Daħla

Ursula von der Leyen

il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Ninsab ċerta li ħafna minnkom jaqblu li l-2020 kienet sena li ta’ min jinsieha minnufih — imma li se nibqgħu niftakruha għal dejjem.

Ta’ min jinsieha minnufih, ovvjament, minħabba l-pandemija.

L-effetti tal-kriżi tal-coronavirus inħassu f’kull dar, f’kull pajjiż u kullimkien fl-Unjoni tagħna. Minn qalbi noffri s-simpatija tiegħi lil dawk kollha li tilfu lill-għeżież tagħhom jew li laqtithom il-marda.

Iżda l-2020 kienet ukoll sena li ta’ min jiftakarha.

Dan għaliex, fil-qalba tal-ġlieda kontra dan l-għadu inviżibbli, hemm l-eroj tal-professjoni medika li ssograw ħajjithom biex isalvaw lil ħaddieħor. Inrodd il-ħajr lil kull wieħed u waħda minnhom, u lill-ħaddiema kollha li huma esposti l-iktar, li jgħinu lilna u lill-ekonomija tagħna nġerrgħu dawn iż-żminijiet diffiċli.

Kienet sena ta’ min jiftakarha għaliex, quddiem it-traġedja umana li bdiet tiżviluppa, l-Ewropa wettqet l-ikbar mobilizzazzjoni kollettiva fl-istorja tal-Unjoni tagħna. Il-pajjiżi, il-bliet u r-reġjuni għenu biex it-tagħmir mediku jasal fejn kien meħtieġ. L-ajruplani Ewropej wasslu eluf ta’ tunnellati ta’ materjali li jsalvaw il-ħajjiet lill-iktar komunitajiet vulnerabbli madwar id-dinja, u iktar minn 600 000 ċittadin li nqabdu barra minn pajjiżhom inġiebu lura d-dar.

Il-kumpaniji aġġornaw il-linji tal-produzzjoni tagħhom biex jissodisfaw id-domanda għad-diżinfettanti, għall-maskri u għat-tagħmir mediku. U d-dinja ngħaqdet bħal qatt qabel fi sforz globali ta’ ġbir ta’ fondi, b’wegħdiet ta’ donazzjonijiet li laħħqu kważi €16-il biljun, sabiex il-vaċċini sikuri u effettivi jkunu aċċessibbli għal kulħadd — għaliex nafu li ħadd mhu sikur qabel kulħadd ikun sikur.

Progressivament, il-vaċċini se jgħinuna nerġgħu lura għall-ħajja normali tagħna. Iżda mhux se jsolvu l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 jew it-theddida kontinwa għall-pjaneta tagħna mit-tibdil fil-klima. Għalhekk, flimkien ma’ miżuri biex jiġi indirizzat il-coronavirus, komplejna nieħdu azzjoni kuraġġuża favur in-newtralità klimatika. Din l-azzjoni se tfisser tnaqqis ikbar tal-emissjonijiet, investiment massiċċ fit-teknoloġiji ekoloġiċi u l-isfruttar tal-potenzjal diġitali sħiħ tal-Ewropa.

Ninsab fiduċjuża li nistgħu nirnexxu. L-istrument għall-irkupru tagħna tan-NextGenerationEU ta’ €750 biljun qiegħed fil-qalba tal-ikbar baġit fit-tul fl-istorja tal-UE, b’qawwa finanzjarja totali ta’ €1.8 triljun. Għandna opportunità tad-deheb biex ninvestu f’futur aħjar għal uliedna u għal ulied uliedna; f’Ewropa iktar f’saħħitha, iktar ekoloġika u iktar intelliġenti fejn jistgħu jgħixu tajjeb, ikollhom prospettivi tajbin ta’ impjieg u jirnexxu, f’Ewropa fejn ħadd ma jibqa’ lura.

Din kienet sena diffiċli, iżda r-rispons tagħna għall-pandemija se jiżgura li noħorġu minnha iktar b’saħħitna, iktar reżiljenti u iktar magħqudin. Qatt ma kont daqshekk kburija li jiena Ewropea u qatt ma kont daqshekk konvinta dwar il-valur li niġbdu ħabel wieħed flimkien biex niffaċċjaw l-ikbar sfidi tagħna.

L-2020 kienet ukoll is-sena tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Nirrispetta d-deċiżjoni tal-poplu tar-Renju Unit, li dejjem se jkun milqugħ fil-familja tan-nazzjonijiet Ewropej. Iżda għalina, wasal iż-żmien li nħallu l-Brexit warajna. Il-futur jappartjeni lill-Ewropa.

Fl-2020 rajna l-umanità fl-aqwa tagħha. Ejja naħtfu l-opportunità biex inkomplu nibnu fuqha. Ipproponejna li tittieħed azzjoni fil-ġlieda kontra r-razziżmu, il-mibegħda u d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħhom. Fil-paġni li ġejjin tista’ taqra dwar dawn l-inizjattivi u dwar ix-xogħol kollu li l-UE għamlet matul il-pandemija.

Aħna u nieħdu l-ewwel passi lejn l-irkupru, ninsabu mimlijin bit-tama u bid-determinazzjoni. L-Ewropa għandha n-nies, il-viżjoni, il-pjan u r-riżorsi biex dan kollu jirnexxi.

Viva l-Ewropa!

Ursula von der Leyen

Il-Membri tal-Kummissjoni Ewropea

Mix-xellug għal-lemin:

fl-ewwel ringiela: Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea;

fit-tieni ringiela: il-Viċi President Eżekuttiv Valdis Dombrovskis, Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, il-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans, Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Viċi President Eżekuttiv Margrethe Vestager, Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Josep Borrell, Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja;

fit-tielet ringiela: il-Viċi President Margaritis Schinas, Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna, il-Viċi President Věra Jourová, Valuri u Trasparenza, il-Viċi President Maroš Šefčovič, Relazzjonijiet Interistituzzjonali u Tbassir, il-Viċi President Dubravka Šuica, Demokrazija u Demografija, il-Kummissarju Johannes Hahn, Baġit u Amministrazzjoni;

fir-raba’ ringiela: il-Kummissarju Janusz Wojciechowski, Agrikoltura, il-Kummissarju Nicolas Schmit, Impjiegi u Drittijiet Soċjali, il-Kummissarju Elisa Ferreira, Koeżjoni u Riformi, il-Kummissarju Mariya Gabriel, Innovazzjoni, Riċerka, Kultura, Edukazzjoni u Żgħażagħ, il-Kummissarju Paolo Gentiloni, Ekonomija, il-Kummissarju Ylva Johansson, Affarijiet Interni, il-Kummissarju Thierry Breton, Suq Intern;

fil-ħames ringiela: il-Kummissarju Helena Dalli, Ugwaljanza, il-Kummissarju Stella Kyriakides, Saħħa u Sikurezza Alimentari, il-Kummissarju Adina Vălean, Trasport, il-Kummissarju Janez Lenarčič, Ġestjoni tal-Kriżijiet, il-Kummissarju Didier Reynders, Ġustizzja, il-Kummissarju Olivér Várhelyi, Viċinat u Tkabbir;

fis-sitt ringiela: il-Kummissarju Jutta Urpilainen, Sħubijiet Internazzjonali, il-Kummissarju Virginijus Sinkevičius, Ambjent, Oċeani u Sajd, il-Kummissarju Kadri Simson, Enerġija, il-Kummissarju Mairead McGuinness, Servizzi Finanzjarji, l-Istabbiltà Finanzjarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Żewġ ħaddiema bil-maskri waqt il-kriżi jħottu l-kaxxi tal-maskri tar-rescEU minn ajruplan żgħir tal-merkanzija.

Rispons ikkoordinat għall-pandemija tal-COVID-19

Introduzzjoni

It-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fl-Ewropa wasslet għal traġedja umana, lockdowns u tnaqqis fir-ritmu ekonomiku mingħajr preċedent. L-Unjoni Ewropea malajr tat prova tas-solidarjetà tagħha. L-UE pproteġiet lin-nies u lill-għajxien tagħhom billi ffukat fuq azzjonijiet li wasslu rispons immedjat u effettiv għall-kriżi. Matul l-2020, ġew adottati iktar minn 1 350 miżura biex tittaffa l-kriżi, inklużi kważi 400 deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat li tat nifs lill-kumpaniji Ewropej.

Fl-ewwel jiem u ġimgħat wara li l-pandemija faqqgħet fl-Ewropa, is-sistemi tal-kura tas-saħħa ġew imsaħħa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u l-isptarijiet fl-UE kollha pprovdew trattamenti lill-pazjenti minn pajjiżi oħra. Ġew mobilizzati timijiet tas-saħħa mobbli biex iwieġbu għall-iktar ħtiġijiet urġenti. Iktar minn 600 000 ċittadin tal-UE maqbudin barra minn pajjiżhom inġiebu lura d-dar, u ġew mobilizzati investimenti pubbliċi u privati biex jiġu żviluppati vaċċini sikuri u effettivi għal kulħadd madwar id-dinja.

Il-“Punt Ċentrali ta’ Koordinament” tal-Kummissjoni għat-tagħmir mediku għen lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jegħlbu n-nuqqasijiet.

L-UE u l-Istati Membri mmobilizzaw €4.2 triljun, jew iktar minn 30 % tal-prodott domestiku gross tal-UE, biex itaffu l-effetti tal-kriżi.

Grafika li tiġbor fil-qosor il-finanzjament tal-UE għall-irkupru ekonomiku fl-2020.

Minn total ta’ 4.2 triljun ewro, 575 biljun ewro ġew allokati għall-miżuri nazzjonali meħuda bis-saħħa tal-flessibbiltà tar-regoli baġitarji tal-UE (il-klawżola liberatorja ġenerali), 100 biljun ewro għall-assistenza finanzjarja tal-UE mill-Istrument SURE għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, 70 biljun ewro għall-appoġġ dirett tal-UE, inkluż l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus, 3 045 biljun ewro għall-miżuri ta’ likwidità nazzjonali, inkluż skemi approvati bis-saħħa ta’ regoli temporanji u flessibbli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, 240 biljun ewro għall-appoġġ fil-kriżi pandemika għall-Istati Membri bis-saħħa tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u 200 biljun ewro għall-finanzjament tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment għan-negozji.

Il-baġit tal-UE ġie mmobilizzat ukoll bl-iktar mod sħiħ biex jipprovdi appoġġ finanzjarju dirett lill-Istati Membri li kellhom bżonn. Fl-ewwel jiem tal-kriżi, il-Kummissjoni ppreżentat l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus, li ppermettew lill-Istati Membri jużaw il-finanzjament ta’ koeżjoni biex jappoġġaw l-iktar setturi esposti fl-ekonomiji tagħhom. L-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza ġie attivat biex jipprovdi appoġġ finanzjarju dirett għall-ħtiġijiet strateġiċi fil-livell Ewropew, u l-Kummissjoni nediet l-inizjattiva Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) biex tgħin fil-preservazzjoni tal-impjiegi u fl-appoġġ għall-familji.

Il-pandemija tal-coronavirus ikkawżat xokk kbir għall-ekonomiji globali u tal-UE, b’konsegwenzi soċjoekonomiċi severi. Minkejja r-rispons ta’ politika rapidu u komprensiv kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, malajr ħareġ fid-dieher li l-ekonomija tal-UE kienet se tesperjenza reċessjoni bi proporzjonijiet storiċi fl-2020.

Għalhekk kien meħtieġ rispons ikbar biex jagħmel tajjeb għall-ħsara ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija. Flimkien, il-baġit fit-tul imsaħħaħ għall-2021–2027 u n-NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru temporanju, jiffurmaw l-ikbar pakkett ta’ stimolu li qatt ġie ffinanzjat permezz tal-baġit tal-UE, li jammonta għal €1.8 triljun. Il-fondi se jgħinu lill-UE tappoġġa liċ-ċittadini, lill-kumpaniji u lir-reġjuni, b’mod partikolari lil dawk li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi. Il-pakkett se jgħin biex l-Ewropa tinbena mill-ġdid wara l-pandemija tal-COVID-19, u tkun iktar ekoloġika, iktar diġitali u iktar reżiljenti.

Bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar il-vaċċini, il-Kummissjoni kkonkludiet ftehimiet ma’ sitt kumpaniji (AstraZeneca, BioNTech/Pfizer, CureVac, Johnson & Johnson, Moderna u Sanofi/GlaxoSmithKline) sabiex tiżgura firxa wiesgħa ta’ vaċċini sikuri u effettivi kontra l-COVID-19 għan-nies li jgħixu fl-UE.

Mingħajr ma ġiet kompromessa s-sikurezza jew l-effettività, l-ewwel vaċċin intuża fl-UE qabel tmiem is-sena. Fil-21 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea tat awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq għall-vaċċin kontra l-COVID-19 li ġie żviluppat minn BioNTech/Pfizer, l-ewwel vaċċin li ġie awtorizzat fl-UE. Fil-Jiem Ewropej tal-Vaċċinazzjoni, mis-27 sad-29 ta’ Diċembru, saru l-ewwel vaċċinazzjonijiet fl-Istati Membri.

Meta wieħed iħares lura lejn l-2020, l-impatt enormi tal-pandemija tal-COVID-19 huwa ċar. Ħmistax-il miljun persuna fl-Unjoni Ewropea ġew infettati bil-marda tal-COVID-19. Traġikament, iktar minn 350 000 persuna tilfu ħajjithom. Il-ġlieda kontra l-COVID-19 għadha għaddejja fl-2021.

Rispons mingħajr preċedent għal ħtiġijiet urġenti

Abbażi tal-mandat mogħti mill-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea kkoordinat rispons Ewropew komuni għat-tifqigħa tal-COVID-19, filwaqt li ħadet azzjoni biex issaħħaħ is-setturi tas-saħħa pubblika u ttaffi l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija. L-UE mmobilizzat il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw ir-risponsi nazzjonali tagħhom, u pprovdiet informazzjoni oġġettiva dwar l-imxija tal-COVID-19 u l-isforzi effettivi biex titrażżan.

L-UE aġixxiet malajr biex tindirizza l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija. Fit-28 ta’ Jannar, ġie attivat il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex jagħti bidu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE maqbudin barra minn pajjiżhom (xi 408 titjira għenu lil 90 000 ċittadin tal-UE jirritornaw id-dar sal-aħħar tas-sena).

Fit-13 ta’ Marzu, il-Kummissjoni appellat għal rispons ekonomiku ikkoordinat għall-kriżi tal-coronavirus, u fis-16 ta’ Marzu l-Kummissjoni stabbiliet panel konsultattiv ta’ esperti ppresedut mill-President Ursula von der Leyen u mill-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Stella Kyriakides biex jiggwida r-rispons tal-UE għall-kriżi u biex jipprovdi konsulenza. Iktar ’il quddiem, il-ħidma tal-panel u taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ġiet ikkomplementata mill-Pjattaforma l-ġdida ta’ Konsulenza Xjentifika tal-UE dwar il-pandemija tal-COVID-19. Il-pjattaforma, li tikkonsisti minn konsulenti xjentifiċi tal-Istati Membri dwar il-pandemija tal-COVID-19, għandha l-għan li tikkoordina aħjar il-konsulenza xjentifika u li tikkondividi l-prattiki tajbin rigward il-miżuri nazzjonali tas-saħħa pubblika kontra l-COVID-19.

Voluntiera taħdem fuq magna tal-ħjata fid-dar tagħha.
Fl-Imsida, qrib il-Belt Valletta, grupp ta’ voluntiera mill-Fondazzjoni Grandparents Malta ħietu l-maskri tal-wiċċ u kkonsenjawhom mingħajr ħlas lid-djar tal-anzjani jew tan-nies fraġli, l-Imsida, Malta, id-19 ta’ Novembru 2020.

Appoġġ ta’ emerġenza

Il-Kummissjoni mmobilizzat ir-riżorsi kollha fil-baġit tal-UE biex twieġeb għall-ħtiġijiet urġenti li setgħu jiġu ssodisfati bl-aħjar mod b’koordinazzjoni strateġika fil-livell Ewropew. L-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza ta’ €2.7 biljun iffinanzja firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet, u parti kbira mill-baġit tiegħu appoġġa l-inizjattiva dwar il-vaċċini, li qed jieħdu sehem fiha s-27 Stat Membru kollha. Il-Kummissjoni xtrat u ddistribwiet lill-Istati Membri 10 miljun maskra għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa. Il-finanzjament ġie pprovdut ukoll għat-taħriġ fl-ittestjar u fil-kura intensiva, għax-xiri ta’ robots tad-diżinfettar ultravjola tal-isptarijiet u għall-appoġġ għall-provi kliniċi tal-aġenti terapewtiċi tal-COVID-19.

Magna tidħol f’kamra ta’ sptar filwaqt li ħaddiem tal-kura tas-saħħa jikkontrollaha mill-bogħod.
Ir-robots UVD qed jintużaw biex jiddiżinfettaw l-isptarijiet bid-dawl ultravjola. Dan ir-robot, fl-Isptar Universitarju ta’ Odense, jista’ jiddiżinfetta l-kmamar standard tal-pazjenti saħansitra fi 15-il minuta biss, u għalhekk jgħin fil-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tixrid tal-COVID-19. Il-Kummissjoni Ewropea se tqassam 200 robot bħal dawn lill-isptarijiet madwar l-Ewropa bħala parti mill-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza tal-UE, Odense, id-Danimarka, it-18 ta’ Novembru 2020.

L-ittestjar huwa kruċjali biex l-imxija tal-COVID-19 tmajna. Fit-28 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni dwar l-istrateġiji tal-ittestjar għall-COVID-19, inkluż l-użu ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni, u fit-18 ta’ Novembru ġiet adottata rakkomandazzjoni speċifika tal-Kummissjoni dwar it-testijiet rapidi tal-antiġeni. Fit-18 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni għamlet ukoll proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas komuni għat-testijiet tal-antiġeni u r-rikonoxximent reċiproku tar-riżultati tat-testijiet għall-COVID-19. Il-Kummissjoni mmobilizzat €100 miljun fil-qafas tal-istrument biex tixtri testijiet rapidi tal-antiġeni direttament u twassalhom għand l-Istati Membri. Fit-18 ta’ Diċembru, iffirmat kuntratt qafas ma’ Abbott u ma’ Roche li jippermetti x-xiri ta’ iktar minn 20 miljun test rapidu tal-antiġeni, iffinanzjat mill-istrument. Dawn it-testijiet se jkunu disponibbli għall-Istati Membri mill-bidu tal-2021, bħala parti mill-appoġġ tal-UE għall-ittestjar għall-COVID-19.

rescEU – riżerva komuni ta’ provvisti mediċi

Fid-19 ta’ Marzu, il-Kummissjoni wriet is-solidarjetà bil-fatti billi stabbiliet ir-riżerva medika rescEU, l-ewwel ħażna Ewropea komuni ta’ tagħmir mediku ta’ emerġenza, li kienet tinkludi maskri u ventilaturi, biex tgħin lill-Istati Membri li kienu qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ tagħmir. rescEU ġiet ospitata fl-Istati Membri u pprovdiet xi tliet miljun maskra protettiva ta’ kwalità għolja għall-persuni tal-ewwel rispons, inkluż il-ħaddiema mediċi u tal-protezzjoni ċivili, fi Spanja, fil-Kroazja, fl-Italja, fil-Litwanja, fil-Montenegro, fil-Maċedonja ta’ Fuq, fis-Serbja u fil-Kosovo (dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo).

Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili bagħat ventilaturi, ilbies protettiv u diżinfettanti lill-pajjiżi li kellhom bżonn u mmobilizza timijiet mediċi ta’ emerġenza. Tobba Norveġiżi, Pollakki u Rumeni għenu billi pprovdew trattamenti lill-pazjenti fl-Italja u fil-Litwanja, filwaqt li timijiet mediċi Ġermaniżi, Taljani u Litwani appoġġaw lill-kollegi tagħhom fl-Armenja u fl-Ażerbajġan. Pakkett dwar il-mobbilità għen biex jiffinanzja t-trasport tal-pazjenti, tat-timijiet mediċi u tal-provvisti mediċi essenzjali.

L-iżgurar tad-disponibbiltà tal-provvisti mediċi u tal-ikel

Mill-bidu tat-tifqigħa, l-UE appoġġat lill-manifatturi ewlenin biex tiżgura li l-mediċini u t-tagħmir mediku essenzjali jibqgħu disponibbli. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex toħloq il-kundizzjonijiet it-tajbin għall-industrija biex il-produzzjoni tirranka jew ikollha l-għodod meħtieġa, inkluż billi talbet lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni biex l-istandards għall-maskri u għal tagħmir protettiv ieħor ikunu disponibbli b’xejn għall-partijiet interessati kollha. Ħafna kumpaniji madwar l-Ewropa reġgħu rrankaw u żviluppaw l-għodod meħtieġa għall-produzzjoni tagħhom biex jissodisfaw id-domanda għat-tagħmir protettiv personali, għad-diżinfettanti u għall-apparati mediċi.

F’April, il-Kummissjoni approvat talbiet mill-Istati Membri kollha tal-UE u mir-Renju Unit biex jitneħħew b’mod temporanju d-dazji doganali u l-VAT fuq l-importazzjoni tal-apparati mediċi u tat-tagħmir protettiv minn pajjiżi mhux tal-UE.

Żewġ pumpieri jispezzjonaw ventilatur f’żona tat-tagħbija.
Konsenja ta’ tagħmir mediku mir-riżerva rescEU fi Praga, iċ-Ċekja, l-24 ta’ Ottubru 2020.

Il-Kummissjoni Ewropea indirizzat minnufih it-tħassib dwar il-possibbiltà ta’ skarsezza ta’ ikel billi adottat miżuri ta’ emerġenza f’April biex tipprovdi flessibbiltà ikbar fil-mod kif setgħu jiġu aċċessati l-flus mill-Politika Agrikola Komuni u mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, u biex timplimenta miżuri li jgħinu biex jiġu stabbilizzati s-swieq agroalimentari.

L-użu tal-flessibbiltà sħiħa tar-regoli fiskali u dwar l-għajnuna mill-Istat

F’Marzu, il-Kummissjoni ħadet pass mingħajr preċedent biex tattiva l-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tirrispondi malajr u b’mod qawwi għall-pandemija. Wara li l-klawżola ġiet approvata mill-Kunsill, l-Istati Membri setgħu jieħdu miżuri biex jindirizzaw il-kriżi b’mod adegwat bl-għodod kollha tal-politika ekonomika għad-dispożizzjoni tagħhom, filwaqt li tbiegħdu mir-regoli baġitarji tas-soltu tal-qafas fiskali Ewropew.

Inqas minn ġimgħa wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li l-Ewropa kienet iċ-ċentru tal-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju għall-Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw il-flessibbiltà sħiħa pprovduta mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw lill-kumpaniji li ntlaqtu mill-kriżi. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni approvat miżuri ta’ għajnuna nnotifikati mill-Istati Membri kollha tal-UE u mir-Renju Unit. Matul l-2020, il-Kummissjoni ħadet kważi 400 deċiżjoni li approvaw 500 miżura nazzjonali b’valur totali stmat ta’ €3 triljun.

Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus

Waħda mill-ewwel miżuri li nediet l-UE biex tappoġġa lill-Istati Membri finanzjarjament fir-rispons tagħhom għall-kriżi kienet l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus f’Marzu 2020. Permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ flus mhux minfuqa li diġà kienu ġew allokati lill-Istati Membri tal-UE, l-inizjattiva tat spinta immedjata ta’ likwidità lill-baġits tal-Istati Membri u tar-reġjuni u għenithom jużaw il-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni biex jiffinanzjaw in-nefqa fuq il-kura tas-saħħa u l-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir, u joffru appoġġ bil-kapital li l-intrapriżi żgħar u medji għandhom bżonn biex ikampaw. L-ambitu tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ġie estiż ukoll biex ikopri emerġenzi kbar tas-saħħa pubblika, u b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jirċievu appoġġ fil-qafas ta’ dan il-fond biex jgħinhom jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19.

Minn April, l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus għamlitha iktar sempliċi u iktar faċli li l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej eżistenti jintużaw malajr għal miżuri relatati mal-kriżi, u żiedet il-kontribuzzjoni tal-UE għall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni sa 100 % għall-applikazzjonijiet għal pagament ippreżentati bejn l-1 ta’ Lulju 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2021.

F’Diċembru, il-Kummissjoni ħabbret ir-riżultati tal-2020 taż-żewġ inizjattivi. Mill-bidu tal-kriżi, l-UE mmobilizzat finanzjament sinifikanti biex tiġġieled kontra l-effetti tal-pandemija. L-intrapriżi żgħar u medji bbenefikaw mill-biċċa l-kbira tal-finanzjament disponibbli, jiġifieri iktar minn €10 biljun, li ta nifs lin-negozji biex ma jfallux. €3 biljun ingħataw lin-nies, inkluż is-servizzi soċjali għall-gruppi vulnerabbli u l-iskemi ta’ impjieg temporanju għall-ħaddiema. Barra minn hekk, ingħataw €6.6 biljun lis-settur tas-saħħa biex jiġi appoġġat, flimkien mal-€10.2 biljun mill-baġit tal-UE li kien diġà ġie allokat lil dan il-qasam għas-snin 2014–2020 (tista’ tinnota li hemm xi trikkib bejn il-gruppi ta’ benefiċjarji).

82 % tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni f’25 Stat Membru u fir-Renju Unit ġew emendati, u ngħata finanzjament addizzjonali ta’ €3.2 biljun lill-baġits nazzjonali peress li dawn jistgħu jużaw ir-rata ta’ kofinanzjament tal-UE ta’ 100 %.

Grafika li telenka wħud mill-inizjattivi tal-iskema “Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza”, li jgħinu lill-Istati Membri jipproteġu lill-ħaddiema u l-impjiegi.

L-inizjattivi fl-iskema jinkludu l-protezzjoni tal-impjiegi tan-nies, l-appoġġ finanzjarju temporanju, l-implimentazzjoni rapida, il-komplementarjetà mal-isforzi nazzjonali u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

Appoġġ għall-impjiegi u protezzjoni tal-għajxien

F’April 2020, il-Kummissjoni ħolqot Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE), jiġifieri skema ta’ appoġġ għall-impjiegi għal żmien qasir biex tgħin ħalli jiġu protetti l-impjiegi u l-ħaddiema li ġew affettwati mill-pandemija. Sa tmiem l-2020, kien ġie approvat total ta’ €90.3 biljun f’appoġġ finanzjarju biex jgħin lil 18-il Stat Membru fil-qafas ta’ SURE, u €39.5 biljun kienu ġew żborżati lil 15 minnhom: il-Belġju, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja. L-Istati Membri għadhom jistgħu jippreżentaw talbiet biex jirċievu appoġġ fil-qafas ta’ SURE, li għandu qawwa finanzjarja kumplessiva sa €100 biljun.

L-assistenza finanzjarja fil-qafas ta’ SURE tiġi pprovduta fil-forma ta’ selfiet li l-UE tissellef fis-swieq f’isem l-Istati Membri tagħha. Għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, is-self meħud ikollu termini iktar favorevoli minn dawk li jistgħu jiksbu fis-swieq waħedhom. Dawn is-selfiet qed jassistu lill-Istati Membri biex jindirizzaw iż-żidiet f’daqqa fin-nefqa pubblika sabiex jiġu ppreservati l-impjiegi. B’mod speċifiku, jgħinu lill-Istati Membri jkopru l-kostijiet relatati direttament mal-ħolqien jew mal-estensjoni ta’ skemi nazzjonali tax-xogħol għal żmien qasir, u miżuri simili oħra li jkunu stabbilew għall-persuni li jaħdmu għal rashom bħala rispons għall-pandemija.

Grafika li turi d-distribuzzjoni tal-fondi Sure fl-Istati Membri tal-UE.

Sa tmiem l-2020, fond ta’ 90.3 biljun ewro mill-istrument Sure kien qassam 7.8 biljun ewro lill-Belġju, 511-il miljun ewro lill-Bulgarija, 2 biljun ewro liċ-Ċekja, 2.5 biljun ewro lill-Irlanda, 2.7 biljun ewro lill-Greċja, 21.3 biljun ewro lil Spanja, 1 biljun ewro lill-Kroazja, 27.4 biljun ewro lill-Italja, 479 miljun ewro lil Ċipru, 192 miljun ewro lil-Latvja, 602 miljun ewro lil-Litwanja, 504 miljun ewro lill-Ungerija, 244 miljun ewro lil Malta, 11.2-il biljun ewro lill-Polonja, 5.9 biljun ewro lill-Portugall, 4.1 biljun ewro lir-Rumanija, 1.1 biljun ewro lis-Slovenja u 631 miljun ewro lis-Slovakkja. L-ammonti ngħataw għad-dritt.

F’isem l-UE, il-Kummissjoni rrikorriet għas-swieq tliet darbiet fl-2020 biex temetti bonds fil-qafas ta’ SURE. Kull emissjoni kienet rikjesta 10 darbiet iktar mis-sottoskrizzjonijiet disponibbli, u dan juri l-fiduċja fl-UE bħala emittent u entità li tissellef, kif ukoll bħala attur globali importanti fis-swieq finanzjarji. Il-bonds emessi mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ SURE jibbenefikaw mit-tikketta ta’ bonds soċjali. Din isserraħ ras l-investituri li jinvestu f’dawn il-bonds li l-fondi mmobilizzati se jservu biex jintlaħaq objettiv tabilħaqq soċjali.

L-Istrateġija tal-UE dwar il-Vaċċini

Fis-17 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni ppreżentat Strateġija tal-UE dwar il-Vaċċini biex taċċellera l-iżvilupp, il-manifattura u l-użu tal-vaċċini kontra l-COVID-19. L-istrateġija għandha l-għan li kmieni kemm jista’ jkun tiżgura aċċess ġust għal vaċċini sikuri u effettivi għal kulħadd fl-UE bi prezzijiet raġonevoli, filwaqt li tmexxi l-isforz globali ta’ solidarjetà biex jiġi żgurat li kulħadd ikollu aċċess għal vaċċin tajjeb għall-but ta’ kulħadd. L-istrateġija għandha l-għan ukoll li tiżgura li l-Istati Membri jkunu għamlu t-tħejjijiet biex jintroduċu l-vaċċini, jippjanaw għat-trasport u għall-użu, u jidentifikaw il-gruppi ta’ prijorità li għandhom jingħataw il-vaċċin l-ewwel.

L-iżvilupp ta’ vaċċini sikuri u effettivi kontra l-COVID-19 fi żmien tant qasir kien ifisser li l-provi kliniċi kellhom isiru fl-istess ħin li jsir investiment fil-kapaċità tal-produzzjoni meħtieġa biex jiġu prodotti miljuni, jew saħansitra biljuni, ta’ dożi ta’ vaċċin ta’ suċċess. Il-ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem jgħinu biex jitnaqqas ir-riskju marbut mal-investimenti magħmula mill-manifatturi fl-iżvilupp ta’ vaċċini potenzjali u b’hekk jimmassimizzaw il-possibbiltajiet li jiżviluppaw, jimmanifatturaw u jużaw vaċċini sikuri u effettivi malajr u jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom aċċess għalihom. Il-Kummissjoni nnegozjat ma’ kumpaniji tal-prodotti farmaċewtiċi f’isem l-Istati Membri tal-UE, u dan wassal għall-iffirmar inizjali ta’ sitt ftehimiet, b’iktar taħditiet esploratorji ma’ manifatturi addizzjonali tal-vaċċini li ġew konklużi fl-2020 jew li huma ppjanati għall-bidu tal-2021.

Grafika li tiġbor fil-qosor ix-xiri ta’ vaċċini kontra l-Covid-19 li wettqet il-Kummissjoni Ewropea.

S’issa, il-Kummissjoni żgurat kważi 2.3 biljun doża: sa 405 miljun doża mingħand Cure Vac, sa 400 miljun doża mingħand Astra Zeneca, sa 400 miljun doża (jekk il-vaċċin jingħata f’doża waħda) mingħand Johnson & Johnson, sa 160 miljun doża mingħand Moderna, sa 600 miljun doża mingħand Bio N Tech-Pfizer u sa 300 miljun doża mingħand Sanofi-GSK.

Dawn iċ-ċifri huma meħuda mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Jannar 2021: Front magħqud biex jingħeleb il-COVID-19.

Sabiex tassisti lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-istrateġiji ta’ vaċċinazzjoni tagħhom, fil-15 ta’ Ottubru u fit-2 ta’ Diċembru l-Kummissjoni ppubblikat l-elementi ewlenin li jridu jitqiesu, f’konformità mal-kompetenzi stabbiliti fit-Trattati tal-UE. Dawn kienu jinkludu li jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed servizzi tal-vaċċinazzjoni li jagħtu l-vaċċini kontra l-COVID-19; l-aċċess faċli għall-vaċċini għall-popolazzjonijiet fil-mira; l-għoti ta’ vaċċini b’karatteristiċi differenti u bi ħtiġijiet differenti tal-ħżin u tat-trasport; u komunikazzjoni ċara biex tinbena l-fiduċja tal-pubbliku.

L-ewwel vaċċin li ngħata awtorizzazzjoni kondizzjonali għat-tqegħid fis-suq, fil-21 ta’ Diċembru, ġie prodott minn BioNTech/Pfizer. Id-distribuzzjoni tiegħu bdiet ftit jiem wara, mat-tnedija tal-Jiem tal-Vaċċinazzjoni tal-UE fis-27, fit-28 u fid-29 ta’ Diċembru. Din l-awtorizzazzjoni ngħatat wara rakkomandazzjoni xjentifika pożittiva bbażata fuq valutazzjoni bir-reqqa tas-sikurezza, tal-effettività u tal-kwalità tal-vaċċin imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, u hija approvata mill-Istati Membri.

Fl-istess waqt, il-Kummissjoni wriet is-solidarjetà tagħha mas-sħab globali billi kkontribwiet għall-Faċilità għall-Aċċess Globali għall-Vaċċini Kontra l-COVID-19 (COVAX), l-inizjattiva globali biex jiġi żgurat aċċess ekwu għal vaċċini kontra l-COVID-19 tajbin għall-but ta’ kulħadd, b’€500 miljun mill-fondi mill-UE (€100 miljun f’għotjiet u self ta’ €400 miljun iggarantit permezz tal-garanzija tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli). Sa Diċembru, it-Tim Ewropa — il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE — kien alloka iktar minn €850 miljun għall-COVAX, tant li fil-bidu l-Unjoni Ewropea kienet l-ikbar donatur tal-COVAX. Din se tkun kontribuzzjoni vitali li tappoġġa l-objettiv tal-COVAX li jitwasslu 1.3 biljun doża ta’ vaċċini lill-pajjiżi b’introjtu baxx u medju sa tmiem l-2021.

Ritratt mill-qrib ta’ raġel b’ilbies protettiv jiftaħ l-għatu ta’ munzell kaxxi li fihom kunjetti mediċi, filwaqt li qed jiġi ssorveljat minn kollega tiegħu b’ilbies protettiv. © Lusa 2020
Persuni tekniċi jiftħu kaxxa li fiha kunjetti tal-vaċċin kontra l-COVID-19, Montemor-o-Velho, il-Portugall, is-26 ta’ Diċembru 2020.
Ħaddiema medika liebsa lbies mediku u maskra tingħata l-vaċċin minn kollega tagħha, b’ħaddiema mediċi oħra jidhru jitlaqqmu fl-isfond. © L-Isptar Universitarju f’Helsinki, 2020
Persunal tal-Isptar tad-Distrett ta’ Helsinki u ta’ Uusima, il-Finlandja, jitlaqqmu kontra l-COVID-19, is-27 ta’ Diċembru 2020.
© L-Isptar Universitarju f’Helsinki, 2020
Mara anzjana liebsa l-maskra tingħata l-vaċċin minn ħaddiem tal-kura tas-saħħa b’ilbies protettiv sħiħ. © fotobpb, 2020
Residenta fid-dar tal-kura għall-anzjani Los Olmos tiġi mlaqqma kontra l-COVID-19, Guadalajara, Spanja, is-27 ta’ Diċembru 2020.
© fotobpb, 2020

COVAX hija l-pilastru tal-Aċċelleratur tal-Aċċess għall-Għodod kontra l-COVID-19 fir-rigward tal-vaċċini. L-Aċċelleratur huwa kollaborazzjoni globali biex jiġu aċċellerati l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-aċċess ekwu għat-testijiet, għat-trattamenti u għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Din il-kollaborazzjoni tlaqqa’ flimkien gvernijiet, xjentisti, negozji, is-soċjetà ċivili, filantropi u organizzazzjonijiet globali tas-saħħa bħall-Fondazzjoni Bill & Melinda Gates, il-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet fit-Tħejjija għall-Epidemiji, il-Fondazzjoni għal Dijanjostika Ġdida Innovattiva, Gavi, il-Fond Globali, Unitaid, Wellcome, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-Bank Dinji u l-Faċilità ta’ Finanzjament Globali.

Immaġnijiet mill-filmat tal-ewwel vaċċini li ngħataw madwar l-Unjoni Ewropea f’diversi Stati Membri.
FILMAT: L-ewwel vaċċinazzjonijiet kontra l-COVID-19 fl-Istati Membri tal-UE.

Tlaqqigħ tal-komunità globali flimkien

Fl-4 ta’ Mejju 2020, il-President von der Leyen nediet ir-Rispons Globali għall-Coronavirus, l-azzjoni globali għal aċċess universali għall-vaċċinazzjoni, għat-trattament u għall-ittestjar għall-coronavirus li wieħed ikun jiflaħ iħallas għalihom. Dan huwa r-rispons tal-Kummissjoni għas-sejħa globali għal azzjoni li nediet l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-24 ta’ April, fir-rigward tal-pandemija. Ir-Rispons Globali għall-Coronavirus kellu wkoll l-għan li jsaħħaħ is-sistemi tas-saħħa kullimkien u li jappoġġa l-irkupru ekonomiku fl-iktar reġjuni u komunitajiet fraġli tad-dinja.

Immaġni mill-vidjokonferenza “Għan Globali” b’logo u diversi kelliema, inkluża l-President Ursula von der Leyen.
‘‘Għan Globali: Ningħaqdu għall-Ġejjieni tagħna’’ organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u Global Citizen seħħ fis-27 ta’ Ġunju 2020.

Is-summit b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet u l-kunċert “Għan Globali: Ningħaqdu għall-Ġejjieni Tagħna”, ospitat mill-Kummissjoni u mill-Global Citizen fis-27 ta’ Ġunju, kien stadju importanti fl-isforz globali kontra l-coronavirus u eżempju eċċellenti fejn l-istituzzjonijiet tal-UE, f’dan il-każ il-Kunsill u l-Kummissjoni, ħadu azzjoni dinjija mas-sħab u maċ-ċittadini involuti.

Bis-saħħa taż-żewġ inizjattivi ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet, sa tmiem Ġunju 2020 kienu ġew imwiegħda €15.9-il biljun għar-Rispons Globali għall-Coronavirus, li jinkludu €1.4 biljun mill-Kummissjoni Ewropea (€1 biljun f’għotjiet u €400 miljun f’garanziji fuq is-selfiet).

Il-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa

Fis-27 ta’ Mejju, il-Kummissjoni pproponiet l-ikbar pakkett li qatt ġie propost ta’ finanzjament mill-UE biex jiġi appoġġat l-irkupru tal-Ewropa mill-pandemija, flimkien mal-€4.2 triljun li kienu ġew mobilizzati mill-UE u mill-Istati Membri. Fil-laqgħa tiegħu ta’ Lulju, il-Kunsill Ewropew qabel b’mod unanimu fuq finanzjament totali ta’ €1.8 triljun, li jikkombina l-istrument il-ġdid ta’ €750 biljun tan-NextGenerationEU u baġit modifikat tal-UE għall-2021–2027 ta’ €1.074 triljun. Il-pakkett se jgħin lin-nies, lill-kumpaniji u lir-reġjuni li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi, filwaqt li se jgħin biex jinbena kontinent iktar ekoloġiku, iktar diġitali u iktar reżiljenti.

Fl-10 ta’ Novembru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu qbil politiku fuq dan il-pakkett, li kien jinkludi €15-il biljun biex jissaħħu għadd ta’ programmi ewlenin, bħal Orizzont Ewropa, Erasmus+ u l-programm l-UE għas-Saħħa.

Mix-xellug għal-lemin, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, u David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew, lebsin il-maskri fil-Parlament Ewropew u “jħabbtu l-minkeb” minflok jieħdu b’idejn xulxin.
Fit-23 ta’ Lulju 2020, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, indirizzat lill-Plenarja tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew (17–20 ta’ Lulju), li s-suġġett ewlieni tagħha kien il-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-2021–2027. Bis-saħħa tal-iżvilupp tal-għodda ta’ rkupru ekonomiku Next Generation EU, inġabru €750 biljun għall-ġlieda kontra l-kriżi ekonomika b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus (COVID-19). Mix-xellug għal-lemin: Ursula von der Leyen, Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, u David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew.

Sabiex tiffinanzja l-irkupru u l-finanzjament tan-NextGenerationEU, il-Kummissjoni se tissellef fis-swieq kapitali f’isem l-UE. B’dan il-mod, in-NextGenerationEU mhux se jirrikjedi kontribuzzjonijiet nazzjonali addizzjonali immedjati mill-Istati Membri. Il-ħlas lura tal-fondi miġbura se jsir fuq perjodu twil, sal-2058. Sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas lura tal-finanzjament miġbur mis-suq, il-Kummissjoni se tipproponi sorsi ġodda ta’ dħul għall-baġit tal-UE. L-ewwel riżorsa proprja ġdida, li se tiġi introdotta fl-2021, se tkun ibbażata fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat u se tikkontribwixxi għall-objettivi ta’ politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (ara “Noħolqu Ewropa lesta għall-era diġitali li tkun newtrali għall-klima”). F’nofs l-2021 il-Kummissjoni se tippreżenta iktar proposti għal riżorsi proprji ġodda abbażi ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera, abbażi ta’ imposta diġitali u abbażi ta’ skema reveduta tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.

Sabiex jikkontribwixxi għal irkupru ekoloġiku u diġitali, il-finanzjament mill-baġit fit-tul u min-NextGenerationEU se jiġi allokat f’konformità ma’ dawn iż-żewġ objettivi ta’ politika. Mill-inqas 30 % tal-fondi se jintefqu fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li jwasslu biex il-baġit għall-2021–2027 u n-NextGenerationEU jkunu l-ikbar pakkett ta’ investiment ekoloġiku li qatt kien hawn fid-dinja.

Iktar minn 50 % tal-fondi se jiġu allokati għal prijoritajiet ġodda. Dawn il-programmi jinkludu r-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont Ewropa), il-klima ġusta u t-tranżizzjonijiet diġitali (il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Ewropa Diġitali), it-tħejjija, l-irkupru u r-reżiljenza (permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), ir-RescEU u l-programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa. Dawn se jiżdiedu mal-politiki ta’ koeżjoni u tal-agrikoltura, li ġew immodernizzati.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija fil-qalba tan-NextGenerationEU. Se tgħin lill-UE toħroġ iktar b’saħħitha mill-kriżi attwali billi toffri €672.5 biljun lill-Istati Membri f’selfiet u f’għotjiet fl-ewwel snin kruċjali tal-irkupru.

Grafika li turi kif jinqasam l-appoġġ finanzjarju għall-investimenti u għar-riformi pubbliċi.

Il-finanzjament tan-Next Generation EU li jammonta għal 750 biljun ewro jinqasam fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (672.5 biljun ewro, inkluż 360 biljun ewro f’selfiet u €312.5-il biljun f’għotjiet), React-EU (€47.5 biljun), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (10 biljun ewro), l-Iżvilupp rurali (7.5 biljun ewro), Orizzont Ewropa (5 biljun ewro), resc-EU (1.9 biljun ewro) u InvestEU (5.6 biljun ewro).

Kull Stat Membru ġie mistieden jippreżenta pjan għall-irkupru u r-reżiljenza li jiddeskrivi fil-qosor l-aġenda nazzjonali ta’ investiment u ta’ riformi, filwaqt li tqiesu l-isfidi tal-politika ekonomika stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għall-pajjiżi, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet mogħtija fl-2019 u fl-2020. Il-pjanijiet għandhom jippermettu lill-Istati Membri jsaħħu l-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u r-reżiljenza ekonomika u soċjali tagħhom, u jilħqu l-objettivi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

F’Diċembru, in-negozjaturi laħqu ftehim proviżorju li permezz tiegħu l-faċilità tista’ tidħol fis-seħħ fil-bidu tal-2021. Il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom, u ħeġġithom bil-qawwa biex jinkludu fil-pjanijiet tagħhom l-investiment u r-riformi f’seba’ oqsma ewlenin, biex imexxu l-irkupru ekoloġiku u diġitali ’l quddiem u biex jinvestu fil-kapital uman.

REACT-EU (Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa) huwa strument ieħor fil-qafas tan-NextGenerationEU. Din tkompli bir-regoli dwar il-flessibbiltà eċċezzjonali skont l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus u tipprovdi €47.5 biljun addizzjonali f’finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni sal-2023 f’oqsma bħall-kura tas-saħħa u l-impjiegi. Se tħejji wkoll it-tranżizzjoni lejn Ewropa ekoloġika u diġitali, u se taġixxi bħala pont bejn is-soluzzjonijiet ta’ emerġenza u s-soluzzjonijiet f’terminu medju. Barra minn hekk, in-NextGenerationEU se jipprovdi finanzjamenti supplimentari għal diversi inizjattivi tal-UE, inkluż il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, InvestEU, il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili rescEU u Orizzont Ewropa.

Restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iżgurar tal-moviment liberu fl-Ewropa

Sabiex jitnaqqas ir-ritmu tal-imxija tal-COVID-19 u sabiex jiġu protetti s-saħħa u l-benesseri tan-nies, l-Istati Membri adottaw diversi miżuri, u wħud minnhom kellhom impatt fuq id-dritt taċ-ċittadini li jiċċaqalqu liberament minn post għall-ieħor fl-UE. Dawn il-miżuri spiss kienu jinkludu restrizzjonijiet fuq min jiġi biex jidħol fi Stat Membru ieħor jew rekwiżiti speċifiċi oħra (bħal perjodu ta’ kwarantina) li kienu applikabbli għall-vjaġġaturi transfruntiera, inkluż dawk li jivvjaġġaw għal raġunijiet ta’ xogħol. Il-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni biex tiżgura l-moviment liberu taċ-ċittadini, tal-merkanzija u tas-servizzi, filwaqt li jiġu rrispettati għalkollox il-miżuri tas-saħħa u tas-sikurezza.

Il-Kummissjoni, b’rispons għas-sejħa tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Marzu, b’kooperazzjoni mal-President tal-Kunsill Ewropew, ressqet pjan direzzjonali Ewropew għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-coronavirus.

Fit-13 ta’ Ottubru, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni biex jikkoordina l-approċċ għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’rispons għall-pandemija, abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Settembru. L-Istati Membri qablu li jikkoordinaw l-isforzi tagħhom f’erba’ oqsma ewlenin:

  • kriterji komuni għall-Istati Membri meta jikkunsidraw jekk jintroduċux restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;
  • mappa komuni li turi l-livelli ta’ riskju fir-reġjuni madwar l-UE u ż-Żona Ekonomika Ewropea billi tuża sistema tad-dwal tat-traffiku;
  • approċċ komuni għall-vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn żoni ta’ riskju (ittestjar u awtoiżolament);
  • l-għoti ta’ informazzjoni ċara u f’waqtha lill-pubbliku.

Fis-17 ta’ Marzu, l-Istati Membri tal-UE ddeċidew li jirrestrinġu l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jipproteġu s-saħħa tan-nies fl-UE u biex jipprevjenu l-imxija ulterjuri tal-virus mill-UE lejn pajjiżi oħra u bil-maqlub. Ir-regoli ġew estiżi diversi drabi, skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika. Il-lista ta’ pajjiżi mhux tal-UE kienet ibbażata fuq sett trasparenti ta’ kriterji u ġiet rieżaminata regolarment, bl-aħħar emenda fis-17 ta’ Diċembru.

Abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni, fit-30 ta’ Ġunju l-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet temporanji. Din kienet tinkludi lista ta’ pajjiżi mhux tal-UE li r-residenti tagħhom kienu eżentati minn dawn ir-restrizzjonijiet, u lista ta’ kategoriji ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew bi ħtieġa essenzjali li setgħu jidħlu fl-UE irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Fit-28 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni ppubblikat gwida biex tgħin lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni konsistenti tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll gwida għall-Istati Membri biex tiżgura li l-operazzjonijiet tal-viżi barra mill-pajjiż jerġgħu jibdew b’mod ikkoordinat sew meta jibdew jitneħħew gradwalment ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

Dawn l-azzjonijiet jgħinu biex jillimitaw l-imxija tal-coronavirus, jittraċċaw iktar faċilment l-imxija tiegħu u jwasslu biex ir-rispons komuni tal-UE jkun iktar effettiv. Din il-kriżi tas-saħħa enfasizzat il-ħtieġa għal iktar koordinazzjoni fil-kwistjonijiet tas-saħħa aħna u mexjin lejn Unjoni Ewropea tas-Saħħa (iktar informazzjoni tista’ tinstab f'”Nipproteġu n-nies u l-libertajiet”).

Wara ż-żieda rapida ta’ każijiet tal-COVID-19 f’partijiet tar-Renju Unit fi tmiem l-2020, li proporzjon kbir minnhom kien jappartjeni għal varjant ġdid tal-virus, fit-22 ta’ Diċembru l-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni dwar approċċ ikkoordinat għall-miżuri tal-ivvjaġġar u tat-trasport biex tillimita l-imxija ulterjuri tal-varjant il-ġdid.

Għajnuna liċ-ċittadini tal-UE maqbudin barra pajjiżhom biex jerġgħu lura d-dar

Ħafna ċittadini tal-UE sabu ruħhom maqbudin barra minn pajjiżhom meta t-titjiriet ġew sospiżi u l-fruntieri bdew jingħalqu. L-UE u l-Istati Membri ġabu lil iktar minn 600 000 persuna lura d-dar. Il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE ffaċilita u kkofinanzja 408 titjira ta’ ripatrijazzjoni biex iġib iktar minn 100 300 persuna lura lejn darhom, inkluż 90 000 ċittadin tal-UE maqbudin barra minn pajjiżhom.

L-Istati Membri wrew solidarjetà billi organizzaw it-trasport li wassal liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra kif ukoll liċ-ċittadini tagħhom stess lura lejn darhom. Wieħed minn kull tliet passiġġieri ripatrijati kienu ċittadini tal-UE ta’ nazzjonalità differenti mill-pajjiż li kien qed jorganizza t-titjira. Pereżempju, Franza ripatrijat ċittadini ta’ 26 Stat Membru tal-UE. Titjira minn Wuhan, iċ-Ċina, fil-bidu ta’ Frar kellha 64 ċittadin Franċiż u 135 ċittadin ta’ Stati Membri oħra.

L-iżgurar tal-fluss liberu tal-merkanzija u l-għajnuna għall-ħaddiema biex jaqsmu l-fruntieri

Il-pandemija kkawżat tfixkil kbir fl-ivvjaġġar u fit-trasport fl-Ewropa. Miżuri tas-saħħa restrittivi differenti li ġew introdotti mill-Istati Membri f’Marzu u f’April wasslu għall-għeluq tal-fruntieri jew għal kontrolli stretti, u eluf ta’ trakkijiet sfaw imwaħħlin fi kjuwijiet twal. Sabiex jinżamm il-fluss tal-merkanzija bejn il-fruntieri interni tal-UE, jiġu ssalvagwardjati l-ktajjen tal-provvista essenzjali u jiġu protetti l-ħaddiema tat-trasport, il-Kummissjoni ħadmet malajr mal-Istati Membri biex jiġu ddeżinjati punti ta’ qsim tal-fruntieri b’“korsiji ħodor” tul in-network trans-Ewropew tat-trasport biex it-trakkijiet ikunu jistgħu jaqsmu l-fruntiera f’mhux iktar minn 15-il minuta. Il-programmi tal-osservazzjoni tad-Dinja u tan-navigazzjoni Copernicus u Galileo għenu biex jiġu identifikati l-punti ta’ konġestjoni u biex it-trasport jibqa’ għaddej. F’Ottubru, il-Kummissjoni estendiet l-approċċ tal-“korsiji ħodor” għat-trasport multimodali, inkluż it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru, u saħqet fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konnettività essenzjali għall-passiġġieri.

Mill-bidu tal-pandemija, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura approċċ ikkoordinat għal kwistjonijiet relatati mal-fruntieri u ritorn gradwali għall-moviment liberu. L-UE adottat linji gwida biex tgħin lil min iħaddem u lill-ħaddiema jirritornaw għax-xogħol f’ambjent sikur u san, u linji gwida biex ittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema staġonali. Aġġornat ukoll il-liġi tal-UE biex jitqiesu riskji ġodda fuq il-post tax-xogħol u biex toffri protezzjoni addizzjonali lill-ħaddiema kollha, b’mod partikolari dawk li jaħdmu f’kuntatt dirett mal-coronavirus. Inħarġet konsulenza prattika addizzjonali biex jiġi żgurat li l-ħaddiema kritiċi jkunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri tal-UE biex jaslu fil-post tax-xogħol tagħhom u biex in-nies fl-UE jinżammu sikuri, f’saħħithom u jkollhom x’jieklu.

F’Marzu, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tipproteġi s-saħħa u tiżgura l-provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi essenzjali, inkluż il-mediċini u t-tagħmir mediku għall-persunal mediku li huwa espost l-iktar. F’Mejju dawn ġew segwiti minn linji gwida u rakkomandazzjonijiet biex jgħinu lill-Istati Membri jneħħu gradwalment il-kontrolli temporanji fil-fruntieri u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, bil-miżuri tas-sikurezza meħtieġa kollha fis-seħħ.

Naraw li t-turiżmu jibqa’ għaddej fl-Ewropa

It-turiżmu, li jikkontribwixxi kważi 10 % tal-prodott domestiku gross tal-Ewropa u li huwa sors ewlieni ta’ impjiegi u ta’ introjtu f’ħafna reġjuni, kien wieħed mis-setturi li ntlaqat l-agħar mill-pandemija.

Sabiex tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw il-ħidma biex jistabbilixxu mill-ġdid it-turiżmu b’mod sikur wara l-lockdowns nazzjonali fir-rebbiegħa, f’Mejju l-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ miżuri dwar l-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-2020 u lil hinn. Il-pakkett kien jinkludi rakkomandazzjonijiet biex gradwalment jitneħħew ir-restrizzjonijiet biex jgħinu lin-negozju, lix-xogħol u lill-ħajja soċjali jerġgħu jiġu għal li kienu, inkluż il-moviment liberu u t-trasport, filwaqt li offra gwida relatata mas-saħħa lill-istabbilimenti tat-turiżmu.

Grafika dwar l-importanza tat-turiżmu fl-UE.

L-importanza tat-turiżmu fl-UE. 0.56 ewro f’valur miżjud għal kull ewro ġġenerat mit-turiżmu. It-turiżmu jsostni lil 2.4 miljun negozju, li iktar minn 90% minnhom huma intrapriżi żgħar u medji. L-UE hija mexxejja globali fit-turiżmu – 40% tal-wasliet fiha jkunu internazzjonali. 85% tal-Ewropej iqattgħu l-vaganzi tas-sajf fl-UE.

Sabiex in-nies jinżammu infurmati għalkollox dwar is-sitwazzjoni li kienet qed tinbidel malajr, f’Ġunju l-Kummissjoni nediet is-sit web tar-Re-open EU, b’informazzjoni ċara, affidabbli u f’ħin reali dwar il-possibbiltajiet tal-ivvjaġġar u r-restrizzjonijiet tas-saħħa u tas-sikurezza relatati fl-Istati Membri kollha tal-UE. Matul is-sajf biss, kważi tmien miljun persuna użaw dan is-sit web. Minħabba s-suċċess tiegħu, f’Ottubru r-Re-open EU sar punt uniku ta’ servizz għall-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni pandemika, il-miżuri tas-saħħa pubblika, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u s-servizzi tat-turiżmu. Fl-14 ta’ Diċembru, ir-Re-open EU sar disponibbli bħala app tal-mowbajl b’xejn fuq l-Android u l-iOS.

Soluzzjonijiet diġitali li jgħinu biex tiġi indirizzata l-pandemija

Is-soluzzjonijiet diġitali kellhom rwol ewlieni fl-indirizzar ta’ ħafna sfidi li rriżultaw mill-imxija rapida tal-pandemija tal-coronavirus. L-apps tat-traċċar tal-kuntatti u ta’ twissija, li jikkomplementaw it-traċċar manwali eżistenti tal-kuntatti, jistgħu jaqdu rwol kruċjali biex jgħinu sabiex tiġi interrotta l-katina tat-trażmissjoni tal-virus u jistgħu jikkontribwixxu biex jiġu salvati l-ħajjiet.

L-UE għenet biex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat bejn l-Istati Membri li nedew apps tat-traċċar tal-kuntatti u ta’ twissija, f’konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza. Il-baġit tal-UE ffinanzja l-iżvilupp u l-użu ta’ soluzzjoni Ewropea għall-interoperabbiltà tal-apps tat-traċċar li huma bbażati fuq arkitettura deċentralizzata, li tikkonċerna kważi l-apps nazzjonali kollha li ġew żviluppati fl-UE. Dan għen biex l-apps tal-mowbajl tat-traċċar tal-kuntatti u ta’ twissija jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom, anke meta n-nies jaqsmu l-fruntieri.

Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, l-Istati Membri ħadu l-passi meħtieġa biex l-apps nazzjonali tagħhom ikunu interoperabbli, filwaqt li f’Ottubru, il-Kummissjoni nediet is-Servizz ta’ Gateway Ewropew biex l-apps jiġu interkonnessi. Iktar u iktar apps nazzjonali qed jiġu konnessi malli jitlestew.

Il-Portal Ewropew tad-Data dwar il-COVID-19 tnieda f’April biex jiġbor u jaqsam id-data tar-riċerka, u malajr ġabar ammont impressjonanti ta’ data, inkluż iktar minn 25 000 sekwenza virali u iktar minn 100 000 pubblikazzjoni xjentifika. Il-portal irċieva iktar minn 2.9 miljun talba għal data minn iktar minn 92 000 utent uniku f’iktar minn 170 pajjiż.

L-intelliġenza artifiċjali u r-robots għenu fl-isptarijiet. Għodda tal-intelliġenza artifiċjali ffinanzjata mill-Kummissjoni tgħin lit-tobba jiddijanjostikaw il-marda tal-COVID-19 mis-CT scans, u diġà bdiet tintuża madwar l-UE, filwaqt li r-robots tad-diżinfettar ultravjola ntużaw fl-isptarijiet biex inaddfu l-kmamar malajr, inaqqsu l-imxija tal-coronavirus u jitneħħa l-piż u r-riskju ta’ infezzjoni mill-persunal.

Il-Programm Spazjali tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-komponent tiegħu tal-osservazzjoni tad-Dinja, Copernicus, u s-sistema tiegħu tan-navigazzjoni bis-satellita, ta kontribut importanti. Mill-bidu tal-kriżi, is-satelliti tal-UE mmonitorjaw il-konġestjoni tat-traffiku fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri bejn l-Istati Membri u mmappjaw il-faċilitajiet mediċi, l-isptarijiet u infrastruttura kritika oħra. Permezz tad-data li nġabret mis-satelliti, flimkien mal-intelliġenza artifiċjali, l-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali seta’ jkollhom mudelli biex jifhmu u jindirizzaw aħjar l-emerġenza b’mod iktar effiċjenti.

Fil-5 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni nediet l-għodda ta’ osservazzjoni tad-Dinja għall-Azzjoni Rapida għall-Coronavirus b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea. Din tuża d-data satellitari biex tkejjel l-impatt tal-lockdowns u timmonitorja l-irkupru wara l-lockdowns bl-użu ta’ data ekonomika u ambjentali.

Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19

Mara fuq quddiem f’kampanja ta’ informazzjoni fil-beraħ dwar il-Covid-19 liebsa maskra waqt li qed taqra mill-mobile tagħha.
It-teknoloġiji diġitali huma aktar kruċjali minn qatt qabel biex iżommuna infurmati u konnessi matul il-pandemija. L-UE qed taħdem biex tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jafdaw l-informazzjoni dwar il-COVID-19.

Il-klima attwali wriet li hija art fertili għal teoriji ta’ komplott li jxekklu x-xjenza u l-fatti dwar l-oriġini, l-imxija u t-trattament tal-pandemija tal-COVID-19. Il-pandemija wasslet ukoll għal iktar diskors ta’ mibegħda online, attakki razzisti u kontra l-Lhud, u għal żieda f’kummerċjanti diżonesti li jbigħu prodotti foloz online li jiddikjaraw li jipprevjenu l-virus jew ifejqu lil min ikollu l-virus.

Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ħadmu fuq il-kwistjoni mill-qrib ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE u mal-Istati Membri, kif ukoll ma’ sħab internazzjonali mill-G7 u min-NATO. Fl-10 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni u Josep Borrell Fontelles, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni, ippreżentaw sensiela ta’ azzjonijiet biex tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-komunikazzjoni u tad-diplomazija pubblika fil-viċinat immedjat tal-UE u madwar id-dinja, flimkien mal-appoġġ għall-media u għall-ġurnalisti indipendenti. Il-Kummissjoni ħeġġet lill-atturi kollha, inkluż is-swieq online u l-media soċjali, biex jgħinu fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni dwar il-coronavirus. Sa tmiem is-sena ġew ippubblikati erba’ settijiet ta’ rapporti dwar l-azzjonijiet meħuda.

B’rispons għal dan, il-pjattaformi neħħew jew imblukkaw miljuni ta’ reklami qarrieqa u offerti ta’ prodotti. Fuq is-sit web EUvsDisinfo ġew żvelati, ippubblikati u aġġornati iktar minn 700 narrattiva ta’ diżinformazzjoni dwar il-coronavirus fl-2020.

Dawn l-azzjonijiet huma ħaġa waħda mal-ħidma ulterjuri tal-UE dwar id-diżinformazzjoni, b’mod partikolari l-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Il-Kummissjoni qed tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha u qed tiffinanzja r-riċerka biex tgħin fil-ġlieda kontra l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19.

Appoġġ għar-riċerka dwar id-dijanjostika, it-trattament u l-vaċċini

Grafika li turi kif jinqasam il-finanzjament tal-UE għall-proġetti tal-Orizzont 2020 rigward il-Covid-19.

Fl-2020 ġie distribwit finanzjament mill-Kummissjoni, li kien jammonta għal 1 biljun ewro, għal diversi proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fil-ġlieda kontra l-Covid-19, inkluż 400.1 miljun ewro għal faċilitajiet finanzjarji, 235.8 miljun ewro għal sejħiet għall-proposti tal-Orizzont 2020, 165.6 miljun ewro għall-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, 100 miljun ewro għall-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet fit-Tħejjija għall-Epidemiji, 72 miljun ewro għall-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi, 25.3 miljun ewro għas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw, 15-il miljun ewro għal Portal Ewropew ta’ Data dwar il-Covid-19, 6 miljun ewro għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u 3.5 miljun ewro għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fil-kura tas-saħħa. Il-valuri ngħataw għad-dritt.

Distribuzzjoni tal-€1 biljun investit mill-UE fir-riċerka u fl-innovazzjoni fl-2020 għall-ġlieda kontra l-COVID-19 (ammonti mobilizzati u mwiegħda).

Meta l-pandemija faqqgħet fl-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea wegħdet ftit iktar minn €1 biljun mill-Orizzont 2020, il-programmi tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-UE (2014–2020), biex tindirizza l-pandemija tal-COVID-19. Minbarra l-finanzjament meħtieġ b’mod urġenti għar-riċerka u għall-innovazzjoni permezz ta’ Orizzont 2020, il-Kummissjoni għenet biex jiġu kkoordinati l-isforzi xjentifiċi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. Minn Jannar ’l hawn, ġew mobilizzati finanzjamenti li jammontaw għal €48 miljun biex jappoġġaw 18-il proġett ġdid tar-riċerka. F’Ġunju, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qablu dwar pjan ta’ azzjoni ta’ 10 azzjonijiet immedjati ta’ riċerka u innovazzjoni biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19.

Matul is-sena, €602.3 miljun ingħataw biex jiġu appoġġati l-proġetti tar-riċerka u tal-innovazzjoni sabiex jiġu indirizzati ħafna aspetti tal-pandemija. Dawn il-proġetti jindirizzaw l-iżvilupp tad-dijanjostika, tat-trattamenti, tal-vaċċini, tal-epidemjoloġija, tat-tħejjija u tar-rispons fit-tifqigħat, tas-soċjoekonomija, tas-saħħa mentali, tat-teknoloġiji diġitali u tal-produzzjoni, kif ukoll tar-riżorsi infrastrutturali u tad-data li jippermettu li ssir din ir-riċerka. Se jingħataw €21.4 miljun oħra f’għotjiet.

Il-Kummissjoni mmobilizzat ukoll €400 miljun mill-istrument finanzjaru InnovFin tal-Orizzont 2020. Minn dan l-ammont, €178.5 miljun ġew allokati biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp tal-vaċċini (inkluż dawk mingħand BioNTech u CureVac) u interventi, mediċini, apparati mediċi u dijanjostiċi oħra, jew infrastrutturi kritiċi ġodda tar-riċerka u tal-innovazzjoni, inkluż il-faċilitajiet tal-produzzjoni. Finanzjament ieħor ta’ €221.6 miljun se jingħata mill-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Mard Infettiv.

Ir-rispons tal-UE madwar id-dinja

L-UE mmobilizzat €38.5 biljun għall-ġlieda kontra il-COVID-19 fuq skala globali. Ir-rispons tal-UE segwa l-approċċ tat-Tim Ewropa, li jingħaqdu r-riżorsi mill-UE, mill-Istati Membri tagħha u mill-istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, biex kull pajjiż sieħeb jiġi appoġġat u jiżdied l-impatt fil-post. Il-fondi ntużaw għar-rispons ta’ emerġenza u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji urġenti; biex tissaħħaħ is-sistema tas-saħħa, tal-ilma/tas-sanitazzjoni u tan-nutrizzjoni; u biex jittaffew l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija tal-coronavirus madwar id-dinja. L-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien jibqgħu wieħed mill-ikbar kontributuri finanzjarji tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa bħala s-sieħeb ewlieni fil-ġlieda kontra l-pandemija u l-effetti tagħha.

Grafika li turi kif jinqasam il-finanzjament tal-UE għall-proġetti tal-Orizzont 2020 rigward il-Covid-19.

Fl-2020 ġie distribwit finanzjament mill-Kummissjoni, li kien jammonta għal 1 biljun ewro, għal diversi proġetti ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fil-ġlieda kontra l-Covid-19, inkluż 400.1 miljun ewro għal faċilitajiet finanzjarji, 235.8 miljun ewro għal sejħiet għall-proposti tal-Orizzont 2020, 165.6 miljun ewro għall-Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, 100 miljun ewro għall-Koalizzjoni għall-Innovazzjonijiet fit-Tħejjija għall-Epidemiji, 72 miljun ewro għall-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi, 25.3 miljun ewro għas-Sħubija għall-Provi Kliniċi bejn Pajjiżi Ewropej u Pajjiżi li qed Jiżviluppaw, 15-il miljun ewro għal Portal Ewropew ta’ Data dwar il-Covid-19, 6 miljun ewro għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u 3.5 miljun ewro għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fil-kura tas-saħħa. Il-valuri ngħataw għad-dritt.

Il-pandemija ħolqot sfidi loġistiċi kritiċi għall-komunità umanitarja. In-nuqqas ta’ titjiriet kummerċjali ħoloq ammont ta’ xogħol b’lura fejn jidħol it-twassil ta’ assistenza vitali, filwaqt li l-ħtiġijiet żdiedu b’mod esponenzjali f’ħafna żoni. B’rispons għal dan, f’Mejju l-UE stabbiliet il-Pont Umanitarju bl-Ajru tal-UE, inizjattiva temporanja biex tgħin fit-twassil tal-għajnuna umanitarja u tal-provvisti mediċi essenzjali. It-titjiriet tal-pont bl-ajru ttrasportaw it-tagħmir mediku essenzjali, il-merkanzija umanitarja u l-persunal umanitarju, u għenu fir-ripatrijazzjonijiet organizzati mill-Istati Membri tal-UE. It-titjiriet kollha ġew iffinanzjati mill-UE u ġew operati b’koordinazzjoni mal-Istati Membri, mal-organizzazzjonijiet umanitarji u mal-istati riċeventi. Sa tmiem is-sena, 67 titjira tal-pont bl-ajru kienu ttrasportaw 1 150 tunnellata ta’ tagħmir u ta’ provvisti mediċi, flimkien ma’ kważi 1 700 persuna tal-persunal mediku u umanitarju, lejn żoni kritiċi fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerka Latina.

Ħaddiem jittawwal waqt li l-provvisti ta’ maskri protettivi jitgħabbew fuq ajruplan.
Konsenja ta’ maskri protettivi titgħabba fuq titjira minn Lyon (Franza) għal Bangui (ir-Repubblika Ċentru-Afrikana) bħala parti mill-Pont Umanitarju bl-Ajru tal-UE, is-7 ta’ Mejju 2020.

Sabiex jiġi żgurat li l-iktar persuni vulnerabbli ma jkunux l-iktar li jbatu, f’Mejju l-Kummissjoni ħarġet l-ewwel gwida dwar kif l-għajnuna umanitarja relatata mal-coronavirus tista’ tintbagħat lill-pajjiżi u liż-żoni li huma soġġetti għal sanzjonijiet tal-UE sabiex tgħin lill-persuni fil-bżonn, irrispettivament minn fejn jinsabu. Il-Kummissjoni għenet ukoll biex il-kummerċ tal-mediċini u tat-tagħmir protettiv personali ma’ pajjiżi mhux tal-UE jibqa’ għaddej matul il-kriżi, u fil-livell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ipproponiet ftehim kummerċjali multilaterali għall-prodotti tas-saħħa.

Il-pandemija kellha konsegwenzi immedjati fuq il-mod kif ir-regoli tal-UE dwar l-ażil u r-ritorn ġew implimentati mill-Istati Membri, u kellha effett ta’ tfixkil fuq ir-risistemazzjoni ta’ persuni li kellhom bżonn protezzjoni internazzjonali. Il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar il-kontinwità ta’ proċeduri bħal dawn filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tan-nies u tad-drittijiet fundamentali.

Il-miżuri ta’ appoġġ tal-UE għenu speċifikament ukoll lid-79.5 miljun persuna spostati b’mod furzat madwar id-dinja, li ħafna minnhom sabu ruħhom maqbuda bejn il-gwerra u l-pandemija.

Żgħażagħ jipprotestaw favur il-klima, f’Varsavja, il-Polonja. © Piotr Lapinski / NurPhoto / NurPhoto permezz ta’ AFP

Noħolqu Ewropa lesta għall-era diġitali li tkun newtrali għall-klima

Il-kriżi klimatika tibqa’ l-isfida ewlenija ta’ żminijietna. Jekk ma nindirizzawhiex, se tkun ta’ theddida għall-ambjent, għal saħħitna u għall-għajxien tagħna b’konsegwenzi saħansitra akbar minn dawk tal-pandemija tal-coronavirus. Id-deċennju 2010–2019 kien l-aktar wieħed sħun li qatt ġie rreġistrat. L-effetti devastanti tat-tibdil fil-klima madwar l-Ewropa u madwar id-dinja jenfasizzaw il-ħtieġa urġenti li naċċelleraw it-tranżizzjoni ekoloġika. It-teknoloġija diġitali, li tant kienet indispensabbli matul il-pandemija, se jkollha rwol ċentrali biex nagħmlu dan. Flimkien, il-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diġitalizzazzjoni se jagħtu spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir fl-Ewropa, se jtejbu l-ambjent tagħna u se jżidu r-reżiljenza tas-soċjetajiet tagħna.

“Iż-żmien se jasal żgur li x-xjenzati u r-riċerkaturi tagħna jsibu vaċċin kontra l-coronavirus. Iżda kontra t-tibdil fil-klima ma hemm l-ebda vaċċin. Hu għalhekk li l-Ewropa issa trid tinvesti f’futur bla tniġġis.”

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

L-UE diġà bdiet taħdem biex tiżgura li l-Ewropa tkun l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Dan il-għan, li jinsab fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, se jinkiseb prinċipalment billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, isir investiment f’teknoloġiji ekoloġiċi u tittejjeb il-protezzjoni tal-ambjent naturali.

Infografika fl-għamla ta’ ċirku li turi l-oqsma ta’ politika u l-azzjonijiet differenti fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-politiki u l-azzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew: Il-Patt dwar il-Klima u l-Liġi dwar il-Klima; Ninvestu fi trasport iktar intelliġenti u iktar sostenibbli; Naħdmu favur industrija iktar ekoloġika; Neliminaw it-tniġġis; Niżguraw tranżizzjoni ġusta għal kulħadd; Niffinanzjaw proġetti ekoloġiċi; Nagħmlu d-djar effiċjenti fl-użu tal-enerġija; Inkunu minn ta’ quddiem fil-bidla ekoloġika fid-dinja; Mill-għalqa sal-platt; Nipproteġu n-natura; Nippromwovu l-enerġija nadifa.

Biex tintlaħaq din il-mira jeħtieġ li tinħoloq ekonomija ċirkolari nadifa, tiġi restawrata l-bijodiversità u jitnaqqas drastikament it-tniġġis. Tesiġi azzjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija, fosthom l-industrija, l-enerġija, it-trasport, il-produzzjoni tal-ikel, l-agrikoltura u l-kostruzzjoni. L-UE qed taħdem ukoll ma’ sħabha madwar id-dinja biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u jittejbu l-istandards ambjentali globali.

Biex l-objettiv tal-UE jiġi stabbilit b’mod definittiv u naqbdu triq li m’hemmx mod kif niġu lura minnha lejn ġejjieni aktar sostenibbli, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni pproponiet il-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Il-proposta għandha l-għan li ddaħħal fil-liġi l-mira stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew: li l-ekonomija tal-UE u s-soċjetà tal-UE jsiru newtrali għall-klima sal-2050. Il-liġi għandha l-għan li tiżgura li l-politiki kollha tal-UE jikkontribwixxu għal dan il-għan u li s-setturi kollha tal-ekonomija u s-soċjetà jagħtu sehemhom. Se tipprovdi l-prevedibbiltà li l-investituri u n-negozji jeħtieġu biex jinvestu fl-ekoloġizzazzjoni tal-attivitajiet tagħhom u jnaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom.

Ambizzjoni klimatika akbar għall-Ewropa u għad-dinja

F’Diċembru, il-mexxejja tal-UE approvaw mira aktar ambizzjuża biex l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 55 % sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-Kummissjoni kienet ipproponiet din il-mira f’Settembru, bħala pass neċessarju biex l-UE titqiegħed fit-triq bilanċjata lejn in-newtralità klimatika sal-2050. Fid-deċennju li ġej, l-UE se tkompli tibni fuq riżultati konkreti b’saħħithom fil-qasam tal-azzjoni klimatika, b’mod parallel mat-tkabbir ekonomiku: sal-2019, l-emissjonijiet tal-UE kienu naqsu b’24 % meta mqabbla mal-1990, filwaqt li fl-istess perjodu l-ekonomija kibret b’aktar minn 60 %.

Ċart li turi t-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-UE bejn l-1990 u l-2019 u l-miri klimatiċi għall-2030 u għall-2050.

Bejn l-1990 u l-2019, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE naqsu b’24%. Il-mira preċedenti għall-2030 kienet li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 40% meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-mira l-ġdida hi li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-istrateġija fit-tul tal-UE hi li jinkisbu żero emissjonijiet netti sal-2050.

Il-gvernijiet madwar id-dinja, fil-passi tal-UE, ħabbru għadd ta’ inizjattivi importanti biex isaħħu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-President von der Leyen, flimkien ma’ Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, u mexxejja Ewropej oħra, ippreżentat il-mira l-ġdida tal-UE lil mexxejja oħra globali fis-Summit dwar l-Ambizzjoni Klimatika. Dan l-avveniment seħħ b’kommemorazzjoni tal-ħames anniversarju mill-Ftehim ta’ Pariġi u bi tħejjija għall-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2021, il-COP26, li se ssir fi Glasgow.

Infografika li turi l-benefiċċji tal-mira l-ġdida ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet għall-2030.

Il-benefiċċji tal-mira l-ġdida tal-2030 għaċ-ċittadini jinkludu: enerġija iktar nadifa; tnaqqis ta’ 60% fit-tniġġis tal-arja sal-2030; kontijiet orħos tal-enerġija; tnaqqis fil-piż ta’ azzjoni għall-ġenerazzjonijiet futuri; miljun punt tal-iċċarġjar elettriku madwar l-UE; ekonomija tal-UE modernizzata u reżiljenti; impjiegi ġodda, ekoloġiċi u lokali; kundizzjonijiet tal-għajxien u tas-saħħa mtejba u ffrankar ta’ 110 biljun ewro fil-kostijiet tal-kura tas-saħħa sal-2030; trasport pubbliku nadif u inqas tniġġis; sigurtà tal-enerġija mtejba u 100 biljun ewro ffrankati sal-2030 permezz ta’ tnaqqis fl-importazzjonijiet.

Il-benefiċċji tal-mira l-ġdida li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Azzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi

Il-Ftehim ta’ Pariġi, li ġie adottat fl-2015 minn 195 pajjiż, jistabbilixxi qafas globali biex jiġi evitat tibdil fil-klima perikoluż. Il-partijiet kollha għall-Ftehim ta’ Pariġi jiddeċiedu huma stess dwar l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettivi komuni. Fit-18 ta’ Diċembru, l-UE u l-Istati Membri tagħha ppreżentaw Kontribut Stabbilit fil-Livell Nazzjonali konġunt, aġġornat — il-pjan ta’ azzjoni tagħhom biex jillimitaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-UE diġà kellha waħda mill-aktar miri ambizzjużi fid-dinja — peress li ntrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mill-inqas 40 % sal-2030, meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Il-mira ġdida u ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’55 % turi l-impenn tal-UE lejn it-tmexxija klimatika globali.

L-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien jipprovdu l-akbar finanzjament pubbliku għall-klima fid-dinja, u kkontribwew €21.9 biljun fl-2019, jiġifieri żieda ta’ 7.4 % meta mqabbel mal-2018. Mill-2013 ’l hawn, l-UE żiedet kontinwament il-kontribuzzjoni internazzjonali annwali tagħha għall-finanzjament għall-klima b’appoġġ għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex dawn inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra u biex ikunu jistgħu jilqgħu għall-impatti tat-tibdil fil-klima.

David Sassoli jospita dibattitu online.
David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew, jospita dibattitu online: “L-Ewropa se tkun il-magna ta’ trasformazzjoni ekoloġika u soċjalment ġusta?” Brussell, il-Belġju, it-23 ta’ Settembru 2020.

L-irkupru ekoloġiku

Il-mira klimatika ambizzjuża l-ġdida għall-2030 se tgħin biex l-irkupru ekonomiku tal-UE mill-pandemija jkun iffokat. Għalhekk se jkunu meħtieġa investimenti ekoloġiċi sinifikanti biex niżguraw li l-irkupru jkun sostenibbli. L-infiq tal-UE għandu jkun konsistenti mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-prinċipju tal-Patt Ekoloġiku “la tagħmilx ħsara”, jiġifieri li ma għandux isir investiment ta’ flus b’modi li jikkontradixxu l-għanijiet klimatiċi tal-UE.

L-impenn tal-UE huwa enfasizzat mill-fatt li mill-inqas 30 % tal-€1.8 triljun li ntlaħaq qbil dwarhom fil-kuntest tal-baġit fit-tul għall-2021–2027 u n-NextGenerationEU għandhom jintefqu fuq politiki u programmi relatati mal-klima. Il-finanzjament irid ikun konsistenti mal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan huwa l-akbar pakkett ta’ investiment ekoloġiku li qatt rat id-dinja. Biex dan iseħħ, l-Istati Membri se jkollhom jintrabtu li mill-inqas 37 % tal-investimenti fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza jkunu ta’ natura ekoloġika. B’hekk jingħataw aċċess għall-biċċa l-kbira tal-fondi disponibbli min-NextGenerationEU (ara wkoll ir-“Rispons ikkoordinat għall-pandemija tal-COVID-19”).

Il-Kummissjoni beħsiebha tiffinanzja 30 % tal-fondi tan-NextGenerationEU bl-emissjoni ta’ bonds ekoloġiċi, li qed isiru dejjem aktar popolari hekk kif l-investituri jfittxu modi biex jgħinu fil-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ambjentalment sostenibbli. Għaldaqstant, se jkunu strumentali biex l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jintlaħqu. Il-bonds ekoloġiċi se jkollhom rwol saħansitra akbar fl-isfruttar tal-potenzjal li għandu s-settur privat biex jindirizza t-tibdil fil-klima u jrawwem l-irkupru ekonomiku sostenibbli wara l-pandemija.

Kulħadd għandu rwol fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Patt Klimatiku Ewropew, li tnieda f’Diċembru, huwa mmirat li jservi ta’ katalist għall-bidla fl-imġiba, mill-individwu sal-akbar kumpanija multinazzjonali. Huwa jagħti lil kull ċittadin li jiġġieled kontra t-tibdil fil-klima, u speċjalment liż-żgħażagħ, rwol fit-tfassil ta’ azzjonijiet klimatiċi ġodda, fil-qsim tal-informazzjoni u fl-appoġġ għal attivitajiet u soluzzjonijiet ġodda u eżistenti.

Filmat li jiġbor fil-qosor il-ħtieġa li tiġi indirizzata t-theddida tat-tibdil fil-klima.
FILMAT: Il-Patt Klimatiku Ewropew.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni jgħinu biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew

Infografika fl-għamla ta’ ċirku li turi oqsma teknoloġiċi differenti.

Il-Fond għall-Innovazzjoni: twassil ta’ teknoloġiji b’livell baxx tal-karbonju lejn is-suq: ġbir, użu u ħżin tal-karbonju; ħżin tal-enerġija; industriji intensivi fl-użu tal-enerġija; enerġija rinnovabbli.

Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa wieħed mill-akbar programmi ta’ finanzjament fid-dinja għall-wiri tat-teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan mhux programm tar-riċerka; aktar huwa mmirat biex teknoloġiji innovattivi ħafna jinġiebu fis-suq. Id-dħul tal-fond se jiġi mill-irkantar ta’ 450 miljun kwota mill-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet mill-2020 sal-2030. Il-fond jista’ jammonta għal madwar €10 biljun, skont il-prezz tal-karbonju. Fl-2020, l-ewwel sejħa għall-proposti tal-Fond għall-Innovazzjoni għal proġetti fuq skala kbira offriet aktar minn €1 biljun għal proġetti tat-teknoloġija nadifa. Sejħa oħra ta’ €100 miljun għal proġetti fuq skala żgħira nfetħet fl-1 ta’ Diċembru għal teknoloġiji rivoluzzjonarji għall-enerġija rinnovabbli, għall-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija, għall-ħżin tal-enerġija, u għall-ġbir, l-użu u l-ħżin tal-karbonju.

Bl-aħħar u l-akbar sejħa ta’ Orizzont 2020, se jsir investiment ta’ €1 biljun fi proġetti li jgħinu fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, jipprovdu aktar protezzjoni għall-bijodiversità u l-ħabitats tal-Ewropa u jaċċelleraw l-irkupru sostenibbli.

Il-finanzjament tat-tranżizzjoni sostenibbli

Biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, se jkun meħtieġ investiment pubbliku enormi flimkien ma’ sforzi msaħħa biex il-kapital privat ikun orjentat lejn l-azzjoni klimatika u ambjentali. L-orjentazzjoni mill-ġdid tal-kapital privat lejn investimenti aktar sostenibbli teħtieġ reviżjoni komprensiva ta’ kif taħdem is-sistema finanzjarja tagħna. Dan bilfors irid isir biex l-UE tiżviluppa tkabbir ekonomiku iktar sostenibbli, tiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u trawwem iktar trasparenza u perspettivi fit-tul fl-ekonomija. Dan il-mod ta’ ħsieb jinsab ukoll fil-qalba tal-proġett tal-UE, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

F’Jannar, il-Kummissjoni ħabbret il-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, li se jimmobilizza l-investiment pubbliku u jgħin biex il-fondi privati jiġu rilaxxati permezz tal-appoġġ finanzjarju tal-UE, u li mistenni jwassal għal mill-inqas €1 triljun f’investiment sostenibbli fuq 10 snin.

Il-pjan huwa bbażat fuq tliet dimensjonijiet. L-ewwel nett, f’dak li għandu x’jaqsam mal-finanzjament, is-sehem akbar minn qatt qabel tal-infiq fuq azzjoni klimatika u ambjentali mill-baġit tal-UE għandu jattira l-finanzjament privat, bi rwol importanti għall-Bank Ewropew tal-Investiment. Barra minn hekk, il-pjan se jagħti inċentivi għar-rilaxx u għar-ridirezzjonar tal-investiment pubbliku u privat.

It-tieni, f’dak li għandu x’jaqsam mal-“faċilitazzjoni”, l-UE se tipprovdi għodod lill-investituri billi tqiegħed il-finanzjament sostenibbli fil-qalba tas-sistema finanzjarja, u se tiffaċilita l-investiment sostenibbli mill-awtoritajiet pubbliċi billi tinkoraġġixxi l-ibbaġitjar u l-akkwist ekoloġiku, u billi tfassal modi biex tiffaċilita l-proċeduri għall-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni tat-tranżizzjoni ġusta. It-tielet, il-Kummissjoni se tagħti appoġġ prattiku lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-promoturi tal-proġetti fl-ippjanar, fit-tfassil u fit-twettiq tal-proġetti sostenibbli.

Filwaqt li r-reġjuni kollha jeħtieġu l-finanzjament, u l-Pjan ta’ Investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew dan jieħu ħsiebu, il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jipprovdi appoġġ immirat biex jgħin bil-mobilizzazzjoni ta’ mill-inqas €100 biljun f’investiment matul il-perjodu 2021–2027, biex jgħin lil dawk ir-reġjuni, l-industriji u l-ħaddiema li se jiffaċċaw l-akbar sfidi fil-bidla lejn ekonomija newtrali għall-klima. Il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġa lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta li jridu jitfasslu biex ikunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament rilevanti.

Bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni ġdida (ir-Regolament dwar it-Tassonomija), qed isir xogħol biex tinħoloq l-ewwel sistema dinjija ta’ klassifikazzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli. Din hija bidla radikali għaliex ifisser li l-investituri u l-industrija issa se jkollhom definizzjoni komuni ta’ x’inhu “ekoloġiku”, u dan għandu jagħti spinta reali lill-investimenti fi proġetti ekoloġiċi u sostenibbli.

Nixprunaw ekonomija newtrali għall-klima

Biex tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha sal-2050, l-Ewropa trid tittrasforma s-sistema tal-enerġija tagħha, li tikkontribwixxi għal 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Matul is-sena, il-Kummissjoni varat diversi inizjattivi biex tiddekarbonizza s-settur tal-enerġija.

Hija u tirrikonoxxi li s-sistema tal-enerġija tal-UE hija riġida u ħalja wisq, f’Lulju, il-Kummissjoni ppubblikat Strateġija għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija. Din tiffoka fuq tliet pilastri ewlenin: l-elettrifikazzjoni fuq skala kbira, aktar ċirkolarità, u l-iżvilupp ta’ gassijiet u fjuwils ekoloġiċi (bħall-idroġenu).

Dawn il-passi se jżidu l-flessibbiltà tas-sistema, jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni għas-setturi diffiċli u jgħinu fl-integrazzjoni tal-ammont dejjem akbar ta’ enerġija rinnovabbli li se jidħol fil-grilja fis-snin li ġejjin. Din is-sistema konnessa u flessibbli se tkun aktar effiċjenti, u se tnaqqas il-kostijiet għas-soċjetà. Pereżempju, l-elettriku li jalimenta l-karozzi tal-Ewropa jista’ jiġi mill-pannelli solari fuq id-djar.

B’mod parallel, il-Kummissjoni varat strateġija biex tistimula l-iżvilupp tal-idroġenu rinnovabbli, li se jkollu rwol importanti fl-ilħiq tal-mira tal-2050 għan-newtralità klimatika, speċjalment f’setturi ekonomiċi fejn l-elettrifikazzjoni hija aktar diffiċli, bħalma hi l-industrija peżanti u ċerti oqsma tat-trasport.

Lanċa tal-passiġġieri li taħdem bl-idroġenu.
Hydroville hija l-ewwel lanċa tal-passiġġieri ċċertifikata li tuża l-idroġenu biex tħaddem magna diżil. Tintuża l-aktar bħala pjattaforma biex tiġi ttestjata t-teknoloġija tal-idroġenu għall-bastimenti kummerċjali u anke biex twassal lill-passiġġieri minn Kruibeke sa Antwerp u jiġu evitati l-konġestjonijiet fl-eqqel tat-traffiku, Antwerp, il-Belġju, id-19 ta’ Ġunju 2020.

Il-Kummissjoni varat ukoll l-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif biex tidderieġi l-investimenti lejn il-produzzjoni tal-idroġenu nadif billi tlaqqa’ flimkien l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra.

Intejbu s-sostenibbiltà tal-binjiet tagħna

L-istrateġija tal-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni tnediet f’Ottubru biex jittejjeb ir-rendiment tal-binjiet fl-użu tal-enerġija, li huwa responsabbli għal 40 % tal-użu tal-enerġija fl-UE u għal 36 % tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) relatati mal-użu tal-enerġija. L-irduppjar tar-rati ta’ rinnovazzjoni fl-10 snin li ġejjin mistenni jnaqqas l-emissjonijiet b’mod sinifikanti, joħloq l-impjiegi u jagħti spinta lit-tkabbir. B’hekk il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni hija waħda mill-inizjattivi ewlenin tal-pakkett għall-irkupru. Din se ttejjeb il-kwalità tal-ħajja għan-nies li jgħixu fil-binjiet u li jużawhom, u se tippromwovi d-diġitalizzazzjoni u ttejjeb l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-materjali. Sal-2030, jistgħu jiġu rinnovati 35 miljun binja filwaqt li jistgħu jinħolqu 160 000 impjieg ekoloġiku addizzjonali fis-settur tal-kostruzzjoni.

Ir-Rakkomandazzjoni dwar il-faqar enerġetiku li għamlet il-Kummissjoni fl-14 ta’ Ottubru hija mmirata biex tgħin lil kważi 34 miljun ruħ fl-UE li ma jaffordjawx isaħħnu djarhom. Il-Bauhaus Ewropew Ġdid se jkun forza motriċi oħra biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew jieħu l-ħajja. Dan se jservi ta’ forum, ta’ laboratorju tal-esperimentazzjoni u ta’ ċentru ta’ networking, fejn id-disinjaturi, l-arkitetti, l-artisti, ix-xjenzjati, l-inġiniera u l-istudenti se jiltaqgħu biex jesploraw l-ideat għal stil ta’ ħajja sostenibbli.

Filmat dwar l-iffrankar tal-enerġija fil-binjiet tal-Ewropa.
FILMAT: Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa.

L-enerġija rinnovabbli

Fil-valutazzjonijiet tagħha tal-pjanijiet tal-Istati Membri dwar l-enerġija u l-klima, li ġew ippubblikati f’Ottubru, il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa għal ambizzjoni aktar qawwija biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE. Id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija permezz tal-enerġija rinnovabbli hija waħda mill-elementi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Mappa li turi eżempji ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta fl-Ewropa.

Eżempji ta’ proġetti u ta’ siti tal-produzzjoni (skont id-direzzjoni tal-arloġġ): struttura fissa mal-qiegħ lil hinn mill-kosta, Kårehamn Offshore Windfarm, 48 megawatt; produzzjoni tal-algi għall-bijofjuwils, Macro Fuels, huwa previst li tkun lesta għas-suq fl-2030; siti tal-manifattura, konvertituri tal-enerġija, hubs u xaftijiet; enerġija mill-mewġ, ISWEC, 50 kilowatt; struttura tar-riħ f’wiċċ l-ilma, Wind Float Atlantic, 25 megawatt; enerġija mill-marea, Hydroquest Ocean, 1,000 kilowatt; struttura f’wiċċ l-ilma lil hinn mill-kosta bil-pannelli fotovoltajċi solari, Oceans of Energy, 17-il kilowatt (huwa mistenni li jkunu 50 kilowatt sa tmiem l-2020); struttura fissa mal-qiegħ lil hinn mill-kosta, Horns Rev 3, 406.7 megawatt.

L-enerġija rinnovabbli offshore hija fost it-teknoloġiji bl-akbar potenzjal ta’ espansjoni, minħabba l-abbundanza u l-varjetà ta’ baċiri tal-baħar fl-UE u l-kostijiet dejjem jonqsu ta’ installazzjonijiet ġodda. L-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli Offshore, li ġiet ippubblikata f’Novembru, tivvaluta l-potenzjal tas-settur u tipproponi modi biex jiġi appoġġat l-iżvilupp fit-tul tiegħu. L-istrateġija għandha l-għan li tilħaq 300 gigawatt ta’ enerġija mit-teknoloġija eolika offshore u 40 gigawatt ta’ enerġija mill-oċeani, bħalma huma l-enerġija mill-mewġ u mill-marea, sal-2050. L-iżvilupp ta’ enerġija offshore abbundanti, naturali u nadifa se juri li t-tisħiħ tal-ekonomija blu u l-ħarsien tan-natura tal-baħar jistgħu jimxu id f’id.

F’dawn l-aħħar 10 snin, l-UE tejbet l-infrastruttura transfruntiera tal-enerġija bis-saħħa tan-networks trans-Ewropej għall-enerġija. Ħamsa u disgħin proġett ta’ infrastruttura tal-enerġija (magħrufa bħala proġetti ta’ interess komuni) irċevew finanzjament ta’ €4.7 biljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2020 tallinja r-regoli tagħha dwar in-networks tal-enerġija mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Ir-Regolament il-ġdid propost se jgħin lill-UE tilħaq il-mira tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet billi jippromwovi l-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tat-teknoloġiji ġodda li jaħdmu b’enerġija nadifa fis-sistema tal-enerġija.

L-UE ħabbret investimenti ta’ kważi €1 biljun f’10 proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija, li jaqgħu taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Il-parti l-kbira tal-finanzjament se jkun allokat għall-bini tal-Harmony Link, kejbil tal-elettriku li jgħaqqad il-Litwanja u l-Polonja tul il-Baħar Baltiku. Dan se jnaqqas id-dipendenza żejda tar-reġjun fuq sors wieħed ta’ importazzjonijiet tal-enerġija billi jikkollegah mal-bqija tal-Unjoni Ewropea.

Produzzjoni u konsum sostenibbli

Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ma jittrattax biss it-tnaqqis tal-emissjonijiet, iżda wkoll l-immodernizzar tal-ekonomija, tas-soċjetà u tal-industrija tagħna biex nibnu dinja aktar b’saħħitha u aktar sostenibbli. F’Marzu, bħala parti mill-pakkett tal-Istrateġija Industrijali Ewropea, il-Kummissjoni ppubblikat Pjan ta’ Azzjoni tal-UE ġdid għal Ekonomija Ċirkolari, biex l-ekonomija tal-UE tkun adattata għall-futur ekoloġiku; biex issaħħaħ il-kompetittività tagħha filwaqt li tħares l-ambjent; u biex tagħti drittijiet ġodda lill-konsumaturi. Dan il-pjan jindirizza ċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti mill-bidu sal-aħħar — mill-fażi tad-disinn u l-manifattura sal-konsum, it-tiswija, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-integrazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi fl-ekonomija.

Infografika b’eżempji ta’ azzjonijiet li l-UE qed tieħu biex tagħti s-setgħa lill-konsumaturi.

Ikel u imballaġġ: Punt negattiv – fl-2017, l-iskart mill-imballaġġ fl-Ewropa laħaq rekord ta’ 174 kilogrammi għal kull abitant; Punt pożittiv – se tiġi introdotta inizjattiva leġiżlattiva ġdida biex jiġi sostitwit l-imballaġġ li jintuża darba biss. Plastik: Punt negattiv – l-użu tal-plastik mistenni jirdoppja fl-20 sena li ġejjin; Punt pożittiv – il-prodotti li jintużaw darba biss se jiġu eliminati gradwalment u se jiġu sostitwiti bi prodotti durabbli u li jistgħu jintużaw bosta drabi. Tessuti: Punt negattiv – madwar id-dinja, jintbagħat trakk sħiħ ta’ tessuti għall-inċinerazzjoni jew għall-miżbla kull sekonda; Punt pożittiv – billi mmexxu mudelli ta’ negozju ġodda se nagħtu spinta lis-separazzjoni, lill-użu mill-ġdid u lir-riċiklaġġ tat-tessuti, u se nippermettu lill-konsumaturi jagħżlu tessuti sostenibbli. Skart: Punt negattiv – bħala medja, kull persuna tipproduċi kważi nofs tunnellata ta’ skart muniċipali kull sena; Punt pożittiv – se jiġu introdotti miżuri għall-prevenzjoni u għat-tnaqqis tal-iskart.

Sa 80 % tal-impatt ambjentali ta’ prodott jiġi ddeterminat fil-fażi tad-disinn. Għalhekk, il-prodotti li jinbiegħu fl-UE għandhom ikunu ddisinjati b’tali mod li jibqgħu tajbin għal żmien itwal, li jkun eħfef li jerġgħu jintużaw, li jissewwew u li jiġu rriċiklati u li fihom ikun inkorporat l-akbar volum possibbli ta’ materjal riċiklat. Il-pjan ta’ azzjoni jiffoka fuq oqsma fejn l-aktar li hemm potenzjal għaċ-ċirkolarità, bħall-elettronika, il-batteriji u l-vetturi, l-imballaġġ, il-plastiks, it-tessuti, il-kostruzzjoni u l-ikel. Hija u tvara l-ewwel inizjattiva tagħha fost l-azzjonijiet, f’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet rekwiżiti mandatorji biex il-batteriji kollha jsiru aktar sostenibbli u sikuri tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari huwa maħsub ukoll biex jiżgura li l-konsumaturi, apparti li jkollhom id-dritt għat-tiswija, ikunu infurmati dwar il-possibiltajiet ta’ tiswija u ta’ durabilità tal-prodotti.

Grafika li turi għaliex għandna bżonn batteriji sostenibbli.

Għaliex għandna bżonn batteriji sostenibbli? Huwa mistenni li d-domanda globali għall-batteriji tiżdied b’14-il darba sal-2030 (meta mqabbla mal-livelli tal-2018), xprunata l-iktar mit-trasport elettriku. Sal-2030, l-UE tista’ tkun is-sors ta’ 17% tad-domanda globali, it-tieni l-ogħla fid-dinja. L-UE se ssir it-tieni l-ikbar suq globali għall-batteriji, inkluż f’termini ta’ produzzjoni tal-batteriji.

Fl-2020 rajna wkoll it-tnedija tal-Fond Ewropew għall-Bijoekonomija Ċirkolari, b’finanzjament ta’ €175 miljun biex jitrawmu innovazzjonijiet sostenibbli b’appoġġ għall-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan huwa l-ewwel fond ta’ investiment iffokat esklużivament fuq il-bijoekonomija ċirkolari fl-UE — inizjattiva tal-Kummissjoni u tal-Bank Ewropew tal-Investiment, fejn il-Kummissjoni qed tikkontribwixxi €100 miljun minn Orizzont 2020.

Niżguraw l-aċċess għall-materja prima kritika

L-aċċess affidabbli għall-materja prima huwa essenzjali biex it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali jirnexxu. B’riżultat ta’ dan, id-domanda fl-UE għal ħafna tipi ta’ materja prima se tiżdied drastikament. Pereżempju, sal-2050, id-domanda għal-litju, li huwa kruċjali għall-batteriji tal-vetturi elettriċi u tal-mowbajls, tista’ tiżdied b’sittin darba, u d-domanda għall-kalamiti tal-materjali tal-art rari li jintużaw fil-vetturi elettriċi, fit-teknoloġija diġitali u fit-turbini eoliċi, b’għaxar darbiet. Permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Materja Prima Kritika, u l-Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima, il-Kummissjoni beħsiebha tnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi barra l-UE, tiddiversifika s-sorsi tal-provvista u ttejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi, filwaqt li tippromwovi l-akkwist responsabbli minn sorsi madwar id-dinja.

Mappa li turi l-ikbar fornituri ta’ materja prima kritika lejn l-UE.

Mappa tal-ikbar fornituri ta’ materja prima kritika lejn l-UE (mix-xellug għal-lemin). * = Sehem tal-produzzjoni globali. L-Istati Uniti: Berillju* 88%; Il-Messiku: Fluworit 25%; Il-Brażil: Nijobju 85%; Iċ-Ċilì: Litju 78%; In-Norveġja: Metall tas-siliċju 30%; Il-Ġermanja: Gallju 35%; Franza: Afnju 84%, Indju 28%; Spanja: Stronzju 100%; Il-Marokk: Blat fosfatiku 24%; Il-Guinea: Boksajt 64%; Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo: Kobalt 68%, Tantalju 36%; L-Afrika t’Isfel: Iridju* 92%, Platinu* 71%, Rodju* 80%, Rutenju* 93%; Il-Finlandja: Ġermanju 51%; It-Turkija: Antimonju 62%, Borati 98%; Il-Każakistan: Fosfru 71%; L-Indoneżja: Gomma naturali 31%; L-Awstralja: Faħam tal-kokk 24%; Ir-Russja: Palladju* 40%; Iċ-Ċina: Barit 38%, Bismut 49%, Manjeżju 93%, Grafita naturali 47%, Skandju* 66%, Titanju* 45%, Tungstenu* 69%,Vanadju* 39%, Elementi tal-materjali tal-art rari u ħfief 99%, Elementi tal-materjali tal-art rari u tqal 98%.

L-ikbar fornituri ta’ materja prima kritika lejn l-UE (sors: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reżiljenza tal-materja prima kritika, it-3 ta’ Settembru 2020).

Ikel u agrikoltura sostenibbli

L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” proposta f’Mejju hija mmirata biex is-sistemi tal-ikel tal-UE jsiru aktar sostenibbli u reżiljenti sal-2030 u biex jiġi żgurat li l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura jikkontribwixxu b’mod xieraq għall-għanijiet klimatiċi tal-UE. Hija mmirata biex tippremja lil dawk il-bdiewa, is-sajjieda u operaturi oħra fil-katina alimentari li diġà għamlu t-tranżizzjoni lejn prattiki sostenibbli. Tfittex ukoll li tiffaċilita t-tranżizzjoni għal min għadu ma għamilhiex u li toħloq opportunitajiet addizzjonali għan-negozji tagħhom.

Infografika li telenka l-għanijiet differenti tal-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt.

Nimxu lejn sistema tal-ikel tal-UE iktar tajba għas-saħħa u iktar sostenibbli, pedament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt se: tiżgura li l-Ewropej ikollhom ikel tajjeb għas-saħħa, tajjeb għall-but ta’ kulħadd u sostenibbli; tindirizza t-tibdil fil-klima; tipproteġi l-ambjent u tippreserva l-bijodiversità; tiżgura redditu ekonomiku ġust fil-katina tal-provvista; u żżid l-agrikoltura organika.

Billi tistabbilixxi miri ambizzjużi għal oqsma prijoritarji fil-katina alimentari kollha kemm hi, l-UE timmira li twitti t-triq lejn dinja aktar f’saħħitha u aktar sostenibbli. L-istrateġija tinkludi passi biex tingħata informazzjoni aħjar lill-konsumatur u biex l-industrija titħeġġeġ iżżid id-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ ikel nutrittiv u sostenibbli.

L-istrateġija għandha l-għan li tnaqqas kemm l-użu tal-pestiċidi u r-riskju minnhom, kif ukoll it-telf tan-nutrijenti b’50 % sal-2030. Timmira wkoll li tnaqqas il-bejgħ tal-antimikrobiċi għall-bhejjem tar-razzett u fl-akkwakultura b’50 %, u biex 25 % tal-art agrikola tintuża għall-biedja organika. It-titjib tal-benesseri tal-annimali u t-tnaqqis tal-impronta ambjentali tal-UE huma fost l-ambizzjonijiet l-oħra tagħha. €10 biljun se jiġu investiti minn Orizzont Ewropa għar-riċerka u l-innovazzjoni marbuta mal-ikel, il-bijoekonomija, ir-riżorsi naturali, l-agrikoltura, is-sajd, l-akkwakultura u l-ambjent.

Is-CO2 mhux l-uniku tip ta’ emissjoni tal-gassijiet serra li jkollna nnaqqsu. Il-metan jieħu t-tieni post, wara s-CO2, bil-kontribut li jagħti għat-tibdil fil-klima. Għalhekk l-Istrateġija dwar il-Metan il-ġdida hija kruċjali biex jintlaħaq l-għan tal-UE u l-emissjonijiet jitnaqqsu b’tal-anqas 55 % sal-2030. L-istrateġija tiffoka fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan mis-settur tal-agrikoltura, mis-settur tal-iskart u minn dak tal-enerġija. Se tikkombina azzjonijiet transsettorjali kif ukoll azzjonijiet speċifiċi għas-setturi, ġewwa l-UE u internazzjonalment..

Nipproteġu l-ambjent u l-bijodiversità

Il-bijodiversità

L-Istrateġija għall-Bijodiversità, proposta f’Mejju, hija ġdida u ambizzjuża u tindirizza l-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità, bħall-użu mhux sostenibbli tal-art u tal-baħar, l-isfruttament żejjed tar-riżorsi naturali, it-tniġġis, u l-ispeċijiet aljeni invażivi.

Infografika li turi x’se tikseb l-Istrateġija għall-Bijodiversità.

L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Bijodiversità fl-UE kollha se: tistabbilixxi żoni protetti għal mill-inqas 30% tal-art fl-UE u 30% tal-baħar fl-UE, bi protezzjoni iktar rigoruża tal-foresti primarji u antiki tal-UE li fadal u b’miri legalment vinkolanti biex in-natura tirpilja fl-2021; u se tgħin lill-ekosistemi degradati fuq l-art u fil-baħar madwar l-UE jirpiljaw billi żżid l-agrikoltura organika u l-karatteristiċi ta’ pajsaġġ għani fil-bijodiversità fuq l-art agrikola, tinterrompi u treġġa’ lura t-tnaqqis tad-dakkara, tgħin mill-inqas 25,000 kilometri ta’ xmajjar tal-UE jirpiljaw għal stat fejn jerġa’ jkollhom fluss ħieles, tnaqqas l-użu u r-riskju tal-pestiċidi b’50% sal-2030 u tħawwel tliet biljun siġra sal-2030.

L-istrateġija tipproponi li għandhom jiġu stabbiliti miri vinkolanti għall-irpiljar tal-ekosistemi u x-xmajjar li saritilhom il-ħsara, għat-titjib tal-qagħda ta’ saħħa tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti fl-UE, għar-ritorn tal-pollinaturi, għat-titjib tal-ekoloġija fil-bliet tagħna, għall-iżvilupp tal-biedja organika u għat-titjib tal-qagħda ta’ saħħa tal-foresti Ewropej. Għandha l-għan li tqiegħed il-bijodiversità tal-Ewropa fit-triq lejn l-irkupru sal-2030, permezz ukoll tat-trasformazzjoni ta’ mill-inqas 30 % tal-art u tal-baħar fl-UE f’żoni protetti ġestiti b’mod effettiv u t-treġġigħ ta’ mill-inqas 10 % tal-art agrikola lura għal art b’karatteristiki tal-pajsaġġ ta’ diversità għolja.

Ajkla li waslet biex ittir.
Il-Proġett Pannon Eagle LIFE għandu l-għan li jipproteġi l-ajkla imperjali tal-Lvant billi jnaqqas il-mortalità kkawżata mill-bnedmin fir-Reġjun Pannonjan. Il-proġett iwettaq diversi azzjonijiet ta’ konservazzjoni fl-Awstrija, fiċ-Ċekja, fl-Ungerija, fis-Serbja u fis-Slovakkja. Fir-ritratt, ajkla ttir b’apparat għas-sinjalar fuq daharha, Jászberény, l-Ungerija, l-14 ta’ Ottubru 2020.

F’Marzu, il-Kummissjoni varat il-Koalizzjoni Dinjija għall-Bijodiversità. Mijiet ta’ parks nazzjonali, ta’ akkwarji, ta’ ġonna botaniċi, ta’ zoos u ta’ mużewijiet tal-istorja naturali qed jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kuxjenza pubblika dwar il-kriżi fid-dinja naturali. Fis-Summit tan-NU dwar il-Bijodiversità f’Settembru, aktar minn 70 Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern, flimkien mal-President von der Leyen, esprimew l-appoġġ tagħhom għall-Wegħda tal-Mexxejja għan-Natura, fejn ħadu l-impenn li jwettqu 10 azzjonijiet deċiżivi biex tiġi indirizzata l-emerġenza tan-natura.

Filmat dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi.
FILMAT: Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà.

Ambjent ħieles mit-tossini

Biex in-nies u l-ambjent ikunu aktar protetti, u l-innovazzjoni għal sustanzi kimiċi sikuri u sostenibbli tittejjeb, f’Ottubru, il-Kummissjoni ppreżentat l-Istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà. Is-sustanzi kimiċi huma essenzjali għall-ħajja moderna u jintużaw f’ħafna setturi, fosthom is-saħħa, l-enerġija, it-trasport u l-akkomodazzjoni. Madankollu, hemm minnhom li jistgħu jagħmlu ħsara lill-ambjent u lis-saħħa tal-bniedem. L-UE diġà għandha fis-seħħ liġijiet sofistikati dwar is-sustanzi kimiċi. Minkejja dan, il-produzzjoni globali mistennija tirdoppja sal-2030 u l-użu tagħhom fil-prodotti għall-konsumaturi wkoll se tiżdied. L-istrateġija hija l-ewwel pass lejn ambizzjoni ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mit-tossini, kif ġie mħabbar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

It-trasport u l-mobbiltà għandhom rwol vitali fil-ħajja tan-nies u fl-ekonomija tal-UE. Madankollu, iġibu magħhom ukoll xi piżijiet għas-soċjetà. L-effetti negattivi — bħalma huma l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, it-tniġġis tal-arja u tal-ilma, l-aċċidenti, il-konġestjoni, l-istorbju u t-telf tal-bijodiversità — jaffettwaw is-saħħa u l-benesseri. Illum, it-trasport jirrappreżenta kwart mill-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra tal-UE. Biex jintlaħaq l-għan tal-UE rigward in-newtralità klimatika, jeħtieġ li dawn l-emissjonijiet jitnaqqsu b’90 % sal-2050. Dan se jirrikjedi orjentazzjoni mill-ġdid tal-mod li bih jiċċaqalqu n-nies u l-merkanzija fl-Ewropa. L-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni se jkollhom rwol ewlieni biex dan jinkiseb.

L-Istrateġija Komprensiva għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tal-Kummissjoni, li ġiet ippubblikata f’Diċembru, tipproponi triq biex tinbena sistema tat-trasport ekoloġika, diġitali u reżiljenti għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-istrateġija tistabbilixxi wkoll ir-riformi, il-politiki u l-azzjonijiet li tant huma meħtieġa biex jiġi appoġġat l-irkupru tas-settur tat-trasport, li kien fost dawk l-aktar milquta mill-pandemija. Is-sistema Ewropea tat-trasport se tinżamm fuq ir-rotta lejn futur intelliġenti u sostenibbli permezz ta’ objettivi intermedji konkreti.

Infografika dwar kif l-UE tista’ tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur tat-trasport b’90 % sal-2050.

Jeħtieġ li sal-2050, l-UE tnaqqas b’90% l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fit-trasport. Dan se jinkiseb billi: Tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili: sal-2030, se jkun hemm mill-inqas 30 miljun karozza u 80,000 trakk operattivi b’emissjonijiet żero; sal-2030, se jkun hemm mill-inqas 100 belt newtrali għall-klima fl-Ewropa; l-ivvjaġġar kollettiv skedat ta’ inqas minn 500 kilometru għandu jkun newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2030 fl-UE; l-inġenji tal-ajru kbar b’żero emissjonijiet se jkunu lesti għas-suq sal-2035. Tara li jkunu disponibbli għażliet alternattivi: il-bliet il-kbar u ta’ daqs medju kollha se jdaħħlu fis-seħħ il-pjanijiet tagħhom ta’ mobbiltà urbana sostenibbli sal-2030; it-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja se jirdoppja sal-2030; sal-2050, it-traffiku tal-merkanzija bil-ferrovija se jirdoppja; it-trasport fuq l-ilmijiet navigabbli interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra se jiżdied b’25% sal-2030. Tara li l-ipprezzar jirrifletti l-impatt ambjentali: l-internalizzazzjoni tal-kostijiet esterni tat-trasport sa mhux iktar tard mill-2050 se tiżgura li dawk li jużaw it-trasport iġarrbu l-kostijiet kollha minflok ma jkollu jġarrabhom ħaddieħor fis-soċjetà tagħna.

Mobbiltà sostenibbli: kif x’aktarx ikun il-ġejjieni.

Vetturi li jniġġsu inqas u aktar sikuri

Minn Jannar, bdew japplikaw regoli aktar stretti dwar l-ammont ta’ CO2 li jistgħu jarmu l-karozzi tal-passiġġieri u l-vannijiet ġodda. Dawn il-vetturi jipproduċu madwar 12 % u 2.5 % tal-emissjonijiet totali ta’ CO2 fl-UE rispettivament. Il-benefiċċji mistennija sal-2030 jinkludu tnaqqis ta’ 23 % fl-emissjonijiet mit-trasport bit-triq meta mqabbel mal-2005, flimkien ma 60 000 impjieg ġdid (sa 80 000 jekk il-batteriji jiġu prodotti fl-UE). Fl-2021, mistennija ssir proposta għal standards aktar stretti għall-emissjonijiet tas-CO2, f’konformità mal-ambizzjoni ogħla għal tnaqqis kumplessiv sal-2030. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll favur standards ambizzjużi ġodda għall-emissjonijiet li jniġġsu mill-karozzi, li tħabbru għall-2021.

F’Jannar, iddaħħlu regoli ġodda biex minn Lulju 2022, il-mudelli tal-karozzi l-ġodda jkunu mgħammra b’karatteristiki ta’ teknoloġija avvanzata li jgħinu fit-titjib tas-sikurezza u t-tnaqqis tal-aċċidenti. Barra minn hekk, minn Settembru 2020, bdew japplikaw regoli ġodda biex jiġi żgurat li l-karozzi kollha jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza, ir-rekwiżiti ambjentali u dawk tal-produzzjoni qabel ma jitqiegħdu fis-suq. Dawn ir-regoli jinkludu aktar kontrolli fuq il-karozzi diġà fis-suq, u jdaħħlu l-kunċett ta’ sorveljanza mill-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu s-setgħa biex il-Kummissjoni tordna sejħiet lura madwar l-UE kollha u timponi sanzjonijiet fuq il-manifatturi tal-karozzi li jiksru l-liġi, b’multi li jlaħħqu sa €30 000 għal kull karozza.

It-trasformazzjoni diġitali tal-UE

Parrukkiera waqt it-tombla online li torganizza għall-klijenti tagħha.
Sidt ħanut tax-xagħar qrib Dublin, l-Irlanda, li ngħalaq minħabba r-restrizzjonijiet tal-lockdown tal-coronavirus torganizza sessjonijiet online tat-tombla fil-komunità tagħha, l-aktar biex persuni waħedhom ikollhom x’jagħmlu, it-13 ta’ Novembru 2020.

It-teknoloġija diġitali qatt ma kienet aktar importanti f’ħajjitna. Matul il-kriżi tal-COVID-19, kienet imprezzabbli biex in-nies setgħu jinżammu konnessi u n-negozji setgħu jibqgħu jaħdmu u wasslet għal bidla deċiżiva fil-mod kif it-teknoloġija tintuża fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-supercomputers qed jgħinuna nbassru l-evoluzzjoni tal-pandemija, l-app tat-traċċar u t-twissija tal-kuntatti jista’ jkollhom rwol biex jinterrompu l-katina tat-trażmissjoni tal-virus.

Il-pandemija enfasizzat ukoll l-importanza tal-iżvilupp tal-ħiliet diġitali taċ-ċittadini kollha tal-UE, kif ukoll it-titjib tal-aċċess għall-internet b’veloċità għolja għad-djar, għan-negozji u għas-servizzi pubbliċi. In-negozji ġodda Ewropej, mibnija fuq it-teknoloġija diġitali, jistgħu jwasslu soluzzjonijiet innovattivi li intrapriżi oħra żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll industriji akbar, jeħtieġu għal din it-trasformazzjoni. It-teknoloġiji diġitali huma wkoll kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE, permezz ukoll tas-sistemi tal-enerġija intelliġenti, tal-biedja ta’ preċiżjoni u tal-mobbiltà intelliġenti.

Student universitarju jagħti lezzjoni online lil student tal-iskola sekondarja.
Studenti universitarji voluntiera fil-Ġermanja fetħu l-Corona School biex jagħtu korsijiet online lit-tfal tal-iskola sekondarja li tilfu diversi xhur ta’ skola fl-ewwel nofs tal-2020. F’dan ir-ritratt, wieħed mill-voluntiera qiegħed jgħin studenta bil-homework tal-Latin, Berlin, il-Ġermanja, is-16 ta’ Novembru 2020.

L-Istrateġija Diġitali Ewropea

Is-sisien għat-trasformazzjoni diġitali diġà ġew stabbiliti, u l-progress b’saħħtu tas-Suq Uniku Diġitali ġab miegħu benefiċċji tanġibbli għall-konsumaturi u għan-negozji madwar l-UE u lil hinn minnha. Il-Kummissjoni tinsab determinata biex id-deċennju li qegħdin fih ikun id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa. Fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tagħha, il-President von der Leyen appellat biex l-UE, permezz ta’ pjan komuni u għanijiet definiti b’mod ċar għall-2030, tkun minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni diġitali, pereżempju fir-rigward tal-konnettività tal-ħiliet u tas-servizzi pubbliċi diġitali. Fil-kuntest tal-istrument għall-irkupru tal-UE, in-NextGenerationEU, l-Istati Membri ntalbu jinvestu 20 % tal-appoġġ finanzjarju tagħhom mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fit-trasformazzjoni diġitali (ara wkoll ir-“Rispons ikkoordinat għall-pandemija tal-COVID-19”).

Fl-2020, il-Kummissjoni varat l-Istrateġija Diġitali Ewropea — Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa. F’dan il-kuntest, tħabbru politiki u inizjattivi ġodda biex jiġi żgurat li l-UE tikkapitalizza mill-benefiċċji li t-teknoloġija tista’ ġġib lin-nies, lill-ekonomija u lis-soċjetà, filwaqt li jiġu ppreservati l-assi l-aktar prezzjużi li għandna: id-demokrazija, il-ġustizzja, l-inklużività u l-mudell soċjali Ewropew.

L-istrateġija tenfasizza kif is-soluzzjonijiet diġitali jistgħu javvanzaw l-objettivi tas-sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u twitti t-triq biex l-UE ssir mudell globali għall-ekonomija diġitali. Dawn l-azzjonijiet se jiftħu opportunitajiet ġodda għan-negozji filwaqt li jiffokaw fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija b’modi li jirrispettaw id-drittijiet tan-nies u li jiksbu l-fiduċja tagħhom.

Infografika li turi eżempji kif it-teknoloġiji diġitali se jgħinu biex tinkiseb UE newtrali għall-klima.

It-teknoloġiji diġitali huma kruċjali biex l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050, li huwa l-għan li ġie stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, pereżempju: in-networks tal-enerġija, l-agrikoltura ta’ preċiżjoni, il-mobbiltà u t-trasport, il-binjiet intelliġenti, l-ispazji tad-data ekoloġiċi u s-setgħa tad-data.

Is-suċċess tat-trasformazzjoni diġitali tal-UE se jiddependi mill-istabbiliment ta’ oqfsa effettivi biex jiġu żgurati teknoloġiji affidabbli, u biex in-negozji jingħataw il-kunfidenza u l-mezzi meħtieġa għad-diġitalizzazzjoni. L-Istrateġija għad-Data u l-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali huma l-ewwel pilastri tal-Istrateġija Diġitali Ewropea l-ġdida. Dawn jiffokaw fuq il-ħtieġa li n-nies jitqiegħdu l-ewwel fl-iżvilupp tat-teknoloġija, u fuq il-ħtieġa li niddefendu u nippromwovu l-valuri u d-drittijiet Ewropej meta niddisinjaw, nipproduċu u nintroduċu t-teknoloġija.

Regoli tal-internet tal-UE lesti għall-era diġitali

Raġel iħares lejn l-iskrin tal-ismartphone tiegħu.

F’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet riforma ambizzjuża tal-ispazju diġitali, jiġifieri sett komprensiv ta’ regoli ġodda għas-servizzi diġitali kollha, inkluż il-media soċjali, is-swieq online u pjattaformi online oħra li joperaw fl-Unjoni Ewropea: l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali. Skont l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, l-obbligi vinkolanti għall-UE kollha se japplikaw għas-servizzi diġitali kollha li jikkollegaw lill-konsumaturi mal-oġġetti, mas-servizzi jew mal-kontenut, inkluż proċeduri ġodda għat-tneħħija aktar rapida ta’ kontenut illegali kif ukoll il-protezzjoni komprensiva tad-drittijiet fundamentali tal-utenti online. Il-qafas ġdid se jerġa’ jibbilanċja d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-utenti, tal-pjattaformi intermedji u tal-awtoritajiet pubbliċi. Huwa jqiegħed liċ-ċittadini tal-UE fiċ-ċentru u huwa bbażat fuq il-valuri tal-UE, fosthom ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt. Il-proposta hija kkomplementata mill-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, li huwa mmirat lejn it-titjib tar-reżiljenza tad-demokraziji.

L-Att dwar is-Swieq Diġitali jindirizza l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn ċerta mġiba tal-pjattaformi li jaġixxu bħala gwardjani diġitali fis-Suq Uniku. Dawn il-pjattaformi għandhom impatt kbir fuq is-Suq Uniku, iservu ta’ punt ta’ aċċess importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-klijenti tagħhom, u jgawdu pożizzjoni soda. Dan jista’ jagħtihom is-setgħa li jaġixxu ta’ regolaturi privati, u li jservu ta’ restrizzjoni bejn in-negozji u l-konsumaturi. Permezz tal-Att dwar is-Swieq Diġitali, regoli ġodda se jiddefinixxu u jipprojbixxu dawk il-prattiki inġusti mill-gwardjani. L-għan huwa li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-pjattaformi online kbar u biex in-negozji l-ġodda jkunu jistgħu jikbru, jespandu u jikkompetu, biex b’hekk joffru prezzijiet, kwalità, għażla u innovazzjoni aħjar għall-utenti.

F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni Medjatiku u Awdjoviżiv, biex tappoġġa l-irkupru u t-trasformazzjoni diġitali tal-media tal-UE. Dan se jikkomplementa l-azzjonijiet eżistenti b’appoġġ għal-libertà tal-media u għall-kultura tal-media u dik diġitali.

Matul is-sena, bdew japplikaw diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni importanti madwar l-UE. Fosthom kien hemm l-ewwel sett ta’ regoli għan-negozji u n-negozjanti ta’ daqs iżgħar fuq il-pjattaformi online, u regoli li jirregolaw il-koordinazzjoni madwar l-UE kollha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-media awdjoviżiva kollha u dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-korpi tas-settur pubbliku. Daħlet fis-seħħ ukoll leġiżlazzjoni li tistabbilixxi sett ċar ta’ regoli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, li toffri lill-konsumaturi protezzjoni ogħla filwaqt li tinkoraġġixxi l-investimenti f’networks tal-ġenerazzjoni l-ġdida.

Iċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data

Vleġġa tal-maws tgħaddi minn fuq il-kelma “security” fuq skrin. © Pixabay

Hekk kif it-theddid ċibernetiku żdied matul il-pandemija, l-UE pproponiet azzjonijiet fuq diversi fronti. Fi Frar, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha, lnsawru l-futur diġitali tal-Ewropa, li qiegħdet livell għoli ta’ ċibersigurtà fil-qalba tat-trasformazzjoni diġitali tal-UE, u fis-16 ta’ Diċembru ħabbret Strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà.

L-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali tiddeskrivi kif l-UE tista’ tisfrutta u ssaħħaħ l-għodod u r-riżorsi kollha tagħha biex tkun teknoloġikament sovrana, u biex tamplifika l-kooperazzjoni ma’ sħabha madwar id-dinja. Tappella biex iċ-ċibersigurtà tkun integrata fl-investimenti diġitali kollha ppjanati matul il-perjodu baġitarju 2021–2027, flimkien ma’ inizjattivi fi tliet oqsma ta’ azzjoni tal-UE: il-promozzjoni tar-reżiljenza, tas-sovranità teknoloġika u tat-tmexxija; it-tisħiħ tal-kapaċità operazzjonali għall-prevenzjoni, għad-deterrenza u għar-rispons; u l-avvanzar ta’ ċiberspazju globali u miftuħ. Dawn l-inizjattivi jinkludu ċ-Ċiberunità Konġunta, “Tarka Ċibernetika” ta’ ċentri tal-operazzjonijiet tas-sigurtà konnessi għad-detezzjoni ta’ sinjali bikrin ta’ attakki, u t-titjib tar-rwol ta’ tmexxija biex jiġi żgurat internet globali u miftuħ.

Il-President von der Leyen ħabbret ukoll proposta għal Ċiberunità Konġunta biex tkompli tikkoordina l-kapaċitajiet operazzjonali taċ-ċibersigurtà madwar l-UE. L-Istrateġija Diġitali Ewropea tinkludi wkoll rieżami tar-Regolament dwar l-Identifikazzjoni Elettronika u s-Servizzi Fiduċjarji għat-Tranżazzjonijiet Diġitali, li kkonkluda l-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa fl-2020. Din l-istrateġija kienet akkumpanjata mir-rieżami tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni, l-ewwel biċċa leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà li tkopri l-UE kollha kemm hi.

Is-sanzjonijiet huma waħda mill-possibbiltajiet disponibbli fis-sett ta’ għodod taċ-ċiberdiplomazija għall-prevenzjoni, għad-deterrenza u għall-indirizzar tal-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi kontra l-UE jew l-Istati Membri tagħha. F’Lulju, il-Kunsill applika sanzjonijiet għall-ewwel darba kontra sitt individwi u tliet entitajiet minħabba ċiberattakki varji. Is-sanzjonijiet li ġew imposti kienu jinkludu projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi. Barra minn hekk, il-persuni u l-entitajiet jiġu pprojbiti milli jqiegħdu fondi għad-dispożizzjoni ta’ dawk elenkati.

Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-ewwel sentejn bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data sab li dan kien laħaq il-biċċa l-kbira tal-għanijiet tiegħu, b’mod partikolari billi offra liċ-ċittadini sett b’saħħtu ta’ drittijiet infurzabbli u billi ħoloq sistema ġdida tal-UE ta’ governanza u ta’ infurzar.

L-isfruttar tal-potenza tad-data

Id-data tipprovdi riżorsa essenzjali għall-kompetittività, għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-titjib tas-soċjetà b’mod ġenerali. L-innovazzjoni mmexxija mid-data mistennija ġġib benefiċċji enormi għaċ-ċittadini, pereżempju permezz tal-mediċina personalizzata, il-mobbiltà intelliġenti kif ukoll il-kontribuzzjoni tagħha biex jintlaħaq l-għan tal-UE tan-newtralità klimatika sal-2050.

L-aċċess għall-volum dejjem jikber ta’ data u l-kapaċità li tintuża huma essenzjali għall-innovazzjoni u għat-tkabbir ekonomiku. L-Istrateġija Ewropea għad-Data għandha l-għan li toħloq spazju Ewropew tad-data, suq uniku li fih id-data tista’ tiċċirkola liberament fl-UE u bejn is-setturi. L-ispazji komuni Ewropej tad-data f’diversi setturi, bħalma huma s-saħħa, l-ambjent u s-sigurtà, se jiżguraw li volumi akbar ta’ data jkunu disponibbli għall-użu fl-ekonomija u fis-soċjetà, filwaqt li dawk il-kumpaniji u l-individwi li jiġġeneraw id-data jibqgħu bir-riedni f’idejhom. Dan se jżid ukoll is-sovranità teknoloġika tal-UE f’teknoloġiji u f’infrastrutturi abilitanti essenzjali u għall-ekonomija tad-data, filwaqt li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet affidabbli tal-intelliġenza artifiċjali. Biex dan jinkiseb, f’Novembru l-UE pproponiet qafas regolatorju għall-governanza tad-data, għall-aċċess u l-użu mill-ġdid bejn in-negozji individwali, bejn in-negozji u l-gvern, u ġewwa l-organi ta’ amministrazzjoni.

L-intelliġenza artifiċjali u s-supercomputers

Ursula von der Leyen ma’ robot.
Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, iżżur l-AI Experience Center fil-Vrije Universiteit Brussel, Brussell, il-Belġju, it-18 ta’ Frar 2020.

Id-data talimenta t-teknoloġiji ġodda, inkluża l-intelliġenza artifiċjali, li jistgħu jtejbulna ħajjitna, pereżempju, permezz tad-dijanjożijiet mediċi aktar akkurati, iż-żieda fl-effiċjenza tal-biedja u manifattura aktar effiċjenti. L-intelliġenza artifiċjali qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla, u għalhekk jeħtieġ li l-UE mhux biss iżżomm il-livell ta’ investiment attwali, imma saħansitra żżidu. Fl-istess ħin, dan jinvolvi riskji potenzjali li jeħtieġ li jiġu indirizzati biex niżguraw li l-intelliġenza artifiċjali tintuża b’mod li jirbaħ il-fiduċja tan-nies. Kif intqal fil-White Paper dwar dan is-suġġett, l-UE se jkollha post minn ta’ quddiem fl-iżvilupp tal-intelliġenza artifiċjali abbażi tal-eċċellenza u l-fiduċja. II-Kummissjoni tappoġġa approċċ regolatorju u orjentat lejn l-investiment, kemm bil-għan li tippromwovi l-introduzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, kif ukoll li tindirizza r-riskji assoċjati ma’ ċerti użi ta’ din it-teknoloġija ġdida. Biex dawn l-objettivi jinkisbu, u abbażi tar-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika, fl-2021 se jiġu ppreżentati proposta leġiżlattiva u pjan aġġornat għall-koordinazzjoni tal-isforzi mal-Istati Membri.

Is-supercomputers, li jistgħu jgħinuna nbassru l-evoluzzjoni tal-pandemija, insibu trattament kontra l-COVID-19 kif ukoll nifhmu aħjar il-mard newroloġiku jew inbassru u nissorveljaw l-effetti tat-tisħin globali, għandhom rwol importanti f’ħajjitna. Bħala parti mill-Aġenda Diġitali tal-Ewropa, f’Settembru l-Kummissjoni ppubblikat proposta biex tgħin lill-UE żżomm ir-rwol tagħha ta’ mexxejja fit-teknoloġija tas-supercomputing, li kienet tinkludi investiment ta’ €8 biljun f’supercomputers tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Infografika b’xi ċifri dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-UE.

L-intelliġenza artifiċjali u l-UE f’ċifri: Il-finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-IA żdied għal 1.5 biljun ewro għall-perjodu 2018–2020. Dan ma kienx biżżejjed. L-għan hu li fl-UE jiġi attirat investiment totali fl-IA ta’ iktar minn 20 biljun ewro kull sena fid-deċennju li ġej. Iktar minn kwart tar-robots industrijali u tas-servizzi personali kollha jiġu prodotti fl-Ewropa.

Konnessjonijiet aħjar u aktar rapidi għan-nies fl-UE

Żewġ persuni jqabblu xi kontenut fuq l-ismartphones tagħhom.

F’Settembru, il-Kummissjoni ppubblikat rakkomandazzjoni fejn appellat biex l-Istati Membri jagħtu spinta lill-investiment fl-infrastruttura tal-konnettività tal-broadband b’kapaċità għolja ħafna, inkluż tal-5G, li hi l-aktar element fundamentali importanti fit-trasformazzjoni diġitali kif ukoll pilastru essenzjali għall-irkupru. Ir-rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ komuni, fil-forma ta’ sett ta’ għodod tal-aħjar prattiki, sa tmiem Marzu 2021.

Dan huwa vitali biex is-sigurtà tan-networks tal-5G tal-UE tiġi żgurata. F’Jannar, l-UE esprimiet l-approvazzjoni tagħha għas-sett ta’ għodod komuni b’miżuri maqbula mill-Istati Membri biex ir-riskji għas-sigurtà assoċjati mal-introduzzjoni tal-5G jiġu indirizzati. Skont ir-rapport li ġie ppubblikat f’Diċembru, il-maġġoranza tal-Istati Membri diġà għamlu passi kbar fl-implimentazzjoni tal-miżuri rakkomandati. Ix-xogħol koordinat għas-sigurtà tan-networks tal-5G fil-livell tal-UE se jkompli.

Il-ħiliet għall-era diġitali

Mara tħares lejn skrin tal-laptop filwaqt li tikteb in-noti b’idha.

Kulħadd jeħtieġhom il-ħiliet diġitali, mhux biss biex niffaċċaw il-pandemija kurrenti, iżda wkoll minħabba d-domanda għall-kompetenzi diġitali fil-post tax-xogħol u fis-soċjetà tal-lum. Żagħżugħ jew żagħżugħa minn kull ħamsa madwar l-UE ma jirnexxilhomx jilħqu livell bażiku ta’ ħiliet diġitali, u bosta unitajiet domestiċi b’introjtu baxx ma għandhomx aċċess għall-kompjuters. L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa stabbiliet diversi objettivi li għandhom jintlaħqu sal-2025, fosthom li 70 % tan-nies b’età ta’ bejn 16 u 74 sena jeħtieġ li jkollhom mill-inqas il-ħiliet diġitali bażiċi. Apparagun, fl-2019 dawn kienu jammontaw għal 56 %.

Abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-coronavirus, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali l-ġdid tal-Kummissjoni se jappoġġa lin-nies, lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jadattaw għat-tranżizzjoni diġitali. (Ara l-“Bini ta’ Ewropa ġusta u soċjali” għal aktar informazzjoni.)

L-investiment u r-riformi fl-adattament tas-sistemi edukattivi biex dawn jappoġġaw il-ħiliet diġitali u t-taħriġ edukattiv u vokazzjonali għall-etajiet kollha, jinsabu wkoll fil-qalba tal-isforzi ta’ rkupru. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jinkludu investimenti u riformi bħal dawn fil-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza.

Il-finanzi diġitali

Infografika li turi l-benefiċċji tal-finanzi diġitali.

Il-benefiċċji tal-finanzi diġitali: prodotti finanzjarji aħjar għall-konsumaturi u modi ġodda kif il-finanzjament jitwassal għand in-negozji tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs; jappoġġaw l-istrateġija ta’ rkupru ekonomiku tal-Ewropa u jiftħu kanali ġodda biex jiġi mmobilizzat il-finanzjament sabiex jappoġġa l-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa; il-finanzi diġitali transfruntiera se jtejbu l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju fl-Unjoni Bankarja u fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali; isaħħu l-kapaċità tal-Ewropa li żżomm u ssaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha fis-servizzi finanzjarji.

Il-konsumaturi u n-negozji tal-UE qed jużaw dejjem aktar is-servizzi finanzjarji diġitali għal bosta skopijiet differenti — aktar u aktar matul il-pandemija. Il-Kummissjoni beħsiebha tagħti spinta lill-innovazzjoni responsabbli fis-settur finanzjarju tal-UE, speċjalment għal negozji ġodda diġitali innovattivi ħafna, filwaqt li tnaqqas kwalunkwe riskju potenzjali marbut mal-protezzjoni tal-investituri, mal-ħasil tal-flus u mal-kriminalità ċibernetika.

F’Settembru, il-Kummissjoni adottat sett ta’ miżuri biex is-servizzi finanzjarji tal-Ewropa jsiru aktar diġitali u biex jiġu stimulati l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni responsabbli fost il-fornituri tas-servizzi finanzjarji fl-UE. Dan kien jinkludi strateġija dwar il-pagamenti bl-imnut u proposti leġiżlattivi dwar il-kriptoassi u r-reżiljenza operazzjonali diġitali. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE fis-settur finanzjarju u li jagħtu lin-nies aċċess għal prodotti finanzjarji u għal metodi ta’ ħlas innovattivi, filwaqt li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-konsumatur u l-istabbiltà finanzjarja. B’sinerġija mal-Istrateġija għad-Data usa’ tal-Kummissjoni, u l-introduzzjoni ta’ applikazzjonijiet fiduċjarji tal-blockchain għas-servizzi pubbliċi, l-għan huwa li jiġu promossi l-kondiviżjoni tad-data u l-finanzi miftuħa filwaqt li jinżammu l-istandards għoljin ħafna tal-UE dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data. Il-miżuri se jkunu kruċjali għall-irkupru ekonomiku tal-UE, peress li se jiftħu kanali ġodda ta’ finanzjament għan-negozji, filwaqt li jgħinu fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, tat-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa u tal-Istrateġija Industrijali l-ġdida għall-Ewropa.

Żewġ persuni jistkennu taħt umbrella bil-bandiera tal-UE fuqha.

Nipproteġu n-nies u l-libertajiet

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal xokk ekonomiku qawwi fl-Unjoni Ewropea. B’riżultat ta’ dan, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi mistennija li jiżdiedu. L-impatti soċjali tal-pandemija qed jinħassu minn miljuni ta’ nies fl-UE. L-Unjoni Ewropea żammet liċ-ċittadini fil-qalba tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-2020, u ħadet azzjoni sabiex tiżgura rkupru inklużiv u ġust għal kulħadd, wieħed li jagħti prijorità lis-saħħa u lis-sigurtà. Matul is-sena, l-UE varat ħafna inizjattivi ġodda li jkopru l-kura tas-saħħa, l-integrazzjoni soċjali u l-ġlieda kontra t-theddid għas-sigurtà.

Nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa

Hija f’idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu l-politiki tas-saħħa tagħhom, bl-UE li taqdi rwol ta’ appoġġ fit-titjib tas-saħħa pubblika, li tindirizza l-mard mhux komunikabbli bħall-kanċer u li tiġġieled it-theddid transfruntier serju għas-saħħa. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 uriet il-ħtieġa li tiżdied il-koordinazzjoni tal-UE qabel, waqt u wara kriżi tas-saħħa. Approċċ mhux koordinat ma jippermettix lill-Istati Membri jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom l-aqwa livell ta’ protezzjoni u ta’ kura fi kriżi.

Grafika li tiġbor fil-qosor it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-Covid-19.

Xi tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-Covid-19 jinkludu t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħna u l-ħolqien ta’ strutturi robusti fil-livell tal-UE, it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju komuni u l-kooperazzjoni rigward il-ġbir tad-data sabiex jipprovdulna iktar informazzjoni u riżorsi aħjar biex nippjanaw it-tħejjija u r-rispons.

Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru, il-President von der Leyen ħabbret Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha bħala prijorità fis-snin li ġejjin. Dan mhux se jservi biss biex insaħħu r-risponsi tagħna għall-kriżijiet, iżda jmur ferm lil hinn sabiex intejbu l-aspetti kollha tas-saħħa taċ-ċittadini, billi nindirizzaw il-kanċer permezz tal-Pjan Ewropew għall-ġlieda kontra l-kanċer (għandu jiġi adottat fl-2021), u billi nindirizzaw id-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-mediċini permezz tal-Istrateġija Farmaċewtika. Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha timmassimizza l-isforzi biex jiġu miġġielda l-vulnerabbiltajiet fis-sistemi tas-saħħa tagħna.

Inħejju u nirrispondu għall-emerġenzi tas-saħħa

Fl-ewwel pass lejn Unjoni Ewropea tas-Saħħa, f’Novembru l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposti biex tgħin lill-UE tħejji u tirrispondi b’mod aħjar għat-theddid transfruntier għas-saħħa. Li tiġi ddikjarata emerġenza fuq livell ta’ UE, tista’, fil-futur, tiskatta miżuri ta’ rispons ikkoordinati mill-qrib. Tħejjija aħjar teħtieġ data aħjar, riżorsi u għarfien espert pjanati tajjeb, u huwa għalhekk li l-Kummissjoni pproponiet li tagħti rwol akbar lill-aġenziji tas-saħħa tal-UE: iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini. Il-Kummissjoni tipprevedi wkoll li tipproponi biex titwaqqaf aġenzija ddedikata biex tirrispondi għall-emerġenzi bijomediċi: Awtorità għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa.

Nuqqas ta’ aċċess għad-data u kapaċità limitata ta’ rispons adegwat għal tifqigħat fuq skala kbira xekklu liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard matul din il-pandemija. Aġenzija Ewropea għall-Mediċini aktar b’saħħitha tkun f’pożizzjoni aħjar biex tiżgura l-provvisti tal-mediċini, tagħti pariri dwar it-trattamenti emerġenti u tikkoordina provi kliniċi waqt kriżi tas-saħħa.

Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa

Il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa tagħha fil-25 ta’ Novembru, biex tiżgura li l-pazjenti jkollhom aċċess għal mediċini innovattivi u affordabbli, filwaqt li tappoġġa l-kompetittività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà tal-industrija farmaċewtika tal-UE. L-istrateġija se tippermetti lill-UE tkopri l-ħtiġijiet farmaċewtiċi tagħha, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi, permezz ta’ ktajjen ta’ provvista robusti. Barra minn hekk, bħala parti ewlenija tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, din se tgħin biex tiġi stabbilita sistema farmaċewtika tal-UE li tibqa’ valida fil-futur u reżiljenti għall-kriżijiet, inklużi t-tagħlimiet meħudin mill-pandemija tal-COVID-19.

Grafika li tiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali tal-industrija tal-prodotti farmaċewtiċi fl-Ewropa fl-2020.

Fejn ninsabu: iktar minn 15-il miljun persuna infettata bil-Covid-19 fl-Ewropa; żieda fil-baġits tal-prodotti farmaċewtiċi, li diġà jammontaw għal 20–30% tan-nefqa tal-isptarijiet; mediċini mhux dejjem ikunu disponibbli jew tajbin għall-but ta’ kulħadd; fost il-ħtiġijiet li xorta għadhom ma ġewx issodisfati hemm ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (li hija responsabbli għal madwar 33,000 mewta kull sena) u 95% tal-mard rari ma għandux possibbiltà ta’ trattament.

Grafika li tiddeskrivi l-firxa tal-istrateġija tal-prodotti farmaċewtiċi tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ mediċina.

L-istrateġija tkopri ċ-ċiklu tal-ħajja kollu ta’ mediċina: 1. ir-riċerka u l-innovazzjoni; 2. l-awtorizzazzjoni, il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u t-tqegħid fis-suq; 3. l-iżgurar tal-provvisti tal-mediċina; u 4. it-twassil għand il-pazjenti.

Insaħħu d-demokrazija tagħna

F’demokrazija f’saħħitha u prosperuża, iċ-ċittadini jistgħu jesprimu liberament l-opinjonijiet tagħhom, jagħżlu l-mexxejja politiċi tagħhom u jkollhom vuċi dwar il-futur tagħhom. Sabiex il-parteċipazzjoni tkun sinifikanti, iċ-ċittadini jridu jkunu kapaċi wkoll jiffurmaw il-ġudizzji tagħhom stess. Huma għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet elettorali fi spazju pubbliku fejn tkun tista’ tiġi espressa liberament pluralità ta’ fehmiet u fejn il-media ħielsa, id-dinja akkademika u s-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom biex jistimulaw dibattitu ħieles minn indħil malizzjuż, kemm domestiku kif ukoll barrani. Is-snin riċenti wrew li d-demokrazija fl-UE qed tiffaċċja sfidi li jvarjaw minn żieda fl-estremiżmu u ndħil fl-elezzjonijiet sat-tixrid ta’ informazzjoni manipulattiva u t-theddid kontra l-ġurnalisti.

Il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea se jagħti s-setgħa liċ-ċittadini u jsaħħaħ id-demokrazija madwar l-UE. Fid-dawl tal-isfidi għas-sistemi demokratiċi tagħna u d-distanza perċepita bejn in-nies u l-politiċi, il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti, għat-tisħiħ tal-libertà tal-media u għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Dawn il-miżuri se jgħinu biex jiġu indirizzati dawk l-oqsma fejn is-sistemi demokratiċi u ċ-ċittadini tagħna huma l-aktar vulnerabbli.

B’mod aktar konkret, sabiex jgħin fil-protezzjoni tal-integrità tal-elezzjonijiet u jippromwovi l-parteċipazzjoni demokratika, il-pjan ta’ azzjoni jħabbar proposti leġiżlattivi ġodda biex jiżgura trasparenza akbar fir-reklamar politiku u biex jiġu riveduti r-regoli dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej. Permezz tan-network Ewropew ta’ kooperazzjoni għall-elezzjonijiet, il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll mekkaniżmu konġunt sabiex tiġġieled kontra t-theddid għall-proċessi elettorali.

Fil-qasam tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media, il-Kummissjoni se toħroġ ukoll rakkomandazzjoni dwar it-titjib tas-sikurezza online u fiżika tal-ġurnalisti, li tiffoka fuq theddid ġdid, b’mod partikolari kontra l-ġurnalisti nisa, u se tippreżenta inizjattiva sabiex tipproteġi lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili minn kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika.

Miżuri oħra għall-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-media jinkludu t-twaqqif ta’ Osservatorju tas-Sjieda tal-Media, gwida dwar it-trasparenza tas-sjieda tal-media, il-promozzjoni ta’ allokazzjoni trasparenti u ġusta ta’ reklamar tal-istat, it-trawwim tad-diversità tal-media u l-implimentazzjoni ta’ approċċ Ewropew dwar il-prominenza tas-servizzi tal-media awdjoviżiva ta’ interess ġenerali. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-kunsilli nazzjonali tal-media, ir-regolaturi indipendenti tal-media, korpi awtoregolatorji tal-media oħrajn u n-networks ta’ ġurnalisti, flimkien ma’ inizjattivi sabiex jiġu promossi s-sħubijiet u l-istandards ġurnalistiċi.

Finalment, il-Kummissjoni se żżid l-isforzi tagħha sabiex tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil barrani. Ix-xogħol tal-UE f’dan il-qasam se jkompli jkollu l-għeruq sodi fil-valuri u l-prinċipji Ewropej u se jissalvagwardja bis-sħiħ id-dritt tan-nies sabiex jesprimu l-opinjonijiet u jaċċessaw il-kontenut legali online. B’mod konkret, il-Kummissjoni se tmexxi l-ħidma sabiex issaħħaħ il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni eżistenti. Se toħroġ gwida ċara għall-pjattaformi dwar kif tiżdied l-azzjoni kontra d-diżinformazzjoni u se tintroduċi qafas robust għall-monitoraġġ u għas-sorveljanza. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Istati Membri sabiex tiżviluppa u ssaħħaħ is-sett ta’ għodod tal-UE kontra l-indħil barrani u l-operazzjonijiet ta’ influwenza.

Demokrazija f’saħħitha tiddependi fuq l-involviment taċ-ċittadini u fuq soċjetà ċivili attiva, u mhux biss fi żmien ta’ elezzjoni. Fil-pjan ta’ azzjoni kollu hemm enfasi qawwija dwar l-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini u lis-soċjetà ċivili. Dan jiffoka fuq l-iżvilupp tal-litteriżmu fil-media sabiex jgħin liċ-ċittadini ta’ kull età jinnavigaw fl-ambjent tal-aħbarijiet, u jinkoraġġixxi parteċipazzjoni fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE.

L-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali ġie varat f’Ġunju sabiex jappoġġa x-xogħol tal-verifikaturi tal-fatti independenti u tar-riċerkaturi akkademiċi, filwaqt li jikkollabora ma’ organizzazzjonijiet tal-media u mal-esperti tal-litteriżmu fil-media. L-għan tal-osservatorju huwa li jsir il-hub Ewropew għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni online.

Ritratt mill-viċin ta’ stilel blu u sofor mifruxin fuq il-pali tal-idejn ta’ żewġ persuni.

Nissalvagwardjaw l-istat tad-dritt

F’Settembru, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport annwali dwar l-istat tad-dritt. Dan jinkludi kapitli speċifiċi għall-pajjiż għall-Istati Membri kollha u jivvaluta l-iżviluppi pożittivi u negattivi madwar l-UE. Dan juri li filwaqt li ħafna Stati Membri għandhom standards għoljin tal-istat tad-dritt, għad fadal sfidi importanti. Ir-rapport iqis ukoll l-iżviluppi li jirriżultaw mill-miżuri ta’ emerġenza meħuda mill-Istati Membri minħabba l-kriżi tal-coronavirus. Ir-rapport ikopri erba’ pilastri ewlenin li għandhom effett qawwi fuq l-istat tad-dritt: sistemi nazzjonali ta’ ġustizzja; oqfsa kontra l-korruzzjoni; pluraliżmu u libertà tal-media; u kwistjonijiet istituzzjonali oħra marbutin mas-sistema ta’ kontrokontrolli meħtieġa għal demokrazija li tiffunzjona.

L-għan tar-Rapport il-ġdid dwar l-Istat tad-Dritt huwa li jestendi l-miżuri tal-UE eżistenti permezz ta’ għodda preventiva ġdida u li jibda dibattitu dwar il-kultura tal-istat tad-dritt madwar l-UE. Dan għandu jgħin lill-Istati Membri kollha jeżaminaw kif l-isfidi jistgħu jiġu indirizzati u kif jistgħu jitgħallmu mill-esperjenzi ta’ xulxin, u juru kif l-istat tad-dritt jista’ jkompli jissaħħaħ b’rispett sħiħ għas-sistemi u għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali.

F’Jannar 2020, fil-kuntest ta’ kawża pendenti rigward ir-reġim dixxiplinari għall-imħallfin Pollakki, il-Kummissjoni staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi miżuri interim fuq il-Polonja, u tordnalha li tissospendi l-attività tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema fi proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin. Id-deċiżjoni ttieħdet fid-dawl tad-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 2019 dwar l-indipendenza ta’ din il-Kamra Dixxiplinari l-ġdida, u d-deċiżjoni sussegwenti ta’ Diċembru 2019 tal-Qorti Suprema Pollakka li l-Kamra ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-liġi tal-UE dwar l-indipendenza ġudizzjarja, u għalhekk mhijiex qorti indipendenti skont it-tifsira tal-liġi tal-UE. L-attività kontinwa tal-Awla Dixxiplinari fi proċedimenti dixxiplinari kontra l-imħallfin ħolqot riskju ta’ dannu irreparabbli għall-imħallfin Pollakki u li tiddgħajjef l-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka. It-talba tal-Kummissjoni ntlaqgħet mill-Qorti fid-deċiżjoni tagħha tat-8 ta’ April 2020.

Billi bagħtet Ittra ta’ Intimazzjoni f’April, il-Kummissjoni varat proċedimenti ta’ ksur kontra l-Polonja rigward il-liġi dwar il-ġudikatura fl-20 ta’ Diċembru 2019, li daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Frar 2020. Il-Kummissjoni qieset li din il-liġi ddgħajjef l-indipendenza tal-imħallfin Pollakki u mhijiex kompatibbli mal-primat tal-liġi tal-UE. Il-liġi l-ġdida twaqqaf lill-qrati Pollakki milli japplikaw b’mod dirett ċertu dispożizzjonijiet tal-liġi tal-UE li jipproteġu l-indipendenza ġudizzjarja, u milli jirreferu deċiżjonijiet preliminari rigward dawn il-kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni analizzat it-tweġiba tal-gvern Pollakk għall-Ittra ta’ Intimazzjoni, u peress li t-tħassib tagħha ma ġiex indirizzat, il-Kummissjoni ħadet it-tieni pass fil-proċedura ta’ ksur billi bagħtet opinjoni motivata lill-Polonja fit-30 ta’ Ottubru 2020.

Barra minn hekk, fit-3 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni bagħtet Ittra oħra ta’ Intimazzjoni lill-Polonja bħala parti mill-proċedura ta’ ksur rigward, fost l-oħrajn, deċiżjonijiet riċenti tal-Kamra Dixxiplinari tal-Qorti Suprema fir-rigward tat-tneħħija tal-immunità tal-imħallfin fil-kuntest tal-investigazzjonijiet kriminali.

Involviment maċ-ċittadini

F’Diċembru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar Reġistru ta’ Trasparenza rinforzat, komuni għat-tliet istituzzjonijiet. Dan iżid it-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku dwar kif l-istituzzjonijiet tal-UE jinteraġixxu mar-rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess.

Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa

Is-suċċess u r-reżiljenza tal-UE jiddependu fuq l-appoġġ u l-involviment taċ-ċittadini tagħha. Waħda mill-prijoritajiet politiċi tal-President von der Leyen hija li l-Ewropej jingħataw leħen aktar qawwi biex jibnu l-futur tal-Unjoni tagħna. Fl-2020, l-UE ppreparat biex tvara l-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa biex tinvolvi ruħha maċ-ċittadini dwar it-tfassil tal-politiki tal-UE. Il-Kummissjoni stabbiliet il-proposti tagħha f’Jannar, u l-preparamenti komplew matul is-sena.

Din il-konferenza se tippermetti lill-Ewropej minn kull qasam tas-soċjetà u minn kull naħa tal-UE jsemmgħu l-opinjonijiet tagħhom u jagħmlu proposti dwar il-futur tal-kontinent tagħna. Il-Kummissjoni timmira li tinvolvi ruħha ma’ kemm jista’ jkun nies fl-Ewropa, speċjalment maż-żgħażagħ u ma’ dawk li normalment ma jinvolvux ruħhom fi kwistjonijiet Ewropej. Id-dibattiti se jsiru fil-livelli kollha: lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE. Il-President von der Leyen impenjat ruħha li tagħti segwitu lil dak li jkun ġie miftiehem.

Filmat taċ-ċittadini jressqu l-mistoqsijiet tagħhom lil Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u hi tweġibhom.
FILMAT: ‘‘Staqsi lill-President’’ tqarreb liċ-ċittadini lejn l-UE iktar minn qatt qabel: issa kulħadd jista’ jirrekordja filmat qasir bil-mistoqsija tiegħu u jkollu l-opportunità li jirċievi tweġiba mill-President von der Leyen innifisha.

Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

F’Lulju, il-Parlament u l-Kunsill ħadu passi biex jindirizzaw l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq kif taħdem l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Minħabba r-restrizzjonijiet fuq il-moviment imposti fl-Istati Membri għal raġunijiet ta’ saħħa, l-organizzaturi ma setgħux jagħmlu avvenimenti favur l-inizjattivi tagħhom u biex jiġbru firem fuq karta. Ir-regoli l-ġodda jippermettu li jkun hemm estensjoni tal-perjodi ta’ ġbir tal-inizjattivi taċ-ċittadini affettwati mill-pandemija.

Offerta aħjar għall-konsumaturi

L-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur adottata mill-Kummissjoni f’Novembru tistabbilixxi l-azzjonijiet li l-UE se tieħu b’rispons għall-isfidi l-ġodda li ġabu magħhom il-pandemija tal-COVID-19 u t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, inklużi t-tħassib ambjentali u ta’ sostenibbiltà, l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli. It-tqegħid fil-prattika ta’ dawn il-proposti jfisser kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali u titjib fil-governanza tal-politika tal-konsumatur tal-UE. F’Novembru, il-Parlament u l-Kunsill adottaw Direttiva li se toħloq sistema Ewropea ġdida għal rimedju kollettiv, li tagħmilha aktar faċli għall-organizzazzjonijiet biex jiddefendu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi billi jressqu azzjonijiet fil-qrati jew mal-awtoritajiet rilevanti f’isem il-konsumaturi li jkunu sofrew minn ksur tal-liġi tal-UE.

Titjib fid-dwana tal-UE

Grafika li turi ċ-ċifri doganali ewlenin tal-UE.

Fatti ewlenin dwar id-dwana tal-UE. Fl-2019, is-sehem tal-UE fil-kummerċ dinji kien ta’ 15.3%, b’iktar minn 850,000 dikjarazzjoni doganali kuljum. Kull xahar, is-27 Stat Membru jesportaw u jimportaw oġġetti mill-bqija tad-dinja u lejn il-bqija tad-dinja b’valur ta’ madwar 339 biljun ewro. L-OLAF (l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi) irrakkomanda l-irkupru ta’ iktar minn 2.7 biljun ewro f’dazji doganali mhux imħallsa għal oġġetti sottovalutati u 300 miljun ewro għal każijiet ta’ dazju antidumping fil-pannelli solari, fil-bijodiżil u f’setturi oħra bejn l-2017 u l-2019. Fl-2018, ġew issekwestrati kważi 27 miljun oġġett li kisru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b’valur tas-suq ta’ madwar 740 miljun ewro.

Id-dwana għandha rwol vitali li tiffaċilita l-fluss bla xkiel u sikur tal-merkanzija, filwaqt li twaqqaf prodotti li ma jkunux sikuri jew legali milli jidħlu fl-UE. Id-dħul doganali jikkontribwixxi wkoll għall-baġit tal-UE. F’Settembru, il-Kummissjoni żvelat Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-Unjoni Doganali, li jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri biex id-dwana tal-UE ssir aktar intelliġenti, innovattiva u effiċjenti. Dawn għandhom l-għan li jipproteġu l-baġit taċ-ċittadini u tal-pubbliku, filwaqt li jneħħu l-piżijiet mhux meħtieġa għan-negozji, għall-operaturi tas-suq u għall-amministrazzjonijiet. F’Ottubru, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel riżultat konkret mill-pjan ta’ azzjoni. L-Ambjent ta’ Tieqa Unika se jtejjeb l-interkonnessjoni bejn l-awtoritajiet kollha fil-fruntieri tal-UE, u se jippermetti lin-negozji jlestu l-formalitajiet tal-fruntiera permezz ta’ portal uniku fi Stat Membru.

Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

F’Settembru, il-Kummissjoni pproponiet Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil Dan jirrispondi għall-ħtieġa ta’ riforma strutturali fil-politika dwar il-migrazzjoni tal-UE, u jiżgura li tista’ tindirizza l-isfidi attwali u futuri, filwaqt li jiġu rrispettati b’mod sħiħ il-valuri Ewropej u d-drittijiet fundamentali. Dan jiżgura li dawk li huma fi bżonn ġenwin ta’ protezzjoni jkollhom id-dritt li jibqgħu fl-UE, filwaqt li oħrajn ikollhom jirritornaw b’mod effettiv u dinjituż.

Il-patt il-ġdid jinkludi l-elementi kollha neċessarji għal approċċ komprensiv dwar il-migrazzjoni tal-UE, inklużi proċeduri dwar l-ażil u r-ritorn aktar effettivi, ġestjoni rinfurzata tal-fruntieri, perkorsi b’saħħithom ta’ migrazzjoni legali lejn l-UE, l-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetà u sħubijiet aktar b’saħħithom ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Dan se jtejjeb ukoll is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, se jżid il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fit-tfittxija u s-salvataġġ, u se jistabbilixxi sistema ta’ rispons biex tindirizza s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u sistema permanenti ta’ monitoraġġ tal-migrazzjoni. Il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà propost se jiżgura li l-Istati Membri kollha jirċievu l-għajnuna li jeħtieġu meta jiffaċċjaw pressjoni migratorja, jew wara operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ.

Il-patt għandu wkoll l-għan li jsaħħaħ is-sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu sabiex jgħin fl-indirizzar ta’ sfidi komuni, bħall-appoġġ lill-komunitajiet ospitanti, l-indirizzar tal-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, l-appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-iżvilupp ta’ perkorsi legali.

Grafika li telenka l-benefiċċji ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u ta’ proċeduri tal-ażil tajbin.

Proċeduri integrati rapidi se jiżguraw responsabbiltajiet iktar ċari, u jgħinu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja bejn l-Istati Membri. Benefiċċji oħra ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni u ta’ proċeduri tal-ażil tajbin huma ċ-ċertezza u l-protezzjoni għall-migranti u għar-refuġjati, it-tħaddim effiċjenti tas-sistema, u l-applikazzjoni kredibbli tar-regoli.

Dan għen ukoll għall-infurzar tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE billi kompla jibni fuq l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluż it-tħejjija tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-ewwel skjerament tiegħu l-1 ta’ Jannar 2021 u billi ħejja ċ-ċiklu tal-politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri.

Il-patt il-ġdid jintroduċi skrinjar fil-fruntieri esterni tal-UE u fit-territorju tal-Istati Membri, bil-verifiki tal-identifikazzjoni, tas-sigurtà u tas-saħħa għan-nazzjonali ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jaqsmu l-fruntieri esterni b’mod irregolari jew li jitolbu protezzjoni internazzjonali. Sabiex jiżgura fruntieri esterni b’saħħithom, jipprevedi wkoll l-implimentazzjoni ta’ sistemi ġodda u mtejba tal-IT (u l-interoperabbiltà tagħhom) sabiex jinżamm rekord tal-wasliet u tal-applikanti tal-ażil u sabiex tittejjeb is-sigurtà. Is-salvataġġ ta’ ħajjiet fuq il-baħar jibqa’ prijorità: il-patt jindirizza l-isfidi tat-tfittxija u s-salvataġġ fil-Mediterran, b’mod partikolari l-ġestjoni ta’ nies salvati fuq il-baħar li jiżbarkaw fit-territorju tal-UE.

Fl-ewwel Forum Schengen li qatt sar fit-30 ta’ Novembru mill-Kummissjoni, il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-Ministri għall-Affarijiet Interni ltaqgħu permezz ta’ vidjokonferenza sabiex jiddiskutu kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati fiż-żona Schengen.

Grafika rigward approċċ Ewropew għat-tiftix u għas-salvataġġ fuq il-baħar.

Approċċ Ewropew għat-tiftix u għas-salvataġġ fuq il-baħar. It-tiftix u s-salvataġġ huwa obbligu legali u dmir morali. Mill-2015 ’l hawn ġew salvati 600,000 persuna fuq il-baħar mill-Istati Membri u l-operazzjonijiet immexxija mill-Frontex. It-tiftix u s-salvataġġ kontinwu mill-bastimenti privati jinvolvi wkoll responsabbiltajiet għall-Istati Membri. L-Istati Membri kostali huma responsabbli għat-tiftix u s-salvataġġ, iżda l-UE kollha kemm hi hija responsabbli għall-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-Ewropa.

Nipproteġu l-persuni fil-bżonn

Il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jagħmel diversi proposti sabiex jiżgura l-protezzjoni tal-persuni fil-bżonn, inklużi dawk l-aktar vulnerabbli. L-ewwel pass se jkun l-adozzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-emendar tad-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet tal-Akkoljenza, ir-Regolament dwar Qafas ta’ Risistemazzjoni u r-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika. Dan jiżgura wkoll li l-aħjar interessi tal-migranti tfal jingħataw prijorità fil-kuntest tal-proċeduri tal-ażil, tar-ritorn u tal-fruntieri. Matul l-2020, dan sar realtà permezz tar-rilokazzjoni ta’ 2 209 minorenni mhux akkumpanjati, familji, persuni vulnerabbli li qed ifittxu l-ażil u rifuġjati rikonoxxuti mill-Greċja lejn Stati Membri oħrajn tal-UE, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea.

Grupp ta’ adolexxenti u tfal lebsin il-maskri u jxejru huma u telgħin abbord ajruplan.
Tfal refuġjati mhux akkumpanjati jitilqu mill-Greċja għal bidu ġdid u sikur fil-Ġermanja. Il-Kummissjoni organizzat u ffinanzjat ir-rilokazzjoni ta’ tfal migranti mhux akkumpanjati u maqbuda barra minn pajjiżhom, mill-Greċja lejn Stati Membri oħra tal-UE, Ateni, il-Greċja, it-18 ta’ April 2020.

Wara n-nirien li qerdu ċ-ċentru ta’ akkoljenza u ta’ identifikazzjoni ta’ Moria f’Settembru, il-Kummissjoni ħadet azzjoni minnufih. Iffinanzjat it-trasferiment tal-406 minorenni mhux akkumpanjati kollha minn Moria għall-art kontinentali, filwaqt li kompliet tikkoordina u tiffinanzja rilokazzjonijiet volontarji mill-Greċja għal 13-il Stat Membru, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, bi qbil sħiħ mal-awtoritajiet Griegi, stabbiliet task force apposta biex tappoġġa l-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-Greċja b’mod sostnut. L-ewwel prijorità tagħha kienet li timplimenta proġett pilota konġunt mal-awtoritajiet Griegi biex tinbena faċilità ta’ akkoljenza f’Lesbos, li tgħin biex tiżgura l-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni.

Charles Michel, imdawwar mill-ġurnalisti, jagħti stqarrija għall-istampa. © Nicolas Economou / NurPhoto / NurPhoto permezz ta’ AFP
Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, jitkellem mal-ġurnalisti matul iż-żjara tiegħu fil-kamp tar-refuġjati temporanju ġdid ta’ Kara Tepe f’Lesbos wara li l-kamp Moira ħa n-nar, il-Greċja, il-15 ta’ Settembru 2020.

Perkorsi sikuri u legali lejn l-Ewropa

Il-patt jenfasizza l-ħtieġa li titlesta r-riforma pendenti tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE, sabiex jiġu attirati l-persuni bit-talent u b’ħafna ħiliet li l-ekonomiji tal-UE jeħtieġu, u jħabbar l-adozzjoni ta’ pakkett dwar il-ħiliet u t-talent fl-2021. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tvara sħubijiet ta’ talent sabiex tappoġġa l-iskemi ta’ mobbiltà u migrazzjoni ma’ pajjiżi ewlenin li mhumiex tal-UE. L-UE se tiffaċilita u se tikkoordina s-sħubijiet billi tipprovdi l-finanzjament u l-appoġġ.

Fl-2020, 34 miljun persuna li jgħixu fl-UE (jew 8 % tal-popolazzjoni) twieldu ġo pajjiż barra mill-UE. Sistema f’saħħitha u ġusta ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni tirrikjedi li jiġi żgurat li kull min jinsab legalment fl-UE jkun jista’ jipparteċipa u jikkontribwixxi għall-benesseri, il-prosperità u l-koeżjoni tas-soċjetajiet Ewropej. Sistema bħal din trawwem il-koeżjoni soċjali u d-dinamiżmu ekonomiku, u tistabbilixxi eżempji pożittivi dwar kif l-UE tista’ tiġġestixxi l-impatti tal-migrazzjoni u tad-diversità billi tibni soċjetajiet miftuħa u reżiljenti.

Filwaqt li l-politika tal-integrazzjoni hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, il-Kummissjoni qiegħda żżid l-appoġġ tagħha għalihom bi Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni għall-2021–2027. Ibbażat fuq konsultazzjoni wiesgħa, dan jindirizza l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali f’oqsma bħall-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-abitazzjoni, l-ugwaljanza, il-kultura u l-isport.

Grafika li tiddeskrivi s-sħubijiet tat-talent għall-migranti u għar-refuġjati bħala perkors sikur u legali lejn l-UE.

Is-sħubijiet tat-talenti jipprovdu opportunitajiet aħjar ta’ xogħol fil-pajjiż tal-oriġini, kif ukoll rotot legali lejn l-UE. Is-sħubijiet tat-talenti se jappoġġaw il-migrazzjoni legali mas-sħab ewlenin, filwaqt li jżidu l-kooperazzjoni eżistenti. Se jipprovdu skemi tal-mobbiltà tax-xogħol jew tat-taħriġ b’finanzjament mill-UE u rikonċiljazzjoni tal-postijiet battala mal-ħiliet meħtieġa fl-UE. L-iskema tas-sħubijiet tat-talenti tinkludi l-bini tal-kapaċitajiet għat-taħriġ vokazzjonali u l-integrazzjoni tal-migranti li jirritornaw, kif ukoll il-ħidma flimkien mal-ministeri, mal-impjegaturi, mas-sħab soċjali, mal-qasam tal-edukazzjoni u mad-dijaspora.

Filmat ta’ Suaad Alshleh titkellem dwar il-vjaġġ tagħha minn refuġjata mis-Sirja sa meta saret studenta tal-mediċina fl-Irlanda.
FILMAT: Suaad Alshleh hija studenta f’Dublin, l-Irlanda, li qed titħarreġ biex issir tabiba. Kienet refuġjata mis-Sirja.

Regoli ġodda dwar il-proċeduri għal viża

L-Istati Membri tal-UE huma fost id-destinazzjonijiet turistiċi l-iktar popolari tad-dinja. In-numru ta’ applikazzjonijiet għal viża li ġew ipproċessati jiżdied kull sena, u din it-tendenza x’aktarx li tkompli ladarba jitneħħew ir-restrizzjonijiet globali marbutin mal-COVID-19. Ir-regoli l-ġodda dwar viża għal żmien qasir li saru applikabbli fi Frar, jagħmluha aktar faċli għall-vjaġġaturi leġittimi biex japplikaw għal viża biex jiġu fl-UE, filwaqt li jipprovdu aktar għodod biex tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari. Barra minn hekk, l-UE issa tista’ tadatta l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli skont kif pajjiż mhux tal-UE jikkoopera għar-ritorn u r-riammissjoni tan-nazzjonali tiegħu li jkunu qed joqogħdu fl-UE b’mod irregolari.

Sigurtà u difiża

F’Lulju, il-Kummissjoni stabbiliet Strateġija ġdida dwar l-Unjoni tas-Sigurtà għall-2020–2025, li tiffoka fuq oqsma fejn l-UE tista’ tappoġġa b’mod aktar effettiv lill-Istati Membri fit-trawwim tas-sigurtà għal dawk kollha li jgħixu fl-Unjoni Ewropea. L-istrateġija tistabbilixxi l-għodod u l-miżuri li għandhom jiġu żviluppati matul il-ħames snin li ġejjin sabiex tiġi żgurata s-sigurtà għal kulħadd fl-ambjent fiżiku u diġitali. L-ambitu tal-istrateġija jvarja mill-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata sal-prevenzjoni u d-detezzjoni tat-theddid ibridu, iż-żieda tar-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tagħna, il-promozzjoni taċ-ċibersigurtà u t-trawwim tar-riċerka u l-innovazzjoni.

Filmat dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà.
FILMAT: L-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE tgħin biex tipproteġi lil kulħadd fl-Ewropa

Ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u transfruntiera

Il-Kummissjoni saħħet il-ġlieda tagħha kontra l-kriminalità organizzata u l-kriminali internazzjonali fl-2020 billi varat inizjattivi dwar diversi aspetti differenti. F’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda drammatika fir-rapporti ta’ abbuż sesswali tat-tfal online fl-Istati Membri kollha, b’indikazzjonijiet li l-problema saret saħansitra aktar serja minħabba l-pandemija. F’Lulju, il-Kummissjoni adottat Strateġija ġdida tal-UE għal Ġlieda Aktar Effettiva kontra l-Abbuż Sesswali tat-Tfal. Din tiffoka li tiżgura li l-qafas legali t-tajjeb ikun fis-seħħ, li ssaħħaħ ir-rispons tal-infurzar tal-liġi u li tistimula rispons ikkoordinat dwar il-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-assistenza għall-vittmi li jinkludi l-atturi rilevanti kollha. F’Settembru, il-Kummissjoni pproponiet ukoll leġiżlazzjoni interim sabiex tiżgura li l-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjoni online jkunu jistgħu jkomplu japplikaw miżuri volontarji għall-identifikazzjoni u r-rappurtar tal-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija ta’ materjal dwar l-abbuż sesswali tat-tfal.

L-UE ilha tikkoordina azzjoni biex tiġġieled kontra t-traffikar tal-armi tan-nar għal diversi snin, iżda theddid ġdid jitlob li jittieħdu azzjonijiet ġodda. F’Lulju, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni 2020–2025 tal-UE dwar it-Traffikar tal-Armi tan-Nar, li jiffoka fuq it-tnaqqis tal-aċċess għas-suq illeċitu tal-armi tan-nar u li jtejjeb il-kapaċità tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tindirizza ż-żieda fit-traffikar tad-droga u l-użu ta’ drogi illeċiti fl-Ewropa bl-Aġenda u l-Pjan ta’ Azzjoni 2021–2025 il-ġodda tal-UE dwar id-Drogi. Tindirizza l-problema tad-drogi fil-livelli nazzjonali, tal-UE u internazzjonali, u tiffoka fuq sigurtà aħjar (l-aspetti kollha tat-traffikar), iktar prevenzjoni, aċċess aħjar għat-trattament u t-tnaqqis tar-riskju u tal-ħsara.

F’Ġunju, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) stabbiliet iċ-Ċentru Ewropew għall-Kriminalità Finanzjarja u Ekonomika biex tirrispondi għaż-żieda esponenzjali fil-kriminalità finanzjarja u ekonomika u fil-kriminalità organizzata fuq skala kbira, u għat-talbiet mill-Istati Membri għal appoġġ operazzjonali.

Nevitaw u nindirizzaw it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni

Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex issaħħaħ l-implimentazzjoni tal-qafas legali tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. F’Ġunju, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida biex tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali, lin-negozji u lill-postijiet tas-suq online biex jimplimentaw ir-regoli dwar is-sustanzi kimiċi li jistgħu jintużaw b’mod ħażin għall-manifattura ta’ splussivi magħmulin id-dar (prekursuri tal-isplussivi). Ġie varat ukoll programm ta’ monitoraġġ online biex isegwi l-impatt ta’ dawn ir-regoli l-ġodda. F’Settembru, il-Kummissjoni ppubblikat rapport li jivvaluta l-miżuri li l-Istati Membri ħadu biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Dawn ir-regoli huma l-istrument ewlieni tal-ġustizzja kriminali fil-livell tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.

F’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet Aġenda ġdida Kontra t-Terroriżmu biex tagħti spinta lir-reżiljenza tal-UE għat-terroriżmu. Din tibni fuq ix-xogħol li sar f’dawn l-aħħar snin u tinkludi miżuri li jappoġġaw lill-Istati Membri fl-antiċipazzjoni, fil-prevenzjoni, fil-protezzjoni u fir-rispons għat-theddid terroristiku. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li ssaħħaħ il-mandat tal-Europol billi tirrevedi r-Regolament dwar l-Europol. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb l-appoġġ li l-Europol tipprovdi lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja, u saħansitra tippromwovi l-kooperazzjoni u l-qsim ta’ informazzjoni.

Grafika li tiġbor fil-qosor l-azzjoni tal-UE biex jiġu indirizzati t-theddidiet li jevolvu għas-sigurtà.

L-indirizzar tat-theddidiet li jevolvu: l-UE tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji b’għodod biex jirrispondu għal theddidiet ġodda u biex jiġġieldu kontra ċ-ċiberkriminalità, kontra l-kontenut illegali online u t-theddidiet ibridi.

In-negozjati fuq Regolament dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online spiċċaw, u dan se jneħħi malajr il-propaganda terroristika, filwaqt li jiżgura l-libertà tal-kelma u aktar trasparenza, flimkien ma’ xogħol kontinwu fil-qafas tal-Forum tal-UE dwar l-Internet, li jiġġieled kontra d-disseminazzjoni tal-propaganda terroristika online. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll appoġġ aktar immirat lill-Istati Membri u lill-ħaddiema tal-ewwel linja permezz tan-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, f’oqsma li preċedentement ġew identifikati bħala ta’ prijorità.

Nipproteġu l-infrastrutturi kritiċi

In-nies jiddependu fuq l-infrastruttura ewlenija, kemm fiżika kif ukoll diġitali, bħall-ajruporti, l-impjanti tal-enerġija, il-faċilitajiet mediċi jew in-networks tat-telekomunikazzjoni, biex jipprovdu ħafna servizzi essenzjali. Din l-infrastruttura trid tkun reżiljenti għar-riskji kollha ffaċċjati, kemm jekk dawn ikunu naturali jew magħmula mill-bniedem, kif ukoll jekk ikunu aċċidentali jew malizzjużi. F’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva ġdida dwar ir-reżiljenza ta’ entitajiet kritiċi li jirfdu s-servizzi vitali f’diversi setturi.

Ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni dwar il-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu għandu l-għan li jagħlaq kull lakuna u jneħħi kull konnessjoni dgħajfa fir-regoli tal-UE dwar l-indirizzar ta’ dan it-theddid. Il-pjan ta’ azzjoni huwa mibni fuq sitt pilastri, u kull wieħed minnhom huwa maħsub biex itejjeb il-ġlieda kumplessiva tal-UE kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex isaħħaħ ir-rwol globali tal-UE f’dan il-qasam. Flimkien, dawn is-sitt pilastri se jiżguraw li r-regoli tal-UE jiġu aktar armonizzati u għalhekk ikunu aktar effettivi. Se jkun hemm superviżjoni aħjar dwar kif ir-regoli jiġu applikati u koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

Grafika dwar ambjent tas-sigurtà li jibqa’ validu fil-futur.

Ambjent tas-sigurtà li jibqa’ validu fil-futur: l-UE tappoġġa l-protezzjoni tal-infrastruttura kritika minn firxa wiesgħa ta’ theddidiet u l-bini tar-reżiljenza tagħha kontrihom. L-oqsma ewlenin ta’ enfasi huma t-tisħiħ taċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi.

Grafika li tiġbor fil-qosor l-azzjonijiet tal-UE li jipproteġu lill-Ewropej mit-terroriżmu u mill-kriminalità organizzata.

Nipproteġu lill-Ewropej mit-terroriżmu u mill-kriminalità organizzata. Huma meħtieġa sforzi kontinwi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu: jiċċaħħdu l-mezzi ta’ azzjoni billi jiġi limitat l-aċċess għall-armi tan-nar, għall-finanzi, għall-isplussivi jew għas-sustanzi kimiċi; u permezz tal-prevenzjoni, billi tissaħħaħ il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni. L-UE qed tappoġġa l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata f’oqsma ġodda u tradizzjonali, fosthom id-drogi, l-armi tan-nar jew it-traffikar tal-bnedmin; il-kriminalità finanzjarja; il-korruzzjoni; u r-reati ambjentali. Fost l-inizjattivi adottati mill-Kummissjoni hemm l-Aġenda 2021–2025 tal-UE dwar id-Drogi, il-Pjan ta’ Azzjoni 2020–2025 tal-UE dwar it-Traffikar tal-Armi tan-Nar, l-ewwel rapport tal-UE dwar l-istat tad-dritt, Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni, l-Aġenda tal-UE Kontra t-Terroriżmu u r-reviżjoni tal-mandat tal-Europol.

Rapport ta’ progress dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tad-9 ta’ Diċembru: sommarju tal-inizjattivi s’issa.

Industrija tad-difiża

Il-frammentazzjoni tal-industrija tad-difiża qed tqajjem dubji dwar il-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tibni l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ kapaċitajiet tad-difiża. Dan kieku jnaqqas l-awtonomija strateġika u s-sovranità tal-UE, u l-kapaċità tagħha li taġixxi bħala garanti tas-sigurtà. Fl-2020, żewġ programmi pilota innovattivi rrappreżentaw pass kbir ’il quddiem — l-Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża, b’baġit ta’ €90 miljun, u l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża, b’baġit ta’ €500 miljun. Matul is-sena, l-azzjoni preparatorja pprovdiet €23 miljun f’finanzjament għal 10 proġetti tar-riċerka dwar id-difiża, filwaqt li l-programm għall-iżvilupp ta €200 miljun għal 16-il proġett. L-azzjoni u l-programm iwittu t-triq għal Fond Ewropew għad-Difiża komplut, li mill-2021 se jgħin fil-ħolqien ta’ bażi industrijali tad-difiża integrata madwar l-UE.

B’mod parallel, l-Istati Membri u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna komplew jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tal-inizjattivi tad-difiża, inkluż il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti dwar id-Difiża u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża. Ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President, Josep Borrell, tqabbad mill-Kunsill biex jiżviluppa Boxxla Strateġika biex isaħħaħ il-kultura Ewropea komuni tas-sigurtà u d-difiża u jiddefinixxi orjentazzjonijiet ta’ politika fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-kriżijiet, ir-reżiljenza, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u s-sħubijiet.

Ġabra ta’ ritratti ta’ diversi karti tal-flus tal-ewro.

Tisħiħ tal-ekonomija

Żmien ta’ sfida għall-ekonomija tal-UE

Il-pandemija tal-coronavirus tirrappreżenta xokk bla preċedent għall-ekonomiji globali u tal-UE, b’konsegwenzi soċjali u ekonomiċi serji ħafna. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni li sar fil-ħarifa, l-ekonomija tal-UE kienet prevista li tiċkien b’7.4 % fl-2020, qabel ma tirkupra bi tkabbir ta’ 4.1 % fl-2021 u ta’ 3 % fl-2022. Filwaqt li l-pandemija laqtet ħażin lill-ekonomiji tal-Istati Membri kollha, l-iskala tal-impatt u l-qawwa tal-irkupru se jvarjaw b’mod sinifikanti bejn ir-reġjuni.

Ir-rata tal-qgħad fl-UE kollha mistennija tiżdied minn 6.7 % fl-2019 għal 7.7 % fl-2020, u dan jaffettwa b’mod sproporzjonat lin-nisa, liż-żgħażagħ, lill-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u lil dawk b’impjieg temporanju. Il-faqar, l-esklużjoni soċjali, u l-inugwaljanzi mistennija jiżdiedu, u dan jissottolinja l-ħtieġa għal irkupru inklużiv u ġust għal kulħadd.

L-isfidi li nħolqu mill-pandemija fl-2020 jenfasizzaw għal darb’oħra l-importanza tal-koordinazzjoni politika u ekonomika fl-UE. Is-Semestru Ewropew jipprovdi qafas stabbilit sew għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi biex jiggwida lill-UE u lill-Istati Membri tagħha fl-isfidi tal-irkupru u tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għaldaqstant, is-Semestru Ewropew u l-Faċilità l-ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin. Il-valutazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri se tiġi vverifikata mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti u speċifiċi għall-pajjiż, peress li dawn jirriflettu l-isfidi ewlenin ta’ kull Stat Membru. Minħabba din ir-rabta, l-iskeda ta’ żmien tas-Semestru Ewropew għaċ-ċiklu 2020–2021 kienet adattata b’mod temporanju għat-tnedija tal-faċilità l-ġdida.

Fl-2020, il-Kummissjoni bdiet ukoll tintegra l-Għanijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli fis-Semestru Ewropew bħala parti mill-istrateġija tagħha biex tiffoka fuq sostenibbiltà kompetittiva u tibni ekonomija għas-servizz tan-nies u tal-pjaneta, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Raġel liebes ilbies mediku abjad jimbotta kmamar improvviżati li jillokkjaw flimkien għall-eżamijiet mediċi f’parkeġġ tal-karozzi.
L-istabbiliment ta’ sptar mobbli, prototip iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, sabiex jgħin lill-isptarijiet tar-reġjun ilaħħqu maż-żieda ta’ pazjenti minħabba l-coronavirus, Bayonne, Franza, id-9 ta’ Novembru 2020.

Fl-ewwel nofs tal-2020, aktar minn €23 biljun kienu investiti madwar l-UE taħt l-erba’ fondi tal-politika ta’ koeżjoni — żieda ta’ aktar minn 5 % minn tmiem l-2019, minkejja l-inċertezza ekonomika kkawżata mill-pandemija. Beda sforz sinifikanti ta’ riprogrammazzjoni taħt iż-żewġ Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus stabbiliti f’Marzu u f’April bis-saħħa ta’ proposta immedjata tal-Kummissjoni u tal-approvazzjoni mgħaġġla tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li tippermetti li l-fondi jsiru disponibbli u jiġu allokati għall-azzjonijiet marbutin ma’ kriżijiet speċifiċi fl-Istati Membri kollha (ara wkoll ir-“Rispons ikkoordinat għall-pandemija tal-COVID-19”).

Mappa li tiġbor fil-qosor firxa ta’ proġetti ta’ appoġġ fil-pandemija li ġew iffinanzjati permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus u permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus f’diversi Stati Membri tal-UE.

Il-finanzjament li sar disponibbli permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) u permezz tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+) appoġġa l-akkwisti ta’ emerġenza tat-tagħmir mediku u ta nifs lin-negozji biex ma jfallux. Xi eżempji jinkludu (skont id-direzzjoni tal-arloġġ). Il-Polonja xtrat 536 ventilatur respiratorju u 120 vettura ta’ emerġenza. Is-Slovakkja xtrat 110 vettura addizzjonali ta’ emerġenza. L-appoġġ għall-kapital operatorju tal-SMEs kien jammonta għal 800 miljun ewro fir-Rumanija. Il-Bulgarija xtrat 317-il ventilatur respiratorju u iktar minn żewġ miljun maskra. L-appoġġ għall-kapital operatorju tal-SMEs kien jammonta għal 1.3 biljun ewro fil-Greċja. L-Italja appoġġat lil 470 laboratorju u ffinanzjat 2.5 miljun test tas-Sars Co V 2. Spanja ħejjiet kważi 3,800 spazju addizzjonali bis-sodod fl-unità tal-kura intensiva, akkwistat 1.8 biljun oġġett ta’ tagħmir protettiv personali u xtrat 2,170 ventilatur respiratorju. Il-Portugall appoġġa l-produzzjoni tal-apparati mediċi, tat-testijiet u tat-tagħmir protettiv personali. L-appoġġ għall-kapital operatorju tal-SMEs kien jammonta għal 320 miljun ewro fl-Ungerija. Franza pprovdiet 223 miljun ewro f’għotjiet u strumenti finanzjarji lil iktar minn 3,200 SME. L-Irlanda ffinanzjat l-akkwist ta’ 65 miljun oġġett ta’ tagħmir protettiv personali għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa.

Strateġija Industrijali ġdida għall-Ewropa

F’Marzu, il-Kummissjoni ppubblikat Strateġija Industrijali ġdida għall-Ewropa li tispjega kif jinħolqu l-kondizzjonijiet it-tajba biex jgħinu lill-industrija tibqa’ kompetittiva globalment u tmexxi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-pandemija aċċellerat dawn ix-xejriet u enfasizzat kif id-dipendenzi globali tal-UE jistgħu jaffettwaw l-abbiltà tagħna li nirreaġixxu meta jkun hemm kriżi. L-istrateġija se tgħin biex tappoġġa l-irkupru tal-Ewropa u tiżgura r-reżiljenza tal-ekonomija.

Grafika li tiġbor fil-qosor l-impatt tal-Istrateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa fuq il-kompetittività globali tal-UE u fuq it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tal-Ewropa għat-tkabbir. Fil-qalba tiegħu hemm l-għan li nsiru l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050. Huma meħtieġa l-kundizzjonijiet it-tajbin biex l-intraprendituri jsarrfu l-ideat tagħhom fi prodotti u f’servizzi reali, u biex il-kumpaniji ta’ kull daqs jirnexxu u jikbru. L-UE trid tuża s-saħħa tal-impatt, id-daqs u l-integrazzjoni tas-suq uniku tagħha biex leħinha jkun jiswa fid-dinja u biex tistabbilixxi standards globali. It-teknoloġiji diġitali qed jibdlu wiċċ l-industrija u l-mod kif nagħmlu n-negozju. Dawn jippermettu lill-atturi ekonomiċi jkunu iktar proattivi, jipprovdu ħiliet ġodda lill-ħaddiema u jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija tagħna.

Minn Marzu, il-Kummissjoni għamlet diversi proposti relatati mal-objettivi tal-istrateġija: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari; Pjan ta’ Azzjoni għall-Materja Prima Kritika; Strateġija tal-UE għall-Idroġenu biex tappoġġa t-tranżizzjonijiet nodfa u diġitali tal-industrija tagħna (ara wkoll “Noħolqu Ewropa lesta għall-era diġitali li tkun newtrali għall-klima”); u Pjan ta’ Azzjoni għall-Proprjetà Intellettwali biex jappoġġa s-sovranità teknoloġika u r-reżiljenza industrijali tal-UE. B’mod parallel, il-Kummissjoni ħadmet fuq it-tisħiħ tar-rwol tal-ekosistemi industrijali billi analizzat il-ħtiġijiet ta’ investiment tagħhom. Biex tiżgura li l-UE tista’ tiggarantixxi kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-Suq Uniku, il-Kummissjoni ppubblikat White Paper u wettqet konsultazzjoni wiesa’ dwar l-effetti li jxekklu s-sussidji barranin u kif dawn għandhom jiġu indirizzati.

L-Istrateġija għall-SMEs li takkumpanja l-pakkett tal-Istrateġija Industrijali għandha l-għan li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-25 miljun intrapriża żgħira u medja tal-Ewropa. Inizjattivi bħall-konsulenti tas-sostenibbiltà u l-approċċ ta’ investiment Escalar biex jinġabru sa €1.2 biljun f’kapital ta’ riskju u investimenti fl-ekwità privata għal innovazzjonijiet rivoluzzjonarji, se jgħinu lil dawn in-negozji jadattaw u jkollhom rwol kruċjali fit-trasformazzjoni industrijali.

It-trasformazzjoni industrijali tal-Ewropa tiddependi wkoll fuq Suq Uniku integrat u li jiffunzjona sew. Biex tindirizza l-ostakli li fadal, il-Kummissjoni pproponiet azzjonijiet biex jiġu infurzati aħjar ir-regoli eżistenti dwar is-Suq Uniku, inkluż it-twaqqif ta’ Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku, li kellha rwol importanti biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija. Regoli ġodda fis-seħħ dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-merkanzija se jħaffu wkoll il-proċess u jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji biex ibigħu l-prodotti tagħhom madwar l-Ewropa.

Politika spazjali

It-teknoloġiji, id-data u s-servizzi spazjali jistgħu jsaħħu l-bażi industrijali tal-Ewropa billi jappoġġaw l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi, inklużi t-teknoloġiji emerġenti mill-aktar avvanzati u innovattivi. Pereżempju, Galileo, il-komponent tan-navigazzjoni tal-Programm Spazjali tal-Unjoni, saħħaħ il-preżenza tiegħu fis-suq fl-2020 billi laħaq aktar minn 1.7 biljun smartphone kompatibbli ma’ Galileo. Permezz ta’ Galileo, l-informazzjoni ta’ pożizzjonament ipprovduta minn apparati mobbli hija aktar preċiża u affidabbli, b’mod partikolari f’żoni urbani.

F’Diċembru 2020, il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim politiku proviżorju dwar ir-Regolament tal-UE dwar l-Ispazju, li jiġbor il-komponenti kollha tal-Programm Spazjali tal-UE taħt kappa waħda, b’baġit ta’ €13-il biljun (l-akbar wieħed li qatt kien hemm fil-livell tal-UE għall-ispazju). Ir-Regolament il-ġdid jirrifletti l-involviment u l-ambizzjonijiet tal-UE fl-ispazju, li dejjem qed jikbru u li jestendu lil hinn mill-programmi emblematiċi Copernicus u Galileo biex jinkludu azzjonijiet ġodda bħala appoġġ għas-sigurtà fl-ispazju, għall-aċċess indipendenti għall-ispazju u għall-intraprenditorija fl-ispazju. B’mod parallel, in-negozjati dwar il-ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Aġenzija futura tal-UE għall-Programm Spazjali komplew ukoll, biex jiddefinixxu kif l-inkarigi se jkunu attribwiti bejn iż-żewġ aġenziji, f’konformità mar-Regolament dwar l-Ispazju.

Satellita ddur mad-dinja bil-katina muntanjuża tal-Andes viżibbli fl-isfond. © ESA/ATG medialab
Is-satellita tal-programm Copernicus, Sentinel-6 Michael Freilich, għall-osservazzjoni tad-Dinja, ittellgħet fil-21 ta’ Novembru 2020. Din tuża l-aħħar teknoloġija tal-altimetrija bir-radar biex tiġbor id-data dwar it-topografija tal-oċeani, li tippermetti l-kejl taż-żieda fil-livelli tal-baħar. Għalhekk, din id-data ta’ Sentinel-6 se tkun essenzjali għax-xjenza u għat-tfassil tal-politika dwar il-klima, u biex tipproteġi lin-nies f’riskju ta’ żieda fil-livelli tal-baħar.
© Nicolas Economou / NurPhoto / NurPhoto permezz ta’ AFP

Avjazzjoni

F’Settembru, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjanijiet tagħha biex timmodernizza l-ispazju tal-ajru Ewropew permezz tal-proposta emendata Ajru Uniku Ewropew 2+. L-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tgħin biex jitnaqqsu d-dewmien u l-impatt ambjentali tat-titjiriet, filwaqt li żżomm livell għoli ta’ sikurezza u żżomm l-ispejjeż imħallsa mill-utenti tal-ispazju tal-ajru taħt kontroll.

Riċerka u innovazzjoni eċċellenti

Il-Komunikazzjoni ta’ Ottubru tal-Kummissjoni dwar iż-Żona Ewropea ġdida tar-Riċerka stabbiliet il-pjanijiet tagħha għar-riċerka u l-innovazzjoni biex tappoġġa l-irkupru tal-UE u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-komunikazzjoni tistabbilixxi l-kondizzjonijiet biex tinħoloq Żona Ewropea tar-Riċerka kompetittiva, miftuħa u mmexxija mit-talenti. L-14-il azzjoni proposta se jgħinu biex tingħata prijorità lill-investimenti, biex jitjieb l-aċċess għall-eċċellenza, biex jitħarrġu u jiġu attirati l-aqwa talenti, biex l-ideat innovattivi jinbidlu fi prodotti u f’servizzi ġodda u biex ix-xjenza tinfetaħ iktar.

F’Ġunju 2020, il-Kummissjoni stabbiliet il-Fond tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni biex tagħmel investimenti diretti ta’ ekwità u kważi ekwità fil-kapital ta’ negozji ġodda u intrapriżi żgħar u medji. Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni għamlet dawn l-investimenti diretti ta’ ekwità fil-kumpaniji. Total ta’ 140 negozju f’ħafna setturi b’użu intensiv tat-teknoloġija (inklużi s-setturi diġitali, tas-saħħa u tal-enerġija) kienu magħżula minn qabel għall-investimenti ta’ ekwità li kienu jammontaw għal kważi €600 miljun.

F’Ġunju, il-Kummissjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Investitionsbank Berlin ħabbru l-ewwel ċiklu ta’ finanzjament mill-Fond Ewropew tal-Malarja, li għandu l-għan li jappoġġa soluzzjonijiet affordabbli u innovattivi għall-prevenzjoni u t-trattament tal-malarja. Finanzjament ta’ €70 miljun se jappoġġa proġetti li jkunu promettenti xjentifikament u li għadhom ma ġewx segwiti mill-industrija tal-farmaċewtika. Il-fond huwa sostnut mill-InnovFin tal-UE u mill-Fond Ewropew tal-Investimenti Strateġiċi, inizjattivi konġunti tal-Kummissjoni u tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Filmat li jiddeskrivi ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
FILMAT: Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-ġdida.

Unjoni Bankarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali

Il-kriżi tal-coronavirus taffettwa wkoll is-self, u s-swieq finanzjarji tagħna u l-qawwa tal-irkupru jiddependu fuq il-funzjonament tajjeb tas-swieq kapitali u l-aċċess għall-finanzjament. F’Ġunju, il-Parlament approva s-soluzzjoni ta’ malajr għar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital biex iħeġġeġ lill-banek isellfu lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi, u f’Lulju, il-Kummissjoni ħabbret miżuri biex tagħmilha aktar faċli għas-swieq kapitali biex jappoġġaw lin-negozji tal-UE li qed jirkupraw mill-kriżi.

Biex jittaffa aktar l-impatt tal-pandemija fuq in-nies u n-negozji, f’Lulju nħolqot lista tal-aħjar prattiki wara żewġ laqgħat organizzati mill-Kummissjoni mar-rappreżentanti tal-konsumaturi u tan-negozji, mal-banek Ewropej, ma’ selliefa oħra u mas-settur tal-assigurazzjoni. Din il-lista tistabbilixxi kif dawn l-atturi tas-suq jistgħu jappoġġaw liċ-ċittadini u lin-negozji matul il-kriżi. Dawn id-diskussjonijiet huma parti minn sforz usa’ tal-Kummissjoni biex jiżdied l-għoti tas-self.

F’Settembru, il-Kummissjoni ħabbret pjan ta’ azzjoni ġdid biex titwettaq Unjoni tas-Swieq Kapitali li taħdem għan-nies u għan-negozji. Minkejja li dan huwa proġett fit-tul, miżuri fuq medda qasira taż-żmien jistgħu jagħmlu differenza — bħas-simplifikar tar-rekwiżiti ta’ elenkar għall-intrapriżi żgħar u medji, iżjed appoġġ għal aktar investimenti fl-ekwità fit-tul mill-assiguraturi u mill-banek, u inkoraġġiment lill-banek biex jagħmlu aktar użu mit-titolizzazzjoni u jtejbu l-aċċess tal-investituri għall-informazzjoni.

Ħafna unitajiet domestiċi u kumpaniji sabu ruħhom taħt pressjoni finanzjarja qawwija minħabba l-pandemija. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha l-prijorità ewlenija li tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji jkomplu jaċċessaw il-kreditu mill-banek tagħhom. Lejn l-aħħar tal-2020, il-Kummissjoni pproponiet Strateġija dwar Self Improduttiv li, filwaqt li tiżgura li min jissellef ikun protett, tista’ tgħin biex tiġi evitata żieda fis-self improduttiv simili għal dik ta’ wara l-aħħar kriżi finanzjarja. L-għan huwa li jingħata kontribut għal irkupru rapidu u sostenibbli tal-ekonomija ladarba l-pandemija tgħaddi filwaqt li tiġi preservata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju Ewropew u l-kapaċità tal-banek li jsellfu lill-ekonomija reali.

Bl-adozzjoni tar-Regolament dwar it-Tassonomija rigward il-finanzi sostenibbli fl-2020, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali qed issir aktar ekoloġika u qed tgħin lill-UE tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha billi qed tagħti spinta lill-investiment tas-settur privat fi proġetti ekoloġiċi u sostenibbli. (Ara wkoll “Noħolqu Ewropa lesta għall-era diġitali li tkun newtrali għall-klima”.)

Tassazzjoni u dwana ġusti, sempliċi u moderni

Tassazzjoni ġusta hija essenzjali biex jiġi protett id-dħul pubbliku, jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali. Fl-2020, il-Kummissjoni nediet xogħolha biex iġġedded l-ambjent tat-taxxa fl-Ewropa, sabiex tagħmlu aktar ġust u aktar favur it-tkabbir. F’Lulju, ippreżentat pakkett ġdid dwar it-tassazzjoni, inkluż Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi, biex it-tassazzjoni ssir aktar faċli għall-kontribwenti onesti u aktar diffiċli għal min iqarraq fit-taxxa. Wara l-proposta tal-Kummissjoni f’Lulju, f’Novembru l-Istati Membri qablu dwar regoli ġodda dwar it-trasparenza tat-taxxa għall-pjattaformi diġitali. Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa fl-UE u lil hinn minnha, li jagħtu tweġiba għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Lulju.

Rigward id-dwana, f’Settembru l-Kummissjoni adottat Pjan ġdid ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni Doganali li jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri biex id-dwana tal-UE ssir aktar intelliġenti, aktar innovattiva u aktar effiċjenti. F’Ottubru, adottat l-inizjattiva Ambjent ta’ Tieqa Unika tal-UE għad-dwana, li hija soluzzjoni diġitali li tħares lejn il-futur għal kondiviżjoni tad-data elettronika aktar mgħaġġla u aktar effiċjenti bejn awtoritajiet governattivi differenti involuti fl-iżdoganar tal-merkanzija fil-fruntiera.

Kompetizzjoni ġusta

L-istrateġija industrijali, ekoloġika u diġitali tal-futur tal-Ewropa għandha tkun ibbażata fuq kompetizzjoni ġusta. Il-politika tal-kompetizzjoni tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni li jipprovdu lin-negozji bl-inċentiv li jinvestu, iġeddu u jikbru. Din tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u tal-kumpaniji Ewropej, u tipproteġi l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għal inputs ta’ kwalità għolja bi prezzijiet attraenti, biex jiżguraw li jibqgħu kompetittivi, kemm f’pajjiżhom u kemm madwar id-dinja. Ir-regoli tajbin dwar il-kompetizzjoni tal-UE jippermettu l-kooperazzjoni favur il-kompetizzjoni, jappoġġaw it-tkabbir u l-iżvilupp ta’ kumpaniji b’saħħithom, kemm il-kumpaniji kbar kif ukoll l-SMEs, u tippermetti u tappoġġa lill-ekonomija tagħna biex ikollha approċċ aktar ekoloġiku.

Fl-2020, il-Kummissjoni kompliet l-azzjoni ta’ infurzar tagħha tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, tal-kontroll tal-fużjonijiet u tar-regoli tal-antitrust fis-swieq kollha, inklużi l-industriji diġitali, farmaċewtiċi u bażiċi, kif ukoll swieq oħra.

Huwa importanti li fil-kuntest tar-rispons ekonomiku tagħha għall-COVID-19, f’Marzu, il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju għall-Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-flessibbiltà sħiħa pprovduta skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw lill-kumpaniji li qed isofru konsegwenzi bla preċedent minħabba t-tifqigħa. Matul is-sena, il-Kummissjoni ħadet kważi 400 deċiżjoni li approvaw 500 miżura nazzjonali nnotifikati minn 27 Stat Membru u mir-Renju Unit fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus.

Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-bidla qed isseħħ b’pass dejjem aktar mgħaġġel, u d-dinja qed issir dejjem aktar diġitali u interkonnessa. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kompliet ir-riflessjoni tagħha dwar il-mod kif jiġu applikati r-regoli tal-kompetizzjoni, filwaqt li kompliet ir-rieżami tagħha tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-oqsma tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-kontroll tal-fużjonijiet u l-antitrust, f’konformità mal-prijoritajiet ekoloġiċi u diġitali tal-President von der Leyen.

Barra minn hekk, biex tindirizza b’mod aktar effettiv il-problemi li ġejjin mis-swieq diġitali li huma suxxettibbli għall-fallimenti tas-suq, bħas-setgħa ta’ gwardjan ta’ ċerti pjattaformi diġitali, fil-15 ta’ Diċembru l-Kummissjoni ppreżentat Att dwar is-Swieq Diġitali u Att dwar is-Servizzi Diġitali. (Ara “Noħolqu Ewropa lesta għall-era diġitali li tkun newtrali għall-klima” għal aktar informazzjoni dwar dawn l-inizjattivi.)

Żewġ adulti u tifel bilqiegħda fuq sufan iħarsu lejn smartphone flimkien.

Bini ta’ Ewropa ġusta u soċjali

Ewropa soċjali b’saħħitha għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali

Grafika li turi d-data dwar l-isfidi soċjali.

Ħaddiem wieħed biss b’livell baxx ta’ ħiliet minn kull 25 jibbenefika mill-apprendiment tul il-ħajja. Fl-2018, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa kienet ta’ 14.1%. 50% biss tal-persuni b’diżabbiltà li jridu jaħdmu għandhom impjieg. Iktar minn 20% tat-tfal jinsabu fir-riskju tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali. 40% tat-tipi ta’ kanċer jistgħu jiġu evitati. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni Ewropej varja minn 2.8% sa 64% fl-2019.

L-irkupru ekonomiku mill-pandemija tal-coronavirus irid ikun ġust u inklużiv, u fl-istess ħin irid iħejji liċ-ċittadini għat-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali. L-UE se tagħti prijorità lid-dimensjoni soċjali tal-ekonomija, b’mod partikolari billi tappoġġa lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet inizjattivi għal Ewropa soċjali b’saħħitha, bil-pilastru bħala s-sies tagħha. L-Istati Membri, ir-reġjuni u s-sħab tal-UE ġew mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar kif għandhom jintlaħqu l-objettivi tal-pilastru bħala tħejjija għal pjan ta’ azzjoni ġdid fl-2021.

Grafika li turi d-data dwar il-ħaddiema b’paga minima li jsibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja.

Il-grafika turi l-persentaġġ tal-ħaddiema b’paga minima li jsibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja. 2% jsibuha faċli ħafna, 7% faċli u 21% pjuttost faċli. 39% jsibuha pjuttost diffiċli u 20% jsibuha diffiċli. Fl-aħħar nett, 11% jsibuha diffiċli ħafna biex il-paga sservihom sal-aħħar tax-xahar. Ħafna minn dawn il-ħaddiema huma impjegati fl-agrikoltura jew fis-settur tat-tindif, u l-maġġoranza tal-persuni b’paga minima – kważi 60% fl-UE kollha – huma nisa. Sors: il-kalkoli tal-Eurofound abbażi tal-UE-SILC tal-2018.

Li jiġi żgurat li kull ħaddiem fl-UE jkollu protezzjoni adegwata tal-paga minima li tippermetti għajxien deċenti huwa wieħed mill-prinċipji tal-pilastru u prijorità għall-President von der Leyen. Din hi r-raġuni għaliex, f’Ottubru, il-Kummissjoni pproponiet li ttejjeb l-adegwatezza u l-firxa tal-protezzjoni tal-paga minima fl-Ewropa. Id-Direttiva proposta għandha l-għan li tiżgura li l-ħaddiema kollha fl-UE jkunu protetti b’paga minima adegwata li tippermetti għajxien deċenti kull fejn jaħdmu. Tippromwovi wkoll in-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi fl-Istati Membri kollha, u għandha l-għan li tnaqqas l-inugwaljanzi fil-pagi u l-faqar fost min għandu impjieg filwaqt li tħares id-diversità tal-kuntesti u tat-tradizzjonijiet nazzjonali.

Żvilupp tal-ħiliet tan-nies

It-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali qed ibiddlu l-mod kif naħdmu, kif nitgħallmu, kif nieħdu sehem fis-soċjetà u kif ngħixu ħajjitna ta’ kuljum. Fl-istess ħin, il-pandemija kellha impatt qawwi fuq miljuni ta’ nies fl-UE, li tilfu xogħolhom u esperjenzaw telf sinifikanti fl-introjtu. L-Ewropa tista’ biss tindirizza dawn l-isfidi u taħtaf l-opportunitajiet jekk niesha jiżviluppaw il-ħiliet it-tajba.

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa hi pjan fuq ħames snin li tgħin lill-individwi u lin-negozji jiżviluppaw aktar ħiliet u ħiliet aħjar, u jużawhom. L-aġenda timmobilizza s-sħab pubbliċi u privati b’sett ta’ objettivi ambizzjużi għall-iżvilupp tal-ħiliet li jridu jintlaħqu sal-2025.

L-Aġenda għall-Ħiliet tinkludi 12-il azzjoni organizzati madwar erba’ elementi kostitwenti: Patt għall-Ħiliet li jippromwovi azzjoni konġunta li timmassimizza l-impatt tal-investiment fit-titjib tal-ħiliet fil-forza tax-xogħol; azzjonijiet li jiżguraw li n-nies ikollhom il-ħiliet it-tajba għall-impjiegi; għodda u inizjattivi li jappoġġaw lin-nies fil-perkorsi ta’ apprendiment tul il-ħajja; u qafas biex jiġi sfruttat l-investiment fil-ħiliet.

L-aġenda tnediet fl-1 ta’ Lulju 2020, u diġà għaddejja azzjoni fil-kuntest ta’ sebgħa mit-12-il inizjattiva ewlenija. Il-ħames inizjattivi ewlenin li jifdal se jitniedu fl-2021.

Ħolqien ta’ aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ

Grafika li turi x-xejriet tal-qgħad fost iż-żgħażagħ mill-2008 ’l hawn.

Il-grafika turi x-xejra tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE mill-2008 sal-2020. Wara tkabbir kostanti minn ftit inqas minn 16% fl-2008 għal quċċata ta’ 24.9% fl-2013, il-qgħad fost iż-żgħażagħ beda jonqos b’mod kostanti, qabel ma reġa’ kien hemm żieda żgħira sa 17.7% f’Novembru 2020.

Il-pandemija ħarġet fid-dieher kemm ħafna żgħażagħ spiss iħabbtu wiċċhom ma’ bidu iebes fis-suq tax-xogħol. Permezz tal-pakkett tal-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ, li ġie mniedi f’Lulju, l-għan tal-UE hu li tappoġġa liż-żgħażagħ billi tara li aktar apprendistati jkunu disponibbli u tiżgura li ż-żgħażagħ kollha taħt it-30 sena jirċievu offerta ta’ impjieg, taħriġ jew aktar edukazzjoni fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew jieqfu mill-edukazzjoni. L-għan tal-inizjattiva huwa li permezz tagħha l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jsiru aktar moderni, attraenti u adattati għall-ekonomiji diġitali u ekoloġiċi.

Il-pakkett tal-Appoġġ għall-Impjieg għaż-Żgħażagħ jipproponi wkoll li jsaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jgħin saħansitra aktar żgħażagħ fil-ġejjieni. F’Novembru, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni, li tinkludi titjib bħall-espansjoni tal-ħidma ta’ sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ vulnerabbli u ż-żieda tal-età massima għal 29 sena. Għaldaqstant, il-finanzjament tal-UE hu disponibbli għall-Istati Membri biex iżidu l-appoġġ għall-impjiegi għaż-żgħażagħ, bl-ambizzjoni ġenerali li jinvestu €22 biljun permezz tan-NextGenerationEU u tal-baġit 2021–2027.

Grafika li turi kif l-UE qed tgħin lill-Istati Membri joħolqu pont għall-impjiegi.

L-UE qed tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfida tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Għexieren ta’ biljuni ta’ ewro għat-tisħiħ tal-pjan ta’ rkupru għaż-żgħażagħ se jintefqu fuq Pont għall-Impjiegi (li jsaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ), biex il-politika tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tibqa’ valida fil-futur, u biex tingħata spinta ġdida lill-apprendistati u lil miżuri addizzjonali oħra li jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ. L-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lill-investimenti li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ f’terminu qasir u medju.

Pont għall-impjiegi għall-ġenerazzjoni li jmiss: kif l-UE qed tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfida minnufih.

Kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni

Aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ ifissru wkoll it-titjib tal-kwalità, tal-inklużività u tad-dimensjonijiet diġitali u ekoloġiċi tas-sistemi edukattivi. Għaldaqstant, f’Settembru l-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri. Il-Komunikazzjoni turi kif, flimkien, l-Istati Membri jistgħu jsawru UE fejn l-istudenti u l-għalliema jkunu ħielsa li jitgħallmu u li jaħdmu fil-kontinent kollu, u fejn l-istituzzjonijiet edukattivi jkunu jistgħu jassoċjaw ma’ xulxin b’mod ħieles, fl-Ewropa u lil hinn. Sabiex jinkiseb dan l-objettiv, l-UE u l-Istati Membri tagħha stabbilew stadji importanti ċari, li se jiġu appoġġati min-NextGenerationEU u mill-programm Erasmus+.

Edukazzjoni u taħriġ diġitali

Mara taħdem fuq kompjuter mhux portabbli. © Technocité, 2020
Technocité, qrib il-belt ta’ Mons fil-Belġju, taħdem mal-istudenti adulti u mal-persuni li qed ifittxu impjieg biex tgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu fl-industriji diġitali u kreattivi. Matul l-ewwel lockdown nazzjonali, fil-ħarifa, 2,020 istituzzjoni edukattiva fil-pajjiż kollu ngħalqu għal xhur sħaħ. Għal Technocité, dan kien ifisser ħaġa waħda biss: jadattaw malajr jew jagħlqu totalment. B’finanzjament tal-UE ta’ €3.3 miljun, Technocité rnexxielha tadatta għalkollox il-metodi ta’ ħidma tagħha. Il-klassijiet kollha saru online, li kien ifisser li l-istudenti setgħu jkomplu bil-korsijiet tagħhom mill-bogħod.

Minħabba l-kriżi tal-coronavirus, l-apprendiment online tqiegħed fiċ-ċentru tal-prattiki edukattivi, u ħareġ fid-dieher il-bżonn urġenti li l-edukazzjoni diġitali tittejjeb. Bħala parti mill-isforzi tagħha biex tippromwovi tranżizzjoni diġitali, f’Settembru l-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali ġdid, li jipproponi sett ta’ inizjattivi għal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja, inklużiva u aċċessibbli fl-UE. Dan il-pjan jitlob kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn l-Istati Membri, u bejn il-partijiet ikkonċernati, sabiex is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ ikunu tassew adattati għall-era diġitali. Il-Kummissjoni se toħloq Ċentru Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali biex trawwem kollaborazzjoni bejn l-oqsma ta’ politika rilevanti, toħloq network ta’ servizzi konsultattivi nazzjonali u ssaħħaħ id-djalogu bejn l-atturi pubbliċi u privati.

Tisħiħ tal-azzjoni għal Unjoni ta’ Ugwaljanza

L-UE hi impenjata b’mod attiv fil-kisba ta’ Unjoni ta’ Ugwaljanza. Dan ifisser li jiġu stabbiliti politiki u azzjonijiet li jisfidaw l-isterjotipi li ħafna drabi għadhom preżenti fis-soċjetà, u li jinħolqu kundizzjonijiet għal kulħadd biex jesprimi t-talenti tiegħu jkunu x’ikunu l-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, l-età, id-diżabbiltà, l-orjentazzjoni sesswali jew it-twemmin reliġjuż tiegħu. UE aktar ekwa se tiżgura wkoll li t-teħid ta’ deċiżjonijiet iqisu l-bżonnijiet ta’ kulħadd fis-soċjetà.

F’Diċembru, fl-20 anniversarju tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni adottat strateġija ġdida biex ittejjeb il-mod kif din tiġi applikata. Ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Ġunju 2019 u l-konsultazzjonijiet meħuda għat-tħejjija tal-istrateġija enfasizzaw li l-Istati Membri mhumiex jużaw il-potenzjal kollu tal-Karta. In-nies ftit li xejn għandhom għarfien dwar id-drittijiet tagħhom, u jixtiequ jkunu jafu kif ifittxu rimedju jekk drittijiethom jinkisru. L-istrateġija tipproponi modi kif jiġi żgurat li l-Karta tiġi applikata b’mod effettiv, inkluż billi tingħata s-setgħa lill-qrati u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u billi jittejjeb l-għarfien tan-nies dwar drittijiethom.

Ugwaljanza bejn il-ġeneri

Il-ħolqien ta’ Unjoni ta’ Ugwaljanza huwa prijorità ewlenija għall-Kummissjoni, u huwa essenzjali għal UE ġusta, b’saħħitha u prospera għan-nisa u għall-irġiel, għall-bniet u għas-subien fid-diversità kollha tagħhom. Sabiex jitneħħew id-distakki u l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha fis-soċjetà kollha, inkluż fl-edukazzjoni, fl-impjieg, fin-negozju u fil-politika, f’Marzu l-Kummissjoni ppreżentat Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri. L-istrateġija tistabbilixxi viżjoni, objettivi ta’ politika u azzjonijiet biex tabilħaqq isir progress fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE u lejn il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.

L-azzjonijiet deskritti jinkludu inizjattiva għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra tipi speċifiċi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, azzjonijiet biex jiġu sfidati l-isterjotipi tal-ġeneri, miżuri biex jiġi infurzat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u pagi indaqs, kif ukoll spinta biex jinkiseb bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-politika.

Grafika li turi d-data dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

33% tan-nisa fl-UE esperjenzaw vjolenza fiżika u/jew sesswali. 22% tan-nisa fl-UE esperjenzaw vjolenza minn sieħeb intimu. 55% tan-nisa fl-UE ngħataw fastidju sesswali u x’aktarx li n-nisa jesperjenzaw fastidju sesswali online iktar mill-irġiel. 67% biss tan-nisa fl-UE huma impjegati, meta mqabbla mat-78% tal-irġiel. 7.8% tal-presidenti tal-bordijiet u 8.2% tas-CEOs biss huma nisa.

Minkejja li l-lockdowns u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment dewmu t-tixrid tal-COVID-19, f’bosta sitwazzjonijiet dawn ikkonfinaw ukoll lill-vittmi ta’ vjolenza domestika ma’ dawk li huma l-kaġun tal-vjolenza. Filwaqt li għadu kmieni wisq biex ikollna data robusta, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rrapportat żieda sinifikanti fil-vjolenza domestika minħabba l-miżuri ta’ konfinament. Il-Kummissjoni organizzat seminars online mal-Istati Membri dwar l-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-pandemija. L-avvenimenti koprew prattiki tajba dwar l-indirizzar tal-vjolenza domestika, l-aspetti tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fix-xogħol u fil-kura, u l-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet, ilkoll kemm huma fil-kuntest tal-COVID-19. Kważi €18-il miljun f’fondi mill-Inizjattiva Spotlight ġew diretti mill-ġdid biex jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet matul il-pandemija. Fl-2017, flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, tnediet l-Inizjattiva Spotlight, b’kontribuzzjoni tal-UE ta’ €500 miljun għall-ħidma fuq l-eliminazzjoni ta’ kull tip ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet.

Ġlieda kontra r-razziżmu

Ġabra ta’ ritratti orizzontali ta’ wċuħ maqtugħin min-nofs ta’ nies b’etajiet differenti u minn gruppi etniċi varji.

Minkejja li r-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali huma pprojbiti fl-UE, xorta jibqgħu jippersistu f’ħafna għamliet, ġieli kkombinati mad-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ reliġjon jew twemmin, ġeneru, orjentazzjoni sesswali, età, diżabbiltà jew sfond ta’ migrazzjoni. F’Settembru, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Kontra r-Razziżmu għall-2020–2025 biex tlaqqa’ flimkien l-atturi fil-livelli kollha biex jindirizzaw b’mod aktar effettiv ir-razziżmu, inkluż ir-razziżmu strutturali. Dan il-pjan jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri sabiex japplikaw id-dritt eżistenti tal-Unjoni b’mod aktar strett. Barra minn hekk, jipprevedi l-ħatra ta’ koordinatur tal-UE kontra r-razziżmu u miżuri li jappoġġaw lill-Istati Membri sabiex l-attivitajiet tal-pulizija jkunu aktar ġusti biex jiġu evitati attitudnijiet diskriminatorji, inkluż it-tfassil ta’ profili razzjali u etniċi. Sa tmiem l-2022 l-Istati Membri se jkollhom ukoll jippreżentaw pjanijiet nazzjonali biex jiġġieldu kontra r-razziżmu.

Ugwaljanza, inklużjoni u parteċipazzjoni tar-Rom

Skont stħarriġ tal-2019, 45 % tar-Rom esperjenzaw diskriminazzjoni fit-12-il xahar li għaddew. L-akbar minoranza etnika tal-Ewropa għadha qed tħabbat wiċċha ma’ diskriminazzjoni u esklużjoni soċjoekonomika intollerabbli f’ħajjithom ta’ kuljum, u l-isterjotipi negattivi u l-preġudizzji għadhom komuni. F’Ottubru, il-Kummissjoni ppreżentat qafas strateġiku msaħħaħ tal-UE għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom għall-10 snin li ġejjin.

Filmat dwar l-istrateġija l-ġdida dwar l-ugwaljanza tar-Rom.
FILMAT: Opportunitajiet indaqs #EU4Roma.

Jeħtieġ li r-Rom kollha jkollhom l-opportunità li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u li jinvolvu ruħhom fil-ħajja politika, soċjali, ekonomika u kulturali. Il-qafas preċedenti ffoka primarjament fuq l-integrazzjoni soċjoekonomika. Il-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE dwar ir-Rom jistabbilixxi sensiela ta’ miri minimi li għandhom jintlaħqu sal-2030. Dawn se jintlaħqu permezz ta’ approċċ aktar komprensiv li jikkomplementa l-inklużjoni tar-Rom emarġinati billi jrawwem l-ugwaljanza u jippromwovi l-parteċipazzjoni għal kulħadd. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll lill-Kunsill rakkomandazzjoni dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom, b’lista ta’ miżuri speċifiċi li jridu jittieħdu mill-Istati Membri sabiex jinkisbu l-objettivi komuni fil-livell tal-UE. Il-qafas strateġiku jorbot mal-ħidma tal-Kummissjoni f’oqsma oħra, inkluż il-baġit tal-UE għall-2021–2027, il-Pjan ta’ Azzjoni Kontra r-Razziżmu tal-UE għall-2020–2025, l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri.

Ugwaljanza tal-LGBTIQ

L-ewwel Strateġija għall-Ugwaljanza tal-LGBTIQ tal-Kummissjoni, ippubblikata f’Novembru, tistabbilixxi l-azzjonijiet tal-UE biex tindirizza d-diskriminazzjoni u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru, intersesswali u queer. Il-Kummissjoni qiegħda tippjana inizjattiva biex testendi l-lista tal-Euroreati biex tinkludi d-diskors ta’ mibegħda omofobika u r-reati ta’ mibegħda, u tipproponi li tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, li torganizza kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fl-UE kollha, li tiffinanzja l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li tintegra l-ugwaljanza tal-LGBTIQ fil-politiki tal-UE.

Grafika li tiġbor fil-qosor l-ewwel strateġija tal-UE dwar il-persuni LGBTIQ.

L-ewwel Strateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza tal-Persuni LGBTIQ tal-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi għadd ta’ objettivi ewlenin f’erba’ pilastri li jridu jinkisbu sal-2025. Dawn huma: l-indirizzar tad-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ; l-iżgurar tas-sigurtà tal-persuni LGBTIQ; il-bini ta’ soċjetajiet inklużivi għall-persuni LGBTIQ; u nkunu minn ta’ quddiem fid-dinja sabiex nippromwovu s-sejħa għall-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ.

Drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà

Il-persuni b’diżabbiltà jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ riskju akbar ta’ faqar, kisba edukattiva aktar baxxa, ostakli li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà u nuqqas ta’ indipendenza u awtonomija li jistgħu jikkompromettu d-dinjità u d-drittijiet fundamentali tagħhom. Il-pandemija tal-COVID-19 kompliet taggrava dawn l-inugwaljanzi. F’Novembru, il-Kummissjoni ppubblikat l-evalwazzjoni tagħha tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà 2010–2020. Sabet li, filwaqt li hemm lok għal titjib, l-istrateġija kellha impatt pożittiv fuq l-inklużjoni tal-problemi li jiltaqgħu magħhom il-persuni b’diżabbiltà fil-leġiżlazzjoni u fil-politiki tal-UE. Xi eżempji huma l-adozzjoni tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, id-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web u l-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri.

Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi

F’Ġunju, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. L-għan ewlieni tagħha hu li tiżgura li l-vittmi kollha ta’ reati jkunu jistgħu jistrieħu bis-sħiħ fuq drittijiethom, ikun fejn ikun sar ir-reat fl-UE, jew f’liema ċirkostanzi sar. L-istrateġija tipproponi azzjoni li tippermetti lill-vittmi jirrappurtaw ir-reati, ifittxu kumpens u jegħlbu l-konsegwenzi tar-reat, kif ukoll tippromwovi taħriġ għall-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi. Ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, ippubblikat f’Mejju, ħareġ fid-dieher in-nuqqasijiet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fir-rigward tad-drittijiet bħall-aċċess għall-informazzjoni, is-servizzi ta’ appoġġ u l-protezzjoni, li l-istrateġija għandha l-għan li tegħleb.

Antiċipazzjoni tal-isfidi tal-ġejjieni biex l-UE ssir aktar reżiljenti

Kultura ta’ antiċipazzjoni u tħejjija hija kruċjali biex niffaċċjaw l-isfidi tal-ġejjieni. Fl-ewwel Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tagħha, il-Kummissjoni tiffoka fuq l-inkorporazzjoni tal-prospettiva strateġika fit-tfassil tal-politika tal-UE, fl-issettjar ta’ qafas fil-Kummissjoni kollha, u tipproponi prospettiva strateġika bħala għodda għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE f’erba’ dimensjonijiet: soċjali u ekonomika; ġeopolitika; ekoloġika; u diġitali. L-antiċipazzjoni ta’ xejriet futuri hija essenzjali biex tiżgura li dawk li jfasslu l-politika jqisu kwistjonijiet fit-tul, bħall-isfidi demografiċi.

Filmat dwar il-megatendenzi futuri.
FILMAT: Kif il-prospettiva strateġika se tgħin lit-tranżizzjonijiet diġitali, ekoloġiċi u ġusti u tagħmel lill-Ewropa aktar reżiljenti.

It-tibdil demografiku qiegħed jittrasforma s-soċjetà Ewropea. F’Ġunju, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport tagħha dwar l-impatti tax-xejriet demografiċi madwar l-UE. Ir-rapport jenfasizza r-rabtiet bejn ix-xejriet u l-impatti demografiċi u l-potenzjal ta’ rkupru mill-kriżi tal-coronavirus. Ir-rapport iniedi l-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam u se jgħin biex jiġi identifikat kif in-nies, ir-reġjuni u l-komunitajiet l-aktar milquta jistgħu jiġu appoġġati bl-aħjar mod. Dan iservi wkoll bħala s-sies għall-Green Paper dwar it-Tixjiħ, u l-viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali mistennija fl-2021. Il-bidla tal-isfidi demografiċi f’opportunitajiet se tgħin biex jinkisbu t-trasformazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali li huma vitali għal futur prosperu u sostenibbli. Dan se jfisser li l-kura tas-saħħa, il-benesseri, il-baġits pubbliċi u l-aċċess għas-servizzi jiġu eżaminati fid-dawl tat-tibdil fil-pajsaġġ demografiku, sabiex il-politiki jiġu aġġustati aħjar għall-ħtiġijiet u għar-realtajiet fil-post.

Grafika li turi d-data dwar it-tbassir demografiku.

Fl-2018, l-istennija tal-għomor fit-twelid laħqet 78.2 sena għall-irġiel u 83.7 sena għan-nisa. Huwa mistenni li dan it-tkabbir ikompli: huwa mistenni li l-irġiel li jitwieldu fl-2070 jgħixu għal 86.1 sena, u n-nisa jgħixu għal 90.3 sena. Fl-2018, l-għadd medju ta’ twellid għal kull mara kien 1.55 u l-età medjana tagħhom fit-twellid kienet 31.3 sena. Huwa mistenni li t-twellid jiżdied għal 1.66 u l-età medjana tilħaq 31.7 sena fl-2070. Sal-2070, huwa mistenni li s-sehem tal-popolazzjoni li jkollha 65 sena jew iktar ikun 30.3% (meta mqabbel ma’ 20.3% fl-2019) u s-sehem tal-popolazzjoni li jkollha 80 sena jew iktar (meta mqabbel ma’ 5.8% fl-2019) ikun 13.2%.

Għalliem jagħti lezzjonijiet fil-beraħ bħala parti mill-proġett EU4Schools fl-Albanija. © UNDP L-Albanija, 2020

Promozzjoni tal-interessi u tal-valuri Ewropej fid-dinja

Bini ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha u aktar qawwija mal-Afrika

Ursula von der Leyen, fin-nofs, ma’ diversi Kummissarji Ewropej u rappreżentanti tal-Unjoni Afrikana.
L-għaxar laqgħa bejn il-Kummissjoni tal-UE u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana f’Addis Ababa, l-Etjopja, is-27 ta’ Frar 2020.

Fis-sena 2020 kien hemm momentum dejjem akbar fir-relazzjonijiet mal-Afrika li huma prijorità ewlenija għall-UE. Fl-aħħar ta’ Frar, il-President von der Leyen u l-parti l-kbira tal-Membri tal-Kummissjoni ħadu sehem fl-10 laqgħa bejn il-Kummissjoni tal-UE u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, f’Addis Ababa, l-Etjopja.

Il-laqgħa kienet parti mid-djalogu li għaddej mal-Unjoni Afrikana u, minbarra t-tnedija tat-tħejjijiet għas-sitt summit fl-2021, ipprovdiet opportunità biex jiġu diskussi sfidi komuni bħall-paċi u l-governanza, it-tibdil fil-klima, l-impjiegi u l-investimenti sostenibbli, id-diġitalizzazzjoni, u l-mobbiltà u l-migrazzjoni.

Ursula von der Leyen u Tewolde GebreMariam ġo ħangar qrib ajruplan.
Il-President von der Leyen żaret l-Akkademja tal-Avjazzjoni ta’ Addis Ababa. L-UE qed tikkofinanzja din l-iskola professjonali internazzjonali, li tippermetti liż-żgħażagħ isiru piloti, persunal tal-kabina jew inġiniera tat-titjiriet. Tewolde GebreMariam, is-CEO ta’ Ethiopian Airlines (xellug), u Ursula von der Leyen (nofs).

F’Marzu, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, Josep Borrell, ħarġu Komunikazzjoni konġunta, “Lejn Strateġija komprensiva mal-Afrika”, bil-għan li s-sħubija bejn iż-żewġ kontinenti tittieħed għal-livell li jmiss. Il-Komunikazzjoni pproponiet sħubijiet aktar b’saħħithom f’ħames oqsma ewlenin: it-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasformazzjoni diġitali, it-tkabbir sostenibbli, il-paċi u l-governanza, il-migrazzjoni u l-mobbiltà.

Grafika dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Afrika.

Il-grafiki juru ċ-ċifri tal-2018 għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp lill-Afrika u l-kummerċ tal-Afrika fil-merkanzija għal kull sieħeb. L-UE u s-27 Stat Membru tagħha pprovdew 46% tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp lill-Afrika, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ 19.6-il biljun ewro. Fit-tieni post hemm l-Istati Uniti, li pprovdew 25%, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ 10.7 biljun ewro. Sors: OECD DAC2A 2018. L-ebda data mhi disponibbli għaċ-Ċina. L-Afrika wettqet 32% tal-kummerċ totali tagħha, li jammonta għal 235 biljun ewro, mal-UE; 17%, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ 125 biljun ewro, maċ-Ċina; u 6%, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ 46 biljun ewro, mal-Istati Uniti. Sors: il-Fond Monetarju Internazzjonali, 2018.

Filmat dwar l-aspetti ewlenin tas-sħubija futura mal-Afrika.
FILMAT: Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika.

F’Novembru, il-Kummissjoni Ewropea għamlet pass kbir ’il quddiem biex tagħti spinta lill-investiment fl-Afrika u fil-viċinat tal-UE, u kkonkludiet 10 ftehimiet ta’ garanziji finanzjarji bil-valur ta’ €990 miljun ma’ istituzzjonijiet finanzjarji sħab biex tgħin ħalli tistimula l-irkupru globali mill-pandemija. Flimkien, dawn il-garanziji mistennija jiġġeneraw sa €10 biljun f’investiment kumplessiv. Dawn il-garanziji huma parti mir-rispons tat-Tim Ewropa għall-pandemija tal-COVID-19.

Tkabbir tal-UE

Il-politika tat-tkabbir tal-UE kisbet momentum ġdid fi Frar, meta l-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha biex issaħħaħ il-proċess tal-adeżjoni sabiex tagħmlu aktar kredibbli, prevedibbli u dinamiku, b’enfasi mġedda fuq ir-riformi fundamentali u direzzjoni politika aktar b’saħħitha. L-UE għamlet pass storiku f’Marzu billi ddeċidiet li tiftaħ negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq. L-Istati Membri affermaw mill-ġdid l-appoġġ inekwivoku tagħhom għall-perspettiva Ewropea tal-Balkani tal-Punent fis-Summit UE-Balkani tal-Punent f’Mejju.

Sabiex tappoġġa l-irkupru ekonomiku fit-tul u tħaffef il-konverġenza mal-UE, f’Ottubru l-Kummissjoni ressqet Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent, fejn timmobilizza sa €9 biljun f’għotjiet, filwaqt li Faċilità ta’ Garanzija ġdida tal-Balkani tal-Punent għandha tagħti spinta lill-investimenti b’massimu ta’ €20 biljun. Il-pjan jippromwovi wkoll integrazzjoni reġjonali b’saħħitha permezz ta’ Suq Reġjonali Komuni, li l-mexxejja tal-Balkani tal-Punent approvaw fis-Summit ta’ Sofija f’Novembru fil-qafas tal-Proċess ta’ Berlin. Fis-Summit, ittieħdu passi importanti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali biex tagħti spinta lill-irkupru u lill-konverġenza soċjoekonomiċi meta l-mexxejja tal-Balkani tal-Punent intrabtu li jsaħħu iktar il-kooperazzjoni reġjonali bħala mod kif jimxu ’l quddiem fi triqithom lejn l-UE.

Filmat dwar il-finanzjament tal-UE fl-Albanija u fil-Maċedonja ta’ Fuq.
FILMAT: L-UE qed tiffinanzja t-turiżmu innovattiv fir-reġjuni tal-fruntiera ta’ Elbasan fl-Albanija u ta’ Polog fil-Maċedonja ta’ Fuq.
Grafika li tagħti ħarsa ġenerali lejn ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent.

Il-grafika tagħti ħarsa ġenerali lejn ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Balkani tal-Punent. Il-Bożnija-Ħerzegovina hija kandidat potenzjali b’popolazzjoni ta’ 3.5 miljun persuna. Il-Kummissjoni Ewropea ħarġet opinjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija fl-UE f’Mejju 2019 u l-Kunsill ifformula konklużjonijiet li japprovaw 14-il prijorità ewlenija f’Diċembru 2019. Il-Montenegro, b’popolazzjoni ta’ 0.6 miljun persuna, huwa pajjiż kandidat. In-negozjati fihom 33 kapitolu miftuħin bħalissa u tlieta magħluqa proviżorjament. L-Albanija, b’popolazzjoni ta’ 2.9 miljun persuna, ilha pajjiż kandidat minn Marzu 2020, meta l-UE ddeċidiet li tiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni. Is-Serbja, b’popolazzjoni ta’ 7 miljun persuna, hija pajjiż kandidat. In-negozjati fihom 18-il kapitolu miftuħin bħalissa u tnejn magħluqa proviżorjament. Il-Kosovo, b’popolazzjoni ta’ 1.8 miljun persuna, hija kandidat potenzjali. F’April tal-2016, daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-Maċedonja ta’ Fuq, b’popolazzjoni ta’ 2.1 miljun persuna, ilha pajjiż kandidat minn Marzu 2020, meta l-UE ddeċidiet li tiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni.

Hekk kif faqqgħet il-kriżi tal-coronavirus, l-UE pprovdiet pakkett ta’ assistenza ta’ €3.3 biljun għall-Balkani tal-Punent biex tiġi indirizzata l-emerġenza tas-saħħa u jittaffa l-impatt soċjoekonomiku tagħha. €98 miljun ġew mobilizzati għat-Turkija, biex jiġi pprovdut tagħmir protettiv li kien meħtieġ b’mod urġenti u biex jingħata appoġġ lir-refuġjati l-aktar vulnerabbli.

Fi Frar, il-konferenza internazzjonali tad-donaturi mmexxija mill-UE “Flimkien għall-Albanija” saret fi Brussell biex tappoġġa l-isforzi ta’ rikostruzzjoni wara t-terremot li heżżeż lill-pajjiż f’Novembru 2019. L-UE, l-Istati Membri u l-Bank Ewropew tal-Investiment ikkontribwew €400 miljun għall-wegħda totali ta’ €1.15 biljun.

Politika tal-viċinat

Filmat dwar il-finanzjament umanitarju tal-UE fil-prattika fl-Ukrajna.
FILMAT: Xi kultant, affarijiet żgħar jistgħu jagħmlu differenza kbira. Bis-saħħa tal-finanzjament umanitarju tal-UE fl-Ukrajna, din l-infermiera rċeviet rota u tagħmir mediku. Issa tista’ tilħaq aktar nies biex tiżgura li jieħdu l-mediċina u t-trattament li jkollhom bżonn.

L-azzjoni tal-UE fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar jeħtieġ ikollha objettivi flessibbli u konnessi fit-tul li jistgħu jwieġbu għal prijoritajiet ġodda. Il-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli, Josep Borrell, dwar il-politika tas-Sħubija tal-Lvant ippubblikata f’Marzu turi t-triq ’il quddiem għat-tisħiħ tar-reżiljenza biex tindirizza l-isfidi komuni, trawwem żvilupp sostenibbli u twassal riżultati għaċ-ċittadini. Meta l-mexxejja mill-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant iltaqgħu f’Ġunju, affermaw in-natura strateġika ta’ din is-sħubija, u kkonfermaw l-impenn tagħhom biex jiksbu iktar integrazzjoni u jwasslu benefiċċji aktar tanġibbli għan-nies. ’Il fuq minn €1 biljun f’għotjiet ġew diretti mill-ġdid biex jappoġġaw lill-ġirien tal-Lvant tal-UE fl-indirizzar tal-pandemija tal-COVID-19.

Fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-UE ssoktat tappoġġa r-riformi strutturali, trawwem l-iżvilupp ekonomiku inklużiv u l-ħolqien tal-impjiegi u ssaħħaħ il-governanza tajba, l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

L-UE tat prijorità lir-rispons għall-kriżi tas-saħħa u lill-impatt ekonomiku tagħha fir-reġjun, żviluppat programmi ġodda u ddiriġiet mill-ġdid il-finanzjament minn programmi eżistenti. Dawn il-pakketti għandhom l-għan li jtaffu l-impatt tal-pandemija, speċjalment fuq l-aktar persuni vulnerabbli, u jagħmlu parti mill-kontribut tal-UE għar-rispons għall-COVID-19 tat-Tim Ewropa li jinkludi l-UE, l-Istati Membri tagħha, l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-finanzi għall-iżvilupp, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp.

Il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ €3 biljun f’assistenza makrofinanzjarja lil 10 sħab tat-tkabbir u tal-viċinat biex tgħinhom jillimitaw il-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-coronavirus. Il-fondi mistenni li jiġu pprovduti kif ġej: l-Albanija (€180 miljun), il-Bożnija-Ħerzegovina (€250 miljun), il-Georgia (€150 miljun), il-Ġordan (€200 miljun), il-Kosovo (€100 miljun), il-Moldova (€100 miljun), il-Montenegro (€60 miljun), il-Maċedonja ta’ Fuq (€160 miljun), it-Tuneżija (€600 miljun) u l-Ukrajna (€1.2 biljun).

Fl-2020, l-UE ssoktat tagħti rispons għall-kriżijiet fil-Libja u fis-Sirja billi assistiet kemm lir-refuġjati kif ukoll lill-komunitajiet, b’mod partikolari permezz taż-żewġ fondi fiduċjarji speċifiċi. Mill-2014 ’l hawn, l-appoġġ finanzjarju tal-UE lil-Libja ammonta għal aktar minn €0.5 biljun, filwaqt li l-appoġġ lir-refuġjati Sirjani u lill-komunitajiet ospitanti tagħhom ammonta għal aktar minn €2.2 biljun.

L-UE nediet ukoll operazzjoni militari ġdida fil-Mediterran, Eunavfor Med Irini, li timplimenta l-embargo tan-NU fuq l-armi fir-rigward tal-Libja, u li tikkontribwixxi għall-proċess ta’ paċi fil-pajjiż.

Grafika dwar l-appoġġ tal-UE għall-Georgia.

Eżempju ta’ appoġġ għall-ħtiġijiet immedjati u ta’ terminu qasir. Produttur ta’ tessuti mediċi mill-Georgia pproduċa 40,000 ġagaga medika fi żmien ġimgħa wara li rnexxielu jixtri 12-il magna tal-ħjata addizzjonali bis-saħħa ta’ mikrogħotja pprovduta mill-UE.

Kwistjonijiet ewlenin oħra fl-2020

Tul l-2020, l-UE ssoktat tagħti prijorità lill-iżviluppi ġeopolitiċi tal-pajjiżi u tar-reġjuni li jmissu magħha billi ġabret flimkien l-għodda kollha tagħha b’appoġġ għall-ġestjoni u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Dan jinkludi, pereżempju, l-issoktar tal-appoġġ politiku għas-sovranità u l-unità territorjali tal-Ukrajna, it-tisħiħ tas-sistema tal-kura tas-saħħa fil-Libja u l-appoġġ tas-soċjetà ċivili fis-Sirja.

Żewġ nisa Rohingya jilagħbu ma’ tarbija biċ-ċekċieka. © Mahmud Rahman għall-Azzjoni Kontra l-Ġuħ, 2020
Fl-2020, l-UE wriet is-solidarjetà tagħha mar-refuġjati Rohingya u l-pajjiżi li jospitawhom. Minbarra li organizzat konferenza tad-donaturi b’mod konġunt f’Ottubru, l-UE mmobilizzat €96 miljun għall-għajnuna umanitarja, għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u għall-prevenzjoni ta’ kunflitti. Aktar minn 860 000 refuġjat Rohingya bħalissa jgħixu fil-Bangladesh u aktar minn 150 000 jgħixu f’pajjiżi oħra fir-reġjun. In-NU tikkalkula li madwar 600 000 Rohingya li fadal fl-Istat ta’ Rakhine, il-Myanmar/Burma għadhom ibatu minn kriżi mtawla tad-drittijiet tal-bniedem. Fir-ritratt meħud fil-Cox’s Bazar, il-Bangladesh, fl-2018, diversi ċentri tat-tmigħ – ġestiti bl-appoġġ tal-UE – jipprovdu ikel sħun u nutrittiv mingħajr ħlas lit-tfal kif ukoll sessjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ konsulenza għall-ġenituri.
© Mahmud Rahman għall-Azzjoni Kontra l-Ġuħ, 2020

L-istabbiltà u l-prosperità tas-sħab tal-UE huma kruċjali għall-pajjiżi nfushom u għan-nies li jgħixu fihom, iżda huma essenzjali wkoll għas-sigurtà u għall-interessi strateġiċi tal-UE. L-isforzi tal-UE biex tippromwovi l-paċi u l-istabbiltà jestendu għar-reġjun tas-Saħel (il-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer), li huma xempju tajjeb tal-UE li timmobilizza d-diplomazija, il-missjonijiet ċivili u militari u l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp permezz ta’ approċċ integrat. Każ partikolari huwa l-għoti ta’ appoġġ tal-UE għall-isforzi ta’ medjazzjoni wara l-kolp ta’ stat militari fil-Mali.

Materjali tal-bini u xogħlijiet għall-kostruzzjoni ta’ binja ġdida għall-uffiċjali tal-pulizija f’Birni-N’Konni. © IOM In-Niġer, 2020
Il-missjoni tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili tal-UE fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) qed tgħin biex jiġi stabbilit approċċ integrat, koerenti, sostenibbli u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fost id-diversi atturi tas-sigurtà fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Bis-saħħa tal-appoġġ finanzjarju tal-Ġermanja u tan-Netherlands, 250 uffiċjal tal-pulizija tan-Niġer se jidħlu f’binja ġdida f’Birni-N’Konni biex ir-reġjun isir aktar sigur u stabbli.

Il-Ftehim ta’ Cotonou li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku kellu inizjalment jiskadi fid-29 ta’ Frar 2020. Wara estensjoni temporanja, il-Kummissjoni rnexxielha tilħaq ftehim politiku mal-organizzazzjoni fit-3 ta’ Diċembru li se jwassal is-sħubija għal-livell li jmiss, b’enfasi mtejba fuq ir-reġjuni differenti u l-istandards aġġornati f’għadd kbir ta’ oqsma, li jvarjaw mill-iżvilupp u t-tkabbir sostenibbli għad-drittijiet tal-bniedem, il-migrazzjoni, il-paċi u s-sigurtà. Il-konklużjoni formali u l-firma tal-ftehim huma mistennija fl-2021.

Ċina

Fl-2020, l-UE ppruvat tikkonsolida s-sħubija tagħha maċ-Ċina billi kkooperat kull fejn kien possibbli, innegozjat kull meta kien meħtieġ u kienet assertiva u tkellmet b’mod sod meta kien meħtieġ. L-UE stinkat biex tqiegħed ir-relazzjoni fuq bażi aktar soda, b’reċiproċità akbar u kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-ekonomija, tal-kummerċ, tar-relazzjonijiet internazzjonali u ta’ kwistjonijiet oħra. Il-ftehim politiku dwar Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment li ntlaħaq fit-30 ta’ Diċembru huwa l-ewwel pass lejn ir-riekwilibriju tar-relazzjoni. Is-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina u ż-żewġ Laqgħat tal-Mexxejja f’Settembru u f’Diċembru kienu opportunitajiet biex tiġi approfondita l-kooperazzjoni – mill-kriżi tal-coronavirus għall-azzjoni klimatika – u biex jiġi diskuss in-nuqqas ta’ qbil, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar is-sitwazzjoni f’Hong Kong. L-UE wriet it-tħassib tagħha liċ-Ċina dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet f’bosta okkażjonijiet matul is-sena u ssoktat issegwi l-approċċ robust u realist tagħha u timplimenta l-azzjonijiet proposti fil-komunikazzjoni tal-2019 “UE-Ċina – Prospettiva strateġika”.

Grafika dwar il-kooperazzjoni tal-UE maċ-Ċina.

Il-kooperazzjoni tal-UE maċ-Ċina. L-UE tappella biex iċ-Ċina tiżgura li jkun hemm reċiproċità sħiħa u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment bejniethom. Il-ftehim politiku li ntlaħaq fit-30 ta’ Diċembru 2020 rigward il-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment jirrappreżenta pass importanti f’dan ir-rigward. L-UE u ċ-Ċina għandhom jaħdmu iktar qrib xulxin biex jindirizzaw l-isfidi, inkluż it-tibdil fil-klima, il-piraterija u s-sitwazzjoni fl-Afganistan. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina kienet fattur ewlieni biex jiġi żgurat il-ftehim nukleari mal-Iran u biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tiegħu. Fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, l-UE tappoġġa s-soluzzjoni paċifika għat-tilwim f’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u ż-żamma tal-libertà tan-navigazzjoni u tat-titjiriet fuq it-territorju tagħhom. L-UE se tkompli tappella biex iċ-Ċina tassumi responsabbiltà akbar biex tħares is-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem.

Libanu

Il-belt ta’ Bejrut sofriet minn splużjoni qerrieda fl-4 ta’ Awwissu. L-UE wriet is-solidarjetà tagħha mal-poplu Libaniż billi mmobilizzat il-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili u pprovdiet rispons umanitarju u ta’ kriżi immedjat b’total ta’ €63 miljun. Sbatax-il Stat Membru, inkluż in-Norveġja u t-Turkija, skjeraw persunal tat-tiftix u s-salvataġġ, u timijiet mediċi pprovdew assistenza sostanzjali ta’ salvataġġ.

Żewġ membri tat-timijiet ta’ rispons f’każ ta’ diżastri tal-UE jimxu fit-tifrik ta’ Bejrut.
It-timijiet tal-protezzjoni ċivili tal-UE taw l-appoġġ tagħhom fir-rispons ta' emerġenza għan-nies ta' Bejrut, il-Libanu, wara l-isplużjoni fatali fil-port marittimu fl-4 ta' Awwissu 2020.

Belarussja

Wara l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja fid-9 ta’ Awwissu u l-protesti sussegwenti, l-UE għamlitha ċara li ma rrikonoxxietx ir-riżultati u li kienet se tappoġġa bis-sħiħ l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż, inkluż permezz ta’ sanzjonijiet kontra dawk responsabbli għall-frodi elettorali u għall-vjolenza sussegwenti. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-UE imponiet sanzjonijiet fuq 55 individwu meqjusa responsabbli għall-vjolenza, għall-arresti mhux ġustifikati u għall-falsifikazzjoni tar-riżultati elettorali, inkluż l-ex President Alexander Lukashenko. Il-Kummissjoni orjentat mill-ġdid il-finanzjament li tipprovdi lill-Belarussja biex tagħti appoġġ dirett lis-soċjetà ċivili u lill-media ħielsa, filwaqt li l-Istati Membri qablu dwar rieżami tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja u inkarigaw lill-Kummissjoni biex tħejji pakkett komprensiv ta’ appoġġ ekonomiku għal Belarussja demokratika. L-UE tibqa’ impenjata li tappoġġa d-drittijiet tad-dimostranti paċifiċi u żżomm mal-appell tagħha lill-awtoritajiet Belarussi biex itemmu l-vjolenza u r-repressjoni, jirrilaxxaw id-detenuti u l-priġunieri politiċi kollha, iħarsu l-libertà tal-media u lis-soċjetà ċivili u jibdew djalogu nazzjonali inklużiv.

Mara għarkupptejha bħala protesta quddiem platun tal-pulizija tal-Belarussja ta’ kontra l-irvellijiet. © Nadzeia Buzhan – l-Unjoni Ewropea, 2020 – sors: il-Parlament Ewropew.
L-oppożizzjoni demokratika li pprotestat fil-Belarussja ngħatat il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2020 mill-Parlament Ewropew. Ritratt meħud f’Minsk, il-Belarussja, it-30 ta’ Awwissu 2020.
© Nadzeia Buzhan – l-Unjoni Ewropea, 2020 – sors: il-Parlament Ewropew.

Lvant tal-Mediterran

Fil-Lvant tal-Mediterran, it-tensjonijiet mat-Turkija ssoktaw jiżdiedu matul is-sena. Filwaqt li l-UE taġixxi b’solidarjetà sħiħa mal-Greċja u ma’ Ċipru biex twaqqaf l-eskalazzjoni, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija jibqgħu ta’ interess reċiproku kbir. Dment li jinżammu l-isforzi kostruttivi u sostnuti biex jitwaqqfu l-attivitajiet illegali fil-konfront tal-Greċja u Ċipru, il-Kunsill Ewropew qabel li jsegwi aġenda pożittiva bejn l-UE u t-Turkija. Madankollu, jekk jerġgħu jseħħu azzjonijiet unilaterali jew provokazzjonijiet bi ksur tal-liġi internazzjonali, l-UE lesta tuża l-istrumenti u l-alternattivi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiddefendi l-interessi tagħha u dawk tal-Istati Membri tagħha.

L-UE tibqa’ impenjata bis-sħiħ għad-Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija tal-2016 li ssoktat tiġi implimentata, inkluż wara żieda fil-pressjoni migratorja fil-fruntiera tal-UE mat-Turkija fi Frar u f’Marzu 2020. Id-dikjarazzjoni tat riżultati konkreti fit-tnaqqis tal-fluss ta’ migranti irregolari mit-Turkija, tat-telf ta’ ħajjiet fl-Eġew u tal-pressjoni fuq il-fruntieri tal-UE. Permezz tar-risistemazzjoni, ipprovdiet ukoll perkorsi sikuri u legali lejn l-UE għal aktar minn 28 000 persuna li kellhom bżonn protezzjoni internazzjonali. Għadu meħtieġ progress urġenti fl-issoktar u fl-aċċelerazzjoni tar-ritorni tal-migranti mill-gżejjer Griegi. Il-linji ta’ komunikazzjoni mat-Turkija dwar dawn il-kwistjonijiet kollha baqgħu miftuħa u attivi.

Stati Uniti

L-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Novembru ppreżenta opportunità li sseħħ darba kull ġenerazzjoni biex titfassal aġenda transatlantika ġdida għall-kooperazzjoni msejsa fuq valuri, interessi u influwenza globali komuni. Din is-sħubija l-ġdida, ippreżentata fil-Komunikazzjoni konġunta ta’ Diċembru “Aġenda ġdida bejn l-UE u l-Istati Uniti għal bidla globali”, se tippermetti lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu flimkien fuq is-saħħa, id-demokrazija, it-tibdil fil-klima, il-prosperità ekonomika, it-teknoloġija u l-kummerċ.

L-UE u l-Istati Uniti huma wkoll sħab kummerċjali primarji. F’Awwissu, ftiehmu li jneħħu jew inaqqsu t-tariffi fuq il-kummerċ, b’valur ta’ €168 miljun. Il-pakkett jirrappreżenta l-ewwel pass lejn it-tnaqqis tat-tariffi fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom wara aktar minn għoxrin sena, u jirrappreżenta l-ewwel pass lejn it-tnaqqis tat-tensjonijiet kummerċjali, filwaqt li jwitti t-triq għal miżuri usa’ biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ bejn iż-żewġ kontinenti.

Kaxxa bil-fatti dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti.

L-UE u l-Istati Uniti jikkondividu sħubija globali unika. Flimkien għandhom popolazzjoni ta’ kważi biljun persuna u huma responsabbli kull sena għall-produzzjoni ta’ terz tal-prodott domestiku gross tad-dinja, ta’ terz tal-kummerċ globali u ta’ 60% tal-investiment dirett barrani globalment. Huma wkoll l-ewwel donaturi umanitarji fid-dinja u fornituri ewlenin tal-għajnuna għall-iżvilupp.

Promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fid-dinja kollha

Il-valuri tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt jiggwidaw l-azzjonijiet tal-UE fid-dinja kollha.

F’Novembru, wara proposta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli, Josep Borrell, f’Marzu l-Kunsill approva Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija mill-2020 sal-2024. Il-pjan jiffoka fuq il-protezzjoni u r-responsabbilizzazzjoni tal-individwi, fuq il-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi u fuq il-promozzjoni ta’ sistema globali għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija. L-Istati Membri ma qablux dwar l-iffaċilitar tal-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għal deċiżjonijiet li jimplimentaw il-pjan. B’mod aktar konkret, l-UE se tappoġġa u tipproteġi lil dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, se tħabrek biex tabolixxi l-piena tal-mewt u se tiżviluppa għodda li jagħtu rispons rapidu meta d-drittijiet u l-libertajiet eżistenti jiġu mhedda. Inizjattiva ewlenija ġdida fil-pjan ta’ azzjoni hi l-istabbiliment ta’ Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem, li ġie adottat mill-Kunsill f’Diċembru abbażi ta’ atti legali proposti mir-Rappreżentant Għoli u mill-Kummissjoni.

Osservaturi elettorali tal-UE bilqiegħda fuq bank jitkellmu ma’ mexxej lokali mill-Guyana.
L-osservazzjoni elettorali hija għodda eċċellenti biex tappoġġa l-parteċipazzjoni demokratika u hija wkoll komponent importanti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija. Matul is-snin, l-UE nediet aktar minn 300 missjoni. Fl-2020, il-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE mmonitorjaw l-elezzjonijiet bikrin tal-kungress tal-Perù f’Jannar, l-elezzjonijiet ġenerali u reġjonali tal-Guyana f’Marzu u l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari tal-Ghana f’Diċembru. Fir-ritratt: osservaturi tal-UE jintervistaw lil Toshao, il-kap elett ta’ villaġġ tal-Guyana. L-interazzjoni ma’ mexxejja lokali hija kruċjali sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet ta’ kulħadd qed jiġu rrispettati matul il-proċess elettorali.

Il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid tagħha dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri għall-2021–2025 f’Novembru, biex tħaffef il-progress dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u r-responsabbilizzazzjoni tan-nisa fl-azzjonijiet esterni tal-UE. Il-Pjan jipprovdi pjan direzzjonali operazzjonali għall-UE biex taħdem flimkien mal-partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab multilaterali, reġjonali u nazzjonali, il-gvernijiet sħab, is-soċjetà ċivili u s-settur privat, fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u r-responsabbilizzazzjoni tan-nisa għal dinja ugwali għall-ġeneri bħala komponent essenzjali biex jinkiseb irkupru globali ekwu, sostenibbli u inklużiv, flimkien ma’ tkabbir u prosperità.

Grafika li turi d-data dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Fl-2020, inqas minn 50% tan-nisa kellhom impjieg imħallas, meta mqabbla mas-76% tal-irġiel. In-nisa jirrappreżentaw 80% tal-persuni li kellhom jagħmlu spostament furzat minħabba l-impatti tat-tibdil fil-klima. Fl-2019, 64.25% tal-proġetti l-ġodda kollha, b’valur ta’ 8.7 biljun ewro, kellhom l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa bħala wieħed mill-objettivi tagħhom. Sal-2025, 85% tal-azzjonijiet esterni ġodda kollha se jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għall-promozzjoni tal-emanċipazzjoni tan-nisa.

Grafika li turi d-data dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Fl-2020, inqas minn 50% tan-nisa kellhom impjieg imħallas, meta mqabbla mas-76% tal-irġiel. In-nisa jirrappreżentaw 80% tal-persuni li kellhom jagħmlu spostament furzat minħabba l-impatti tat-tibdil fil-klima. Fl-2019, 64.25% tal-proġetti l-ġodda kollha, b’valur ta’ 8.7 biljun ewro, kellhom l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa bħala wieħed mill-objettivi tagħhom. Sal-2025, 85% tal-azzjonijiet esterni ġodda kollha se jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u għall-promozzjoni tal-emanċipazzjoni tan-nisa.

Għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp

Il-baġit tal-Kummissjoni għall-għajnuna għall-iżvilupp fl-2020 kien jammonta għal €15-il biljun. It-taffija tal-impatt tal-COVID-19 fl-aktar pajjiżi vulnerabbli kienet il-prijorità ewlenija ta’ din is-sena; madankollu, l-UE impenjat ruħha wkoll fuq aspetti oħra, bħall-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-ġuradi tad-deżert fil-Lvant tal-Afrika jew is-serħan mid-dejn għal uħud mill-pajjiżi l-aktar foqra u vulnerabbli tad-dinja.

Il-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew ta’ €5.1 biljun huwa mistenni li jiġġenera investiment ta’ aktar minn €50 biljun fil-pajjiżi ġirien tal-UE u fl-Afrika. L-individwi, il-komunitajiet u n-negozji ż-żgħar diġà qed jibbenefikaw minnu u fl-2020 il-pjan ġie ffukat mill-ġdid biex jgħin fir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Dan kien jinkludi €400 miljun f’garanziji għall-Faċilità għall-Aċċess Globali għall-Vaċċini Kontra l-COVID-19, l-inizjattiva globali biex jiġi pprovdut aċċess ġust u ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19.

Minkejja l-ħafna sfidi li seħħew din is-sena, l-għajnuna umanitarja tal-UE ssoktat u waslet għand miljuni ta’ persuni vulnerabbli. Intefqu €2 biljun fuq din l-għajnuna, fejn l-akbar sehem mar għall-Afrika sub-Saħarjana, fejn aktar minn 18-il miljun ruħ bħalissa jeħtieġu għajnuna umanitarja, segwita mis-Sirja, fejn aktar minn 11-il miljun ruħ huma fil-bżonn. Flimkien mal-Istati Membri, l-UE baqgħet il-kontributur ewlieni ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja.

Kummerċ

Rieżami tal-politika tal-kummerċ

Ir-rispons għal sfidi globali ġodda u t-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-coronavirus iridu jiggwidaw l-approċċ tal-UE għall-kummerċ. F’dan id-dawl, fis-sajf il-Kummissjoni nediet rieżami tal-politika tal-kummerċ attwali, li inkludiet konsultazzjoni pubblika u li għandha l-għan li tibni konsensus rigward strateġija ġdida u fuq terminu medju għall-kummerċ tal-UE.

Grafika li turi x-xejra tal-kummerċ internazzjonali fl-UE.

Il-grafika turi x-xejra tal-kummerċ internazzjonali tal-UE fil-merkanzija, abbażi tal-bidla kull xahar fil-persentaġġ meta mqabbel mal-istess perjodu referenzjarju tas-sena ta’ qabel. Wara xejra stabbli madwar 0%, b’kemxejn varjazzjonijiet kemm fl-importazzjonijiet kif ukoll fl-esportazzjonijiet, il-livell tal-esportazzjonijiet ikkrolla minn Frar 2020, sa ma laħaq l-iktar livell baxx ta’ minus 30% f’April u f’Mejju, filwaqt li l-importazzjonijiet laħqu l-iktar livell baxx ta’minus 26% f’Mejju. Minn dak iż-żmien, il-kurvi tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet reġgħu bdew jogħlew lejn il-livell ta’ parità, u f’Novembru 2020 laħqu madwar 0% għall-esportazzjonijiet u minus 5% għall-importazzjonijiet. Sors: Eurostat, 2020

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv qawwi fuq il-kummerċ. Madankollu, permezz tal-politika kummerċjali robusta tagħha, l-UE setgħet kważi terġa’ lura għal-livelli ta’ kummerċ barrani ta’ qabel il-kriżi sa tmiem l-2020.

Politika tal-kummerċ u tal-investiment b’saħħitha hija essenzjali sabiex tappoġġa l-irkupru ekonomiku, toħloq impjiegi ta’ kwalità u tipproteġi lill-kumpaniji fl-UE minn prattiki inġusti f’pajjiżhom u barra minnhom. Din il-politika tappoġġa wkoll prijoritajiet usa’ fl-oqsma tas-sostenibbiltà, tat-tibdil fil-klima, tal-ekonomija diġitali u tas-sigurtà. L-UE hija sostenitur qawwi ta’ sistema ta’ kummerċ imsejsa fuq ir-regoli. Fl-2020, l-Unjoni mexxiet l-istabbiliment ta’ arranġament ta’ appell bejn bosta partijiet sabiex il-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ikunu jistgħu jissoktaw bir-riżoluzzjoni tat-tilwim minkejja li l-korp tal-appell tagħha għadu ma jistax jiffunzjona. L-arranġament sar effettiv f’April, u sal-aħħar tal-2020, 23 membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kif ukoll l-UE, iffirmawh.

Infurzar tal-politika tal-kummerċ

F’Lulju, il-Kummissjoni ħatret l-ewwel Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ biex issaħħaħ l-aġenda ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar tal-UE, kemm fl-UE kif ukoll globalment. L-Uffiċjal se jiżgura li s-sħab iwettqu l-impenji tagħhom bis-sħiħ u li l-esportaturi tal-UE, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji, ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Se jsaħħaħ ukoll l-infurzar tal-impenji għall-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-klima u tad-drittijiet tax-xogħol.

F’Lulju, l-UE aġġornat pakkett ta’ miżuri biex tissalvagwardja l-industrija tal-azzar tal-UE. Is-salvagwardji li jirriżultaw minn rieżami tal-2018 għandhom l-għan li jipproteġu l-industrija mill-effetti possibbli, fost kwistjonijiet oħra, tal-produtturi barranin tal-azzar li jiddevjaw il-produzzjoni eċċessiva lejn l-UE wara r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni tal-Istati Uniti fuq l-azzar u l-aluminju.

L-UE u l-Messiku

Fit-28 ta’ April, l-UE u l-Messiku kkonkludew in-negozjati dwar ftehim kummerċjali ġdid. Il-ftehim għad irid jiġi ffirmat u rratifikat mill-UE u mill-Messiku.

Il-Messiku huwa s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-UE fl-Amerka Latina, b’kummerċ bilaterali tal-prodotti b’valur ta’ €66 biljun (2019) u b’kummerċ fis-servizzi ta’ €19-il biljun (2018). Il-kummerċ tal-prodotti bejn l-UE u l-Messiku kważi ttriplika minn mindu daħal fis-seħħ il-ftehim oriġinali fl-2001, u l-esportazzjonijiet tal-prodotti tal-UE saru jilħqu kważi €40 biljun fis-sena.

Skont il-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Messiku, kważi l-kummerċ kollu tal-prodotti bejn l-UE u l-Messiku se jkun mingħajr dazju. Il-ftehim il-ġdid jinkludi regoli progressivi dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-impenn biex il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima jiġi implimentat b’mod effettiv. Huwa wkoll l-ewwel ftehim tal-UE ma’ pajjiż tal-Amerka Latina li jinkludi l-protezzjoni tal-investiment. Il-ftehim kummerċjali huwa parti minn Ftehim Globali usa’ bejn l-UE u l-Messiku, li jkopri wkoll id-drittijiet tal-bniedem u l-kooperazzjoni politika u għall-iżvilupp. Huwa l-ewwel ftehim kummerċjali tal-UE li jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b’miżuri biex tittieħed azzjoni kontra t-tixħim u l-ħasil tal-flus.

Grafika dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Finlandja u l-Messiku.

Il-Messiku huwa l-14-il l-ikbar sieħeb kummerċjali tal-Finlandja ’l barra mill-UE. Il-valur tas-surplus kummerċjali tal-Finlandja mal-Messiku huwa ta’ 275 miljun ewro. Il-valur tal-esportazzjonijiet Finlandiżi lejn il-Messiku huwa ta’ 429 miljun ewro. Il-valur tal-importazzjonijiet Finlandiżi mill-Messiku huwa ta’ 154 miljun ewro.

Eżempju ta’ kummerċ ta’ Stat Membru mal-Messiku. Il-Finlandja u l-Messiku diġà għandhom relazzjoni kummerċjali mill-qrib. Il-ftehim bejn l-UE u l-Messiku se jagħtiha spinta kbira.

Ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Vjetnam

Fl-1 ta’ Awwissu daħal fis-seħħ il-ftehim tal-UE mal-Vjetnam. Il-ftehim kummerċjali se jneħħi gradwalment id-dazji fuq 99 % tal-prodotti kollha kkummerċjalizzati bejn iż-żewġ ekonomiji, u l-kumpaniji tal-UE issa se jkunu jistgħu jinvestu fil-Vjetnam u jagħżlu kuntratti tal-gvern fuq l-istess livell tal-kompetituri lokali tagħhom. Il-ftehim jinkludi wkoll dispożizzjonijiet b’saħħithom, legalment vinkolanti u infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli biex jiġu ggarantiti r-rispett tad-drittijiet tax-xogħol, il-protezzjoni ambjentali u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.

Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun: sena wara

L-1 ta’ Frar kien l-ewwel anniversarju tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-UE u l-Ġappun, li diġà ta spinta lill-kummerċ, peress li l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun żdiedu b’5 % minn sena għall-oħra fl-ewwel 12-il xahar mill-implimentazzjoni (sal-aħħar ta’ Jannar 2020). Il-ftehim ineħħi l-biċċa l-kbira mill-€1 biljun f’dazji li l-Ġappun impona kull sena fuq l-importazzjonijiet mill-UE. Mill-ewwel jum, aktar minn 90 % tal-esportazzjonijiet tal-UE setgħu jidħlu fil-Ġappun mingħajr dazju. Ladarba l-ftehim jiġi implimentat bis-sħiħ, il-Ġappun ikun neħħa d-dazji doganali minn fuq 97 % tal-importazzjonijiet mill-UE u l-kummerċ bejn l-UE u l-Ġappun ikun jista’ jiżdied bi kważi €36 biljun fis-sena.

Ursula von der Leyen, Charles Michel u Shinzō Abe jipparteċipaw fil-laqgħa bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Ġappun permezz ta’ vidjokonferenza.
Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea (lemin fuq), Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew (xellug), u Shinzō Abe, il-Prim Ministru tal-Ġappun, ipparteċipaw fil-laqgħa bejn il-mexxejja tal-UE u tal-Ġappun permezz ta’ vidjokonferenza, is-26 ta’ Mejju 2020.

Negozjati kummerċjali oħra li għadhom għaddejja

L-UE ssoktat in-negozjati tagħha għall-ftehimiet kummerċjali mal-Awstralja u ma’ New Zealand, u organizzat tliet sessjonijiet ta’ taħditiet u erba’ sessjonijiet ta’ taħditiet magħhom rispettivament. L-UE organizzat sessjoni ta’ negozjati mal-Indoneżja għal ftehim kummerċjali, u tliet sessjonijiet ta’ negozjati ma’ Comoros, ma’ Madagascar, ma’ Mauritius, mas-Seychelles u maż-Żimbabwe biex tapprofondixxi l-ftehim ta’ sħubija ekonomika eżistenti magħhom.

L-UE bħala sieħba multilaterali

Biex tindirizza l-għadd dejjem akbar ta’ sfidi globali, l-UE teħtieġ sistema multilaterali effettiva u msaħħa. Filwaqt li l-multilateraliżmu ġie mminat f’dawn l-aħħar snin, l-UE tibqa’ sostenitur qawwi tal-ordni internazzjonali msejsa fuq ir-regoli, bin-NU fil-qalba tagħha.

Is-sena 2020, il-75 anniversarju tan-NU, kienet waħda ewlenija f’dan ir-rigward, peress li l-impatt dinji tal-pandemija wera l-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali bejn ix-xjenzati, l-ekonomisti u dawk li jfasslu l-politika fin-NU, fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u fil-Fond Monetarju Internazzjonali, u fil-G7, fil-G20 u f’fora internazzjonali oħra.

Il-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, imdawla bil-blu tan-NU.
Il-binja Berlaymont, is-sede tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell, il-Belġju, kienet imdawla bil-blu tan-NU fl-24 ta’ Ottubru 2020, biex jitfakkar il-75 anniversarju tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-UE appoġġat is-sejħa mis-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres għal waqfien mill-ġlied globali fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, u ssoktat tieħu rwol mexxej fil-mobilizzazzjoni tal-komunità internazzjonali f’sitwazzjonijiet ta’ tħassib, u fl-organizzazzjoni konġunta ta’ konferenzi maġġuri fis-Sudan, fis-Sirja u fil-Venezwela.

Il-politiki tas-saħħa tal-UE u tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jikkomplementaw lil xulxin, peress li jaħdmu flimkien fuq il-COVID-19, fuq il-prevenzjoni ta’ pandemiji fil-ġejjieni u fuq sfidi oħra għas-saħħa. Pereżempju, il-kooperazzjoni testendi għal oqsma bħall-ġlieda kontra l-kanċer, l-innovazzjoni fis-sistemi tas-saħħa u s-sikurezza alimentari.

L-UE qed tisponsorja wkoll riforma bl-għeruq u x-xniexel tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, preċiżament biex l-Ewropa tkun tista’ tissokta taħtaf l-opportunitajiet tal-ftuħ u tal-integrazzjoni globali, hija u tindirizza l-vulnerabbiltajiet tas-sistemi ekonomiċi u politiċi tagħna.

Il-bnadar tal-UE u tar-Renju Unit bis-sema fl-isfond. © Adobe Stock

Bini ta’ relazzjoni ġdida mar-Renju Unit

“Il-ħidma biex jinstab dan il-ftehim kienet tassew ħidma sfiqa għax irnexxielna niksbu ftehim ġust u bilanċjat mar-Renju Unit li se jħares l-interessi Ewropej, jiżgura kompetizzjoni ġusta, u jagħti l-prevedibbiltà tant meħtieġa għall-komunitajiet tas-sajd tagħna. Fl-aħħar nistgħu nħallu l-Brexit warajna u nħarsu lejn il-ġejjieni. L-Ewropa issa miexja ’l quddiem.”

Ursula von der Leyen u Charles Michel jiffirmaw il-Ftehim, b’Michel Barnier fl-isfond.
Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, jiffirmaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit fil-preżenza ta’ Michel Barnier, il-Kap tat-Task Force għar-Relazzjonijiet mar-Renju Unit, Brussell, il-Belġju, l-24 ta’ Jannar 2020.

Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020, wara r-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mill-UE u mir-Renju Unit. Il-Ftehim, li jistabbilixxi t-termini tal-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE f’konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020. Dan immarka l-bidu ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2020, li matulu r-Renju Unit baqa’ membru tas-Suq Uniku u tal-Unjoni Doganali. Dan kellu l-għan li jipprovdi ż-żmien biex tiġi nnegozjata sħubija ġdida u ġusta għall-ġejjieni, imsejsa fuq id-Dikjarazzjoni Politika miftiehma bejn l-UE u r-Renju Unit f’Ottubru 2019.

Membri tal-Parlament Ewropew bilwieqfa u jżommu jdejn xulxin fil-Parlament Ewropew.
Membri tal-Parlament Ewropew iżommu jdejn xulxin u jkantaw Auld Lang Syne, wara li approvaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit qabel ma jippreżentawh lill-Kunsill għall-aħħar pass fil-proċess tar-ratifika, Brussell, il-Belġju, id-29 ta’ Jannar 2020.

Fil-25 ta’ Frar, il-Kunsill approva l-bidu tat-taħditiet mar-Renju Unit, u nnomina formalment lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-UE u adotta formalment id-direttivi ta’ negozjati li jistabbilixxu l-kamp ta’ applikazzjoni għas-sħubija fil-ġejjieni, li jkopru oqsma bħall-kummerċ, is-sajd, is-sigurtà u d-difiża, l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali. Michel Barnier, il-Kap tat-Task Force tal-Kummissjoni Ewropea għar-Relazzjonijiet mar-Renju Unit, kompla r-rwol tiegħu bħala l-kap negozjatur tal-UE.

In-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit bdew fi Brussell fit-2 ta’ Marzu, għall-biċċa l-kbira tas-suġġetti koperti taħt id-Dikjarazzjoni Politika, għajr għall-politika barranija u ta’ sigurtà, li r-Renju Unit irrifjuta li jiddiskuti. In-negozjati ssoktaw minkejja d-diffikultajiet ikkawżati mit-tifqigħa tal-pandemija tal-coronavirus; is-sessjonijiet ta’ negozjati f’April, f’Mejju u f’Ġunju saru permezz ta’ vidjokonferenza.

Fit-18 ta’ Marzu, il-Kummissjoni ppubblikat abbozz ta’ ftehim ġuridiku għal sħubija futura ambizzjuża, moderna u komprensiva bejn l-UE u r-Renju Unit, li sarrfet il-mandat tal-Kunsill tal-25 ta’ Frar f’test ġuridiku.

B’mod parallel man-negozjati dwar is-sħubija fil-ġejjieni bejn l-UE u r-Renju Unit, l-UE ssoktat ħidmitha biex tiżgura li n-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha kienu mħejjija għat-tfixkil inevitabbli li kien se jkun ikkawżat fl-1 ta’ Jannar 2021 mid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mis-Suq Uniku tal-UE u mill-Unjoni Doganali.

Fl-24 ta’ Diċembru, in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit laħqu ftehim dwar it-test ta’ Ftehim ġdid tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jirregola r-relazzjonijiet tagħhom.

Fid-29 ta’ Diċembru, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Ftehim tal-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u l-applikazzjoni proviżorja tiegħu mill-1 ta’ Jannar 2021, sa meta l-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens u sa meta l-Ftehim jiġi konkluż permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill.

Iż-żewġ partijiet iffirmaw il-Ftehim fit-30 ta’ Diċembru 2020: il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel iffirmaw fi Brussell f’isem l-Unjoni Ewropea qabel ir-ratifika sħiħa tal-UE fl-2021, filwaqt li l-Prim Ministru Boris Johnson iffirma f’Londra f’isem ir-Renju Unit.

Filwaqt li l-Ftehim ġdid ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit bl-ebda mod ma jilħaq il-livell ta’ kooperazzjoni li kien hemm meta r-Renju Unit kien Stat Membru tal-UE, imur ferm lil hinn mill-ftehimiet tradizzjonali ta’ kummerċ ħieles u jipprovdi bażi soda biex il-ħbiberija u l-kooperazzjoni tagħna li ilha teżisti tiġi ppreservata għall-ġejjieni.

Il-Ftehim fih:

  1. ftehim ta’ kummerċ ħieles bla preċedent;
  2. kooperazzjoni ambizzjuża dwar kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tas-sajd bħala parti integrali mis-sħubija ekonomika l-ġdida;
  3. sħubija mill-qrib għas-sigurtà taċ-ċittadini; kif ukoll
  4. qafas ta’ governanza ġenerali.

Il-Ftehim jirrifletti l-fatt li r-Renju Unit qed joħroġ mill-ekosistema ta’ regoli komuni u mill-mekkaniżmi ta’ superviżjoni u ta’ infurzar tal-UE, u b’hekk ma jistax jibqa’ jgawdi mill-benefiċċji tas-sħubija tas-Suq Uniku.

Il-Ftehim jikkonferixxi drittijiet u obbligi lil kull parti, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-awtonomija regolatorja u deċiżjonali tagħhom.

Fuq talba tar-Renju Unit, il-Ftehim ma jkoprix il-kooperazzjoni dwar il-politika barranija, is-sigurtà esterna u d-difiża, minkejja li dan kien inizjalment previst fid-Dikjarazzjoni Politika.

Kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew f’Lulju, f’Diċembru l-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit b’baġit kumplessiv ta’ €5 biljun, li tgħin fil-ġlieda kontra l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali negattivi fl-Istati Membri u fis-setturi l-aktar milquta.

Ritratt tal-kamra tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew bin-nies fl-isfond.

Żviluppi istituzzjonali u baġitarji

Il-pandemija tal-COVID-19

Fl-ewwel nofs tal-2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iffukaw fuq deċiżjonijiet relatati mal-pandemija, fil-biċċa l-kbira tagħhom meħuda permezz ta’ vidjokonferenzi. Il-mexxejja ltaqgħu permezz ta’ vidjokonferenza matul is-sena biex jikkoordinaw ir-rispons tal-UE għall-coronavirus, u bosta proposti kruċjali ġew adottati fi żmien rekord. Barra minn hekk, il-Kunsill Ewropew organizza diversi laqgħat wiċċ imb wiċċ biex jiġu diskussi r-rispons għall-pandemija u kwistjonijiet oħra, inkluż il-baġit fit-tul tal-UE, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit, is-sigurtà, it-tibdil fil-klima u l-affarijiet barranin.

David Sassoli liebes maskra hu u jqiegħed fjura maġenb ħuġġieġa ċerimonjali.
David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew, jattendi ċ-ċerimonja statali li fakkret il-vittmi tal-COVID-19, Madrid, Spanja, is-16 ta’ Lulju 2020.

Għall-Parlament, uħud mid-deċiżjonijiet adottati fi żmien rekord inkludew l-approvazzjoni tal-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus u l-appoġġ finanzjarju f’każ ta’ emerġenza għas-settur tal-kura tas-saħħa, filwaqt li żguraw li l-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE jkopri l-emerġenzi tas-saħħa pubblika. Minn Marzu, is-sessjonijiet plenarji kollha saru fi Brussell. Minn Ottubru l-laqgħat kienu ibridi, u l-parteċipanti li ma kinux ibbażati fi Brussell ingħaqdu virtwalment ma’ dawk preżenti fil-kamra. Il-Kummissjoni dejjem kienet fiżikament preżenti f’dawn is-sessjonijiet. Il-vidjokonferenzi ħadu post ħafna laqgħat fiżiċi tal-Kunsill matul l-ewwel nofs tas-sena. Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ltaqa’ wiċċ imb wiċċ matul is-sena biex jiżgura l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill. Kemm il-Parlament kif ukoll il-Kunsill aġixxew b’veloċità liema bħalha biex jippromulgaw miżuri li kellhom impatt pożittiv immedjat fuq iċ-ċittadini, in-negozji u r-reġjuni.

Il-kriżi tal-pandemija affettwat ukoll b’mod qawwi l-ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Iż-żewġ kumitati adottaw diversi opinjonijiet rilevanti, u f’April 2020 il-Kumitat tar-Reġjuni nieda pjattaforma ta’ skambju biex titrawwem il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-ibliet madwar l-Ewropa. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew nieda l-Premju għas-Solidarjetà Ċivili biex jonora lil 28 inizjattiva li indirizzaw il-konsegwenzi tal-kriżi tal-coronavirus.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul tal-UE għall-2021–2027 u n-NextGenerationEU

Fl-aħħar tal-ħarifa tal-2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, ftiehmu u adottaw sussegwentement l-akbar pakkett li qatt ġie ffinanzjat mill-baġit tal-UE, li jammonta għal €1.8 triljun. Filwaqt li jindirizza l-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, il-pakkett se jgħin biex tinbena mill-ġdid Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti, li tkun imħejjija aħjar għall-isfidi attwali u għal dawk tal-ġejjieni.

Xi fatti u ċifri ewlenin

  • Baġit fit-tul għall-2021–2027 ta’ €1.074 triljun (fi prezzijiet tal-2018), flimkien mal-istrument ta’ rkupru temporanju, in-NextGenerationEU, ta’ €750 biljun.
  • Aktar minn 50 % tal-ammont tal-baġit se jappoġġa l-modernizzazzjoni permezz ta’ politiki li jinkludu r-riċerka u l-innovazzjoni, permezz tal-Orizzont Ewropa; klima ġusta u t-tranżizzjonijiet diġitali, permezz tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-programm Ewropa Diġitali; u t-tħejjija, l-irkupru u r-reżiljenza, permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ir-RescEU u programm tas-saħħa ġdid, l-UE għas-Saħħa.
  • Politiki li ilhom jeżistu bħall-politika ta’ koeżjoni u l-politika agrikola komuni se jiġu modernizzati u se jissoktaw jirċievu fondi baġitarji sinifikanti tal-UE, bl-objettiv li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
  • 30 % tal-fondi tal-UE kemm fil-qafas tan-NextGenerationEU kif ukoll tal-baġit fit-tul jeħtieġ li jintefqu fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-pakkett jagħti wkoll attenzjoni speċifika lill-protezzjoni tal-bijodiversità u lill-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri.
  • Programmi ewlenin, inklużi l-Erasmus+, l-UE għas-Saħħa u l-Orizzont Ewropa se jissaħħu u se jlaħħqu €15-il biljun, meta mqabbla mal-ftehim fil-Kunsill Ewropew speċjali ta’ Lulju 2020.

Għall-ewwel darba, l-UE se jkollha mekkaniżmu speċifiku biex tipproteġi l-baġit tagħha mill-ksur tal-istat tad-dritt: ir-Regolament dwar Reġim Ġenerali ta’ Kondizzjonalità għall-Protezzjoni tal-Baġit tal-Unjoni. Dan se joffri saff addizzjonali ta’ protezzjoni tal-baġit. Il-Kummissjoni se tadotta linji gwida dwar ċerti aspetti tal-applikazzjoni tar-Regolament. Sadanittant, ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Il-benefiċjarji finali tal-finanzjament mill-UE fl-Istat Membru kkonċernat mhux se jiġu affettwati b’mod negattiv minn dan il-mekkaniżmu.

Grafika li turi t-tqassim tal-baġit fit-tul tal-UE għall-perjodu mill-2021 sal-2027.

Baġit fit-tul 2021–2027. Il-baġit fit-tul tal-UE se jkompli jaqdi rwol ewlieni biex jiġi appoġġat l-irkupru u biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji tradizzjonali tal-fondi mill-UE jirċievu biżżejjed mezzi biex ikomplu ħidmiethom meta jkun hemm żminijiet diffiċli ħafna għal kulħadd. Is-Suq Uniku, l-innovazzjoni u l-qasam diġitali se jirċievu 132.8 biljun ewro permezz tal-qafas finanzjarju pluriennali, jew il-QFP, u 10.6 biljun ewro permezz tan-Next Generation EU, li flimkien jammontaw għal finanzjament totali ta’ 143.4 biljun ewro. Il-koeżjoni, ir-reżiljenza u l-valuri se jirċievu 377.8 biljun ewro permezz tal-QFP u 721.9 biljun ewro permezz tan-Next Generation EU, li flimkien jammontaw għal finanzjament totali ta’ 1,099.7 biljun ewro. Ir-riżorsi naturali u l-ambjent se jirċievu 356.4 biljun ewro permezz tal-QFP, u 17.5-il biljun ewro permezz tan-Next Generation EU, li flimkien jammontaw għal finanzjament totali ta’ 373.9 biljun ewro. Il-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Fruntieri se jirċievu 22.7 biljun ewro permezz tal-QFP, u l-ebda finanzjament permezz tan-Next Generation EU, li flimkien jammontaw għal finanzjament totali ta’ 22.7 biljun ewro. Is-Sigurtà u d-Difiża se jirċievu 13.2-il biljun ewro permezz tal-QFP, u l-ebda finanzjament permezz tan-Next Generation EU, li flimkien jammontaw għal finanzjament totali ta’ 13.2-il biljun ewro. Il-Viċinat u d-Dinja se jirċievu 98.4 biljun ewro permezz tal-QFP, u l-ebda finanzjament permezz tan-Next Generation EU, li flimkien jammontaw għal finanzjament totali ta’ 98.4 biljun ewro. L-Amministrazzjoni Pubblika Ewropea se tirċievi 73.1 biljun ewro permezz tal-QFP, u l-ebda finanzjament permezz tan-Next Generation EU, li flimkien jammontaw għal finanzjament totali ta’ 73.1 biljun ewro. Il-finanzjament totali għas-setturi kollha permezz tal-QFP jammonta għal 1,074.3 biljun ewro, u l-finanzjament totali għas-setturi kollha permezz tan-Next Generation EU jammonta għal 750.0 biljun ewro, li flimkien jammontaw għal finanzjament totali tal-QFP ta’ 1,824.3 biljun ewro. Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

Fl-istess ħin, ix-xogħol dwar il-leġiżlazzjoni settorjali li tistabbilixxi l-programmi l-ġodda tal-UE avvanza. Fl-aħħar tal-2020 ġew stabbiliti ftehimiet politiċi dwar il-maġġoranza tal-inizjattivi, inklużi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Orizzont Ewropa, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali u l-programm L-UE għas-Saħħa l-ġdid. Huwa mistenni li l-programmi jiġu adottati formalment fil-bidu tal-2021.

Affarijiet istituzzjonali

Fil-Kunsill, it-tmun tal-Presidenza għadda għand il-Kroazja u mbagħad għand il-Ġermanja. Il-Presidenza Kroata rnexxielha tiżgura l-adozzjoni rapida ta’ proposti relatati mal-COVID-19 bħala parti mir-rispons immedjat għall-kriżi, inklużi l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus, l-Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’inizjattiva ta’ Emerġenza u r-Rakkommandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. Il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq f’Marzu kien stadju importanti ewlieni ieħor fl-ewwel nofs tas-sena. Taħt il-Presidenza Ġermaniża, il-finalizzazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali/il-pakkett tal-irkupru u l-konklużjoni tan-negozjati kummerċjali tar-Renju Unit kienu suċċessi ewlenin. Il-Kunsill Ewropew laħaq ukoll qbil dwar mira klimatika aktar ambizzjuża sal-2030 u indirizza s-sitwazzjoni ta’ tensjoni fil-Belarussja, billi impona tliet sensiliet ta’ sanzjonijiet.

Wara s-sajf, il-Parlament ta iktar attenzjoni lill-affarijiet istituzzjonali, l-ewwel nett lid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President von der Leyen fis-16 ta’ Settembru. F’Ottubru, il-Parlament approva s-sostituzzjoni ta’ Phil Hogan b’Mairead McGuinness wara r-riżenja tiegħu mill-Kummissjoni. Mairead McGuinness issa hija l-Kummissarju għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

Is-sena 2020 kienet waħda ta’ tiġdid għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u għall-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Huma naqsu fid-daqs minn 350 għal 329 membru kull wieħed wara l-Brexit, u madwar 40 % tal-membri tagħhom ġeddew il-mandat tagħhom. Apostolos Tzitzikostas ġie elett bħala l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fit-12 ta’ Frar, u Christa Schweng ġiet eletta bħala l-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fit-28 ta’ Ottubru.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment

Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika

Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

— bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),

— fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew

— bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Online

L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE

Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati

Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu

Data Miftuħa mill-UE

Il-portal tad-Data Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.

Dwar

DWAR

L-UE fl-2020 — RAPPORT ĠENERALI DWAR L-ATTIVITAJIET TAL-UNJONI EWROPEA

Print ISBN 978-92-76-28741-4 ISSN 1725-6941 doi:10.2775/932111 NA-AD-21-001-MT-C
PDF ISBN 978-92-76-28711-7 ISSN 1977-3501 doi:10.2775/664324 NA-AD-21-001-MT-N
EPUB ISBN 978-92-76-28664-6 ISSN 1977-3501 doi:10.2775/459523 NA-AD-21-001-MT-E
HTML ISBN 978-92-76-28692-9 ISSN 1977-3501 doi:10.2775/295243 NA-AD-21-001-MT-Q

Verżjoni interattiva ta’ din il-pubblikazzjoni, li fiha links għal kontenut online, hija disponibbli f’format PDF, ePUB u HTML:
http://europa.eu/general-report/mt

L-UE fl-2020 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata
1049 Brussell
IL-BELGJU

L-UE fl-2020 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fil-15 ta’ Frar 2021 bir-referenza C(2021) 1002.

Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minħabba l-użu mill-ġdid ta’ din il-pubblikazzjoni.

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

© L-Unjoni Ewropea, 2021

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).

Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.

KREDITI

Ir-ritratti kollha huma © L-Unjoni Ewropea, ħlief jekk jingħad mod ieħor.