Rapport Speċjali
Nru17 2018

L-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fl-aħħar snin tal-programmi għall-perjodu 2007-2013 indirizzaw l-assorbiment baxx iżda ma kinux iffukati biżżejjed fuq ir-riżultati

Dwar ir-rapport L-Istati Membri jassorbu l-finanzjament meta jirċievu pagament mill-baġit tal-UE bħala kofinanzjament għal proġetti eliġibbli. Madwar terz tal-baġit tal-UE huwa riżervat għall-qasam tal-Koeżjoni.

Aħna eżaminajna jekk l-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri kinux effettivi fl-assorbiment tal-finanzjament mill-FEŻR, mill-FSE u mill-FK matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, u għamilna tqabbil mal-perjodi ta' programmazzjoni 2000-2006 u 2014-2020.

Aħna sibna li l-implimentazzjoni bdiet bil-mod fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 minħabba, fost l-oħrajn, l-adozzjoni tardiva tal-qafas leġiżlattiv u tad-dokumenti ta’ programmazzjoni (il-programmi operazzjonali u t-trikkib tal-perjodi ta’ programmazzjoni). Filwaqt li l-Kummissjoni mmonitorjat l-assorbiment tal-fondi, kien biss madwar 13-il xahar qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ eliġibbiltà li stabbiliet Task Force biex tassisti lill-Istati Membri li kellhom diffikultà biex jassorbu l-flus disponibbli fil-qafas tal-PO tagħhom. Il-miżuri li ttieħdu rriżultaw f’żieda kbira fl-assorbiment, madankollu, xi wħud minnhom iffukaw prinċipalment fuq l-assorbiment u fuq il-konformità mar-regoli, u ftit li xejn taw kunsiderazzjoni għar-riżultati. B’mod partikolari, ir-reviżjonijiet frekwenti tal-programmi operazzjonali jixħtu dubju fuq il-validità tal-analiżijiet li fuqhom kien ibbażat il-proċess ta’ programmazzjoni u fuq l-abbiltà li jintlaħqu l-objettivi tal-PO u tal-politika ta’ Koeżjoni.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

Dwar l-Assorbiment

I

L-għan tal-politika ta’ Koeżjoni huwa li tnaqqas l-iżbilanċi tal-iżvilupp li jeżistu bejn ir-reġjuni differenti fl-Unjoni Ewropea. Hija tirrappreżenta madwar terz tal-baġit tal-UE, u tiġi implimentata permezz tal-Programmi Operazzjonali (PO). Il-fondi jsiru disponibbli fil-bidu ta’ perjodu ta’ programmazzjoni pluriennali. Il-kapaċità ta’ assorbiment tirreferi għall-abbiltà ta’ Stat Membru li jonfoq ir-riżorsi finanzjarji li jkun ġie allokat b’mod effiċjenti u effettiv. L-Istati Membri jassorbu l-finanzjament meta jirċievu pagament mill-baġit tal-UE bħala kofinanzjament għal proġetti eliġibbli. Biex il-fokus jibqa’ fuq il-kisba ta’ riżultati effettivi, huwa kruċjali li l-Istati Membri jevitaw sitwazzjoni fejn ikun jeħtieġ li jiġi assorbit ammont sinifikanti ta’ fondi fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni, peress li l-għaġla biex jiġu assorbiti l-fondi tista’ twassal biex ma jitqiesx biżżejjed il-valur għall-flus. B’hekk, filwaqt li l-assorbiment huwa importanti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika, mhuwiex tir fih innifsu.

Kif wettaqna l-awditu

II

Aħna eżaminajna jekk l-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri kinux effettivi fl-assorbiment tal-finanzjament mill-FEŻR, mill-FSE u mill-FK matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Aħna wettaqna żjarat tal-awditjar f’erba’ Stati Membri: ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja u r-Rumanija. L-awditu kopra l-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. Madankollu, aħna nagħmlu tqabbil mal-perjodi ta' programmazzjoni 2000-2006 u 2014-2020 u nenfasizzaw ir-riskji li jikkonċernaw l-assorbiment għall-perjodu attwali.

X'sibna

III

Aħna sibna li, kemm għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 kif ukoll għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 l-adozzjoni tardiva tal-qafas leġiżlattiv, sitt xhur u ġimagħtejn rispettivament qabel il-bidu tal-perjodi ta' programmazzjoni, fissret li l-programmi operazzjonali ġew adottati tard. Għaż-żewġ perjodi, il-biċċa l-kbira mill-PO ma ġewx adottati qabel ma kienet għaddiet sena mill-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni. Dan kellu effett negattiv inevitabbli fuq il-bidu tal-infiq tal-fondi allokati.

IV

L-implimentazzjoni kienet bdiet bil-mod fil-perjodu 2007-2013 iżda bdiet anke aktar bil-mod għall-perjodu 2014-2020. Minbarra l-effett negattiv imsemmi hawn fuq, it-trikkib tal-perjodi ta' programmazzjoni kien raġuni oħra għad-dewmien billi dan it-trikkib fisser li l-Istati Membri kienu għadhom qed jonfqu l-finanzjament tal-perjodu preċedenti wara li l-programm sussegwenti kien inbeda.

V

Matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni mmonitorjat l-assorbiment tal-fondi, iżda kien biss madwar 13-il xahar qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ eliġibbiltà li stabbiliet Task Force biex tassisti lill-Istati Membri li kellhom diffikultà biex jassorbu l-flus disponibbli fil-qafas tal-PO tagħhom. Tmien Stati Membri rċevew appoġġ mit-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar. Il-miżuri meħuda wasslu għal żieda kbira fl-assorbiment għall-Istati Membri assistiti. Fil-bidu tal-2018 ir-rata medja ta’ assorbiment fl-UE kienet ta’ 97.2 %. Bosta Stati Membri ma rnexxilhomx jużaw il-finanzjament kollu disponibbli u l-finanzjament li kien għadu ma ntużax sa tmiem l-2017 ammonta għal EUR 4.4 biljun. Ir-rata finali ta’ assorbiment u l-valur finali tal-finanzjament li ma ntużax se jkunu magħrufa ladarba l-għeluq ikun komplut.

VI

Il-miżuri li ntużaw biex jiżdied l-assorbiment jinkludu: reviżjonijiet tal-PO, id-diviżjoni ta’ proġetti f’fażijiet bejn il-perjodi ta' programmazzjoni, il-kofinanzjament retrospettiv ta’ proġetti, il-pagamenti bil-quddiem għal strumenti finanzjarji u l-pagamenti kuntrattwali bil-quddiem. Xi wħud minn dawn il-miżuri ffukaw prinċipalment fuq l-assorbiment u l-konformità mar-regoli, u ftit li xejn taw kunsiderazzjoni għar-riżultati. B’mod partikolari, il-PO spiss ġew riveduti u dan xeħet dubju fuq il-validità tal-analiżijiet li fuqhom kienu bbażati l-proċess ta’ programmazzjoni u r-reviżjonijiet sussegwenti kif ukoll fuq l-abbiltà li jinkisbu l-objettivi tal-PO u tal-politika ta’ Koeżjoni.

VII

Il-Kummissjoni ma għandhiex stampa ġenerali u komprensiva tal-miżuri kollha li ntużaw u tal-impatt ta’ kull miżura fuq l-assorbiment, minħabba li l-Istati Membri ma pprovdewx informazzjoni suffiċjenti u minħabba li għal ċerti miżuri (bħal proġetti retrospettivi u pagamenti kuntrattwali bil-quddiem) il-qafas leġiżlattiv ma jirrikjedix li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni.

X'nirrakkomandaw

VIII

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tipproponi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew skeda ta’ żmien għan-negozjar u għall-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv u d-dokumenti tal-programmi bil-ħsieb li tiżgura li l-implimentazzjoni tal-PO tkun tista’ tibda fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni;
  • fejn ikunu affettwati elementi ewlenin tal-prestazzjoni, tiżgura li r-reviżjonijiet tal-PO jkunu bbażati fuq valutazzjoni soda u komprensiva tal-PO, tal-ftehimiet ta' sħubija u tal-ħtiġijiet relatati u li r-reviżjoni titwettaq primarjament biex jiġu pprovduti riżultati aħjar; tiżgura li jkollha l-mezzi biex tikseb informazzjoni li tippermettilha timmonitorja l-assorbiment, tidentifika l-assorbiment li jkun miexi bil-mod u dak li jkun miexi b’rata rapida, u tivvaluta ex ante l-ħtieġa u l-impatt tal-miżuri biex tkun taf jekk għandhiex tużahom jew le; u
  • meta tkun qed tipprovdi appoġġ immirat biex taċċellera l-implimentazzjoni, tiżgura li l-fokus tal-azzjonijiet li jitwettqu jkun fuq it-twassil ta’ riżultati tajba.

Introduzzjoni

Objettivi ta’ politika, finanzjament u ġestjoni

01

L-għan tal-politika ta' Koeżjoni huwa li tnaqqas l-iskwilibriji fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, li tirristruttura żoni industrijali li jkunu sejrin lura u li tħeġġeġ il-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali fl-Unjoni Ewropea1. Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-fondi tal-UE jintużaw għall-iżvilupp ta’ diversi oqsma bħall-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, l-infrastruttura tat-trasport, l-appoġġ għall-SMEs, l-integrazzjoni ta’ persuni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali ta’ persuni żvantaġġati.

02

Il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) jiddeskrivi fil-qosor l-ammonti annwali massimi li l-UE tista’ tonfoq għal politiki differenti, inkluża l-Koeżjoni. Madwar terz tal-baġit tal-UE huwa allokat għall-politika ta’ Koeżjoni li titwassal permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK). Fi prezzijiet attwali, l-allokazzjoni totali għall-FEŻR, l-FSE u l-FK ammontat għal madwar EUR 261 biljun fil-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006, EUR 346 biljun fl-2007-2013 u madwar EUR 365 biljun fl-2014-20202. L-ammont rilevanti tal-finanzjament fil-qasam ta’ Koeżjoni mbagħad jiġi allokat minn qabel fost l-Istati Membri.

03

Ir-regoli li kienu jirregolaw il-politika ta’ Koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 huma stabbiliti f’Regolament Ġenerali3 u fir-regoli ta’ implimentazzjoni4 tiegħu, kif ukoll fir-regolamenti speċifiċi għall-FEŻR, l-FSE u l-FK5. Dawn huma kkomplementati minn regolamenti ta’ implimentazzjoni, atti delegati u dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni. Pakkett leġiżlattiv ġdid jiġi adottat għal kull perjodu ta' programmazzjoni.

04

Dawn il-fondi huma implimentati permezz ta’ Programmi Operazzjonali (PO), li jistipulaw il-prijoritajiet ta’ investiment u l-objettivi speċifiċi. Dawn jiddeskrivu wkoll kif il-finanzjament ikun se jintuża matul il-perjodu ta' programmazzjoni6 biex jiffinanzja l-proġetti. L-Istati Membri jallokaw il-pakkett nazzjonali tagħhom lid-diversi PO nazzjonali jew reġjonali f’konformità mal-objettivi strateġiċi nazzjonali tagħhom u mal-objettivi relatati mal-politika ta’ Koeżjoni tal-UE.

05

L-implimentazzjoni tal-politika ta' Koeżjoni hija kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-Kulleġġ attwali tal-Kummissjoni beda t-terminu tiegħu ta’ ħames snin f’Novembru 2014. Is-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għall-ġestjoni kumplessiva ta’ dawn l-oqsma ta' politika huma d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u d-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL). Huma jistgħu jipprovdu appoġġ amministrattiv u tekniku lill-Istati Membri biex jiġi żgurat li l-fondi jkunu implimentati kif xieraq7. Fl-Istati Membri, l-awtoritajiet inkarigati mill-programmi nazzjonali u/jew reġjonali fil-qasam tal-Koeżjoni għandhom il-kompitu li jiksbu valur għall-flus bil-fondi allokati mill-UE u li jiżguraw il-legalità u r-regolarità ta’ operazzjonijiet kofinanzjati taħt is-superviżjoni u r-responsabbiltà finali tal-Kummissjoni8.

06

Il-fażijiet prinċipali ta’ perjodu ta' programmazzjoni huma deskritti fil-qosor fil-Figura 1. Għal kull perjodu ta' programmazzjoni, jiġi adottat qafas leġiżlattiv ġdid, segwit mill-preżentazzjoni u l-adozzjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni. L-implimentazzjoni tista’ tibda mill-1 ta’ Jannar tal-ewwel sena tal-perjodu ta' programmazzjoni jew meta l-PO jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni għal approvazzjoni (skont liema data tiġi l-ewwel). Madankollu, il-pagamenti mill-baġit tal-UE għal PO jistgħu jibdew biss ladarba l-PO jkun ġie adottat. Għalhekk, dewmien fl-adozzjoni tal-qafas legali jew ta’ programmi operazzjonali għandu effett negattiv fuq il-pagamenti mill-baġit tal-UE. Fl-aħħar nett, l-għeluq huwa l-aħħar stadju fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ PO u jirriżulta f’pagament finali jew fl-irkupru ta’ fondi li jkunu tħallsu indebitament.

07

Il-kronoloġija għal dawn il-fażijiet mhijiex limitata għall-perjodu 2007 sa 2013. Pereżempju, parti mill-implimentazzjoni u l-għeluq tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 seħħet wara l-2013, wara li kien diġà beda l-perjodu 2014-2020. B’hekk, kien hemm trikkib bejn il-perjodi ta' programmazzjoni.

Figura 1

Fażijiet prinċipali fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013

08

Il-finanzjament allokat għal PO jinqasam f’pagamenti parzjali annwali tul il-perjodu ta' programmazzjoni ta’ seba’ snin9. Kull pagament parzjali jirriżulta f’impenn baġitarju, li jirrappreżenta finanzjament mill-UE mwarrab għal PO u jintuża biex jikkofinanzja nfiq eliġibbli fuq il-proġetti. Tali nfiq imġarrab minn benefiċjarju jirriżulta fl-applikazzjoni għar-rimborż minn Stat Membru lill-Kummissjoni, li min-naħa tagħha mbagħad tawtorizza li jsir pagament mill-impenji. Il-fondi jitqiesu li jkunu ġew assorbiti ladarba l-Kummissjoni tagħmel pagament10.

09

Matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, l-impenji kellhom jintużaw (jiġifieri kellhom jiġu koperti minn pagament ta’ prefinanzjament jew pagament interim) fi żmien sentejn, jiġifieri l-infiq mill-benefiċjarji seta’ jitħallas sal-31 ta’ Diċembru 2015 filwaqt li l-applikazzjonijiet għar-rimborż setgħu jsiru sussegwentement. Il-finanzjament ġie diżimpenjat, jiġifieri ma setax jintnefaq aktar mill-Istati Membri, jekk ma ntużax fi żmien sentejn; din hija magħrufa bħala r-“regola n+2”11. Ir-regola n+2 ġiet estiża b’sena (jiġifieri n+3) għal ċerti Stati Membri12 u għal ċerti pagamenti ta’ impenn13.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

10

L-iskop ta’ dan l-awditu kien li jiġi eżaminat jekk l-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri kinux effettivi fl-assorbiment tal-finanzjament mill-FEŻR, mill-FSE u mill-FK matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. B'mod partikolari, aħna eżaminajna jekk:

  • il-Kummissjoni qabditx problemi ta’ assorbiment u jekk indirizzathomx b’mod f’waqtu permezz ta’ miżuri mmirati għat-titjib tal-assorbiment u bl-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħhom;
  • l-Istati Membri użawx dawn il-miżuri b’kunsiderazzjoni dovuta għall-konformità u għall-valur għall-flus (aral-Kaxxa 1).
11

Filwaqt li l-awditu kopra l-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 isiru wkoll referenzi għall-perjodi 2000-2006 u 2014-2020. Tali referenzi jsiru għal raġunijiet ta’ tqabbil u biex jiġu enfasizzati r-riskji li jikkonċernaw l-assorbiment għall-perjodu attwali.

12

Ix-xogħol tal-awditjar tagħna kien jinkludi:

  • analiżi tad-dispożizzjonijiet fil-qafas legali tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 li għandhom impatt fuq l-assorbiment;
  • eżaminar tal-linji gwida tekniċi rilevanti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet legali li jaffettwaw l-assorbiment u li jirrigwardaw l-għeluq;
  • valutazzjoni tal-proċeduri ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 relatati mal-assorbiment, inkluż ix-xogħol li sar mit-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar14;
  • analiżi ta’ 16-il PO taħt il-FEŻR u l-FK u 4 PO taħt l-FSE minn 7 Stati Membri: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja. Minn dawn il-PO, seba’ PO taħt il-FEŻR u l-FK u żewġ PO taħt l-FSE ġew eżaminati fil-fond. Lista tal-PO koperti hija inkluża fl-Anness;
  • żjarat tal-awditjar f’erba’ Stati Membri: ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Italja u r-Rumanija;
  • intervisti ma’ uffiċjali mid-DĠ REGIO u d-DĠ EMPL, inklużi dawk li pparteċipaw fit-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar.

Kaxxa 1

L-assorbiment huwa mezz biex jinkisbu r-riżultati u mhux tir fih innifsu

Il-kapaċità ta’ assorbiment tirreferi għall-abbiltà ta’ Stat Membru li jonfoq ir-riżorsi finanzjarji li jkun ġie allokat b’mod effiċjenti u effettiv15. Il-Qorti diġà osservat li hija sfida kontinwa biex l-Unjoni tikseb riżultati kwalitattivi tajba minn skemi fejn il-fondi huma allokati minn qabel fost l-Istati Membri u l-assorbiment huwa objettiv impliċitu16. Aħna rrappurtajna wkoll li l-qafas leġiżlattiv 2007-2013 iffoka primarjament fuq l-infiq f’konformità mar-regoli, b’fokus limitat fuq il-prestazzjoni17.

Jeħtieġ li l-assorbiment ma jkunx tir fih innifsu, iżda pjuttost mezz ta’ investiment f’azzjonijiet li jgħinu biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika nazzjonali u tal-UE. Il-finanzjament tal-politika ta' Koeżjoni huwa sinifikanti u jeħtieġ li jittrasmetti benefiċċji importanti liċ-ċittadini tal-UE. Sabiex jagħmel hekk, huwa partikolarment importanti li l-finanzjament jintnefaq b’mod li jirrappreżenta valur għall-flus.

Osservazzjonijiet

Il-Kummissjoni rreaġiet tard għall-implimentazzjoni bil-mod iżda l-azzjonijiet tagħha għenu biex jiżdied l-assorbiment

13

Aħna qabbilna t-twaqqit tal-adozzjoni tal-qafas legali għall-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020 biex niddeterminaw kemm żmien kellhom l-Istati Membri qabel il-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni biex jippreżentaw il-programm operazzjonali. Aħna ħarisna lejn it-twaqqit tal-adozzjoni tagħhom għall-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020 biex niddeterminaw meta l-Istati Membri setgħu jibdew jassorbu l-fondi. Ħarisna wkoll lejn ir-rati ta’ assorbiment fil-perjodi ta' programmazzjoni 2000-2006, 2007-2013 u 2014-2020 biex nidentifikaw similaritajiet fix-xejriet tal-infiq u x’jista’ jkun mistenni fil-perjodu attwali. Fl-aħħar nett, ivvalutajna kif il-Kummissjoni mmonitorjat l-assorbiment matul il-perjodu 2007-2013, jekk ħaditx azzjoni f’waqtha u x’kienu r-riżultati.

Adozzjoni tardiva tal-qafas leġiżlattiv u implimentazzjoni bil-mod li jirriżultaw f’aktar pressjoni biex il-fondi jiġu assorbiti

14

L-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv hija prerekwiżit essenzjali għat-tħejjija tal-programmi operazzjonali, peress li tistabbilixxi l-qafas regolatorju u tipprovdi ċertezza legali lill-Istati Membri li l-pjanijiet tal-infiq u l-objettivi tagħhom kif issettjati fil-programmi operazzjonali jkunu konformi mal-objettivi tal-UE. Min-naħa l-oħra, l-adozzjoni ta’ dawn il-PO mill-Kummissjoni timmarka l-bidu tal-pagamenti mill-baġit tal-UE għal PO. Sabiex tiżgura li l-infiq ikun jista’ jibda fil-bidu tal-perjodu, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproponi u l-leġiżlatur jadotta, il-qafas leġiżlattiv għal perjodu ta' programmazzjoni li jkun imiss ferm qabel ma jkun se jibda. Ibbażat fuq esperjenza preċedenti aħna nistmaw li skeda ta’ żmien raġonevoli tkun kif ġej:

  • il-Kummissjoni tipproponi l-qafas leġiżlattiv 30 xahar (sentejn u nofs) qabel il-bidu tal-perjodu;
  • il-leġiżlatur jadotta l-qafas fi żmien 18-il xahar mill-proposta tal-Kummissjoni;
  • l-Istati Membri jippreżentaw, u l-Kummissjoni tadotta, l-istrateġiji nazzjonali (li, għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, kienu ftehimiet ta’ sħubija) u l-programmi operazzjonali fi żmien sena mill-adozzjoni tal-qafas legali.
15

Dan huwa importanti sabiex jiġi evitat dewmien fl-implimentazzjoni u pressjoni żejda biex jiġi assorbit il-finanzjament lejn tmiem il-perjodu, bir-riskju li dan l-assorbiment isir mingħajr ma jiġu osservati r-regoli u mingħajr ma jinkiseb valur tajjeb għall-flus.

Adozzjoni tardiva tal-qafas leġiżlattiv u tal-programmi operazzjonali kellha effett negattiv fuq l-implimentazzjoni

16

Għall-perjodu 2007-2013, il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament Ġenerali ġiet ippreżentata kważi 30 xahar qabel il-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, u l-leġiżlatur adottaha kważi 24 xahar aktar tard, jiġifieri kważi 6 xhur qabel il-bidu tal-perjodu. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) ġiet ippreżentata kważi 27 xahar qabel il-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, u l-leġiżlatur dam aktar minn 26 xahar biex jadottaha, jiġifieri ġimagħtejn biss qabel il-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni18. Stampa ġenerali tal-kronoloġija tal-proċedura leġiżlattiva tingħata fil-Figura 2.

17

Meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, iż-żmien addizzjonali meħud għall-adozzjoni tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2014-2020 kien dovut għall-fatt li:

  • Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ġiet ippreżentata tliet xhur aktar tard (jiġifieri f’Ottubru 2011 minflok f’Lulju 2004);
  • Il-proċess tan-negozjati bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dam xahrejn u nofs aktar minħabba l-ħtieġa li jistennew l-adozzjoni tar-Regolament Finanzjarju (f’Ottubru 2012) u tal-QFP (adottat biss f’Diċembru 2013), kif ukoll l-eżitu tan-negozjati b’riżultat ta’ proċedura leġiżlattiva ġdida19.
18

Fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-QFP għal wara l-202020, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-adozzjoni tardiva tal-QFP 2014-2020 ittardjat l-investimenti fuq il-post f’diversi oqsma ta' politika (inkluża l-Koeżjoni). Il-Kummissjoni ħeġġet li jintlaħaq ftehim politiku bikri dwar il-QFP għal wara l-2020 biex tiġi pprovduta ċertezza legali u finanzjarja lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u biex li l-implimentazzjoni tkun tista’ tinbeda immedjatament fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni.

Figura 2

Kronoloġija għall-proposta u l-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv għall-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020

Sors: Il-QEA.

19

Għall-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020 ma kien ġie adottat l-ebda PO saż-żmien meta nbdew il-perjodi ta' programmazzjoni fl-1 ta’ Jannar 2007 u 2014, rispettivament. Għall-perjodu 2007-2013 kien ġie adottat għadd akbar ta’ PO sa tmiem l-ewwel sena tal-perjodu ta' programmazzjoni meta mqabbel mal-perjodu 2014-2020 (ara l-Kaxxa 2). Dan huwa prinċipalment dovut għall-adozzjoni tardiva tal-pakkett leġiżlattiv u possibbilment għal negozjati aktar impenjattivi għall-adozzjoni tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u tal-programmi operazzjonali meta mqabbel mal-perjodu preċedenti21 22.

Kaxxa 2

Adozzjoni tal-programmi operazzjonali wara li l-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020 kienu nbdew

Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, 98 % (432 minn 44023) tal-PO kienu ġew ippreżentati u 95 % (416 minn 440 PO) kienu ġew adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2007. Il-maġġoranza tal-PO (91 %) ġew adottati bejn Lulju u Diċembru 2007. Iż-żmien medju mid-data tal-preżentazzjoni sal-adozzjoni ta’ PO kien ta’ madwar seba’ xhur.

Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, 95.5 % (371 minn 38724) tal-PO kienu ġew ippreżentati mill-Istati Membri u 55.8 % biss (216 minn 387 PO) kienu ġew adottati mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2014. Iż-żmien medju meħud mid-data tal-preżentazzjoni sal-adozzjoni ta’ PO kien ta’ madwar tmien xhur.

Assorbiment bil-mod matul l-ewwel snin

20

Il-Figura 3 turi x-xejra tal-infiq annwali matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. L-impenji fil-bidu tal-perjodu huma ferm akbar mill-pagamenti, peress li l-Istati Membri kienu għadhom qed jużaw impenji li kienu ġejjin mill-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006, il-PO kienu għadhom qed jiġu adottati jew il-proċeduri tal-għażla tal-proġetti kienu għadhom qed jiġu finalizzati. Sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, għalkemm kien għad fadal sentejn biss biex jintemm il-perjodu ta’ eliġibbiltà (fil-31 ta’ Diċembru 2015), inqas minn żewġ terzi tal-impenji kienu ġew assorbiti minn pagamenti.

Figura 3

Xejra tal-infiq matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 għall-FEŻR, l-FSE u l-FK

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mill-Kummissjoni.

21

Tqabbil tax-xejriet tal-assorbiment matul il-perjodi ta' programmazzjoni 2000-2006 u 2007-2013 jindika li l-profili huma simili. Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-assorbiment fi tmiem l-2017 (is-sena 4 tal-perjodu ta' programmazzjoni) mexa aktar bil-mod. Il-Figura 4 turi r-rata ta’ assorbiment kumulattiva25 matul dawn it-tliet perjodi ta' programmazzjoni mill-bidu tal-perjodu (is-sena 1) sas-sena meta tkun trid tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni ta’ għeluq (is-sena 11).

Figura 4

Rata ta’ assorbiment fil-perjodi ta' programmazzjoni 2000-2006, 2007-2013 u 2014-2020 għall-FEŻR, l-FSE u l-FK

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-Kummissjoni.

22

Minbarra l-adozzjoni tardiva tal-qafas leġiżlattiv u tal-programmi operazzjonali, aħna identifikajna mill-inqas żewġ fatturi oħra li wasslu għal assorbiment bil-mod fl-ewwel snin tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 meta mqabbel mal-perjodu preċedenti. L-ewwel nett, għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006, il-perjodu ta’ eliġibbiltà tal-infiq - u b’hekk, id-data ta’ skadenza għall-għeluq - kienu ġew estiżi b’sitt xhur (sa Ġunju 2009 u Settembru 2010 rispettivament) għall-maġġoranza tal-Istati Membri26. Dan ikkawża dewmien fl-implimentazzjoni tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, peress li l-Istati Membri kienu għadhom qed jużaw l-impenji li kienu ġejjin mill-perjodu preċedenti. It-tieni nett, matul il-perjodu 2000-2006, il-prefinanzjament sar kollu ladarba kien sar l-ewwel impenn27, filwaqt li fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, dan sar ftit ftit matul is-snin 2007 sa 2009.

23

Il-Qorti diġà rrappurtat dwar ir-riskju li d-dewmien fl-eżekuzzjoni baġitarja għall-perjodu 2014-2020 jista’ jkun akbar minn dawk esperjenzati għall-perjodu 2007-201328. Fi tmiem l-2016 (tliet snin wara l-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni), 77 % biss mill-awtoritajiet kienu nħatru għall-programmi operazzjonali taħt il-FEŻR, l-FSE u l-FK. Dan aggrava l-bidu diġà bil-mod (ara l-paragrafi 16, 19 u l-Kaxxa 2), għaliex filwaqt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jniedu s-sejħiet u jagħżlu l-proġetti, huma ma jistgħux jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-infiq lill-Kummissjoni qabel ma jkunu nħatru. F’Mejju 2018, il-proċess ta’ ħatra kien kważi kkompletat.

24

Fl-1 ta’ Marzu 2018, l-ewwel, it-tieni u t-tielet kontijiet finali ppreżentati mill-Istati Membri juru li l-infiq kumulattiv jammonta għal madwar 5 % biss tal-baġit allokat għall-perjodu ta' programmazzjoni kollu kemm hu29.

25

Il-Kummissjoni rrappurtat li r-rata ta’ għażla tal-proġetti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 bdiet bil-mod. Madankollu, f’Lulju 2017, kienet laħqet l-istess livelli bħal dawk tal-perjodu preċedenti30 u l-Kummissjoni tistenna li, minn dak iż-żmien ’il quddiem, ir-rati ta’ implimentazzjoni se jkunu ġeneralment simili bħal dawk tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Madankollu, minħabba l-problemi ta’ assorbiment fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u l-bidu aktar bil-mod tal-perjodu 2014-2020, huwa probabbli li se jkun hemm problemi ta’ assorbiment fil-perjodu 2014-2020 ukoll.

26

Il-Qorti osservat li għal disa’ Stati Membri31, l-impenji pendenti fir-rigward tal-fondi SIE 2014-2020 fi tmiem l-2016 kienu jirrappreżentaw aktar minn 15 % tal-infiq pubbliku ġenerali għall-2016. Minħabba l-ammont imdaqqas ta’ approprjazzjonijiet ta' impenn li għadu disponibbli taħt il-QFP 2014-2020, l-Istati Membri fejn il-fondi SIE jirrappreżentaw perċentwal sinifikanti tal-infiq tal-amministrazzjoni pubblika jistgħu jsibuha diffiċli biex jidentifikaw biżżejjed proġetti ta’ kwalità għolja li fuqhom jistgħu jonfqu l-finanzjament disponibbli jew li għalihom jistgħu jipprovdu kofinanzjament32.

Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ix-xejriet ta’ assorbiment kienu jvarjaw fost l-Istati Membri u bosta ma rnexxilhomx jużaw il-finanzjament kollu disponibbli

27

L-eżaminar li wettaqna tal-assorbiment mill-Istati Membri għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 juri li ċerti Stati Membri assorbew il-fondi aktar malajr minn oħrajn. Madankollu, aħna nosservaw li l-assorbiment huwa mezz biex jinkisbu l-objettivi u r-riżultati, iżda mhux tir fih innifsu. Il-Figura 5 turi d-disparitajiet fir-rata ta’ assorbiment fost l-Istati Membri.

Figura 5

Ir-rata ta’ assorbiment skont l-Istat Membru meta mqabbla mal-medja tal-UE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 għall-FEŻR, l-FSE u l-FK

Nota: Meta qisna x-xejriet ta’ assorbiment tal-Istati Membri għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, aħna ħadna kont tal-pagamenti li saru bejn l-2009 u l-2015. Il-pagamenti li saru matul l-2007 u l-2008 ma ġewx inklużi peress li huma prattikament pagamenti ta’ prefinanzjament biss. Pagamenti li saru matul l-2014 u l-2015 ġew inklużi fuq il-bażi tar-regola n+2.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fi Frar 2018.

28

Ibbażat fuq informazzjoni disponibbli fil-bidu tal-2018 u pprovduta mill-Kummissjoni, ir-rata medja ta’ assorbiment tal-UE kienet ta’ 97.2 %33. Xi wħud mill-Istati Membri ma rnexxilhomx jużaw il-finanzjament disponibbli fiż-żmien stipulat (ir-regola n+2/3) jew ma kellhomx ammont suffiċjenti ta’ nfiq eliġibbli biex jikklejmjaw il-fondi kollha allokati fl-għeluq (ara l-Figura 6). Ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni, fi tmiem l-2017 il-finanzjament li ma ntużax kien jammonta għal EUR 4.4 biljun34. Il-proġetti sospiżi minħabba proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji ammontaw għal madwar EUR 853.8 miljun u l-assorbiment tagħhom mill-Istat Membru jiddependi fuq l-eżitu tal-proċedimenti35. Ir-rata finali ta’ assorbiment u l-valur totali ta’ finanzjament mhux użat jistgħu jiġu kkonfermati biss ladarba l-PO kollha jkunu ngħalqu u l-korrezzjonijiet u l-irkupri finanzjarji kollha jkunu ġew iddeterminati.

Figura 6

Finanzjament mhux użat u proġetti sospiżi għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 (f’miljun EUR)

Nota: It-tabella ta’ hawn fuq ma tinkludix diżimpenji għal programmi operazzjonali taħt il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea li jammontaw għal EUR 229.4 miljun.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni damet sa ma ħadet azzjoni biex tindirizza l-problemi ta’ assorbiment, iżda l-azzjonijiet tagħha xorta waħda kellhom impatt fuqu

29

Jenħtieġ li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tal-baġit fuq bażi regolari u tieħu azzjoni xierqa meta jiġi nnutat dewmien fl-implimentazzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li hija tieħu vantaġġ mit-tagħlimiet meħuda minn perjodi ta' programmazzjoni preċedenti biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-fondi.

Il-Kummissjoni mmonitorjat regolarment l-implimentazzjoni tal-baġit

30

Il-Kummissjoni għandha diversi sorsi ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ fondi tal-UE fl-Istati Membri. Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, l-Awtorità Maniġerjali ħejjiet Rapporti Annwali tal-Implimentazzjoni (AIR) għal kull PO u ppreżentathom lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara, u b’bidu f’Ġunju 200836.

31

Ir-Regolament Ġenerali jidentifika l-informazzjoni li tkun trid tiġi inkluża fl-AIR, jiġifieri informazzjoni dwar implimentazzjoni finanzjarja, il-progress li jkun sar fl-ilħuq tal-mira stabbilita, u kull problema sinifikanti ffaċċjata flimkien mal-miżuri ta’ mitigazzjoni assoċjati. L-informazzjoni mill-AIRs tiġi kkomplementata mid-dikjarazzjonijiet ta’ nfiq eliġibbli. L-Istati Membri rrappurtaw ukoll il-previżjonijiet tat-talbiet għall-pagament darbtejn f’sena. Il-Kummissjoni kisbet informazzjoni ulterjuri matul il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ (darbtejn f’sena bħala medja), il-laqgħat ta’ analiżi annwali u l-laqgħat tekniċi.

32

Id-DĠ EMPL u d-DĠ REGIO mmonitorjaw regolarment l-implimentazzjoni finanzjarja tal-programmi mill-Istati Membri, inkluż permezz ta’ rapport ta’ eżekuzzjoni baġitarja ta’ kull xahar li jkopri l-Istati Membri kollha u l-PO kollha. Il-monitoraġġ seħħ fil-livell tal-UE, fil-livell tal-Istati Membri u fil-livell tal-programmi. Lejn tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni rrinfurzat il-monitoraġġ tagħha billi segwiet regolarment l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni Annwali intern tad-DĠ.

Xi wħud mill-Istati Membri ħadu azzjoni biex jindirizzaw il-problemi ta’ assorbiment fi stadju relattivament bikri, iżda l-problema baqgħet hemm

33

Xi wħud mill-Istati Membri li saritilhom żjara kienu sabu diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali relattivament kmieni fil-perjodu ta' programmazzjoni u stabbilew pjanijiet ta' azzjoni jew ħadu miżuri biex jindirizzawhom. Pereżempju, fl-Italja, fir-Rumanija u fir-Repubblika Ċeka kienu ġew stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni sa mill-2011. Fi tmiem l-2014, għalkemm kien għad fadal sena biss biex jintuża l-finanzjament disponibbli, ir-rata ta’ assorbiment għall-FEŻR, l-FSE u l-FK kienet ta’ madwar 77 % għall-EU-28. Fil-każ tal-Italja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, flimkien mas-Slovakkja u l-Bulgarija, ir-rata ta’ assorbiment kienet ferm inqas minn dan il-livell, jiġifieri bejn 61 % u 68 %, filwaqt li fil-każ tal-Kroazja37, ir-rata ta’ assorbiment kienet ta’ madwar 46 %.

Għalkemm it-TFBI ġiet stabbilita tard, ir-riżultati tagħha kienu sinifikanti

34

F’Novembru 2014, 11-il xahar wara t-tmiem tal-perjodu ta' programmazzjoni, il-Kummissjoni38 stabbiliet it-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar (TFBI). Din kienet maħsuba biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri li kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jużaw il-finanzjament li kien għad fadal mill-perjodu 2007-2013 fl-implimentazzjoni tal-PO tagħhom.

35

It-TFBI, irrappreżentata minn uffiċjali mid-DĠ REGIO39, kopriet Stati Membri li r-rata ta’ assorbiment kumplessiva tagħhom kienet inqas mill-medja tal-UE (il-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, l-Italja u l-Kroazja)40. Hija kopriet ukoll l-Ungerija, li fl-2014 kienet f’riskju li titlef il-finanzjament b’riżultat ta’ diżimpenn awtomatiku, minkejja li l-livell ta’ assorbiment tagħha kien qrib il-medja tal-UE. B’kollox, it-TFBI kkonċentrat fuq 38 PO taħt il-FEŻR u l-FK. Il-Kaxxa 3 tipprovdi deskrizzjoni fil-qosor tax-xogħol tat-TFBI.

Kaxxa 3

It-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar

It-TFBI kienet responsabbli għat-tfassil ta’ pjanijiet ta’ azzjoni (jew l-eżaminar ta’ pjanijiet eżistenti f’każ li kienu diġà stabbiliti) ma’ kull Stat Membru kkonċernat bl-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni. Għal dan l-għan, hija identifikat miżuri awtorizzati mill-qafas leġiżlattiv li setgħu jgħinu biex jiżdied l-assorbiment (ara l-paragrafi 41 sa 78 għal deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri l-aktar sinifikanti użati mill-Istati Membri). Hija organizzat laqgħat tekniċi mal-awtoritajiet nazzjonali biex tagħti segwitu għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni, kif ukoll seminars dwar suġġetti partikolari (bħall-għeluq, proġetti maġġuri u oħrajn) bil-ħsieb li tippermetti li jsir skambju ta’ prattiki tajba u titjib fil-kapaċitajiet amministrattivi.

36

L-eżaminar li wettaqna tad-dokumenti tekniċi41 pprovduti mit-TFBI lill-Istati Membri, ikkonferma li huma indirizzaw l-assorbiment u r-riskji relatati mal-legalità u r-regolarità. Madankollu, id-dokumenti ma kkunsidrawx kif il-fondi setgħu jintnefqu sew jew kif setgħu jinħolqu outputs aħjar u riżultati tajbin.

37

It-TFBI kienet immonitorjat il-progress tal-Istati Membri dwar il-miżuri maqbula. Madankollu, minħabba l-mod li bih l-Istati Membri rrappurtaw dwar ir-riżultati tagħhom, kienet diffiċli li tinkiseb stampa ġenerali tal-miżuri kollha li ntużaw u tal-impatt li kull miżura kellha fuq l-assorbiment.

38

Madankollu, fi żmien sena, ir-rata ta’ assorbiment għall-EU-28 żdiedet minn madwar 77 % (Diċembru 2014) għal kważi 90 % (Diċembru 2015). Ir-rata ta’ assorbiment għall-Istati Membri assistiti mit-TFBI żdiedet b’mod sinifikanti, f’xi każijiet b’aktar minn 20 punt perċentwali (ara t-Tabella 1).

Tabella 1

Żieda fir-rata ta’ assorbiment għall-Istati Membri assistiti mit-TFBI

Stat Membru Rata ta’ assorbiment
Diċembru 2014
(%)
Rata ta’ assorbiment
Diċembru 2015
(%)
Żieda fl-assorbiment
(punti perċentwali)
Ir-Repubblika Ċeka 64.4 85.3 20.9
Is-Slovakkja 61.7 87.60 25.9
Il-Bulgarija 68.0 87.5 19.5
L-Italja 63.8 79.9 16.1
L-Ungerija 76.1 88.4 12.3
Ir-Rumanija 62.1 77.0 14.9

Nota: Is-Slovenja u l-Kroazja mhumiex inklużi fit-tabella peress li s-sitwazzjoni tagħhom ma kinitx paragunabbli ma’ dik tal-Istati Membri l-oħra (ara n-Noti 37 u 40 f’qiegħ il-paġna).

39

L-Istati Membri li saritilhom żjara qalu li kienu sabu t-TFBI utli minħabba l-gwida teknika u l-assistenza li kienet ipprovdiet, b’mod partikolari dwar it-tqassim f’fażijiet tal-proġetti maġġuri (ara l-paragrafi 60 sa 62). Huma qalu wkoll li kienet ħolqot forum formali għall-indirzzar tal-problemi ta’ implimentazzjoni u kienet iffaċilitat il-kondiviżjoni tal-għarfien. Ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija dehrilhom li t-TFBI kienet ġiet stabbilita tard wisq, peress li dawn iż-żewġ Stati Membri kienu diġà bdew jieħdu azzjoni biex iżidu l-assorbiment.

40

Ix-xogħol tat-TFBI intemm lejn tmiem l-2015. Il-Kummissjoni sabet l-approċċ u l-metodu ta’ ħidma tat-TFBI kienu effettivi, u b’riżultat ta’ dan estendiethom billi stabbiliet unità permanenti, l-Unità għal Implimentazzjoni Aħjar, biex tgħin lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programm operazzjonali matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.

Diversi miżuri aċċelleraw l-assorbiment iżda ma kinux iffukati biżżejjed fuq ir-riżultati

41

Aħna ħarisna lejn il-miżuri prinċipali applikati mill-Istati Membri u l-effett tagħhom fuq iż-żieda tal-assorbiment kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-prestazzjoni u l-konformità mar-regoli ta’ eliġibbiltà.

42

Jenħtieġ li l-finanzjament mill-UE li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri jintuża kollu u bl-aħjar mod possibbli sabiex jinkisbu l-objettivi tal-programmi operazzjonali. Għal dan l-għan, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jużaw il-miżuri awtorizzati mir-Regolament b’kunsiderazzjoni dovuta mogħtija lill-valur għall-flus u r-regolarità tal-infiq.

Ir-riprogrammazzjoni kienet għodda effettiva għall-ottimizzazzjoni tal-assorbiment iżda rriżultat f’bidliet sinifikanti għall-pjanijiet inizjali, u ppreżentat riskji għall-valur għall-flus

43

Ir-reviżjoni (jew ir-riprogrammazzjoni) tal-programmi operazzjonali hija għodda importanti għall-ottimizzazzjoni tal-assorbiment u biex jiġi evitat id-diżimpenn, jiġifieri li l-fondi ma jintużawx. Barra minn hekk, hija tipprovdi flessibbiltà lill-Istati Membri biex jadattaw għall-evoluzzjoni taċ-ċirkostanzi fuq il-post. Hija ntużat ta’ spiss matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u rriżultat f’bidliet sinifikanti meta mqabbel mal-pjan ta’ finanzjament inizjali. Madankollu, aħna osservajna wkoll li l-użu tar-riprogrammazzjoni ppreżentat riskji għall-valur għall-flus (ara l-paragrafi 53 u 55).

44

Il-metodi ta’ riprogrammazzjoni jinkludu t-trasferiment ta’ fondi bejn il-programmi operazzjonali u bejn il-prijoritajiet (inkluż l-introduzzjoni ta’ prijoritajiet ġodda jew it-tneħħija ta’ dawk eżistenti), il-bidla tar-rati ta’ kofinanzjament, jew il-bidla tal-komponent pubbliku u privat tal-kontribuzzjoni nazzjonali.

45

Fit-taqsimiet li ġejjin (il-paragrafi 46 sa 59) aħna niddiskutu l-bidla li saret fil-qafas regolatorju biex tiġi ffaċilitata r-riprogrammazzjoni, nanalizzaw l-impatt tar-riprogrammazzjoni fuq l-ippjanar inizjali u nuru l-użu ta’ kull wieħed minn dawn il-metodi ta’ riprogrammazzjoni mill-kampjun tagħna ta’ 20 PO.

Emenda li saret għar-Regolament iffaċilitat ir-reviżjoni tal-programmi operazzjonali

46

Il-PO jistgħu jiġu riveduti fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri jew tal-Kummissjoni bi qbil mal-Istat Membru. Il-kundizzjonijiet għal tali reviżjonijiet kif stipulati fl-Artikolu 33 tar-Regolament Ġenerali, għandhom ambitu wiesa’ ħafna u jagħtu marġni konsiderevoli ta’ manuvra lill-Istati Membri. PO jista’ jiġi rivedut fil-każ ta’: bidliet soċjoekonomiċi sinifikanti, bidliet kbar fil-prijoritajiet tal-UE, jew f’dawk nazzjonali jew reġjonali jew bidliet kbar f’evalwazzjoni li jirriżultaw f’devjazzjoni sinifikanti mill-miri stabbiliti inizjalment, jew b’riżultat ta’ diffikultajiet fl-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni trid tapprova jew tirrifjuta r-reviżjoni tal-PO fi żmien tliet xhur minn meta Stat Membru jippreżentaha formalment. Inizjalment, l-Istati Membri kienu meħtieġa jwettqu evalwazzjoni meta jirrevedu PO. Fl-2010 ngħatat aktar flessibbiltà u l-Istati Membri ntalbu jipprovdu analiżi li tiġġustifika r-reviżjoni tal-PO u l-impatt mistenni ta’ dan. Din l-emenda għar-Regolament Ġenerali kellha tiffaċilita l-adattament tal-programmi operazzjonali42.

Reviżjonijiet frekwenti tal-programmi operazzjonali jixħtu dubju fuq il-programmazzjoni

47

Matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, ir-riprogrammazzjoni ntużat ta’ spiss mill-Istati Membri. Mill-kampjun tagħna ta’ 20 PO, 19 ġew riprogrammati bosta drabi matul il-perjodu, xi kultant aktar minn darba fl-istess sena. Barra minn hekk, aħna sibna li għal 8 mill-20 PO eżaminati, l-intervall bejn żewġ riprogrammazzjonijiet kien inqas minn ħames xhur. Pereżempju, PO Ċek taħt il-FEŻR, intitolat “Intrapriżi u Innovazzjonijiet”, kellu tmien verżjonijiet differenti, li tnejn minnhom ġew ippreżentati fl-2013 u tnejn oħra fl-2015. Il-Figura 7 tagħti stampa ġenerali tal-għadd ta’ verżjonijiet ippreżentati għal kull PO għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013.

Figura 7

Għadd ta’ verżjonijiet ippreżentati għal kull PO

Sors: Il-QEA.

48

Ir-riprogrammazzjoni tippermetti lill-Istati Membri jallinjaw mill-ġdid l-operazzjonijiet tagħhom biex jieħdu kont tal-bidliet fiċ-ċirkostanzi fuq il-post u tal-bidliet fil-politiki tal-UE. Madankollu, il-frekwenza għolja tar-riprogrammazzjoni tixħet dubju fuq il-validità tal-analiżijiet li fuqhom huwa bbażat il-proċess ta’ programmazzjoni (eż. l-analiżi inizjali tal-ħtiġijiet u l-evalwazzjoni ex ante) u r-reviżjonijiet sussegwenti.

Ir-riprogrammazzjoni rriżultat f’bidliet sinifikanti fl-allokazzjoni finanzjarja għall-assi prijoritarji li mhux dejjem kienet riflessa fil-valuri fil-mira tal-indikaturi tal-prestazzjoni

49

Tip frekwenti ta’ riprogrammazzjoni tal-programmi operazzjonali huwa t-trasferiment ta’ allokazzjoni finanzjarja minn PO għal ieħor jew bejn l-assi prijoritarji fi ħdan id-diversi PO. Dan jippermetti lill-Istati Membri jittrasferixxu l-finanzjament lejn miżuri fejn id-domanda għall-finanzjament tkun akbar jew fejn l-implimentazzjoni tkun aktar faċli. B’mod ġenerali, bidla materjali fl-allokazzjoni finanzjarja tkun tirrikjedi li ssir reviżjoni korrispondenti fl-indikaturi tal-prestazzjoni u fil-valuri fil-mira sabiex ikun jista’ jiġi ddeterminat jekk il-finanzjament investit ikunx kiseb valur tajjeb għall-flus.

50

Mill-20 PO fil-kampjun tagħna, 9 ttrasferew fondi għal jew irċevew fondi minn programmi operazzjonali oħra. Għall-maġġoranza tal-PO (tmienja minn disgħa), it-trasferiment kien inqas minn 10 % tal-kontribuzzjoni inizjali mill-UE għall-PO. Madankollu, għal PO Slovakk, intitolat “Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku”, il-kontribuzzjoni mill-UE għall-PO żdiedet b’25.4 %.

51

L-Istati Membri ttrasferew ukoll finanzjament bejn l-assi prijoritarji, li f’xi każijiet irriżulta f’bidliet sinifikanti mill-ammonti pprogrammati inizjalment (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Trasferimenti sinifikanti ta’ kontribuzzjonijiet mill-UE bejn l-assi prijoritarji

Għal PO Ċek taħt il-FEŻR, intitolat “Intrapriżi u Innovazzjoni”, il-finanzjament għall-Prijorità 3.2 “Żvilupp ta’ Kumpaniji” żdied bi 52.2 % (minn EUR 663 miljun għal aktar minn EUR 1 biljun) u għall-Prijorità 3.4 “Innovazzjoni” b’35.8 % (minn EUR 680.1 miljun għal EUR 923.7 miljun) biex l-assorbiment jiġi aċċellerat.

Għal PO Taljan taħt il-FEŻR, intitolat “Sqallija”, il-finanzjament għall-Prijorità 6 “Żvilupp Urban Sostenibbli” żdied bi 17.5 % (minn EUR 539.5 miljun għal EUR 634 miljun) biex l-assorbiment ikun jista’ jiġi aċċellerat.

52

F’PO Ungeriż, bidliet fl-allokazzjoni finanzjarja ma rriżultawx f’bidla fil-valur fil-mira tal-indikatur tal-prestazzjoni (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Trasferimenti sinifikanti ta’ kontribuzzjonijiet mill-UE bejn l-assi prijoritarji mingħajr aġġustament proporzjonali tal-valur fil-mira tal-indikatur tal-prestazzjoni

Il-PO Ungeriż taħt il-FEŻR, intitolat “Ambjent u Enerġija”, ġie rivedut erba’ darbiet. Fl-2012 sar trasferiment minn PO ieħor, filwaqt li fl-2013, fl-2015 u fl-2016, saru trasferimenti bejn l-assi prijoritarji. Il-fondi ġew riallokati lil prijoritajiet bi proġetti li setgħu jiġu implimentati aktar malajr. B’riżultat ta’ dan, il-kontribuzzjoni mill-UE għall-Prijorità 5 “Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija” żdiedet bi 390 % (minn EUR 131.2 miljun għal EUR 642.6 miljun). Fl-istess ħin, fl-2012, il-valur fil-mira għall-indikatur “riżorsi tal-enerġija ffrankati permezz tal-effiċjenza enerġetika”, tnaqqas għal inqas minn terz, minn 11 għal 2.7 petajoules fis-sena, iżda ma ġiex rivedut meta ġie allokat finanzjament addizzjonali għall-assi prijoritarju.

53

L-eżempji ta’ hawn fuq juru li l-fokus fuq l-assorbiment u fuq l-infiq veloċi tal-flus jippreżenta riskju għall-kisba ta’ riżultati aħjar meta jiġu żborżati l-fondi tal-UE.

Żieda fir-rata ta' kofinanzjament mill-UE tagħti spinta lill-assorbiment iżda tnaqqas il-valur li jista’ jinkiseb mill-fondi tal-UE

54

Żieda fir-rata ta' kofinanzjament mill-UE tgħin lill-Istati Membri jassorbu aktar malajr il-fondi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom u jnaqqas l-ammont ta’ fondi li jkunu f’riskju ta’ diżimpenn. B’dan il-mod, Stat Membru jista’ jiġi rimborżat bir-rata riveduta għall-infiq kollu ddikjarat preċedentement. Iż-żieda fir-rata ta' kofinanzjament tippermetti l-assorbiment immedjat u veloċi tal-fondi b’effett retroattiv.

55

Żieda fir-rata ta’ kofinanzjament ittaffi l-pressjoni fuq il-baġit nazzjonali peress li tnaqqas il-kontribuzzjoni ppjanata inizjalment tal-Istat Membru għall-PO, madankollu, hija tnaqqas ukoll il-valur kumplessiv tal-PO. Dan ifisser li l-iskala (l-għadd jew id-daqs) tal-interventi titnaqqas ukoll, dment li l-Istati Membri ma jkomplux jinvestu l-finanzjament oriġinarjament ippjanat fil-livell nazzjonali. B’riżultat, dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-objettivi u r-riżultati li jistgħu jinkisbu mill-programmi operazzjonali, li min-naħa tiegħu jaffettwa l-valur li jista’ jinkiseb mill-fondi tal-UE li jiġu żborżati.

56

Aktar minn nofs il-PO fil-kampjun tagħna (11-il PO minn 20) kienu ġew ipprogrammati mill-bidu fir-rata massima ta’ kofinanzjament mill-UE stabbilita fir-Regolament43. Għal tmien PO, ir-rata ta’ kofinanzjament żdiedet matul il-perjodu. It-Tabella 2 turi ż-żieda fir-rata ta' kofinanzjament mill-UE u t-tnaqqis fil-kontribuzzjoni nazzjonali. Għal dawn it-tmien PO l-kontribuzzjoni nazzjonali totali mnaqqsa tammonta għal EUR 4.8 biljun.

Tabella 2

Tnaqqis fil-kontribuzzjoni nazzjonali b’riżultat ta’ żieda fir-rata ta’ kofinanzjament

Stat Membru Programm Operazzjonali Rata inizjali ta' kofinanzjament mill-UE
(f’%)
Rata riveduta ta' kofinanzjament mill-UE
(f’%)
Tnaqqis fil-kontribuzzjoni nazzjonali
(f’miljun EUR)
Ir-Rumanija Ambjent 80 85 302.1
Il-Bulgarija Ambjent 81 85 75.5
Spanja Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (RŻI) għall-Intrapriżi u permezz tagħhom – Fond tat-Teknoloġija 67 75 356.8
Ekonomija bbażata fuq l-għarfien 70 80 259.0
L-Italja Il-Kalabrija FSE 50 75 286.8
Sigurtà għall-iżvilupp 50 75 386.0
Il-Kalabrija 50 75 999.4
Sqallija 50 75 2 179.8
  Total     4 845.4

Nota: Ir-rata massima regolatorja ta' kofinanzjament mill-UE hija 85 % għall-Bulgarija u r-Rumanija, 80 % għal Spanja u 75 % għall-Italja.

Sors: Il-QEA.

L-Istati Membri introduċew kontribuzzjonijiet privati biex iżidu r-rati ta’ assorbiment tagħhom, iżda dan irriżulta wkoll fi tnaqqis tal-interventi

57

Is-sehem ta’ kofinanzjament nazzjonali tal-Istati Membri jista’ jew jiġi pprovdut permezz ta’ kontribuzzjoni pubblika nazzjonali biss jew jista’ jkun jinkludi wkoll kontribuzzjoni privata. F’każ li l-programm ikun jinkludi kontribuzzjoni privata, il-pjan ta’ finanzjament tal-PO44 jieħu inkunsiderazzjoni l-finanzjament ipprovdut minn benefiċjarji ta’ għotjiet fis-settur privat.

58

Żieda fil-kontribuzzjonijiet privati tista’ tgħin biex il-fondi jiġu assorbiti aktar malajr peress li jikkomplementaw in-nefqa pubblika nazzjonali li tkun trid tiġi rimborżata bħala parti mill-kofinanzjament mill-UE u/jew tissostitwixxi l-kontribuzzjoni pubblika nazzjonali meħtieġa biex tibbilanċja l-kofinanzjament mill-UE. L-effett huwa immedjat u għandu impatt pożittiv ta’ darba fuq l-assorbiment ta’ fondi tal-UE billi jżid l-ammont ta’ nfiq eliġibbli disponibbli għar-rimborż. Madankollu, peress li parti mill-kontribuzzjoni privata tikkonsisti f’infiq li kien jiġġarrab irrispettivament mill-kontribuzzjoni pubblika, is-sostituzzjoni tal-kontribuzzjoni pubblika b’dik privata tnaqqas l-investiment kumplessiv tal-Istati Membri. Kif indikat hawn fuq (ara l-paragrafu 55) dan inaqqas l-iskala tal-intervent għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika ta’ Koeżjoni.

59

Fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni l-ebda wieħed mill-20 PO fil-kampjun tagħna ma kien jinkludi komponent privat fil-pjan ta’ finanzjament tal-PO tiegħu. Sa tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni, ħames PO kienu introduċew kontribuzzjoni privata, biex b’hekk, fl-istess ħin, naqqsu l-kontribuzzjoni pubblika nazzjonali. It-Tabella 3 turi l-kontribuzzjoni privata li ġiet introdotta u l-kontribuzzjoni teoretika mill-UE li din tista’ tiġġenera.

Tabella 3

Kontribuzzjoni privata li tissostitwixxi l-kontribuzzjoni pubblika u l-kontribuzzjoni teoretika mill-UE li tista’ tiġi ġġenerata

Stat Membru PO Kontribuzzjoni privata introdotta
(miljun EUR)
Rata ta' kofinanzjament
(%)
Kontribuzzjoni teoretika mill-UE ġġenerata mill-kontribuzzjoni privata
(miljun EUR)
Spanja Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (RŻI) għall-Intrapriżi u permezz tagħhom – Fond tat-Teknoloġija 500.5 75 375.4
Ir-Repubblika Ċeka Intrapriżi u Innovazzjonijiet 472.5 85 401.6
Ambjent 97.2 85 82.7
L-Ungerija Ambjent u Enerġija 85.1 85 72.3
L-Ungerija tat-Tramuntana 54.2 85 46.0

Nota: Il-kontribuzzjoni teoretika mill-UE li tista’ tiġi ġġenerata mill-inklużjoni tal-infiq privat tiġi kkalkulata bl-applikazzjoni tar-rata ta' kofinanzjament mill-UE għall-kontribuzzjoni privata. Il-kontribuzzjoni finali ġġenerata mill-infiq privat tkun magħrufa biss fiż-żmien tal-għeluq.

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mill-Kummissjoni.

It-tqassim tal-proġetti f’fażijiet inaqqas ir-riskju ta’ diżimpenn jekk il-proġetti ma jkunux ikkompletati għalkollox fl-għeluq

60

Il-qafas regolatorju 2007-2013 ippreveda l-implimentazzjoni ta’ proġett maġġuri45 fuq żewġ perjodi ta' programmazzjoni, jiġifieri d-diviżjoni ta’ proġett f’żewġ stadji, bejn il-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-202046. Għalkemm ir-Regolament Ġenerali ppreveda biss it-tqassim ta’ proġetti maġġuri f’fażijiet, il-linji gwida tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-għeluq għamlu saħansitra aktar minn hekk, billi estendew il-prinċipju tat-tqassim f’fażijiet għal proġetti mhux maġġuri b’valur ta’ mill-inqas EUR 5 miljun47.

61

Il-benefiċċju tat-tqassim f’fażijiet huwa li dan inaqqas ir-riskju marbut mal-possibbiltà li proġetti maġġuri li jkunu nbdew iżda li ma jkunux operazzjonali sal-31 ta’ Marzu 2017 (jiġifieri d-data għall-preżentazzjoni tad-dokumenti tal-għeluq), jew, l-aktar tard, sal-31 ta’ Marzu 201948, li jitqiesu ineliġibbli, u li b’konsegwenza, il-finanzjament korrispondenti mill-UE ma jintużax. Mill-14-il49 PO fil-kampjun tagħna, 9 għażlu li jqassmu f’fażijiet il-proġetti maġġuri jew il-proġetti b’valur ogħla minn EUR 5 miljun. L-użu tat-tqassim f’fażijiet naqqas ir-riskju li l-kofinanzjament mill-UE għal dawn il-proġetti, li kien jammonta għal EUR 4.5 biljun (EUR 3.8 biljun għal proġett maġġuri u EUR 0.7 biljun għal proġetti mhux maġġuri b’valur ogħla minn EUR 5 miljun), jibqa’ ma jintużax matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013.

62

Filwaqt li t-tqassim f’fażijiet huwa ta’ benefiċċju għall-assorbiment u jirrikonoxxi l-fatt li l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jkunu nbdew ma tispiċċax fit-tmiem ta’ programm, awditu reċenti żvela li t-tqassim f’fażijiet fil-qasam ta’ Koeżjoni huwa aktar ikkumplikat u restrittiv milli hu fil-politika ta’ Żvilupp Rurali, anki jekk dawn iż-żewġ oqsma ta' politika huma simili ħafna għal xulxin50.

Intużaw proġetti retrospettivi biex jiġi assorbit il-finanzjament mill-UE, iżda dawn jirrappreżentaw riskju konsiderevoli ta’ deadweight

63

Proġetti jew operazzjonijiet retrospettivi huma dawk li jkunu ġarrbu nfiq jew li jkunu ġew ikkompletati qabel ma tkun tressqet applikazzjoni formali għall-kofinanzjament mill-UE jew qabel ma dan il-kofinanzjament ikun ingħata, jiġifieri jiġu ffinanzjati b’mod retrospettiv. Proġetti retrospettivi huma mezz ieħor ta’ kif il-finanzjament jista’ jiġi assorbit bil-ħolqien ta’ nfiq addizzjonali ġdid jew bis-sostituzzjoni ta’ nfiq ineliġibbli.

64

Il-proġetti retrospettivi jippreżentaw riskji ċari għall-valur għall-flus peress li ħafna drabi jintgħażlu, jinbdew jew jitwettqu mingħajr ma jkunu ġew marbuta definittivament mal-objettivi ta’ programm jew mar-rekwiżiti legali speċifiċi relatati mal-għajnuna tal-UE. Fil-gwida tagħha dwar għajnuna retrospettiva tal-UE51, il-Kummissjoni tiskoraġġixxi l-użu tagħhom peress li jinvolvu riskju kbir ta’ nuqqas ta' konformità mar-regoli rilevanti tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

65

Barra minn hekk, peress li l-proġetti retrospettivi diġà jiġu implimentati permezz ta’ finanzjament nazzjonali, dan iqajjem dubji dwar il-valur miżjud li jinkiseb bl-użu ta’ finanzjament mill-UE għall-kofinanzjament ta’ dawn il-proġetti. Jeżisti wkoll riskju ta’ deadweight, peress li dawn il-proġetti kienu jkunu implimentati anki mingħajr il-finanzjament mill-UE.

66

Mill-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara, tlieta (l-Italja, l-Ungerija u r-Rumanija) iddikjaraw li użaw proġetti retrospettivi (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

Użu ta’ proġetti u nfiq retrospettivi

L-Awtorità Maniġerjali għall-PO Taljan “Sqallija” indikat li, fl-2014, l-ispiża eliġibbli totali għal proġetti retrospettivi ammontat għal EUR 437.3 miljun. Għall-2015 hija stmat li dan it-tip ta’ nfiq seta’ jammonta għal EUR 250 miljun.

Fil-każ ta’ żewġ PO Ungeriżi, “Trasport” u “Ambjent u Enerġija”, l-awtoritajiet nazzjonali indikaw li l-proġetti retrospettivi identifikati ammontaw għal spiża eliġibbli totali ta’ EUR 195.1 miljun u EUR 74.5 miljun, rispettivament.

Għall-PO Rumen “Riżorsi Umani u Żvilupp” l-awtoritajiet nazzjonali indikaw li ġew identifikati seba’ proġetti retrospettivi bi spiża eliġibbli totali ta’ EUR 166.7 miljun. Biex jiġu ffinanzjati dawn il-proġetti, ġie ttrasferit ammont totali ta’ EUR 110 miljun minn ċerti assi prijoritarji lejn l-assi prijoritarju li fih setgħu joqogħdu l-proġetti retrospettivi.

67

L-Istati Membri mhumiex obbligati jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-infiq iddikjarat retrospettivament. B’riżultat ta’ dan, hija ma għandhiex informazzjoni dwar il-volum u l-impatt finanzjarju tal-infiq iddikjarat retrospettivament, minkejja r-riskji ċari relatati ma’ dan it-tip ta’ finanzjament. Ix-xogħol li wettaqna li sar għad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni juri li ħafna Stati Membri jużaw l-infiq restrospettiv u li l-kofinanzjament mill-UE ta’ proġetti retrospettivi huwa probabbilment sinifikanti għall-perjodu 2007-2013.

68

Bħala parti mix-xogħol tagħna għar-Rapport Annwali 2015, aħna identifikajna żbalji relatati mal-infiq fuq proġetti retrospettivi (ara l-Kaxxa 7). F’rapport preċedenti, il-Qorti qalet li dawn il-proġetti huma aktar suxxettibbli għall-iżbalji minn dawk magħżula bil-mod normali 52.

Kaxxa 7

Infiq ineliġibbli mġarrab minn proġett retrospettiv

Proġett Taljan għat-titjib tas-sistema ta' dranaġġ f’muniċipalità ġie approvat u ffinanzjat permezz ta’ riżorsi nazzjonali. L-infiq għall-proġett li ammonta għal EUR 2.5 miljun sussegwentement ġie inkluż taħt il-PO “l-Kampanja” bħala proġett intenzjonat għal kofinanzjament retrospettiv.

Matul l-awditu tagħna aħna identifikajna bidla fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ akkwist pubbliku li rriżultat fi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti. B’konsegwenza, kważi 30 % tal-infiq iddikjarat kien meqjus bħala ineliġibbli u ma kellux jiġi ddikjarat għall-kofinanzjament.

69

Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-użu ta’ proġetti retrospettivi kien xi ftit limitat. Operazzjonijiet (li jikkonsistu fi proġett wieħed jew f’bosta proġetti) li jkunu bdew iġarrbu nfiq iżda ma jkunux ġew ikkompletati fiżikament jew ma jkunux ġew implimentati kompletament qabel ma l-benefiċjarju jkun ippreżenta l-applikazzjoni għall-finanzjament taħt il-programm lill-Awtorità Maniġerjali jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament mill-UE53. Madankollu, jibqgħu kemm ir-riskju ta’ nfiq ineliġibbli kif ukoll il-kwistjoni ta’ valur miżjud miksub permezz tal-kofinanzjament mill-UE.

Minkejja li l-perjodu ta’ eliġibbiltà ġie estiż, 8 % tad-dotazzjonijiet għal strumenti finanzjarji ma ntużawx u ma kellhom l-ebda effett rotanti

70

Matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 l-Istati Membri setgħu jassorbu l-fondi temporanjament billi jgħadduhom fi strument finanzjarju u jirċievu rimborż mill-Kummissjoni, biex b’hekk jevitaw ir-riskju ta’ diżimpenn matul il-fażi ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk, biex tgħin fit-titjib tal-assorbiment, il-Kummissjoni estendiet, mill-31 ta’ Diċembru 2015 għall-31 ta’ Marzu 2017, il-perjodu ta’ eliġibbiltà għal żborżamenti mill-istrumenti finanzjarji lir-riċevituri finali54. Dan irriżulta f’pagamenti addizzjonali ta’ EUR 1.6 biljun lir-riċevituri finali55. Il-Qorti diġà kienet semmiet din il-kwistjoni f’rapporti preċedenti56.

71

Vantaġġ importanti tal-użu ta’ strumenti finanzjarji huwa l-effett rotanti tagħhom, jiġifieri l-possibbiltà li d-dotazzjonijiet għal strumenti finanzjarji jistgħu jintużaw aktar minn darba. Għalhekk huwa importanti li jintużaw id-dotazzjonijet sħaħ għal strumenti finanzjarji matul il-perjodu ta' programmazzjoni biex l-effett rotanti jkun jista’ jseħħ.

72

Fil-passat aħna rrappurtajna li rati baxxi ta’ żborżament, b’mod partikolari fl-ewwel snin tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, illimitaw l-effett rotanti57. F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni rrappurtat dwar l-implimentazzjoni finanzjarja għall-istrumenti finanzjarji fil-31 ta’ Marzu 2017 (fl-għeluq). Analiżi dokumentarja taċ-ċifri f’dan ir-rapport żvelat għadd ta’ inkonsistenzi u ineżattezzi fir-rappurtar tal-Istati Membri58. Peress li l-proċess ta’ għeluq għadu għaddej, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni biex tivverifika l-affidabbiltà taċ-ċifri li jintużaw biex jingħalqu l-PO.

73

Madankollu, fuq il-bażi tad-data rrappurtata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni fl-għeluq, aħna nistmaw li madwar 8 % (jiġifieri EUR 0.9 biljun minn EUR 11.3 biljun) tad-dotazzjonijiet għal strumenti finanzjarji ma kinux intużaw sad-data ta’ skadenza tal-31 ta’ Marzu 2017 u jridu jiġu rritornati għall-programmi operazzjonali59. Dawn il-fondi setgħu jiġu ttrasferiti mill-assi prijoritarju tal-istrumenti finanzjarji bi prestazzjoni baxxa għal assi prijoritarju ieħor dment li jkun hemm disponibbli biżżejjed infiq żejjed, f’konformità mar-regola ta’ flessibbiltà ta’ 10 % stipulata fil-linji gwida dwar l-għeluq. Għal dawk il-PO fejn il-kundizzjonijiet ma jkunux intlaħqu, il-fondi li jkunu ġew irritornati għall-PO (jew parti minnhom) iridu jitħallsu lura għall-baġit tal-UE. Il-fondi rritornati għall-programmi operazzjonali, ma kellhom l-ebda effett rotanti u l-ispejjeż tal-ġestjoni mġarrba minnhom, minkejja li kienu jikkonformaw mal-ftehimiet finanzjarji, ma pprovdew l-ebda valur miżjud għall-Baġit tal-UE.

Pagamenti kuntrattwali bil-quddiem li saru lejn tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà jistgħu jippreżentaw riskji għall-valur għall-flus u għall-konformità

74

Pagamenti kuntrattwali bil-quddiem huma prattika komuni tas-suq, li jippermettu lill-kuntrattur ikopri l-infiq inizjali għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi meħtieġa għall-forniment tas-servizzi jew tax-xogħlijiet ikkuntrattati. Skont il-Kummissjoni, tali pagamenti bil-quddiem tipikament ivarjaw minn 10 % sa 40 % tal-valur tal-kuntratt.

75

Pagament kuntrattwali bil-quddiem ikun eliġibbli jekk jitħallas lill-kuntrattur sal-31 ta’ Diċembru 2015 u jinbidel f’infiq reali qabel il-31 ta’ Marzu 2017. Dan il-pagament irid jikkonforma wkoll mar-regoli nazzjonali u mal-obbligi kuntrattwali. Madankollu, għal proġetti approvati lejn tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà (jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2015) il-ħtieġa li l-proġetti jiġu ffinalizzati qabel id-data ta’ skadenza tal-għeluq (jiġifieri l-31 ta’ Marzu 2017) tista’ tirriżulta fl-allokazzjoni ta’ fondi għal proġetti bbażat fuq il-kapaċità tagħhom li jonfqu l-fondi malajr aktar milli fuq l-abbiltà tagħhom li jipprovdu riżultati.

76

Mill-erba’ Stati Membri li żorna, tnejn (ir-Repubblika Ċeka u l-Ungerija) użaw pagamenti kuntrattwali bil-quddiem biex iżidu l-assorbiment. Pereżempju, l-Awtorità Maniġerjali Ċeka indikat li sa Settembru 2016, għall-PO “Ambjent”, il-fatturi totali għall-pagamenti bil-quddiem ammontaw għal EUR 133 miljun f’kontribuzzjonijiet mill-UE. Dan irrappreżenta madwar 5 % tal-assorbiment totali fl-2014 u fl-2015 (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

Pagamenti bil-quddiem li jammontaw għal perċentwal għoli tal-valur tal-kuntratt

Għall-PO Ċek “Ambjent” il-pagamenti kuntrattwali bil-quddiem intużaw biex jiġi evitat id-diżimpenn u biex jittejjeb l-assorbiment. Bejn Novembru 2013 u Marzu 2016, il-flessibbiltà tar-regoli nazzjonali żdiedet gradwalment, u l-benefiċjarji ġew imħeġġa jużaw il-pagamenti bil-quddiem u ngħataw appoġġ biex jagħmlu dan. Fl-2014 u l-2015 il-pagamenti kuntrattwali bil-quddiem li kienu jammontaw għal mhux aktar minn 90 % tal-valur kuntrattwali setgħu jsiru mingħajr is-sostenn tal-fatturi ta’ kklerjar. Wara Novembru 2015, setgħu jsiru pagamenti bil-quddiem li kienu jammontaw għal 100 % tal-valur tal-kuntratt, għalkemm l-Awtoritajiet Nazzjonali indikaw li ma kinitx possibbli li tingħata ċertifikazzjoni mingħajr prova li l-fatturi kienu tħallsu. Dan imur lil hinn minn dak li l-Kummissjoni identifikat bħala l-prattika tas-suq (ara l-paragrafu 74). F’termini ta’ assorbiment, il-perċentwal għoli tal-valur tal-kuntratt iżid ir-riskju li l-pagament bil-quddiem ma jkunx intuża sal-iskadenza, filwaqt li possibbilment jirriżulta biex il-finanzjament mill-UE jew jintilef jew ma jitħallasx kif suppost.

77

Aħna diġà rrappurtajna li d-dikjarazzjoni tal-pagamenti kuntrattwali bil-quddiem, speċjalment fejn dawn jirrappreżentaw perċentwal għoli tal-valur kuntrattwali, tintroduċi riskju ta’ nfiq ineliġibbli fiż-żmien tal-għeluq. Peress li l-pagamenti bil-quddiem jistgħu jinbidlu f’infiq reali sal-31 ta’ Marzu 2017, aktar ma dan l-infiq reali jsir qrib id-data ta’ skadenza, inqas ma jkun hemm żmien disponibbli biex l-awtoritajiet tal-awditjar jivverifikawh u jipprovdu aċċertament dwar l-eliġibbiltà tiegħu60.

78

L-Istati Membri kienu obbligati jimmonitorjaw il-pagamenti kuntrattwali bil-quddiem, madankollu, ma kinux meħtieġa jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar dan. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tkun taf x’kienu l-użu u l-impatt kumplessivi tagħhom. Fiż-żmien tal-awditu aħna sibna li l-Ungerija la mmonitorjat l-użu u lanqas l-impatt.

Kumplessivment, ir-rata ta’ żball fil-qasam tal-Koeżjoni naqset mill-2007 ’l hawn, minkejja li ċerti proġetti retrospettivi rriżultaw f’xi żbalji

79

Aħna ħarisna lejn l-iżviluppi fil-qafas ta’ kontroll tal-Koeżjoni matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 u kif dan kellu impatt fuq ir-rata ta' żball. Ħarisna wkoll lejn jekk il-fokus fuq l-assorbiment, partikolarment lejn tmiem l-perjodu ta' programmazzjoni, irriżultax f’aktar żbalji.

80

L-eżaminar tagħna tar-rati ta' żball irrappurtati mill-Qorti mill-2007 ’l hawn turi tnaqqis sinifikanti fir-rata ta' żball għall-infiq fil-perjodu 2007-2013 meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti. Ir-rata ta’ żball kienet konsistentement aktar baxxa mill-2011 sal-2016 u dan irriżulta fir-rata tal-iżball l-aktar probabbli ta’ 4.8 % fl-2016 (limitu inferjuri tal-iżball ta’ 3.1 % meta mqabbel ma’ 11 % fl-2007 u fl-2008 għal pagamenti mill-perjodu 2000-2006).

81

L-iżvilupp fir-rata ta' żball jista’ jiġi attribwit għal għadd ta’ fatturi. Kif huwa indikat hawn fuq, xi miżuri għat-titjib tal-assorbiment bħall-użu ta’ proġetti retrospettivi (ara l-Kaxxa 7) irriżultaw f’ċerti żbalji. Min-naħa l-oħra, fatturi sinifikanti oħra bħat-titjib kumplessiv fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u fis-sistemi superviżorji tal-Istati Membri kif ukoll l-użu ta’ miżuri preventivi (interruzzjonijiet u sospensjonijiet) u miżuri korrettivi mill-Kummissjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, irriżultaw fi tnaqqis fir-rata ta' żball.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

82

Għall-politika ta’ Koeżjoni, il-livell massimu ta’ nfiq taħt il-QFP jitqassam f’allokazzjonijiet annwali ta’ fondi għal kull Stat Membru. Tali allokazzjonijiet jiffaċilitaw il-proċess ta’ programmazzjoni u jippermettu l-istabbiliment ex ante ta’ miri fi ħdan il-PO. Madankollu, il-Qorti osservat li hija sfida biex jinkisbu riżultati tajbin minn skemi fejn il-fondi jiġu allokati minn qabel lill-Istati Membri u l-assorbiment tagħhom ikun prijorità, biex b’hekk isir objettiv fih innifsu. Biex il-fokus jibqa’ fuq il-kisba ta’ riżultati tajbin, huwa kruċjali li l-Istati Membri jevitaw sitwazzjoni fejn ikun għad fadlilhom jassorbu ammont sinifikanti ta’ fondi fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni, peress li l-għaġla għal dan l-assorbiment tista’ twassal biex ma jitqiesx biżżejjed il-valur għall-flus. B’hekk, filwaqt li l-assorbiment huwa importanti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika, mhuwiex tir fih innifsu.

83

Għall-aħħar żewġ perjodi ta' programmazzjoni l-adozzjoni tardiva tal-qafas leġiżlattiv fissret li l-programmi operazzjonali ġew adottati tard. Dan kellu effett negattiv inevitabbli fuq l-implimentazzjoni tal-fondi allokati u rriżulta fl-livell baxx ta’ pagamenti fl-ewwel snin. Il-Kummissjoni ħeġġet li jintlaħaq ftehim politiku bikri dwar il-QFP għal wara l-2020 biex tiġi pprovduta ċertezza legali u finanzjarja lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u biex l-implimentazzjoni tkun tista’ tinbeda immedjatament fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni (ara l-paragrafi 16 sa 19).

84

Minbarra l-effett negattiv imsemmi hawn fuq, spjegazzjoni addizzjonali għad-dewmien fl-infiq hija li, f’nofs il-perjodu ta' programmazzjoni, l-Istati Membri kienu għadhom qed jużaw fondi mill-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti (ara l-paragrafu 22). Din hija r-raġuni għalfejn, f’rapport speċjali preċedenti, aħna rrakkomandajna li jenħtieġ li fil-proposti leġiżlattivi għall-perjodu wara l-2020, il-Kummissjoni tiżgura li ma jibqax ikun hemm trikkib tal-perjodi ta’ eliġibbiltà mal-perjodu ta' programmazzjoni sussegwenti, u li l-proċedura ta' għeluq tiġi ffinalizzata fil-pront wara t-tmiem tal-perjodu ta' eliġibbiltà61.

85

Biex tinkiseb implimentazzjoni mingħajr xkiel u stabbli matul perjodu ta' programmazzjoni, jenħtieġ li l-azzjonijiet biex jindirizzaw l-assorbiment bil-mod jittieħdu minn kmieni. Xi Stati Membri u l-Kummissjoni identifikaw diffikultajiet fl-assorbiment tal-finanzjament relattivament kmieni fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Madankollu, il-Kummissjoni ma ħaditx sett komprensiv ta’ azzjonijiet qabel Novembru 2014, kważi sena qabel tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà, billi stabbiliet Task Force biex tassisti lill-Istati Membri li r-rati ta’ assorbiment tagħhom kienu inqas mill-medja tal-UE (ara l-paragrafi 34 sa 35).

86

L-Istati Membri użaw bosta miżuri, inklużi dawk identifikati mit-TFBI, u fi żmien sena rnexxielhom iżidu r-rata ta’ assorbiment tagħhom f’xi każijiet b’aktar minn 20 punt perċentwali. Fil-bidu tal-2018 ir-rata medja ta’ assorbiment fl-UE kienet ta’ 97.2 %. Bosta Stati Membri ma rnexxilhomx jużaw il-finanzjament kollu disponibbli u l-finanzjament li kien għadu ma ntużax sa tmiem l-2017 ammonta għal EUR 4.4 biljun. Ir-rata finali ta’ assorbiment u l-valur finali tal-finanzjament li ma ntużax se jkunu magħrufa ladarba l-għeluq ikun komplut (ara l-paragrafu 28).

87

Ix-xogħol li wettaqna wera li l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jindirizzaw l-assorbiment bil-mod iffukaw prinċipalment fuq l-assorbiment u l-legalità iżda ma ħadux kont dovut ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-prestazzjoni. Mill-kampjun tagħna aħna sibna li għal xi wħud mill-miżuri użati:

  • Il-PO spiss ġew riveduti bir-riżultat li l-pjanijiet inizjali nbidlu b’mod sinifikanti u dan xeħet dubju fuq il-validità tal-analiżijiet li fuqhom kienet ibbażata l-programmazzjoni u fuq l-abbiltà li jinkisbu l-objettivi tal-PO u tal-politika ta’ Koeżjoni (ara l-paragrafi 43 sa 59).
  • L-Istati Membri li nżaru żjara kienu identifikaw infiq retrospettiv li kien jammonta għal madwar EUR 1 biljun. Huwa probabbli li l-valur ta’ dawn il-proġetti għall-PO kollha tal-perjodu 2007-2013 ikun sinifikattivament ogħla. Dawn it-tipi ta’ proġetti għandhom riskju għoli ta’ deadweight (setgħu jiġu implimentati mingħajr finanzjament mill-UE) u b’hekk għandhom valur miżjud tal-UE limitat (ara l-paragrafi 63 sa 69).
  • Il-pagamenti bil-quddiem, bħad-dotazzjonijiet fl-istrumenti finanzjarji, għenu biex taw spinta lill-assorbiment matul il-perjodu ta' programmazzjoni iżda l-implimentazzjoni bil-mod naqqset l-effett rotanti tagħhom. Madwar EUR 1 biljun kienu għadhom ma ntużawx sa tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà. B’hekk, dawn il-fondi ma kellhom l-ebda effett rotanti u l-ispejjeż tal-ġestjoni mġarrba minnhom, minkejja li kienu jikkonformaw mal-ftehimiet finanzjarji, ma pprovdew l-ebda valur miżjud għall-baġit tal-UE (il-paragrafi 70 sa 73).
  • Il-pagamenti kuntrattwali bil-quddiem ikkontribwew ukoll għat-titjib fl-assorbiment. Madankollu, għal proġetti approvati lejn tmiem il-perjodu ta’ eliġibbiltà, il-ħtieġa li l-proġetti jiġu ffinalizzati qabel id-data ta’ skadenza tal-għeluq tista’ tirriżulta fl-allokazzjoni ta’ fondi għal proġetti bbażat fuq il-kapaċità tagħhom li jonfqu l-fondi malajr aktar milli fuq l-abbiltà tagħhom li jipprovdu riżultati. Barra minn hekk, aktar ma l-infiq reali jsir qrib id-data ta’ skadenza tal-eliġibbiltà, inqas ma jkun hemm żmien disponibbli biex l-Awtoritajiet tal-Awditjar jivverifikaw l-eliġibbiltà tiegħu (ara l-paragrafi 74 sa 78).
88

It-TFBI kienet immonitorjat il-progress tal-Istati Membri dwar il-miżuri maqbula għat-titjib tal-assorbiment. Madankollu, minħabba l-mod li bih l-Istati Membri rrappurtaw dwar ir-riżultati, kienet diffiċli li tinkiseb stampa ġenerali tal-miżuri kollha li ntużaw u tal-impatt ta’ kull miżura. Għal xi wħud mill-miżuri (eż. proġetti retrospettivi kofinanzjati, użu ta’ pagamenti kuntrattwali bil-quddiem) il-qafas leġiżlattiv ma jirrikjedix li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni. Dawn iż-żewġ fatturi ma ppermettewlhiex tikseb stampa ġenerali komprensiva tal-miżuri użati u tal-impatt finanzjarju individali tagħhom (ara l-paragrafi 37, 67 u 78).

89

Għalkemm il-pressjoni biex jintnefqu l-flus lejn tmiem il-perjodu 2007-2013 irriżultat f’xi żbalji, ir-rata ta’ żball stmata għall-Koeżjoni kienet konsistentement aktar baxxa mill-2011 sal-2016, meta mqabbel mal-2007 u mal-2008. Dan jista’ jkun dovut għall-effett nett ta’ diversi fatturi (ara l-paragrafi 80 sa 81).

90

Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali bdiet aktar bil-mod meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti. Minħabba dan, flimkien mal-fatt li kien hemm ukoll diffikultajiet ta’ implimentazzjoni fil-perjodu 2007-2013, huwa probabbli li l-Istati Membri se jerġgħu jiltaqgħu ma’ problemi ta’ assorbiment fil-perjodu attwali (ara l-paragrafi 23 sa 26).

Rakkomandazzjoni 1 – skeda ta’ żmien għall-qafas leġiżlattiv u għad-dokumenti tal-programmi

Jenħtieġ li, fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, il-Kummissjoni tħejji skeda ta’ żmien li tkun tinkludi d-dati għall-ilħuq ta’ stadji importanti ewlenin (eż. il-proposta u l-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv) bil-ħsieb li tiżgura li l-implimentazzjoni tal-PO tibda fil-ħin. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipproponi din l-iskeda ta’ żmien lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwarha.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Minnufih (għall-qafas leġiżlattiv wara l-2020).

Rakkomandazzjoni 2 – talbiet sostnuti sew għar-reviżjoni tal-programmi (inklużi impatti fuq ir-riżultati)

Jenħtieġ li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tagħha dwar ir-reviżjoni tal-programmi operazzjonali fejn ikunu affettwati l-elementi ewlenin tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tiżgura li:

  1. it-talba tkun ibbażata fuq valutazzjoni sottostanti, soda u komprensiva, tal-implimentazzjoni tal-PO, tal-ftehim ta’ sħubija u tal-ħtiġijiet relatati fiż-żmien tar-reviżjoni; u
  2. ir-reviżjoni titwettaq primarjament biex jiġu pprovduti riżultati aħjar u li l-bidliet fil-livell tal-finanzjament għal prijoritajiet ikunu riflessi fl-indikaturi tal-prestazzjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Applikabbli għal talbiet futuri għal reviżjoni tal-PO mill-Istati Membri.

Rakkomandazzjoni 3 – mezzi biex tinkiseb informazzjoni li tippermetti monitoraġġ aħjar tal-assorbiment

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li jkollha l-mezzi biex:

  1. tikseb l-informazzjoni meħtieġa biex twettaq monitoraġġ bir-reqqa u komprensiv tal-assorbiment mill-programmi operazzjonali;
  2. tidentifika x’ikun qed jikkawża kemm l-assorbiment bil-mod kif ukoll dak rapidu, filwaqt li żżomm preżenti l-ħtieġa li l-infiq ikun legali u regolari u l-importanza li l-fondi jintnefqu b’mod effettiv; u
  3. tivvaluta ex ante l-ħtieġa u l-impatt tal-miżuri għaż-żieda tal-assorbiment sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex tużahom jew le.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Sa tmiem l-2018 għal (a) u (b). Sa tmiem l-2020 għal (c).

Rakkomandazzjoni 4 – fokus fuq il-prestazzjoni u t-twassil ta’ riżultati tajbin

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li, meta tipprovdi appoġġ immirat lill-Istati Membri u lill-programmi operazzjonali biex taċċellera l-implimentazzjoni tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 (bħal fir-reviżjoni tal-programmi operazzjonali), il-fokus tal-azzjonijiet li jitwettqu jkun fuq it-twassil ta’ riżultati tajbin.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Minnufih.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-30 ta’ Mejju 2018.

Għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Anness

Lista ta’ Programmi Operazzjonali magħżula għall-analiżi

Stat Membru Programm Operazzjonali Fond Kopert mit-TFBI
Il-Bulgarija Ambjent (2007BG161PO005) FK u FEŻR x
Ir-Repubblika Ċeka1 Ambjent (2007CZ161PO006)2 FK u FEŻR x
Il-Bohemia Ċentrali (2007CZ161PO009) FEŻR  
Intrapriżi u Innovazzjonijiet (2007CZ161PO004) FEŻR  
Riżorsi Umani u Impjiegi (2007CZ05UPO001)2 FSE  
L-Ungerija1
Ambjent u Enerġija (2007HU161PO002)2 FK u FEŻR x
L-Ungerija tat-Tramuntana (2007HU161PO006) FEŻR  
Trasport (2007HU161PO007)2 FK u FEŻR x
L-Italja1
Il-Kalabrija (2007IT161PO008) FEŻR x
Sigurtà għall-iżvilupp (2007IT161PO007)2 FEŻR  
Sqallija (2007IT161PO011)2 FEŻR x
Il-Kalabrija FSE (2007IT051PO002) FSE  
Ir-Rumanija1 Żvilupp Settorjali tar-Riżorsi Umani (2007RO051PO001)2 FSE x
Żieda fil-Kompetittività Ekonomika (2007RO161PO002)2 FEŻR x
Ambjent (2007RO161PO004)2 FK u FEŻR x
Is-Slovakkja Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku (2007SK161PO006) FEŻR x
Trasport (2007SK161PO004) FK u FEŻR  
Edukazzjoni (2007SK05UPO001) FSE x
Spanja Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni (RŻI) għall-Intrapriżi u permezz tagħhom – Fond tat-Teknoloġija
(2007ES16UPO001)
FEŻR  
Ekonomija bbażata fuq l-għarfien (2007ES16UPO003) FEŻR  

1 Stati Membri li saritilhom żjara fuq il-post.

2 PO eżaminati fil-fond.

Ir-risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni fil-livell tal-Istati Membri u tal-programm u fejn meħtieġ, fil-livell tal-proġett ukoll. Bħala parti mill-proċess tal-implimentazzjoni, il-Kummissjoni ssegwi wkoll mill-qrib l-implimentazzjoni finanzjarja, b’attenzjoni partikolari għal programmi ta’ pagamenti tal-UE. L-arranġamenti għat-trażmissjoni tad-data għal 2014-2020 jippermettu li l-Kummissjoni jkollha stampa affidabbli u aġġornata dwar l-implimentazzjoni ġenerali inklużi l-outputs u r-riżultati li joħorġu mill-programmi.

III

Id-data tal-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv tiddependi ħafna fuq il-koleġiżlaturi; għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni ippreżentati l-proposta tagħha 30 xahar qabel il-bidu previst tal-perjodu ta’ eliġibbiltà. Il-Kummissjoni tenfasizza li filwaqt li l-adozzjoni bikrija hija importanti fir-rigward tal-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm, hemm ukoll fatturi oħra f’termini ta’ prestazzjoni u assorbiment tal-fondi matul il-perjodu – ir-reġim n+2/3, il-livell ta’ prefinanzjament jew rekwiżiti f’termini tal-għażla għandhom aktar effett.

IV

Programmi approvati relattivament tard meta mqabbla mal-medja xorta jistgħu faċilment ilaħħqu skont iċ-ċirkostanzi u jikbsu livelli ta’ assorbiment aħjar mill-medja sa tmiem il-perjodu. Ir-regola n+2 tinforza aktar dixxiplina baġitarja u tinċentiva implimentazzjoni baġitarja aktar malajr. Lista ta’ proġetti lesti għall-implimentazzjoni hija wkoll suċċess importanti għall-prestazzjoni u l-assorbiment tal-programm.

V

Il-Kummissjoni hija ssodisfatta bir-riżultati tal-inizjattiva “Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar”. Il-fondi f’riskju fi tmiem l-2014 kienu fil-medda ta’ EUR 10–13 biljun, u l-ammont tad-diżimpenn tniżżel għal taħt EUR 5 biljun sal-għeluq. Il-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jonfqu l-fondi disponibbli li wassal għal livell ta’ assorbiment ta' 97 % għall-perjodu 2007–2013 – li huwa 2 pp ogħla mil-livelli tal-2000–2006.

VI

Il-Kummissjoni pproponiet miżuri għall-Istati Membri jkunu f’riskju ta’ assorbiment li kienu konformi mal-qafas legali 2007-2013 u kienu adattati għaċ-ċirkostanzi tal-Istati Membri u programmi partikolari. Huma kienu wkoll konformi mal-objettivi tal-programm, inkluż l-indikaturi tiegħu, il-loġika tal-intervent u l-proċeduri tal-għażla applikati mill-programm, eċċ. Għalhekk ma kienx jidher li hemm bżonn ta’ kunsiderazzjoni eċċezzjonali għar-riżultati, iżda biss għal salvagwardji li r-riżultati proposti jkunu fil-fatt miksuba. Hija l-prattika standard tal-ġestjoni ta’ programm li meta programm juri indikazzjoni ta’ livell aktar baxx ta’ rata ta’ assorbiment, l-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet jiffokaw fuq l-assorbiment fil-miri eżistenti. Il-Kummissjoni tqis ukoll il-flessibbiltà bħala aspett importanti tal-politika ta’ koeżjoni. L-emendi għall-programm huma kruċjali biex jiġu riflessi ċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu, l-isfidi emerġenti, il-prijoritajiet il-ġodda jew aġġustati għall-programmi li jkopru perjodu ta’ għaxar snin.

VII

Il-Kummissjoni tat ħarsa ġenerali dettaljata tal-miżuri applikati f’dawk il-programmi u bħala parti mill-programm regolari ta’ ġestjoni matul il-perjodu. Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni marbuta ma’ kwistjonijiet importanti għall-amministrazzjoni tal-programmi, fejn dawn mhumiex parti mir-rapportar regolari.

VIII

L-ewwel inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

It-tieni inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

It-tielet inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Ir-raba’ inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

L-ambitu u l-approċċ tal-verifika

Kaxxa 1 - L-Assorbiment huwa mezz għall-ksib ta’ riżultati u mhux għan fih innifsu

Il-Kummissjoni diġà wieġbet għal din is-sejba tar-rapport Annwali tal-QEA tal-2013 u ddikjarat li:

Il-Kummissjoni tinnota li l-kriterji ta’ prestazzjoni huma inkorporati fil-proċess tal-għażla ta’ kull proġett li jrid jiġi ffinanzjat. Permezz tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji peżati tal-għażla l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jidentifikaw il-proġetti li jistgħu jagħtu l-aħjar kontribut għall-kisba ta’ riżultati.

Għall-perjodu 2014-2020, il-qafas legali ffoka aktar fuq il-prestazzjoni bl-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika, il-qafas u r-riżerva tal-prestazzjoni u l-kundizzjonalitajiet ex ante. Il-qbil politiku dwar il-proposta Omnibus tal-Kummissjoni saħħaħ aktar possibbiltajiet biex isir il-pagament fuq il-bażi ta’ riżultati predefiniti, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet jew jinkisbu r-riżultati1.

Osservazzjonijiet

14

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li b’mod parallel għan-negozjati dwar il-qafas legali, hija tibda l-programm informali tan-negozjati sabiex isir progress sa meta jiġi adottat il-qafas ġuridiku. Fl-2014-2020, dan il-proċess kien stabbilit abbażi ta’ Dokumenti ta’ Pożizzjoni għal kull Stat Membru.

16

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv hija fil-biċċa l-kbira tagħha ddeterminata mill-koleġiżlaturi.

Għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni ippreżentati l-proposta tagħha 30 xahar qabel il-bidu previst tal-perjodu ta’ eliġibbiltà. Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tikkontrolla r-ritmu tal-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi mill-koleġiżlaturi.

19

Il-Kummissjoni tenfasizza li filwaqt li l-adozzjoni bikrija hija importanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm, hemm fatturi oħra importanti f’termini ta’ assorbiment matul il-perjodu. Programmi adottati relattivament tard meta mqabbel mal-medja jistgħu jiksbu livelli ta’ assorbiment aktar mill-medja sa tmiem il-perjodu.

Jekk il-programmi humiex soġġetti għal n+2 jew n+3 huwa fattur aktar deċiżiv f’termini tal-livell ta’ assorbiment miksub sa tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni.

Kaxxa 2 – il-PO 2007–2013 u 2014–2020 adottati wara li l-perjodi ta’ programmazzjoni kienu bdew

Il-Kummissjoni tinnota li l-prestazzjoni tagħha dwar in-negozjati u l-adozzjoni ta’ programmi meta mqabbel mal-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti jistgħu jiġu vvalutati permezz ta’ tqabbil fl-ewwel 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-qafas legali. L-użu tal-perjodu ta’ 12-il xahar mill-adozzjoni tal-pakketti leġiżlattivi rilevanti fiż-żewġ perjodi joffri stampa aktar preċiża. Dan ikun ifisser li fl-2020–2014, fl-ewwel 12-il xahar wara l-adozzjoni tar-regolament ġew adottati 40 % ta’ PO, meta mqabbla ma’ 6 % ta’ PO fl-istess żmien tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–13.

21

Il-Kummissjoni tqis li l-assorbiment (definit f’termini ta’ pagamenti tal-UE) huwa aktar kajman minħabba li, b’mod ġenerali, l-ammonti ta’ prefinanzjament fl-2014–2020 huma ogħla b’mod sinifikanti fl-2007–2013. Dan ma jinċentivax l-Istati Membri biex jippreżentaw talbiet għall-pagamenti, b’mod partikolari minħabba li biex jagħmlu dan id-deżinjazzjoni kellha titlesta. Il-bidla tar-regola n+2 għar-regola n+3 għal 2014–2020 ma tinċitax is-sottomissjoni rapida ta’ talbiet għall-pagament lanqas. Din l-ispjegazzjoni hija sostnuta mill-fatt li r-rata tal-għażla tal-proġetti fl-Istati Membri hija komparabbli bejn iż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni sa issa.

22

Il-Kummissjoni tqis li t-trikkib bejn il-perjodi ta’ eliġibbiltà huwa wieħed minn għadd ta’ fatturi li jikkontribwixxu għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-perjodu sussegwenti. Fatturi oħrajn importanti bħal-livell ta’ prefinanzjament u r-regola n +, ukoll għandhom l-impatt tagħhom. Dawn il-fatturi jinfluwenzaw b’mod qawwi l-assorbiment kif perċepit permezz tal-pagamenti tal-UE iżda mhux il-livell attwali tal-implimentazzjoni fuq il-post.

23

Il-Kummissjoni ma tarax li hemm riskju ogħla ta’ assorbiment fi tmiem il-perjodu tal-programm għal 2014–2020 meta mqabbel mal-2007–2013. waqt li tikkunsidra l-n+3 u r-rati tal-għażla attwali kif ukoll il-pagamenti ċċertifikati mill-benefiċjarji, il-Kummissjoni tqis li potenzjalment l-istess livell ta’ assorbiment jista’ jinkiseb għall-2014–2020 bħall-2007–2013. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-proċedura tal-kontijiet annwali kienet introdotta fil-qafas legali tal-2014–2020 (li tirrikjedi lill-Istati Membri biex jidrawha) u li l-livell relattivament għoli ta’ prefinanzjament ma jagħtix inċentiv biżżejjed biex titħaffef il-preżentazzjoni ta’ talbiet għall-pagament.

25

Fl-2016, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ sistema ta’ monitoraġġ mill-qrib għall-programmi 2014–2020 li jidhru li miexja bil-mod.

26

Il-Kummissjoni tqis li l-kwalità tal-proġetti mhux neċessarjament tkun marbuta mal-livell ta’ impenji pendenti. Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġiba tagħha għall-paragrafu 2.14 tar-rapport annwali tal-QEA tal-2016.

28

Filwaqt li l-assorbiment jista’ dejjem jittejjeb, il-Kummissjoni tqis li r-rata medja ta’ 97 % hija komparabbli mal-perjodi ta’ qabel u hija sodisfatta b’dan ir-riżultat. B’mod aktar preċiż, dan il-livell ta’ assorbiment jaqbeż ir-rata rreġistrata għall-FEŻR u għall-FSE għall-programmi għall-perjodu 2000–2006 (96 %).

Il-ħidma tat-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar u l-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kellhom impatt pożittiv fuq ir-rata ta’ assorbiment u ta’ diżimpenn.

34

Il-Kummissjoni tenfasizza li ħadet għadd ta’ azzjonijiet għall-Istati Membri f’riskju ta’ assorbiment aktar kmieni minn din id-data fuq il-bażi ta’ djalogi ta’ politika bilaterali intensa. Azzjoni politika kkoordinata ta’ livell għoli li tkopri l-Istati Membri kollha f’riskju b’mod sistematiku bdiet 14-il xahar qabel id-data tat-tmiem għall-eliġibbiltà.

36

L-azzjonijiet kienu kkonċentrati l-aktar fuq il-ġestjoni ta’ proġetti diġà magħżula jew sejħiet ippjanati għat-tnedija. Għalhekk l-għan prinċipali kien li jiġu salvagwardjati l-objettivi strateġiċi tal-programmi.

37

Il-Kummissjoni tirreferi għar-risposta tagħha għall-Kaxxa 1.

39

Il-Kummissjoni tinnota li l-ewwel gwida dwar it-tqassim f’fażijiet ta’ proġetti maġġuri kienet maħruġa diġà fl-2012 u ġiet ippreżentata lill-Istati Membri waqt il-laqgħa tal-COCOF (COCOF_12–02–0047-EN). Ir-regoli ġew spjegati f’aktar dettall fil-linji gwida dwar l-għeluq maħruġa fl-2013 u emendati fl-2015 biex jipprovdu ċertezza legali lill-Istati Membri.

47

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-riprogrammazzjoni hija għodda meħtieġa biex tiġi żgurata l-flessibbiltà fir-rigward tal-interventi definiti fil-programmi għal perjodu ta’ kważi għaxar snin.

Għadd ta’ elementi dettaljati jeħtieġu emenda tal-programm skont il-qafas regolatorju u l-Istati Membri ma jistgħux jevitawhom. Dan jippermetti li l-Kummissjoni tiżgura li l-fokus tal-interventi jinżamm u l-bażi għall-implimentazzjoni tal-programm tibqa’ soda (ara l-elementi elenkati taħt l-Artikolu 37 tar-Regolament Ġenerali u dawk li jagħmlu parti mill-programm approvat).

Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu kemm l-informazzjoni addizzjonali tiġi inkluża fil-programmi tagħhom meta mqabbla mal-minimu meħtieġ legalment. Għadd akbar ta’ dettalji (dwar il-benefiċjarji, il-gruppi fil-mira, proġetti ewlenin eċċ.) jeħtieġu emendi aktar frekwenti, mingħajr ma jkun iddubitat l-orjentament strateġiku.

49

Fl-2014-2020 il-bidliet kollha, fil-programmi, relatati mal-prestazzjoni huma skrinjati b’attenzjoni mill-Kummissjoni u kemm hi soda l-ġustifikazzjoni hija evalwata bir-reqqa minn unitajiet ġeografiċi f’kooperazzjoni mal-unità ta’ evalwazzjoni/ċentru ta’ kompetenza. Kull meta jsiru bidliet fil-livell ta’ finanzjament, ikun ikkunsidrat jekk l-indikaturi jenħtiġux li jinbidlu wkoll.

52

Il-valur fil-mira mnaqqas kien diġà inkluż fl-ewwel modifika fl-2012, abbażi ta’ rieżami tal-indikaturi meħuda mill-awtoritajiet Ungeriżi u ppreżentati lill-kumitat ta’ monitoraġġ f’Novembru 2011. L-esperjenza tal-ewwel sejħiet uriet li r-riżultati tal-investimenti kienu anqas minn dawk stmati meta ġie abbozzat il-PO u kien jenħtieġ li jinġiebu konformi mar-realtà.

Ir-rapport finali jiddikjara li ġew iffrankati mill-anqas 4.6 petajoules fl-aħħar. Dan huwa anqas milli kien ippjanat fl-2007, iżda d-doppju tal-ammont tar-riżultati ppjanati mill-2012, f’konformità mal-irdoppjar tal-baġit meta mqabbel bejn l-2012 u l-2016.

Kaxxa 5 — Trasferimenti sinifikanti tal-kontribuzzjoni tal-UE bejn assi prijoritarji mingħajr aġġustament proporzjonali tal-valur fil-mira tal-indikatur tal-prestazzjoni

Kien hemm l-ewwel modifika fl-2012 (C(2012) 6310)). Dan naqqas il-mira għal 2.7 petajoule, abbażi tal-esperjenzi fl-2011 (ġustifikazzjoni disponibbli fl-SFC 2007) meta rriżulta li l-mira kienet stmata żżejjed bil-kbir meta mqabbla mar-riżultati tal-ewwel proġetti konkreti approvati u implimentati matul l-2011. Il-baġit żdied fl-2012. Il-mira nżammet minkejja l-baġit addizzjonali allokat aktar tard.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 55 u 56:

Il-qafas legali jippermetti li l-Istati Membri jżidu l-kofinanzjament tal-UE sal-livell massimu. Kieku l-Istati Membri programmaw sal-ogħla livell possibbli r-rata ta’ kofinanzjament mill-UE mill-bidu nett, il-baġit totali disponibbli għall-politika ta’ koeżjoni kien ikun sostanzjalment anqas mill-ammont finalment pprogrammat għall-2007-2013.

58

Il-Kummissjoni tenfasizza li t-tmiem tal-perjodu 2007-13 kien jikkorrispondi mal-era ta’ wara l-kriżi ta’ awsterità fil-baġits pubbliċi/fl-investimenti. Għalhekk, l-inklużjoni ta’ kontribuzzjonijiet privati u ż-żieda tal-livelli ta’ kofinanzjament tal-UE kienu elementi importanti li ppermettew il-kontinwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm. Il-qafas legali jippermetti li l-Istati Membri jbiddlu minn sorsi pubbliċi għal bażi ta’ kost totali. L-Istati Membri setgħu programmaw l-interventi fuq bażi ta’ kost totali mill-bidu nett. Li kieku għamlu hekk il-baġit totali disponibbli għall-politika ta’ koeżjoni kien ikun sostanzjalment anqas mill-ammont finalment programmat għall-2007-2013.

60

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġiba tagħha għall-paragrafu 91 għall-SR 36/2016 tal-QEA dwar l-Għeluq.

63

Għall-perjodu 2007-2013, il-Kummissjoni telenka r-regoli li għalihom għandha tingħata attenzjoni partikolari mill-awtoritajiet maniġerjali, f’każ li jinkludu operazzjonijiet retrospettivi fil-programmi operazzjoanli (ara n-nota COCOF 12-0050-01). F’bosta okkażjonijiet (pereżempju fil-laqgħa Omologa) il-Kummissjoni ssensibilizzat lill-awtoritajiet maniġerjali u lill-awtoritajiet tal-awditjar dwar ir-riskju ta’ proġetti retrospettivi. Barra minn hekk, il-lista ta’ kontroll użata mill-Kummissjoni biex tanalizza r-rapport finali ta’ kontroll u d-dikjarazzjoni tal-għeluq tinkludi mistoqsija dwar proġetti retrospettivi fejn dawn jirrappreżentaw riskju partikolari għall-programm.

68

Il-Kummissjoni ttenni t-tweġibiet preċedenti tagħha għar-Rapport Annwali 2008 tal-Qorti2.

69

Il-Kummissjoni tiċċara li l-qafas legali 2007-2013 ma kienx jipprekludi l-għażla ta’ operazzjonijiet li diġà tlestew (“operazzjonijiet retrospettivi”), sakemm dawn tlestew wara id-data tal-bidu għall-eliġibbiltà3.

Skont il-qafas legali 2014-2020, l-operazzjonijiet m’għandhomx ikunu tlestew fiżikament jew ġew totalment implimentati qabel l-applikazzjoni għall-finanzjament mill-benefiċjarju lill-awtorità ta’ ġestjoni4. Barra minn hekk, is-CPR introduċa obbligu speċifiku5 lejn l-awtorità ta’ ġestjoni li għandha bżonn tiżgura konformità mal-liġi applikabbli qabel l-għażla ta’ tali operazzjonijiet. L-approċċ fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għalhekk huwa aktar restrittiv mill-approċċ fl-2007–2013.

70

Rigward l-istrumenti finanzjarji, il-modifika tad-deċiżjoni dwar il-linji gwida tal-għeluq tal-Kummissjoni ma affettwawx id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1083/2006 skont liema l-kontribut mill-fondi lil strumenti finanzjarji jrid ikun tħallas sa mhux iżjed tard mill-31 ta’ Diċembru 2015. Għaldaqstant dawn il-linji gwida pprovdew kjarifiki skont ir-regoli eżistenti. Ara wkoll it-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafu 6.45 u r-rakkomandazzjoni 3 tar-rapport annwali 2015 tal-Qorti, u t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 91 tar-Rapport Speċjali 36/2016. tal-QEA

72

Il-Kummissjoni tikkonferma li bħalissa tinsab fil-proċess li tivverifika l-affidabbiltà taċ-ċifri użati biex jingħalqu l-PO. Il-problemi rilevanti indirizzati b’mod sħiħ fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.

73

Ir-rati ta’ żborż fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 segwew iċ-ċiklu tal-ħajja tal-istrumenti finanzjarji.

Fl-għeluq, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni għamlu stima tar-riżorsi li ġew irritornati attribwibbli għall-Fondi Strutturali jew li għandhom ikunu rritornati fil-futur mill-investimenti f’riċevituri finali li jammontaw għal 8.4 biljun euro ta’ legat, biex b’hekk juru effett rotanti sinifikanti.

75

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi xi riskji marbuta ma’ pagamenti ta' avvanz kuntrattwali, iżda tenfasizza li l-bażi legali tqis dawk eliġibbli matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-kjarifika pprovduta fir-rigward tal-eliġibbiltà u l-parir offrut dwar prattiki tajba fir-rigward ta’ l-użu/l-eliġibbiltà tal-pagamenti ta' avvanz kuntrattwali fil-Mistoqsija u Tweġiba dwar l-Għeluq u permezz tat-Task Force dwar Implimentazzjoni Aħjar, kisbet biżżejjed taffija tar-riskju. Il-Kummissjoni ma tafx b’pagamenti kuntrattwali minn qabel li wasslu għall-għażla ta’ proġetti ta’ kwalità fqira.

76

Il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Ċeki ddeċidew li jippermettu pagamenti ta' avvanz sabiex jitħaffef l-assorbiment. Il-Kummissjoni rrakkomandat li dan ma jmurx lil hinn mill-prattika standard tas-suq.

77

F’dan l-istadju tal-proċess ta’ għeluq, il-Kummissjoni tinnota li r-riskju ta’ irregolaritajiet ma mmaterjalizzawx u l-ebda kwistjonijiet ewlenin relatati ma’ pagamenti ta' avvanz ma influwenzaw l-implimentazzjoni tal-programm.

78

Il-Kummissjoni tiċċara li l-programmi Ungeriżi impenjaw riżorsi żejda l-aktar fil-mument tal-għeluq u lista ta’ proġetti mhux operazzjonali intalbet għal kull Programm Operazjonali, b’hekk m’hemm ebda riskju li l-pagamenti ta' avvanz kuntrattwali ma jintużawx għal proġetti effettivi.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni rrakkomandat li dan ma jmurx lil hinn mill-prattika standard tas-suq għall-pagamenti ta' avvanz.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

82

Fuq il-bażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni ex post tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 u tas-7a' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali, il-politika ta’ koeżjoni wriet ir-riżultati kumplessivament tajbin. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli bir-riżultati tajbin miksuba u biex tkompli bl-isforzi tagħha biex taċċellera l-assorbiment fl-Istati Membri.

83

Il-Kummissjoni tenfasizza li filwaqt li l-adozzjoni f’waqtha tal-programmi hija importanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm, hemm fatturi oħra importanti f’termini ta’ assorbiment matul il-perjodu. Programmi approvati relattivament tard meta mqabbel mal-medja jistgħu jiksbu livelli ta’ assorbiment aktar mill-medja sa tmiem il-perjodu. Wieħed minn dawn il-fatturi huwa jekk il-programmi humiex soġġetti għar-regola n+2 jew n+3 aktar milli jekk id-data tal-adozzjoni iseħħx xi ftit xhur qabel jew wara. Meta mqabbla mar-regola n+3, ir-regola n+2 tinforza aktar dixxiplina baġitarja u tinċentiva implimentazzjoni baġitarja aktar rapida.

84

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-effett ta’ diżinċentiv fuq l-assorbiment tar-regola n+3 u tal-livell għoli ta’ prefinanzjament, b’mod partikolari fid-dawl tas-sistemi tal-kontijiet annwali u tal-proċess ta’ deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat dan meta ippreżentat il-proposti tagħha għal wara l-2020.

Il-Kummissjoni ttenni t-tweġibiet tagħha mogħtija għar-Rapport Speċjali 36/20166. Trikkib bejn iż-żewġ perjodi huwa neċessarju minħabba li ħafna operazzjonijiet jieħdu diversi snin biex jiġu implimentati u minħabba li dejjem se jkun hemm fażi tal-bidu u fażi tal-għeluq. Barra minn hekk l-eliminazzjoni tat-trikkib tal-perjodi tal-eliġibilità setwassal għal tnaqqis fl-implimentazzjoni ta’ politika. Il-Kummissjoni ttejjeb il-kontinwità bejn il-perjodi permezz ta’ għadd ta’ miżuri, inkluż l-introduzzjoni f’fażijiet ta’ proġetti akbar.

85

Il-Kummissjoni bdiet tieħu azzjonijiet għal xi Stati Membri sa minn kmieni fl-2010 hekk kif kien ikun perċepit xi riskju ta’ assorbiment kajman7. Mill-2014’ 'il quddiem, kellhom jitwettqu ċerti azzjonijiet addizzjonali għal ċerti Stati Membri.

87

Il-Kummissjoni ttenni li l-kwistjonijiet ta’ prestazzjoni huma indirizzati matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Hija l-prattika standard tal-ġestjoni ta’ programm li meta programm juri indikazzjoni ta’ livell aktar baxx ta’ rata ta’ assorbiment, l-azzjonijiet meħuda biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet jiffokaw fuq l-assorbiment fil-miri eżistenti.

L-ewwel punt: Ir-Riprogrammazzjoni hija għodda meħtieġa biex tiġi żgurata l-flessibbiltà fir-rigward tal-interventi definiti fil-programmi għal perjodu ta’ kważi għaxar snin.

Ir-raba’ punt: Il-Kummissjoni ma tafx b’pagamenti avvanz kuntrattwali li wasslu għall-għażla ta’ proġetti ta’ kwalità fqira.

L-għażla ta’ proġetti lejn it-tmiem tal-perjodu ta’ eliġibilità issegwi l-istess kriterji (inkluż il-prestazzjoni) kif stabbilit fi programm.

88

Anki jekk il-Kummissjoni ma tivverifikax l-impatt ta’ kull miżura b’mod individwali hija għandha r-riżultati kumplessivi tat-titjieb fir-rata ta’ assorbiment tal-programmi kkonċernati. Ir-rata medja ta’ assorbiment ta’ tliet fondi (FEŻR, FSE, FK) ta’ 97 % għall-2007-2013 hija 2 pp. ogħla milli fl-2000–2006 u l-2007–2013 irrappreżentat l-ewwel perjodu ta’ programmazzjoni sħiħ għal 12-il Stat Membru.

90

Abbażi tar-rati tal-għażla tal-proġetti u n-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji, il-Kummissjoni tqis li l-implimentazzjoni hija f’livell komparabbli fis-snin rispettivi taż-żewġ perjodi ta’ programmazzjoni, anki jekk il-livell tajjeb ta’ għażla tal-proġetti s’issa għadu ma ssarrafx kompletament f’talbiet għall-pagament.

Rakkomandazzjoni 1 — skeda taż-żmien għal qafas leġiżlattiv u għad-dokumenti ta’ programmazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha għall-qafas leġiżlattiv għal wara l-2020 fid-29 ta’ Mejju 2018, jiġifieri 30 xahar qabel ma jibda l-perjodu ta' programmazzjoni għal- wara l-2020. Sa ċertu punt, ir-rakkomandazzjoni diġà ġiet indirizzata, b’mod partikolari fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2018)98 finali tal-14 ta’ Frar 2018 “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020”, u b’mod partikolari t-taqsima 6 li tenfasizza l-importanza ta’ qbil f’waqtu dwar il-QFP ta’ wara l-2020.

Rakkomandazzjoni 2 — talbiet appoġġati sew għal reviżjoni ta’ programmi (inklużi l-impatti fuq ir-riżultati)

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 3 — mezzi biex tinkiseb l-informazzjoni li tippermetti monitoraġġ aħjar ta’ assorbiment

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 4 — iffokar fuq il-prestazzjoni u l-ksib ta’ riżultati tajbin

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Glossarju u abbrevjazzjonijiet

Assi prijoritarju: Waħda mill-prijoritajiet ta’ strateġija għal programm operazzjonali tinkludi grupp ta’ operazzjonijiet relatati b’għanijiet speċifiċi u li jistgħu jitkejlu.

Assorbiment: Fondi jitqiesu li jkunu assorbiti meta l-finanzjament mill-UE jitħallas mill-Kummissjoni lil PO ta’ Stat Membru bħala kofinanzjament għal proġetti eliġibbli. Dan jinkludi pagamenti bil-quddiem, pagamenti interim u pagamenti finali.

Awtorità maniġerjali: Awtorità maniġerjali hija awtorità pubblika nazzjonali, reġjonali jew lokali (jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor), li tkun ġiet innominata minn Stat Membru biex timmaniġġja programm operazzjonali. Il-kompiti tagħha jinkludu l-għażla ta’ proġetti għall-finanzjament, il-monitoraġġ ta’ kif il-proġetti jiġu implimentati u r-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-aspetti finanzjarji u r-riżultati miksuba. L-awtorità maniġerjali hija wkoll il-korp li jimponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarji wara li jkunu twettqu awditi mill-Kummissjoni, mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jew minn kwalunkwe awtorità fi Stat Membru partikolari.

Awtorità ta' ċertifikazzjoni: Din tinħatar mill-Istat Membru biex twettaq kontrolli tal-ewwel livell fuq l-infiq iddikjarat mill-awtoritajiet maniġerjali u tiċċertifika li dan l-infiq ikun legali u regolari.

Awtorità tal-awditjar: Din tipprovdi aċċertament lill-Kummissjoni rigward il-funzjonament effettiv tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontrolli interni għal PO (u, b'konsegwenza ta' dan, il-legalità u r-regolarità tal-infiq iċċertifikat). L-awtoritajiet tal-awditjar jiġu nnominati mill-Istati Membri. Huma ġeneralment ikunu dipartimenti fi ħdan kanċelleriji tal-Istat, fil-ministeri tal-finanzi (jew korpi ta' kontroll intern taħt l-awtorità tal-ministeru), f’ministeri oħra jew fi ħdan l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar. Huma jridu jkunu funzjonalment indipendenti mill-korpi li jimmaniġġjaw il-fondi. Awtorità tal-awditjar tirrapporta s-sejbiet tal-awditi li twettaq tas-sistemi u tal-operazzjonijiet lill-awtoritajiet maniġerjali u lill-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni għall-PO kkonċernat. Darba fis-sena, hija tirrapporta x-xogħol annwali tagħha fir-rapport annwali ta' kontroll lill-Kummissjoni. Jekk l-awtorità tal-awditjar tqis li l-awtorità maniġerjali ma tkunx ħadet azzjoni korrettiva xierqa, hija trid tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal din il-kwistjoni.

COCOF: Il-Kumitat ta’ Koordinazzjoni tal-Fondi (COCOF) huwa kumitat permanenti tal-Kummissjoni Ewropea. Il-funzjoni tiegħu hija li jiddiskuti kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-regolamenti li jirregolaw il-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni. In-noti ta' gwida tal-COCOF iservu bħala rakkomandazzjonijiet b'eżempji prattiċi u informazzjoni, mingħajr ma jkunu legalment vinkolanti jew limitattivi.

Diżimpenn: Kanċellazzjoni ta’ impenn sħiħ li ma jkunx intuża, jew ta’ parti minnu. Id-diżimpenn isir awtomatiku wara ċertu perjodu ta’ żmien, ġeneralment wara sentejn jew tliet snin (ir-“regola n+2/3”).

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR): L-għan tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huwa li jirrinforza l-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jirrimedja l-iżbilanċi reġjonali prinċipali. Għal dan l-għan, huwa jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-ħolqien tal-infrastruttura u għall-investiment produttiv li joħloq l-impjiegi, prinċipalment għan-negozji.

Fond Soċjali Ewropew (FSE): L-għan tal-Fond Soċjali Ewropew huwa li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jtejjeb l-impjieg u l-opportunitajiet ta’ impjiegi (prinċipalment permezz ta’ miżuri ta’ taħriġ), u billi jħeġġeġ livell għoli ta’ impjieg u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar.

Fond ta' Koeżjoni (FK): Il-Fond ta' Koeżjoni għandu l-għan li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea billi jiffinanzja proġetti ambjentali u proġetti tat-trasport fl-Istati Membri b’PNG per capita ta' inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.

Ftehimiet ta' sħubija: Il-Ftehimiet ta' sħubija jsiru mill-Kummissjoni Ewropea u kull Stat Membru għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Huma jippreżentaw il-pjanijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar kif għandu jintuża l-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u jiddeskrivu fil-qosor l-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment ta’ kull pajjiż, filwaqt li jorbtuhom mal-għan kumplessiv tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huma jinkludu wkoll dettalji ta’ kwalunkwe “kundizzjonalità ex ante” (jiġifieri prerekwiżiti għall-użu effettiv u effiċjenti tal-fondi) u oqfsa għall-ġestjoni tal-prestazzjoni. Huma jitħejjew mill-Istat Membru fi djalogu mal-Kummissjoni u jridu jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Għeluq: Is-saldu finanzjarju, permezz tal-pagament tal-bilanċ finali lill-Istat Membru jew l-irkupru tas-somom imħallsa żejda mill-Kummissjoni. L-għeluq huwa l-aħħar stadju fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ programm

Impenn: Wegħda ġuridika li jingħata l-finanzjament suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, li permezz tagħha l-UE timpenja lilha nnifisha li tirrimborża s-sehem tagħha tal-ispejjeż ta’ proġett iffinanzjat mill-UE ladarba dak il-proġett ikun ġie kkompletat.

Linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-Koeżjoni: Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji jinkludu l-prinċipji u l-prijoritajiet tal-politika ta' koeżjoni u jissuġġerixxu modi kif ir-reġjuni Ewropej jistgħu jużaw bl-aħjar mod il-fondi disponibbli għal programmi ta’ għajnuna nazzjonali u reġjonali matul il-perjodu 2007-2013. L-awtoritajiet nazzjonali jridu jużaw il-linji gwida bħala bażi meta jabbozzaw il-prijoritajiet strateġiċi nazzjonali tagħhom u l-ippjanar għall-2007-2013, magħrufin bħala l-qafas ta’ referenza strateġiku nazzjonali.

Pakkett allokat: L-ammont totali assenjat lil Stat Membru jew lil programm operazzjonali (PO) f’perjodu ta' programmazzjoni speċifiku. Dan l-ammont huwa l-massimu teoretiku li jista’ jitħallas.

Perjodu ta’ programmazzjoni: Il-perjodu ta’ żmien fuq diversi snin li matulu l-infiq mill-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni jiġi ppjanat u implimentat.

Proġett maġġuri: Proġetti maġġuri jinkludu sensiela ta’ xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi ekonomikament indiviżibbli li jissodisfaw funzjoni teknika preċiża, li jkollhom għanijiet identifikati b’mod ċar, u li l-ispiża totali tagħhom tkun aktar minn EUR 50 miljun, jew EUR 75 miljun fil-każ ta’ proġetti tat-trasport. L-approvazzjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa fil-livell ta’ proġetti individwali.

Proġett retrospettiv: Proġetti jew operazzjonijiet retrospettivi huma dawk li jkunu ġarrbu nfiq minn sorsi nazzjonali jew li jkunu ġew ikkompletati qabel ma tkun tressqet applikazzjoni formali għall-kofinanzjament mill-UE jew qabel ma dan ikun ingħata, jiġifieri jiġu ffinanzjati b’mod retrospettiv. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-proġetti jew l-operazzjonijiet li jkunu ġew fiżikament ikkompletati jew implimentati għalkollox qabel ma l-benefiċjarju jippreżenta l-applikazzjoni għall-finanzjament, mhumiex eliġibbli għall-finanzjament mill-UE.

Programm operazzjonali (PO): PO jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta’ Stat Membru u jiddeskrivi kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE u kofinanzjament nazzjonali pubbliku u privat) ikun se jintuża matul perjodu partikolari (attwalment ta’ seba’ snin) għall-finanzjament ta' proġetti. Il-proġetti fi ħdan PO jridu jikkontribwixxu għal ċertu għadd ta’ objettivi. Il-finanzjament tal-PO jista’ jiġi mill-FEŻR, mill-FK u/jew mill-FSE. Il-PO jitħejja mill-Istat Membru u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni qabel ma jkun jista’ jsir kwalunkwe pagament mill-baġit tal-UE. Il-PO jistgħu jiġu modifikati biss matul perjodu ta’ programmazzjoni jekk iż-żewġ partijiet jaqblu dwar dan.

Qafas Finanzjarju Plurennali: Il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ nfiq u l-ammonti massimi li l-UE tista’ tonfoq f’oqsma partikolari matul perjodu fiss ta’ bosta snin. Il-QFP attwali jkopri l-perjodu 2014-2020, filwaqt li dawk preċedenti kienu l-perjodu 2007-2013 u l-perjodu 2000-2006 (Aġenda 2000).

Qafas strateġiku komuni (QSK): Jipprovdi gwida u jgħin biex jarmonizza l-objettivi li jridu jintlaħqu mid-diversi Fondi taħt il-politika ta' Koeżjoni tal-UE u minn strumenti u politiki oħra tal-UE.

Qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali: Dokument ta’ referenza għall-programmazzjoni tal-fondi tal-UE fil-livell nazzjonali għall-perjodu 2007-2013. Huwa jiżgura li l-assistenza mill-Fondi tkun konsistenti mal-linji gwida strateġiċi tal-UE dwar il-Koeżjoni u jidentifika r-rabta bejn il-prijoritajiet tal-UE minn naħa waħda, u l-prijoritajiet nazzjonali u reġjonali min-naħa l-oħra. Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Ftehimiet ta’ Sħubija (ara d-definizzjoni hawn taħt) issostitwew il-Qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali.

Rata ta’ assorbiment: Il-perċentwal tal-ammont totali, impenjat għal programm operazzjonali, li jkun ġie assorbit, jiġifieri mħallas.

Telf deadweight: Deadweight iseħħ meta jingħata finanzjament bħala appoġġ lil benefiċjarju li kien jagħmel l-istess għażla mingħajr din l-għajnuna. F’każijiet bħal dawn, l-eżitu ma jistax jiġi attribwit għall-politika, u l-għajnuna mħallsa lill-benefiċjarju ma jkun kollha l-ebda impatt. Għalhekk, il-proporzjon tal-infiq li jiġġenera deadweight huwa ineffettiv, b’definizzjoni, minħabba li ma jikkontribwixxix għall-ilħuq tal-objettivi.

Tqassim f’fażijiet: Mod kif il-finanzjament ta’ proġett jiġi organizzat fuq żewġ perjodi ta' programmazzjoni sabiex ir-riskju ta’ proġetti inkompleti (u b’hekk ineliġibbli) jiġi limitat u biex jiżdied l-assorbiment fl-ewwel fażi (2007-2013).

Valur miżjud tal-UE: Il-valur li azzjoni tal-UE żżid mal-valur li kieku jinħoloq mill-Istati Membri jekk jaġixxu waħidhom.

Noti finali

1 L-Artikoli 174 u 176 tat-TFUE u l-Artikolu 89 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

2 Il-finanzjament impenjat għall-FEŻR, l-FK u l-FSE matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 ammonta għal EUR 342.5 biljun. L-ammonti finali impenjati jkunu magħrufa biss ladarba l-proċedimenti kollha jkunu ngħalqu.

3 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

4 Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat-8 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 371, 27.12.2006, p. 1).

5 Ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1) u r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12). Ir-Regolament (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79).

6 Il-qafas pluriennali li fih l-infiq mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni jiġi ppjanat u implimentat huwa msejjaħ il-perjodu ta' programmazzjoni.

7 L-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

8 L-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

9 L-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

10 Il-pagamenti tal-Kummissjoni jinkludu l-prefinanzjament, f’konformità mal-Artikoli 76 u 82 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

11 L-Artikolu 93 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

12 Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja.

13 Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ir-regola n+3 tapplika għall-Istati Membri kollha, f’konformità mal-Artikolu 136 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

14 It-Task Force għal Implimentazzjoni Aħjar ġiet stabbilita biex tassisti lill-Istati Membri li kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet fl-użu tal-finanzjament li kien għad baqa’ mill-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Hija kkonċentrat fuq 38 PO taħt il-FEŻR u taħt il-FK u kopriet 8 Stati Membri.

15 Il-Parlament Ewropew - il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, “Rapport dwar l-assorbiment tal-Fondi Strutturali u l-Fondi ta’ Koeżjoni: tagħlimiet meħuda għall-politika ta’ Koeżjoni futura tal-UE (2010/2305(INI))”, il-25 ta’ Lulju 2011.

16 Opinjoni Nru 7/2011 (C 47/1, 17.2.2012, p. 1).

17 Ara r-Rapport Annwali 2013, il-Kapitolu 10 “Kisba ta’ riżultati mill-baġit tal-UE”, il-paragrafu 10.10 (ĠU C 398, 12.11.2014).

18 Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, ir-Regolament Ġenerali ġie adottat permezz tal-proċedura leġiżlattiva speċjali, jiġifieri li fil-prinċipju, il-Kunsill kien l-uniku leġiżlatur u l-Parlament Ewropew kellu setgħa ta’ intervent limitata. Għall-perjodu 2014-2020, is-CPR ġie adottat permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jiġifieri l-Kunsill u l-Parlament Ewropew kellhom rwol ugwali fin-negozjati.

19 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2017 “In-negozjar, li sar mill-Kummissjoni, tal-Ftehimiet ta' Sħubija 2014-2020 u l-programmi fil-qasam tal-Koeżjoni, għall-perjodu 2014-2020: l-infiq qed ikun aktar immirat fuq il-prijoritajiet ta' Ewropa 2000, iżda l-arranġamenti għall-kejl tal-prestazzjoni qed ikunu dejjem aktar kumplessi”, il-paragrafi 36 sa 37.

20 COM(2018) 98 final tal-14 ta’ Frar 2018 “Qafas Finanzjarju Pluriennali ġdid u modern għal Unjoni Ewropea li tagħti riżultati fuq il-prijoritajiet tagħha b'mod effiċjenti wara l-2020”.

21 Ir-Rapport Speċjali Nru 2/2017, il-paragrafi 49 u 53 sa 55.

22 In-negozjati ħadu aktar żmien possibbilment minħabba rekwiżiti ġodda introdotti mill-qafas legali l-ġdid, problemi tal-IT li ġew iffaċċjati bis-sistema l-ġdida ta’ skambju elettroniku ta’ informazzjoni u proċedura tal-adozzjoni tal-PO aktar kumplessa fil-Kummissjoni. (Ara r-Rapport Speċjali Nru 2/2017 tal-QEA, il-paragrafu 55).

23 Dan jinkludi: 249 PO taħt il-FEŻR u l-FK; 118-il PO taħt l-FSE; 73 PO taħt il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (KTE).

24 Dan jinkludi: 124 PO taħt il-FEŻR u l-FK; 95 PO taħt l-FSE; 92 PO taħt diversi fondi u 76 PO taħt il-KTE.

25 Ir-rata ta’ assorbiment tiġi kkalkulata bid-diviżjoni tal-pagamenti kumulattivi bl-impenji totali għall-FEŻR, l-FSE u l-FK. Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, ir-riżerva ta' prestazzjoni mhijiex inkluża fl-impenji totali peress li din tiddependi mill-eżitu tal-analiżi tal-prestazzjoni.

26 Minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi kontinwi, il-perjodu ta’ eliġibbiltà ta’ 13-il programm Grieg u 18-il programm INTERREG III ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2009, li mexxa d-dati ta’ skadenza għall-preżentazzjoni għall-31 ta’ Marzu 2011. Wara t-terremot f’Abruzzo, il-programm operazzjonali reġjonali u l-programm INTERREG III A Italia-Adriatico ġew estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2010, bit-30 ta’ Settembru 2011 bħala d-data ta’ skadenza għall-preżentazzjoni.

27 Dan ammonta għal 7 % tal-kontribuzzjoni mill-fondi. L-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (L 161, 26.6.1999, p. 1).

28 Ara r-Rapporti Annwali 2015 u 2016 tal-Qorti, il-Kapitolu 6 “Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali”.

29 It-tielet kontijiet finali li jkopru l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2016 sat-30 ta’ Ġunju 2017 huma suġġetti għall-eżaminar u l-aċċettazzjoni tal-Kummissjoni, li trid tagħmel dan sal-31 ta’ Mejju 2018. B'riżultat ta' dan, l-infiq kumulattiv jista’ jinbidel.

30 Ir-Reġjun tiegħi, L-Ewropa tiegħi, Il-Futur tagħna, Is-Seba' Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali, il-Kummissjoni Ewropea, Settembru 2017, p. 177.

31 Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja.

32 Ara r-Rapport Annwali 2016 tal-Qorti, il-Kapitolu 2 “Ġestjoni baġitarja u finanzjarja”, il-paragrafi 2.24-2.25.

33 Ir-rati ta’ assorbiment jiġu kkalkulati bid-diviżjoni tal-pagamenti kumulattivi (EUR 332.9 biljun) bl-impenji totali għall-FEŻR, l-FK u l-FSE (EUR 342.5 biljun). Ir-rata ta’ assorbiment hija proviżorja peress li l-applikazzjonijiet finali għall-pagament ikunu għadhom fil-proċess li jiġu kklerjati u dan jaffettwa l-valur tal-pagamenti kumulattivi.

34 FEŻR/FK: EUR 3.5 biljun; FSE: EUR 0.9 biljun.

35 FEŻR/FK: EUR 743.5 miljun; FSE: EUR 110.3 miljun.

36 L-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

37 Il-Kroazja ssieħbet mal-UE f’Lulju 2013 u l-perjodu ta’ eliġibbiltà tagħha kien sal-31 ta’ Diċembru 2016.

38 Stqarrija għall-istampa MEMO/15/4654, 24.3.2015.

39 Id-DĠ EMPL ipprovda informazzjoni lid-DĠ REGIO permezz ta’ valutazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-FSE, inżamm infurmat dwar ix-xogħol li kien sar u ħa sehem f’missjonijiet fl-Istati Membri.

40 It-TFBI kopriet ukoll is-Slovenja peress li r-rata ta’ assorbiment għall-parti tal-Fond ta’ Koeżjoni fil-PO relatat mal-Infrastruttura fil-qasam tal-Ambjent u tat-Trasport sinifikattivament inqas mill-medja tal-UE.

41 Is-suġġetti koperti huma: proġetti retrospettivi; tqassim f’fażijiet; żbalji fl-akkwist pubbliku; pagamenti kuntrattwali bil-quddiem; preżentazzjoni u approvazzjoni ta’ proġetti maġġuri.

42 Il-Premessa 6 u l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) Nru 539/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2010 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni fir-rigward tas-simplifikazzjoni ta’ ċerti rekwiżiti u ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-amministrazzjoni finanzjarja (ĠU L 158, 24.6.2010, p. 1).

43 L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

44 L-Artikolu 37(e) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

45 Proġetti maġġuri jinkludu sensiela ta’ xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi ekonomikament indiviżibbli li jaqdu funzjoni teknika preċiża, b’għanijiet identifikati b’mod ċar, u li l-ispiża totali tagħhom taqbeż il-EUR 50 miljun, jew il-EUR 75 miljun fil-każ ta’ proġett fil-qasam tat-trasport. L-approvazzjoni tal-Kummissjoni hija meħtieġa fil-livell ta’ proġetti individwali.

46 L-Artikolu 40(d) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

47 C(2015) 2771 final.

48 C(2015) 2771 final.

49 Mill-20 PO fil-kampjun tagħna, 14 kellhom proġetti maġġuri jew proġetti b’valur ogħla minn EUR 5 miljun.

50 Ir-Rapport Speċjali Nru 36/16 "Valutazzjoni tal-arranġamenti għall-għeluq tal-programmi tal-koeżjoni u tal-iżvilupp rurali għall-2007-2013", it-Tabella 5.

51 COCOF 12/0050/01.

52 Il-paragrafu 6.19 tar-Rapport Annwali 2008, il-Kapitolu 6 “Koeżjoni”.

53 L-Artikolu 65(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

54 C(2015)2771 final.

55 Ir-rapport intitolat: Summary of data on the progress made in financing and implementing financial engineering instruments reported by the managing authorities in accordance with Article 67(2)(j) of Regulation (EC) No 1083/2006: Programming period 2007-2013 Situation as at 31 December 2015 (Sommarju tad-data dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja, kif irrappurtata mill-awtoritajiet maniġerjali skont l-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006: Il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2015), il-Kummissjoni Ewropea, EGESIF 16-0011-00, 20/9/2016.

56 Ara r-Rapport Speċjali 19/2016 “L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji - tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013”, il-paragrafi 42 sa 44 u l-Kapitolu 6 tar-Rapporti Annwali 2014, 2015 u 2016.

57 Ara r-Rapport Speċjali 19/2016 “L-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji - tagħlimiet li għandhom jinsiltu mill-perjodu tal-programm 2007-2013”, il-paragrafi 95 u 96 u r-Rapporti Annwali 2014, 2015 u 2016.

58 Ir-rapport Sommarju tad-data dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja, kif irrappurtata mill-awtoritajiet maniġerjali skont l-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006: Il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, is-sitwazzjoni fil-31 ta’ Marzu 2017 (l-għeluq), il-Kummissjoni Ewropea, EGESIF 17-0014-00, 20/09/2017.

59 Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar sommarju tad-data dwar il-progress li sar fil-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja, kif irrappurtata mill-awtoritajiet maniġerjali skont l-Artikolu 67(2)(j) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006: Il-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, is-sitwazzjoni fil-31 ta' Marzu 2017 (għeluq), EGESIF 17-0014-00, 20/9/2017.

60 Ir-Rapport Speċjali Nru 36/16.

61 Ir-Rapport Speċjali Nru 36/2016.

 

1 COM (2016) 605, 14.9.2016, Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

2 Referenza: Ir-risposta tal-Kummissjoni għall-Paragrafu 6.19 tar-rapport annwali 2008 tal-Qorti.

3 L-Artikolu 56(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

4 L-Artikolu 65(6) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

5 L-Artikolu 125(3)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

6 Jekk jogħġbok ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-paragrafi 129 u 130 tal-SR36/2016 tal-QEA.

7 Pereżempju, il-monitoraġġ regolari tal-prestazzjoni tal-programmi kienet twettqet sa mill-bidu tal-perjodu kkunsidrat. Il-Kummissjoni użat ukoll Netwerk ta’ Evalwazzjoni ta’ Esperti biex jipprovdi ħarsa ġenerali annwali tal-implimentazzjoni u r-rapporti annwali u s-sinteżi tagħhom huma disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/regional_policy/en/policy/evaluations/ec/2007-2013 Il-Kummissjoni bdiet tieħu azzjonijiet għal xi Stati Membri sa minn kmieni fl-2010 hekk kif kien ikun perċepit xi riskju ta’ assorbiment kajman. Ir-rapport annwali tal-2013 jenfasizza l-isfidi u jidentifika b’mod ċar kwistjonijiet li jwasslu għall-assorbiment kajman f’pajjiżi speċifiċi. Fuq dan il-link: http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/evaluation/pdf/eval2007/2013_een_task2_synthesis_final.pdf
Ir-Rapporti Strateġiċi adottati mill-Kummissjoni fl-2010 u fl-2013 taw ħarsa ġenerali tal-UE tal-implimentazzjoni, u għaddew messaġġi dwar il-ħtieġa li tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-objettivi ta’ investiment.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 2.3.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 28.3.2018
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 30.5.2018
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha 23.7.2018

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit tal-UE. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Henri Grethen, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Marc Hostert, Kap tal-Kabinett; Niels-Erik Brokopp u Emmanuel Rauch, Maniġers Prinċipali; Anna Fiteni u Peggy Vercauteren, Kapijiet tal-Kompitu; Alessandra Falcinelli, Agota Krenusz, Radka Papouskova, Adrian Rosca u Piotr Senator, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Anna Fiteni, Marc Hostert, Radka Papouskova, Piotr Senator, Peggy Vercauteren, Niels-Erik Brokopp, Henri Grethen.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-847-0034-9 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/88290 QJ-AB-18-013-MT-N
HTML ISBN 978-92-9207-988-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/280453 QJ-AB-18-013-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://data.europa.eu/euodp/mt/home?

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt/home?) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.