
Dimostrar tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u tas-sorsi innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala kummerċjali ġewwa l-UE: il-progress intenzjonat ma nkisibx matul dawn l-aħħar għaxar snin
Dwar ir-rapport Bl-għan li tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2020 u fuq terminu aktar fit-tul, l-UE niedet żewġ programmi kbar ta’ finanzjament fl-2009 b’appoġġ għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) u s-sorsi innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli: il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) u l-programm NER300. Filwaqt li huwa probabbli li l-UE tilħaq il-miri tagħha għall-2020, aħna sibna li ebda wieħed minn dawn il-programmi ma rnexxielu jintroduċi l-użu tas-CCS fl-UE. L-EEPR ikkontribwixxa b’mod pożittiv għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija eolika fuq il-baħar, iżda l-programm NER300 ma kisibx il-progress previst fl-appoġġ għad-dimostrazzjoni ta’ firxa usa’ ta’ teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli.
L-UE issa qed tħejji biex tniedi l-Fond ta’ Innovazzjoni li mill-2021 se jissostitwixxi l-programm NER300, u qed tfassal il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid (2021-2027). Jeħtieġ li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju tiġi aċċellerata bl-għan li jintlaħqu l-objettivi tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2030 u fuq terminu aktar fit-tul. F’dan il-kuntest, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni Ewropea tindirizza d-dgħufijiet identifikati matul l-awditu tagħna u ssaħħaħ it-tfassil tal-programmi futuri.
Sommarju eżekuttiv
IFl-2007, l-UE ppreżentat il-pakkett tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2020, li kien jirrikjedi żieda fl-użu u fl-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tat-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. L-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu azzjonijiet b’appoġġ għall-proġetti innovattivi tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll għall-kostruzzjoni u l-operat ta’ faċilitajiet għall-ġenerazzjoni tal-enerġija u ta’ dawk industrijali li jiġbru u jaħżnu l-karbonju, bl-għan li tiġi aċċellerata d-dimostrazzjoni tal-ewwel faċilitajiet kummerċjali.
IIFl-2009, l-UE niedet il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) b’baġit ta’ EUR 1.6 biljun, b’appoġġ għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) u għall-proġetti eoliċi fuq il-baħar. Fl-istess ħin, hija ħolqot ir-Riżerva tal-Installazzjonijiet li Daħlu Ġodda fis-Suq 300 (NER300), iffinanzjata mill-bejgħ ta’ 300 miljun kwota tal-emissjonijiet (EUR 2.1 biljun) b’appoġġ għas-CCS u għall-proġetti innovattivi tal-enerġija rinnovabbli.
IIIFl-istess perjodu, l-UE ffinanzjat ukoll attivitajiet ta' dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija u kkontribwiet għal strumenti finanzjarji mmaniġġjati mill-BEI permezz ta' programmi ta' riċerka. L-UE fittxet li ssaħħaħ l-allinjament tal-prijoritajiet u tal-finanzjament relatati mal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija permezz tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (il-Pjan SET), li tnieda fl-2008 u ġie aġġornat fl-2015 biex jiġi adattat għall-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija.
IVHuwa probabbli li l-UE tilħaq il-miri tagħha fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli għall-2020. Madankollu, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) tirrapporta li jeħtieġ li l-UE tintensifika b’mod konsiderevoli l-isforzi tagħha biex tilħaq l-ambizzjonijiet ġenerali li għandha fir-rigward tal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-2050.
VL-objettiv prinċipali tagħna kien li nivvalutaw jekk l-azzjoni meħuda mill-UE għall-appoġġ tad-dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali, kemm tat-teknoloġiji għas-CCS kif ukoll tat-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli bejn l-2008 u l-2017 permezz tal-EEPR u NER300, ġietx imfassla, immaniġġjata u kkoordinata b’mod tajjeb, u jekk dawn il-programmi għamlux il-progress mistenni biex jgħinu t-tnedija fuq skala kummerċjali tat-teknoloġiji għas-CCS u s-sorsi innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli.
VIAħna nikkonkludu li l-ebda wieħed mill-programmi ma wassal għall-użu tas-CCS fl-UE. L-EEPR ikkontribwixxa għall-iżvilupp tas-settur tal-enerġija eolika fuq il-baħar, iżda l-programm NER300 ma kisibx il-progress intenzjonat fl-għoti ta’ appoġġ għad-dimostrazzjoni ta’ firxa usa’ ta’ teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli.
VIIIl-kundizzjonijiet avversi ta’ investiment, inkluża l-inċertezza fl-oqfsa u fil-politiki regolatorji, xekklu l-progress ta’ ħafna proġetti innovattivi tal-enerġija rinnovabbli u ta’ dawk relatati mas-CCS. Il-prezz baxx tal-karbonju fis-suq wara l-2011 kien fattur ewlieni għall-falliment tal-użu tas-CCS.
VIIIAħna sibna wkoll li t-tfassil tal-programm NER300 kien illimita l-kapaċità tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jirreaġixxu b’mod effettiv għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu. B’mod partikolari, il-mudell ta’ finanzjament magħżul kellu nuqqas ta’ ġustifikazzjoni meta l-bażi ġuridika ta’ NER300 ddaħħlet fid-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet, u ma naqqasx b’mod effettiv ir-riskju għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni. Il-proċessi tal-għażla tal-proġetti u dawk tat-teħid ta' deċiżjonijiet kienu kumplessi, u karatteristiċi oħra tat-tfassil illimitaw il-flessibbiltà tal-programm.
IXFl-aħħar nett, aħna sibna li jeħtieġ li jsir titjib fil-koordinazzjoni u fl-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont. Minkejja li l-progress mexa aktar bil-mod milli previst, il-pjan SET jipprovdi bażi biex il-prijoritajiet u r-riżorsi pubbliċi u privati jiġu allinjati b’mod aħjar. Id-dipartimenti rilevanti tal-Kummissjoni jeħtieġ li jtejbu l-koordinazzjoni tagħhom biex isaħħu l-koerenza tal-appoġġ li jingħata mill-UE għal proġetti ta' dimostrazzjoni b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Barra minn hekk, l-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont għall-entitajiet li jimmaniġġjaw il-programm NER300 mhumiex ċari biżżejjed.
XL-UE qed tħejji biex tniedi l-Fond ta' Innovazzjoni sabiex tissostitwixxi l-programm NER300 u biħsiebha taċċellera t-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Fid-dawl ta' dan, aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni biex:
- iżżid il-potenzjal ta’ appoġġ effettiv mill-UE għal dawn il-proġetti;
- ittejjeb il-proċeduri tal-għażla tal-proġetti u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għall-Fond ta' Innovazzjoni meta mqabbla ma' dawk tal-programm NER300, u tiżgura li dan ikun flessibbli biex jirreaġixxi għall-iżviluppi esterni;
- ittejjeb il-koordinazzjoni interna tagħha biex l-appoġġ li jingħata mill-UE jiġi mmirat b’mod aktar koerenti;
- tiżgura l-obbligu ta’ rendikont għall-Fond ta’ Innovazzjoni u għall-fondi ta’ NER300.
Introduzzjoni
L-appoġġ tal-UE għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni fis-settur tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju
01Fl-2007 u fl-2008, l-UE żviluppat il-pakkett tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2020. Dan il-pakkett kien magħmul minn sett ta' leġiżlazzjoni vinkolanti li ġie adottat fl-2009 biex jiżgura li l-UE tilħaq il-miri tagħha dwar il-klima u l-enerġija għall-2020. Huwa jistabbilixxi tliet miri: it-tnaqqis ta' 20 % fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra (meta mqabbel mal-1990), il-ġenerazzjoni ta’ 20 % tal-enerġija tal-UE minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ż-żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika.
02F’dan il-kuntest, f’Ġunju 2008, il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew appellaw3 lill-Kummissjoni biex tipproponi mekkaniżmu li jiżgura l-kostruzzjoni u l-operat ta’ mhux aktar minn 12-il impjant ta’ dimostrazzjoni sal-2015 (ara l-Kaxxa 1) għall-ġenerazzjoni fuq skala kummerċjali ta’ enerġija bil-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS - il-Figura 1 tipprovdi deskrizzjoni).
Kaxxa 1
Dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi fuq skala kummerċjali
Il-proċess mill-fażi ta’ riċerka għall-fażi ta’ kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda huwa maqsum fi stadji differenti. Il-fażi ta’ dimostrazzjoni hija l-istadju fejn teknoloġija ġdida, wara li tiġi ttestjata b’mod suffiċjenti, tkun matura biżżejjed biex tiġi żviluppata fuq livell kummerċjali. Jekk tkun ta’ suċċess, is-suq se jinvesti u jippermetti l-użu sħiħ tat-teknoloġija. B’hekk, il-proġetti ta' dimostrazzjoni li jkunu ta’ suċċess jgħinu biex is-soċjetà tiġi pprovduta b'teknoloġiji affordabbli għall-provvista ta’ enerġija nadifa, sikura u kompetittiva.
Il-proġetti ta' dimostrazzjoni spiss ikollhom diffikultà biex jipprogressaw lil hinn minn dan l-istadju. L-isfidi li jiffaċċaw huma relatati mal-investimenti kapitali għolja dovuti għall-iskala tagħhom, filwaqt li jinvolvu wkoll riskji teknoloġiċi għolja u inċertezza dwar l-outputs u d-dħul potenzjali. Ġeneralment, dawn ikunu wisq riskjużi biex jattiraw biżżejjed investiment privat, u jirrikjedu diversi forom ta' appoġġ mill-gvern biex imexxu t-teknoloġija ’l quddiem. Meta t-teknoloġiji ma jipprogressawx lil hinn minn dan l-istadju, jeħlu f'dak li jissejjaħ il-"wied tal-mewt" kummerċjali.
Figura 1
Ġbir u ħżin tal-karbonju
Sors: Il-QEA.
Wara l-2008, l-UE niedet żewġ programmi ewlenin li kellhom l-għan li jappoġġaw id-dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali (ara l-Figura 2) tas-CCS kif ukoll tas-sorsi innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli.
Figura 2
Appoġġ għall-istadju ta’ dimostrazzjoni taċ-ċiklu tal-innovazzjoni
Sors: Adattament tal-QEA tal-mudelli u tad-dokumenti tal-IPCC u tal-Kummissjoni.
Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR)
04L-ewwel programm ewlieni tal-UE li jappoġġa d-dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali tas-CCS kif ukoll tal-enerġija eolika fuq il-baħar kien il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), li tnieda fl-20094. L-EEPR kien jagħmel parti minn pakkett ta' rkupru ekonomiku aktar vast5. Dan il-programm kellu baġit totali ta' EUR 4 biljun biex jipprovdi għotjiet għall-proġetti. Huwa kien jinkludi EUR 1 biljun għall-programm ta’ dimostrazzjoni tas-CCS u EUR 565 miljun għall-enerġija eolika fuq il-baħar. L-għotjiet li jingħataw taħt l-EEPR tipikament jikkontribwixxu għall-infiq kapitali intenzjonat għall-ippjanar, l-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
NER300
05L-UE ħolqot ir-Riżerva tal-Installazzjonijiet li Daħlu Ġodda fis-Suq 300 (NER300) fl-2009 taħt l-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS) b’appoġġ għall-proġetti kummerċjali ta' dimostrazzjoni tas-CCS u tas-sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli6. Il-Figura 3 telenka t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli li hija għandha l-għan li tappoġġa.
Figura 3
Sorsi innovattivi tal-enerġija rinnovabbli li huma appoġġati mill-programm NER300
Sors: Il-QEA.
Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni appoġġati mill-programm NER300 jippermettu l-ġbir u l-ħżin ta’ CO2 jew il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli nadifa u għalhekk dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-miri ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2020 jekk isiru operattivi qabel dak iż-żmien. Madankollu, l-objettiv prinċipali tagħhom huwa li juru l-potenzjal kummerċjali tat-teknoloġiji magħżula u li jikkontribwixxu b’mod estensiv u fit-tul għal ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju wara l-2020 jekk dawn jiġu applikati bnadi oħra fl-Ewropa u fid-dinja7. L-appoġġ mogħti lill-innovaturi kien mistenni jikkontribwixxi għall-ambizzjoni tal-UE li tkun mexxej globali fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli8.
07Id-Direttiva dwar l-EU ETS warrbet 300 miljun ta’ kwoti mir-riżerva komunitarja tal-EU ETS għall-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq. Il-BEI biegħhom u ġġenera EUR 2.1 biljun biex jiffinanzja l-programm. Il-Kummissjoni tieħu ħsieb il-koordinazzjoni ġenerali tal-programm. L-Istati Membri jaħtru l-punti ta’ kuntatt nazzjonali (NCPs) u għandhom firxa ta’ responsabbiltajiet9. Fl-2012 u fl-2014 il-Kummissjoni assenjat finanzjament lil 3910 proġett fil-qafas taż-żewġ sejħiet għal proposti previsti mil-leġiżlazzjoni. Il-BEI jimmaniġġja l-fondi li jkunu ngħataw iżda jkunu għadhom ma tħallsux11.
08Kemm l-ispejjeż ta’ investiment addizzjonali kif ukoll l-ispejjeż operazzjonali addizzjonali (għal 5 snin fil-każ tal-enerġija rinnovabbli u 10 snin fil-każ ta’ proġetti tas-CCS) għat-twettiq u l-operat tal-proġetti innovattivi kienu eliġibbli għall-finanzjament ta’ NER300, li jlaħħaq sa 50 % tal-ispejjeż previsti. Il-programm NER300 jiżborża l-għotjiet li jingħataw f’pagamenti akkont annwali wara li proġett isir operattiv, jiġifieri meta jibda l-ġbir u l-ħżin tas-CO2 jew il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jġarrab nefqa operazzjonali, dment li l-Istati Membri ma jitolbux u ma jiggarantixxux il-finanzjament bil-quddiem għall-għotja kollha li tkun ingħatat jew għal parti minnha. Il-Figura 4 tiddeskrivi l-isfidi u l-istadji differenti tal-finanzjament ta’ proġett ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija.
Figura 4
Il-finanzjament għal proġett ta’ dimostrazzjoni tal-eneġrija
Sors: Il-QEA.
Inizjattivi oħra tal-UE li jappoġġaw il-proġetti ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju
09Fl-istess perjodu ta’ żmien, l-oqsma tal-enerġija tal-Programm Kwadru tal-UE għar-Riċerka l-FP7 (2007-2013) u tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka Orizzont 2020 (2014-2020) appoġġaw il-proġetti ta' dimostrazzjoni għal firxa ta' teknoloġiji tal-enerġija. Dawn il-programmi jikkontribwixxu (kkontribwew) ukoll fondi mill-baġit tal-UE lill-istrumenti finanzjarji mmaniġġjati mill-BEI bħall-Faċilità ta' finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji (RSFF, 2007-2013) u l-InnovFin (2014-2020), li jinkludu (inkludew) objettivi ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija.
10B'mod parallel mal-implimentazzjoni ta' dawn il-mekkaniżmi ta' finanzjament, l-UE fittxet li ssaħħaħ l-allinjament tal-prijoritajiet u tal-finanzjament relatati mal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija permezz tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET), li ġie approvat mill-Kunsill fl-200812. Fl-2015, il-pjan ġie aġġornat (Pjan SET integrat) biex jiġi allinjat mal-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-mekkaniżmi ta' finanzjament kollha deskritti hawn fuq jappoġġaw il-prijoritajiet tal-Pjan SET.
Il-ħtieġa kontinwa ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa
11Fl-2015, l-UE ffirmat il-Ftehim ta' Pariġi. L-għan ta’ dan il-ftehim huwa li jissaħħaħ ir-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima u li ż-żieda fit-temperatura globali għal dan is-seklu tinżamm ferm inqas minn 2 gradi Celsius meta mqabbel mal-livelli preindustrijali. L-UE hija impenjata li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b’mill-inqas 40 % sal-2030, biex b’hekk tikkomplementa l-ambizzjoni eżistenti tagħha li tikseb ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-205013. Dan jimplika li s-setturi kollha tal-ekonomija jeħtieġ li jnaqqsu drastikament l-emissjonijiet. Pereżempju, il-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għall-2011 ippreveda li s-settur tal-provvista tal-enerġija jenħtieġ li jnaqqas kompletament l-emissjonijiet sal-2050. Il-Figura 5 turi t-tnaqqis previst fl-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet serra (GHG) tal-UE.
Figura 5
Projezzjoni tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE, lejn tnaqqis ta' 80 % tal-emissjonijiet domestiċi (meta mqabbel mal-1990)
Sors: Il-Kummissjoni Ewropea "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050", 2011.
Attwalment, l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettiv tagħha għall-2020 li tiġġenera 20 % tal-konsum ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, u l-ispejjeż, b'mod partikolari tal-enerġija eolika fuq l-art u ta’ dik solari (fotovoltajċi), naqsu b'mod konsiderevoli. Madankollu, il-prospettiva fuq terminu aktar fit-tul tibqa' problematika. Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)14, jeħtieġ li l-UE tintensifika b’mod konsiderevoli l-isforzi tagħha wara l-2020 biex tilħaq l-ambizzjonijiet ġenerali tagħha fir-rigward tal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-2050 (ara l-Figura 6).
Figura 6
Xejriet, projezzjonijiet u miri tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra fl-UE
Sors: Xejriet u projezzjonijiet fl-Ewropa 2017: Traċċar tal-progress li sar lejn il-miri tal-Ewropa fir-rigward tal-klima u l-enerġija, ir-Rapport tal-EEA Nru 17/2017.
Fil-komunikazzjoni tagħha tal-201615 dwar l-aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, il-Kummissjoni enfasizzat l-isfidi involuti fl-appoġġ għall-proġetti ta' dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ssottolinjat l-ambizzjoni tal-UE li tkun mexxej globali fis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli.
14Fl-2018, id-Direttiva emendata dwar l-EU ETS16 ipprovdiet il-bażi ġuridika għal Fond ta' Innovazzjoni ġdid li se jassorbi kwalunkwe fond mhux minfuq minn NER300 u se jipprovdi finanzjament għal teknoloġiji innovattivi kemm industrijali kif ukoll fil-qasam tal-enerġija b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-perjodu sal-2030. Jenħtieġ li t-teknoloġiji li jirċievu l-appoġġ mill-Fond ta' Innovazzjoni jirrappreżentaw soluzzjonijiet rivoluzzjonarji jew ikunu maturi biżżejjed biex ikunu lesti għal dimostrazzjoni fuq skala prekummerċjali.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
15Fl-awditu tal-prestazzjoni li wettaqna aħna eżaminajna jekk:
l-appoġġ tal-UE għad-dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali tas-CCS u tat-teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli, permezz tal-EEPR u NER300, kienx ġie imfassal, immaniġġjat u kkoordinat b’mod tajjeb biex jippermetti li l-kontribut tagħhom għall-għanijiet fuq terminu twil relatati mal-klima u l-enerġija jkun effettiv.
16B'mod partikolari aħna eżaminajna jekk:
- NER300 u l-EEPR kisbu l-progress mistenni biex jgħinu t-tnedija fuq skala kummerċjali tas-CCS u tas-sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli;
- it-tfassil u l-ġestjoni ta' NER300 ippermettewx li jittieħdu deċiżjonijiet effettivi;
- il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni, kemm fi ħdan il-Kummissjoni kif ukoll bejnha u bejn l-awtoritajiet nazzjonali, humiex robusti biżżejjed sabiex jappoġġaw il-proċess ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa.
L-awditu tagħna kopra l-perjodu mill-2008, is-sena li fiha bdew l-attivitajiet ta' NER300, tal-EEPR u tal-Pjan SET, sa tmiem l-201717. Huwa ma fittixx li jivverifika l-eliġibbiltà, il-legalità jew ir-regolarità tal-infiq. Minbarra dan, ma eżaminax b’mod dirett il-politiki, il-fondi jew l-istrumenti li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji maturi fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli18. L-awditu ma vvalutax l-attivitajiet ta’ monetizzazzjoni u ta’ ġestjoni tal-assi tal-BEI għall-fondi ta’ NER300.
18Aħna wettaqna x-xogħol tal-awditjar fl-2017 fil-Kummissjoni Ewropea (id-DĠ Azzjoni Klimatika, id-DĠ Enerġija u d-DĠ Riċerka u Innovazzjoni). Żorna wkoll il-BEI u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni. Ix-xogħol tagħna kien jinkludi intervisti u eżaminar ta’ dokumenti, inklużi 26 rapport tal-BEI dwar l-evalwazzjoni ta' proġetti u 36 rapport annwali minn 5 Stati Membri19 dwar proġetti ta' NER300, fajls tal-proġetti tad-9 proġetti kollha dwar l-enerġija eolika fuq il-baħar u tas-6 proġetti tas-CCS taħt il-programm EEPR. Aħna żorna dawn l-Istati Membri biex nintervistaw il-punti ta' kuntatt nazzjonali (NCPs) għal NER300 u r-rappreżentanti nazzjonali fil-Grupp ta' Tmexxija tal-Pjan SET. Analizzajna u żorna ħames proġetti tas-CCS biex nivvalutaw ir-riżultati li kienu kisbu bl-użu tal-finanzjament disponibbli. Barra minn hekk, aħna stħarriġna l-Pjattaformi tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija (ETIPs)20, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-elettriku solari termali u l-KIC-InnoEnergy21. L-ETIPs huma parti mill-arkitettura tal-Pjan SET u jinkludu kemm partijiet ikkonċernati mill-Istati Membri u akkademiċi kif ukoll dawk mill-industrija.
Osservazzjonijiet
Kemm l-EEPR kif ukoll NER300 jistabbilixxu miri ambizzjużi għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju kif ukoll għall-produzzjoni tas-sorsi innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli
19Aħna eżaminajna jekk l-EEPR u NER300 għamlux progress effettiv biex jilħqu l-objettivi tagħhom li jappoġġaw id-dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali tas-CCS u tas-sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli. Eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni żguratx li l-proġetti li jirċievu l-finanzjament mill-UE humiex qed jonfqu dawn il-flus b’mod tajjeb u jekk humiex qed jikkontribwixxu għall-objettivi tal-programm.
L-EEPR ma laħaqx l-ambizzjonijiet tiegħu relatati mal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju …
20F’Ġunju 2008, il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew appellaw lill-Kummissjoni biex tipproponi mekkaniżmu li jiżgura l-kostruzzjoni u l-operat ta’ 12-il impjant ta’ dimostrazzjoni tas-CCS fuq skala kummerċjali fl-UE sal-2015. Il-proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS kellhom jiksbu tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-enerġija filwaqt li fl-istess ħin jipprovdu l-bażi teknoloġika u kummerċjali meħtieġa għar-replikazzjoni tat-teknoloġija bnadi oħra. L-EEPR kellu jikkontribwixxi għal dan l-objettiv22.
21Il-Kummissjoni tat EUR 1 biljun lil sitt proġetti. Fi tmiem l-2017, il-Kummissjoni kienet ħallset EUR 424 miljun (ara t-Tabella 1). Erbgħa minn dawn is-sitt proġetti kkofinanzjati kienu ntemmu wara li ġie tterminat il-ftehim ta' għotja, u proġett wieħed intemm mingħajr ma ġie kkompletat. L-uniku proġett ikkompletat ma kienx jirrappreżenta proġett ta' dimostrazzjoni tas-CCS fuq livell kummerċjali, iżda faċilitajiet pilota ta’ daqs iżgħar għall-ġbir, it-trasport u l-ħżin.
| Post tal-proġett | Status tal-Azzjoni tal-EEPR f'Ottubru 2017 | Kategorija | Kontribuzzjoni mistennija għall-objettiv tat-tranżizzjoni lejn emissjonijiet b’livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju* | Spiża eliġibbli totali tal-Azzjoni tal-EEPR (skont il-ftehim ta' għotja) f’miljun EUR | Għotja tal-KE f’miljun EUR | Kofinanzjament tal-Azzjoni % (ftehim ta' għotja) | Għotja netta mħallsa tal-KE (wara l-irkupri - Ottubru 2017) |
|---|---|---|---|---|---|---|---|
| DE | Itterminata | CCS | 10 | 305 | 180 | 59% | 15 |
| PL | Itterminata | CCS | 9 | 610 | 180 | 29% | 21 |
| IT | Itterminata | CCS | 5 | 143 | 100 | 70% | 35 |
| NL | Itterminata | CCS | 6 | 371 | 180 | 48% | 67 |
| UK | Intemmet mingħajr ma ġiet ikkompletata | CCS | 17 | 274 | 180 | 66% | 120 |
| ES | Faċilitajiet pilota - użu limitat - l-ebda dimostrazzjoni tas-CCS fuq skala sħiħa | CCS | 5 | 263 | 180 | 69% | 166 |
| Finanzjament mill-UE totali mogħti: | 1 000 | Finanzjament mill-UE totali mħallas: | 424 |
* L-ammont antiċipat ta' CO2 miġbur u maħżun fl-ewwel ħames snin għal kull applikazzjoni għall-għotja (miljun tunnellata).
NB: Jista’ jkun hemm aktar korrezzjonijiet għall-proġetti tar-Renju Unit u tan-Netherlands suġġetti għall-proċeduri ta' stralċ.
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-Kummissjoni23.
22Għalhekk, is-sottoprogramm dwar is-CCS tal-EEPR ma kkontribwiex għall-kostruzzjoni u għall-bidu tal-operat ta' xi proġett ta' dimostrazzjoni tas-CCS. Il-Kaxxa 2 tipprovdi eżempji ta' kif il-proġetti nefqu l-flus tal-UE. Filwaqt li ġeneralment ikun hemm xi drabi fejn il-programmi ta’ innovazzjoni ma jirnexxux, ir-riżultati miksuba permezz tal-investimenti mill-UE għal proġetti mhux ikkompletati huma ferm inqas mil-livell oriġinarjament mistenni. Minbarra dan, dawn il-proġetti ma laħqux il-miri tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet previsti 24 għall-Istati Membri kkonċernati.
Kaxxa 2
Eżempji minn proġetti tal-EEPR dwar is-CCS
Il-proġetti kollha bdew xogħlijiet ta' tħejjija fuq il-post minn kmieni. L-ebda riżultat tanġibbli miksub minn dawn l-attivitajiet ma jintuża llum, ħlief fil-proġett fi Spanja. Għall-proġett fin-Netherlands inbniet sistema tas-CCS fil-bażi taċ-ċumnija li tarmi l-gass mit-tromba fl-impjant tal-faħam li beda l-operat tiegħu fl-2013. Dan kien l-uniku proġett tal-EEPR dwar is-CCS li kiseb permess għall-ħżin tal-karbonju taħt id-Direttiva dwar is-CCS25 fil-post tal-ħżin antiċipat li kien fuq il-baħar, iżda bħalissa dan la jiġbor u lanqas jaħżen il-karbonju. L-akbar partita ta' nfiq tal-proġett fir-Renju Unit kienet tinkludi liċenzji għat-teknoloġiji li ġew akkwistati għal EUR 17-il miljun u li attwalment huma kompletament deprezzati. Minkejja li l-UE kkontribwiet EUR 60 miljun għax-xogħol ta’ ġbir, il-proġett ma ta l-ebda riżultat fir-rigward ta’ dan. L-isponsors tal-proġett qatt ma bdew il-kostruzzjoni tal-impjant bażi tal-enerġija li għalih kienu se jiġu applikati l-faċilitajiet tas-CCS. Kien hemm kwistjonijiet simili għall-proġetti fl-Italja, fil-Ġermanja u fil-Polonja, iżda dawn ġew ikkanċellati minnufih.
… iżda kkontribwixxa b’mod pożittiv għas-settur - li qed jiżviluppa b'rata mgħaġġla - tal-enerġija eolika fuq il-baħar
23Is-sottoprogramm tal-EEPR dwar l-Enerġija Eolika fuq il-Baħar kellu l-għan li jiffinanzja, bejn l-2009 u l-2015, lil dawk il-proġetti tal-enerġija eolika fuq il-baħar li jkollhom karatteristiċi innovattivi. Dan kien jinvolvi pereżempju proġetti li jużaw turbini innovattivi u strutturi ta' pedament li jippermettu l-bini tal-ewwel park eoliku fuq skala kbira (400 Mwh) ’il barra ħafna fil-baħar (> 100 KM) u fil-fond ħafna (> 40 M) għall-produzzjoni ta’ elettriku nadif. Il-programm kellu l-għan ukoll li jżid il-konnessjonijiet tal-grilja bejn il-parks eoliċi fuq il-baħar u diversi Stati Membri, b'mod partikolari fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku. Dan kien jinkludi l-użu ta' teknoloġiji innovattivi ta’ konnessjoni mal-grilja fuq skala kummerċjali.
24Fi tmiem l-2017, il-Kummissjoni kienet ħallset EUR 255 miljun mill-EUR 565 miljun li kienet allokat għal disa' proġetti tal-enerġija eolika fuq il-baħar. Erba' minnhom kienu ġew ikkompletati għalkollox. Għal żewġ proġetti, il-ftehimiet ta' għotja kienu ġew itterminati b’mod bikri wara li l-Kummissjoni kienet ħallset EUR 7.4 miljun. Tliet proġetti għadhom għaddejjin fl-2018. It-Tabella 2 tagħti sommarju ta' dawn ir-riżultati.
| Post tal-proġett | Status tal-Azzjoni tal-EEPR f'Ottubru 2017 | Kategorija | Kontribuzzjoni mistennija għall-objettiv tat-tranżizzjoni lejn emissjonijiet b’livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju* | Spiża eliġibbli totali tal-Azzjoni tal-EEPR (skont il-ftehim ta' għotja) f’miljun EUR | Għotja tal-KE f’miljun EUR | Kofinanzjament tal-Azzjoni % (ftehim ta' għotja) | Għotja netta mħallsa tal-KE (wara l-irkupri - Ottubru 2017) |
|---|---|---|---|---|---|---|---|
| UK | Itterminata | GRILJA OWE | M.A. (Grilja) | 149 | 74 | 50% | 3 |
| DE | Itterminata | TURBINI U STRUTTURI OWE | Ebda data | 205 | 59 | 29% | 4 |
| DK/NL | Għadha għaddejja (iddewmet) | GRILJA OWE | M.A. (Grilja) | 173 | 87 | 50% | 5 |
| DE/DK | Għadha għaddejja (iddewmet) | GRILJA OWE | M.A. (Grilja) | 507 | 150 | 30% | 58 |
| UK | Għadha għaddejja (iddewmet) | TURBINI U STRUTTURI OWE | > 80 MWh | 190 | 40 | 21% | 28 |
| DE | Ikkompletata | TURBINI U STRUTTURI OWE | > 400 MWh | 118 | 53 | 45% | 53 |
| DE | Ikkompletata | TURBINI U STRUTTURI OWE | > 295 MWh | 488 | 50 | 10% | 50 |
| DE | Ikkompletata | TURBINI U STRUTTURI OWE | > 400 MWh | 220 | 43 | 19% | 43 |
| BE | Ikkompletata | TURBINI U STRUTTURI OWE | > 270 MWh | 24 | 10 | 42% | 10 |
| > 1 445 MWh | Finanzjament mill-UE totali mogħti: | 565 | Finanzjament mill-UE totali mħallas: | 255 |
* Il-kapaċità ta' ġenerazzjoni annwali antiċipata tal-elettriku nadif.
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-Kummissjoni26.
25Erba' proġetti żviluppaw b'suċċess il-kapaċità li jiġġeneraw kwantità kbira ta’ enerġija elettrika nadifa filwaqt li t-tliet proġetti li ddewmu għadhom f'pożizzjoni li jikkontribwixxu għall-istess objettiv jew li jtejbu l-integrazzjoni tal-grilja tal-enerġija fl-UE. Il-finanzjament mill-UE għall-proġetti tal-enerġija eolika fuq il-baħar mill-2009 ’l quddiem ta sinjal pożittiv għal dak li issa huwa settur li qed jiżviluppa b'rata mgħaġġla27.
26Minħabba l-iżvilupp rapidu tas-settur (li wassal għal xi konġestjonijiet fil-provvista), it-tliet proġetti li ddewmu, b'mod partikolari, kienu jeħtieġu aġġustamenti frekwenti. Il-Kummissjoni wriet flessibbiltà sinifikanti fl-aċċettazzjoni tal-emendi fil-ftehimiet ta' għotja.
Dawn il-programmi tal-EEPR ma laħqux l-objettiv li jistimulaw tkabbir ekonomiku rapidu
27Fl-isfond tal-kriżi ekonomika, wieħed mill-objettivi ċentrali tal-programm tal-EEPR kien li jistimula t-tkabbir ekonomiku billi jagħti spinta lill-investimenti u joħloq impjiegi. Dan kien jirrikjedi li porzjon kbir mill-fondi disponibbli kellhom jintnefqu sa tmiem l-201028. Filwaqt li l-infiq tal-flus mhuwiex objettiv fih innifsu, il-programmi tal-EEPR dwar is-CCS u l-enerġija eolika fuq il-baħar ma laħqux dan l-objettiv ta’ rkupru. Ir-rati ta' pagamenti kienu madwar 10 % fi tmiem l-2010, u kienu għadhom inqas minn 50 % għaż-żewġ programmi fi tmiem l-2017.
Il-programm NER300 ma wettaq l-ebda proġett ta' suċċess għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju …
28NER300 kellu l-għan li jagħti finanzjament lil tmien proġetti li juru l-vijabbiltà kummerċjali tas-CCS. Dan il-finanzjament seta' jingħata lil proġetti diġà ffinanzjati taħt l-EEPR, jew lil proġetti oħra ta’ dimostrazzjoni tas-CCS. Wara l-ewwel sejħa għal proposti ta' NER300, 10 proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS kienu eliġibbli u kienu għaddew b'suċċess mill-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-BEI (ara l-paragrafi 66 sa 75). Il-Kummissjoni kklassifikat tmien proġetti biex jiġu kkunsidrati għal finanzjament b'għotjiet u żammet tnejn fuq lista ta' riżerva29.
29Abbażi ta’ din il-klassifikazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jikkonfermaw l-appoġġ tagħhom għal dawn il-proġetti. Minnhom kien hemm 3 Stati Membri li kkonfermaw 5 minn dawn l-10 proġetti. Madankollu, il-Kummissjoni sabet li dawn il-konfermi ma kinux f’konformità mar-rekwiżiti leġali ta’ NER300 (il-Kaxxa 3 tagħti xi eżempji) u ma tat l-ebda għotja lill-proġetti tas-CCS għall-ewwel sejħa għal proposti.
Kaxxa 3
Eżempji ta' proġetti tas-CCS li ġew irrifjutati mill-Kummissjoni iżda ġew ikkonfermati mill-Istati Membri
Il-Kummissjoni rrifjutat proġett tas-CCS industrijali fin-Netherlands ikkonfermat mill-Istat Membru minħabba nuqqas ta' ftehim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru dwar iċ-ċifri tal-finanzjament. L-aġġustamenti tal-BEI kienu żvelaw defiċit fil-finanzjament ta' EUR 40 miljun li l-ebda parti ma kienet lesta li tpatti għalih.
Il-Kummissjoni sabet li l-konferma ta’ tliet proġetti min-naħa tar-Renju Unit ma kinitx konformi mar-regoli ta’ NER300 minħabba li l-appoġġ ta' dawn il-proġetti kien kundizzjonali fuq is-suċċess finali tagħhom li jiksbu l-finanzjament f’kompetizzjoni nazzjonali li kienet għaddejja f’dak il-perjodu. Minħabba dan, il-kontribuzzjoni totali tal-finanzjament pubbliku ma ġietx ikkonfermata u l-Kummissjoni ma tatx l-appoġġ li jingħata taħt il-programm NER300 lil dawn il-proġetti.
Taħt it-tieni sejħa għal proposti fl-2014, ir-Renju Unit biss ippreżenta proġett tas-CCS. Il-Kummissjoni tat għotja ta' EUR 300 miljun lill-proġett li kien inkluż ukoll fl-iskema ta' appoġġ nazzjonali għas-CCS tar-Renju Unit. Dan il-proġett kellu l-pjan li jiġbor u jaħżen kważi 18-il miljun tunnellata ta' CO2 fuq perjodu ta' dimostrazzjoni ta' 10 snin. Madankollu, f'Novembru 2015, ir-Renju Unit ikkanċella l-iskema ta' appoġġ tiegħu wara analiżi tal-infiq. Dan wassal għal defiċit sinifikanti fil-finanzjament u għax-xoljiment tal-konsorzju. Fiż-żmien tal-awditu, kienu għaddejjin it-tħejjijiet biex il-proġett jiġi rtirat minn NER300, li jfisser li l-għotja ta' EUR 300 miljun li ngħatat iżda li għad trid titħallas, ma kinitx se tintnefaq fuq l-objettiv tas-CCS ta' NER30030.
… u mhuwiex fit-triq it-tajba biex jilħaq l-impatt intenzjonat tiegħu għas-sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli
31Minbarra s-CCS, il-programm NER300 kellu l-għan31 li jappoġġa mill-inqas proġett wieħed f'kull subkategorija tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli biex juri l-vijabbiltà ta' firxa ta' sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli li għadhom mhumiex kummerċjalment disponibbli32.
32Il-Kummissjoni tat EUR 1.8 biljun mill-fondi ta’ NER300 lil 38 proġett innovattiv tal-enerġija rinnovabbli fl-2012 u fl-201433. Fuq il-bażi taċ-ċifri tal-outputs mistennija stabbiliti qabel id-deċiżjonijiet ta’ għotja, il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma mistennija jiġġeneraw kważi 85 TWh ta' enerġija nadifa fl-ewwel ħames snin tal-operat tagħhom. Il-Figura 7 tipprovdi stampa ġenerali tal-istatus ta' dawn il-proġetti ta' NER300 fi Frar 2018. L-Anness II jipprovdi d-data.
Figura 7
Stampa ġenerali tal-istatus tal-proġetti innovattivi tal-enerġija rinnovabbli taħt NER300
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq analiżi tad-data ta' NER300.
Taħt il-leġiżlazzjoni oriġinali dwar il-programm NER300, id-deċiżjoni finali ta’ investiment kellha tintlaħaq fi żmien sentejn (jiġifieri fl-2014 u fl-2016) u l-proġetti jsiru operattivi sa mhux aktar tard minn erba’ snin (jiġifieri fl-2016 u fl-2018) wara d-deċiżjonijiet ta’ għotja.
34Fi Frar 2015, il-Kummissjoni emendat id-Deċiżjoni dwar NER300, u estendiet id-dati ta’ skadenza għad-deċiżjoni finali ta’ investiment u għad-dħul fis-seħħ b’sentejn34. Id-Deċiżjoni ta’ emenda semmiet li l-kriżi ekonomika kienet ir-raġuni prinċipali għalfejn għadd sinifikanti ta’ proġetti li ngħataw il-fondi ta’ NER300 ma setgħux jilħqu d-deċiżjoni finali ta’ investiment fid-dati ta’ skadenza oriġinali. Minkejja li dawn id-dati ta’ skadenza ġew estiżi, seba' proġetti (b'għotjiet totali mogħtija li jaqbżu l-EUR 500 000 000) kienu ġew irtirati minn NER300 fil-bidu tal-2018. Proġett ieħor, li jirrappreżenta EUR 31 miljun oħra, aktarx li kien se jiġi rtirat fl-2018. Għal 14-il proġett li ngħataw għotjiet fl-2014 għandhom jilħqu deċiżjoni finali ta’ investiment fl-2018.
35Jenħtieġ li proġett jilħaq 75 % tal-ammont mistenni ta’ enerġija prodotta fi żmien ħames snin ta’ operat biex jikseb 100 % tal-għotja. Fi tmiem l-2017, tliet proġetti operazzjonali relatati mal-enerġija rinnovabbli kienu rċevew żborżamenti annwali bbażati fuq l-outputs tal-enerġija tagħhom. Żewġ proġetti tal-bijoenerġija li bdew joperaw kif ippjanat kienu qed jipproduċu outputs li kienu ferm aktar baxxi milli antiċipat. Għalhekk, dawn ma kinux fit-triq it-tajba biex jissodisfaw is-soll tal-outputs ta' 75 % meħtieġ biex jitolbu l-għotjiet sħaħ. Il-proġett tal-enerġija eolika li ilu jirċievi żborżamenti mill-2014 kien fit-triq it-tajba.
36Minħabba l-irtirar, id-dewmien u l-outputs aktar baxxi milli mistenni tal-proġetti, il-programm NER300 mhuwiex fit-triq it-tajba biex jilħaq l-impatt intenzjonat fuq firxa wiesgħa ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u biex jippermetti l-ewwel dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali tagħhom.
Il-proġetti tal-EEPR u NER300 ġew affettwati minn kundizzjonijiet avversi ta’ investiment
37Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għandhom riskju teknoloġiku u finanzjarju għoli u għalhekk jiffaċċjaw ħafna sfidi biex jiġu implimentati fis-suq. Il-kwistjonijiet ekonomiċi u regolatorji usa' jaffettwaw l-aċċess tagħhom għall-finanzjament. F'din it-taqsima, aħna nesploraw kif dawn il-fatturi affettwaw il-prestazzjoni tal-programmi EEPR u NER300.
38Aħna stħarriġna l-Pjattaformi tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija li huma assoċjati mal-arkitettura tal-Pjan SET u żewġ organizzazzjonijiet oħra (ara l-paragrafu 18) biex niddeterminaw l-ostakli prinċipali għas-sejba ta’ finanzjament għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali fl-UE. Ir-riżultati ppreżentati fil-Figura 8 juru kunsens fost il-partijiet ikkonċernati kkonsultati rigward ir-rilevanza ta' għadd ta' ostakli ewlenin.
Figura 8
Riżultati tal-istħarriġ dwar l-ostakli għall-finanzjament ta' proġetti ta' dimostrazzjoni
Sors: il-QEA.
Meta programmi bħall-EEPR u NER300 ġew ikkonċepiti fl-2008, il-prezzijiet taż-żejt, tal-faħam, tal-gass u tal-elettriku bl-ingrossa kienu f'livelli li storikament kienu għolja ħafna. Huma kollha naqsu drastikament matul l-2009, eżatt qabel it-tnedija tal-programmi. Filwaqt li l-prezzijiet taż-żejt irkupraw qabel ma reġgħu naqsu fl-2014, dawn il-fatturi huma xprunaturi importanti għall-investiment f'teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. It-tnaqqis u l-volatilità fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili għamlu l-investimenti f'teknoloġiji tal-enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju anqas attraenti meta mqabbla mas-sorsi tal-enerġija tal-fjuwils fossili.
40Il-paragrafi li jmiss jiddeskrivu kif ostakli ewlenin oħra jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-finanzjament tal-proġetti NER300 u EEPR (l-Anness III jorbot dawn l-ostakli maċ-ċifri tal-prestazzjoni ta' dawn il-programmi).
L-inċertezza fl-oqfsa regolatorji u fil-politiki affettwat il-klima ta’ investiment għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni
41Fid-dawl tal-isfida għall-finanzjament ta’ proġetti ta' dimostrazzjoni b’riskju għoli, id-Direttiva dwar l-ETS u d-Deċiżjoni dwar NER300 kienu żiedu l-aspettattivi ta' proġetti potenzjali fir-rigward tal-fatt li l-Istati Membri kienu se jikkontribwixxu għall-finanzjament pubbliku nazzjonali ta’ dawk il-proġetti magħżula taħt NER300. Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jikkonfermaw dan għall-proġetti magħżula qabel tagħtihom il-fondi ta’ NER300.
42L-appoġġ tal-Istati Membri seta' jikkonsisti minn għotjiet kapitali għall-iżvilupp u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura. Seta' jinkludi wkoll benefiċċji addizzjonali bħal tariffi (ara l-Kaxxa 4) jew primjums “feed-in” li jappoġġaw l-operat tal-installazzjonijiet mibnija ġodda. Ir-regoli dwar il-programm NER300 ippermettew ukoll li l-Istati Membri joħorġu garanzija biex il-BEI ikun jista’ jirrilaxxa parti mill-fondi mogħtija lil proġetti qabel ma dawn isiru operazzjonali. Aħna sibna li fiż-żmien meta wettaqna l-awditu kien hemm biss erba’ proġetti f’erba’ Stati Membri li fil-fatt ibbenefikaw minn din il-garanzija u rċevew ħlasijiet bil-quddiem mill-BEI.
Kaxxa 4
Tariffi u primjums “feed-in” għall-enerġija rinnovabbli
It-tariffa “feed-in” hija skema ta’ appoġġ li taħtha jitħallsu prezzijiet fissi tal-elettriku lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli għal kull unità ta’ enerġija prodotta u injettata fil-grilja elettrika. Il-pagament tat-tariffa huwa garantit għal ċertu perjodu ta’ żmien li spiss ikun relatat mad-durata tal-ħajja ekonomika tal-proġett rispettiv relatat mal-enerġija rinnovabbli (normalment bejn 10-25 sena).
Il-primjum “feed-in” huwa skema ta’ appoġġ li taħtha l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli tipikament jinbiegħ fis-suq tal-elettriku, u l-produtturi jirċievu primjum li jiżdied mal-prezz tas-suq tal-produzzjoni tal-elettriku tagħhom. Il-primjum jista' jkun kemm fiss (jiġifieri f'livell kostanti indipendenti mill-prezzijiet tas-suq) kif ukoll varjabbli (jiġifieri b'livelli varjabbli skont l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq)35.
Fl-2012, qabel l-ewwel deċiżjoni ta’ għotja, il-BEI kien informa lill-Kummissjoni li l-vijabbiltà tal-pjanijiet ta’ finanzjament ippreżentati kienu jiddependu ħafna fuq l-appoġġ li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu fil-forma ta’ tariffi “feed-in”, għotjiet jew mekkaniżmi oħra. F'xi każijiet, kienu ġie preżunt li l-għotjiet u s-sussidji addizzjonali mill-Istati Membri kienu se jikkomplementaw bis-sħiħ l-għotja ta’ NER300 għall-finanzjamanet tal-ispejjeż rilevanti tal-proġetti. Il-BEI kien osserva li fil-biċċa l-kbira mill-każijiet l-Istati Membri kienu għadhom ma ddefinewx b'mod ċar jew laħqu qbil dwar dawn il-mekkaniżmi ta' appoġġ fl-għeluq tal-proċess ta’ evalwazzjoni tal-proġetti.
44Mill-201436, il-Kummissjoni rrikjediet li l-Istati Membri jużaw proċeduri kompetittivi ta’ offerti biex jiddeterminaw il-livelli tal-appoġġ li jitħallas lill-promoturi tal-enerġija rinnovabbli. Qabel, l-Istati Membri spiss kienu jużaw tariffi "feed-in" maqbula mal-fornituri tal-enerġija għal perjodi twal (eż. 25 sena). Mill-2017, jenħtieġ li l-proċeduri kompetittivi tal-irkantar ikunu l-uniku mudell ta’ sussidju għall-appoġġ operazzjonali. L-approċċ il-ġdid għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli ma kienx se jipprevjeni lill-Istati Membri milli jkomplu jappoġġaw il-proġetti ta’ dimostrazzjoni innovattivi. Il-linji gwida tal-Kummissjoni pprovdew il-possibbiltà li t-teknoloġiji l-ġodda bi spejjeż ogħla għal kull unità ta’ enerġija prodotta jingħataw deroga mill-proċess ta’ offerti. Filwaqt li l-iskemi nazzjonali għall-appoġġ operazzjonali kienu qed jinbidlu fl-UE kollha, il-proġetti ta’ NER300 li ġew ikkonċeputi fi żmien it-tariffi “feed-in” kienu għadhom qed jippruvaw jilħqu deċiżjoni finali ta’ investiment. Għalhekk, huma ffaċċjaw inċertezza dwar id-disponibbiltà tal-appoġġ operazzjonali futur.
45Il-Kaxxa 5 tagħti eżempju ta' proġett li fl-aħħar mill-aħħar ġie rtirat minħabba bidliet fl-ambjent regolatorju u f’dak tal-appoġġ finanzjarju.
Kaxxa 5
Eżempju ta’ proġett ta’ NER300 li ma setax jilħaq id-deċiżjoni finali ta’ investiment
Proġett relatat mal-enerġija mill-oċeani fir-Renju Unit kien jiddependi fuq l-aċċess għall-mekkaniżmu ta’ appoġġ nazzjonali li kien fis-seħħ għall-enerġija rinnovabbli meta kien applika għall-finanzjament ta’ NER300. F’dak iż-żmien fl-2012, l-Istat Membru kellu fis-seħħ mekkaniżmu ta’ appoġġ li kien se jipprovdi finanzjament għal dan il-proġett relatat mal-enerġija mill-oċeani. Fuq din il-bażi, l-Istat Membru kien ikkonferma l-proposta ta’ għotja mill-programm NER300 tal-Kummissjoni.
Madankollu, il-politika dwar l-enerġija tal-Istat Membru nbidlet matul id-durata tal-iskema NER300. Fl-2016, dawk responsabbli għall-proġett irrappurtaw li taħt skema ta' rkantar kompetittiva ġdida, il-proġett ma rnexxilux jikseb appoġġ għad-dħul, minħabba l-fatt li l-Istat Membru kien neħħa d-delimitazzjoni għas-settur marimittu minn dik l-iskema. Fin-nuqqas ta' sorsi ta' finanzjament alernattivi biex ikopru d-defiċit fil-finanzjament li rriżulta, il-proġett ma setax jilħaq il-FID sal-31 ta' Diċembru 2016 u ġie rtirat.
Għall-proġetti tas-CCS taħt l-EEPR, l-appoġġ mill-Istat Membru wkoll ma mmaterjalizzax kif mistenni. Il-Kaxxa 6 tagħti xi eżempji.
Kaxxa 6
Proġetti tal-EEPR dwar is-CCS u inċertezza regolatorja
Il-proġett tal-EEPR fil-Ġermanja beda x-xogħlijiet kmieni wara t-tnedija b’suċċess ta’ impjant pilota u ta’ faċilità assoċjata għall-ħżin fuq l-art. Minkejja l-impenn inizjali min-naħa tal-Istat Membru għal din it-teknoloġija kif ukoll għall-proġett, id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-CCS u fit-tfassil finali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar is-CCS wasslu biex l-isponsor tal-proġett jiddeċiedi li l-proġett ma kienx vijabbli. Għalhekk, il-proġett ġie kkanċellat fl-2013 filwaqt li l-Kummissjoni kienet diġà ħallset EUR 15-il miljun.
Fir-rigward tal-proġett tal-EEPR fir-Renju Unit, kienet ġiet ippreżentata offerta fit-tieni kompetizzjoni tas-CCS organizzata mill-pajjiż (2012-2015)37: skema nazzjonali li tappoġġa żewġ proġetti ta' dimostrazzjoni li jkopru l-katina kollha tas-CCS. F'Ottubru 2012, il-gvern ma għażilx dan il-proġett għall-appoġġ, anke jekk kien approva l-inklużjoni tiegħu fil-lista oriġinali tal-proġetti magħżula minn qabel għall-EEPR fl-2009. Imbagħad, il-proġett naqas ukoll milli jieħu l-għotja ta' NER300 fl-2012. Madankollu, mill-2009 ’l hawn, il-Kummissjoni ħallset total ta' EUR 120 miljun għal dan il-proġett taħt l-EEPR. Minħabba li ma kisibx l-appoġġ pubbliku mistenni minn sorsi oħra, kif ukoll minħabba d-diskussjonijiet mtawla bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni dwar kif il-proġett jista' jiġi appoġġat permezz ta' mekkaniżmi oħra fi stadji aktar tard, il-vijabbiltà tal-proġett u l-valur miksub għall-fondi mill-UE mħallsa ġew kompromessi.
Ir-reġimi regolatorji u l-mekkaniżmi ta' appoġġ finanzjarju għas-sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli għandhom l-għan li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi dwar il-klima u l-enerġija tal-Istat Membru u tal-UE. Dawn għandhom jiġu allinjati ma' ftehimiet internazzjonali dwar il-klima u ma’ objettivi fuq terminu twil għat-tnaqqis tal-emissjonijiet (jiġifieri lejn l-2050 u lil hinn). Madankollu, meta dawn l-objettivi dwar il-klima u l-enerġija ma jiġux stabbiliti b'mod ċar (eż. jiġu ppromulgati fil-liġi) u ma jkollhomx prospettiva stabbli fit-tul, dan joħloq aktar inċertezza li tagħmel ħsara lill-kundizzjonijiet ta’ investiment għal dan it-tip ta' proġetti innovattivi u riskjużi. Il-Kaxxa 7 tiddeskrivi fil-qosor kif għad baqa' ħafna xogħol xi jsir fir-rigward ta’ din il-kwistjoni.
Kaxxa 7
Strateġiji ta' żvilupp b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-impatt tagħhom fuq l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija
Taħt ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu ta' Monitoraġġ (MMR) tal-UE tal-2013, l-Istati Membri kienu meħtieġa jippreżentaw lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent sal-2015 l-“Istrateġiji ta' żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju” għall-2050, u jirrappurtaw il-progress f'Marzu 2017.
Skont studju reċenti38, sal-2017, mit-28 Stat Membru, kienu biss 13 li kellhom strateġiji li kienu jikkwalifikaw bħala strateġiji ta’ żvilupp b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju taħt il-kriterji żviluppati mill-proġett. Fl-istudju ġie rrappurtat li l-kwalità tal-istrateġiji ppreżentati tvarja ħafna u li mhux l-istrateġiji u l-politiki kollha inklużi f'dawn id-dokumenti ġew ippromulgati fil-liġi.
Ir-Regolament propost dwar l-Unjoni tal-Enerġija ta' Novembru 2016 jirrikjedi li l-Istati Membri jipproduċu pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima (NCEPs) għall-perjodu mill-2021 sal-2030 u għad-deċennji ta’ wara fuq bażi kontinwa. L-Istati Membri se jkollhom ukoll iħejju u jirrappurtaw lill-Kummissjoni sa Jannar 2020 u kull 10 snin l-istrateġiji fit-tul tagħhom għal emissjonijiet baxxi b’perspettiva ta’ 50 sena.
L-inċertezza fil-politiki, fir-regolamenti u fl-appoġġ finanzjarju pubbliku taffettwa l-vijabbiltà finanzjarja u l-progress tal-proġetti innovattivi ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju taħt NER300 u l-EEPR. Billi kien hemm dewmien, kienet qed tiżdied ukoll il-probabbiltà li proġetti ġodda u aktar innovattivi jinħolqu barra mill-programm NER300.
Għal proġetti tas-CCS, it-tnaqqis fil-prezzijiet tas-suq tal-karbonju u n-nuqqas ta’ appoġġ u ta’ dħul ieħor kienu l-ostakli ewlenin
49Jenħtieġ li s-sitt proġetti tas-CCS appoġġati mill-EEPR ikunu laħqu d-deċiżjonijiet finali ta’ investiment tagħhom fl-2011 jew fl-2012 u jkunu bdew joperaw sal-2015. Minbarra ħafna sfidi sinifikanti oħra, fattur ewlieni li żammhom milli jagħmlu dan kien il-prezz tas-suq tal-karbonju li kien aktar baxx milli mistenni taħt l-EU ETS. Il-Figura 9 turi l-evoluzzjoni.
Figura 9
Prezz storiku tal-kwoti tal-EU ETS (EUR/ tunnellata ta' CO2e) 2008-201739
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-medja ta’ kull xahar ta' seba' kuntratti futuri tal-EUA (Quandl).
Aħna sibna li fl-2009, meta saret applikazzjoni għal għotja tal-EEPR għall-proġetti tas-CCS, il-pjanijiet finanzjarji tagħhom ġew stabbiliti abbażi tal-prezzijiet għoljin tal-karbonju li kienu qed jiżdiedu. L-eżaminar tal-applikazzjonijiet għal għotja tal-EEPR ippreżentati fl-2009 mis-sitt promoturi li aktar tard ingħataw l-għotjiet wera li huma kienu qed jistennew li l-prezz tal-karbonju jvarja bejn EUR 20 u EUR 40 għal kull tunnellata ta' CO2 matul il-fażijiet tal-kostruzzjoni u tad-dimostrazzjoni. Wieħed mill-proġetti wera kif il-vijabbiltà tal-pjan finanzjarju tiegħu kienet tiddependi wkoll fuq il-prezzijiet tal-elettriku. Skont l-istimi, il-prezz tal-karbonju li jvarja bejn EUR 65 u EUR 90 għal kull tunnellata ta' CO2 biss seta' realment jippermetti li l-proġett ta' dimostrazzjoni tas-CCS jopera mingħajr telf.
51Fil-pjanijiet ta' finanzjament tagħhom, dawn il-proġetti ta' spiss kienu jistennew li jirċievu finanzjament sinifikanti minn NER300 fil-futur, minkejja li f'dak iż-żmien (fl-2009) it-tfassil finali ta' NER300 ma kienx magħruf. Il-Kaxxa 8 tiddeskrivi kif il-prezz tas-suq tal-karbonju kien jiddetermina wkoll id-daqs massimu tal-għotjiet li jingħataw taħt NER30040. Il-Kummissjoni aċċettat dawn il-pjanijiet finanzjarji ferm inċerti, iffirmat il-ftehimiet ta’ għotja u ħallset 43 % tal-fondi li ngħataw taħt l-EEPR.
Kaxxa 8
It-tnaqqis fil-valur tal-kwoti tal-ETS wassal biex l-għotjiet li jingħataw taħt NER300 ikunu iżgħar
Abbażi tal-ittri ta' konferma tal-Istat Membru u tar-rapporti tad-diliġenza dovuta tal-BEI, aħna kkalkulajna li, għal tmien proġetti tas-CCS tas-settur tal-enerġija, l-ispejjeż41 taħt NER300 għall-użu u għall-operat tal-infrastruttura tas-CCS tagħhom fuq medja kienu jammontaw għal EUR 1.4 biljun. Id-Direttiva dwar l-ETS illimitat id-daqs tal-għotja taħt NER300 għal 15 % tat-300 miljun kwota disponibbli (jiġifieri ekwivalenti għal 45 miljun kwota). Meta l-prezz tas-suq tal-karbonju naqas minn EUR 15 għal kull kwota fl-2010 għal bejn wieħed u ieħor EUR 7.5 fl-2011, huwa naqqas ukoll l-akbar daqs possibbli mistenni ta' għotja taħt NER300 minn EUR 675 miljun għal EUR 337 miljun. Il-Kummissjoni finalment stabbiliet l-għotja għal EUR 300 miljun. Għal proġetti tas-CCS b'kapital intensiv li kienu qed jistennew li jirċievu appoġġ ferm ogħla mill-programm NER300, dan kien xkiel kbir. Dan seħħ meta l-isponsors tal-proġett kienu ppreżentaw u kienu qed jistennew l-evalwazzjoni tal-proposti tagħhom fl-2011-2012.
Meta l-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-proġetti tas-CCS u fittxet il-konferma tal-Istati Membri, hija ħabbret lil dawn l-Istati Membri li kienet qed tassumi li huma kienu se jikkumpensaw id-defiċit li rriżulta bejn l-għotja massima mistennija taħt NER300 ta' EUR 337 miljun u l-finanzjament pubbliku totali meħtieġ għal dawn il-proġetti. Dan id-defiċit seta’ ammonta għal mijiet ta' miljuni ta' euro, li l-Istati Membri ma kinux lesti li joħorġu.
Il-proġetti tal-EEPR dwar is-CCS fir-Renju Unit u fin-Netherlands (l-uniċi proġetti li komplew wara l-2013) qatt ma setgħu jerġgħu jistabbilixxu l-vijabbiltà finanzjarja tagħhom fid-dawl tat-tnaqqis fil-prezzijiet. Il-benefiċċji finanzjarji mistennija relatati mal-ġbir u l-ħżin tas-CO2, li setgħu jevitaw spejjeż għolja taħt l-EU ETS, ma kinux se jimmaterjalizzaw kif mistenni.
53Fl-2012, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni interna42 tal-impatt tat-tnaqqis fil-prezz tas-suq tal-karbonju. Hija osservat li kien sar diffiċli ħafna għal dawn il-proġetti biex jieħdu deċiżjoni finali ta’ investiment. Madankollu, hija żammet l-appoġġ finanzjarju li ngħata taħt l-EEPR u ppermettiet li jkomplu jsiru xi xogħlijiet fuq il-pakketti tat-trasport u tal-ħżin fir-Renju Unit u fin-Netherlands. Il-Kummissjoni applikat ir-raġunament li dawn il-proġetti setgħu potenzjalment ikunu ta' benefiċċju għal emittenti oħra fl-istess oqsma jekk huma jippermettu l-kostruzzjoni tal-infrastruttura għal użu kondiviż.
54Il-Kummissjoni u l-isponsor tal-proġett kienu ddeċidew fl-2011 li jnaqqsu r-ritmu tax-xogħol tal-proġett fin-Netherlands fid-dawl tal-prezzijiet baxxi tas-suq tal-karbonju. Il-Kummissjoni għamlet sforzi sinifikanti fl-2015-2017 biex tidentifika sorsi ta' finanzjament addizzjonali biex tkopri d-diskrepanzi. Hija organizzat diversi laqgħat madwar medja mal-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-industrija u tal-Istati Membri fi Brussell u fittxet l-interessi komuni biex jitkompla l-proġett. L-għan kien li tal-inqas tinbena l-infrastruttura meħtieġa u ssir operattiva għal perjodu qasir ta' dimostrazzjoni. L-isponsor tal-proġett finalment irtira l-appoġġ tiegħu mill-proġett fl-2017.
55In-nuqqas ta' vijabbiltà finanzjarja huwa l-fattur prinċipali li jimblokka l-użu tas-CCS fl-UE. It-tnaqqis qawwi fil-prezz tas-suq tal-karbonju u l-fatt li l-ebda proġett tal-EEPR ma rnexxilu jikseb ammont adegwat ta' finanzjament pubbliku addizzjonali permezz ta' NER300 jew ta’ programmi nazzjonali sal-2012 jew xi dħul ieħor, ikkompromettew il-vijabbiltà tagħhom. F’dak il-perjodu, il-Kummissjoni ma ssospendietx u ma tterminatx l-appoġġ finanzjarju tagħha favur proġetti ta’ dimostrazzjoni tas-CCS taħt l-EEPR, u wara l-2013 kompliet tagħti pagamenti lil żewġ proġetti li fl-aħħar mill-aħħar ma rnexxewx.
It-tfassil ta’ NER300 llimita l-kapaċità tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jirreaġixxu għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu
56Aħna eżaminajna jekk it-tfassil ġenerali tal-programm NER300 kienx jaqbel mal-ħtiġijiet identifikati u jekk il-proċeduri tal-għażla tal-proġetti kinux jiżguraw li l-għotjiet jingħataw lill-aħjar proġetti disponibbli. Eżaminajna wkoll jekk l-arranġamenti ta’ governanza ta' NER300 kinux jippermettu l-prestazzjoni effettiva u flessibbli tal-kompiti mill-entitajiet li jimmaniġjaw dan il-programm ta' innovazzjoni.
Il-mudell ta’ finanzjament magħżul għall-programm NER300 ma ppermettiex li jitneħħew b’mod effettiv ir-riskji għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni
57Il-Kummissjoni hija meħtieġa twettaq valutazzjoni tal-impatt għall-inizjattivi l-aktar importanti tagħha u għal dawk li jkollhom l-aktar impatti estensivi. Dan japplika għall-emenda tal-2009 tad-Direttiva dwar l-ETS (li aktar tard saret il-bażi ġuridika għall-ħolqien tal-programm NER300), kif ukoll għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2010 li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-programm NER300.
58Fl-eżaminar tal-valutazzjonijiet tal-impatt għall-bażi ġuridika tal-programm NER300 mħejjija mill-Kummissjoni, aħna sibna li l-proposta inizjali43 mill-Kummissjoni għar-reviżjoni tal-EU ETS ma kinitx tinkludi mekkaniżmu li jinċentiva l-proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS. Għaldaqstant, lanqas il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni44 ma kienet tinkludi xi valutazzjoni rilevanti tal-ħtiġijiet għall-bażi ġuridika tal-programm NER300. Valutazzjoni ta’ dan it-tip, pereżempju, timmappja l-ħtiġijiet finanzjarji tal-proġetti ta' dimostrazzjoni fil-kategoriji kollha teknoloġiċi li huma previsti li jirċievu l-appoġġ. Hija tidentifika wkoll il-mekkaniżmi nazzjonali ta' appoġġ disponibbli u tiġġustifika għalfejn kien meħtieġ programm fil-livell tal-UE biex jissupplimentahom.
59L-idea tal-mekkaniżmu dehret l-ewwel darba matul il-proċess leġiżlattiv għar-reviżjoni tal-ETS. Fid-dokument tagħha tal-2008 dwar l-għażliet ta' politika intitolat “Financing large scale demonstration of emerging energy technologies (e.g. CCS Demonstration Plants)” (Il-finanzjament ta' dimostrazzjoni fuq skala kbira ta' teknoloġiji tal-enerġija emerġenti (eż. Impjanti ta’ Dimostrazzjoni tas-CCS)) il-Kummissjoni kienet osservat li aktarx grupp limitat biss ta' Stati Membri kien se jappoġġa l-mekkaniżmu għas-CCS.
60It-tfassil finali ta' NER300 kien jinkludi kemm is-CCS kif ukoll is-sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu inkludew l-artikolu li jistabbilixxi l-bażi ġuridika għal NER300 fid-Direttiva riveduta dwar l-ETS u estendew l-ambitu tagħha biex ikopri l-enerġija rinnovabbli.
61Aħna sibna li ma kienx hemm evidenza suffiċjenti disponibbli li kienet tiġġustifika l-ħtieġa għal mekkaniżmu ta' finanzjament addizzjonali ta' dan it-tip fil-livell tal-UE. Ma kien hemm disponibbli l-ebda valutazzjoni sodisfaċenti li kienet tirfed il-bażi ġuridika tal-programm NER300 li kienet tispjega x’tip ta’ appoġġ ikun meħtieġ għall-ewwel proġetti ta’ dimostrazzjoni relatati ma’ firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u mas-CCS, u għalfejn l-għoti ta’ appoġġ wara d-dħul fis-seħħ ikun jissodisfa l-ħtieġa li jitneħħew ir-riskji tal-proġetti mill-kategoriji kollha.
62Aħna vverifikajna wkoll jekk id-dispożizzjonijiet tal-artikolu l-ġdid ta' NER300 fl-aġġornament tal-2009 tad-Direttiva dwar l-ETS kinux qed jipprevjenu l-possibbiltà li jitħallsu l-fondi fi stadji bikrija tal-proġetti. Id-Direttiva ddeterminat li l-allokazzjoni tal-għotja jenħtieġ li seħħ fuq il-bażi tal-verifika tal-emissjonijiet ta’ CO2 evitati. L-interpretazzjoni legali tal-Kummissjoni kienet li din tista’ tkun prekundizzjoni għall-iżborżament iżda wkoll kundizzjoni għall-ħlas lura fil-każ li proġett ma jirnexxix.
63Fil-valutazzjoni tal-impatt45 li hija ppubblikat, il-Kummissjoni ddikjarat li l-irkupru tal-flus minn proġetti li ma jkunux irnexxew ma jkunx faċli minħabba li l-Istati Membri li jkollhom jagħmlu dan. Għalhekk, il-Kummissjoni kienet favur il-possibbiltà li l-iżborżament tal-fondi jsir wara l-bidu tal-operat. L-att ta’ implimentazzjoni finali tal-programm NER300 jirrifletti din l-għażla. Huwa probabbli ħafna li dan affettwa l-użu tal-fondi min-naħa tal-proġetti ta' dimostrazzjoni, iżda pproteġa d-dotazzjoni tal-programm NER300.
64L-eżaminar li wettaqna fuq id-dokumenti, l-intervisti li saru bħala parti mix-xogħol tal-awditjar tagħna u r-risposti għall-istħarriġ tagħna kkonfermaw li t-tfassil ta' NER300, bħala programm li jwassal appoġġ finanzjarju lill-proġetti wara li jkunu bdew l-operat tagħhom, ma ħadimx tajjeb ħafna fir-rigward tat-tneħħija tar-riskji għall-proġetti.
65Fin-nuqqas ta’ valutazzjonijiet ċari u konvinċenti tal-ħtiġijiet, li jirfdu din il-karatteristika ewlenija tat-tfassil fil-bażi ġuridika tal-programm NER300, l-approċċ ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-finanzjament ma ssodisfax b’mod suffiċjenti l-ħtiġijiet relatati mat-tneħħija tar-riskji u mal-finanzjament tal-proġetti ta’ dimostrazzjoni relatati ma’ firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji innovattivi. Id-Direttiva riveduta dwar l-EU ETS għall-perjodu 2021-203046 tipprova tirrimedja din il-problema u tintroduċi l-possibbiltà li jingħata 40 % mill-ammont tal-għotja fi stadji aktar bikrija tal-proġetti, dment li jintlaħqu ċerti stadji importanti.
Il-proċessi tal-għażla tal-proġetti u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ NER300 kienu kumplessi
66Skont id-Deċiżjoni dwar NER300, l-għan tal-programm kien li jagħżel u jappoġġa l-aħjar proġetti possibbli li jkunu relatati ma’ firxa wiesgħa ta' teknoloġiji f'postijiet ġeografikament ibbilanċjati.
67L-Istati Membri, il-BEI u l-Kummissjoni kollha kellhom rwoli fil-preżentazzjoni u fl-għażla tal-proġetti kif ukoll fil-proċess tal-għoti. Il-Figura 10 tagħti stampa ġenerali tar-rwoli kollha attribwiti lill-entitajiet involuti fil-ġestjoni ta' NER300.
Figura 10
Stadji ewlenin fil-proċess ta' NER300 u r-rwoli u r-responsabbiltajiet assenjati
Nota: it-tikek ħomor jirreferu għan-numri tal-paragrafi fit-test.
Sors: il-QEA.
Il-Kummissjoni u l-BEI żviluppaw Manwal tal-Proċeduri li fuq il-bażi tiegħu l-BEI huwa mistenni li jwettaq il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta (jiġifieri l-vijabbiltà teknika u finanzjarja). Jenħtieġ li l-BEI jikklassifika l-proġetti b'valutazzjoni pożittiva fl-ordni tal-prestazzjoni tal-ispiża għal kull unità (CPUP)47. Qabel ma tieħu deċiżjonijiet ta’ għotja abbażi ta’ din il-klassifikazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’konformità mar-regoli tal-programm NER30048, tikkonsulta mill-ġdid mal-Istati Membri biex jikkonfermaw l-appoġġ tagħhom. Aħna nqisu li jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li dawn il-proċeduri jiġu implimentati b’mod konformi u effiċjenti.
Valutazzjoni tad-diliġenza dovuta mill-BEI
69Il-BEI wettaq il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta f'isem il-Kummissjoni u billi segwa l-manwal tal-proċeduri. Din saret bir-reqqa u ġiet iddokumentata f'rapporti ddettaljati għal kull proġett ippreżentat. Madankollu, il-valutazzjoni ma pprovdietx punteġġ jew klassifikazzjoni tal-punt sa fejn l-applikazzjonijiet issodisfaw is-subkriterji tal-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta. Il-BEI kkonkluda dwar ir-riżultat tal-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta b’“iva” jew “le”49.
70Il-proċeduri ta’ diliġenza dovuta, li ġew żviluppati taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, ma kinux jirrikjedu li l-BEI jivvaluta l-vijabbiltà ekonomika tal-proġetti. Dan huwa element ewlieni ta’ dak li normalment il-banek jivvalutaw bħala bankabbiltà tal-proġetti: jiġifieri l-kapaċità li juru fluss ta’ dħul ċar li jippermettilhom iħallsu d-dejn tagħhom u jiġġeneraw redditu fuq l-investimenti. Minħabba din id-differenza, valutazzjoni tad-diliġenza dovuta pożittiva min-naħa tal-BEI għal proġett ta' NER300 ma kinitx timplika li l-proġett ikun jikkwalifika wkoll għal finanzjament mill-BEI (eż. self).
71Fl-evalwazzjoni tiegħu tal-ewwel sejħa għal proposti, il-BEI issenjala kwistjonijiet sinifikanti relatati mal-vijabbiltà finanzjarja. Il-BEI ta parir lill-Kummissjoni biex toqgħod attenta għar-riskji finanzjarji assoċjati ma' xi proġetti, prinċipalment minħabba l-finanzjament ta’ ammonti kbar ta’ dejn u l-ftit evidenza tad-disponibbiltà tiegħu. Minkejja dan it-tħassib ġenerali, il-BEI sab li 88 % tal-proġetti kienu vijabbli (kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament)50 u dan il-fatt ittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għoti.
Klassifikazzjoni tal-proġetti disponibbli
72Wara l-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta, il-Kummissjoni kklassifikat il-proġetti li kienu eliġibbli u vijabbli fi ħdan is-subkategoriji tal-proġetti tagħhom abbażi tal-indikatur CPUP51. Il-BEI kien informa lill-Kummissjoni li kien hemm fattur ta' inċertezza sinifikanti għal dawn is-CPUPs. Il-proġetti ppreżentati kienu ġeneralment fi stadju bikri ta' ppjanar. Id-data dwar l-ispiża u l-prestazzjoni mistennija użata għall-kalkolu ta' dan il-parametru kif ukoll il-finanzjament pubbliku meħtieġ kienu għadhom inċerti ħafna.
Jiġu indirizzati r-riskji u r-rakkomandazzjonijiet qabel ma jingħataw il-fondi
73Aħna analizzajna kampjun ta' 26 rapport tal-BEI għall-ħames Stati Membri magħżula. Għal seba’ proġetti li ngħataw finanzjament mill-Kummissjoni, il-BEI kien indika espliċitament ir-riskji importanti li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni qabel ma tieħu deċiżjonijiet ta’ għotja. Erbgħa minnhom issa ġew irtirati. Ir-rapporti annwali tal-istess proġetti juru li r-riskji ewlenin issenjalati mill-BEI fir-rapporti rilevanti tad-diliġenza dovuta realment immaterjalizzaw. Il-Kaxxa 9 tagħti xi eżempji.
Kaxxa 9
Eżempji tar-riskji ewlenin li ġew issenjalati mill-BEI u li jaffettwaw il-progress tal-proġetti
Għall-ippjanar finanzjarju li kien ippreżenta mal-applikazzjoni għall-għotja, proġett eoliku galleġġanti fi Spanja kien stenna li jkollu aċċess għat-tariffa “feed-in”. Il-BEI kien irrakkomanda lill-Kummissjoni biex tikkonferma għadd ta’ elementi qabel tieħu d-deċiżjoni ta’ għotja, inkluż l-aċċess tal-proġett għal tariffa “feed-in”. Il-Kummissjoni talbet lill-Istat Membru biex jikkonferma l-proġett abbażi ta’ dan. Filwaqt li l-Istat Membru kkonferma l-appoġġ għall-proġett, huwa ddikjara li tariffa “feed-in” ma kinitx se tkun disponibbli u ma speċifikax finanzjament alternattiv. Il-Kummissjoni mbagħad tat l-għotja. Wara d-deċiżjoni ta’ għotja, fir-rapport annwali tal-proġett ġie rrappurtat dewmien fl-ilħuq ta’ deċiżjoni finali ta’ investiment u fid-dħul fis-seħħ minħabba li ma setgħetx tinkiseb tariffa “feed-in” jew sorsi alternattivi ta’ finanzjament (ara wkoll il-paragrafi 42 sa 48 dwar il-kwistjoni tal-inċertezza regolatorja). Skont ir-rapport l-aktar reċenti disponibbli, fl-2016 is-sitwazzjoni kienet kritika, minkejja t-tkomplija ta’ parti mix-xogħol tekniku u ta’ dak relatat mal-awtorizzazzjoni.
Għal proġett tal-bijoenerġija fil-Polonja, il-BEI qajjem ħafna kwistjonijiet dwar il-vijabbiltà teknika u finanzjarja filwaqt li kkonkluda li kien hemm riskju materjali li d-deċiżjoni finali ta’ investiment ma tintlaħaqx fi żmien 24 xahar mid-deċiżjoni ta’ għotja jekk il-kundizzjonijiet attwali tas-suq u l-interess tal-investituri ma jitjibux. Huwa għamel ukoll firxa ta’ rakkomandazzjonijiet oħra biex il-Kummissjoni tiħodhom inkunsiderazzjoni qabel ma tagħti l-għotja. L-Istat Membru kkonferma l-proġett u l-appoġġ nazzjonali, u l-Kummissjoni tat l-għotja. Madankollu, fiż-żmien tal-awditu, il-proġett kien qed jiġi rtirat minħabba li ma kienx finanzjarjament vijabbli.
F’dan il-kuntest, aħna eżaminajna kif il-Kummissjoni u l-Istati Membri indirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-BEI qabel id-deċiżjonijiet ta’ għotja. Ma sibna l-ebda evidenza li l-Istati Membri kienu aċċessaw ir-rapporti tad-diliġenza dovuta tal-BEI meta l-Kummissjoni talbithom jikkonfermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għall-proġetti. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri talbu l-fajls kunfidenzjali tal-BEI wara d-deċiżjoni ta’ għotja.
75Minkejja li l-proċess tal-għażla tal-proġetti u ta’ għoti għall-programm NER300 kien kumpless u jieħu fit-tul, ma kienx jindirizza l-kwistjoni ewlenija tal-vijabbiltà ekonomika. Barra minn hekk, it-tfassil tal-proċess ma għamilx enfasi suffiċjenti fuq il-kwalità komparattiva, il-livelli ta’ innovazzjoni u l-vijabbiltà finanzjarja tal-proġetti. Huwa importanti wkoll li l-awtoritajiet aġġudikanti (jiġifieri l-Kummissjoni u l-Istati Membri/il-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima) ikunu kompletament konxji mir-riskji tal-proġetti li ġew identifikati matul il-valutazzjonijiet tad-diliġenza dovuta qabel jieħdu d-deċiżjonijiet ta’ għotja u jiffirmaw ftehimiet relatati ma’ dawn il-proġetti. Flimkien, dawn il-fatturi setgħu naqqsu l-aċċertament dwar jekk dawn il-proġetti jistgħux jilħqu l-objettivi previsti fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-programm.
It-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-programm NER300 jinvolvi ħafna partijiet
76Fil-mudell ta' governanza ta’ NER300, il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà kumplessiva għall-programm u tmexxi d-diskussjonijiet mal-Istati Membri u mal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima.
77Minkejja li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-koordinazzjoni kumplessiva, hija mhux neċessarjament tirċievi informazzjoni kompleta u f’waqtha dwar il-progress tal-proġetti. L-Istati Membri jibagħtu r-rapporti ta' progress annwali kunfidenzjali lill-Kummissjoni. Il-mudell tar-rapport annwali ma jirrikjedix ir-rappurtar ta' xi informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet għall-finanzjamenti nazzjonali jew dwar il-pjan finanzjarju tal-proġetti. Għalhekk, din l-informazzjoni hija disponibbli biss għall-Kummissjoni jekk l-Istati Membri jinkluduha b'mod volontarju.
78L-Istati Membri ma jistgħux jirrispondu direttament għat-talbiet għal tibdil essenzjali ta’ proġetti billi l-Kummissjoni għandha r-rwol li tirrevedihom u tapprovahom52. Ir-rwol tal-Kummissjoni f’dan il-każ huwa konsegwenza tal-fatt li bidliet essenzjali li jaffettwaw id-deċiżjoni ta’ għotja (eż. id-daqs tal-proġett, l-ambitu, id-dati ta’ skadenzi tal-istadji importanti) jeħtieġu l-approvazzjoni permezz tal-komitoloġija. Qabel ma l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw bidliet fil-ftehimiet li ffirmaw mal-proġetti, il-Kummissjoni jeħtieġ li tadotta deċiżjonijiet ta' implimentazzjoni li jemendaw id-deċiżjoni rilevanti ta’ għotja. Din hija proċedura diffiċli li tinvolvi lill-Kummissjoni, lir-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri u lill-isponsors tal-proġett.
79Il-proġetti innovattivi jeħtieġu rispons u teħid ta' deċiżjonijiet rapidi mill-awtoritajiet maniġerjali fid-dawl tat-teknoloġiji u s-swieq li qed jevolvu rapidament. Il-mudell ta' governanza ta' NER300 ma jissodisfax b'mod suffiċjenti dawn il-ħtiġijiet u huwa kumpless iżżejjed. Il-Kummissjoni kkonfermat dan ukoll fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha għar-reviżjoni tal-fażi IV tal-EU ETS (2021-2030)53.
Il-karatteristiċi l-oħra tat-tfassil ta’ NER300 naqqsu r-rispons għal ambjent li qed jinbidel
80Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jinvolvu ħafna riskji. Għalhekk, tiżdied il-probabbiltà li jkun hemm xi bidliet jew li dawn ma jirnexxux (jiġifieri li jiġi attirat il-finanzjament jew jinkisbu l-outputs tal-enerġija mistennija) meta mqabbla ma' proġetti ta' teknoloġiji maturi. Għalhekk, jenħtieġ li t-tfassil tal-programmi ta' finanzjament pubbliku li jindirizzaw dan it-tip ta' investimenti jkun jippermetti lill-awtoritajiet maniġerjali jsibu soluzzjonijiet flessibbli u f'waqthom biex il-programmi jinżammu fit-triq it-tajba sabiex jilħqu l-objettivi tagħhom.
Il-kriterji teknoloġiċi li ġew stabbiliti minn qabel kienu jirrestrinġu l-flessibbiltà fil-livell tal-programm
81Il-Kummissjoni assenjat l-għotjiet ta' NER300 lil proġetti abbażi ta' lista stabbilità minn qabel ta' kategoriji u sollijiet tat-teknoloġija. Din il-lista tal-2009 kienet il-bażi biex iż-żewġ sejħiet għal proposti jiġu organizzati f'perjodu ta' sentejn. Għalhekk, il-qafas legali ma kien jipprevedi l-ebda reviżjoni jew aġġustament ta' din il-lista fil-futur.
82Madankollu, proġetti li ġew ikklassifikati bħala innovaturi fil-kategoriji tagħhom meta ġew approvati fl-2012 u fl-2014, spiss ġew issuperati mill-iżviluppi fis-swieq u fis-setturi tat-teknoloġija qabel ma bdew joperaw. F'xi każijiet, dan iseħħ rapidament. Il-Kaxxa 10 tagħti eżempju.
Kaxxa 10
Eżempju ta’ proġetti eoliċi fuq il-baħar li huma appoġġati mill-programm NER300
Fil-Ġermanja, żewġ proġetti kbar relatati mal-enerġija eolika fuq il-baħar taħt il-programm NER300 kienu lesti biex isiru operattivi fil-bidu tal-2018. Minkejja li huma ta’ suċċess u għandhom karatteristiċi innovattivi, dawn ma jirrappreżentawx l-ewwel dimostrazzjoni ta’ teknoloġija ġdida (jiġifieri turbina ta’ 6 MW) li għadha mhix kummerċjalment disponibbli. Is-settur tal-enerġija eolika fuq il-baħar żviluppa rapidament fl-aħħar 10 snin u t-turbini ta' 6 MW ġew installati għall-ewwel darba fl-Ewropa fl-201254. Li kieku l-proġetti ntużaw biex jiġu rispettati d-dati ta’ skadenza inizjali tal-programm NER300 (jiġifieri sal-2016), huma setgħu jagħmlu kontribuzzjoni aktar ċara għall-objettiv tiegħu fir-rigward tal-“ewwel użu kummerċjali” ta’ teknoloġija innovattiva.
L-istabbiliment bil-quddiem ta' kriterji teknoloġiċi speċifiċi ħafna għal programm ta' appoġġ għaldaqstant għandu l-limitazzjonijiet. It-tibdil rapidu fis-swieq u fit-teknoloġiji jista' jwassal biex il-proġetti magħżula taħt dawn il-kriterji jkunu inqas problematiċi milli previst, b'mod partikolari meta jkun hemm dewmien.
Kienu meħtieġa soluzzjonijiet biex jiżguraw li l-fondi li ma jintnefqux mill-proġetti li jiġu rtirati jintnefqu sew fuq prijoritajiet urġenti tal-UE
84Ir-regoli ta' NER300 kienu jistipulaw li wara l-31 ta' Diċembru 2015, kwalunkwe fond li jifdal għandu jmur għand l-Istati Membri. Minkejja l-emenda preċedenti tad-Deċiżjoni dwar NER300 biex l-iskadenzi jiġu estiżi b’sentejn, fl-2016 il-proġetti komplew jiġu rtirati minn NER300 minħabba li ma setgħux jirrispettaw id-data ta’ skadenza biex jilħqu deċiżjoni finali ta’ investiment. In-nuqqas ta' lista ta' riżerva adegwata tal-proġetti rilevanti wara t-tieni sejħa għal proposti għamilha impossibbli għall-Kummissjoni li tissostitwixxihom bi proġetti li diġà ġew skrutinizzati mill-BEI. Il-qafas legali ta' NER300 wkoll ma kien jinkludi l-ebda għażla għat-tnedija ta' sejħa għal proposti addizzjonali. L-irtirar tal-proġetti aktarx li jirriżulta f'mill-inqas EUR 840 miljun ta' fondi li ma jintnefqux sa nofs l-2018 (40 % tat-EUR 2.1 biljun assenjati)55.
85F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni, skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima, iddeċidiet56 li tagħmel disponibbli l-fondi li ma ntnefqux mill-ewwel sejħa għal proposti (mill-inqas EUR 436 miljun) biex jiġu ssupplimentati l-istrumenti finanzjarji mmaniġġjati mill-BEI57. Dan se jippermetti li l-fondi ta’ NER300 li ma ntnefqux jintużaw għal attivitajiet relatati, sakemm jitnieda l-Fond ta' Innovazzjoni. Madankollu, in-natura u l-objettivi ta' dawn l-istrumenti mhumiex identiċi għal dawk ta' NER30058. It-tħassib li qed inqajmu fir-rigward tal-obbligu ta’ rendikont għall-infiq tal-fondi ta’ NER300 fit-taqsima li jmiss japplika wkoll f’każijiet fejn dawn il-fondi potenzjalment jingħaddew lejn strumenti finanzjarji.
Jeħtieġ li jsir titjib fil-koordinazzjoni u fl-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont
86Hemm ħafna strumenti u programmi tal-UE li għandhom objettivi li huma simili bħal dawk tal-programm NER300 (ara l-Annness V). Fid-dawl ta' dan ix-xenarju kumpless, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlux progress fir-rigward tal-allinjament tal-azzjoni pubblika u privata fil-livell Ewropew għall-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Eżaminajna wkoll jekk is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli mill-programmi fir-rigward tal-aċċellerazzjoni tax-xogħol ta’ innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa jaħdmux flimkien b'mod effettiv biex jikkoordinaw il-ġestjoni tagħhom ta' programmi li jinsabu għaddejjin bħal NER300, Orizzont 2020 u l-EDP InnovFin, u jisfruttaw il-kompetenza kkombinata tagħhom biex jiżviluppaw pakketti u soluzzjonijiet finanzjarji koerenti. Aħna vvalutajna wkoll kif l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma responsabbli għall-ġestjoni u għar-riżultati tal-programm NER300.
Minkejja l-progress li mexa aktar bil-mod milli previst, il-Pjan SET jipprovdi bażi għat-titjib tal-koordinazzjoni fl-Ewropa
87Il-koordinazzjoni tajba tinkiseb meta l-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiksbu koordinazzjoni effettiva vertikali (bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti) u orizzontali (bejn is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u bejn dawk rilevanti nazzjonali, kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati esterni)59. L-inizjattiva ewlenija għall-kisba ta’ dan it-tip ta’ koordinazzjoni fl-UE hija l-Pjan SET (Integrat), li ġie approvat mill-Kunsill fl-2008 u huwa mmaniġġjat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, fuq bażi volontarja. Il-Pjan SET ifittex ukoll l-interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati fl-industrija u fl-akkademja permezz ta’ pjattaformi ddedikati li evolvew matul is-snin.
88Il-Pjan SET mhuwiex veikolu ta' finanzjament, iżda għandu l-għan li jikkoordina u jallinja r-riżorsi finanzjarji rilevanti tal-UE, kemm nazzjonali kif ukoll tas-settur privat. L-Istati Membri jieħdu sehem fil-Grupp ta' Tmexxija ppresedut mill-Kummissjoni u mill-gruppi ta' ħidma. Il-Kummissjoni, id-DĠ RTD, id-DĠ ENER u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka ġew involuti fil-Pjan SET. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri rrevedew il-Pjan SET fl-2015 biex jallinjawh mal-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija.
89Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri li ġew ikkonsultati matul iż-żjarat tagħna vvalutaw b’mod pożittiv l-esperjenza li kisbu taħt il-Pjan SET60. Madankollu, huma osservaw li l-ambizzjoni inizjali li jinkisbu programmazzjoni u finanzjament konġunti ta’ azzjonijiet rilevanti għall-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija għadha sal-lum toħloq sfidi serji.
90Taħt il-Pjan SET Integrat, mill-2015 ’l hawn, il-Grupp ta' Tmexxija assenja lil 14-il grupp ta' ħidma temporanju l-kompitu li jiżviluppaw Pjanijiet ta' Implimentazzjoni biex jiġu approvati sa Novembru 2017. Fi tmiem l-2017, il-Grupp ta' Tmexxija kien approva u rrilaxxa ħames Pjanijiet ta' Implimentazzjoni61. Huwa kien għadu ma ddeċidiex dwar kif se jirrapporta l-kisba tagħhom.
91Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex imexxu ’l quddiem l-ambizzjoni tal-programmazzjoni u l-iffinanzjar konġunti. L-Istati Membri ma qablux li jimpenjaw ir-riżorsi nazzjonali għal dawn il-pjanijiet ta' implimentazzjoni. Il-partijiet ikkonċernati tas-settur privat irrappreżentati fil-Pjattaformi tat-Teknoloġija u tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija (ETIPs) ukoll ma impenjaw l-ebda kontribuzzjoni finanzjarja lejn il-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Pjan SET.
92Minkejja r-rwol ta’ koordinazzjoni tiegħu fl-akbar programm ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija fl-Ewropa u r-rilevanza tiegħu għall-objettivi tal-Pjan SET, id-DĠ CLIMA ssieħeb fil-Grupp ta’ Tmexxija ta’ dan il-pjan f’Ottubru 2016. Huwa ma ħax sehem fil-gruppi ta' ħidma temporanji rilevanti għall-ambitu ta' NER300 jew tal-Fond ta' Innovazzjoni futur. Fl-2017, id-DĠ CLIMA organizza diskussjonijiet madwar mejda separati u komprensivi bejn il-partijiet ikkonċernati u r-rappreżentanti mis-setturi tal-enerġija rinnovabbli, tal-industrija intensiva fl-enerġija u tas-CCS biex jiddiskutu t-tfassil futur tal-Fond ta' Innovazzjoni.
93Il-Pjan SET Integrat tal-2015 allinja l-objettivi tiegħu mal-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Enerġija u rrikonoxxa li, mit-tnedija tiegħu fl-2008, kien hemm nuqqas ta’ progress f’xi wħud mill-ambizzjonijiet ewlenin tiegħu. Fin-nuqqas ta' rappurtar strutturat u regolari dwar il-progress ta’ riżultati li jistgħu jitkejlu b'mod ċar, huwa diffiċli li jiġu identifikati l-benefiċċji li jirriżultaw mill-kooperazzjoni fil-Pjan SET.
Is-servizzi tal-Kummissjoni jeħtieġ li jtejbu l-koordinazzjoni interna u l-koerenza tal-appoġġ mill-UE għal proġetti ta' dimostrazzjoni b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju
94Fl-2009, il-Kummissjoni ppubblikat id-dokument intitolat “L-investiment fl-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju (SET-plan)”62, li kien ibbażat fuq l-objettivi tal-Pjan SET li ġew ifformulati fl-2008. Il-Kummissjoni riedet issib modi ġodda ta’ kif tikkombina r-riżorsi li jkunu ġejjin minn atturi u strumenti differenti, bħal għotjiet, self u garanziji fuq is-self, sabiex timmobilizza aktar finanzjament għal dimostrazzjonijiet fuq skala kbira. Hija osservat li l-BEI seta' jkollu rwol ta' importanza kbira fit-titjib tal-koordinazzjoni u l-kontinwità tal-finanzjament disponibbli, u għamlet riferiment partikolari għall-Faċilità ta' finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji (RSFF) appoġġata mill-FP7.
Komplementarjetà bejn NER300 u programmi oħra ta’ għotjiet tal-UE
95Fil-Valutazzjoni tal-Impatt tagħha ta' NER300 tal-201063, il-Kummissjoni osservat li NER300 kellu jkun komplementari għall-programm kwadru ta’ riċerka (jiġifieri l-FP7 fl-2007-2013) u jindirizza proġetti aktar maturi.
96L-FP7 (u aktar tard Orizzont 2020 fl-2014-2020) beda jopera b'mod parallel ma' NER300 u l-EEPR mill-2009/2010. Ir-rwol tal-programmi ta' riċerka f'termini ta' finanzjament tal-attivitajiet ta' dimostrazzjoni tal-enerġija ma kienx stabbilit sew meta l-Kummissjoni niedet il-programm NER300 fl-2010. Bejn l-FP7 u Orizzont 2020 sibna li l-għadd ta' proġetti kbar ta' dimostrazzjoni tal-enerġija li jirċievu għotjiet żdied, u anke l-ammont tal-għotjiet individwali. L-ogħla għotja unika għal proġett ta’ dan it-tip taħt Orizzont 2020 hija kemm kemm taħt l-EUR 40 miljun64, filwaqt li l-ammont medju ta’ għotja taħt NER300 kien ta' EUR 54 miljun. II-programm Orizzont 2020 għandu l-għan speċifiku li jiffinanzja proġetti li jkunu akbar minn tal-FP7 biex ikun jista’ jagħmel impatt akbar. Għalhekk, huwa importanti li jiġi mmonitorjat kif Orizzont 2020 (u s-suċċessur tiegħu wara l-2020) u NER300 (u s-suċċessur tiegħu mill-2021) huma komplementari jew jissodisfaw ħtiġijiet differenti, u kif jinteraġixxu.
NER300 u l-istrumenti finanzjarji
97Id-Deċiżjoni dwar NER300 rreferiet ukoll għall-possibbiltà li l-finanzjament ta’ NER300 jiġi kkombinat mal-finanzjament ta’ self taħt il-Faċilità ta' finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji65. Din il-faċilità tabilħaqq appoġġat għadd ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Filwaqt li dan huwa eżempju tal-ħidma li l-Kummissjoni wettqet flimkien mal-BEI biex tiżviluppa soluzzjonijiet oħra ta' finanzjament, dawn ma kienu jinkludu l-ebda proġett ta' NER300. Għaldaqstant, ma kienx hemm kombinamenti tal-prodotti pprovduti minn dawn iż-żewġ programmi.
98Fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali (2014-2020), l-InnovFin issostitwixxa l-Faċilità ta' finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji. Qasam tematiku tal-intervent ta’ InnovFin jikkonċerna l-proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija (EDP)66. Il-Kummissjoni niedet dan l-istrument finanzjarju ġdid biex tappoġġa proġetti bħal dawk appoġġati minn NER300, li f'dak iż-żmien kellhom dewmien fl-ippjanar finanzjarju tagħhom.
99Minkejja dawn it-tentattivi biex jiġu pprovduti l-proġetti ta’ dimostrazzjoni b’firxa usa’ ta’ prodotti finanzjarji u kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Kummissjoni (ara l-Kaxxa 11), fil-mument tal-ikkompletar ta’ dan l-awditu, ma ġie ffirmat ebda ftehim ta’ self għall-ebda wieħed mill-10 proġetti ta’ NER300 li kienu applikaw għal self tal-InnovFin sa tmiem l-2017. In-natura speċifika tal-proġetti ta' dimostrazzjoni ta' NER300 (eż. riskji teknoloġiċi u finanzjarji li jkunu ogħla meta mqabbla ma’ proġetti teknoloġiċi maturi, inċertezza dwar l-outputs, il-prestazzjoni u d-dħul mistennija) hija tali li tagħmilha diffiċli biex jiġu rispettati r-rekwiżiti standard tad-diliġenza dovuta tal-bank.
Kaxxa 11
Proġetti ta’ Dimostrazzjoni fil-qasam tal-Enerġija ta’ InnovFin
Fil-Programm ta’ Ħidma ta’ Orizzont 2020 għal Enerġija Sigura, Nadifa u Effiċjenti għall-2018-202067, il-Kummissjoni osservat li d-domanda għal EDP InnovFin kienet qawwija u li kienet se tirdoppja l-appoġġ finanzjarju ta’ Orizzont 2020 minn EUR 150 għal EUR 300 miljun filwaqt li talloka EUR 100 miljun oħra fl-2019 u fl-2020. L-ambitu tal-istrument ġie estiż ukoll biex ikopri l-prijoritajiet kollha tal-Pjan SET ħlief l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija nukleari, iżda jinkludi s-CCUS. Id-DĠ RTD biħsiebu wkoll jiżviluppa tieqa għall-għotjiet ta’ Orizzont 2020 biex jikkomplementa l-prodotti tal-EDP InnovFin68.
Il-Fond ta’ Innovazzjoni u l-iżgurar tal-komplementarjetà wara l-2020
100Fl-2017, id-DĠ CLIMA organizza diskussjonijiet madwar mejda bejn il-partijiet ikkonċernati biex jinsiltu tagħlimiet minn NER300 u jitħejja t-tfassil tal-Fond ta' Innovazzjoni l-ġdid. Il-partijiet ikkonċernati talbu wkoll biex jinħoloq programm ta' taħlit li jinkludi l-appoġġ għall-istrumenti finanzjarji, filwaqt li jipprovdi wkoll l-għotjiet ta' investiment għall-istadji bikrija tal-iżvilupp tal-proġetti.
101Skont ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport finali69, jenħtieġ li l-Fond ta’ Innovazzjoni joffri prinċipalment għotjiet, ikkomplementati b’għotjiet parzjali u/jew self mingħajr ir-riskji jew ekwità b'livelli ogħla ta’ intensità tal-għotjiet għal proġetti fl-istadju bikri. Ir-rapport issottolinja wkoll li l-fond il-ġdid jenħtieġ li jikkomplementa l-programmi ta' finanzjament mill-UE u mill-programmi nazzjonali eżistenti u ma jkunx jikkoinċidi magħhom; fost l-eżempji speċifiċi kien hemm Orizzont 2020, l-InnovFin, is-CEF, u l-kapital ta' riskju mill-Fond Ewropew tal-Investiment u l-FEIS.
102Għalhekk, kemm id-DĠ CLIMA kif ukoll id-DĠ RTD qed jivvalutaw kif jistgħu jfasslu aħjar il-mekkaniżmi primarji ta' appoġġ tagħhom (jiġifieri l-Fond ta’ Innovazzjoni u l-EDP InnovFin ikkombinati ma’ għotja ta’ Orizzont 2020) għal proġetti ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-finanzjament taħt Orizzont 2020 għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni l-aktar avvanzati fil-qasam tal-enerġija (inkluż permezz tal-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-EDP InnovFin) żdied ukoll mit-tnedija ta’ NER300. Mhuwiex ċar jekk NER300 (u l-Fond ta' Innovazzjoni), fuq naħa waħda, u Orizzont 2020/l-FP9 (inkluż il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-istrumenti finanzjarji), fuq in-naħa l-oħra, humiex se jkunu komplementari biżżejjed biex jiġġustifikaw l-eżistenza ta' programmi ta' finanzjament pubbliku paralleli b'entitajiet maniġerjali (il-Kummissjoni) u korpi ta' sorveljanza differenti.
103B’mod ġenerali, il-Kummissjoni għadha ma laħqitx l-ambizzjoni, li ddikjarat fl-2009 u li tenniet fl-201670, li tippermetti mmirar koerenti u aħjar tar-riżorsi u tal-prodotti finanzjarji, inklużi l-għotjiet tal-UE, il-prodotti ta’ self u l-ekwità, li jindirizzaw l-istadji distinti tal-iżvilupp tal-proġetti ta’ dimostrazzjoni fuq skala kbira.
L-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont għal NER300 mhumiex ċari biżżejjed
104Il-fondi ta’ NER300 mhumiex parti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u għalhekk ir-Regolament Finanzjarju tal-UE ma japplikax għall-ġestjoni tagħhom. Dawn huma fondi tal-Istati Membri ġġenerati minn strument ta’ politika tal-UE (jiġifieri l-EU ETS). Il-bażi ġuridika ta' NER300 (jiġifieri d-Direttiva dwar l-ETS u d-Deċiżjoni dwar NER300) ma tinkludix referenzi espliċiti għall-kontroll finanzjarju (eż. għall-pagamenti) jew għall-awditjar (intern jew estern).
105Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali li kkonsultajna matul l-awditu ġeneralment ipperċepixxew il-fondi ta’ NER300 bħala fondi tal-UE71. Ma hemm l-ebda rekwiżit legali għar-rappurtar annwali mill-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni operattiva jew finanzjarja tal-programm biex jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont pubbliku sħiħ. Ma hemm l-ebda proċedura ta’ kwittanza għall-amministrazzjoni ta’ dawn il-fondi min-naħa tal-Kummissjoni. Il-BEI jibgħat lill-Kummissjoni rapporti finanzjarji kunfidenzjali dwar l-attivitajiet ta’ ġestjoni tiegħu tal-assi tal-programm NER 300 u jirrapporta l-fondi bħala entrata li ma tidhirx fil-karta tal-bilanċ miżmuma f’isem parti terza72. Il-Kummissjoni ma tirrappurtax il-fondi ta’ NER300 fil-karta tal-bilanċ tal-UE.
106B'mod ġenerali, il-kontroll finanzjarju u l-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont għall-programm NER300 mhumiex ċari biżżejjed. Arranġamenti bħal dawn huma meħtieġa biex jipprovdu aċċertament robust tal-ġestjoni finanzjarja tajba ta' dawn il-fondi pubbliċi mill-entitajiet involuti fil-ġestjoni tal-programm.
107Fl-2016, il-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji osserva li l-inklużjoni tar-rikavati mill-iskema tal-Unjoni Ewropea għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS) tista’ tkun waħda mill-alternattivi għal riżorsi proprji ġodda73.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
108Filwaqt li nirrikonoxxu l-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq għal dan it-tip ta' attività wara l-2008, il-konklużjoni ġenerali tagħna hija li l-EEPR u NER300 ma appoġġawx il-progress intenzjonat biex juru l-vijabbiltà kummerċjali tas-CCS u ta' firxa ta' sorsi innovattivi tal-enerġija rinnovabbli.
109L-EEPR ma laħaqx l-objettivi ambizzjużi tiegħu relatati mal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju minħabba li l-ebda proġett li rċieva finanzjament mill-UE ma wera t-teknoloġija fuq skala kummerċjali (ara l-paragrafi 20 sa 22). Ħamsa mis-sitt proġetti kkofinanzjati ma ġewx ikkompletati.
110L-appoġġ tal-EEPR għall-enerġija eolika fuq il-baħar kellu l-għan li jimplimenta turbini u strutturi ta' pedament innovattivi filwaqt li jżid il-konnessjonijiet tal-grilja bejn l-Istati Membri. Dan il-programm ta kontribut pożittiv għal settur li qed jiżviluppa b'rata mgħaġġla, minkejja bosta dewmien u żewġ proġetti tterminati (ara l-paragrafi 23 sa 26).
111Aħna sibna wkoll li anke NER300 ma implimenta l-ebda proġett ta' dimostrazzjoni tas-CCS ta’ suċċess (ara l-paragrafi 28 sa 30). L-uniku proġett tas-CCS li għalih il-Kummissjoni tat finanzjament fl-2014 waqqaf l-attivitajiet tiegħu wara li l-Istat Membru rtira l-appoġġ nazzjonali tiegħu fl-2015. Għalhekk, il-proġett ma setax jilħaq deċiżjoni finali ta’ investiment u x'aktarx li se jirtira minn NER300 fl-2018.
112NER300 mhuwiex fit-triq it-tajba lanqas biex jilħaq l-impatt intenzjonat tiegħu għas-sorsi innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli li għadhom ma kinux kummerċjalment disponibbli meta l-Kummissjoni għażlet il-proġetti (ara l-paragrafi 31 sa 36). Minkejja deċiżjoni fl-2015 biex id-dati ta’ skadenzi jiġu kollha estiżi b'sentejn, seba' proġetti kienu ġew irtirati fil-bidu tal-2018. Dawn il-proġetti ma jużawx l-għotjiet mogħtija u ma jwasslux l-outputs mistennija minnhom rigward l-enerġija nadifa.
113Fir-rigward tar-raġunijiet għall-fallimenti u d-dewmien, sibna li l-proġetti innovattivi fil-qasam tal-enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju appoġġati mill-EEPR u NER300 kienu ġew affettwati minn kundizzjonijiet avversi ta’ investiment (ara l-paragrafi 37 sa 55). Filwaqt li xi wħud mill-kundizzjonijiet ta' investiment huma ddeterminati minn żviluppi ekonomiċi usa', oħrajn jistgħu jiġu stabbiliti jew influwenzati minn dawk li jfasslu l-politika. L-inċertezza fir-rigward tal-istrateġiji fit-tul dwar il-klima u l-enerġija u tal-politiki, ir-regolamenti u l-appoġġ finanzjarju pubbliku li fuqhom huma bbażati affettwaw il-kapaċità tal-proġetti li jattiraw investimenti privati u jilħqu deċiżjoni finali ta’ investiment fil-ħin (ara l-paragrafi 41 sa 48).
114Minbarra l-fatturi ekonomiċi u fatturi oħra msemmija hawn fuq, it-tnaqqis fil-prezz tas-suq għall-emissjonijiet tal-karbonju taħt l-EU ETS mill-2011 ’l hawn kien ostaklu ewlieni għall-proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS fl-UE (ara l-paragrafi 49 sa 55). Dan affettwa l-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi diġà riskjużi tal-proġetti ta' dimostrazzjoni tas-CCS, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kienet assenjat l-għotjiet tal-EEPR fl-2009. Il-prezzijiet baxxi wasslu wkoll biex l-ammonti tal-għotjiet disponibbli jkunu iżgħar milli mistenni taħt NER300, b’hekk ħallew aktar nuqqasijiet fil-finanzjament.
115Barra minn hekk, in-nuqqas ta' kwalunkwe proġett tal-EEPR li jiżgura ammont adegwat ta' finanzjament pubbliku permezz ta' NER300 jew programmi nazzjonali sal-2012 ikkomprometta l-vijabbiltà ta' dawn il-proġetti. Il-Kummissjoni għamlet sforzi biex tippermetti li jitkompla x-xogħol fuq id-dimostrazzjoni tas-CCS iżda f'dak il-perjodu ma ssospendietx u ma tterminatx l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-proġetti li fl-aħħar mill-aħħar ma rnexxewx.
116Il-proġetti innovattivi fil-qasam tal-enerġija li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju jeħtieġu klima ta’ investiment aħjar. F'dan il-kuntest, ir-Regolament propost dwar il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, jipprevedi li l-Istati Membri jħejju u jippreżentaw lill-Kummissjoni l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Klima u l-Enerġija li jiddeskrivu l-istrateġiji ta' żvilupp fit-tul tagħhom b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (ara l-Kaxxa 7), ibbażati fuq politiki u regolamenti stabbli li jippromwovu u jappoġġaw l-użu tal-enerġija rinnovabbli u jkomplu jnaqqsu l-emissjonijiet74. Il-Kummissjoni se jkollha rwol fl-iskrutinju tal-pjanijiet u r-rappurtar tal-Istat Membru biex tistabbilixxi jekk fihomx l-elementi kollha meħtieġa. Jenħtieġ li hija tuża din l-informazzjoni meta tagħti finanzjament mill-UE.
Rakkomandazzjoni 1 – Żieda fil-potenzjal għal appoġġ effettiv li jingħata mill-UE għal innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju
Biex tiżdied l-effettività tal-appoġġ finanzjarju li jingħata mill-Unjoni għal proġetti innovattivi ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, jenħtieġ li l-Kummissjoni, fil-każ li proġetti kbar b’kapital intensiv li jkunu jeħtieġu l-kombinament tal-appoġġ nazzjonali u dak tal-UE jiġu ppreżentati għal finanzjament taħt il-Fond ta’ Innovazzjoni propost u taħt programmi oħra rilevanti tal-UE mmaniġġjati fil-livell ċentrali, tivvaluta l-konsistenza tagħhom mal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima u tiżgura li l-Istati Membri jieħdu impenji sodi u trasparenti qabel l-għoti ta’ fondi tal-UE.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021.
117Aħna sibna wkoll li l-aspetti tat-tfassil tal-programm NER300 llimitaw il-kapaċità tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jirreaġixxu b'mod effettiv għaċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu (ara l-paragrafi 56 sa 85).
118Il-mudell ta’ finanzjament magħżul għall-programm NER300 biex jipprovdi fondi pubbliċi għal proġetti wara biss li dawn isiru operattivi ma kienx iġġustifikat b’mod adegwat mill-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u kien jimponi l-biċċa l-kbira mir-riskju fuq il-promoturi tal-proġetti. Qabel il-ħolqien tal-programm NER300 fid-Direttiva dwar l-ETS, ma saret l-ebda valutazzjoni ċara li kienet turi x’tip ta’ appoġġ ikun meħtieġ għall-ewwel proġetti ta’ dimostrazzjoni relatati ma’ firxa wiesgħa ta’ teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli u mas-CCS, li jridu jiffaċċjaw ħafna sfidi differenti fir-rigward tal-investiment u r-regolamentazzjoni fl-UE kollha. Il-bażi ġuridika adottata fl-2018 għall-Fond ta’ Innovazzjoni l-ġdid għandha l-għan li tirrimedja l-kwistjoni tat-tneħħija tar-riskji (ara l-paragrafi 57 sa 65).
119Il-proċessi tal-għażla tal-proġetti u tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' NER300 kienu kumplessi (ara l-paragrafi 66 sa 75). Il-proċess tal-għażla u tal-għoti tal-għotjiet applikat mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri ma għamilx enfasi biżżejjed fuq il-kwalità komparattiva u r-riskji tal-vijabbiltà finanzjarja u ekonomika tal-proġetti. Aħna ma stajniex naċċertaw ukoll li l-Istati Membri kienu infurmati biżżejjed dwar ir-riskji u r-rakkomandazzjonijiet identifikati mill-BEI qabel ma approvaw il-proġetti kklassifikati għal deċiżjoni ta’ għotja mill-Kummissjoni. Dawn il-fatturi naqqsu l-aċċertament dwar jekk dawn il-proġetti jistgħux jilħqu l-objettivi tagħhom fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-programm. Hemm ukoll lok biex jissaħħaħ il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' NER300, b'mod partikolari fir-rigward ta’ talbiet kbar għal tibdil fi proġetti li issa jeħtieġu bidliet fil-leġiżlazzjoni.
Rakkomandazzjoni 2 – Titjib fil-proċeduri tal-għażla tal-proġetti u tat-teħid ta' deċiżjonijiet għall-Fond ta' Innovazzjoni futur
Fid-dawl tat-tnedija ppjanata tal-Fond ta' Innovazzjoni l-ġdid fl-2021, jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb, meta mqabbla ma’ dawk ta’ NER300, l-elementi kritiċi tal-proċess tal-għażla tal-proġetti u tat-teħid ta' deċiżjonijiet. B’mod partikolari jenħtieġ li hija:
- tistabbilixxi kriterji għall-irtirar ta' finanzjament f'każijiet fejn il-proġetti ma jilħqux l-istadji importanti maqbula;
- tivvaluta l-aspetti tal-vijabbiltà ekonomika tal-proġetti (il-"bankabbiltà"), inklużi dawk imsemmija taħt ir-Rakkomandazzjoni 1;
- tiddefinixxi sollijiet preċiżi u li jistgħu jitkejlu għal kull kriterju tad-diliġenza dovuta/tal-għoti;
- tagħmel disponibbli b’mod kunfidenzjali r-riżultati tal-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat qabel id-deċiżjoni ta’ għotja;
- tappoġġa proġetti li għalihom il-proċedura ta’ għażla wriet li x’aktarx se jkunu dawk li jikkontribwixxu l-aktar għall-ilħuq tal-prijoritajiet tal-UE;
- tissimplifika l-proċedura tat-talbiet għal tibdil ta’ proġett sabiex ma jkunx meħtieġ li jinbidlu l-atti legali tagħha.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2020.
120Il-karatteristiċi l-oħra tat-tfassil ta' NER300 wkoll naqqsu r-rispons tal-programm għal ambjent li qed jinbidel (ara l-paragrafi 80 sa 85). L-użu ta' kriterji teknoloġiċi speċifiċi stabbiliti bil-quddiem fl-2009 illimita l-kapaċità tal-programm li jirreaġixxi kemm għall-iżviluppi fis-suq kif ukoll għal dawk teknoloġiċi. Il-proġetti magħżula taħt dawk il-kriterji jistgħu jkunu anqas ta' tfixkil milli previst meta jkun hemm dewmien.
121Billi l-proġetti ġew irtirati minħabba li ma setgħux jilħqu d-dati ta’ skadenzi tal-programm (estiżi), il-Kummissjoni fittxet soluzzjonijiet biex terġa' tassenja somom kbar ta' fondi li ma ntnefqux għal programmi oħra u tiżgura li dawn ikunu disponibbli biex jiżdied l-investiment fi proġetti innovattivi. In-natura u l-objettivi ta' dawn il-programmi mhumiex identiċi għal dawk ta' NER300, u jeħtieġ li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont fir-rigward ta’ kif jintnefqu dawn il-fondi.
Rakkomandazzjoni 3 – Żgurar tal-flessibbiltà tal-Fond ta' Innovazzjoni biex jirreaġixxi għall-iżviluppi fis-suq u għal dawk teknoloġiċi
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li t-tfassil tal-Fond ta' Innovazzjoni, meta mqabbel mat-tfassil ta' NER300, ikun jippermetti reazzjonijiet aktar flessibbli għall-iżviluppi teknoloġiċi u għall-irtirar tal-proġetti.
Dawn jistgħu jinkludu:
- approċċ flessibbli għad-definizzjoni u l-aġġornament ta’ teknoloġiji u ta’ sollijiet eliġibbli;
- l-organizzazzjoni ta’ sejħiet kontinwi għal proposti u deċiżjonijiet ta’ għotja;
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021.
122Hemm ħafna mekkaniżmi ta' finanzjament li jappoġġaw l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fl-UE. F'dan l-isfond, aħna sibna li jeħtieġ li jsir titjib fil-koordinazzjoni u fl-obbligu ta’ rendikont li huma dgħajfa (ara l-paragrafi 86 sa 107).
123Minkejja l-progress li mexa aktar bil-mod milli previst, il-Pjan SET jipprovdi l-bażi għal allinjament aħjar tal-azzjoni pubblika u privata fil-livell Ewropew għall-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Il-bidla tal-Pjan SET fl-2015 kienet importanti biex il-Pjan SET oriġinali jiġi allinjat mal-prijoritajiet ta' Riċerka u Innovazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija u rrikonoxxa n-nuqqas ta' progress fl-ilħuq ta’ wħud mill-ambizzjonijiet ewlenin tiegħu. Madankollu jibqa' diffiċli biex jiġu identifikati u mkejla b'mod ċar il-benefiċċji li jirriżultaw direttament mill-kooperazzjoni tal-Pjan SET (ara l-paragrafi 87 sa 93).
124Sibna wkoll li l-koordinazzjoni bejn id-dipartimenti proprji tal-Kummissjoni li jittrattaw l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija nadifa wriet nuqqasijiet li jistgħu jżommuha milli tippermetti kombinament aktar koerenti u effiċjenti ta' riżorsi pubbliċi u prodotti finanzjarji, li jimmira lejn stadji distinti ta' proġetti ta' dimostrazzjoni fuq skala kbira (ara l-paragrafi 94 sa 103).
125Sa tmiem l-2017, l-ebda proġett ta’ NER300 kien kiseb xi self taħt l-istrumenti finanzjarji mmaniġġjati mill-BEI li jappoġġaw proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija. In-natura speċifika ta' dawn il-proġetti hija tali li tagħmilha diffiċli biex jiġu rispettati r-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta standard tal-bank. Is-servizzi differenti tal-Kummissjoni qed jivvalutaw kif jistgħu jfasslu aħjar il-mekkaniżmi ta' finanzjament primarju tagħhom. Iż-żieda fl-appoġġ mill-programm Orizzont 2020 għal proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija aktar maturi tqajjem il-kwistjoni dwar jekk NER300 (u l-Fond ta’ Innovazzjoni futur) u Orizzont 2020/l-FP9 (inkluż il-kontribuzzjonijiet tagħhom għal strumenti finanzjarji) humiex komplementari biżżejjed biex jiġġustifikaw l-eżistenza futura potenzjali ta’ programmi paralleli b’entitajiet maniġerjali u korpi ta’ sorveljanza differenti.
126In-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid, is-simplifikazzjoni ta’ Orizzont 2020 u d-diskussjonijiet dwar il-futur tal-finanzi tal-UE għadhom għaddejjin. Dawn jipprovdu opportunità biex jiġi ċċarat liema programmi huma l-aktar adattati biex jappoġġaw (l-istadji differenti ta’) proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u kif għandhom jinkisbu sinerġiji biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-finanzjament tagħhom.
Rakkomandazzjoni 4 – Koordinazzjoni aħjar min-naħa tal-Kummissjoni biex l-appoġġ li jingħata mill-UE jiġi mmirat b’mod aktar koerenti
Sabiex jissaħħaħ l-immirar koerenti u effettiv tal-appoġġ li jingħata mill-UE għal innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, jenħtieġ li s-servizzi kkonċernati tal-Kummissjoni (b'mod partikolari d-DĠ RTD, id-DĠ ENER, id-DĠ CLIMA, id-DĠ GROW u d-DĠ ECFIN):
- iwettqu valutazzjonijiet bejn is-servizzi biex juru li l-Fond ta’ Innovazzjoni, Orizzont 2020 u l-EDP InnovFin (kif ukoll is-suċċessuri tagħhom wara l-2020) huma komplementari u jimmiraw b’mod koerenti lejn il-proġetti ta’ dimostrazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;
- jissimplifikaw il-proċessi tal-għażla tal-proġetti75 bejn il-programmi biex jitnaqqsu l-ineffiċjenzi u t-trikkib.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021.
127Fl-aħħar nett, l-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont u tal-kontroll finanzjarju għal NER300 mhumiex ċari biżżejjed biex juru li l-entitajiet li jimmaniġġjaw il-programm jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba (ara l-paragrafi 104 sa 107).
Rakkomandazzjoni 5 – Żgurar tal-obbligu ta’ rendikont
Fid-dawl tat-tnedija tal-Fond ta' Innovazzjoni l-ġdid fl-2021, jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb, meta mqabbla ma' dawk tal-programm NER300, l-elementi kritiċi tal-governanza u tal-obbligu ta’ rendikont, b'mod partikolari:
- tiċċara d-dispożizzjonijiet dwar is-sjieda u l-obbligu ta’ rendikont għall-Fond ta’ Innovazzjoni u għall-fondi ta’ NER300 li ma jkunux intnefqu;
- tiżgura li dawn il-fondi kollha, li jiġu amministrati mill-Kummissjoni, jiġu rreġistrati fil-baġit u fil-karta tal-bilanċ u jkunu suġġetti għal awditjar annwali u għal kwittanza mill-Parlament u mill-Kunsill;
- tinkludi fil-qafas legali dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar regolari tal-progress lill-awtoritajiet baġitarji.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2021.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos Milionis, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Settembru 2018.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
Kronoloġija tal-avvenimenti politiċi u ekonomiċi ewlenin immappjati abbażi tal-elementi relatati mal-ambitu tal-awditu
Sors: il-QEA.
Anness II:
Stampa ġenerali tal-istatus ta’ NER300 f’Marzu 2018
| Sejħa | Sena | Stat Membru | Kategorija | Finanzjament massimu ta' NER 300 mogħti (miljun EUR) | Output tal-enerġija previst fl-ewwel 5 snin (1000 MWh) | Bidu tal-operat | FID | Status | Fondi li ma ntnefqux mill-proġetti rtirati |
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| L-ewwel | 2012 | IT | Bijoenerġija | 28 | 1 415 | 6/1/2013 | 2011 | Fil-fażi operattiva | |
| DE | Bijoenerġija | 22 | 502 | 1/3/2014 | 8/19/2011 | Fil-fażi operattiva | |||
| SE | Enerġija eolika | 15 | 3 462 | 1/1/2015 | 2/6/2014 | Fil-fażi operattiva | |||
| DE | Enerġija eolika | 113 | 3 569 | 7/1/2017 | 6/29/2015 | Fil-fażi operattiva | |||
| DE | Enerġija eolika | 70 | 6 060 | 12/31/2017 | 12/18/2014 | Fil-fażi operattiva | |||
| AT | Enerġija eolika | 11 | 363 | 10/3/2017 | 12/4/2014 | Fil-fażi operattiva | |||
| FI | Bijoenerġija | 89 | 6 785 | 12/31/2018 | 12/31/2016 | Intlaħqet FID | |||
| UK | Enerġija mill-oċeani | 17 | 100 | 12/31/2018 | 12/14/2016 | Intlaħqet FID | |||
| CY | Konċentrazzjoni tal-enerġija solari | 47 | 578 | 12/31/2018 | 12/28/2016 | Intlaħqet FID | |||
| EL | Konċentrazzjoni tal-enerġija solari | 45 | 595 | 12/31/2018 | 12/12/2016 | Intlaħqet FID | |||
| EL | Konċentrazzjoni tal-enerġija solari | 42 | 488 | 12/31/2018 | 12/14/2016 | Intlaħqet FID | |||
| HU | Enerġija ġeotermika | 39 | 370 | 12/31/2018 | 12/14/2016 | Intlaħqet FID | |||
| PT | Enerġija eolika | 30 | 365 | 12/31/2018 | 12/17/2016 | Intlaħqet FID | |||
| FR | Enerġija eolika | 34 | 412 | 12/31/2018 | 7/11/2016 | Intlaħqet FID | |||
| PL | Bijoenerġija | 31 | 1 400 | 12/31/2016 | Il-proċess tal-irtirar jinsab għaddej | 31 | |||
| BE | Grilji intelliġenti | 8 | 890 | - | - | Irtirat | 8 | ||
| FR | Bijoenerġija | 170 | 6 144 | - | - | Irtirat | 170 | ||
| NL | Bijoenerġija | 199 | 6 346 | - | - | Irtirat | 199 | ||
| SE | Bijoenerġija | 59 | 3 850 | - | - | Irtirat | 59 | ||
| UK | Enerġija mill-oċeani | 21 | 148 | - | - | Irtirat | 21 | ||
| It-tieni (RES) | 2014 | CY | Konċentrazzjoni tal-enerġija solari | 60 | 552 | 6/30/2020 | Intlaħqet FID | ||
| CY | Grilji intelliġenti | 11 | 621 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| DK | Bijoenerġija | 39 | 1 730 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| EE | Bijoenerġija | 7 | 851 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| EE | Bijoenerġija | 25 | 3 200 | 12/31/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| ES | Bijoenerġija | 29 | 824 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | Irtirat | 29 | ||
| ES | Enerġija eolika | 33 | 427 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| ES | Enerġija eolika | 34 | 500 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| FR | Enerġija ġeotermika | 17 | 1 051 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| FR | Enerġija mill-oċeani | 72 | 369 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| HR | Enerġija ġeotermika | 15 | 258 | 6/30/2019 | 3/17/2015 | ||||
| IE | Enerġija mill-oċeani | 23 | 58 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | Irtirat | 23 | ||
| IT | Konċentrazzjoni tal-enerġija solari | 40 | 488 | 12/31/2018 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| IT | Grilji intelliġenti | 85 | 19 277 | 6/30/2018 | 2/18/2015 | Intlaħqet FID | |||
| LV | Bijoenerġija | 4 | 833 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| PT | Enerġija mill-oċeani | 9 | 57 | 1/1/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| PT | Fotovoltajċi | 8 | 203 | 7/1/2019 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| SE | Bijoenerġija | 204 | 7 360 | 6/30/2020 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | ||||
| Subtotal tar-RES: | 82 501 | ||||||||
| Previżjoni tal-ġbir u l-ħżin ta’ CO2 fl-ewwel 10 snin (miljun tunnellata) | |||||||||
| It-tieni (CCS) | 2014 | UK | CCS | 300 | 17 734 | 6/30/2018 | Data ta’ skadenza 30/6/2018 | Il-proċess tal-irtirar jinsab għaddej | 300 |
| 2 106 | Total: | 840 |
Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-Kummissjoni.
Anness III
Fatturi ekonomiċi u regolatorji prinċipali li jaffettwaw il-progress ta’ NER300 u tal-EEPR
| Grupp Teknoloġiku | CCS | Sorsi ta' enerġija rinnovabbli | ||
|---|---|---|---|---|
| Programm | NER300 | EEPR | NER300 | EEPR |
| Fondi mogħtija (miljun EUR) | 300 | 1 000 | 1 800 | 565 |
| Proġetti | 1 | 6 | 38 | 9 |
| Medja għal kull proġett (miljun EUR) | 300 | 167 | 47 | 63 |
| Fatturi esterni li jdewmu l-progress tal-proġetti ta' dimostrazzjoni: | ||||
| Klima avversa ta’ investiment għall-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju1 | X | X | X | X |
| Aċċess limitat għal / spiża għolja tal-kapital privat (ara l-Figura hawn taħt) | X | X | X | X |
| Prezz baxx tas-suq tal-karbonju | X | X | X | |
| Inċertezza regolatorja fil-livell tal-UE / nazzjonali | X | X | X2 | |
| Appoġġ pubbliku nazzjonali li huwa ħafna inqas milli previst (eż. minħabba limitazzjonijiet baġitarji / kriżi ekonomika) | X | X | X3 | |
| Perjodi ta' żmien twal biex jinkisbu permessi fuq livell nazzjonali | X | X | X | X |
| Aċċettazzjoni pubblika | X | X | ||
| Imħallsa sal-aħħar tal-2017 (miljun EUR) | 0 | 4244 | 13 | 255 |
| Irtirati (ma ntnefqux - miljun EUR) | 300 | 540 | ||
| Diżimpenjati fi tmiem l-2017 (miljun EUR) | 576 | 1305 | ||
| % ta' fondi mogħtija li ma ntnefqux taħt l-objettivi tal-programm | 100% | 58% | 30% | 23% |
1Prezzijiet baxxi tal-fjuwils fossili, prezzijiet bl-ingrossa baxxi tal-elettriku.
2B'mod partikolari għall-proġetti tal-bijofjuwils ta' NER300.
3B'mod partikolari għall-bijofjuwils, il-konċentrazzjonijiet tal-enerġija solari, l-enerġija mill-oċeani.
4Bi kwistjonijiet sinifikanti ta' prestazzjoni / l-ammont finali suġġett għal korrezzjonijiet fil-futur.
5Tliet proġetti Eoliċi Fuq il-Baħar tal-EEPR għadhom għaddejjin.
Sors: il-QEA.
Anness IV
Eżempji ta' proċeduri tal-għażla fi programmi ta' innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li jużaw bosta kriterji ta’ klassifikazzjoni (kwalitattivi u kwantitattivi)
Ir-Renju Unit – Programm ta' kummerċjalizzazzjoni tas-CCS
Ir-regoli għall-għażla tal-proġetti taħt it-tieni kompetizzjoni relatata mas-CCS tar-Renju Unit ġew stabbiliti fid-dokument intitolat “Carbon capture and storage commercialisation programme – Invitation to discussions” (Programm ta' kummerċjalizzazzjoni għall-ġbir u l-ħżin tal-karbonju – Stedina għal diskussjonijiet), imfassal mid-Dipartiment tar-Renju Unit għall-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima.
Il-Parti 3 ta' dan id-dokument tiddeskrivi r-regoli tal-Eliġibbiltà u l-Evalwazzjoni. Il-proċess tal-għażla jikkonsisti fi tliet stadji distinti, l-ewwel wieħed huwa l-“Għażla tal-Proġetti”. Dan l-istadju jinvolvi l-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-proġett li hija bbażata fuq erba' kriterji prinċipali. Kull kriterju huwa maqsum f’subkriterji. L-offerti jiġu kklassifikati u jingħataw il-punteġġi bl-użu ta' sistema ta' evalwazzjoni kwalitattiva ta’ dawl tat-traffiku u skala ta' punteġġi. Is-sistema hija ppreżentata fil-qosor, kif ġej:
| Qasam | Kriterji | Bażi tal-Valutazzjoni | Outputs tal-valutazzjoni | ||
|---|---|---|---|---|---|
| DILIĠENZA DOVUTA GĦALL-PREŻENTAZZJONI TAL-PROĠETT | Subkriterji | Kriterji | Valutazzjoni AREA | Kummentarju | |
| TEKNIKU | Robustezza u vijabbiltà teknika | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | Punteġġ 1-5 | Kwistjonijiet ewlenin, riskji u inċertezzi |
| Integrazzjoni u żvilupp tal-proċess | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Robustezza tat-trasport | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Robustezza tal-ħżin | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Impatt operazzjonali tas-CCS | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Validazzjoni teknika tas-suppożizzjonijiet tal-ispejjeż | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| KAPAĊITÀ TA' TWASSIL | Robustezza tal-programm tal-proġett | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | Punteġġ 1-5 | Kwistjonijiet ewlenin, riskji u inċertezzi |
| Disponibbiltà tal-assi u aċċess | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Esperjenza u kapaċità tat-tim tal-proġett | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Governanza tal-proġett | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Solidità tal-ġestjoni tar-riskju | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Robustezza tal-awtorizzazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Robustezza tal-integrazzjoni tal-katina kollha | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Valutazzjoni tar-riskju ta' proġett | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| KUMMERĊJALI | Adegwatezza tal-każ kummerċjali | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | Punteġġ 1-5 | Kwistjonijiet ewlenin, riskji u inċertezzi |
| Aċċettazzjoni tal-allokazzjonijiet tar-riskji u tal-prinċipji tal-kuntratti | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| Riskju kummerċjali | Valutazzjoni kwalitattiva b’sistema ta’ dawl tat-traffiku | Klassifikazzjoni Aħmar/Oranġjo/Aħdar | |||
| FINANZJARJU | Pożizzjoni finanzjarja tal-offerent | Valutazzjoni Kwantitattiva | Punteġġ 1-5 | ||
| Arranġamenti ta' finanzjament | Valutazzjoni Kwantitattiva | Punteġġ 1-5 | |||
| Kost livellat tal-elettriku għall-gvern u għall-konsumaturi tal-elettriku | Valutazzjoni Kwantitattiva | £/MWh | Kwistjonijiet ewlenin, riskji u inċertezzi | ||
| Kost livellat tas-CO2 maħżun għall-gvern u għall-konsumaturi tal-elettriku | Valutazzjoni Kwantitattiva | £/T CO2 maħżun | |||
Nota: Il-punteġġi Aħmar/Oranġjo/Aħdar huma: “Suffiċjenti”, “Tajjeb”, “Eċċellenti”. Il-punteġġi minn 1 sa 5 huma “ferm insuffiċjenti”, “insuffiċjenti”, “aċċettabbli”, “tajjeb” u “eċċellenti”.
In-Netherlands – Bijofjuwils avvanzati
Mill-2006 sal-2009, in-Netherlands kellhom skema nazzjonali ta' għotjiet għat-tnaqqis tas-CO2 permezz ta' bijofjuwils innovattivi għat-trasport76. Din l-iskema kellha l-għan li tappoġġa l-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni u proġetti li kienu ġodda għall-pajjiż. Minbarra l-erba' kriterji prinċipali ta' eliġibbiltà, l-iskema kellha ħames kriterji ta' klassifikazzjoni li jippermettu d-distribuzzjoni tal-fondi disponibbli għal dawk il-proġetti l-aktar mixtieqa:
- il-volum tat-tnaqqis antiċipat ta’ emissjonijiet ta’ CO2 meta mqabbel mal-fjuwils fossili;
- id-daqs tat-tnaqqis iddimostrat tal-użu tal-art meta mqabbel mal-proċessi eżistenti tal-produzzjoni ta’ bijofjuwils;
- il-potenzjal tas-suq kemm fuq terminu qasir kif ukoll fit-tul (il-kwantità ta' fjuwil li se tiġi prodotta, il-kisbiet f’termini tal-emissjonijiet ta’ CO2, il-potenzjal għar-replikazzjoni) u l-fattibbiltà (teknika, organizzazzjonali u finanzjarja) ibbażata fuq valutazzjoni tar-riskju u fuq il-probabbiltà li jinkisbu r-riżultati mistennija;
- ir-rata ta’ finanzjament b’għotjiet (rata aktar baxxa twassal għal punteġġ ogħla);
- is-sostenibbiltà fir-rigward tal-provvista tal-ikel, il-bijodiversità u l-ambjent.
Il-punteġġi, u għaldaqstant il-klassifikazzjon, ġew iddeterminati abbażi tal-livell tal-kontribut previst mill-proġett għal dawn il-kriterji. Il-kriterji ġew elenkati fl-ordni dekrexxenti tal-piż.
Anness V
Kumplessità fix-xenarju ta’ programmi tal-UE li jiffinanzjaw l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju
Sors: il-Kummissjoni Ewropea.
Glossarju
Bankabbiltà: Il-bankabbiltà ta' proġett ġeneralment hija kriterju li jiġi applikat minn bank: proġett jeħtieġ li juri li huwa se jiġġenera biżżejjed dħul biex isir bankabbli.
CCUS: Ġbir, użu u ħżin tal-karbonju. Il-programmi ta' Riċerka tal-UE issa jiffinanzjaw ir-riċerka dwar is-CCUS. L-użu tal-karbonju miġbur bħala materja prima għall-proċessi industrijali jew kimiċi jista' jbiddel il-karbonju f'komodità li tista' tiġi nnegozjata u tiġġenera fluss ta' dħul.
Deċiżjoni finali ta’ investiment (FID): Il-bord ta’ kumpanija jieħu FID fir-rigward ta’ proġett relatat mal-enerġija wara li jkun wettaq studju Front-End Engineering and Design (FEED), ikun kiseb il-permessi kollha meħtieġa u jkun ikkonferma s-sorsi ta' finanzjament għall-investiment kollu. Ladarba l-bord jieħu l-FID, ix-xogħlijiet relatati mal-inġinerija, l-akkwist u l-kostruzzjoni tal-proġett ikunu jistgħu jinbdew.
Komitoloġija: It-terminu "komitoloġija" jirreferi għas-sett ta' proċeduri li permezz tagħhom il-Kummissjoni Ewropea teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-UE, bl-assistenza tal-kumitati ta' rappreżentanti minn pajjiżi tal-UE. Dawn il-kumitati ta' komitoloġija huma ppreseduti minn uffiċjal tal-Kummissjoni u jagħtu opinjoni dwar l-atti ta' implimentazzjoni proposti mill-Kummissjoni1. Għall-programm NER300, dan huwa l-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima.
Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima: Ara “Komitoloġija”.
Riżerva tal-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq: Ir-riżerva tal-installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq hija riżerva komunitarja ta’ 780 miljun ta’ kwoti tal-emissjonijiet stabbiliti taħt l-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (EU ETS) għall-perjodu 2013-2020. Matul dan iż-żmien, l-operaturi l-ġodda tal-EU ETS jistgħu japplikaw għal allokazzjoni ta’ kwoti minn din ir-riżerva. Ir-riżerva tipprovdi l-kwoti fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Fl-2012, 300 miljun ta’ kwoti minn din ir-riżerva twarrbu għall-finanzjament ta’ NER300.
Strument finanzjarju: Strumenti finanzjarji huma għodda ta' twassil biex jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE permezz ta' self, garanziji u investimenti ta’ ekwità (jew kważi ekwità) għall-implimentazzjoni ta' proġetti2. Skont l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà Nru 32, strument finanzjarju huwa "[…] kull kuntratt li jagħti lok għal assi finanzjarju f'entità waħda u obbligazzjoni finanzjarja jew strument azzjonarju ta' entità oħra".
Valutazzjoni tad-diliġenza dovuta: Fil-kuntest ta' dan ir-rapport, din tirreferi għall-valutazzjoni tal-BEI fuq il-vijabbiltà teknika u finanzjarja ta’ applikazzjoni ta’ proġett għall-finanzjament b'għotjiet ta’ NER300.
Abbrevjazzjonijiet
AIE: Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija
BEI: Bank Ewropew tal-Investiment
CCC: Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima
CCS: Ġbir u ħżin tal-karbonju
CCUS: Ġbir, użu u ħżin tal-karbonju
CEF: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
CfD: Kuntratt għad-differenza
CPUP: Prestazzjoni tal-ispiża għal kull unità
EEA: Aġenzija Ewropea għall-Ambjent
EEPR: Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru
ETIP: Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni
EU ETS: Skema tal-Unjoni Ewropea għan-Negozjar ta' Emissjonijiet
EUA: Kwoti tal-Emissjonijiet tal-UE
FEED: Front-End Engineering Design
FEIS: Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (jiġifieri l-pjan Juncker)
FI: Strument finanzjarju
FID: Deċiżjoni finali ta’ investiment
FP6/FP9: Programm Qafas għar-Riċerka 6/9
FP7: Programm Kwadru għar-Riċerka 7
FSIE: Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej
H2020: Orizzont 2020 (jiġifieri l-FP8)
IPCC: Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima
IRENA: Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli
JRC: Ċentru Konġunt tar-Riċerka
NCP: Punt ta' Kuntatt Nazzjonali (jiġifieri għal NER300)
NER300: Riżerva tal-Installazzjonijiet li Daħlu Ġodda fis-Suq 300
RES: Sorsi tal-enerġija rinnovabbli
RSFF: Faċilità ta' finanzjament għall-kondiviżjoni tar-riskji
Noti finali
1 https://eur-lex.europa.eu/summary/glossary/comitology.html.
2 Ara r-Rapport Speċjali Nru 19/2016 tal-QEA “L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji - tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013”.
3 Il-Paragrafu 45, il-Kunsill Ewropew ta' Brussell tad-19/20 ta' Ġunju 2008, il-Konklużjonijiet tal-Presidenza, 11018/1/08 tas-17 ta' Lulju 2008.
4 Ir-Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (ĠU L 200, 31.7.2009, p. 31).
5 KUMM(2008) 800 finali tas-26 ta' Novembru 2008 “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku”.
6 Ara d-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).
7 Il-Premessa 10 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta’ Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-“Deċiżjoni dwar in-NER300”) (ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39).
8 KUMM(2009) 519 finali “L-investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju (SET-Plan)”.
9 Dawn jinkludu l-identifikazzjoni ta’ proġetti eliġibbli, l-iffirmar u l-ġestjoni ta’ strumenti legalment vinkolanti (kuntratti) mal-proġetti, il-monitoraġġ tal-proġetti, ir-rappurtar lill-Kummissjoni u t-twettiq tal-pagamenti mill-BEI għall-proġetti. Ara l-Figura 10 fit-test prinċipali għal stampa ġenerali.
10 38 proġett kienu relatati mal-enerġija rinnovabbli u proġett wieħed kien relatat mal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju.
11 Sa issa, din il-ġestjoni tal-assi rriżultat fi dħul addizzjonali ta’ bejn wieħed u ieħor EUR 70 miljun. Fi tmiem l-2017, il-Kummissjoni kienet irrilaxxat EUR 39 miljun ta’ assi tal-programm NER300 għal tariffi pagabbli lill-BEI għat-twettiq tal-kompiti fdati lilu. It-tariffi totali ma jistgħux jaqbżu l-ammont ta’ EUR 45 miljun, li jirrappreżentaw 2.1 % tad-dħul totali ta’ EUR 2.1 biljun.
12 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija, l-2854 Laqgħa tal-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija tat-28 ta' Frar 2008.
13 KUMM(2011) 112 finali tat-8 ta' Marzu 2011, “Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050”: “Sabiex it-tibdil fil-klima jinżamm taħt 2ºC, fi Frar 2011 il-Kunsill Ewropew ikkonferma mill-ġdid l-objettiv tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra bi 80-95 % sal-2050 meta mqabbla mal-1990”.
14 Trends and projections in Europe 2017: Tracking progress towards Europe’s climate and energy targets (Xejriet u projezzjonijiet fl-Ewropa 2017: Traċċar tal-progress li sar lejn il-miri tal-Ewropa fir-rigward tal-klima u l-enerġija), ir-Rapport tal-EEA Nru 17/2017. Ara l-intestatura “Outlook for greenhouse gas trends in 2050” (Prospettiva għax-xejriet tal-gassijiet serra fl-2050).
15 COM(2016) 763 final tat-30 ta’ Novembru 2016 "Aċċellerazzjoni tal-Innovazzjoni fil-qasam tal-Enerġija Nadifa".
16 Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).
17 L-Anness I jipprovdi kronoloġija li timmappja t-tnedija ta' dawn il-mekkaniżmi u tal-Pjan SET fil-kuntest ta’ avvenimenti politiċi u ekonomiċi kbar.
18 Aħna nirreferu, b'mod partikolari, għar-Rapport Speċjali l-ieħor tagħna dwar l-użu tal-enerġija rinnovabbli f'żoni rurali (RS 5/2018) u għad-Dokument ta' Sfond tagħna intitolat: “Electricity production from wind and solar photovoltaic power in the EU” (Produzzjoni tal-elettriku mill-enerġija eolika u solari fotovoltajka fl-UE), tal-20 ta' Frar 2018.
19 Il-Ġermanja, Spanja, in-Netherlands, il-Polonja u r-Renju Unit. Aħna bbażajna l-għażla tagħna fuq is-sehem sinifikanti li dawn il-pajjiżi għandhom fl-emissjonijiet tal-EU ETS u fuq l-interess tagħhom fis-CCS taħt l-EEPR u NER300.
20 Aħna bgħatna l-mistoqsijiet tal-istħarriġ tagħna lill-ETIPs għall-Enerġija Eolika, Solari u Fotovoltajka, l-Enerġija mill-Oċeani, is-CCS, il-Bijoenerġija, l-Enerġija Ġeotermali fil-Fond, u l-Grilji Intelliġenti.
22 Kien hemm 12-il proġett eliġibbli li ġew elenkati fl-anness tar-Regolament (KE) Nru 663/2009 dwar l-EEPR.
23 SWD(2018) 48 final tal-5 ta' Marzu 2018 “Data on the budgetary and technical implementation of the European Energy Programme for Recovery” (Data dwar l-implimentazzjoni baġitarja u teknika tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru).
24 Fil-każ tal-proġett fir-Renju Unit, l-impjant tal-enerġija assoċjat il-ġdid ma nbeniex u għalhekk qatt ma kellu emissjonijiet CO2.
25 Id-Direttiva dwar is-CCS tal-2009 tipprovdi qafas legali għall-ħżin ġeoloġiku ambjentalment sikur ta’ CO2 tul id-durata kollha tal-ħajja tiegħu u tistabbilixxi l-kriterji għall-permessi tal-ħżin. Ara https://ec.europa.eu/clima/policies/lowcarbon/ccs/directive_en.
26 SWD(2018) 48 final.
27 Skont ir-rapport tal-AIE għall-2017 intitolat “Renewable Energy Technology Deployment” (L-Użu ta' Teknoloġija tal-Enerġija Rinnovabbli), it-tnaqqis fl-ispiża ta' 60 % mill-2010 sal-2017 jindika li l-miri tal-industrija għall-2025 inqabżu 8 snin qabel iż-żmien, li jissuġġerixxi li l-enerġija eolika fuq il-baħar tista' potenzjalment tiġi integrata bis-sħiħ fis-suq fuq bażi kompetittiva f'xi wħud mill-pajjiżi Ewropej fl-għaxar snin li ġejjin. Attwalment, l-UE hija mexxej globali fl-użu tal-enerġija eolika fuq il-baħar.
28 Skont il-kriterji tal-għoti għall-proġetti tas-CCS u tal-Enerġija Eolika fuq il-baħar (eż. l-Artikolu 14(2)a) tar-Regolament dwar l-EEPR), jenħtieġ li l-għotjiet jingħataw lil proġetti li jilħqu l-istadju ta’ investiment u li jġarrbu nfiq kapitali sostanzjali sa tmiem l-2010.
29 SWD(2012) 224 final tat-12 ta' Lulju 2012, “NER300 – Moving towards a low carbon economy and boosting innovation, growth and employment across the EU” (NER300 – Lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u spinta lill-innovazzjoni, it-tkabbir u l-impjieg fl-UE).
30 Il-fondi ta’ NER300 li ma ntnefqux xorta jistgħu jintużaw taħt programmi oħra li jappoġġaw is-CCS jew jiġu riportati għall-Fond ta' Innovazzjoni futur, li wkoll se jappoġġa lis-CCS.
31 L-Artikolu 8(1) u l-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE.
32 Fit-tnedija ta' NER300 fl-2010, dawn kienu jinkludu l-enerġija mir-riħ, l-enerġija mill-oċeani, il-bijoenerġija, il-fotovoltajċi, il-konċentrazzjoni tal-enerġija solari, l-enerġija idroelettrika, l-enerġija ġeotermika u l-grilji intelliġenti.
33 Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Għotja C(2012) 9432 final tat-18 ta’ Diċembru 2012 ingħataw għotjiet lil 20 proġett tal-enerġija rinnovabbli u permezz tad-Deċiżjoni ta’ Għotja C(2014) 4493 final tat-8 ta' Lulju 2014 ingħataw għotjiet lil 18-il proġett tal-enerġija rinnovabbli u lil proġett wieħed tas-CCS.
34 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/191 tal-5 ta' Frar 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2010/670/UE fir-rigward tal-estensjoni ta' ċerti limiti ta' żmien stabbiliti fl-Artikolu 9 u l-Artikolu 11(1) ta' dik id-Deċiżjoni (ĠU L 31, 7.2.2015, p. 31).
35 Ir-Rapport Speċjali Nru 5/2018 "Enerġija rinnovabbli għal żvilupp rurali sostenibbli: sinerġiji sinifikanti huma possibbli iżda fil-biċċa l-kbira mhumiex qed jiġu realizzati".
36 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Linji gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (2014/C 200/01) tat-28 ta' Ġunju 2014. Ara wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-2013: id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni intitolat: “European Commission guidance for the design of renewables support schemes, accompanying the document ‘Communication from the Commission – Delivering the internal market in electricity and making the most of public intervention’” (Gwida tal-Kummissjoni Ewropea għat-tfassil ta' skemi ta' appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, li takkumpanja d-dokument intitolat “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – It-Twettiq tas-suq intern tal-elettriku u l-isfruttament tal-intervent pubbliku”), SWD(2013) 439 final tal-5 ta' Novembru 2013.
37 Ara “Carbon capture and storage: the second competition for government support” (Ġbir u ħżin tal-karbonju: it-tieni kompetizzjoni għall-appoġġ mill-gvern), Rapport mill-Kontrollur u mill-Awditur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar, l-20 ta' Jannar 2017. Ammont ta’ £ 100 miljun ġie allokat taħt il-programm għall-finanzjament ta’ 75 % tal-ispejjeż tat-tfassil u tal-inġinerija ta' żewġ offerenti (l-istudji FEED). Għaż-żewġ proġetti kien hemm disponibbli appoġġ kapitali li jammonta għal £ 900 miljun. Saru offerti għal tmien proġetti, filwaqt li għal xi wħud saru applikazzjonijiet għal għotjiet ta' NER300.
38 “A climate for the future: assessing the Member States’ low-carbon development strategies and lessons for Energy Union Governance – an update – the outlook in October 2017” (Il-klima għall-ġejjieni: il-valutazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju tal-Istati Membri u t-tagħlimiet għall-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija – aġġornament – il-prospettiva f'Ottubru 2017), il-proġett WWF Maximiser.
39 Min-nofs l-2017, il-prezz tas-suq tal-karbonju tal-EU ETS beda jiżdied, biex laħaq l-ogħla livell ta' EUR 16 għal kull tunnellata ta' CO2 f'Mejju.
40 Ara t-taqsimiet rilevanti ta' NER300 tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-EU ETS imwettqa fil-proġett “Support for the review of the EU Emissions Trading System” (Appoġġ għar-reviżjoni tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet) ta' Novembru 2015, imħejjija mill-Umweltbundesamt Awstrijaka f'kooperazzjoni ma' Ecologic and SQ Consult f'Novembru 2015 taħt kuntratt ta’ servizz mal-Kummissjoni Ewropea.
41 L-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni dwar NER300 jiddefinixxi dan li ġej fir-rigward tas-CCS: “L-ispejjeż rilevanti ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS għandhom ikunu dawk l-ispejjeż ta’ investiment li l-proġett iġarrab minħabba l-applikazzjoni tas-CCS, netti mill-valur nett attwali tal-aħjar stima tal-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tħaddim derivati mill-applikazzjoni tas-CCS matul l-ewwel għaxar snin ta’ tħaddim”.
42 L-iskambji interni bejn id-DĠ ENER u d-DĠ BUDG dwar ir-rati ta' pagamenti ferm aktar baxxi milli mistenni fl-ewwel snin tal-EEPR.
43 COM(2008) 16 final tat-23 ta' Jannar 2008.
44 Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Dokument ta’ akkumpanjament għall-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex ittejjeb u testendi l-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, il-Valutazzjoni tal-Impatt, SEC(2008) 52 tat-23 ta' Jannar 2008.
45 Valutazzjoni tal-Impatt, SEC(2010) 1320 final tat-3 ta' Novembru 2010.
46 Id-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 (ĠU L 76, 19.3.2018, p. 3).
47 L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni dwar NER300 jipprovdi d-definizzjoni tas-CPUP. Is-CPUP tinkiseb billi jiġi diviż it-total mitlub ta' finanzjament pubbliku għall-element innovattiv ta' proġett bl-ammont ipproġettat ta' CO2 maħżun (fuq perjodu ta’ għaxar snin) għall-proġetti tas-CCS, jew, l-ammont ipproġettat ta' enerġija prodotta (fuq perjodu ta’ ħames snin) għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni qieset li s-CPUP baxxa kienet indikatur tajjeb tal-potenzjal għat-tnaqqis tal-ispiża ta’ teknoloġija u l-parametru l-aktar adattat għall-klassifikazzjoni tal-proġetti fis-subkategoriji tagħhom.
48 L-Artikolu 5(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE.
49 Il-konklużjoni tal-BEI dwar id-diliġenza dovuta tista' tkun pożittiva u mingħajr kummenti, pożittiva b'rakkomandazzjonijiet li għandhom jitqiesu mill-Kummissjoni, jew negattiva.
50 B’kollox, l-Istati Membri ppreżentaw lill-BEI 111-il applikazzjoni għal għotjiet ta’ NER300 f’żewġ sejħiet għal proposti. Il-Kummissjoni kkonfermat l-eliġibbiltà ta' 94 proġett u l-BEI ta konklużjonijiet pożittivi dwar id-diliġenza dovuta għal 83 (jew 88 %) ta' dawn il-proġetti.
51 L-Anness IV jipprovdi żewġ eżempji ta' programmi tal-Istati Membri li flimkien mal-parametru kwantitattiv tal-ispiża tal-finanzjament, kienu japplikaw kriterji b’punteġġi multipli għall-klassifikazzjoni ta’ proġetti innovattivi fil-qasam tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
52 It-Taqsima 5 tal-Anness II tal-ewwel Deċiżjoni ta’ Għotja (C(2012) 9432 final tat-18 ta’ Diċembru 2012) u tat-tieni Deċiżjoni ta’ Għotja (C(2014) 4493 final tat-8 ta’ Lulju 2014) tispeċifika li l-bidliet fil-proġetti jeħtieġ li jiġu maqbula mill-Kummissjoni.
53 Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jiżdiedu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u l-investimenti għal emissjonijiet baxxi ta' karbonju, SWD(2015) 135 final tal-15 ta' Lulju 2015.
54 Il-Kapitolu 3.2 tar-Rapport tal-JRC dwar l-Istatus tal-Enerġija Eolika, l-Edizzjoni tal-2016, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, 2017.
55 L-Anness I jipprovdi stampa ġenerali tal-proġetti kollha ta' NER300 li ngħataw finanzjament.
56 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2172 tal-20 ta' Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2010/670/UE rigward l-użu ta' dħul mhux imqassam mill-ewwel serje ta' sejħiet għal proposti (ĠU L 306, 22.11.2017, p. 24).
57 Bi prijorità għall-EDP InnovFin u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għat-trasport (jiġifieri l-istrument ta' dejn tas-CEF).
58 Eż. l-istrumenti finanzjarji ma jistgħux jiksbu firxa ġeografika tal-fondi kif kien l-objettiv ta’ NER300; il-programm NER300 jenħtieġ li jindirizza s-setturi tal-EU ETS (jiġifieri l-ġenerazzjoni tal-enerġija u l-industriji, mhux it-trasport); u, skont l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tar-regoli tal-EU ETS u ta' NER300, il-fondi ta’ NER300 jenħtieġ li jiġu allokati fuq il-bażi ta’ verifika tas-CO2 evitat filwaqt li l-istrumenti finanzjarji ġeneralment jiffinanzjaw stadji aktar bikrija tal-proġetti (jiġifieri qabel effettivament jemettu/jevitaw is-CO2).
59 Fid-dokument tagħha tal-2015 intitolat: “Renewable Energy Technology Innovation Policy [RETIP]: a process development guide” (Politika dwar l-Innovazzjoni tat-Teknoloġija tal-Enerġija Rinnovabbli [RETIP]: gwida għall-iżvilupp tal-proċess), l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli (IRENA) spjegat kif il-governanza hija ta’ importanza kritika għall-implimentazzjoni tal-istrumenti RETIP. IRENA ssottolinjat li l-kollaborazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati hija importanti għall-innovazzjoni, u l-kisba ta’ kollaborazzjoni fuq livell orizzontali hija kruċjali biex tinħoloq il-koerenza u tiġi evitata l-kontradizzjoni bejn il-politiki.
60 Taħt il-Pjan SET, hemm 19-il Stat Membru tal-UE li jipparteċipaw f'mill-inqas grupp ta' ħidma temporanju wieħed, bħat-Turkija, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
61 Għall-Industriji Intensivi fl-Enerġija, is-CCUS, l-Enerġija Fotovoltajka, il-Konċentrazzjoni tal-Enerġija Solari u l-Batteriji.
62 COM(2009) 519/4.
63 SEC(2010) 1320 final tat-3 ta' Novembru 2010.
64 L-FP7 iffinanzja 31 proġett ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija fuq skala kbira bl-ogħla ammont ta’ għotja ta’ EUR 35.5 miljun. Taħt Orizzont 2020, ġew iffirmati (jew qegħdin fil-fażi ta’ tħejjija) 47 għotja ta’ dan it-tip, bl-ogħla għotja tammonta għal EUR 39.3 miljun. Kien hemm 16-il proġett ta' NER300 li rċevew ammonti ta' għotja ogħla iżda 5 minnhom kienu ġew irtirati jew kienu se jiġu rtirati fiż-żmien tal-awditu.
65 Il-Premessa 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE.
66 Il-BEI u l-Kummissjoni nedew l-EDP InnovFin fl-2015. Il-kontribuzzjoni inizjali mill-UE għall-EDP InnovFin mill-programm Orizzont 2020 kienet ta' EUR 150 miljun. Din tipprovdi self, garanziji fuq is-self jew investimenti ta’ ekwità ta’ bejn EUR 7.5 u EUR 75 miljun lil proġetti innovattivi ta’ dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali li jkunu l-ewwel tat-tip tagħhom fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli u tal-idroġenu. Il-kontribuzzjoni mill-UE sservi biex tkopri 100 % ta' kwalunkwe telf imġarrab mill-BEI jekk xi proġett ma jkunx jista' jirrimborża s-self tiegħu.
67 Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017)7124 tas-27 ta' Ottubru 2017.
68 Il-programm Orizzont 2020 jintemm fl-2020, u għalhekk mhux se jikkoinċidi mal-Fond ta' Innovazzjoni ġdid li se jitnieda fl-2021. Il-pjan ta' azzjoni għall-FP9 u l-istrumenti finanzjarji assoċjati issa ġie ddefinit.
69 Ara r-rapport ta' sinteżi ppreżentat matul il-konferenza tal-għeluq organizzata mid-DĠ CLIMA: Finance for Innovation: towards the ETS innovation fund (Finanzjament għall-Innovazzjoni: lejn il-fond ta' innovazzjoni tal-ETS), Climate Strategy & Partners, it-12 ta' Ġunju 2017.
70 COM(2016) 763 final.
71 Ara r-referenza għall-fondi ta’ NER300 bħala fondi tal-UE fil-paġna 21 ta’ “Carbon capture and storage: the second competition for government support” (Ġbir u ħżin tal-karbonju: it-tieni kompetizzjoni għall-appoġġ mill-gvern), ir-Rapport mill-Kontrollur u mill-Awditur Ġenerali, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, l-20 ta' Jannar 2017.
72 Ara wkoll id-dokument intitolat “Off balance sheet as at 31 December 2016” (Entrati li ma jidhrux fil-karta tal-bilanċ fil-31 ta' Diċembru 2016) tar-Rapport Finanzjarju 2016 tal-BEI, u n-Nota Z li tiddikjara li l-BEI jappoġġa lill-KE bħala aġent fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva NER300 – […]. Il-BEI jħejji rapporti finanzjarji separati għall-programm NER300.
73 Il-Finanzjament Futur tal-UE, Rapport finali u rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, Diċembru 2016, ir-Rakkomandazzjoni 4b).
74 Fl-2014, il-Qorti kienet diġà rrakkomandat li l-Kummissjoni jenħtieġ li tippromwovi l-istabbiliment min-naħa tal-Istati Membri ta' oqfsa regolatorji stabbli u prevedibbli għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Ara r-Rakkomandazzjoni 1 tar-Rapport Speċjali Nru 6/2014, L-appoġġ mill-fondi taħt il-Politika ta' Koeżjoni għall-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli – inkisbu riżultati tajbin?, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, 2014.
75 Ara l-Proposta 5 tad-Dokument Informattiv u analitiku tagħna ta’ Marzu 2018 "Kontribuzzjoni għas-simplifikazzjoni tal-programm ta' riċerka tal-UE wara Orizzont 2020".
76 Besluit Vaststelling Subsidieprogramma CO2-reductie Innovatieve Biobrandstoffen voor transport, http://wetten.overheid.nl/BWBR0020703/2006-12-21.
1 Pereżempju, ir-Regolament propost għall-istabbiliment tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2018)438 final) jipprevedi “konsistenza mal-pjanijiet dwar l-enerġija u l-klima tal-Unjoni u dawk nazzjonali” bħala wieħed mill-kriterji ta’ għotja.
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 17.5.2017 |
| L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 8.6.2018 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 5.9.2018 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha | 5.10.2018 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit tal-UE. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Samo Jereb, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Jerneja Vrabič, Attaché tal-Kabinett; Helder Faria Viegas, Maniġer Prinċipali; Stefan Den Engelsen, Kap tal-Kompitu; Oana Dumitrescu, Joachim Otto, Ernesto Roessing, Juan Antonio Vazquez Rivera u Anna Zalega, Awdituri. Zuzanna Filipski pprovdiet appoġġ lingwistiku.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
| ISBN 978-92-847-0811-6 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/6166 | QJ-AB-18-021-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-0797-3 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/299504 | QJ-AB-18-021-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
