infiq fuq il-klima (ara l-Figura 14).

Figura 14 – Eżempji ta’ tibdil problematiku fir-rappurtar dwar il-klima għall-perjodu 2021-2027

Sors: a: L-Artikolu 100(2) tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi taħt il-politika agrikola komuni; b: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-Opinjoni 7/2018: dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti relatati mal-Politika Agrikola Komuni għall-perjodu wara l-2020, il-paragrafu 38; il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Analitiku 01/2020: Insegwiment tal-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE, il-paragrafi 44-46, c: Matthews, A., Climate mainstreaming the CAP in the EU budget: fact or fiction, 2020; Bas-Defossez, F. et al., Keeping track of climate delivery in the CAP?, Report for NABU by IEEP, 2020; d: L-Artikolu 31(4) tar- Regolament (UE) 2021/2115; e: Climate Action Europe, Climate mainstreaming and climate proofing: the horizontal integration of climate action in the EU budget – assessment and recommendations, 2018.

L-isfidi tal-NGEU

51 Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) tal-Unjoni Ewropea hija fil-qalba tal-NGUE u għandha mira ta’ 37 % għan-nefqa fuq il-klima (ara l-Figura 3). L-objettivi tagħha jinkludu kontribuzzjoni għall-għanijiet klimatiċi tal-UE għall-2030 u l-2040, u issa tinkorpora wkoll il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” (ara l-Figura 13)56. B’mod eċċezzjonali, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jappoġġaw l-investimenti fil-fjuwils fossili57.

52 Il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara sinifikanti” huwa parti mis-sistema tal-UE għad-definizzjoni ta’ prodotti finanzjarji sostenibbli (it-Tassonomija tal-UE)58. Rapport tal-2021 tal-QEA indika r-riskju li l-infiq fuq il-klima taħt l-RRF ma jkunx jissodisfa l-istandards tat-Tassonomija tal-UE. Billi dawn l-istandards japplikaw għall-bonds ekoloġiċi tal-UE, dan jista’ jaffettwa r-rieda tas-suq finanzjarju li jixtri dawn il-bonds u jiffinanzja l-RRF59.

53 Skont ir-Regolament dwar l-RRF, il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma meħtieġa jikkoordinaw u jrawmu sinerġiji ma’ fondi oħra tal-UE60. Dan jista’ joħloq opportunitajiet għal azzjonijiet komplementari effettivi, iżda wkoll jippreżenta riskji jekk il-koordinazzjoni ma tkunx effiċjenti.

54 Il-finanzjament taħt l-RRF se jkun ibbażat fuq il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Dawn il-pjanijiet jitfasslu mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tivvalutahom, u l-Kunsill japprovahom fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tikkalkula bil-quddiem il-kontribuzzjoni mill-RRF għall-infiq fuq il-klima, abbażi tal-ispejjeż stmati stabbiliti fil-pjanijiet61.

55 It-tfassil tal-pjanijiet u tal-pagamenti korrispondenti jġib miegħu xi riskji u sfidi, kif jidher fil-Figura 15 hawn taħt. Il-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet għall-pagamenti huwa r-responsabbiltà prinċipali tal-Kummissjoni.

Figura 15 – Sfidi rigward it-tfassil tal-RRF għall-infiq fuq il-klima

Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Premessa 23, l-Artikolu 18(e), l-Artikolu 24, l-Anness IV u l-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

56 L-UE adottat leġiżlazzjoni f’diversi oqsma ta' politika biex tappoġġa l-azzjoni klimatika. Hija ħadet l-impenn li tonfoq mill-inqas 20 % tal-baġit tagħha għall-perjodu 2014-2020 fuq l-azzjoni klimatika, li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, li żżid l-użu tas-sorsi rinnovabbli u li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija. Fl-2021, il-Kummissjoni kienet irrappurtat li kienet laħqet din il-mira (il-paragrafi 01-14).

57 Aħna sibna li f’xi każijiet, ma kien hemm l-ebda evidenza biex tiġġustifika l-kontribuzzjoni għall-klima li saret mill-infiq tal-UE, filwaqt li f’oħrajn il-kontribuzzjoni ġiet iddikjarata b'mod eċċessiv. L-analiżi tagħna indikat li l-Kummissjoni kienet irreġistrat b’mod mhux dovut madwar EUR 72 biljun bħala nfiq fuq il-klima (ara l-Figura 16). Il-koeffiċjenti aktar raġonevoli li applikajna naqqsu s-sehem probabbli tal-baġit tal-UE li huwa rilevanti għall-klima għal madwar 13 % (bejn wieħed u ieħor EUR 144 biljun) aktar milli 20 %.

Figura 16 – Rappurtar dwar il-klima mwettaq mill-Kummissjoni għall-perjodu 2014-2020 u stimi eċċessivi probabbli

Sors: il-QEA, bl-użu tal-metodoloġija tal-Kummissjoni.

58 Il-Kummissjoni rrappurtat li 26 % tal-finanzjament għall-agrikoltura kien rilevanti għall-klima, jew madwar nofs l-infiq tal-UE fuq il-klima. Madankollu, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-azjendi agrikoli fl-UE ma naqqsux mill-2010 ’l hawn. Skont l-analiżi li wettaqna, ir-rieżaminar tal-letteratura rilevanti u l-istudji ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni x’aktarx stmat b’mod eċċessiv il-kontribuzzjonijiet mill-politika agrikola bi kważi EUR 60 biljun, jew aktar minn 80 % tal-istimi eċċessivi probabbli tagħna (il-paragrafi 19-34). Jenħtieġ li l-finanzjament ma jitqiesx bħala rilevanti għall-klima jekk ma jkunx hemm evidenza li tappoġġa dan.

Rakkomandazzjoni 1 – Tiġi ġġustifikata r-rilevanza għall-klima tal-finanzjament għall-agrikoltura

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża l-kwantifikazzjoni tagħha tal-kontribuzzjoni tal-politika agrikola għall-azzjoni klimatika għall-perjodu 2021-2027 fuq evidenza xjentifika. Skont l-Artikolu 100(3) tar-Regolament (UE) 2021/2115 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi taħt il-politika agrikola komuni, jenħtieġ li taġġusta l-kontribuzzjoni għall-klima kif xieraq u jekk meħtieġ.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2026.

59 Ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar l-infiq fuq il-klima kien inkonsistenti. Il-proġetti ferrovjarji u tal-elettriku, pereżempju, ġew ittrattati b’mod differenti taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Fost kwistjonijiet oħra, aħna osservajna li l-Kummissjoni ma żammitx kont tal-effetti negattivi potenzjali tan-nefqa fuq il-klima, u ma għamlitx distinzjoni bejn il-mitigazzjoni u l-adattament (ara l-paragrafi 35-43).

60 Il-Kummissjoni ħalltet ċifri mhux komparabbli ( ammonti ppjanati, impenjati u li ntefqu minn oqsma ta’ nfiq differenti) meta kkalkulat iċ-ċifra kumplessiva tal-infiq fuq il-klima. Il-Kummissjoni rrappurtat ukoll b’mod eċċessiv il-kontribuzzjoni mill-Fond Soċjali Ewropew, inkluża n-nefqa tal-Istati Membri fl-infiq tal-UE. Barra minn hekk, hija reġgħet ivvalutat b’mod retroattiv l-infiq fuq il-klima rrappurtat għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Dan wassal għal żieda sinifikanti fiċ-ċifri rrappurtati preċedentement (il-paragrafi 44-46).

Rakkomandazzjoni 2 – Tisħiħ tar-rappurtar dwar il-klima

  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tidentifika u tirrapporta dwar l-infiq tal-UE b’impatt negattiv potenzjali fuq il-klima. Meta tagħmel dan, jenħtieġ li tibni fuq il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”, kif definit fit-tassonomija tal-UE.
  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida applikabbli għall-oqsma ta' politika kollha rilevanti għall-infiq fuq il-klima. Meta tagħmel dan, jenħtieġ li tistabbilixxi u tiddivulga b’mod ċar bażi koerenti għar-rappurtar, u tiżgura trattament konsistenti ta’ proġetti simili (eż. l-istess koeffiċjent għall-klima) fil-baġit kollu tal-UE u n-NextGenerationEU.
  3. Jenħtieġ li għal kull perjodu ta' programmazzjoni, il-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rappurtar dwar il-klima attwali biex tieħu kont tal-ammonti li ma ntużawx (ma ntefqux u

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2025.

61 Għall-perjodu 2021-2027, l-UE għandha l-għan li tonfoq 30 % tal-baġit tagħha fuq l-azzjoni klimatika. Il-Kummissjoni żammet l-istess metodoloġija, iżda għamlet ċerti emendi. Xi tibdiliet jirrappreżentaw titjib, pereżempju l-irfinar tal-koeffiċjenti u t-tisħiħ tal-kontribuzzjonijiet fil-mira għall-objettivi klimatiċi. Oħrajn joħolqu aktar riskji u problemi, bħal koeffiċjenti għall-klima mingħajr ġustifikazzjoni, inkonsistenzi fir-rappurtar għal proġetti ferrovjarji, u għażliet għall-użu tal-fjuwils fossili. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar l-affidabbiltà tar-rappurtar futur dwar il-klima (il-paragrafi 47-50).

62 Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li tkompli tibni fuq il-Qafas Finanzjarju Plurennali għall-perjodu 2014-2020, tinkorpora l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” u l-użu fakultattiv tal-kriterji tat-tassonomija tal-UE. Madankollu, aħna identifikajna problemi potenzjali fit-tfassil u l-finanzjament tagħha, partikolarment fejn l-istadji importanti u l-miri li jiskattaw il-pagamenti ma għandhomx rabta ċara mal-objettivi klimatiċi (il-paragrafi 51-55).

63 Il-baġit tal-UE għall-perjodu 2021-2027 jimbotta għal fokus akbar fuq l-azzjoni klimatika. Madankollu, mhuwiex ċar kemm il-miri għall-infiq fuq il-klima jistgħu jiksbu f’termini ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, żieda fl-użu ta’ enerġija rinnovabbli, u promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija. Dak li jgħodd fl-aħħar mill-aħħar huwa jekk l-infiq tal-UE jistax jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ilħuq tal-objettivi għall-klima u l-enerġija. Baġit rilevanti għall-klima jeħtieġ rabta b’saħħitha ma’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra aktar baxxi.

Rakkomandazzjoni 3 – Ir-rabta tal-baġit tal-UE mal-objettivi għall-klima u l-enerġija

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-kontribuzzjoni magħmula mill-infiq fuq il-klima għall-objettivi tal-UE għall-klima u l-enerġija. Jenħtieġ li hija tiffoka b’mod partikolari fuq kif tkejjel l-impatt tal-baġit fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2025.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Joëlle Elvinger, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fis-27 ta’ April 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Anness — Rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-QEA li huma rilevanti għar-rappurtar dwar il-klima

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti għadhom rilevanti għar-rappurtar dwar il-klima u jikkomplementaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula f’dan ir-rapport.

Rapport Speċjali Rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Risposta tal-Kummissjoni
RS 22/2021: Finanzi sostenibbli: Jeħtieġ li l-UE tieħu azzjoni aktar konsistenti biex il-finanzjament jiġi dirett mill-ġdid lejn investiment sostenibbli
3a) tiddivulga kemm mill-finanzjament tal- InvestEU jiġi traċċat bl-użu tat-Tassonomija tal-UE;
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 3 ta’ dan ir-rapport
Aċċettata.
  3b) għall-InvestEU: tirraporta dwar ir-riżultati relatati mal-klima, bħat-tnaqqis reali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament rilevanti li jkunu ġew ikkompletati.
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 3 ta’ dan ir-rapport
Aċċettata.
  5a) tapplika l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” fil-baġit kollu tal-UE;
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 2 ta’ dan ir-rapport
Aċċettata parzjalment. Fejn rilevanti u applikabbli, dan il-prinċipju ġie inkluż fil-leġiżlazzjoni rilevanti. L-applikazzjoni uniformi tal-prinċipju tat-Tassonomija tal-UE “la tagħmilx ħsara sinifikanti” fil-baġit kollu tal-UE la hija fattibbli u lanqas xierqa minħabba d-diversità tal-programmi ta’ nfiq tal-UE.
  5c) tintegra bis-sħiħ il‐kriterji tat‐Tassonomija tal‐UE fil‐metodoloġija tal‐UE għat-trekkjar klimatiku hekk kif u meta jsiru disponibbli;
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 2 ta’ dan ir-rapport
Aċċettata parzjalment. It-Tassonomija tal-UE hija suġġetta għal tibdil matul iż-żmien. Id-dipendenza fuqha tkun tagħmilha impossibbli li jkun hemm serje kronoloġika stabbli. L-informazzjoni dettaljata meħtieġa biex tiġi applikata t-Tassonomija mhijiex disponibbli u mhuwiex meħtieġ li din tiġi pprovduta mill-Istati Membri jew mis-sħab ta’ implimentazzjoni.
  5d) tikkomplementa r‐rappurtar attwali dwar il‐kontribuzzjoni tal‐baġit tal‐UE għall‐azzjoni klimatika billi tiddivulga n‐nefqa tal‐UE relatata mal‐klima li hija marbuta mal‐applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 100 % ibbażat fuq il‐kriterji tat‐Tassonomija tal‐UE.
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 2 ta’ dan ir-rapport
Aċċettata.
RS 16/2021: Il-Politika Agrikola Komuni u l-klima: Nofs l-infiq tal-UE fuq il-klima iżda l-emissjonijiet mill-azjendi agrikoli mhumiex qed jonqsu
1b) tivvaluta l-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tal-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi limitat ir-riskju li l-iskemi tal-PAK iżidu jew iżommu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura.
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 1 ta’ dan ir-rapport
Aċċettata.
  1c) tiżgura li l-PAK tipprovdi inċentivi effettivi biex jonqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-bhejjem u l-fertilizzanti li jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi tal-UE.
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 1 ta’ dan ir-rapport
Aċċettata.
  3a) tistabbilixxi indikaturi ta’ monitoraġġ li jippermettu valutazzjoni annwali tal-effett tal-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-klima ffinanzjati mill-PAK 2021-2027 fuq l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra u tirrapporta dwarhom regolarment.
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 3 ta’ dan ir-rapport
Mhux aċċettata. Valutazzjoni sinifikattiva tal-effetti ta’ dawn il-miżuri għall-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra tirrikjedi data fuq diversi snin (għaliex il-PAK mhijiex l-uniku fattur li jwassal għal emissjonijiet ta’ gassijiet serra). Tali valutazzjonijiet se jiġu indirizzati permezz ta’ evalwazzjonijiet, jiġifieri mhux fuq bażi annwali.
RS 18/2019: L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE: rappurtar tajjeb, iżda jinħtieġ għarfien aħjar dwar it-tnaqqis fil-ġejjieni
2c) tivvaluta u tirrapporta lill-UNFCCC l-impatti ta’ politiki u miżuri ewlenin tal-UE fuq l-emissjonijiet, bħall-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, ir-Regolamenti dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport bit-triq, u setturi oħra koperti mid-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi.
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 3 ta’ dan ir-rapport
Aċċettata.
  2c) tiżgura li l-ġbir ta’ data jkun jiddistingwi bejn mitigazzjoni u adattament.
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 2 ta’ dan ir-rapport
Mhux aċċettata. L-implikazzjonijiet ta’ tali piż amministrattiv addizzjonali impost kemm fuq il-Kummissjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri mhumiex ċari.
  4) tapplika l-prinċipju ta’ kawtela u tikkoreġi l-istimi eċċessivi fil-FAEŻR billi tirrivedi l-koeffiċjenti tal-UE għall-klima li jkunu ġew issettjati.
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 1 ta’ dan ir-rapport
Aċċettata parzjalment. Il-metodoloġija ta' trekkjar jeħtieġ li tibqa' stabbli matul il-QFP attwali għal raġunijiet ta' prevedibbiltà, konsistenza u trasparenza.
RS 31/2016: Infiq ta’ mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti
6a) tiżviluppa sistema armonizzata u proporzjonata għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tal-azzjoni klimatika
marbuta mar-Rakkomandazzjoni 3 ta’ dan ir-rapport
Mhux aċċettata. Din ir-rakkomandazzjoni twassal għal żieda fil-livell tal-piż amministrattiv impost fuq l-Istati Membri, li ma kienx previst skont ir-regolamenti attwali.

Sors: il-QEA.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

DCI: Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp

DĠ: Direttorat Ġenerali

ETS: Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet

FAEG: Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija

FAEŻR: Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FK: Fond ta’ Koeżjoni

FNE: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

FSE: Fond Soċjali Ewropew

GHG: Gass serra

L-EEA: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

NGEU: NextGenerationEU

NGO: Organizzazzjoni nongovernattiva

OECD: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

PAK: Politika Agrikola Komuni

QFP: Qafas Finanzjarju Pluriennali

RRF: Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Glossarju

Adattament għat-tibdil fil-klima: It-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-pajjiżi u tal-komunitajiet għat-tibdil fil-klima billi tiżdied l-abbiltà tagħhom li jassorbu l-impatti tiegħu.

Azzjoni klimatika: Azzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu.

Bijomassa: Fjuwil idderivat minn prodotti organiċi u residwu tal-iskart, użat għall-ġenerazzjoni tal-enerġija.

Deadweight: Sitwazzjoni fejn attività ffinanzjata mill-UE kienet timxi ’l quddiem anke li kieku ma rċevietx għajnuna pubblika.

Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej: Il-ħames fondi prinċipali tal-UE li flimkien jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku fl-UE kollha fil-perjodu 2014-2020: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

Gass serra: Gass fl-atmosfera – bħal diossidu tal-karbonju jew metan - li jassorbi u jemetti radjazzjoni, ma jħallix is-sħana taħrab u b’hekk isaħħan is-superfiċje tad-Dinja permezz ta’ dak li huwa magħruf bħala l-effett serra.

Indikatur ta’ Rio: Indikatur, iddefinit mill-OECD, tal-punt sa fejn attività tikkontribwixxi għall-objettivi tal-konvenzjonijiet ta’ Rio.

Infiq fuq il-klima: Kwalunkwe nfiq li jikkontribwixxi (direttament jew indirettament) għall-objettivi klimatiċi.

Integrazzjoni tal-azzjoni klimatika: L-inkorporazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-klima fil-politiki, fl-istrumenti, fil-programmi u fil-fondi kollha.

Introjtu Nazzjonali Gross: Indikatur standard tal-ġid ta’ pajjiż, ibbażat fuq l-introjtu minn sorsi domestiċi u minn sorsi barra l-pajjiż.

Koeffiċjent tal-UE għall-klima: Ponderazzjoni assenjata lill-infiq tal-UE fuq proġetti, miżuri jew azzjonijiet biex jiġi rifless il-punt sa fejn huma jinkorporaw kunsiderazzjonijiet klimatiċi.

Konvenzjonijiet ta’ Rio: Tliet ftehimiet li rriżultaw mis-Summit dwar id-Dinja tal-1992 tan-Nazzjonijiet Uniti li sar f’Rio de Janeiro: il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni Qafas dwar it-Tibdil fil-klima u l-Konvenzjoni dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni.

Mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima: It-tnaqqis jew il-limitazzjoni tal-emissjoni ta’ gassijiet serra minħabba l-effett tagħhom fuq il-klima.

Miżura agroambjentali klimatika: Kwalunkwe wieħed minn sett ta’ prattiki fakultattivi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ambjentali tas-soltu u li permezz tagħhom il-bdiewa jkunu intitolati għal pagament mill-baġit tal-UE.

Natura 2000: Network ta' żoni ta' konservazzjoni għal speċijiet rari u mhedda, u xi tipi ta' ħabitats naturali rari protetti skont id-dritt tal-Unjoni.

Newtralità klimatika: Is-sitwazzjoni li fiha l-attivitajiet tal-bniedem ma jirriżultaw fl-ebda effett nett fuq il-klima.

NextGenerationEU: Pakkett ta’ finanzjament biex jgħin lill-Istati Membri tal-UE jirkupraw mill-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-COVID-19.

Orizzont 2020: Il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-perjodu 2014-2020.

Pagament dirett: Pagament ta’ appoġġ għall-agrikoltura, bħall-għajnuna relatata mal-erja, li jsir direttament lill-bdiewa, magħruf ukoll bħala appoġġ għall-introjtu.

Patt Ekoloġiku Ewropew: L-istrateġija tal-UE għat-tkabbir adottata fl-2019, bil-għan li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050.

Politika Agrikola Komuni: Il-politika unika u unifikata tal-UE dwar l-agrikoltura, li tinkludi sussidji u firxa ta' miżuri oħrajn maħsuba biex jiggarantixxu s-sigurtà alimentari, jiżguraw standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa tal-UE, jippromwovu l-iżvilupp rurali u jipproteġu l-ambjent.

Qafas Finanzjarju Pluriennali: Il-pjan ta’ nfiq tal-UE li jistabbilixxi prijoritajiet (ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika) u limiti massimi, ġeneralment għal perjodu ta’ seba’ snin. Huwa jipprovdi l-istruttura li fi ħdanha jiġu stabbiliti l-baġits annwali tal-UE, filwaqt li jillimita l-infiq għal kull kategorija ta' nfiq.

Qasam ta' intervent: Kategorija ta’ attivitajiet iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta' Koeżjoni jew mill-Fond Soċjali Ewropew.

Qasam ta’ prijorità: Wieħed mill-elementi li fih jiġu ripartiti l-prijoritajiet prinċipali tal-UE għall-iżvilupp rurali.

Rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju: Żieda fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minħabba t-trasferiment tal-produzzjoni minn pajjiż b’restrizzjonijiet stretti fuq l-emissjonijiet għal wieħed fejn ir-regoli mhumiex daqshekk stretti.

Tibdil fil-klima: Bidliet fil-klima tad-Dinja li jirriżultaw f’xejriet tat-temp ġodda għal terminu twil.

Trekkjar klimatiku: Il-monitoraġġ tal-progress lejn il-miri tal-infiq fuq l-azzjoni klimatika.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA. L-awditu kien immexxi minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA, li ngħatat l-appoġġ minn Ildikó Preiss, Kap tal-Kabinett; Paolo Pesce u Charlotta Törneling, Attachés tal-Kabinett; Ramona Bortnowschi u Emmanuel Rauch, Maniġers Prinċipali; Antonella Stasia, Kap tal-Kompitu; Ernesto Roessing u Jonas Kathagem Awdituri, Marika Meisenzahl, Awditur u disinn grafiku. Judita Frangež ipprovdiet appoġġ segretarjali.

Noti finali

1 IPCC, Summary for Policymakers in Climate Change 2021: The Physical Science Basis. Contribution of Working Group I to the Sixth Assessment Report of the Intergovernmental Panel on Climate Change, 2021, p. 21.

2 See Commission website, DG Climate Action, EU Action.

3 Id-Deċiżjoni 2002/358/KE dwar l-approvazzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto.

4 Il-Kummissjoni Ewropea, Baġit għall-Ewropa 2020, KUMM(2011) 500, 2011, Parti II, p. 13.

5 Il-Kunsill Ewropew, Konklużjonijiet – Qafas Finanzjarju Pluriennali, EUCO 37/13, 2013, il-paragrafu 10.

6 Ir-Regolament (UE) 215/2014 fir-rigward ta’ metodoloġiji tal-appoġġ għat-tibdil fil-klima.

7 OECD, OECD DAC Rio Markers for Climate Handbook, p. 2.

8 Il-Kummissjoni, 2020 Annual Management and Performance Report for the EU budget, Volume I.

9 Il-Kunsill Ewropew, Konklużjonijiet, EUCO 29/19,2019.

10 Il-Kummissjoni, Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, COM(2021) 82.

11 L-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE dwar l-EU ETS.

12 Id-Deċiżjoni 406/2009/KE dwar l-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2020, u r-Regolament (UE) 2018/842 dwar il-miri għall-gassijiet serra għall-Istati Membri mill-2021 sal-2030.

13 Il-Kummissjoni, Proposta għall-emendar ta’ diversi direttivi dwar l-enerġija rinnovabbli, COM(2021) 557; il-Kummissjoni, Proposta għal Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (riformulazzjoni), COM(2021) 558.

14 EEA Report No 13/2021 Trends and projections in Europe 2021 għall-projezzjoni tal-2020.

15 Il-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-2019 dwar il-progress li għamlu l-Istati Membri lejn il-miri nazzjonali tal-effiċjenza enerġetika għall-2020, COM(2020) 326.

16 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 11/2020: Effiċjenza fl-enerġija fil-bini: għadu jinħtieġ fokus akbar fuq il-kosteffettività, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 02/2022 L-effiċjenza fl-enerġija fl-intrapriżi - iffrankar tal-enerġija iżda hemm dgħufijiet fl-ippjanar u fl-għażla tal-proġetti.

17 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 17/2013: Finanzjament għall-klima mill-UE fil-kuntest ta' għajnuna esterna; ir-Rapport Speċjali 31/2016: Infiq ta’ mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti, 2016; ir-Rapport Analitiku 01/2020: Insegwiment tal-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE.

18 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 16/2021: Il-Politika Agrikola Komuni u l-klima: Nofs l-infiq tal-UE fuq il-klima iżda l-emissjonijiet mill-azjendi agrikoli mhumiex qed jonqsu.

19 Brady, M. et al.: Impacts of Direct Payments, 2017, pp. 70, 88-89; M’barek, R. et al.; Scenar 2030 - Pathways for the European agriculture and food sector beyond, 2020, p. 144.

20 Ibid.

21 Chahal, I. et al. Cumulative impact of cover crops on soil carbon sequestration and profitability in a temperate humid climate, 2020.

22 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 23/2019: Stabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-bdiewa: sett komprensiv ta’ għodod, iżda l-istrumenti ftit li xejn jintużaw u jeħtieġ li jiġi indirizzat il-kumpens eċċessiv.

23 Il-Kummissjoni Evaluation study of the impact of the CAP on climate change and greenhouse gas emissions, Alliance Environnement, 2019, p. 113.

24 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Analitiku 01/2020: Insegwiment tal-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE, Figura 7.

25 Ir-Regolament (UE) 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa.

26 Il-Premessi 42 u 44 tar-Regolament (UE) 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa.

27 Il-Kummissjoni Evaluation study of the payment for agricultural practices beneficial for the climate and the environment, Alliance Environnement u Thünen Institute, 2017.

28 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 21/2017: Ekoloġizzazzjoni: skema aktar kumplessa ta’ appoġġ għall-introjtu, li għadha mhijiex ambjentalment effettiva, paragrafu 28 u l-Figura 5, Gocht, A. et al.: Economic and Environmental Impacts of CAP Greening: CAPRI Simulation Results, 2017; Louhichi, K. et al.: Economic impacts of CAP greening: application of an EU-wide individual farm model for CAP analysis (IFM-CAP), 2017.

29 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 21/2017: Ekoloġizzazzjoni: skema aktar kumplessa ta’ appoġġ għall-introjtu, li għadha mhijiex ambjentalment effettiva, il-paragrafi 43-46.

30 M’barek, R. et al.; Scenar 2030 - Pathways for the European agriculture and food sector beyond, 2020, pp. 115, 144.

31 Commission Staff Working Document on Evaluation of the impact of the Common Agricultural Policy on climate change and greenhouse gas emissions, pp. 23-24.

32 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 16/2021: Il-Politika Agrikola Komuni u l-klima: Nofs l-infiq tal-UE fuq il-klima iżda l-emissjonijiet mill-azjendi agrikoli mhumiex qed jonqsu, paragrafu VII.

33 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 31/2016: Infiq ta’ mill-inqas euro wieħed minn kull ħamsa mill-baġit tal-UE fuq l-azzjoni klimatika: qed isir xogħol ambizzjuż, iżda hemm riskju serju li ma jkunx suffiċjenti, l-Anness.

34 Ibid.

35 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali 10/2022, dwar LEADER u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità.

36 L-Artikolu 3(a) tar-Regolament (UE) 1316/2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

37 Commission Mid-term evaluation of the Connecting Europe Facility, SWD(2018) 44.

38 Il-Kummissjoni, Investing in European networks – The Connecting Europe Facility. Five years supporting European infrastructure, p. 21.

39 Il-Kummissjoni, EU transport in figures — statistical pocketbook 2020.

40 Quinn, A. et al. Rail Adapt: Adapting the railway for the future. UIC (Unjoni Internazzjonali Ferrovjarja), Novembru 2017.

41 Il-Premessa 5 tar-Regolament (UE) 2021/1153 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

42 Ir-Regolament (UE) 215/2014 fir-rigward ta’ metodoloġiji tal-appoġġ għat-tibdil fil-klima.

43 Public dashboard for European Structural and Investment Funds.

44 Nesbit, M. et al. Documenting climate mainstreaming in the EU budget: making the system more transparent, stringent and comprehensive. Il-Parlament Ewropew, 2020, pp. 18-20.

45 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Analitiku 01/2020: Insegwiment tal-infiq fuq il-klima fil-baġit tal-UE, Figura 5.

46 Cremins, A. u Kevany, L., An Introduction to the Implementation of Green Budgeting in Ireland, Staff Paper 2018, p. 12.

47 Il-Kummissjoni Ewropea, Baġit għall-Ewropa 2020, KUMM(2011) 500, 2011, Parti II, p. 15.

48 Ibid.

49 Il-Kummissjoni, Green Budgeting Practices in the EU: A First Review, Discussion Paper, 2021, p. 22.

50 Il-Kummissjoni Ewropea, Baġit għall-Ewropa 2020, KUMM(2011) 500, 2011, Parti II, p. 15.

51 Il-Kummissjoni, 2020 Annual Management and Performance Report for the EU budget, Volume I, 2021, p. 8-9.

52 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 19/2019: L-INEA: il-benefiċċji twasslu iżda n-nuqqasijiet tal-FNE għad iridu jiġu indirizzati, il-paragrafu IV.

53 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 17/2018: L-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fl-aħħar snin tal-programmi għall-perjodu 2007-2013 indirizzaw l-assorbiment baxx iżda ma kinux iffukati biżżejjed fuq ir-riżultati.

54 Il-Premessa 5 tar-Regolament (UE) 2021/1153 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar, fost l-oħrajn, il-FEŻR u l-FK; l-Artikolu 7(10) tar-Regolament (UE) 2021/695 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa; il-Premessa 49 tar-Regolament (UE) 2021/947 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

55 Il-Kummissjoni, Il-qafas ta' prestazzjoni tal-baġit tal-UE skont il-QFP 2021-2027, COM(2021) 366, p. 7.

56 L-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

57 Avviż tal-Kummissjoni, Technical guidance on the application of “do no significant harm” under the Recovery and Resilience Facility Regulation, C(2021) 1054, pp.7 -8.

58 Ir-Regolament (UE) 2020/852 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli.

59 Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ir-Rapport Speċjali 22/2021: Finanzi sostenibbli: Jeħtieġ li l-UE tieħu azzjoni aktar konsistenti biex il-finanzjament jiġi dirett mill-ġdid lejn investiment sostenibbli, il-paragrafu 90.

60 L-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

61 L-Artikolu 18(4)(e) u l-Anness VI tar-Regolament (UE) 2021/241 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

PDF ISBN 978-92-847-7813-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/096 QJ-AB-22-007-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-7828-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/6214 QJ-AB-22-007-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2022

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tal-QEA ma jistgħux jgħawġu t-tifsira jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Figura 2: fuq nett mil-lemin, Figura 11: fuq nett mil-lemin, ikona magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Figura 4: ikona fuq ix-xellug magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Figura 5: ikona fuq ix-xellug magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Figura 6: ikona fuq ix-xellug magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Figura 12: fuq nett mix-xellug, Figura 13: fuq nett mix-xellug, Figura 16: fuq nett mix-xellug, Kaxxa 3: fuq il-lemin, Tabella 7, ikona magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Tabella 2: ikoni magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Tabella 3: ikoni magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Tabella 4: ikoni fuq nett magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Tabella 5: ikona fuq nett mix-xellug magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Tabella 6: ikoni fuq nett mix-xellug magħmula minn Pixel perfect minn https://flaticon.com.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Il-logo tal-QEA ma jridx jintuża mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu

Data Miftuħa mill-UE
Il-portal Data Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.