
Il-Fond fiduċjarju Bêkou tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana: bidu promettenti minkejja xi nuqqasijiet
Dwar ir-rapport: Il-Fond fiduċjarju Bêkou tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, li huwa l-ewwel fond fiduċjarju mmaniġġjat mill-Kummissjoni Ewropea, tnieda fl-2014, biex jipprovdi għajnuna lil wieħed mill-pajjiżi l-anqas żviluppati fid-dinja. Aħna eżaminajna jekk l-istabbiliment tal-fond kienx iġġustifikat, kif ukoll kif kien ġie mmaniġġjat u jekk kienx laħaq l-objettivi tiegħu sa żmien l-awditu. Minkejja xi nuqqasijiet, aħna nikkonkludu li d-deċiżjoni li jitwaqqaf il-fond kienet adatta fiċ-ċirkustanzi. Il-ġestjoni tal-fond għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha fi tliet aspetti: il-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati, it-trasparenza, il-veloċità u l-kosteffettività tal-proċeduri, u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni. Iżda, b’mod ġenerali, il-fond kien kiseb riżultati pożittivi sa żmien l-awditu. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna għandhom jgħinu biex isir titjib fit-tfassil u l-ġestjoni ta’ dan il-fond u ta’ fondi fiduċjarji oħra tal-UE.
Sommarju eżekuttiv
IFond fiduċjarju huwa fond li ġie stabbilit għal skop speċifiku ta’ żvilupp b’kontribuzzjonijiet finanzjarji minn donatur wieħed jew aktar, li ta’ spiss jitwaqqaf b’rispons għal kriżijiet bħal diżastri naturali jew kunflitti. Mill-2013 ‘il hawn, il-Kummissjoni Ewropea kellha l-possibbiltà li twaqqaf “fondi fiduċjarji tal-Unjoni għal azzjonijiet esterni” biex jintużaw għal azzjonijiet ta’ emerġenza, ta’ wara l-emerġenza jew azzjonijiet tematiċi.
IIIl-Fond fiduċjarju Bêkou tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, li huwa l-ewwel fond fiduċjarju tal-UE mmaniġġjat mill-Kummissjoni Ewropea, tnieda f’Lulju 2014. Id-donaturi tiegħu huma l-Unjoni Ewropea, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, l-Italja u l-Iżvizzera, li pprovdew total ta’ EUR 146 miljun biex jappoġġaw il-ħruġ tal-pajjiż mill-kriżi u r-rikostruzzjoni tiegħu.
IIIGħal ħafna deċennji, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana esperjenzat governanza fqira, livell għoli ta’ faqar u kunflitti. Hija waħda mill-ifqar pajjiżi u minn dawk l-anqas żviluppati fid-dinja, u fl-2016 ġiet ikklassifikata fl-aħħar post fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem maħruġ mill-UNDP.
IVDan l-awditu kien jikkonċerna l-ewwel esperjenza li l-Kummissjoni Ewropea kellha tal-fond fiduċjarju proprju tagħha. Aħna eżaminajna jekk l-istabbiliment tiegħu kienx iġġustifikat, jekk kienx qed jiġi mmaniġġjat tajjeb u jekk kienx laħaq l-objettivi tiegħu sa żmien l-awditu.
VAħna nikkonkludu li għalkemm la kien hemm valutazzjoni strutturata formalment tal-għażla tal-istrument ta’ finanzjament u lanqas analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet, kemm l-għażla li jitwaqqaf il-Fond fiduċjarju Bêkou, kif ukoll it-tfassil tiegħu, kienu adatti fiċ-ċirkustanzi.
VIIl-ġestjoni tal-Fond fiduċjarju Bêkou għadha ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha, fi tliet aspetti: il-Fond fiduċjarju Bêkou kellu influwenza limitata fuq il-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati; il-proċeduri jistgħu jkunu aktar trasparenti, rapidi u kosteffettivi; barra minn hekk, il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni għadhom mhumiex żviluppati għalkollox.
VIIB’mod ġenerali, il-Fond fiduċjarju Bêkou kien kiseb riżultati pożittivi sa żmien l-awditu. Huwa attira l-għajnuna, iżda ma attirax wisq donaturi addizzjonali, u l-biċċa l-kbira mill-proġetti tiegħu taw l-outputs li kienu mistennija minnhom. Il-fond jipprovdi viżibbiltà akbar lill-UE.
VIIIAħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex ngħinu lill-Kummissjoni ttejjeb it-tfassil u l-ġestjoni tal-Fond fiduċjarju Bêkou fil-futur u, b’mod aktar ġenerali, tal-fondi fiduċjarji tal-UE. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tiżviluppa gwida ulterjuri għall-għażla tal-mezz ta’ għajnuna u għall-analiżijiet tal-ħtiġijiet li tiddefinixxi l-ambiti ta’ intervent tal-fondi fiduċjarji,
- ittejjeb il-koordinazzjoni mid-donaturi, il-proċeduri tal-għażla u l-kejl tal-prestazzjoni, kif ukoll tottimizza l-ispejjeż amministrattivi.
Introduzzjoni
Fondi fiduċjarji tal-UE: għodda ġdida għall-għajnuna għall-iżvilupp
01Fond fiduċjarju huwa fond li ġie stabbilit għal skop speċifiku ta’ żvilupp, b’kontribuzzjonijiet finanzjarji minn donatur wieħed jew aktar u li ġeneralment jiġi amministrat minn organizzazzjoni internazzjonali bħall-Bank Dinji jew in-Nazzjonijiet Uniti. Il-fondi fiduċjarji ilhom li saru popolari mis-snin 90, u qed jintużaw dejjem aktar bħala strument ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni internazzjonali. Dawn il-fondi spiss jitwaqqfu b’rispons għal kriżijiet bħal diżastri naturali jew kunflitti.
02Mill-2013 ‘il hawn, kien hemm il-possibbiltà li jitwaqqfu “fondi fiduċjarji tal-Unjoni għal azzjonijiet esterni” biex jintużaw għal azzjonijiet ta’ emerġenza, ta’ wara l-emerġenza jew azzjonijiet tematiċi, permezz ta’ ftehim li ġie konkluż bejn il-Kummissjoni Ewropea u donaturi oħra1. Għal kull fond fiduċjarju jiġi stabbilit bord ippresedut mill-Kummissjoni biex jipprovdi rappreżentanza kemm għad-donaturi, kif ukoll għall-Istati Membri nonkontributuri u biex jiddeċiedi kif il-fondi għandhom jintużaw.
03Il-Fond fiduċjarju Bêkou2 tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA) tnieda f’Lulju 2014 biex jappoġġa l-ħruġ tal-pajjiż mill-kriżi u r-rikostruzzjoni tiegħu. Huwa l-ewwel minn erba’ fondi fiduċjarji li sa issa huma mmaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea3. L-erba’ donaturi inizjali kienu l-Unjoni Ewropea (UE), Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands, filwaqt li l-Italja u l-Iżvizzera saru sħab fl-2015. Sa tmiem l-2016, l-impenji li saru għall-Fond fiduċjarju Bêkou ammontaw għal total ta’ EUR 146 miljun, li madwar tliet kwarti minnhom joriġinaw mill-baġit tal-UE u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Minn dan l-ammont, EUR 86 miljun kienu ġew riċevuti sa tmiem l-2016.
04L-objettiv prinċipali tiegħu, kif stipulat fil-Ftehim Kostituttiv, huwa li jipprovdi għajnuna mmirata u konsistenti għar-reżiljenza ta’ gruppi vulnerabbli u appoġġ għall-aspetti kollha tal-ħruġ tar-Repubblika Ċentru-Afrikana mill-kriżi, u tar-rikostruzzjoni tagħha, li jikkoordina l-azzjonijiet matul it-terminu qasir, it-terminu medju u t-terminu twil u li jgħin lill-pajjiżi ġirien jaffrontaw il-konsegwenzi tal-kriżi4.
Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana: pajjiż fi kriżi
05Ir-RĊA hija waħda mill-ifqar pajjiżi u u minn dawk l-anqas żviluppati fid-dinja, u fl-2016 ġiet ikklassifikata fl-aħħar post fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem maħruġ mill-UNDP. Dan minkejja li għandha depożiti minerali sinifikanti kif ukoll riżorsi oħra, bħal riżervi tal-uranju, żejt grezz, deheb, djamanti, kobalt, injam u enerġija idroelettrika. Il-popolazzjoni tagħha ta’ 4.5 miljun persuna hija mifruxa fuq territorju vast ta’ 623 000 km2 (bejn wieħed u ieħor id-daqs ta’ Franza u tal-Belġju flimkien). Minn meta kisbet l-indipendenza fl-1960, ir-RĊA esperjenzat kunflitti, governanza fqira, livell għoli ta’ faqar u inugwaljanza, kif ukoll nuqqas ta’ investiment mis-settur privat. Is-sitwazzjoni li l-biċċa l-kbira mill-poplu tar-RĊA qed jiffaċċja issa hija waħda prekarja, b’aktar minn nofs il-popolazzjoni fi ħtieġa ta’ għajnuna umanitarja. Madwar 450 000 persuna huma spostati f’pajjiżhom u għadd simili ta’ persuni ħarbu lejn pajjiżi ġirien.
06Wara li seħħ ċiklu ta’ vjolenza li waqqa’ l-gvern preċedenti, ġie stabbilit gvern ta’ tranżizzjoni mill-2014 sal-bidu tal-2016. F’Marzu 2016, inħatru President u gvern ġdid wara li saru elezzjonijiet demokratiċi. F’Ottubru 2016, l-awtoritajiet tar-RĊA u d-donaturi ppubblikaw Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi li jkopri ħames snin.
07Sal-2014, ir-RĊA kienet meqjusa bħala “orfni tal-għajnuna”5, minħabba l-appoġġ limitat li kienet tirċievi mill-komunità internazzjonali tad-donaturi. Imbagħad, l-għajnuna lill-pajjiż żdiedet b’mod sinifikanti. Madankollu, minħabba li l-kunflitti għadhom għaddejjin, il-popolazzjoni għadha fi ħtieġa kbira ħafna ta’ għajnuna umanitarja6.
08L-UE ilha sieħba tar-RĊA għal aktar minn 30 sena u għadha waħda mis-sħab prinċipali tal-pajjiż fil-qasam tal-iżvilupp. Bejn l-2013 u l-2016, l-UE kkontribwiet aktar minn EUR 500 miljun biex tassisti lill-pajjiż7. L-UE adottat ”approċċ komprensiv”8, li jinkludi l-għoti ta’ assistenza permezz tal-Fond fiduċjarju Bêkou, għajnuna tradizzjonali għall-iżvilupp, tliet missjonijiet u operazzjonijiet militari tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, rispons għall-kriżijiet ċivili u għajnuna umanitarja.
09L-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u Franza huma wkoll involuti b’mod sinifikanti fir-RĊA. L-Anness II jelenka seba’ fondi fiduċjarji tan-NU li joperaw fir-RĊA. Varjetà ta’ sħab oħra, bħall-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, il-Bank Dinji u pajjiżi oħra tal-UE, jagħtu wkoll għajnuna lill-pajjiż.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
10Dan l-awditu tal-prestazzjoni eżamina l-ewwel esperjenza li l-Kummissjoni Ewropea kellha fl-użu tal-fond fiduċjarju proprju tagħha bħala mezz ta’ għajnuna. Aħna eżaminajna jekk l-istabbiliment tal-fond kienx iġġustifikat, jekk kienx qed jiġi mmaniġġjat tajjeb u jekk kienx laħaq l-objettivi tiegħu sa żmien l-awditu.
11L-awditu ffoka fuq il-fond mill-bidu tiegħu fl-2014 sa tmiem l-2016. Aħna eżaminajna l-11-il proġett kollha tiegħu u l-31 kuntratt rispettivi tagħhom li ġew iffinanzjati (ara l-Anness I). Aħna analizzajna diversi dokumenti dwar l-istabbiliment tal-fond u t-tfassil tal-proġetti, il-proċeduri għall-għażla tal-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni kif ukoll il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti (rapporti intermedji u rapporti ta’ evalwazzjoni esterna). Aħna wettaqna wkoll żjarat fuq il-post fir-RĊA u fil-kwartieri ġenerali ta’ tlieta mid-donaturi għall-fond. B’hekk stajna nwettqu intervisti ma’ diversi partijiet interessati u nżuru tliet proġetti.
Osservazzjonijiet
Għalkemm ibbażati fuq analiżi limitata, kemm id-deċiżjoni li jitwaqqaf il-Fond fiduċjarju Bêkou kif ukoll it-tfassil tiegħu, kienu adatti fiċ-ċirkustanzi
12Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali fil-qosor lejn il-kuntest tal-pajjiż fiż-żmien meta nħoloq il-Fond fiduċjarju Bêkou, u mbagħad tanalizza t-tfassil tal-fond minn żewġ perspettivi: l-għażla ta’ fond fiduċjarju bħala l-istrument ta’ finanzjament u l-ambitu ta’ intervent tal-Fond fiduċjarju Bêkou.
Il-Fond fiduċjarju Bêkou kien rispons rapidu għall-kuntest diffiċli tal-pajjiż
13Is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-2014 kienet ikkaratterizzata mill-konsegwenzi ta’ kriżi kbira tal-politika u tas-sigurtà li eskalat fl-2012. Dan ikkawża kriżi umanitarja u reċessjoni ekonomika, it-tnejn li huma f’livelli mingħajr preċedent. F’Diċembru 2013, in-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat li l-pajjiż kien jinsab fl-hekk imsejħa kriżi ta’ emerġenza tat-tielet livell9. Is-sitwazzjoni kienet ikkaratterizzata minn “contiguum”10 ta’ problemi fuq il-livell umanitarju u ta’ żvilupp, kif ukoll mill-fraġilità tal-awtoritajiet tal-istat u li ma kinux kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni.
© L-Assoċjazzjoni tas-Salib l-Aħmar fi Franza.
Dan il-kuntest ikkawża wkoll restrizzjonijiet sinifikanti fit-twassil ta’ għajnuna mill-UE: in-nuqqas ta’ gvern elett demokratikament f’dak iż-żmien kien ifisser li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta programm indikattiv nazzjonali (PIN)11 għall-għajnuna pprovduta fl-allokazzjoni nazzjonali tar-RĊA għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ).
15Għalhekk, il-ħolqien tal-Fond fiduċjarju Bêkou għar-RĊA kien rispons rapidu għall-ħtieġa għal strument ikkoordinat biex jikkollega l-assistenza inizjali, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp. Il-prinċipji ġustifikattivi għall-għażla ta’ strument ta’ għajnuna, bħal dan, ġew diskussi kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak tekniku fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, ma’ firxa wiesgħa ta’ donaturi kif ukoll mal-gvern ta’ tranżizzjoni tar-RĊA matul l-ewwel nofs tal-2014. Dawn id-dikussjonijiet wasslu għal kunsens, b’mod partikolari, dwar il-ħtieġa ta’ mezzi differenti għat-twassil tal-għajnuna, għall-integrazzjoni tal-approċċi umanitarji u ta’ żvilupp, u għal bidla lil hinn mill-koordinazzjoni tal-għajnuna u lejn l-aggregazzjoni tar-riżorsi. Din l-analiżi komuni ffurmat il-bażi għall-ħolqien tal-Fond fiduċjarju Bêkou.
16Il-fond inħoloq f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna, bid-diskussjonijiet inizjali li nbdew fil-bidu tal-2014 u l-iffirmar tal-Ftehim Kostituttiv tiegħut mill-Kummissjoni, Franza, il-Ġermanja u n-Netherlands li seħħ f’Lulju 2014.
Il-Kummissjoni ma ħejjietx analiżi strutturata formalment tal-għażla tal-istrument ta’ finanzjament
17Ir-Regolament Finanzjarju jistipula għadd ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex jiġi stabbilit fond fiduċjarju tal-UE: (i) valur miżjud għall-intervent tal-Unjoni, jiġifieri l-objettivi tal-fond fiduċjarju jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-UE milli f’dak nazzjonali;, (ii) viżibbiltà politika u vantaġġi maniġerjali, (iii) il-fondi fiduċjarji ma għandhomx jinħolqu jekk sempliċiment jiddupplikaw mezzi oħra eżistenti ta’ finanzjament jew strumenti simili mingħajr ma jipprovdu addizzjonalità.
18L-impenji tal-UE li saru fil-Forums ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna (ara l-Kaxxa 1) u li jinsabu fil-linji gwida tad-DĠ DEVCO dwar il-fondi fiduċjarji tal-UE jindikaw li l-fondi fiduċjarji ma għandhomx isiru għodda standard ta’ implimentazzjoni.
Kaxxa 1
Il-Forums ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna jirrikjedu awtodixxiplina fir-rigward tal-ħolqien ta’ mezzi ġodda ta’ għajnuna
L-isforz kontinwu biex jiġi mmodernizzat it-twassil tal-għajnuna kien ikkaratterizzat minn erba’ avvenimenti: il-Forums ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li saru f’Ruma (2003), f’Pariġi (2005), f’Akkra (2008) u f’Busan (2011). Dawn l-avvenimenti, li sa issa jinvolvu aktar minn 100 pajjiż, wasslu għall-formulazzjoni ta’ prinċipji għal għajnuna effettiva.
Impenn partikolari li sar wara l-forum tal-2008 f’Akkra kien li d-donaturi jiżguraw li l-mezzi eżistenti għat-twassil ta’ għajnuna jintużaw u, jekk meħtieġ, jissaħħew qabel ma jinħolqu mezzi ġodda separati li jkollhom ir-riskju li jikkawżaw frammentazzjoni ulterjuri u jikkomplikaw il-koordinazzjoni fil-livell tal-pajjiżi12. B’segwitu għal diskussjonijiet madwar mejda, id-donaturi ġew mistiedna biex “jaħsbuha darbtejn” qabel ma jistabbilixxu fondi ġodda, u biex japplikaw test ċar għall-valur miżjud13. Fil-forum tal-2011 li sar f’Busan, l-UE kkonfermat mill-ġdid l-impenn li kien sar f’Akkra għal awtodixxiplina biex tiġi evitata l-proliferazzjoni ulterjuri ta’ fondi14.
Kemm in-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll il-Bank Dinji stabbilew proċeduri għall-ġustifikazzjoni tal-għażla ta’ fond fiduċjarju bħala mezz ta’ għajnuna. Pereżempju, l-Uffiċċju tal-Fond Fiduċjarju b’Ħafna Sħab, tan-NU, li jassisti lin-NU fl-amministrazzjoni ta’ mekkaniżmi aggregati ta’ finanzjament, ippubblika manwali li jipprovdu gwida dwar it-twaqqif ta’ fondi fiduċjarji. Huma jirrakkomandaw li jitwettaq studju ta’ prefattibbiltà u li jiġu analizzati l-funzjonijiet u l-valur miżjud ta’ fond bħal dan15.
20Attwalment, il-Kummissjoni tenniet biss ir-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju fil-linji gwida li huma disponibbli. Hija għadha ma żviluppatx mod kif dawn għandhom jiġu applikati sabiex tkun tista’ titwettaq malajr valutazzjoni strutturata tal-vantaġġi kumparattivi ta’ fondi fiduċjarji meta mqabbla ma’ għodod oħrajn. Filwaqt li l-Kummissjoni fil-fatt organizzat serje ta’ diskussjonijiet (ara l-paragrafu 15), ma saret l-ebda analiżi strutturata formalment, u bbażata fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, qabel ma twaqqaf il-Fond fiduċjarju Bêkou.
Ma saret l-ebda analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet biex jintwera liema lakuni l-Fond fiduċjarju Bêkou għandu jimla
21L-analiżijiet tal-ħtiġijiet huma pass importanti fit-tfassil tal-ambitu ta’ intervent tal-għajnuna għall-iżvilupp, peress li dawn jgħinu biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u biex l-għajnuna tiġi pprijoritizzata. Huma jgħinu wkoll biex jiġi żgurat li strument ġdid ta’ finanzjament ma jiddupplikax strumenti eżistenti, u jistgħu jservu bħala bażi għat-tfassil ta’ għajnuna li twassal għal diviżjoni tax-xogħol ma’ donaturi oħra.
22Filwaqt li diversi dokumenti interni tal-Kummissjoni li tħejjew qabel it-twaqqif tal-Fond fiduċjarju Bêkou rrikonoxxew il-fatt li r-RĊA kienet teħtieġ assistenza, l-analiżi tal-ħtiġijiet ma kinitx kompleta. Dan għaliex ma kellhiex l-elementi li ġejjin: valutazzjoni tal-ħtiġijiet kumplessivi tar-RĊA, rendikont tal-ħtiġijiet indirizzati minn strumenti eżistenti għall-għajnuna u, għaldaqstant, analiżi tal-lakuni fit-twassil ta’ għajnuna li għandhom jiġu koperti, valutazzjoni tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa u prijoritizzazzjoni tal-għajnuna.
23L-objettiv prinċipali tal-Fond fiduċjarju Bêkou, kif stipulat fil-Ftehim Kostituttiv, huwa li jipprovdi għajnuna mmirata u konsistenti għar-reżiljenza ta’ gruppi vulnerabbli u appoġġ għall-aspetti kollha tal-ħruġ tar-Repubblika Ċentru-Afrikana mill-kriżi, u tar-rikostruzzjoni tagħha, li jikkoordina l-azzjonijiet matul it-terminu qasir, it-terminu medju u t-terminu twil u li jgħin lill-pajjiżi ġirien jaffrontaw il-konsegwenzi tal-kriżi16. Għalhekk, dan l-objettiv huwa fformulat f’termini wesgħin. Analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet setgħet serviet bħala bażi għall-formulazzjoni ta’ objettivi f’aktar dettall (ara wkoll il-paragrafu 50). Barra minn hekk, din setgħet uriet b’mod aktar ċar kif u għalfejn l-attivitajiet tal-fond huma rilevanti għall-objettivi, u liema huma l-lakuni speċifiċi li l-fond jimla.
24Fil-livell strateġiku, il-Kummissjoni żgurat li l-Fond fiduċjarju Bêkou ma jiddupplikax mezzi oħra eżistenti ta’ finanzjament. Mill-2014 sal-2016, l-allokazzjoni nazzjonali tal-FEŻ għar-RĊA ffinanzjat għadd limitat ta’ attivitajiet, li kienu jikkonċentraw fuq oqsma li mhumiex dawk koperti mill-Fond fiduċjarju Bêkou, bħall-edukazzjoni jew il-politiki nazzjonali tas-saħħa17. Għalkemm mill-inqas seba’ fondi fiduċjarji tan-NU joperaw fir-RĊA, sitta għandhom ambitu tematiku li jidher ċar li huwa differenti mill-Fond fiduċjarju Bêkou. L-unika eċċezzjoni hija l-Fond fiduċjarju b’ħafna sħab Ezingo tan-NU, li jiffoka wkoll fuq l-istabbilizzazzjoni u l-irkupru tar-RĊA. Madankollu, dan il-fond huma ferm differenti mill-Fond fiduċjarju Bêkou f’termini tal-volum ta’ għajnuna / il-livell ta’ attività tiegħu, it-tip ta’ proġetti ffinanzjati u r-riċevituri tal-għajnuna tiegħu18.
25Fil-livell tal-proġetti, il-Fond fiduċjarju Bêkou kien jindirizza ħtiġijiet simili għal dawk indirizzati minn appoġġ li ngħata qabel mill-UE. Fil-fatt, ċerti proġetti jipprovdu kontinwità ma’ proġetti li qabel kienu ffinanzjati minn strumenti oħra ta’ għajnuna tal-UE (ara l-Kaxxa 2). Madankollu, huma introduċew approċċ differenti u attivitajiet addizzjonali ta’ tisħiħ tar-reżiljenza. Xi wħud mill-proġetti l-oħra huma innovattivi u differenti mit-tipi ta’ proġetti li qabel qew iffinanzjati fir-RĊA. Eżempju ta’ dan huwa l-proġett tal-irkupru ekonomiku, li jipprovdi mikrofinanzjament lil negozji lokali żgħar.
Kaxxa 2
Eżempji ta’ proġetti tal-Fond fiduċjarju Bêkou li jindirizzaw ħtiġijiet simili għal proġetti ffinanzjati wkoll minn għajnuna mill-UE
Xi wħud mill-proġetti tal-Fond fiduċjarju Bêkou ħadu taħthom attivitajiet appoġġati minn strumenti oħra ta’ għajnuna tal-UE. Xi eżempji huma elenkati hawn taħt:
- Żewġ proġetti tad-DĠ ECHO li saru mal-NGOs fis-settur tas-saħħa, ġew sostitwiti minn proġetti tal-Fond fiduċjarju Bêkou li saru mal-istess NGOs. Dawn iż-żewġ NGOs taw appoġġ lil 25 ċentru lokali tas-saħħa biex jgħinuhom jagħtu servizzi primarji tas-saħħa aħjar. Id-DĠ ECHO, l-UNICEF u l-Fond Umanitarju tan-NU taw ukoll għajnuna lil waħda minn dawn l-NGOs għal attivitajiet fis-settur tas-saħħa.
- Fl-2014, l-istrument tal-UE li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi ffinanzja xogħol li kien jirrikjedi ħafna ħaddiema (travaux à haute intensité de main d’oeuvre) fit-tielet u fil-ħames distrett ta’ Bangui, b’mod simili għall-proġett ta’ riabilitazzjoni urbana tal-Fond fiduċjarju Bêkou. Dan l-approċċ jinvolvi r-reklutaġġ ta’ nies tal-post biex iwettqu attivitajiet bażiċi ta’ riabilitazzjoni urbana. L-għan huwa li l-infrastruttura terġa’ tiġi stabbilita, filwaqt li fl-istess ħin jiġi ġġenerat dħul għall-gruppi l-aktar vulnerabbli.
- Proġett dwar is-sigurtà alimentari tnieda taħt l-10 FEŻ fl-2014, iżda sussegwentement ġie kkanċellat. L-għan tiegħu kien li jiffinanzja lill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti biex topera programmi ta’ tisħiħ tar-reżiljenza (caisses de resilience) tal-komunità, tippromwovi djalogu interkomunitarju f’rotot ta’ mergħat nomadiċi u tippromwovi s-sigurtà alimentari fiż-żoni ta’ madwar Bangui, b’mod simili għall-proġett dwar is-sigurtà alimentari tal-Fond fiduċjarju Bêkou. Ħames kuntratti li ilhom li ilhom li ġew iffirmati mill-2014 ma’ din l-organizzazzjoni u mal-NGOs taħt l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-UE, kienu jirrigwardaw attivitajiet simili (appoġġ għal dawk li jkabbru l-ifrat, djalogu interkomunitarju, reżiljenza alimentari).
- Proġett partikolari tal-Fond fiduċjarju Bêkou kellu l-għan li jipproteġi l-ekosistemi tal-annimali fil-Grigal u fix-Xlokk tar-RĊA. Dan kien ġie ppreċedut minn proġett taħt l-10 FEŻ li kien wettaq attivitajiet simili fil-Grigal tal-pajjiż.
Il-komunità tad-donaturi u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw iddeskrivew is-sħubija bejn id-donaturi bħala importanti fil-kuntesti tal-fraġilità u tal-kriżi19. Qabel il-pubblikazzjoni tal-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi f’Ottubru 2016, ma kienx hemm qafas strateġiku komuni fost id-donaturi tar-RĊA. Inizjattivi li għadhom għaddejjin fuq il-bażi ta’ dan il-pjan nazzjonali ta’ rkupru jistgħu jwasslu għad-definizzjoni ta’ diviżjoni tax-xogħol aktar ċara matul l-2017 (ara l-Kaxxa 3).
Kaxxa 3
Il-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi għall-2017-2021: bażi għal diviżjoni tax-xogħol fil-futur
Strateġija nazzjonali ġdida għar-RĊA, l-hekk imsejjaħ Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi għall-2017-2021, tfasslet mill-gvern tar-RĊA b’appoġġ mill-UE, min-Nazzjonijiet Uniti, milll-Grupp tal-Bank Dinji, u ġiet ippubblikata f’Ottubru 2016. Din tipproponi tliet pilastri prijoritarji: (i) il-promozzjoni tal-paċi, is-sigurtà, u r-rikonċiljazzjoni; (ii) it-tiġdid tal-kuntratt soċjali bejn l-istat u l-popolazzjoni; (iii) l-iffaċilitar tal-irkupru tal-ekonomija u tas-settur produttiv20. Il-pjan huwa ripartit fi 11-il objettiv strateġiku, bi ħtiġijiet totali stmati li jammontaw USD 3.2 biljun21.
Potenzjalment, il-Fond fiduċjarju Bêkou se jiffinanzja azzjonijiet fit-tliet pilastri kollha tal-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi. Kif diġà ġie ddikjarat fil-paragrafu 14, meta nħoloq il-fond, l-għajnuna mill-FEŻ kienet imxekkla min-nuqqas ta’ programm indikattiv nazzjonali (PIN) għar-RĊA. Id-DĠ DEVCO jinsab fil-proċess li jfassal PIN taħt il-11-il FEŻ. L-ammont totali huwa ta’ EUR 382 miljun, fejn EUR 208 miljun huma fondi ġodda. Il-PIN jista’ jinkludi wkoll interventi taħt it-tliet pilastri kollha. Porzjoni mill-fondi tal-PIN se jiġi ttrasferit għall-Fond fiduċjarju Bêkou. B’kollox, 31 donatur għar-RĊA biħsiebhom jiffinanzjaw mill-inqas pilastru wieħed tal-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi. Sa Marzu 2017, id-diviżjoni tax-xogħol bejn il-Fond fiduċjarju Bêkou, strumenti oħra tal-UE u donaturi oħra għall-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ma kinitx ġiet iddeterminata fid-dettall.
Il-ġestjoni tal-Fond fiduċjarju Bêkou għadha ma laħqitx il-potenzjal kollu tagħha
28Aħna eżaminajna l-ġestjoni tal-Fond fiduċjarju Bêkou minn tliet perspettivi: il-koordinazzjoni ma’ donaturi oħra u mal-awtoritajiet tar-RĊA; it-trasparenza u l-veloċità tal-proċeduri tiegħu u l-kosteffettività tat-twassil tal-għajnuna; u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tiegħu.
Il-Fond fiduċjarju Bêkou kellu influwenza limitata fuq il-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati
29L-esperjenza wriet li, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ wara l-emerġenza, ir-rispons tal-komunità internazzjonali jista’ jsir diżorganizzat u frammentat minħabba d-dgħufija tal-amministrazzjonijiet lokali flimkien ma’ żieda f’daqqa fl-għadd ta’ donaturi. Dan ma jippermettix li jingħata kontribut effettiv u sostenibbli għar-rikostruzzjoni ta’ pajjiż. Il-fondi fiduċjarji tal-UE tfasslu speċifikament għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Fond fiduċjarju jista’ jipprovdi soluzzjoni xierqa, peress li huwa mistenni li jaġixxi kollettivament f’isem l-UE u d-donaturi tiegħu22.
30Minħabba l-multipliċità ta’ donaturi u operaturi fir-RĊA, il-koordinazzjoni hija importanti. Il-fondi fiduċjarji jistgħu jkunu wkoll pjattaforma utli għat-titjib tal-koordinazzjoni ma’ proġetti ffinanzjati indipendentement mill-fond. Dan japplika prinċipalment għall-koordinazzjoni fost id-donaturi tal-fond iżda potenzjalment jista’ japplika wkoll għall-koordinazzjoni fuq skala usa’ ma’ donaturi oħra. Il-Fond fiduċjarju Bêkou kien mistenni li jkun mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jippermetti lill-komunità internazzjonali tikkontribwixxi b’mod ikkoordinat għall-istabbilizzazzjoni tar-RĊA23. Fil-każ tal-Fond fiduċjarju Bêkou, l-intenzjoni kienet li dan imur lil hinn mill-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u li jistabbilixxi organizzazzjoni konġunta reali24, b’ideat bħall-aggregazzjoni kemm ta’ riżorsi kif ukoll tal-kapaċità ta’ analiżi, identifikazzjoni u implimentazzjoni ta’ proġetti, missjonijiet konġunti, unità speċifika b’persunal li jikkoordina donaturi u li jikkollega ma’ sħab, jew gruppi ta’ ħidma tematiċi komuni.
31Ftit li xejn hemm evidenza li l-ħolqien tal-Fond fiduċjarju Bêkou għen biex jikkonsolida l-attività tad-donaturi fir-RĊA skont il-modalitajiet deskritti fil-paragrafu 29, la immedjatament wara li nħoloq u lanqas fil-frattemp (ara l-Kaxxa 4). Mill-2014 ‘il hawn, l-attività tad-donaturi barra mill-fond baqgħet f’livell simili jew saħansitra żdiedet f’xi każijiet (ara wkoll il-paragrafi 55 sa 61 għall-involviment ta’ donaturi oħra). Il-ġestjoni tal-fond identifikat il-frammentazzjoni tal-istrumenti ta’ għajnuna u tal-atturi fir-RĊA bħala sfida kbira.
Kaxxa 4
Xi donaturi żiedu l-attività tagħhom barra mill-fond mill-2014 ‘il hawn
Il-Ġermanja qed iżżid l-attività bilaterali tagħha fir-RĊA. Fl-2016, il-Ministeru Federali għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp għażel ir-RĊA bħala wieħed mill-pajjiżi sħab bilaterali tiegħu. Il-bank Ġermaniż tal-iżvilupp Kreditanstalt für Wiederaufbau reċentement beda proġett fis-settur tas-saħħa b’valur ta’ EUR 11-il miljun.
F’Ottubru 2016, l-Italja fetħet l-uffiċċju proprju tagħha ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp f’Bangui.
Id-DĠ DEVCO se jerġa’ jibda l-għoti tal-għajnuna mill-FEŻ fuq il-bażi ta’ PIN.
Minbarra d-donaturi tal-Fond fiduċjarju Bêkou, il-Bank Dinji qed jippjana wkoll li jwaqqaf il-fond fiduċjarju proprju tiegħu għar-RĊA.
Il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni għall-għajnuna għall-iżvilupp fir-RĊA ma kinux qed jiffunzjonaw sa tmiem l-2016. Ir-raggruppamenti umanitarji, immexxija minn organizzazzjonijiet tan-NU u minn NGOs internazzjonali, huma ddedikati għall-għajnuna umanitarja. Fl-2014, il-gvern ta’ tranżizzjoni tar-RĊA kien ħoloq strutturi rilevanti ta’ koordinazzjoni għall-għajnuna għall-iżvilupp, iżda dawn qatt ma bdew joperaw. L-awtoritajiet tar-RĊA u l-komunità tad-donaturi jinsabu fil-proċess li jwaqqfu qafas istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp taħt il-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi, li ġie adottat f’Ottubru 201625. Dan il-qafas se jkun jinkludi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-għajnuna li jassenja rwol deċiżjonali lill-Fond fiduċjarju Ezingo tan-NU u lil fond fiduċjarju tal-Bank Dinji li jista’ jinħoloq fil-futur, kif ukoll rwol konsultattiv biss lill-Fond fiduċjarju Bêkou.
33Il-Fond fiduċjarju Bêkou ma għandux proċeduri ddefiniti biex jiżgura l-koordinazzjoni sistematika tal-proġetti tiegħu ma’ dawk ta’ donaturi oħra għall-fond. Il-fond ħoloq mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fil-forma tal-istrutturi ta’ governanza proprji tiegħu (il-bord tal-fond fiduċjarju u l-kumitat operazzjonali). Minkejja li wieħed mir-rwoli tal-kumitat huwa li jadotta l-proġetti, huwa ma ffaċilitax id-diskussjonijiet li saru dwar il-koordinazzjoni ma’ proġetti oħra ffinanzjati mid-donaturi għall-Fond fiduċjarju Bêkou. Id-dokumenti ta’ programmazzjoni ma jitħejjewx sistematikament b’kont meħud tal-istampa sħiħa tal-proġetti l-oħra fl-istess qasam.
34Anke mingħajr mekkaniżmi formali, ir-rappreżentant tal-Fond fiduċjarju Bêkou f’Bangui rnexxielu, permezz ta’ prattika tajba, jiżgura xi livell ta’ koordinazzjoni fuq il-bażi ta’ proġetti individwali (ara l-Kaxxa 5). Madankollu, hemm lok biex il-Fond fiduċjarju Bêkou jipprovdi koordinazzjoni aktar sistematika, kemm internament fost id-donaturi tiegħu kif ukoll, potenzjalment, esternament fi ħdan il-komunità internazzjonali.
Kaxxa 5
Tliet eżempji ta’ prattika tajba li juru l-koordinazzjoni ta’ proġetti mid-donaturi
Inħolqu sinerġiji bejn il-proġett tal-Fond fiduċjarju Bêkou dwar l-irkupru ekonomiku u żewġ proġetti ffinanzjati mill-aġenzija għall-iżvilupp ta’ Stat Membru tal-UE. Minkejja li ftit li xejn kien hemm koordinazzjoni fl-istadju tat-tfassil tal-proġett, seħħet xi koordinazzjoni wara t-tnedija tal-proġett fl-2016. Bosta laqgħat ġew organizzati bejn l-aġenzija, ir-rappreżentant tal-Fond fiduċjarju Bêkou f’Bangui, u l-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni, biex jiddiskutu modi ta’ kif jinħolqu sinerġiji bejn it-tliet proġetti.
F’Ottubru 2016, ir-rappreżentant tal-Fond fiduċjarju Bêkou f’Bangui laqqa’ d-donaturi u l-awtoritajiet tar-RĊA f’sessjoni ta’ ħidma dwar is-sigurtà alimentari. Ibbażat fuq din is-sessjoni ta’ ħidma, it-tim tal-Fond fiduċjarju Bêkou nieda sejħa għal espressjonijiet ta’ interess, li ħadet inkunsiderazzjoni l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet.
Assistenza teknika ġiet iffinanzjata taħt il-proġett dwar is-saħħa sabiex isiru laqgħat ta’ koordinazzjoni ta’ kull xahar bejn is-sitt NGOs li joperaw fil-faċilitajiet tas-saħħa fir-RĊA kollha. Għalkemm ma kienx intenzjonat inizjalment, din il-koordinazzjoni xi drabi estendiet lil hinn mill-operaturi tal-Fond fiduċjarju Bêkou, u dan għen biex jiġu mmonitorjati każijiet potenzjali ta’ duplikazzjoni ma’ donaturi oħra. Dan wassal ukoll biex l-NGOs jarmonizzaw il-metodu ta’ xogħol tagħhom.
© L-Assoċjazzjoni tas-Salib l-Aħmar fi Franza.
Hem xi evidenza li l-Fond fiduċjarju Bêkou jaġixxi f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet tar-RĊA (ara l-Kaxxa 5 għal eżempju). Il-gvern tar-RĊA biħsiebu jespandi r-rwol tiegħu fil-ġestjoni futura tal-fond, billi jikkontribwixxi b’mod aktar sistematiku għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-proġetti tiegħu.
Il-proċeduri jistgħu jkunu aktar trasparenti, aktar rapidi u aktar kosteffettivi
36Ir-Regolament Finanzjarju26 jistipula li huwa meħtieġ li l-fondi fiduċjarji jiġu implementati skont il-prinċipji tat-trasparenza. Il-Ftehim Kostituttiv jipprevedi l-użu ta’ proċeduri flessibbli biex jiġi żgurat li l-Fond fiduċjarju Bêkou jkun risponsiv u li l-għajnuna tkun tista’ tiġi organizzata malajr. Ir-Regolament Finanzjarju jistipula wkoll li massimu ta’ 5 % tal-ammonti aggregati f’fond fiduċjarju jistgħu jintużaw sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-Kummissjoni relatati mal-ġestjoni. Aħna eżaminajna t-trasparenza u l-veloċità tal-proċeduri tal-għażla u l-kosteffettività tal-Fond fiduċjarju Bêkou meta mqabbel ma mezzi oħra ta’ għajnuna.
Trasparenza tal-proċeduri tal-għażla
37Il-proċeduri applikati mill-Fond fiduċjarju Bêkou fl-għażla tal-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ proġetti ma ġewx ifformalizzati fil-linji gwida dwar il-fondi fiduċjarji tal-UE. Il-proċeduri li ġew segwiti kienu bbażati fuq dawk preskritti fid-dokument “Procurement and Grants for European Union External Actions – A Practical Guide” (Akkwist u Għotjiet għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea – Gwida Prattika) (PRAG)27, b’xi eċċezzjonijiet addizzjonali.
38Minbarra għadd limitat ta’ kuntratti ta’ servizzi, il-Fond fiduċjarju Bêkou uża 3 metodi differenti għall-għażla tal-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni tal-proġetti: 4 ftehimiet ta’ kooperazzjoni ddelegata, 10 għotjiet diretti u 12-il għotja wara sejħa ristretta għal espressjonijiet ta’ interess28. Id-definizzjonijiet ta’ kull wieħed minnhom, u l-vantaġġi u l-iżvantaġġi korrispondenti tagħhom, jinstabu fit-Tabella 1.
| Tip | Ftehimiet ta’ kooperazzjoni ddelegata | Għotjiet Diretti | Għotjiet wara sejħa ristretta għal espressjonijiet ta’ interess taħt il-Fond fiduċjarju Bêkou |
|---|---|---|---|
| Definizzjoni | Fejn il-Kummissjoni tafda l-ġestjoni tal-fondi lil korp iddelegat minn Stat Membru (jew lil donatur ieħor minn pajjiż terz). | Fejn organizzazzjoni tintgħażel mingħajr rikors għal kompetizzjoni. | Fejn għadd ta’ organizzazzjonijiet magħżula minn qabel jiġu mitluba jħejju proposta. |
| Vantaġġi |
|
|
|
| Żvantaġġi |
|
|
|
Sors: Il-PRAG.
39Il-proċeduri effettivi tal-għażla li għandhom jiġu applikati mill-Fond fiduċjarju Bêkou u l-grad ta’ flessibbiltà awtorizzata mill-PRAG ma ġewx iddefiniti. Konsegwentement, il-mod ta’ kif l-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni ntgħażlu ma kienx trasparenti għalkollox.
40L-użu ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ddelegata jissemma fl-Artikolu 10 tal-Ftehim Kostituttiv, li jiddikjara li dawn għandhom ikunu l-għażla ppreferuta kull fejn il-kooperazzjoni ddelegata toffri rispons xieraq f’termini tal-ispiża, l-effettività u l-viżibbiltà Ewropea tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond. Madankollu, filwaqt li l-organizzazzjonijiet magħżula kienu esperti fl-oqsma inkwistjoni, ma tħejjiet l-ebda ġustifikazzjoni għall-użu ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, b’mod partikolari fi żmien l-approvazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ kunflitti ta’ interess tirriżulta minħabba l-preżenza ta’ xi wħud minn dawn l-organizzazzjonijiet fuq il-kumitat operazzjonali tal-fond, fejn il-proġetti u, f’dawn il-każijiet, l-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni, jintgħażlu29.
41Ħamsa mill-għotjiet diretti kienu t-tieni fażi ta’ xogħol preċedenti. L-oħrajn ingħataw wara li sar eżaminar tal-organizzazzjonijiet li kienu diġà preżenti fir-RĊA u tal-kapaċitajiet rispettivi tagħhom. Dan jista’ jinftiehem fid-dawl tal-kundizzjonijiet diffiċli fuq il-post fiż-żmien meta saru dawn l-għotjiet. Madankollu, aħna identifikajna każ partikolari fejn, minħabba li kien hemm aktar minn organizzazzjoni waħda li kienet kapaċi twettaq ix-xogħol, setgħet ġiet applikata proċedura aktar kompetittiva30.
42Għal kull waħda mis-sejħiet ristretti għal espressjonijiet ta’ interess ġiet applikata proċedura tal-għażla li kienet adattata għaliha, filwaqt li ttieħdu xi elementi mill-PRAG, iżda bl-appikazzjoni ta’ diversi proċeduri aktar flessibbli fi stadji differenti. B’riżultat ta’ dan, mhuwiex ċar kif l-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni ġew magħżula.
Veloċità tal-proċeduri tal-għażla
43Id-dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà li huma applikabbli għall-Fond fiduċjarju Bêkou jistgħu jipprovdu opportunitajiet biex jiġi ffrankat il-ħin, meta mqabbel mal-approċċi aktar tradizzjonali applikati fil-Kummissjoni. L-istruttura u l-proċess deċiżjonali applikati, flimkien maż-żmien relattivament qasir ta’ kemm ilu jeżisti l-fond, jillimitaw il-possibbiltà li jsir tqabbil ta’ sinifikat mal-proċeduri stabbiliti għal għajnuna oħra mill-UE. Minkejja dan, aħna identifikajna xi każijiet fejn seta’ jiġi ffrankat il-ħin fl-għażla tal-organizzazjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni.
44Eżempju wieħed fejn il-Fond fiduċjarju Bêkou seta’ ffranka ħin addizzjonali matul il-proċedura tal-għażla kien meta kienu qed isiru diskussjonijiet mal-organizzazzjonijiet dwar il-kontenut tal-proġetti. Għat-tliet tipi kollha ta’ proċedura użati, it-tul u l-għadd ta’ diskussjonijiet li saru setgħu tnaqqsu. F’14 mis-26 għotja, id-diskussjonijiet dwar il-kontenut tal-proġetti damu aktar minn 100 jum. Iż-żmien medju li ttieħed kien ta’ 148 jum, filwaqt li l-itwal żmien kien ta’ 50331 ijiem u l-iqsar ta’ 18-il32 jum. Filwaqt li d-diskussjonijiet li segwew is-sejħiet ristretti għal espressjonijiet ta’ interess ħadu medja ta’ 50 jum, dawk għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ddelegata u l-għotjiet diretti ħadu medja ta’ 197 u 245 jum rispettivament. Li kieku d-diskussjonijiet saru b’mod differenti, il-ftehimiet kienu jkunu jistgħu jiġu ffinalizzati qabel. Pereżempju, xi wħud mill-kwistjonijiet reġgħu ġew ittrattati minn membri differenti tal-persunal tal-Kummissjoni, bir-riżultat li kien hemm volum kbir ta’ skambji bejn iż-żewġ partijiet. Kollegament aħjar bejn il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni qabel ma saru dawn l-iskambji seta’ qassar iż-żmien għal dawn id-diskussjonijiet.
45F’ħames każijiet, b’riżultat tad-diskussjonijiet estensivi, kien ukoll meħtieġ li l-infiq jiġi approvat retroattivament33. Dan kellu impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti fl-istadji bikrija tagħhom, peress li n-nuqqas ta’ ftehim iffirmat kien jinvolvi inċertezzi legali għall-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni.
Kosteffettività tat-twassil tal-għajnuna
46L-organizzazzjonijiet tan-NU, il-Bank Dinji u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp kollha jimponu tariffi differenti għall-ġestjoni ta’ fondi fiduċjarji. L-ebda wieħed minnhom ma jipprevedi perċentwal ta’ inqas mill-5 % preskritt għall-Fond fiduċjarju Bêkou34. Għal għajnuna esterna oħra tal-UE taħt il-FEŻ u taħt il-baġit ġenerali, jiġu imposti wkoll rati kumplessivi ta’ aktar minn 5 %.
47It-tariffi tal-ġestjoni għall-Fond fiduċjarju Bêkou jeskludu s-salarju għall-Maniġer u l-ispejjeż tal-back-office. Dan ifisser li l-ispejjeż totali mġarrba għall-ġestjoni tal-fond huma ogħla minn dawk li ġew irrappurtati fil-kontijiet tal-fond. L-ispejjeż kollha għall-ġestjoni tal-Fond fiduċjarju Bêkou ma ġewx ikkalkulati. Dawn il-problemi ġew ikkonfermati permezz ta’ awditu intern li sar mill-Kummissjoni.
48Bħal fil-każ tal-għajnuna kollha għall-iżvilupp, l-ispiża totali għat-twassil tal-għajnuna hija aktar minn sempliċiment it-tariffa tal-ġestjoni. Barra mit-tariffa tal-Fond fiduċjarju Bêkou, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-NGOs li jiġu kkuntrattati jimponu t-tariffi amministrattivi proprji tagħhom. Dawn ġeneralment ikunu perċentwal tal-valur tal-kuntratti, b’massimu ta’ 7 %. Madankollu, huma jistgħu jiddelegaw ukoll kompiti fl-implimentazzjoni tal-kuntratti lil organizzazzjonijiet oħra, biex b’hekk iżidu saffi addizzjonali ta’ spejjeż amministrattivi. Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni ddelegati huma soluzzjoni partikolarment għalja, peress li dawn awtomatikament joħolqu saff addizzjonali ta’ spejjeż relatati mal-ġestjoni (ara t-Tabella 1 hawn fuq). Il-benefiċċji tal-użu ta’ dan it-tip ta’ finanzjament għandu dejjem jintiżnu bi tqabbil mal-ispejjeż addizzjonali.
49L-Artikolu 3.8 tal-Ftehim Kostituttiv jipprevedi li l-persunal kollu tal-Fond fiduċjarju Bêkou, se jkun eventwalment ibbażat f’Bangui. Attwalment, rappreżentant wieħed biss tal-fond huwa bbażat f’Bangui, filwaqt li fl-2016 seba’ membri tal-persunal kienu bbażati fi Brussell. L-għadd ta’ espatrijati bbażati fid-delegazzjoni tal-UE huwa limitat minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà. Aktar ma s-sitwazzjoni fir-RĊA tittejjeb, aktar ma huwa mistenni li dan l-ammont jiżdied. Sa issa għadu ma sarx kalkolu biex jiġi ddeterminat jekk it-trasferiment komplet tal-persunal lejn ir-RĊA jistax jinkiseb fi ħdan il-limitu massimu ta’ 5 % (ara l-paragrafu 36)35.
Il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni għadhom mhumiex żviluppati għalkollox
50Il-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni huma importanti sabiex tkun tista’ tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-fond u sabiex jiġu adottati miżuri korrettivi meta jkun meħtieġ. Peress li l-Fond fiduċjarju Bêkou kien l-ewwel fond fiduċjarju tal-UE li kien immaniġġjat mill-Kummissjoni Ewropea, huwa jista’ jipprovdi tagħlimiet siewja għall-użu futur ta’ dan il-mezz ta’ għajnuna.
51Il-Fond fiduċjarju Bêkou ma għandux qafas għall-kejl tal-prestazzjoni tiegħu fil-livell tal-fondi, peress li ma ddefinixxa l-ebda katina komprensiva ta’ riżultati għall-objettiv kumplessiv tiegħu, ta’ deskrizzjoni tar-riżultati mistennija (outputs, eżiti, impatt), u tal-indikaturi korrispondenti36. Pereżempju, filwaqt li l-Ftehim Kostituttiv u dokumenti oħra jagħtu indikazzjoni ta’ x’jista’ jkun mistenni minnu (isaħħaħ ir-reżiljenza, itejjeb il-koordinazzjoni, iwassal l-għajnuna aktar malajr, jimmobilizza massa kruċjali ta’ finanzjament, jipprovdi viżibbiltà politika), dawn l-elementi ma ġewx żviluppati f’objettivi SMART37.
52Sa tmiem l-2016, ma kien hemm l-ebda proċess sistematiku stabbilit għall-identifikazzjoni tat-tagħlimiet meħuda mill-esperjenza tal-Fond fiduċjarju Bêkou li jkunu jistgħu jgħinu lill-Kummissjoni ttejjeb it-tfassil u l-ġestjoni tal-fondi fiduċjarji. Madankollu, twettqu bosta azzjonijiet li huma rilevanti għal eżerċizzju bħal dan. Azzjonijiet ta’ dan it-tip jinkludu l-pubblikazzjoni ta’ diversi artikli dwar il-Fond fiduċjarju Bêkou, l-organizzazzjoni ta’ konferenzi, sessjonijiet ta’ ħidma u laqgħat, b’mod partikolari ma’ rappreżentanti tal-fondi fiduċjarji tal-UE, u preżentazzjonijiet.
53Fil-livell tal-proġetti, l-objettivi, ir-riżultati u l-attivitajiet huma ddefiniti. Madankollu, 2 mill-11-il proġett ma għandhomx indikaturi, u għal 8 proġetti, l-indikaturi huma vagi jew ma għandhomx miri. Kwistjonijiet simili nstabu fil-livell tal-kuntratti: xi objettivi huma biss parzjalment SMART, u l-indikaturi, xi drabi, mhumiex ċari jew ma għandhomx miri korrispondenti (ara l-Anness III għad-dettalji).
B’mod ġenerali, minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli, il-Fond fiduċjarju Bêkou kien kiseb riżultati pożittivi sa żmien l-awditu
54Aħna eżaminajna r-riżultati miksuba mill-fond minn tliet perspettivi: l-għajnuna li attira, l-outputs li pproduċew il-proġetti tiegħu u l-viżibbiltà li ġġenera għall-UE. Dawn huma xi wħud mill-vantaġġi mistennija tal-Fond fiduċjarju Bêkou
Il-Fond fiduċjarju Bêkou attira l-għajnuna, iżda ma attirax wisq donaturi addizzjonali
55Il-Fond fiduċjarju Bêkou kien mistenni jħeġġeġ lil donaturi ġodda biex jipprovdu għajnuna għar-RĊA u jipprovdi għajnuna addizzjonali. Oriġinarjament meqjusa bħala “orfni tal-għajnuna”, ir-RĊA bbenefikat minn għajnuna ta’ madwar USD 250 miljun kull sena fil-perjodu ta’ qabel il-kriżi tal-2012/2013 (ara l-Figura 1). Fl-2014, din l-għajnuna laħqet l-ogħla livell ta’ USD 610 miljun38.
Figura 1
Ammont totali tal-għajnuna għar-RĊA, 2006-2015 (f’miljun USD)
Sors: Sett ta’ data tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), żborżamenti tal-għajnuna (ODA) lil pajjiżi u reġjuni [DAC2a] għall-perjodu 2006–2015, disponibbli fuq www.oecd.org/dac/stats/idsonline.
L-għajnuna għall-iżvilupp meħtieġa biex jiġi implimentat il-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi tammonta għal bejn wieħed u ieħor USD 3.2 biljun fuq ħames snin (2017-2021). Fil-konferenza tad-donaturi ta’ Novembru 2016, id-donaturi impenjaw lilhom infushom li jagħtu aktar minn USD 2 biljun lir-RĊA f’għajnuna għall-iżvilupp, biex b’hekk ikopru parti sostanzjali ta’ dawn il-ħtiġijiet.
57Il-Fond fiduċjarju Bêkou attira l-għajnuna, b’impenji totali li ammontaw għal EUR 146 miljun sa tmiem l-2016 (ara l-Figura 2). Dan l-ammont huwa aktar mill-EUR 25 miljun li attira l-Fond fiduċjarju Ezingo tan-NU (ara l-Anness II) u kumparabbli mal-allokazzjoni bilaterali taħt il-11-il FEŻ, li huwa mistenni li jammonta għal EUR 208 miljun39.
Figura 2
Impenji għall-Fond fiduċjarju Bêkou
Sors: Data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
Tliet kwarti tar-riżorsi tal-fond joriġinaw mill-baġit tal-UE u mill-FEŻ. Aktar minn terz ta’ din il-kontribuzzjoni huwa għajnuna addizzjonali għar-RĊA b’żieda għal dak li preċedentement kien ġie impenjat lill-pajjiż taħt mezzi oħra ta’ finanzjament mill-UE.
59Franza, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands u l-Iżvizzera diġà taw għajnuna lir-RĊA qabel ma ġie stabbilit il-Fond fiduċjarju Bêkou, iżda qabel l-2014 dawn l-ammonti kienu kumparattivament baxxi. Mill-2014 ‘il quddiem, l-għajnuna ngħatat permezz tal-fond kif ukoll permezz ta’ mezzi oħra ta’ għajnuna (ara l-Kaxxa 4 għal aktar dettalji dwar l-attività tad-donaturi fir-RĊA).
60Il-Parlament Ewropew stieden darbtejn lill-Istati Membri biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond fiduċjarju Bêkou. Fl-2016, matul il-kwittanza tal-baġit tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għall-2014, huwa appella biex l-”Istati Membri jsiru aktar involuti sabiex jiżguraw li dan il-fond isir operattiv b’mod sħiħ”40.
61Xi Stati Membri jkomplu jappoġġaw il-fondi fiduċjarji tan-NU, kif kienu għamlu qabel il-Fond fiduċjarju Bêkou (ara l-Anness II). Il-Fond Umanitarju tan-NU għar-RĊA għandu 11-il donatur, inklużi l-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Iżvezja, l-Iżvizzera u r-Renju Unit. Franza u n-Netherlands huma wkoll donaturi għall-Fond fiduċjarju Ezingo tan-NU.
Il-biċċa l-kbira mill-proġetti taw l-outputs li kienu mistennija minnhom f’kuntest diffiċli
62L-implimentazzjoni ta’ 20 minn 31 kuntratt relatati mal-11-il proġett kienet fi stadju avvanzat biżżejjed biex stajna nivvalutaw il-prestazzjoni, tal-inqas parzjalment. Filwaqt li l-valutazzjoni li wettaqna kienet suġġetta għal xi limitazzjonijiet41, aħna nqisu li l-biċċa l-kbira mill-proġetti taw l-outputs li kienu mistennija minnhom.
63Tliet kuntratti (żewġ studji u kuntratt ta’ assistenza teknika) taw l-outputs li kienu mistennija minnhom kompletament. Għal 11-il kuntratt, il-biċċa l-kbira mill-outputs inkisbu (ara l-Kaxxa 6 għal eżempju). Sitt kuntratti li għadhom għaddejjin kienu għadhom ma kisbux l-outputs tagħhom sa tmiem l-2016, u hemm riskju li dawn għandhom mnejn ma jinkisbux sa tmiem il-proġett (ara l-paragrafu 65 għad-dettalji). L-Anness III jagħti valutazzjoni aktar dettaljata għal kull kuntratt.
Kaxxa 6
Eżempju ta’ outputs: il-proġett dwar is-saħħa
Sitt NGOs irċevew għajnuna mill-Fond fiduċjarju Bêkou sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil 80 faċilità tas-saħħa fir-RĊA kollha biex jipprovdu servizzi tas-saħħa primarja aħjar lill-popolazzjoni lokali.
Din l-għajnuna rriżultat f’madwar 2 miljun konsultazzjoni medika. L-NGOs qabżu l-miri ssettjati għal bosta indikaturi, bħall-għadd ta’ konsultazzjonijiet, l-għadd ta’ twelid assistiti u l-għadd ta’ nisa li saritilhom żjara medika. F’dawn il-faċilitajiet, il-kura tas-saħħa, il-mediċini u t-testijiet fil-laboratorju ġew ipprovduti mingħajr ħlas għat-tfal, għan-nisa tqal u dawk li jreddgħu, u f’emerġenzi ta’ theddid għall-ħajja.
L-attivitajiet ippjanati fil-livell ta’ faċilitajiet tas-saħħa, bħal rinnovament, taħriġ tal-persunal, forniment ta’ mediċini essenzjali u ta’ tagħmir tal-laboratorju, kif ukoll attivitajiet ta’ koordinazzjoni u ta’ sorveljanza distrettwali kienu qed jitwettqu fil-ħin jew b’dewmien minimu. Pereżempju, fi Bria, sitta mit-tmien faċilitajiet tas-saħħa kienu ġew rinovati, filwaqt li f’Vakaga, seba’ faċilitajiet tas-saħħa kienu ġew rinovati u mgħammra.
© L-Assoċjazzjoni tas-Salib l-Aħmar fi Franza.
Firxa wiesgħa ta’ fatturi kemm interni kif ukoll esterni kkontribwew għall-każijiet fejn l-objettivi ma ntlaħqux, bl-aktar wieħed importanti jkun il-kuntest ta’ sigurtà diffiċli li fih twettqu l-proġetti (ara l-Anness III).
65Filwaqt li nkisbu ħafna outputs tanġibbli, ir-riżultati b’effetti aktar fundamentali u fuq terminu twil tipikament jieħdu aktar żmien biex jinkisbu. Pereżempju, fil-proġett dwar is-sigurtà alimentari, il-kampanji ta’ tilqim tal-bhejjem irnexxew, filwaqt li l-prevenzjoni ta’ kunflitti u t-tfassil mill-ġdid tar-rotot ta’ mergħat nomadiċi jistgħu jkunu jeħtieġu li jitkomplew f’fażi eventwali oħra. Fil-proġett dwar is-saħħa, filwaqt li l-ewwel fażi tal-forniment ta’ servizzi tas-saħħa mis-sitt NGOs irnexxiet, u filwaqt li studju dwar ir-riforma tal-aġenzija nazzjonali għax-xiri ta’ farmaċewtiċi twettaq kif kien ippjanat, l-azzjonijiet għar-riforma tas-servizzi pubbliċi tas-saħħa jeħtieġu aktar żmien.
© L-Assoċjazzjoni tas-Salib l-Aħmar fi Franza.
Il-fond jipprovdi viżibbiltà akbar lill-UE
66Il-Fond fiduċjarju Bêkou kien mistenni jipprovdi viżibbiltà lill-UE, kemm permezz ta’ azzjonijiet imwettqa fil-livell tal-proġetti kif ukoll fil-forma ta’ viżibbiltà politika fil-livell tal-fondi.
67Is-sħab tal-proġetti wettqu ħafna attivitajiet fuq il-post. Dawn kienu jinkludu l-produzzjoni ta’ materjal promozzjonali, dokumentarji u artikli akkademiċi, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma nazzjonali dwar ir-riżultati ta’ attivitajiet, ċerimonji u sessjonijiet ta’ taħriġ, xandiriet tar-radju, żjarat mill-ġurnalisti eċċ., f’konformità mal-pjanijiet tagħhom għall-viżibbiltà.
68Aktar minn 30 attività relatati mal-viżibbiltà twettqu għall-fond fl-intier tiegħu, li bejn wieħed u ieħor ammontaw għal EUR 191 000. Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2015 tal-Fond fiduċjarju Bêkou jinkludi taqsima ddedikata għall-attivitajiet relatati mal-viżibbiltà u jippreżenta l-objettivi prinċipali tal-komunikazzjoni, avvenimenti pubbliċi ġenerali, proġetti, is-sit web “capacity4dev’”42 u materjal ta’ komunikazzjoni.
69Ġew organizzazti bosta konferenzi li pprovdew viżibbiltà għall-UE (ara l-Kaxxa 7 għal eżempji). Delegazzjonijiet minn aktar minn 80 pajjiż minn madwar id-dinja kollha kienu preżenti f’konferenza li saret f’Novembru 2016 fi Brussell, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ livell għoli min-Nazzjonijiet Uniti, mill-Bank Dinji u oħrajn. Din il-konferenza rriżultat f’impenji ta’ EUR 2 biljun.
Kaxxa 7
Il-Fond fiduċjarju Bêkou organizza bosta avvenimenti
It-tim tal-Fond fiduċjarju Bêkou organizza sensiela ta’ sessjonijiet ta’ ħidma, konferenzi, pubblikazzjonijiet, u stqarrijiet għall-istampa, kemm f’Bangui kif ukoll fi Brussell, li ġew koperti tajjeb mill-midja.
Pereżempju, is-sessjoni ta’ ħidma “Reżiljenza u Rkupru, it-Triq għall-Iżvilupp” (Bangui, Ġunju 2016) attirat aktar minn 200 parteċipant minn awtoritajiet nazzjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, donaturi, aġenziji tan-NU, NGOs internazzjonali u l-midja, u pprovdiet stampa ġenerali tas-sitwazzjoni fir-RĊA, l-isfidi li toħloq u l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni. Is-sessjoni ta’ ħidma rriżultat fi 12-il rakkomandazzjoni li ġew indirizzati lill-gvern tar-RĊA, lis-sħab tal-proġetti u lid-donaturi fil-pajjiż.
Eżempju ieħor huwa l-konferenza internazzjonali ta’ livell għoli dwar ir-RĊA (Brussell, Mejju 2015), b’aktar minn 300 parteċipant inklużi l-President tar-RĊA, Ministri, Membri tal-Parlament Ewropew, rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti u NGOs. Din irriżultat f’impenji finanzjarji ġodda għall-pajjiż u żewġ donaturi ġodda għall-Fond fiduċjarju Bêkou, l-Italja u l-Iżvizzera.
Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet
70Il-Fond fiduċjarju Bêkou nħoloq fil-kuntest diffiċli tal-pajjiż, ikkaratterizzat minn problemi fuq il-livell umanitarju u ta’ żvilupp, kif ukoll mill-fraġilità tal-awtoritajiet tal-istat u li ma kinux kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjoni. Filwaqt li aħna nemmnu li t-tfassil u l-ġestjoni tal-fond jistgħu jittejbu, kif inhu ssuġġerit hawn taħt, sabiex dan ikun jista’ jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu, aħna nirrikonoxxu l-fatt li l-istabbiliment tal-fond kien xieraq u li huwa rnexxielu jikseb xi riżultati pożittivi.
L-istabbiliment tal-Fond fiduċjarju Bêkou
71Il-Fond fiduċjarju Bêkou nħoloq f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna. Filwaqt li r-Regolament Finanzjarju jimponi ċerti kundizzjonijiet fuq il-ħolqien ta’ fond fiduċjarju, il-Kummissjoni għadha ma kkonkretizzathomx f’qafas analitiku li jkun jippermettilha twettaq valutazzjoni strutturata formalment tal-vantaġġi kumparattivi ta’ fondi fiduċjarji meta mqabbla ma’ strumenti oħra ta’ finanzjament (ara l-paragrafi 13 sa 20).
72L-ambitu ta’ intervent tal-Fond fiduċjarju Bêkou ma kienx ibbażat fuq analiżi komprensiva tal-ħtiġijiet. Analiżi bħal din setgħet uriet b’mod aktar ċar kif u għalfejn l-attivitajiet tal-fond huma rilevanti għall-objettiv tiegħu, u liema huma l-lakuni speċifiċi li l-fond jimla (ara l-paragrafi 21 sa 27).
Rakkomandazzjoni 1 – Tiġi żviluppata gwida ulterjuri għall-għażla tal-mezz ta’ għajnuna u għall-analiżijiet tal-ħtiġijiet li tiddefinixxi l-ambiti ta’ intervent tal-fondi fiduċjarji
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tirfina l-linji gwida tagħha dwar il-fondi fiduċjarji tal-UE billi
- tiżviluppa qafas analitiku bi prinċipji gwida għat-twettiq ta’ valutazzjoni konċiża u strutturata tal-vantaġġi kumparattivi ta’ fondi fiduċjarji meta mqabbla ma’ mezzi oħra ta’ għajnuna;
- tintroduċi metodi għat-twettiq ta’ analiżijiet tal-ħtiġijiet biex jintwera li l-ambitu ta’ intervent ta’ fond fiduċjarju intenzjonat ikun xieraq, u biex jintwera liema huma l-lakuni speċifiċi li l-fond jimla.
Jenħtieġ li din il-gwida titfassal b’tali mod li l-proċess ta’ ħolqien tal-fondi fiduċjarji ma jittawwalx bla meħtieġ u li l-flessibbiltà tal-fondi tagħhom ma tkunx limitata.
Data għall-implimentazzjoni: Ottubru 2018
Il-ġestjoni tal-Fond fiduċjarju Bêkou
73Il-Fond fiduċjarju Bêkou kellu influwenza limitata fuq il-koordinazzjoni fost il-partijiet interessati, kemm internament fost id-donaturi tiegħu kif ukoll esternament mal-komunità internazzjonali. Madankollu, anke mingħajr mekkaniżmi formali, ir-rappreżentant tal-Fond fiduċjarju Bêkou f’Bangui rnexxielu, permezz ta’ prattika tajba, jiżgura xi livell ta’ koordinazzjoni fuq il-bażi ta’ proġetti individwali (ara l-paragrafi 29 sa 35).
74Minħabba n-nuqqas ta’ dettalji dwar il-proċeduri effettivi tal-għażla applikabbli għall-Fond fiduċjarju Bêkou, il-mod ta’ kif l-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni ntgħażlu mhuwiex trasparenti għalkollox. Tqajmu kunflitti potenzjali ta’ interess fir-rigward ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ddelagata. Seta’ jiġi ffrankat ħin addizzjonali waqt id-diskussjonijiet dwar il-kontenut tal-proġetti (ara l-paragrafi 36 sa 44).
75B’mod ġenerali, it-tariffa tal-ġestjoni ta’ 5 % imposta mill-Fond fiduċjarju Bêkou hija konformi ma’ mezzi oħra ta’ għajnuna għall-iżvilup, iżda għadhom ma ġewx ikkalkulati l-ispejjeż kollha relatati mal-ġestjoni. Barra minn hekk, bħalma hu l-każ għall-għajnuna kollha għall-iżvilupp, l-ispiża totali għat-twassil tal-għajnuna hija aktar minn sempliċiment it-tariffa tal-ġestjoni tal-fond (ara l-paragrafi 46 sa 49). Aħna nemmnu li huwa importanti li jkunu magħrufa l-ispejjeż kollha relatati mal-użu tal-fond fiduċjarju bħala strument ta’ finanzjament, biex b’hekk fil-futur il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk dan huwiex strument kosteffettiv, meta mqabbel ma’ modi oħra ta’ twassil tal-għajnuna mill-UE.
76Fil-livell tal-fondi, il-Fond fiduċjarju Bêkou ma għandu l-ebda qafas għall-kejl tal-prestazzjoni tiegħu, peress li l-objettivi speċifiċi tiegħu, bl-indikaturi korrispondenti għadhom ma ġewx żviluppati. Dan jagħmilha diffiċli biex il-fond jiġi mmonitorjat u biex ir-riżultati li jikseb jiġu evalwati. Il-Kummissjoni għad ma għandhiex proċess sistematiku biex tidentifika t-tagħlimiet meħuda permezz tal-Fond fiduċjarju Bêkou, li jkunu jistgħu jgħinuha ttejjeb it-tfassil u l-ġestjoni tal-fondi fiduċjarji (ara l-paragrafi 50 sa 53).
Rakkomandazzjoni 2 – Isir titjib fil-koordinazzjoni mid-donaturi, il-proċeduri tal-għażla u l-kejl tal-prestazzjoni, u l-ispejjeż amministrattivi jiġu ottimizzati
Jenħtieġ li l-Kummissjoni
- tikkoordina b’mod aktar sistematiku l-għajnuna pprovduta permezz tal-Fond fiduċjarju Bêkou ma’ għajnuna bilaterali oħra pprovduta mid-donaturi tal-fond;
- tiżgura li meta jiġu applikati r-regoli u l-proċeduri tal-Kummissjoni biex jintgħażlu l-organizzazzjonijiet inkarigati mill-implimentazzjoni, kull eċċezzjoni li ssir għal dawk ir-regoli tiġi rrappurtata b’mod ċar u tiżgura li jiddaħħlu d-dispożizzjonijiet dwar kif għandhom jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess, kif ukoll tesplora modi ta’ kif tista’ tiżdied il-veloċità tal-proċeduri tal-għażla, b’mod partikolari fil-fażi ta’ diskussjonijiet dwar il-kontenut tal-proġetti;
- tikkalkula l-ispejjeż kollha relatati mal-ġestjoni tal-Fond fiduċjarju Bêkou u ssib modi kif timmassimizza l-ammont ta’ għajnuna li tingħata lill-benefiċjarji finali;
- tissettja objettivi SMART għall-Fond fiduċjarju Bêkou flimkien ma’ indikaturi korrispondenti, sabiex tkun tista’ timmonitorja u turi l-vantaġġi li l-fond jagħti, u tintroduċi proċess ta’ tagħlimiet meħuda fil-linji gwida tagħha dwar il-fondi fiduċjarji tal-UE.
Data għall-implimentazzjoni: Ottubru 2018
Ir-riżultati miksuba mill-Fond fiduċjarju Bêkou
77Il-Fond fiduċjarju Bêkou attira l-għajnuna, b’impenji totali li ammontaw għal EUR 146 miljun sa żmien l-awditu. Madankollu, il-biċċa l-kbira mill-fondi joriġinaw mill-baġit tal-UE u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Id-donaturi l-oħra kollha kienu taw għajnuna lir-RĊA qabel ma ġie stabbilit il-fond, iżda qabel l-2014 dawn l-ammonti kienu kumparattivament baxxi (ara l-paragrafi 55 sa 61).
78Fil-livell tal-proġetti, minkejja kuntest ta’ sigurtà li ta’ spiss kien diffiċli, 14-il kuntratt minn 20 taw l-outputs kollha li kienu mistennija minnhom, jew il-biċċa l-kbira minn dawn l-outputs (ara l-paragrafi 62 sa 65).
79Il-fond jipprovdi viżibbiltà akbar lill-UE. Is-sħab tal-proġetti wettqu attivitajiet fuq il-post li kienu relatati mal-viżibbiltà, u aktar minn 30 attività twettqu b’suċċess għall-fond fl-intier tiegħu (ara l-paragrafi 66 sa 69).
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sur Karel PINXTEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2017.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Annessi
Anness I
Lista ta’ proġetti u kuntratti
Anness II
Lista ta’ seba’ fondi fiduċjarji tan-NU li joperaw fir-RĊA
Sorsi: http://mptf.undp.org, www.unocha.org/cerf mis-16 ta’ Marzu 2017.
Anness III
Evalwazzjoni tal-ilħuq tal-objettivi fir-rigward tal-outputs tal-proġetti permezz ta’ kowds tal-kuluri
Didaskalija: aħdar – inkisbu għalkollox, isfar – fil-biċċa l-kbira nkisbu; oranġjo – fil-biċċa l-kbira (għadhom) ma nkisbux; aħmar – ma bkisbux; griż – mhux ivvalutati, implimentazzjoni mhux avvanzata biżżejjed.
Dettalji: Il-Kuntratt Nru 2: durata estiża b’xahar u nofs; il-Kuntratt Nru 3: durata estiża b’xahar; il-Kuntratt Nru 5: il-kontribuzzjoni mill-UE żdiedet minn EUR 1.7 miljun għal EUR 2.2 miljun; il-Kuntratt Nru 8: il-kontribuzzjoni mill-UE żdiedet minn EUR 47 000 għal EUR 53 000 u d-durata ġiet estiża b’5 xhur; il-Kuntratt Nru 18: id-durata ġiet estiża bi 8 xhur.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
DĠ DEVCO: Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp
DĠ ECHO: Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej
FAO: Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti
FEŻ: Fond Ewropew għall-Iżvilupp
FMI: Fond Monetarju Internazzjonali
MPE: Membru tal-Parlament Ewropew
NGO: Organizzazzjoni Nongovernattiva
NU: Nazzjonijiet Uniti
OECD: Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi
PIN: Programm Indikattiv Nazzjonali
PRAG: Akkwist u Għotjiet għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea – Gwida Prattika
RĊA: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana
SMART: speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u bi skadenza
UNDP: Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti
UNICEF: Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal
Noti finali
1 L-Artikolu 187 tar-Regolament Finanzjarju (ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1)) jipprovdi l-qafas legali għat-twaqqif ta’ fondi fiduċjarji tal-Unjoni għal azzjonijiet esterni.
2 Bêkou tfisser “tama” fil-lingwa Sango.
3 Il-fondi l-oħra huma: (a) il-Fond fiduċjarju Madad li ġie stabbilit f’Diċembru 2014 b’rispons għall-kriżi Sirjana; (b) il-Fond fiduċjarju ta’ emerġenza għall-migrazzjoni fl-Afrika li tnieda fl-2015; u (c) il-Fond fiduċjarju għall-Kolombja li ġie stabbilit fl-2016 biex jappoġġa l-proċess ta’ wara l-kunflitti.
4 Ftehim li jistabbilixxi l-fond fiduċjarju tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, “Il-Fond fiduċjarju Bêkou tal-UE”, l-Artikolu 2 – Objettivi tal-fond fiduċjarju.
5 Il-fornituri tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jiddeċiedu individwalment liema pajjiżi se jassistu u sa liema punt sa jagħtuhom assistenza. Dan jista’ jirriżulta fi żbilanċi li jistgħu jfixklu l-effettività tal-għajnuna permezz ta’ frammentazzjoni tal-għajnuna kif ukoll akkumulazzjoni ta’ fornituri f’xi pajjiżi – hekk imsejħa “preferuti” – u lakuni fl-għoti tal-għajnuna f’oħrajn – komunement magħrufa bħala “orfni” (http://www.oecd.org/dac/aid-architecture/fragmentation-orphans.htm)
6 L-uffiċċju umanitarju tan-NU rrapporta li sa Marzu 2017 kienu waslu biss 5 % tal-USD 400 miljun f’għajnuna umanitarja meħtieġa għar-RĊA, li wassal biex jiġu ddistribwiti nofs ir-razzjonijiet.
7 Skeda Informattiva tal-Kummissjoni Ewropea: “The European Union’s comprehensive approach in the Central African Republic (2013–2016)” (L-approċċ komprensiv tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (2013–2016)), Brussell, 11.11.2016.
8 It-Trattat ta’ Lisbona jitlob li jkun hemm koerenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tal-UE u l-politiki l-oħra tagħha. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat u l-kuntest istituzzjonali ġdid li ħoloq, l-UE – billi tuża l-firxa sħiħa ta’ strumenti u riżorsi tagħha – żiedet kemm il-potenzjal tagħha kif ukoll l-ambizzjoni tagħha sabiex l-azzjoni esterna tagħha tkun aktar konsistenti, effettiva u strateġika (JOIN(2013) 30 final tal-11.12.2013 “L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni”).
9 Din hija l-klassifikazzjoni tas-sistema globali ta’ għajnuna umanitarja fir-rigward tar-rispons għall-kriżijiet umanitarji fuq skala kbira li jkunu l-aktar gravi.
10 Inizjalment, l-għajnuna kienet ippjanata li sseħħ f’sekwenza lineari jew “continuum”: ir-riabilitazzjoni ssegwi l-fażi ta’ assistenza inizjali, li sussegwentement tiġi segwita minn kooperazzjoni klassika għall-iżvilupp. Madankollu, l-esperjenza mis-snin 90 uriet li meta l-assistenza inizjali, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp jiġu ttrattati separatament, il-proċessi konsekuttivi ma jirnexxilhomx jirrispondu għall-kumplessità ta’ ħafna sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Meta dawn, minflok, jiġu ttrattati bħala “contiguum” (jiġifieri bħala proċessi interkonnessi konkorrenti) ikun rikonoxxut li dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu fil-fatt jirrikjedu l-użu simultanju ta’ strumenti differenti (ara t-tgħarrif ta’ politika tal-Parlament Ewropew “Linking relief, rehabilitation and development: Towards more effective aid” (Kollegament bejn l-assistenza inizjali, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp: Lejn għajnuna aktar effettiva), pp. 4-5).
11 Il-programmi indikattivi nazzjonali jirrappreżentaw pass importanti fil-programmazzjoni tal-għajnuna mill-UE taħt il-FEŻ. Huma jiddefinixxu l-istrateġija u l-prijoritajiet għall-għajnuna mill-UE u jitħejjew f’kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiż sieħeb. Għalhekk, jeħtieġ li l-UE jkollha gvern nazzjonali bħala l-kontroparti tagħha sabiex tadotta PIN. F’dak iż-żmien, ir-RĊA kellha gvern ta’ tranżizzjoni li ma kienx ġie leġittimizzat permezz ta’ elezzjoni demokratika.
12 Il-punt 19 tal-Accra Agenda for Action (Aġenda ta’ Akkra għall-Azzjoni), it-Tielet Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, 2008.
13 Roundtable 9, Aid architecture, Summary (Diskussjoni Nru 9 madwar mejda, Arkitettura tal-għajnuna, Sommarju), it-Tielet Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, 2008, p. 7.
14 EU Common Position for the Fourth High Level Forum on Aid Effectiveness (Pożizzjoni Komuni tal-UE għar-Raba’ Forum ta’ Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna), 2011, il-punt 28, p. 6.
15 Il-manwal jelenka sitt funzjonijiet possibbli bil-valur miżjud korrispondenti tagħhom: koerenza (mili ta’ lakuni), konsolidament (tnaqqis ta’ frammentazzjoni), speċjalizzat jew tematiku, ġestjoni tar-riskju, tisħiħ tas-sistemi nazzjonali, u innovazzjoni. (L-MPTFO: Designing pooled funds for performance (Tfassil ta’ fondi aggregati għall-prestazzjoni), Manwal imħejji mill-MPTFO, 2015; ara b’mod partikolari t-Tabella 2, p. vii, u t-Tabella 3, p. 6.)
16 Ftehim li jistabbilixxi l-fond fiduċjarju tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, “Il-Fond fiduċjarju Bêkou tal-UE”, l-Artikolu 2 – Objettivi tal-fond fiduċjarju.
17 B’differenza mill-proġetti tal-Fond fiduċjarju Bêkou, li prinċipalment ipprovdew assistenza fil-livell ta’ faċilitajiet individwali tas-saħħa. Il-politiki nazzjonali tas-saħħa jiġu ddeterminati fil-livell tal-Ministeru tas-Saħħa.
18 Il-Fond fiduċjarju Ezingo tan-NU jimmaniġġja USD 25 miljun. Huwa jagħti għajnuna kemm lill-aġenziji tan-NU kif ukoll lill-awtoritajiet tal-istat fil-forma ta’ appoġġ baġitarju.
19 Ara b’mod partikolari l-Principles for Good International Engagement in Fragile States and Situations (Prinċipji għal Involviment Internazzjonali Tajjeb fi Stati u f’Sitwazzjonijiet Fraġli) tal-OECD, li ġew approvati mill-ministri u mil-kapijiet tal-aġenziji fil-Forum ta’ Livell Għoli tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-2007, li jiddikjaraw li huwa importanti li jkun hemm qbil dwar il-mekkaniżmi prattiċi ta’ koordinazzjoni bejn l-atturi internazzjonali, anke jekk ma jkunx hemm tmexxija b’saħħitha tal-gvern.
20 Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana: Il-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi għall-2017-2021 (RCPCA), li nkiteb mill-persunal tar-RĊA, b’appoġġ mill-UE, min-Nazzjonijiet Uniti, u mill-Grupp tal-Bank Dinji,, p 26-41.
21 Ibid, it-Tabella 0.1, l-Anness 2.
22 Ftehim Kostituttiv, il-Premessi 4-6.
23 Ftehim Kostituttiv, il-Premessi 3, 5.
24 http://ec.europa.eu/europeaid/bekou-trust-fund-introduction_en
25 Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana: Il-Pjan Nazzjonali ta’ Rkupru u ta’ Bini tal-Paċi għall-2017-2021, li nkiteb mill-persunal tar-RĊA, b’appoġġ mill-UE, min-Nazzjonijiet Uniti, u mill-Grupp tal-Bank Dinji, il-Kapitolu V, il-Figura 5.2, p. 45.
26 L-Artikolu 187 tar-Regolament Finanzjarju.
27 Il-Gwida Prattika tispjega l-proċeduri ta’ kkuntrattar applikabbli għall-azzjonijiet esterni tal-UE li huma ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-UE u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Il-Gwida Prattika tintuża mid-Direttorati Ġenerali u mis-Servizzi tal-Kummissjoni li huma inkarigati mill-istrumenti użati għall-finanzjament u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet esterni.
28 B’kollox, aħna awditjajna l-proċeduri tal-għażla għal 26 kuntratt. Tlieta mill-ħames kuntratti l-oħra kienu relatati ma’ servizzi (il-kuntratti Nru 7, Nru 8 u Nru 29) u t-tnejn l-oħra kienu għotjiet fil-programm Saħħa II (il-kuntratti Nru 12 u Nru 14), fejn il-proċeduri tal-għażla kienu għadhom għaddejjin fi tmiem l-2016.
29 Kunflitti ta’ interess jistgħu jirriżultaw peress li huwa l-kumitat operazzjonali li inizjalment jagħżel il-proġetti għal finanzjament: dawn il-proġetti jistgħu jingħataw lil organizzazzjonijiet li jkollhom membri tal-persunal tagħhom fuq il-kumitat operazzjonali.
30 Dan jirreferi għall-Kuntratt Nru 15.
31 Dan jirreferi għall-Kuntratt Nru 31.
32 Dan jirreferi għall-Kuntratt Nru 3.
33 Il-Kuntratti Nru 9, Nru 10, Nru 11, Nru 13 u Nru 30; ikun meħtieġ ukoll għall-Kuntratti Nru 12 u Nru 14.
34 L-organizzazzjonijiet tan-NU għandhom id-dritt jirkupraw l-ispiża indiretta tal-appoġġ għall-programmi b’rata ta’ 7 % tal-ammont aggregat f’fond fiduċjarju, flimkien ma tariffa amministrattiva ta’ 1 %. Il-Bank Dinji jimponi tariffi standard jew tariffi mfassla apposta, b’tariffa standard minima ta’ 5 %. Il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp attwalment jimponi tariffa minima ta’ 5 %.
35 L-ispejjeż imġarrba għall-installazzjoni ta’ aġenti f’delegazzjoni huma ogħla mill-ispejjeż li jiġġarrbu li kieku dawn jaħdmu fi Brussell.
36 Il-Fond fiduċjarju Bêkou huwa ffinanzjat mill-FEŻ u minn diversi strumenti tal-baġit tal-UE (ara l-Figura 2). Dawn tal-aħħar għandhom oqfsa ta’ monitoraġġ, rappurtar u evalwazzjoni (l-hekk imsejħa “oqfsa MORE”), li huma magħmulin minn objettivi, indikaturi, stadji importanti u miri kemm ġenerali kif ukoll speċifiċi. L-obbligi ta’ rappurtar jinkludu, b’mod partikolari, ir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-UE għall-finanzjament tal-azzjonijiet esterni. Attwalment, ir-rabta bejn dan ir-rappurtar tar-riżultati u dak tar-riżultati tal-Fond fiduċjarju Bêkou hija limitata.
37 Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament Finanzjarju, objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u bi skadenza (SMART) iridu jkunu stabbiliti għas-setturi kollha tal-attività koperta mill-baġit.
38 Tliet kwarti ta’ dan l-ammont kienu jikkonsistu f’għajnuna umanitarja, li għandha l-għan li tipprovdi assistenza inizjali ta’ emerġenza. L-għajnuna għall-iżvilupp għandha objettiv li huwa aktar strutturali u fuq terminu twil.
39 L-ammont totali tal-PIN huwa ta’ EUR 382 miljun, fejn EUR 208 miljun huma fondi ġodda.
40 Il-Parlament Ewropew “Rapport tat-12.4.2016 dwar il-kwittanza tal-baġit tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp”, A8-0137/2016, il-punt 38. Riżoluzzjoni tal-2015 tappella lill-Istati Membri, kif ukoll lil donaturi oħra, biex iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Fiduċjarju Bêkou (Riżoluzzjoni tal-PE tat-8.10.2015, 2015/2874(RSP), il-punt 23).
41 Ara l-paragrafu 53 dwar id-dgħufijiet li ġew innutati fid-definizzjoni ta’ objettivi u indikaturi. L-analiżi li wettaqna għal dan il-kapitolu kienet prinċipalment ibbażata fuq analiżi fl-uffiċċju tal-evidenza disponibbli, peress li aħna stajna nżuru biss tliet proġetti fuq il-post. Aħna użajna evidenza minn tliet sorsi: rapporti ta’ evalwazzjoni esterni, rapporti intermedji mħejjija mill-kuntratturi u tabella ta’ monitoraġġ tal-indikaturi kuntrattwali mħejjija mill-Fond fiduċjarju Bêkou.
42 https://europa.eu/capacity4dev/
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 4.10.2016 |
| L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 5.5.2017 |
| Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 20.6.2017 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha | 12.7.2017 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tagħha f’dak li jirrigwarda l-politiki u l-programmi tal-UE jew suġġetti ta’ ġestjoni relatati ma’ oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III – immexxija minn Karel Pinxten, Membru tal-QEA – li hija responsabbli għall-awditjar tal-oqsma ta’ nfiq ta’ azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja. L-awditu tmexxa minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA, b’appoġġ minn Katja Mattfolk, Kap tal-kabinett; Kim Storup, Attaché tal-kabinett; Beatrix Lesiewicz, Maniġer prinċipali; Laura Gores, Kap tal-kompitu. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Nóirín O’Grady u Florin Alexandru Farcas.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Il-Fond fiduċjarju Bêkou tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana: bidu promettenti minkejja xi nuqqasijiet
(skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE)
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet. Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2017
| ISBN 978-92-872-7848-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/971092 | QJ-AB-17-011-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-872-7821-0 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/820401 | QJ-AB-17-011-MT-Q |
© Unjoni Ewropea, 2017.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF GĦANDEK TAGĦMEL BIEX TIKSEB IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE
Pubblikazzjonijiet bla ħlas:
- kopja waħda:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu);
- iżjed minn kopja waħda jew posters/mapep:
- mir-rappreżentanzi tal-Unjoni Ewropea (http://ec.europa.eu/represent_mt.htm),
- mid-delegazzjonijiet f’pajjiżi li mhumiex fl-UE (http://eeas.europa.eu/delegations/index_mt.htm),
- billi tikkuntatja s-servizz Europe Direct (http://europa.eu/europedirect/index_mt.htm)
- jew ċempel 00 800 6 7 8 9 10 11 (numru tat-telefown bla ħlas minn kullimkien fl-UE) (*).
Pubblikazzjonijiet bi ħlas:
- permezz tal-EU Bookshop (http://bookshop.europa.eu).
