INVOLVI RUĦEK!

Semma’
leħnek

Ikkontribwixxi
għat-tiswir tal-Ewropa
li tixtieq

AGĦTI L‑OPINJONI TIEGĦEK

Ħu sehem fid-dibattitu

Hemm għadd ta’ modi kif tagħmel dan, pereżempju:

Iż-żgħażagħ magħżula b’mod aleatorju, li jirrappreżentaw id-diversità tal-UE, jiffurmaw terz tal-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, li jsawru l-politiki u l-inizjattivi tal-UE.

Mhux fuq panel? Xorta tista’ ssemma’ leħnek!
Ingħaqad mal-konverżazzjoni fi kwalunkwe ħin permezz tal-Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini u semma’ leħnek.

Permezz tal-“verifika taż-żgħażagħ” tagħna huma meqjusa wkoll il-fehmiet taż-żgħażagħ, meta nkunu qed infasslu politiki ġodda.

Żomm għajnejk miftuħin fuq il-portal Semma’ Leħnek, fejn tista’ ssawwar politiki u liġijiet Ewropej ġodda u taqsam fehmietek dwar dawk eżistenti.

Għidilna x’taħseb

Ingħaqad ma’ żgħażagħ minn madwar l-Ewropa kollha biex tiddibatti u taqsam l-ideat. Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ issir kull sentejn u talterna mal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ.

Ħu l-inizjattiva

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hi ċ-ċans tiegħek li jkollok ambizzjonijiet kbar. Iġbor miljun firma u l-proposta tiegħek għal liġi ġdida tista’ ssir realtà! Jew agħti daqqa t’għajn lill-inizjattivi proposti minn persuni oħra u appoġġa l-kawżi li huma għal qalbek — dan ma joħodlokx aktar minn minuta jew tnejn! L-età minima biex tappoġġa inizjattiva tvarja minn 16 sa 18-il sena, skont il-pajjiż.

Ikkomunika ma’ dawk li jieħdu d‑deċiżjonijiet

Jekk tieħu sehem fid-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ ikollok l-opportunità li tiskambja fehmiet ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u Ewropew kif ukoll li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-11-il għan dwar iż-żgħażagħ, li ġew żviluppati minn aktar minn 50 000 żagħżugħ u żagħżugħa.

L-eħfef mod biex tinvolvi ruħek hu permezz tal-grupp ta’ ħidma nazzjonali ta’ pajjiżek. U żomm għajnejk miftuħin għal Djalogi ta’ Politika maż-Żgħażagħ ta’ livell għoli, li fihom tkun tista’ titkellem mal-Kummissarji Ewropej direttament.

Il-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ tal-President isawwar il-ġejjieni tal-Ewropa billi jressaq l-ideat taż-żgħażagħ direttament lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jiżgura li leħinhom jinstema’ fl-ogħla livell politiku.

IVVOTA

Għaliex?

Huwa importanti li tivvota, kemm jekk fl-elezzjonijiet lokali, f’dawk nazzjonali jew f’dawk Ewropej, għaliex b’hekk tkun tista’ ssemma’ leħnek dwar min għandu jieħu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet importanti li jikkonċernawk.

Kont taf?

Meta tivvota fl-elezzjoni ġenerali ta’ pajjiżek tkun qiegħed ukoll tinfluwenza l-ħidma tal-UE. Dan għaliex il-mexxej ta’ pajjiżek u l-ministri tiegħu huma membri ta’ korpi importanti tal-UE.

OĦROĠ GĦALL- ELEZZJONI

Jekk tixtieq li jkollok influwenza saħansitra aktar diretta fuq id-deċiżjonijiet tal-UE, għaliex ma tikkunsidrax issir Membru tal-Parlament Ewropew (MEP, Member of the European Parliament)?

L-elezzjonijiet Ewropej li jmiss se jsiru fl-2029, iżda qatt mhu kmieni wisq biex tibda l-karriera politika tiegħek!

L-iżgħar persuna li qatt ġiet eletta bħala MEP kellha 21 sena meta telgħet.

KUN ATTIV

Minn skambji taż-żgħażagħ fi gruppi għal studju u internships barra mill-pajjiż, il-programm ikoniku tal-UE Erasmus+, li jiċċelebra l-40 anniversarju tiegħu fl-2027, joffri firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet biex iż- żgħażagħ jiksbu ħiliet u esperjenzi siewja.

Barra minn hekk, il-pass tal-ivvjaġġar b’xejn DiscoverEU jippermetti liż-żgħażagħ ta’ 18‑il sena jaqbdu t-triq biex jiskopru l-Ewropa u jesploraw il-wirt kulturali u d-diversità rikki tagħha.

Ħerqan li tagħmel differenza fil-komunità lokali tiegħek jew li tagħmel volontarjat billi tipparteċipa f’operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja madwar id-dinja? Agħti daqqa t’għajn lill-finanzjament u lill-appoġġ disponibbli għall- proġetti permezz tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

Żur il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ biex issib aktar informazzjoni dwar l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ fl-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea
Kuntatt: COMM-B2@ec.europa.eu
Il-Lussemburgu: l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2026

© L-Unjoni Ewropea, 2026

Illustrazzjonijiet: © Adobe Stock

Dikjarazzjoni ta’ aċċessibbiltà
Print
ISBN 978-92-68-37645-4
doi:10.2775/7914485
NA-01-26-009-MT-C
PDF
ISBN 978-92-68-37644-7
doi:10.2775/3367910
NA-01-26-009-MT-N
HTML
ISBN 978-92-68-39394-9
doi:10.2775/7983785
NA-01-26-009-MT-Q