L-UE fl-2017
Sib dak kollu li jeħtieġlek tkun taf dwar il-kisbiet tal-Unjoni Ewropea fl-2017, is-60 anniversarju tat-Trattati fundaturi ta’ Ruma. Ir-Rapport Ġenerali jaġġornak dwar kif l-UE qed twassal l-għaxar prijoritajiet tagħha, inklużi l-azzjoni biex jissaħħu l-impjiegi u l-ekonomija u l-ftehimiet kummerċjali mal-Kanada u l-Ġappun. Tgħallem ukoll dwar kif l-UE qed timmaniġġja l-isfida tal-migrazzjoni u dwar il-kooperazzjoni ġdida ewlenija għad-difiża u s-sigurtà. Ir-rapport jenfasizza wkoll id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa li diġà involva għexur ta’ eluf ta’ ċittadini, u jispjega l-pass ewlieni meħud biex jiġu ssalvagwardjati u mtejba d-drittijiet soċjali. Tista’ ssib informazzjoni dwar dawn u bosta kwistjonijiet oħrajn f’L-UE fl-2017.
DAĦLA
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea
Jean-Claude Juncker
L-2017 kienet sena storika għall-Unjoni Ewropea. Kienet sena li fiha fakkarna s-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma. Kienet sena ta’ riflessjoni fuq il-bidliet kollha li saru tul l-aħħar sitt deċennji: illum l-Unjoni tagħna hija ikbar, aktar b’saħħitha u aktar diversa milli kienet lura fl-1957.
Kienet ukoll sena li fiha seddaqna l-prinċipji kollettivi tagħna. Il-valuri u l-ambizzjonijiet li fuqhom issejset l-Unjoni jibqgħu fil-qalba tal-Ewropa tal-lum il-ġurnata. Il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem u għas-saltna tad-dritt: dawn huma l-affarijiet li jgħaqqduna u jħarsuna.
Fl-aħħar ftit snin għamilna passi ta’ ġgant. Qegħdin nirnexxu f’kull wieħed mill-għaxar oqsma ta’ prijorità stabbiliti mill-Kummissjoni u approvati mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri. B’hekk qegħdin naqdu d-dmir li fdawlna ċ-ċittadini Ewropej u l-Parlament tagħhom wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014. Din il-pubblikazzjoni tirrapporta dwar il-progress tagħna tul l-2017.
Kif jixhed is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, tliet snin wara l-bidu tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni s’issa ssottomettiet 80 % mill-inizjattivi li kienet ħabbret, u f’ċerti oqsma ta’ prijorità, bħas-Suq Uniku Diġitali fejn iċ-ċifra tilħaq saħansitra l-94 %, ġew ippreżentati kważi l-inizjattivi kollha li kienu tħabbru oriġinarjament.
Issa ninsabu fil-ħames sena ta’ rkupru ekonomiku li qed jinħass f’kull Stat Membru, bi tkabbir iktar mgħaġġel milli fl-Istati Uniti u fil-Ġappun fl-2016 u fl-2017. L-għadd ta’ impjiegi laħaq livell rekord, u r-rata tal-qgħad hija l-iktar baxxa f’disa’ snin. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, diġà ħloqna investimenti ġodda ta’ aktar minn €256 biljun, li jsostnu aktar minn 300,000 impjieg. Nifraħ ħafna li l-Parlament Ewropew u l-Istati Membri qablu li jżidu u jestendu l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi sa tal-inqas €500 biljun sal-2020.
Kont wegħidt li nieħdu azzjoni kbira fuq il-kwistjonijiet il-kbar u azzjoni żgħira fuq il-kwistjonijiet iż-żgħar. Dan fisser li kellna nnaqqsu l-għadd ta’ inizjattivi leġiżlattivi ewlenin, minn ’il fuq minn 100 fis-sena taħt Kummissjonijiet tal-passat għal 21 fl-2017. B’hekk irnexxielna niffukaw fuq azzjonijiet konkreti li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, bħat-tneħħija tat-tariffi tar-roaming, sabiex in-nies ma jibqgħux iħallsu żejjed għat-telefonati, għall-messaġġi u għall-użu tal-internet meta jivvjaġġjaw fl-UE.
Ninsabu mgħammra aħjar biex naffaċċjaw sfidi ġodda fil-qasam tal-migrazzjoni u tas-sigurtà, bis-saħħa tal-ħolqien tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li qiegħda tgħasses il-fruntieri esterni tal-Greċja, tal-Italja, tal-Bulgarija u ta’ Spanja. Qegħdin naħdmu biex nindirizzaw il-kawżi profondi tal-migrazzjoni, u biex ngħinu lin-nies jibnu futur aħjar għalihom infushom f’pajjiżhom stess. Fl-istess ħin, is-solidarjetà tibqa’ fil-qofol tal-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni. L-Ewropa qatt mhi se tagħti daharha lil min tabilħaqq għandu bżonn il-protezzjoni.
L-ewwel regoli taċ-ċibersigurtà applikabbli fl-UE kollha se jkunu fis-seħħ minn Mejju 2018, sabiex jipproteġu n-netwerks tagħna u jżommu s-sistemi informatiċi tagħna sikuri. L-Ewropa qiegħda tistimola l-azzjoni globali, u tinsab minn ta’ quddiem fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.
Ksibna riżultati wkoll f’impenji li, fil-bidu tal-mandat tagħna, dak li jkun faċilment kien jaħsibhom impossibbli. Ħamsa u għoxrin Stat Membru ntrabtu għal Kooperazzjoni Strutturata Permanenti fuq kwistjonijiet ta’ difiża u ta’ sigurtà — dan huwa pass kbir ’il quddiem li permezz tiegħu l-Ewropa se ssir ħafna iktar b’saħħitha u iktar sikura. Meta kont ipproponejt dan fl-2014 bħala President elett, ħafna nies rawha bħala ħolma li ma tistax titwettaq. Illum sar realtà, u eżempju ta’ dak li kapaċi niksbu bl-għaqda u bl-ambizzjoni.
L-istess jgħodd għall-wegħda tal-Ewropa li saret 60 sena ilu fir-rigward tal-ġustizzja u tal-progress soċjali. F’Novembru, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE pparteċipaw f’Summit Soċjali f’Gothenburg, fejn taw ħarsa lejn l-isfidi komuni u skambjaw l-esperjenza rikka tagħhom. Hemmhekk ħabbarna l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, sabiex inżommu kelmitna fit-taqbida favur l-ugwaljanza u t-titjib fl-istandards tal-għajxien u tax-xogħol.
Urejna wkoll il-kuraġġ tal-konvinzjonijiet tagħna fejn jidħol il-kummerċ ħieles u ġust. Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-Ġappun kapaċi jżid l-esportazzjonijiet ġenerali tagħna lejn il-Ġappun b’aktar minn terz, filwaqt li lill-kumpaniji tal-UE jiffrankalhom €1 biljun f’dazji doganali. Il-Ftehim Kummerċjali tagħna mal-Kanada lin-negozji tal-UE se jiffrankalhom kważi €600 miljun fis-sena. Urejna wkoll li m’aħniex inġenwi fejn jidħol il-kummerċ ħieles, bi proposta għat-tgħarbil tal-investiment u għall-immodernizzar tal-istrumenti tagħna għad-difiża tal-kummerċ.
Dan kollu jixhed li l-2017 kienet is-sena li fiha l-Ewropa tassew reġa’ kellha r-riħ fil-qala’, u b’hekk reġgħu magħna l-fiduċja u l-kburija. Fl-istess ħin konna qegħdin nagħtu ġieħ lil dawk li qattgħu ħajjithom jissieltu għall-valuri komuni tagħna, u li fittxu l-paċi l-ewwel u qabel kollox. F’Lulju, fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, saret l-ewwel Ċerimonja Ewropea tal-Unur fl-istorja, li kienet okkażjoni xierqa biex nagħtu ġieħ lil Dr. Helmut Kohl, Ċittadin Onorarju tal-Ewropa.
Iżda kif naraha jien, l-isbaħ omaġġ lil Helmut Kohl, lil Simone Veil u lill-Ewropej il-kbar l-oħra kollha li wittew it-triq għall-Ewropa tal-lum, ikun li wliedna jirtu mingħandna Unjoni aħjar, bħalma writna aħna minn missirijietna.
Kien proprju f’dan l-ispirtu li ppubblikajna l-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa f’Marzu. L-idea kienet li nqabbdu dibattitu miftuħ u onest dwar il-ġejjieni tagħna, billi nimmaġinaw kif l-Unjoni kapaċi tevolvi sal-2025, skont id-deċiżjonijiet li nieħdu llum. Dan id-dibattitu wassalnieh lin-nies f’27 Stat Membru, permezz ta’ aktar minn 300 Djalogu taċ-Ċittadini, u lħaqna lil miljuni ta’ persuni permezz tal-midja soċjali. Il-messaġġ ewlieni li baqa’ jidwi kien li l-Ewropa għandha tieħu r-riedni tal-futur tagħha f’idejha, billi tiffoka fuq l-iktar affarijiet importanti u fuq ir-riżultati li tista’ twassal liċ-ċittadini tagħha.
Kelli dan kollu f’moħħi f’Settembru meta, fid-diskors tiegħi dwar l-Istat tal-Unjoni, ippreżentajt il-viżjoni tiegħi għal Unjoni aktar b’saħħitha, aktar demokratika u aktar magħquda. Nixtieq Unjoni ta’ ugwaljanza, Unjoni li tiffoka fuq l-essenzjali, Unjoni li toffri t-tama, l-istabbiltà, il-ġustizzja u l-opportunità lil kulħadd.
Dan il-futur ma jistax jibqa’ wieħed astratt. Irridu nibnuh illum qabel għada. Huwa għalhekk li fassalt ukoll Pjan Direzzjonali ċar biex naslu fejn irridu naslu, qabel ma s-27 mexxej tal-UE jiltaqgħu f’Summit speċjali f’Sibiu, ir-Rumanija, fid-9 ta’ Mejju 2019, biex inqiegħdu s-sisien komuni tagħna wara l-Brexit.
Diġà middejna l-ewwel passi f’Diċembru, billi ressaqna proposti sinifikanti biex inqawwu lill-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna, u b’hekk ngħinu biex noħolqu ekonomija li tipprovdi sigurtà u opportunità lil kulħadd. Minn Fond Monetarju Ewropew ġdid u linja baġitarja ddedikata għaż-żona tal-ewro, sa Ministru Ewropew ġdid għall-Ekonomija u l-Finanzi, il-proposti tagħna huma mezz biex jinkiseb għan: li noħolqu aktar impjiegi, aktar tkabbir u aktar investiment
Aħna u mmiddu l-passi li jmiss għal għonq it-triq lejn Sibiu, irridu niżguraw li l-Ewropa tibqa’ magħquda. Din is-sena wrietna li l-Ewropa hija iktar minn sempliċi Suq Uniku, iktar minn sempliċi munita unika, iktar minn sempliċi sensiela ta’ istituzzjonijiet u trattati. L-Ewropa hija Unjoni ta’ popli, u ta’ kulturi komuni. Huwa dan il-mużajk rikk ta’ kulturi u tal-wirt tagħhom li se nkunu qegħdin niċċelebraw matul l-2018, is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, li tnediet f’Milan f’Diċembru.
Din hija l-Ewropa li se nkomplu nissieltu għaliha fl-2018.
Jean-Claude Juncker
KAPITLU 1
Spinta ġdida għall-impjiegi, għat-tkabbir u għall-investiment
“L-ewwel prijorità tiegħi bħala President tal-Kummissjoni hija li nsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u li nistimola l-investiment għall-fini tal-ħolqien tal-impjiegi.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
© iStockphoto.com/Rawpixel
L-għoti ta’ spinta għall-impjiegi u għat-tkabbir baqa’ l-ewwel prijorità tal-UE fl-2017, u kollox ma’ kollox, ix-xejriet ekonomiċi kienu pożittivi. Biex nimxu għalkollox lil hinn mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-isfida kienet li nrendu l-UE aktar reżiljenti u kompetittiva, filwaqt li niżguraw il-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda għal min intlaqat l-iktar mill-kriżi. Għal dan il-għan kellna nsibu l-bilanċ preċiż bejn l-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, fuq naħa, u l-kisba ta’ pożizzjoni fil-politika fiskali li tgħin biex l-irkupru jibqa’ jissaħħaħ, fuq in-naħa l-oħra.
Komplew l-isforzi ffukati biex jirfdu x-xejra ċara ta’ żieda fl-impjiegi. F’Novembru, dan wassal għal rata tal-qgħad aġġustata skont l-istaġun ta’ 8.7 % fiż-żona tal-ewro, l-iktar rata baxxa minn Jannar 2009 ’l hawn.
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (l-ewwel pilastru tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa) diġà mmobilizza ’l fuq minn €256 biljun f’investimenti ġodda madwar l-UE, u b’hekk għen biex inħolqu 300,000 impjieg. Abbażi tal-proġetti approvati fl-2015 u fl-2016, sal-2020 il-Fond ikun appoġġa 700,000 impjieg, u jkun żied 0.7 % mal-prodott domestiku gross tal-UE. Fid-dawl ta’ dan is-suċċess, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ippropona li l-Fond jiġi estiż.
F’Diċembru sar qbil biex il-mira u t-tul ta’ żmien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jiżdiedu sa tal-anqas €500 biljun sal-2020. Din hija żieda konsiderevoli fuq il-mira inizjali tal-Pjan ta’ Investiment, li kienet ta’ €315-il biljun f’investimenti ġodda. F’Novembru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ħabbru l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li se jservi ta’ boxxla għat-tfassil tal-politika dwar l-impjiegi u dik soċjali, kif ukoll ta’ qafas ta’ referenza għall-kejl tal-prestazzjoni tal-Istati Membri.
Matul is-sena, l-UE għenet lill-isforzi nazzjonali biex ikomplu jixprunaw l-ekonomija tal-UE, inkluż l-appoġġ lill-impriżi żgħar u medji, lill-edukazzjoni, lir-riċerka u l-innovazzjoni, lill-politika reġjonali, lit-trasport, lill-ħolqien tal-impjiegi, lill-ambjent, lill-agrikoltura u lis-sajd.
Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa
Fl-2015 il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, nedew il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Dan jinkludi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li nħoloq b’ammont inizjali ta’ €21 biljun fi flus tal-UE, u bil-għan li jiġbed l-investiment privat. It-tbassir jindika ħolqien ta’ 700,000 impjieg addizzjonali, u żieda ta’ 0.7 % fil-prodott domestiku gross tal-UE sal-2020, bis-saħħa tal-investimenti approvati fl-2015 u fl-2016. Dan juri li, anki f’setturi u reġjuni milquta sew mill-kriżi għaxar snin ilu, l-investiment strateġiku qed jagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi u lit-tkabbir fl-Unjoni Ewropea kollha. Wara l-ftehim fil-prinċipju li ntlaħaq mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri f’Settembru, il-Parlament ivvota f’Diċembru favur li jadotta Regolament li jestendi u jsaħħaħ il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. L-iskeda ta’ żmien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi 2.0 l-ġdid u mtejjeb ittawlet minn nofs l-2018 sa tmiem l-2020, u l-mira tal-investiment tiegħu żdiedet minn €315-il biljun għal tal-anqas €500 biljun.
X’HEMM ĠDID FIL-FOND EWROPEW GĦALL-INVESTIMENTI STRATEĠIĊI 2.0?

Fl-2017 il-Fond mexa kif ippjanat biex sa nofs l-2018 jirnexxilu jiġġenera investimenti addizzjonali li jiswew mill-anqas €315-il biljun fl-ekonomija reali. Il-Fond kien attiv f’kull wieħed mit-28 Stat Membru, u kien mistenni li joħloq madwar €256 biljun f’investimenti totali sa tmiem l-2017.
Sa tmiem is-sena, ġew approvati fil-qafas tal-Fond total ta’ 357 proġett infrastrutturali u ta’ innovazzjoni, li jirrappreżentaw finanzjament ta’ €39.2 biljun. Ġew approvati wkoll 347 ftehim ta’ finanzjament għal impriżi żgħar u medji, b’valur ta’ €11.9-il biljun. Kien mistenni li madwar 539,000 negozju jibbenefikaw minn dan.
Barra minn hekk, l-appoġġ fil-forma ta’ konsulenza għall-iżvilupp u għat-tħejjija ta’ proġetti tkattar permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti, u l-proġetti li kienu qed ifittxu finanzjament ingħataw il-viżibbiltà meħtieġa fuq il-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment.
Ittieħdet azzjoni konkreta wkoll biex jittejjeb l-ambjent tan-negozju u biex ikompli jissaħħaħ is-Suq Uniku. Fil-livell tal-UE, dan inkluda inizjattivi bħall-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari. Bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni tat enfażi partikulari wkoll lill-identifikazzjoni ta’ sfidi ta’ investiment fil-livell tal-Istati Membri, kif ukoll lir-riformi ta’ prijorità biex jindirizzaw tali sfidi. Dawn joħorġu ċar fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għal 27 Stat Membru, adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017.
SETTURI ĠODDA ELIĠIBBLI GĦALL-APPOĠĠ MILL-FOND EWROPEW GĦALL-INVESTIMENTI STRATEĠIĊI 2.0

Fid-dawl tas-suċċess tal-Pjan ta’ Investiment, u wara l-proposta ta’ Settembru 2016 biex jittawwal il-perjodu tiegħu u jiżdied il-finanzjament tiegħu, f’Diċembru l-Parlament u l-Kunsill ftiehmu li jżidu l-mira u l-perjodu tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi sa tal-inqas €500 biljun sal-2020.
Il-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati dwar reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju fi tmiem l-2017 se tippermetti l-interoperabbiltà mtejba tal-programmi u tal-fondi, b’regoli aktar sempliċi biex jiġu kkombinati l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Se tipprovdi wkoll il-possibbiltà li jiġu kkombinati għotjiet u strumenti finanzjarji fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
Il-Pjan ta’ Investiment fl-ekonomija reali
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jappoġġa l-investiment f’setturi ta’ importanza strateġika għall-ekonomija tal-UE, fosthom l-enerġija, it-trasport, it-teknoloġiji diġitali, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-ambjent u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, l-infrastruttura soċjali u l-kumpaniji ż-żgħar. Dan jinkludi l-investiment fl-imprenditorija soċjali, fl-impatt soċjali u fl-innovazzjoni soċjali. Pereżempju, permezz tal-Fond, il-Bank Ewropew tal-Investiment iffinanzja 14-il ċentru tal-kura tas-saħħa primarja fl-Irlanda, u pprovda l-flus għall-kostruzzjoni ta’ kampus ġdid għan-Nova School of Business and Economics fil-Portugall. Barra minn hekk, fil-qafas tat-taqsima tiegħu għall-impriżi żgħar u medji, il-Fond, b’investiment ta’ €10 miljun, appoġġa skema ta’ ħlas skont ir-riżultati fil-Finlandja, sabiex titrawwem l-inklużjoni tar-refuġjati u tal-migranti fis-suq tax-xogħol.
Il-politika ekonomika u fiskali
Kull sena l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-UE tiġi organizzata f’ċiklu magħruf bħala s-Semestru Ewropew. Dan jinbeda lejn tmiem kull sena, fost l-oħrajn bil-pubblikazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u ta’ proposta għal rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-ewro.
Fi Frar ġew ippubblikati r-Rapporti tal-Pajjiżi għall-2017, li janalizzaw l-isfidi ekonomiċi u soċjali f’kull Stat Membru tal-UE għajr il-Greċja. L-analiżi studjat ukoll l-iżbilanċi makroekonomiċi u inkludiet rapport dwar l-miżuri nazzjonali li ġew adottati biex jiġi implimentat it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li jistipula li l-baġits nazzjonali ta’ 22 mill-25 Stat Membru firmatarji li qablu li jintrabtu bih iridu jkunu bbilanċjati jew b’surplus. Fuq dawn ir-rapporti ġew imsejsa d-diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-għażliet ta’ politika tagħhom, bi tħejjija għall-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom u għall-pjanijiet baġitarji ta’ terminu medju. Tard fir-rebbiegħa, dawn ir-rapporti wasslu għall-formulazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi indirizzati lill-Kunsill.
PROGRESS FIT-TNAQQIS TAL-QGĦAD FL-UE

Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jipproponu gwida li l-Kunsill għandu jgħaddi lill-Istati Membri, dwar kif jistgħu jagħtu spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir. Ikomplu jibnu fuq il-progress miksub mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-gwida ta’ politika li rċevew individwalment fl-2016, abbażi tat-“trijanglu virtuż” tal-ixprunar tal-investiment, it-twettiq tar-riformi strutturali u l-iżgurar ta’ finanzi pubbliċi fis-sod. Barra minn hekk, ir-rata tal-qgħad fl-UE kollha f’Novembru kienet 7.3 %, jiġifieri l-inqas rata minn Ottubru 2008 ’l hawn (matul il-mandat tal-Kummissjoni Juncker inħolqu kważi 9 miljun impjieg). Fil-21 ta’ Diċembru kien hemm 236 miljun ruħ fix-xogħol fl-UE — aktar minn qatt qabel. L-Istati Membri kienu mistednin japprofittaw minn dan iż-żmien opportun maħluq mill-irkupru ekonomiku, li issa jinsab fil-ħames sena tiegħu.
Anki jekk il-prijoritajiet madwar l-UE jvarjaw, tqies kruċjali li jkomplu jitkattru l-isforzi f’kull qasam, bil-għan li jinkiseb tkabbir aktar inklużiv, sod u sostenibbli. Bħala parti minn dan l-approċċ, ingħatat attenzjoni aktar mill-qrib lill-prijoritajiet u lill-isfidi soċjali fl-Istati Membri. F’Novembru, il-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea ħabbru l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li se jservi ta’ boxxla għat-tfassil tal-politika kif ukoll ta’ qafas ta’ referenza għall-kejl tal-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-oqsma tal-impjiegi u tal-affarijiet soċjali, abbażi tal-20 prinċipju tiegħu.
Mil-lat fiskali, ir-rakkomandazzjonijiet li l-Kummissjoni għaddiet lill-Kunsill f’Mejju kkonfermaw li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir qiegħed jiġi applikat b’mod intelliġenti u flessibbli. Meta l-Kummissjoni vvalutat il-pjanijiet baġitarji fit-terminu medju tal-Istati Membri, qieset l-infiq speċifiku marbut ma’ riformi strutturali u ma’ avvenimenti mhux tas-soltu li l-gvernijiet ma jkollhomx kontroll fuqhom, fosthom il-programmi tar-refuġjati, u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kunsill għalaq il-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv għall-Kroazja u għall-Portugall f’Ġunju, għall-Greċja f’Settembru, u għar-Renju Unit f’Diċembru. B’hekk fl-2017 sar aktar progress f’dan il-qasam, billi l-għadd ta’ Stati Membri li nstabu b’defiċit eċċessiv naqas għal tnejn, mill-24 li kien hemm fl-2011.
B’ħarsa speċifika lejn iż-żona tal-ewro, f’Novembru l-Kummissjoni sejħet għal pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali, kif ukoll għal taħlita ta’ politika bbilanċjata. Din tinkludi t-tiftix u t-tkomplija ta’ politiki li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv u li jtejbu r-reżiljenza, ir-riekwilibriju u l-konverġenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrakkomandat li jsir progress sinifikanti lejn l-ikkompletar tas-Suq Uniku, partikularment fis-servizzi (inkluż dawk finanzjarji), fil-kummerċ diġitali, fl-enerġija u fit-trasport. Fid-dawl tal-kundizzjonijiet ċikliċi pożittivi, jeħtieġ li l-Istati Membri kollha jagħtu prijorità lil riformi li jżidu l-produttività u l-potenzjal tat-tkabbir, itejbu l-ambjent istituzzjonali u l-ambjent tan-negozju, ineħħu x-xkiel għall-investimenti, jappoġġaw il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità, u jnaqqsu l-inugwaljanza.
Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri li għandhom defiċit fil-kont kurrenti jew dejn estern għoli għandhom jimmiraw li jrażżnu ż-żieda fil-kostijiet ta’ unità lavorattiva. Jeħtieġ li l-Istati Membri b’surpluses kbar fil-kont kurrenti jippromwovu iż-żieda fil-pagi, jimplimentaw, bħala prijorità, miżuri li jkattru l-investiment, jappoġġaw id-domanda domestika u jiffaċilitaw ir-riekwilibriju fiż-żona tal-ewro.
Il-Kummissjoni stħarrġet ukoll jekk l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri fiż-żona tal-ewro għall-2018 kinux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
Fir-rigward tal-monitoraġġ tal-iżbilanċi makroekonomiċi, ġie konkluż li 12-il Stat Membru (il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Irlanda, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovenja u l-Iżvezja) se jkunu koperti minn analiżi fil-fond fl-2018, sabiex jiġi ddeterminat jekk għadhomx iġarrbu żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi. Dawn huma l-istess Stati Membri li ġew identifikati fil-fażi preċedenti tal-proċedura. Il-Kummissjoni se tippreżenta dawn l-analiżijiet fil-fond bħala parti mir-Rapporti tal-Pajjiżi annwali tagħha kmieni fl-2018. L-espansjoni ekonomika qiegħda tgħin biex jitranġaw ċerti żbilanċi, tappoġġa t-tnaqqis kontinwu tal-proporzjonijiet tad-dejn domestiku u estern, tħaffef ċerti sfidi li għadhom preżenti fis-settur finanzjarju, u ttejjeb il-qagħda tas-suq tax-xogħol. Sar aktar progress fl-indirizzar tal-iżbilanċi esterni fost il-pajjiżi li għandhom dejn estern nett, filwaqt li s-swieq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tat-tkabbir b’mod ġenerali komplew jitjiebu. Tkompla jinstab tarf tal-iżbilanċi abbażi ta’ għadd imnaqqas ta’ kategoriji, b’enfasi fuq kwistjonijiet soċjali u marbutin mal-impjiegi.
F'Ġunju, il-Bord Fiskali Ewropew ipprovda l-ewwel konsulenza tiegħu dwar id-direzzjoni ġenerali tal-politika fiskali fiż-żona tal-ewro. Il-Bord huwa indipendenti, u huwa magħmul minn speċjalisti maħturin wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, mal-kunsilli fiskali nazzjonali u mal-Bank Ċentrali Ewropew.
Il-Bord kien tal-fehma li pożizzjoni fiskali newtrali tkun xierqa għaż-żona tal-ewro kollha kemm hi fl-2018, u li tali pożizzjoni tista’ tiġi implimentata permezz ta’ politiki fiskali nazzjonali ddifferenzjati ġewwa l-parametri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Barra minn hekk, il-Bord qies li l-gvernijiet imisshom jimmiraw lejn rikompożizzjoni tal-infiq tagħhom sabiex iżidu l-infiq fl-investiment, qalagħha l-agħar minħabba l-isforzi suċċessivi ta’ konsolidament fiskali wara li faqqgħet il-kriżi finanzjarja u ekonomika.
F’Novembru, il-Bord Fiskali Ewropew ippubblika l-ewwel Rapport Annwali tiegħu, fejn jagħti evalwazzjoni indipendenti tal-mod kif ġie implimentat il-qafas fiskali tal-UE, kif ukoll tal-adegwatezza tal-qagħda fiskali attwali fil-livell taż-żona tal-ewro u fil-livell nazzjonali. Ir-Rapport Annwali jiffoka fuq l-2016 (l-aħħar ċiklu sħiħ ta’ sorvjelanza) u jiġbed il-konklużjoni li, f’kuntest ekonomiku mill-iktar iebes, minkejja ċerti imperfezzjonijiet, ma kienx hemm żbalji kbar fl-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-politika fiskali kienet ta’ ċertu sostenn għall-irkupru fiż-żona tal-ewro b’mod ġenerali. Madankollu, mill-perspettiva taż-żona tal-ewro, f’ċerti Stati Membri l-politika fiskali kienet iktar restrittiva milli kien jaqbel, filwaqt li fi Stati Membri oħra kienet laxka wisq. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu, il-Bord issuġġerixxa wkoll għadd ta’ proposti biex jittejjeb il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
Fl-2017, il-Bank Ċentrali Ewropew kompla jaqdi l-għan ewlieni tiegħu li jħares l-istabbiltà tal-prezzijiet sabiex jissalvagwardja l-valur tal-ewro. L-istabbiltà tal-prezzijiet hija kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi, u hija l-iktar kontribut importanti li tista’ tagħti l-politika monetarja f’dak il-qasam. Il-Bank Ċentrali Ewropew, flimkien mal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, ħa sehem ukoll fiż-żjarat regolari ta’ analiżi fl-Istati Membri fil-qafas tal-appoġġ ta’ wara l-programmi.
Inlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali
L-Unjoni tas-Swieq Kapitali, prijorità ewlenija tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, tinkludi taħlita ta’ riformi regolatorji u mhux regolatorji biex jorbtu aħjar it-tfaddil mal-investimenti. L-għan tagħha huwa li ssaħħaħ is-sistema finanzjarja tal-UE billi toffri sorsi alternattivi ta’ finanzjament u aktar opportunitajiet għall-investituri kummerċjali u istituzzjonali. Għall-kumpaniji, partikularment l-impriżi żgħar u medji u l-istartups, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali se toħloq aktar opportunitajiet ta’ finanzjament, inkluż billi tipprovdi aċċess aħjar għall-kapital ta’ riskju u għas-swieq tal-kapital. Tiffoka bil-qawwi fuq il-finanzjament sostenibbli, hekk kif is-settur finanzjarju jibda jgħin lill-investituri li huma mħassbin fuq is-sostenibbiltà jagħżlu proġetti u kumpaniji xierqa.
Madwar żewġ terzi tat-33 azzjoni mfassla fil-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali tlestew. Azzjoni minnhom kienet riforma fil-fond tar-regoli għall-impriżi ta’ investiment. L-impriżi ta’ investiment iż-żgħar se jibbenefikaw minn rekwiżiti aktar sempliċi li jaqblu iktar mal-profil tar-riskju tagħhom. Fl-istess ħin, l-impriżi l-kbar li jikkostitwixxu riskji simili għal dawk tal-banek għandhom jiġu rregolati u ssorveljati proprju bħall-banek. Dan se jgħin lill-impriżi ta’ investiment kollha jorbtu t-tfaddil mill-konsumaturi u mill-investituri mal-kumpaniji. Ir-regoli l-ġodda se jappoġġaw lil swieq tal-kapital li jaħdmu sew, filwaqt li jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja.
Fost l-azzjonijiet ġodda li se jitlestew fil-futur, insibu: prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew biex jgħin lin-nies jiffinanzjaw l-irtirar tagħhom u jdaħħlu aktar tfaddil fis-swieq tal-kapital; tkomplija tal-ħidma biex jittejjeb il-qafas superviżorju għas-swieq tal-kapital integrati; rieżami tar-regoli għall-elenkar tal-impriżi żgħar u medji; l-isfruttar tal-potenzjal tas-settur tat-teknoloġija finanzjarja; u l-orjentament mill-ġdid tal-investimenti biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u aktar ċirkolari.
MIN JIBBENEFIKA MILL-UNJONI TAS-SWIEQ KAPITALI?

L-UE bħala sħab kummerċjali
Kif jiddikjara d-dokument ta’ riflessjoni dwar l-isfruttament tal-globalizzazzjoni ppubblikat f’Mejju 2017, l-UE hija impenjata li twassal sistema kummerċjali multilaterali miftuħa, ġusta u msejsa fuq ir-regoli, li sservi ta’ bażi għall-ġid tal-UE, u li tkun essenzjali biex il-kummerċ isir forza pożittiva mad-dinja kollha. Fid-diskors annwali tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ippropona qafas ġdid tal-UE għat-tgħarbil tal-investiment barrani li se jżid it-trasparenza u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri. L-UE kisbet progress ukoll fil-ftuħ ta’ swieq ġodda għall-esportazzjonijiet, billi varat negozjati kummerċjali ma’ għadd ta’ sħab. Żewġ ftehimiet kummerċjali partikulari huma mistennija li jagħtu spinta tajba lill-ħolqien tal-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment. L-UE u l-Ġappun ikkonkludew in-negozjati tagħhom dwar Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, filwaqt li l-UE u l-Kanada bdew japplikaw b’mod proviżorju l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv tagħhom. Ara l-Kapitlu 6 għal aktar tagħrif dwar l-iżviluppi fil-politika kummerċjali fl-2017.
Nippromwovu l-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni sabiex nirfdu t-tkabbir u l-investiment
Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u l-infurzar tagħha juru li nilqgħu lil kull kumpanija li tkun tixtieq tinvesti u tagħmel negozju fis-Suq Uniku, dejjem jekk tirrispetta r-regoli. Matul is-sena, l-UE kompliet tinforza r-regoli tal-kompetizzjoni għall-ġid tan-negozji u tal-unitajiet domestiċi.
F’Marzu ġew proposti regoli u għodod ġodda biex jippermettu lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jinfurzaw ir-regoli tal-antitrust b’mod saħansitra aktar effettiv. F’Mejju ġew approvati regoli simplifikati li jeżentaw lil ċerti miżuri ta’ appoġġ pubbliku għall-portijiet, għall-ajruporti, għall-kultura u għar-reġjuni ultraperifiċi tal-UE min-notifika minn qabel skont ir-regoli tal-Għajnuna mill-Istat. Ir-regoli l-ġodda jiffaċilitaw l-investiment pubbliku fil-ħolqien tal-impjiegi u fit-tkabbir, filwaqt li tiġi kkonservata l-kompetizzjoni.
Matul is-sena, il-Kummissjoni ħadet 338 deċiżjoni dwar fużjonijiet, 4 deċiżjonijiet dwar l-antitrust, 7 deċiżjonijiet dwar il-kartelli, u 263 deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, u b’hekk iġġenerat benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi tal-UE filwaqt li kompliet issostni t-tkabbir. B’kollox imponiet multi li jammontaw għal €4.398 biljun fuq il-kumpaniji li nstabu li kienu qed jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, u ordnat lill-Istati Membri kkonċernati jirkupraw stima ta’ €618.6 miljun f’għajnuna illegali u inkompatibbli mill-impriżi benefiċjarji.
Bil-ħsieb li tingħata spinta lill-attività ekonomika fi ħdan l-UE, ġew sospiżi d-dazji tal-importazzjoni fuq il-materja prima, kif ukoll fuq l-oġġetti u fuq il-komponenti nofshom lesti, li b’kollox kienu jammontaw għal aktar minn €1.2 biljun. Din il-miżura kellha l-għan ukoll li ttejjeb il-kapaċità kompetittiva tal-industrija downstream tal-UE, u li tippermetti lill-industrija żżomm jew toħloq l-impjiegi filwaqt li timmodernizza l-istrutturi tagħha.
Tkabbir sostenibbli għall-ħolqien tal-impjiegi u favur l-ambjent
It-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ċirkolari, fejn ir-riżorsi, inkluż l-enerġija, jintużaw b’mod aktar effiċjenti u fejn titnaqqas il-ħela, iġġib magħha opportunitajiet kbar għan-nies u għan-negozji fl-Unjoni Ewropea kollha.
L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans jieħu sehem fil-Konferenza tal-Partijiet Ikkonċernati dwar l-Ekonomija Ċirkolari fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2017.
L-UE kompliet tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari tal-2015. Biex jgħinu jgħaqqdu ċ-ċiklu tad-disinn, il-produzzjoni, il-konsum u l-ġestjoni tal-iskart, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment flimkien stabbilew Pjattaforma ta’ Appoġġ Finanzjarju għall-Ekonomija Ċirkolari li tagħti spinta lill-investiment f’soluzzjonijiet ċirkolari innovattivi. Il-Kummissjoni offriet pariri ta’ gwida wkoll lill-Istati Membri dwar kif jistgħu joħolqu l-enerġija mill-iskart, u pproponiet aġġornamenti fil-leġiżlazzjoni biex jiġi llimitat l-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku. Huwa stmat li l-miżuri se jipprevjenu l-ġenerazzjoni ta’ aktar minn 3,000 tunnellata skart perikoluż fis-sena fl-UE, filwaqt li jagħtu lok għall-iffrankar fl-enerġija u fil-materja prima. Fis-settur tal-kura tas-saħħa biss, huwa stmat li jistgħu jiġu ffrankati €170 miljun billi l-isptarijiet jitħallew jixtru u jbigħu l-apparati mediċi użati.
Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju fuq proposti leġiżlattivi dwar l-iskart. Dan il-ftehim huwa l-pedament tal-Pakkett, u jistipula miri ambizzjużi iżda realistiċi għat-tnaqqis tal-iskart u għar-riċiklaġġ sal-2035.
Appoġġ kontinwu lill-Istati Membri tal-UE
Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali nħoloq f’Mejju b’baġit ta’ €142.8 miljun għall-perjodu 2017–2020. Fuq talba tal-Istati Membri, il-Programm jiffinanzja appoġġ tekniku adattat għal kull pajjiż, biex jgħinhom fl-oqsma ewlenin tal-isforzi ta’ riforma tagħhom. Permezz tal-Programm, il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ immirat li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri biex ifasslu u jimplimentaw ir-riformi li jqisu meħtieġa biex irendu l-ekonomiji tagħhom aktar kompetittivi u aktar aċċessibbli għall-investiment. L-appoġġ tekniku jkopri riformi fl-oqsma tal-governanza u l-amministrazzjoni pubblika, il-ġestjoni finanzjarja pubblika, l-ambjent tan-negozju, is-swieq tax-xogħol, l-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali, is-settur finanzjarju u l-aċċess għall-finanzjament. L-appoġġ huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha tal-UE, huwa mmexxi mid-domanda u ma jeħtieġ l-ebda kofinanzjament.
Il-Programm huwa implimentat mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali, f’kooperazzjoni ma’ servizzi rilevanti oħra tal-Kummissjoni. S’issa s-Servizz qeda lil 15-il Stat Membru fit-twettiq ta’ ’l fuq minn 150 proġett ta’ appoġġ. Fiċ-ċiklu ta’ proġetti tal-2018, is-Servizz irċieva aktar minn 400 talba għall-appoġġ minn aktar minn 20 Stat Membru. Dan l-ammont wassal għal domanda eċċessiva sostanzjali għall-baġit tal-Programm, li għas-sena 2018 jammonta għal €30.5 miljun.
L-UE kompliet tipprovdi appoġġ ta’ wara l-programmi lill-Irlanda, lil Spanja, lil Ċipru, lill-Portugall u lir-Rumanija. Matul is-sena reġa’ sar progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-programm Grieg, li kien tfassal apposta biex jinħolqu l-kundizzjonijiet sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja u tiġi mwittija t-triq għal irkupru ekonomiku sod fil-Greċja. It-tieni rieżami ġie konkluż f’Lulju, u bis-saħħa tiegħu ġie awtorizzat it-tielet segment tal-finanzjament mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, li kien jammonta għal €8.5 biljun. It-tielet rieżami kien qed isir f’Diċembru, u kmieni fl-istess xahar intlaħaq ftehim fil-livell tal-persunal.
Il-Greċja kompliet tirċievi appoġġ ekonomiku permezz tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa.
L-INVESTIMENT FL-ISTATI MEMBRI TAL-UE

Is-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali daħal ukoll f’impenji speċjali biex jgħin fil-koordinazzjoni tar-rispons għall-kriżi tar-refuġjati fil-Greċja, kif ukoll biex jimplimenta l-Programm tal-Għajnuna tal-UE għall-komunità Ċiprijotta Torka.
Il-politika reġjonali
Il-politika reġjonali u urbana tal-UE tibqa’ tinvesti fl-impjiegi u fit-tkabbir, permezz ta’ proġetti ta’ kull forma u kull daqs, kif ukoll f’infrastruttura li tiffaċilita n-negozju, bħan-netwerks tal-broadband u tat-trasport. Barra minn hekk, ġew implimentati għadd ta’ inizjattivi u ta’ strateġiji biex jixprunaw it-tkabbir u l-investiment fuq skala ikbar, inkluż sensiela ta’ azzjonijiet biex ikomplu jgħinu lir-reġjuni tal-UE jinvestu fl-oqsma speċifiċi tagħhom fejn l-iktar ikollhom saħħa kompetittiva, jiġifieri l-hekk imsejħa “speċjalizzazzjoni intelliġenti”. Żewġ proġetti pilota varati fl-2017 se jippermettu lir-reġjuni jaħdmu fi sħubija ma’ timijiet ta’ esperti tal-Kummissjoni sabiex jagħtu spinta lill-kapaċità tal-innovazzjoni tagħhom, ineħħu x-xkiel għall-investiment, u jħejju għat-tibdil industrijali u soċjetali. Se jidentifikaw u jtellgħu l-livell ta’ proġetti interreġjonali “bankabbli” li kapaċi joħolqu ktajjen tal-valur għall-UE f’setturi ta’ prijorità.
Il-Kummissarju Corina Crețu żżur il-Biopark Charleroi Brussels South, il-Belġju, l-24 ta’ Marzu 2017.
Dragica Sekulić, il-Ministru tal-Ekonomija tal-Montenegro, il-Kummissarju Johannes Hahn u Aleksandar Andrija Pejović, il-Ministru tal-Affarijiet Ewropej tal-Montenegro, iżuru s-sit tal-kostruzzjoni ta’ sottostazzjon għall-Kuritur Trans-Balkan tal-Elettriku, li huwa parti mill-Aġenda tal-Konnettività li se tagħti kontribut għall-ħolqien tas-suq reġjonali tal-elettriku, Lastva, il-Montenegro, id-9 ta’ Ġunju 2017.
Bħala parti mill-Aġenda Urbana għall-UE, biex jgħinu lill-bliet jesprimu fehmithom matul l-iżvilupp tal-politiki li jolqtuhom, ġew varati 12-il sħubija tematika ġodda, fosthom dwar l-ekonomija ċirkolari, it-tranżizzjoni diġitali, l-impjiegi u l-ħiliet, u l-mobbiltà urbana. Biex jiffaċilitaw l-investiment f’dawn l-oqsma, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment flimkien ħolqu servizz ġdid. L-Appoġġ għall-Investiment Urban joffri servizzi ta’ konsulenza finanzjarja u teknika personalizzati għall-bliet, matul l-istadji ewlenin tat-tħejjija u tal-implimentazzjoni tal-proġetti urbani integrati. Diġà ġew ippubblikati pjanijiet ta’ azzjoni mingħand tliet sħubijiet, u l-bqija se jsegwu fl-2018.
L-għan tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE huwa li ċċekken in-nuqqasijiet fl-iżvilupp u li tnaqqas id-diverġenzi fost l-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE. Il-Kummissjoni nediet inizjattiva biex tgħin lir-reġjuni l-anqas żviluppati jlaħħqu mal-oħrajn. L-għan tagħha huwa li tanalizza xi jrażżan it-tkabbir f’dawn ir-reġjuni, u li toffri rakkomandazzjonijiet u għajnuna biex dawn ir-reġjuni jilħqu l-milja tagħhom ta’ tkabbir. Il-Polonja u r-Rumanija huma l-ewwel Stati Membri li qed jittestjaw din l-inizjattiva, b’proġetti pilota f’żewġ reġjuni kull wieħed. Abbażi tar-riżultati tal-proġetti pilota, dan il-mudell imbagħad jiġi ttrasferit lil reġjuni oħrajn li jaffaċċjaw sfidi simili.
Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE se jibbenefikaw ukoll minn strateġija ġdida varata f’Ottubru, favur sħubija privileġġata, imġedda u msaħħa abbażi tal-isfruttar massimu tal-assi uniċi tagħhom.
Riċerka u innovazzjoni
Valutazzjoni tal-ewwel snin tal-Orizzont 2020, il-programm ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-UE, uriet li miexi fit-triq it-tajba biex jgħin fil-ħolqien tal-impjiegi u tat-tkabbir, biex jegħleb l-akbar sfidi soċjetali tagħna, u biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Fis-sena 2017 biss, l-Orizzont 2020 investa €8.62 biljun. Ġew appoġġati aktar minn 4,900 proġett, li laqqgħu lil aktar sħab mill-UE, lis-16-il pajjiż assoċjati mal-programm, u lil pajjiżi oħra madwar id-dinja. F’Ottubru, il-Kummissjoni nediet l-aħħar pakkett ta’ sejħiet għal proposti tal-Orizzont 2020 u attivitajiet oħra, b’madwar €30 biljun disponibbli għar-riċerkaturi u għall-innovaturi.
Il-Kummissarju Carlos Moedas u l-Professur David Lane, id-Direttur Fundatur tal-Edinburgh Centre for Robotics, jitkellmu dwar vettura awtonoma ta’ taħt l-ilma msejħa Iver waqt żjara fil-Heriot-Watt University, f’Edinburgu, ir-Renju Unit, it-18 ta’ Ottubru 2017.
Nikkollegaw l-Ewropa
L-ewwel sejħa għal proposti għall-finanzjament imħallat tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa ġiet varata fi Frar, b’€1.35 biljun disponibbli biex jiffinanzjaw proġetti tat-trasport. Is-sejħa għal proposti għall-finanzjament imħallat tikkombina għotjiet ma’ finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, mill-Bank Ewropew tal-Investiment, mill-banek promozzjonali nazzjonali, jew mill-investituri tas-settur privat.
Biex tappoġġa l-mobbiltà kompetittiva, nadifa u konnessa, il-Kummissjoni qablet fuq lista ta’ 152 proġett tat-trasport li se jaqsmu €2.7 biljun f’finanzjament mill-UE fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
Tkabbir u impjiegi permezz tal-agrikoltura
Is-settur agroalimentari tal-UE jirrappreżenta kważi 44 miljun impjieg, u jesporta merkanzija b’valur ta’ ’l fuq minn €130 biljun fis-sena. Il-Politika Agrikola Komuni tappoġġa dan b’baġit annwali ta’ madwar €59 biljun, imqassam fost strumenti komplementari differenti. Fl-2017, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod wiesa’ dwar is-simplifikazzjoni u l-immodernizzar tal-Politika Agrikola Komuni. Fost l-oħrajn, organizzat konsultazzjoni pubblika wiesgħa li ġġenerat aktar minn 322,000 sottomissjoni u ’l fuq minn 1,400 dokument ta’ politika.
Il-Kummissarju Phil Hogan (fin-nofs) iżur proġett ta’ irrigazzjoni f’Pozoblanco, Spanja, it-8 ta’ Ġunju 2017.
Bis-saħħa ta’ dan, f’Novembru ġiet adottata l-Komunikazzjoni dwar “Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja”, li tipprovdi direzzjoni ġenerali ta’ politika għall-iżvilupp futur tal-Politika Agrikola Komuni. Il-Komunikazzjoni se tkompli tmexxi d-dibattitu dwar il-politika futura fid-dawl tal-proposti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss fl-2018, iżda mhix se tippreġudika tali proposti.
Nieħdu ħsieb l-oċeani
Bħala parti mill-ħidma tagħha biex tinkiseb alleanza dinjija dwar l-oċeani fir-rigward ta’ kwistonijiet marittimi mas-sħab internazzjonali, f’Ottubru l-UE ospitat ir-raba’ Konferenza Internazzjonali dwar l-Oċean f’Malta. Elf “difensur tal-oċean” ta’ livell għoli wegħdu azzjoni favur oċeani f’saħħithom u produttivi, u wettqu impenji preċedenti.
Il-Kummissarju Karmenu Vella (fin-nofs) jiltaqa’ ma’ sajjieda lokali fil-port ta’ Zadar, il-Kroazja, l-20 ta’ Marzu 2017.
Parteċipanti mill-gvernijiet, mid-dinja tan-negozju u mis-soċjetà ċivili laħqu ftehim storiku billi allokaw aktar minn €7 biljun għas-saħħa tal-oċeani. Wegħdu wkoll li joħolqu żoni protetti tal-baħar ġodda li jkopru aktar minn 2.5 miljun km2, u għall-ewwel darba, fil-Konferenza kien hemm mobilizzazzjoni wiesgħa tas-settur korporattiv għall-konservazzjoni tal-oċeani. L-UE ħabbret miżuri b’valur ta’ €550 miljun dwar il-protezzjoni tal-baħar, it-tniġġis tal-baħar, it-tibdil fil-klima, is-sajd sostenibbli, is-sigurtà marittima, u ekonomija blu sostenibbli.
Ngħinu lill-impriżi żgħar u medji jsibu finanzjament ġdid, sħab ġodda u swieq ġodda
Ta’ kull sena, l-UE tappoġġa ’l fuq minn 200,000 negozju b’diversi tipi ta’ finanzjament, fosthom self, mikrofinanzjament, garanziji u kapital ta’ riskju. Hemm finanzjament mill-UE disponibbli għall-istartups, għall-imprendituri u għall-kumpaniji ta’ kull daqs u f’kull settur ekonomiku. Id-deċiżjoni li jingħata finanzjament appoġġat mill-UE ssir minn istituzzjonijiet finanzjarji lokali, fosthom banek, investituri ta’ kapital ta’ riskju, u investituri informali. L-appoġġ mill-UE, spiss billi tagħti finanzjament ekwivalenti għal dak mogħti mill-istituzzjonijiet finanzjarji lokali, jippermetti lin-negozji jirċievu aktar appoġġ finanzjarju.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Andrus Ansip jieħu sehem fl-avveniment tat-tnedija tal-Ġimgħa Ewropea tal-Istartups tal-2017, Brussell, is-6 ta’ Frar 2017.
L-UE tipprovdi wkoll konsulenza u sostenn prattiku lin-negozji. Fl-2017, in-Netwerk Enterprise Europe għen lil aktar minn 3,500 negozju żgħir b’ambizzjonijiet internazzjonali biex isibu finanzjament, sħab ġodda u swieq ġodda. In-Netwerk huwa attiv f’aktar minn 60 pajjiż madwar id-dinja. Ilaqqa’ esperti minn ’il fuq minn 600 organizzazzjoni membru, biex jgħinu lin-negozji fl-UE jkunu innovattivi u jikbru fil-livell internazzjonali.
Ninvestu fin-nies
Fl-2017 tfakkar is-60 anniversarju tal-Fond Soċjali Ewropew, li jgħin lill-ħaddiema jiksbu kwalifika u jżidu l-livelli tal-ħiliet tagħhom (bejn l-2014 u l-2020 mistenni li jappoġġa 8 miljun ħaddiem fl-UE).
Erba’ snin wara t-twaqqif tagħha fl-2013, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati (li hija miftuħa għall-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles u għall-pajjiżi kandidati tal-UE) tħaddan iktar minn 35 pajjiż. Saru madwar 230 wegħda mill-partijiet ikkonċernati, inkluż negozji u intermedjarji li ntrabtu li jipprovdu ’l fuq minn 800,000 opportunità ta’ taħriġ u tal-ewwel impjieg. Netwerk Ewropew ta’ Apprendistati ġdid twaqqaf fl-istess qafas f’Ġunju, sabiex jagħti leħen aktar qawwi lill-istudenti żgħażagħ. F’Ottubru, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Qafas Ewropew għal Apprendistati Effettivi u ta’ Kwalità, filwaqt li ġiet varata azzjoni tal-ErasmusPro ġdida biex tappoġġa l-mobbiltà fit-tul għall-apprendisti u għall-istudenti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali.
IL-FOND SOĊJALI EWROPEW FIL-PRATTIKA

F’Lulju l-UE nediet il-Klassifikazzjoni Ewropea ta’ Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi, kif ukoll l-Għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, inkluż l-applikanti għall-ażil u r-refuġjati. Dawn iż-żewġ għodod ġodda fuq l-internet itejbu l-mobbiltà għall-edukazzjoni u għax-xogħol mal-UE kollha, billi jrendu l-ħiliet u l-kwalifiki aktar trasparenti.
Fl-20 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva ġdida biex tikkomplementa u timmodernizza l-obbligi eżistenti li kull ħaddiem jiġi infurmat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Din id-Direttiva toħloq standards minimi biex jiżguraw li l-ħaddiema kollha, inkluż dawk b’kuntratti atipiċi, jibbenefikaw minn aktar prevedibbiltà u aktar ċarezza. Madwar żewġ jew tliet miljun ħaddiem addizzjonali b’kuntratti atipiċi jkunu koperti u protetti bis-saħħa tad-Direttiva proposta.
Nippromwovu l-ħiliet diġitali
L-UE qiegħda tippromwovi inizjattivi li jżidu l-possibbiltajiet biex iċ-ċittadini jiksbu ħiliet diġitali. F’Marzu tħabbar proġett biex jiġu pprovduti internships diġitali għal 5,000–6,000 student gradwat matul il-perjodu 2018–2020. Qegħdin isiru investimenti fi proġetti li jfasslu soluzzjonijiet ta’ taħriġ biex itejbu l-ħiliet tal-persuni li jaħdmu f’impriżi żgħar u medji, u biex jerġgħu jitħarrġu l-persuni qiegħda għal impjiegi f’negozji żgħar.
Sabiex in-nies jingħaqdu
Fl-2017, l-UE ċċelebrat it-30 anniversarju tal-programm Erasmus, b’avvenimenti fl-Ewropa kollha. Dak li kien beda bħala skema ta’ mobbiltà modesta għall-istudenti tal-edukazzjoni għolja lura fl-1987 baqa’ jevolvi biex issa sar il-programm Erasmus+ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport.
Il-Kummissarju Tibor Navracsics fiċ-ċerimonja tat-tnedija tat-30 anniversarju tal-programm Erasmus fil-Parlament Ewropew, Brussell, il-25 ta’ Jannar 2017.
Matul l-aħħar 30 sena, madwar 9 miljun ruħ gawdew minn firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet tal-Erasmus biex kabbru l-orizzonti tagħhom u kisbu għarfien u ħiliet ġodda permezz tal-istudju, apprendistati, skambji fost iż-żgħażagħ, tagħlim u attivitajiet sportivi madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Fl-2017, b’baġit ta’ ’l fuq minn €2.5 biljun, ibbenefikaw mill-programm madwar 560,000 żagħżugħ u żagħżugħa u 160,000 membru tal-persunal ta’ istituzzjonijiet edukattivi u ta’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. F’Ġunju, l-Istati Membri taw l-approvazzjoni tagħhom biex tiġi implimentata l-inizjattiva ErasmusPro, li se tipprovdi sa 50,000 opportunità ġdida biex l-istudenti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali u l-apprendisti jibbenefikaw minn stazzjonar tax-xogħol fit-tul barra minn pajjiżhom fit-tliet snin li ġejjin.
Bl-għajnuna tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-Kummissjoni żiedet il-finanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-programm iddedikat ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE, filwaqt li għenet lill-Istati Membri jimmobilizzaw is-sehem tagħhom tal-Fond Soċjali Ewropew. B’kollox aktar minn 18-il miljun żagħżugħ u żagħżugħa ssieħbu fi skemi ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ minn Jannar 2014 ’l hawn, u 11-il miljun aċċettaw offerta ta’ impjieg, ta’ apprendistat jew ta’ tkomplija tal-edukazzjoni tagħhom.
Ngħinu liż-żgħażagħ isiru imprendituri
L-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ jipprovdi lill-imprendituri Ewropej aspiranti bil-ħiliet meħtieġa biex jibdew u/jew imexxu b’suċċess negozju żgħir fl-Ewropa. L-imprendituri ġodda jiltaqgħu u jiskambjaw għarfien u ideat ta’ negozju ma’ imprenditur b’esperjenza għal perjodu ta’ bejn xahar u sitt xhur. L-imprenditur ġdid jikseb il-ħiliet meħtieġa biex imexxi kumpanija żgħira, filwaqt li min jilqgħu jikseb perspettivi ġodda dwar in-negozju tiegħu u jitgħallem dwar swieq ġodda.
Dan il-programm huwa ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea, u jopera fil-pajjiżi parteċipanti bl-għajnuna ta’ punti lokali ta’ kuntatt, li huma kompetenti fl-appoġġ għan-negozji (eż. kmamar tal-kummerċ, ċentri għall-istartups u inkubaturi ta’ negozji). Matul is-sena, aktar minn 1,000 imprenditur aspirant segwew dan il-programm ta’ mentoraġġ.
Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà
Mit-twaqqif tiegħu f’Diċembu 2016, ittieħdet azzjoni rapida biex il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jibda ħidmitu. F’Mejju 2017, il-Kummissjoni pproponiet bażi ġuridika ddedikata u baġit għat-tliet snin li ġejjin. Sa tmiem Diċembru, aktar minn 45,000 persuna kienu rreġistraw, u aktar minn 2,500 kienu ħadu sehem f’attivitajiet ta’ solidarjetà madwar l-Ewropa. Pereżempju, f’Awwissu, 16-il voluntier waslu f’Norcia, l-Italja, biex jgħinu fl-isforzi kontinwi tat-tiswija tal-ħsarat u tal-bini mill-ġdid tas-servizzi soċjali għall-komunità lokali milquta mit-terremoti ħorox tal-2016. Barra minn dan, il-fergħa okkupazzjonali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ġiet imnedija f’nofs l-2017. Huwa mistenni li sa 6,000 żagħżugħ u żagħżugħa se jirċievu offerta ta’ impjieg jew apprendistat marbuta mas-solidarjetà matul is-sentejn li ġejjin, permezz ta’ proġetti ffinanzjati fil-qafas tal-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali, ikkoordinat mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi ta’ Franza u tal-Italja.
Inħarsu s-saħħa tan-nies, filwaqt li ngħinu l-ekonomija
F’Ġunju, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi. L-approċċ ta’ “saħħa waħda” tal-Pjan ta’ Azzjoni jindirizza r-reżistenza għall-antimikrobiċi kemm fil-bnedmin u kemm fl-annimali. Din hija theddida li kulma jmur qed tikber, li qiegħda twassal biex kull sena 25,000 ruħ jitilfu ħajjithom u jiġġarrab telf ta’ €1.5 biljun fl-UE. L-ewwel ċiklu ta’ sentejn tal-inizjattiva tal-Istat tas-Saħħa fl-UE ntemm bil-pubblikazzjoni ta’ rapporti tas-saħħa tal-pajjiż għal kull Stat Membru, kif ukoll ta’ dokument ta’ akkumpanjament tal-Kummissjoni li jorbothom ma’ aġenda usa’ tal-UE. Fit-twettiq ta’ din l-inizjattiva, il-Kummissjoni kkollaborat bi sħab mal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u mal-Osservatorju Ewropew għas-Sistemi u għall-Politiki tas-Saħħa.
Baġit tal-UE iffukat fuq ir-riżultati
Il-baġit tal-UE tal-2017 ta kontribut fl-ixprunar tal-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, u fl-għoti ta’ spinta lill-investimenti strateġiċi. Billi baqa’ jibni fuq azzjonijiet tas-snin ta’ qabel, kompla jiffoka partikularment fuq l-isfida tal-migrazzjoni. Kważi nofs il-baġit (€75 biljun) ġie allokat għat-tkabbir, għall-impjiegi u għall-kompetittività; għall-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont 2020); għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ (Erasmus+); għall-impriżi żgħar u medji (il-Programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Impriżi Żgħar u Medji); u għall-infrastruttura tat-trasport (il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa). Il-baġit tal-UE sostna wkoll il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li ħeġġeġ proġetti ewlenin ta’ investiment fl-UE. Il-bdiewa rċevew madwar €43 biljun. B’total ta’ kważi €6 biljun, l-UE kkontribwiet biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tagħha u biex tindirizza l-flussi migratorji u tar-refuġjati.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen waqt l-iffirmar tal-ewwel ftehim ta’ self appoġġat mill-Faċilità ta’ Finanzjament tal-Kapital Naturali, Brussell, il-11 ta’ April 2017.
F’Mejju, il-Kummissjoni pproponiet finanzjament ta’ ’l fuq minn €340 miljun biex jinħolqu 100,000 opportunità ta’ stazzjonar sal-2020, sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ solidarjetà (volontarjat, apprendistati jew impjiegi) permezz tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali (2014–2020) ġiet adottata f’Ġunju. L-għan ta’ din ir-reviżjoni kien li tipprovdi mezzi finanzjarji addizzjonali għall-indirizzar tal-flussi migratorji u tar-riskji tas-sigurtà, għaż-żieda fit-tkabbir ekonomiku, għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-trawwim tal-kompetittività, u għaż-żieda tal-kapaċità tal-baġit tal-UE biex jindirizza ċirkostanzi imprevisti.
Il-Kummissarju Günther Oettinger waqt it-tnedija tad-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-finanzi tal-UE, Brussell, it-28 ta’ Ġunju 2017.
Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta leġiżlattiva biex jitħaffef il-piż amministrattiv minn fuq min jirċievi fondi mill-UE. Fit-28 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ riflessjoni biex tiftaħ dibattitu dwar il-futur tal-finanzjamenti mill-UE.
KAPITLU 2
Suq Uniku Diġitali konness
“Nemmen li għandna nagħmlu użu ħafna aħjar mill-opportunitajiet kbar offruti mit-teknoloġiji diġitali, li ma għandhomx fruntieri.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
© iStockphoto.com/chombosan
L-UE kompliet tlesti s-Suq Uniku Diġitali biex tneħħi l-ostakli onlajn. Ħadmet ukoll biex iċ-ċittadini, il-gvernijiet u n-negozji jkunu jistgħu jaħtfu għalkollox l-opportunitajiet li jġibu magħhom l-internet u teknoloġiji diġitali oħra. Fl-2017 twettqu l-maġġoranza tal-proposti leġiżlattivi u tal-inizjattivi ta’ politika mħabbra fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-2015.
L-UE temmet ukoll it-tariffi tar-roaming. Dan ifisser li issa, meta jsiefru fl-Unjoni Ewropea, il-konsumaturi jħallsu l-istess prezz għat-telefonati, għall-messaġġi u għad-dejta mobbli daqslikieku qegħdin f’pajjiżhom.
Mill-2018, meta jsiefru fl-UE, iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jgawdu l-films onlajn, l-isport, il-mużika u l-logħob diġitali li jkunu ħallsu għalihom minn qabel. Barra minn hekk, il-finanzjament mill-Unjoni Ewropea se jgħin biex jiġi pprovdut l-aċċess għall-Wi-Fi fil-postijiet pubbliċi.
L-UE użat is-setgħat ta’ infurzar tagħha biex tipproteġi lill-konsumaturi u tiżgura kompetizzjoni ġusta fl-ekonomija tal-pjattaformi onlajn. L-UE waħħlet €2.42 biljun f’multi lil Google talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bħala magna tat-tiftix, billi tat vantaġġ illegali lis-servizz tax-xiri b’paragun tagħha stess. F’Settembru, waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, ħabbar diversi miżuri biex l-UE tkun protetta mill-attakki ċibernetiċi. Fl-istess xahar, il-Kummissjoni stabbiliet miżuri li jtejbu l-fluss ħieles tad-dejta mhux personali, flimkien ma’ linji gwida u prinċipji biex permezz ta’ pjattaformi onlajn jiġi indirizzat il-kontenut illegali onlajn.
Il-Presidenza Estonjana organizzat summit f’Tallinn f’Settembru li kkonferma li l-UE tirrikonoxxi li l-ġejjieni ekonomiku tagħha għandu jinbena fuq politiki diġitali sodi u magħquda.
It-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali
Il-Kummissjoni wettqet it-43 proposta leġiżlattiva u inizjattiva ta’ politika ewlenin kollha għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali, li ġew identifikati mill-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali ta’ Mejju 2015. Erbgħa u għoxrin minn dawn l-inizjattivi leġiżlattivi kienu ġew proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sa tmiem l-2017.
Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-progress li sar, ippubblikat f’Mejju 2017, jiddeskrivi azzjonijiet ulterjuri fir-rigward tal-pjattaformi onlajn, l-ekonomija xprunata mid-dejta u ċ-ċibersigurtà. F’Settembru, bħala parti mill-pakkett dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regoli ġodda dwar iċ-ċibersigurtà u dwar il-fluss ħieles ta’ dejta mhux personali fl-UE. Komunikazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-pjattaformi biex jindirizzaw il-kontenut illegali onlajn ġiet ippubblikata wkoll f’Settembru.
F’Lulju 2017, Mariya Gabriel inħatret Kummissarju ġdid għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali.
In-nies fl-UE għandhom bżonn għarfien espert diġitali għal suq tax-xogħol li qed jinbidel u għal soċjetà li qed tinbidel, iżda 37 % tal-forza tax-xogħol għad m’għandhiex ħiliet diġitali bażiċi. Il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali se tħarreġ miljun żagħżugħ u żagħżugħa qiegħda sal-2020, u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-gvern elettroniku 2016–2020 se jissimplifika l-ħajja taċ-ċittadini u tan-negozji u bis-saħħa tiegħu l-awtoritajiet pubbliċi se jkunu jistgħu joffru servizzi ġodda. Issa l-importanti hu li jinkiseb ftehim politiku mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill fir-rigward tal-proposti kollha.
Fis-Summit Diġitali ta’ Tallinn ta’ Settembru kien hemm diskussjonijiet ta’ livell għoli dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ żżomm ruħha aġġornata mat-teknoloġija u tibqa’ minn ta’ quddiem fis-settur. Fost dawn id-diskussjonijiet kien hemm taħditiet dwar it-tassazzjoni ġusta fl-ekonomija diġitali, dwar it-titjib tal-ħiliet diġitali taċ-ċittadini u dwar il-bini ta’ struttura b’saħħitha għas-sigurtà ċibernetika fl-UE. L-Istati Membri qablu wkoll li jlestu s-Suq Uniku Diġitali sal-2018, jinvestu f’infrastruttura diġitali u jaħdmu favur iċ-ċaqliq ħieles tad-dejta.
Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, Jüri Ratas, il-Prim Ministru tal-Estonja, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fis-Summit Diġitali ta’ Tallinn, l-Estonja, id-29 ta’ Settembru 2017.
Il-bini ta’ ċibersigurtà iktar b’saħħitha fl-UE
It-teknoloġiji diġitali jiftħu opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini biex ikunu konnessi. Jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u jiffurmaw is-sinsla tal-ekonomija tal-UE. Min-naħa l-oħra, ġabu magħhom ukoll riskji ġodda. L-UE għamlet progress fis-sikurezza taċ-ċittadini onlajn, u mill-2018, iċ-ċittadini u n-negozji se jibbenefikaw minn protezzjoni iktar qawwija. Dawn ir-regoli se japplikaw ukoll għal entitajiet ġodda li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika.
Madankollu, l-UE għadha trid tkun mgħammra aħjar biex tilqa’ għaż-żieda inkwetanti ta’ attakki ċibernetiċi. F’Settembru, bħala parti mid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Juncker, il-Kummissjoni pproponiet approċċ komprensiv għat-titjib taċ-ċibersigurtà. Dan jinkludi Aġenzija msaħħa tal-UE għaċ-Ċibersigurtà, pjan għal azzjoni kkoordinata bejn l-Istati Membri fil-każ ta’ attakk ċibernetiku, u skema ġdida ta’ ċertifikazzjoni tas-sigurtà ċibernetika tal-UE li tiżgura li l-prodotti u s-servizzi fid-dinja diġitali jkunu sikuri biex jintużaw. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni qed tqiegħed enfasi speċifika fuq id-difiża ċibernetika, li tirrifletti l-impenn imġedded tagħha għal Unjoni Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża.
REŻILJENZA TAL-UE GĦAL ATTAKKI ĊIBERNETIĊI

Nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-ekonomija xprunata mid-dejta tal-UE
Sal-2020 huwa stmat li 10.4 miljun persuna se jiġu impjegati fl-ekonomija xprunata mid-dejta tal-UE. Il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex jirregolaw il-fluss ħieles ta’ dejta mhux personali. Flimkien mar-regoli eżistenti dwar id-dejta personali, bis-saħħa tal-miżuri l-ġodda, id-dejta mhux personali se tkun tista’ tinħażen u tiġi pproċessata madwar l-UE. Dan se jagħti spinta lill-kompetittività tan-negozji fl-UE u se jimmodernizza s-servizzi pubbliċi f’Suq Uniku effettiv tal-UE għas-servizzi tad-dejta. It-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni tad-dejta hija fattur importanti għall-ekonomija xprunata mid-dejta. Barra minn hekk, tista’ żżid id-dħul mill-internet tal-oġġetti għal €112-il biljun u ttejjeb il-prodott domestiku gross tal-UE b’4 % sal-2020.
B’ħarsa lejn il-ġejjieni, l-UE qed tinvesti biex l-Ewropa ssir ċentru dinji fl-informatika ta’ prestazzjoni għolja, li kapaċi janalizza kwantità enormi ta’ dejta f’ħin reali. Qiegħda tħejji wkoll il-bażi għat-tnedija ta’ inizjattiva ewlenija ta’ €1 biljun fir-rigward tat-teknoloġiji kwantum fl-2018.
Żgurar ta’ kompetizzjoni ġusta fl-ekonomija tal-pjattaformi onlajn
IL-KUMMISSJONI WAĦĦLET IL-MULTI LIL GOOGLE TALLI ABBUŻAT MILL-POŻIZZJONI DOMINANTI TAGĦHA FIS-SUQ

Il-pjattaformi onlajn huma soġġetti għar-regoli tal-UE f’oqsma bħall-kompetizzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur. Dan jiġġenera l-fiduċja kemm għan-negozji kif ukoll għall-pubbliku ġenerali. Kull meta jkun meħtieġ, l-UE taġixxi biex tinforza dawn ir-regoli.
F’Mejju 2017, ġiet adottata deċiżjoni li permezz tagħha l-impenji li ħadet Amazon biex tindirizza t-tħassib preliminari dwar il-kompetizzjoni rigward għadd ta’ klawżoli fil-ftehimiet ta’ distribuzzjoni tal-kumpanija mal-pubblikaturi tal-kotba elettroniċi fl-Ewropa. F’Ġunju l-Kummissjoni waħħlet €2.42 biljun f’multi lil Google talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq bħala magna tat-tiftix, billi tat vantaġġ illegali lil prodott ieħor ta’ Google, jiġifieri lis-servizz tax-xiri b’paragun tagħha stess.
Il-Kummissarju Margrethe Vestager tieħu sehem f’TED Talk f’The Town Hall, fi New York, l-Istati Uniti, l-20 ta’ Settembru 2017.
Titjib tal-konnettività
L-UE approvat skema biex jitwasslu hotspots pubbliċi tal-Wi-Fi lil 6,000 sa 8,000 komunità madwar l-UE. L-inizjattiva WiFi4EU ta’ €120 miljun se tgħin biex jiġi pprovdut l-aċċess għall-Wi-Fi fi spazji pubbliċi bħal parks, pjazez, binjiet pubbliċi, libreriji, ċentri tas-saħħa u mużewijiet.
WiFi4EU hija parti mill-pakkett ambizzjuż ta’ miżuri li ġew adottati mill-Kummissjoni f’Settembru 2016, u li huma mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jikbru ta’ konnettività taċ-ċittadini u biex jagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE. Dawn jinkludu wkoll Pjan ta’ Azzjoni biex jippromwovi l-ħolqien ta’ netwerks 5G bla fili u avvanzati madwar l-UE.
Sabiex jintlaħaq dan il-għan, sar pass importanti f’Mejju 2017, meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Deċiżjoni bil-għan li tiżgura d-disponibbiltà tal-frekwenza ta’ 700-MHz għal servizzi broadband bla fili sal-2020.
L-immodernizzar tar-regoli attwali tal-UE fir-rigward tat-telekomunikazzjoni (il-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li ġie propost) joffri ambjent regolatorju iktar attraenti li se jqanqal l-investiment f’infrastruttura tal-ogħla kwalità fl-Istati Membri kollha.
Tmiem it-tariffi tar-roaming
TARIFFI TAR-ROAMING GĦAL MIN ISIEFER FL-UE

It-tariffi tar-roaming tas-servizzi mobbli ntemmu fil-15 ta’ Ġunju 2017. Dan ifisser li, meta jsiefru fl-UE, il-klijenti tar-roaming se jkunu jistgħu jħallsu l-istess prezz għat-telefonati, għall-messaġġi u għall-użu tal-internet fuq il-mowbajls tagħhom daqslikieku qegħdin f’pajjiżhom.
Aċċess għal kontenut diġitali
Mill-2018, in-nies li jgħixu fl-UE se jkunu jistgħu jgawdu s-servizzi tal-kontenut onlajn li jkunu ħallsu għalihom f’pajjiżhom ikunu fejn ikunu fl-Ewropa. Bis-saħħa ta’ regoli ġodda li ġew adottati f’Ġunju 2017, il-konsumaturi li jkunu ħallsu għal servizzi tal-kontenut onlajn f’pajjiżhom se jkunu jistgħu jaċċessawhom meta jżuru Stat Membru ieħor. Is-servizzi tax-xandir mingħajr ħlas, bħal dawk ipprovduti minn xi xandara pubbliċi, se jkollhom il-possibbiltà li jibbenefikaw mir-Regolament, diment li jivverifikaw il-pajjiż ta’ residenza tal-abbonati tagħhom.
F’Lulju ġiet approvata leġiżlazzjoni tal-UE li se tgħin lil miljuni ta’ persuni għomja u ta’ persuni b’diffikultajiet biex jaqraw materjal stampat biex ikollhom aċċess aħjar għall-kotba, bħala parti mill-immodernizzar kontinwu tal-liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur. Ir-regoli l-ġodda tal-UE se jidħlu fis-seħħ f’Ottubru 2018.
F’Novembru, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni laħqu ftehim politiku biex jintemm l-imblukkar ġeografiku mhux iġġustifikat għal konsumaturi li jixtiequ jixtru prodotti jew servizzi onlajn fl-UE. Ir-regoli l-ġodda se jagħtu spinta lill-kummerċ elettroniku għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji.
Spinta lit-tmexxija tal-informatika ta’ prestazzjoni għolja fl-Ewropa
Id-Dikjarazzjoni Ewropea dwar l-Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja, bil-għan li tappoġġa finanzjarjament lill-ġenerazzjoni li jmiss tal-infrastruttura tal-informatika ta’ prestazzjoni għolja u tal-appoġġ tad-dejta, ġiet iffirmata f’Marzu mill-Ministri ta’ seba’ pajjiżi (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja). Il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Greċja, is-Slovenja u l-Iżvizzera ngħaqdu iktar tard matul is-sena.
Kondiviżjoni tad-dejta għal riċerka aħjar
Il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa l-ġdid, imniedi fl-2017, se joffri lill-1.7 miljun riċerkatur u lis-70 miljun professjonista tax-xjenza u tat-teknoloġija fl-UE, ambjent virtwali biex jaħżnu, jikkondividu u jużaw mill-ġdid id-dejta tagħhom minn dixxiplina għall-oħra u minn fruntiera għall-oħra. Orizzont 2020 qed jipprovdi iżjed minn €260 miljun f’finanzjament li jgħin biex jiġi stabbilit il-Cloud.
Edukazzjoni
Fl-2017, il-Kummissjoni nediet għodda ta’ awtovalutazzjoni biex tgħin lill-iskejjel jevalwaw il-kapaċità diġitali tagħhom. B’din l-għodda jistgħu jiksbu appoġġ biex jiżviluppaw u jtejbu l-mod kif jintużaw it-teknoloġiji biex l-għalliema jgħallmu u biex l-istudenti jitgħallmu. Sa Diċembru, ħadu sehem 650 skola minn 14-il pajjiż fil-proġett pilota tal-għodda “Selfie”. Fl-2018, l-għodda Selfie se tkun aċċessibbli għall-iskejjel fl-UE kollha.
Gvern elettroniku
F’Mejju tressqet proposta li bis-saħħa tagħha n-nies u l-kumpaniji se jingħataw aċċess aħjar, permezz ta’ punt ta’ aċċess diġitali uniku, għall-informazzjoni ta’ kwalità għolja, għall-proċeduri amministrattivi onlajn u għas-servizzi ta’ assistenza. Kull sena l-Gateway Diġitali Unika tista’ tgħin biex il-kumpaniji jiffrankaw iżjed minn €11-il biljun u biex iċ-ċittadini tal-UE jiffrankaw sa 855,000 siegħa.
Issa ċ-ċittadini u l-kumpaniji privati jistgħu jfittxu għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji rreġistrati fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE, kif ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja. Is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali hija parti mill-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika, il-punt uniku ta’ kuntatt għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-professjonisti tal-qasam tal-ġustizzja fl-Ewropa kollha, u hija sforz konġunt mill-gvernijiet u mill-Kummissjoni. Tipprovdi aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji fl-Istati parteċipanti u tiżgura li r-reġistri kummerċjali Ewropej kollha jkunu jistgħu jikkomunikaw elettronikament bejniethom b’mod sikur u sigur. L-għan aħħari huwa li tissaħħaħ il-fiduċja fis-Suq Uniku permezz tat-trasparenza u tal-informazzjoni aġġornata, kif ukoll li jitnaqqsu l-piżijiet bla bżonn fuq il-kumpaniji. Bejn it-tnedija tagħha f’Ġunju u tmiem is-sena, is-Sistema tal-Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali ntużat biex jitwettqu iktar minn 139,000 tiftixa fuq il-kumpaniji.
F’Lulju ġiet imnedija wkoll is-sistema ta’ Skambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali. Din il-pjattaforma informatika l-ġdida tikkollega madwar 15,000 istituzzjoni tas-sigurtà soċjali fl-Istati Membri tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera, u tagħmilha iktar faċli biex jinstab tarf tal-iżbalji u tal-frodi. L-istituzzjonijiet nazzjonali tas-sigurtà soċjali se jużaw dokumenti elettroniċi standardizzati bil-lingwa tagħhom stess, li se jiżgura li d-dejta li jiskambjaw tkun korretta u kompluta. L-għodda l-ġdida se tkun ta’ benefiċċju wkoll għaċ-ċittadini li għexu u ħadmu f’diversi pajjiżi parteċipanti, peress li biha l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali se jiġu kkalkulati iżjed faċilment u iżjed malajr.
F’Ottubru, l-Istati Membri qablu li jsegwu approċċ komuni meta jagħmlu s-servizzi pubbliċi tagħhom disponibbli onlajn, inkluż minn fruntiera għall-oħra u minn qasam ta’ politika għall-ieħor. Dan se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-burokrazija għaċ-ċittadini u għan-negozji, pereżempju meta jitolbu għaċ-ċertifikati, meta jabbonaw għas-servizzi u meta jirritornaw id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa.
Finanzjament tal-konnettività u tal-imprenditorija diġitali
Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-politika ta’ koeżjoni tal-UE jwasslu kontribuzzjonijiet ewlenin sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-Suq Uniku Diġitali. Abbażi tal-istrateġiji personalizzati għat-tkabbir diġitali tal-Istati Membri u tar-reġjuni, iżjed minn €20 biljun mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej qed iwittu t-triq biex ifeġġu negozji diġitali ġodda. B’hekk, l-impriżi żgħar u medji qed igawdu mill-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni; l-amministrazzjonijiet pubbliċi qed jaħdmu b’mod iktar effiċjenti u qed iwasslu servizzi aħjar u iżjed veloċi liċ-ċittadini u lin-negozji; u l-inħawi li s-soltu ma tantx ikunu moqdija, qed ikollhom aċċess għall-broadband bi prezz għall-but ta’ kulħadd. F’Novembru 2017 ġie mniedi netwerk ta’ Uffiċċji ta’ Kompetenza fil-Broadband sabiex jiffaċilita t-tixrid ta’ broadband veloċi u jgħin biex jitneħħa d-distakk diġitali bejn l-inħawi urbani u dawk rurali. Dawn l-uffiċċji huma disponibbli fil-livelli reġjonali u nazzjonali biex jipprovdu informazzjoni u appoġġ fir-rigward tal-introduzzjoni tal-broadband. Il-ħidma kompliet matul is-sena biex il-broadband jiġi pprovdut lil 18-il miljun abitant rurali sal-2020.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Andrus Ansip jieħu sehem fil-Kungress Dinji tal-Assoċjazzjoni tal-Mowbajls GSM tal-2017 f’Barċellona, Spanja, is-27 ta’ Frar 2017.
Saħħa u kura diġitali
F’Marzu ġew imnedija l-ewwel 24 Netwerk Ewropew ta’ Referenza għal mard rari u kumpless, li jinvolvu iktar minn 900 unità tal-kura tas-saħħa speċjalizzata ferm minn iżjed minn 300 sptar f’25 Stat Membru tal-UE, flimkien man-Norveġja. Dawn in-netwerks jindirizzaw kundizzjonijiet mediċi kumplessi jew rari li jirrikjedu tipi speċifiċi ħafna ta’ trattament u konċentrazzjoni ta’ għarfien u ta’ riżorsi. Dawn se jaħdmu fuq firxa ta’ oqsma tematiċi, fosthom il-mard tal-għadam, il-kanċer pedjatriku u l-immunodefiċjenza.
Fehim tal-impatt tad-diġitalizzazzjoni fis-settur finanzjarju
It-teknoloġija qed tittrasforma s-settur finanzjarju. Bħala l-ikbar utent ta’ prodotti u ta’ servizzi informatiċi fid-dinja, is-settur finanzjarju se jmur minn fuq bis-saħħa ta’ ġenerazzjonijiet ġodda tat-teknoloġiji tal-ipproċessar, tal-ħżin, mobbli u tal-awtentikazzjoni, u bis-saħħa tan-netwerks soċjali, tal-intelliġenza artifiċjali u tas-sistemi distribwiti. Qed ifeġġu mudelli ta’ negozju ġodda li jistgħu jgħinu biex is-Suq Uniku tal-UE għas-servizzi finanzjarji jsir realtà prattika; waħda fejn ma jibqax ikun hemm xkiel għar-relazzjoni bejn il-klijenti u l-fornituri minħabba d-distanza fiżika jew saħansitra minħabba d-differenzi lingwistiċi. Dan iqajjem mistoqsijiet importanti ta’ politika u regolatorji għall-politika tas-servizzi finanzjarji tal-UE. Dawn il-mistoqsijiet ġew indirizzati f’konsultazzjoni pubblika wiesgħa biex jiġi stabbilit jekk hijiex meħtieġa azzjoni konkreta fil-livell tal-UE.
Teknoloġiji diġitali attivi
Matul il-Jum Diġitali, li sar f’Ruma fit-23 ta’ Marzu, 29 pajjiż (Stati Membri tal-UE u membri taż-Żona Ekonomika Ewropea) iffirmaw ittra ta’ intenzjoni sabiex jistabbilixxu qafas legali għal testijiet transfruntiera ta’ sewqan awtomatizzat konness, abbażi ta’ regoli armonizzati dwar l-aċċess u r-responsabbiltà għad-dejta u l-konnettività tad-dejta. Dawn qablu li jintensifikaw il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ittestjar tat-trasport awtomatizzat bit-triq f’siti transfruntiera, u issa qed jaħdmu ma’ sħab tal-industrija biex jimplimentaw dan il-ftehim fil-prattika. Issa l-Kummissjoni qed tiffaċilita l-kurituri transfruntiera tat-trasport konness.
Il-Kummissarju Violeta Bulc tilqa’ lil Tom Enders, l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Airbus SE, Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.
F’Mejju ġew ippreżentati proposti biex jiġu mmodernizzati l-mobbiltà u t-trasport fl-UE. L-Ewropa Attiva huwa sett wiesa’ ta’ inizjattivi li se jwasslu biex it-traffiku jkun iktar sikur; se jħeġġu l-ħolqien ta’ sistemi iktar ġusti ta’ tariffi għall-użu tat-triq; se jnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni; se jnaqqsu l-burokrazija għan-negozji; se jgħinu fil-ġlieda kontra l-impjieg illeċitu; u se jiżguraw li jkun hemm kundizzjonijiet u ħinijiet ta’ mistrieħ xierqa għall-ħaddiema. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tippromwovi soluzzjonijiet ta’ mobbiltà mingħajr intoppi sabiex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar madwar l-Unjoni Ewropea. Eżempju wieħed huwa l-proposta biex jiġi żgurat li s-sistemi ta’ tariffi għall-użu tat-triq jaħdmu flimkien sabiex in-nies ikunu jistgħu jsuqu kullimkien fl-UE mingħajr ma jkollhom għalfejn iħabblu rashom minħabba formalitajiet amministrattivi differenti. Permezz ta’ speċifikazzjonijiet komuni għad-dejta tat-trasport pubbliku, il-passiġġieri se jkunu jistgħu wkoll jippjanaw aħjar il-vjaġġ tagħhom kif ukoll isegwu l-aqwa rotta, anke meta jaqsmu l-fruntieri.
It-teknoloġija tad-droni
F’Ġunju ġie żvelat pjan ta’ azzjoni biex l-użu tad-droni fil-baxx fl-ispazju tal-ajru jsir mingħajr perikli, b’mod sigur u mingħajr ma jagħmel ħsara lill-ambjent. Is-sistema ta’ ġestjoni tad-droni, U-Space, inizjalment tkopri altitudnijiet sa 150 metru, u se twitti t-triq għall-iżvilupp ta’ suq b’saħħtu u dinamiku tas-servizzi bid-droni fl-UE. Ir-reġistrazzjoni tad-droni u tal-operaturi tad-droni, l-identifikazzjoni elettronika tagħhom u sistema biex jiġu ddefiniti l-konfini virtwali madwar il-postijiet (geofencing) għandhom ikunu fis-seħħ sal-2019.
Awtentikazzjoni iktar b'saħħitha tal-klijenti fil-pagamenti elettroniċi
Iż-żieda tal-livell ta’ sigurtà tal-pagamenti elettroniċi baqgħet tkun waħda mill-għanijiet ewlenin tal-politika diġitali tal-UE matul l-2017. Għalhekk, f’Novembru l-Kummissjoni introduċiet għadd ta’ rekwiżiti ta’ sigurtà li jridu jiġu osservati mill-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti meta jipproċessaw il-pagamenti jew meta jipprovdu servizzi marbuta mal-pagamenti, kemm jekk ikunu banek u kemm jekk ikunu istituzzjonijiet oħra tal-pagamenti.
KAPITLU 3
Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem
“Irrid nirriforma u nirriorganizza l-politika tal-enerġija tal-Ewropa f’Unjoni Ewropea tal-Enerġija ġdida … Jeħtieġ li nsaħħu s-sehem tal-enerġiji li jiġġeddu fil-kontinent tagħna. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ politika responsabbli dwar it-tibdil fil-klima. Hija fl-istess ħin politika industrijali imperattiva.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
© iStockphoto.com/william87
Ma nistgħux nindirizzaw it-tibdil fil-klima mingħajr ma nindirizzaw kif nipproduċu u kif nużaw l-enerġija. It-trasformazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tagħna hija essenzjali biex l-UE ssir soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Sentejn wara t-tnedija tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija hemm sinjali ċari li qbadna r-rotta lejn l-immodernizzar tal-ekonomija tal-UE u għal tranżizzjoni lejn era b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
L-UE u l-Istati Membri tagħha komplew jagħmlu progress ġmielu sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari l-miri tal-enerġija u tal-klima tal-2020 fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. L-enerġija nadifa tista’ toħloq 900,000 impjieg ġdid u tista’ tiġġenera investiment ta’ €177 biljun kull sena mill-2021. Il-ftehim politiku dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija jimmarka l-għeluq tal-ewwel proposta leġiżlattiva minn tmienja mill-pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, li ġie mniedi fl-2016.
Fl-2017, l-UE kompliet tmexxi l-isforzi li qed isiru fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fosthom billi tistimola lill-komunità internazzjonali biex iżżomm il-momentum tal-Ftehim ta’ Pariġi, li għandu l-għan li jqiegħed lid-dinja fit-triq it-tajba sabiex tevita tibdil perikoluż fil-klima.
Sar progress sostanzjali fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi sabiex jiġu implimentati l-impenji klimatiċi tal-UE għal tnaqqis tal-emissjonijiet domestiċi tal-gassijiet serra b’minn tal-inqas 40 % sal-2030.
F’Diċembru ntlaħqu ftehimiet politiċi fir-rigward tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi — sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet fit-trasport, fil-bini, fl-iskart u fl-agrikoltura — u fir-rigward ta’ regoli ġodda dwar kif għandhom jiġu kkalkolati l-emissjonijiet mill-użu tal-art, mit-tibdil fl-użu tal-art u mill-forestrija. Dawn il-ftehimiet, flimkien mar-reviżjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet wara l-2020, ifissru li issa l-qafas legali tal-politika tal-UE dwar il-klima għall-2030 huwa fis-seħħ.
Il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet ukoll l-aġenda tagħha għal tranżizzjoni soċjalment ġusta lejn mobbiltà u trasport nodfa, kompetittivi u konnessi.
Lejn Unjoni tal-Enerġija moderna u ambizzjuża
It-tranżizzjoni tal-Unjoni Ewropea lejn soċjetà b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju qed issir realtà fil-prattika. Bis-saħħa tal-progress li sar fl-2017 l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex timplimenta l-Unjoni tal-Enerġija u biex toħloq l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Sentejn wara t-tnedija tal-istrateġija, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti ewlenin kollha li huma meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tappoġġa t-tmexxija globali tal-UE fl-azzjoni klimatika u fl-enerġija rinnovabbli, u tipprovdi ftehim ġust għall-konsumaturi tal-enerġija.
It-Tielet Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija, li ġie ppubblikat f’Novembru 2017, juri li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tal-klima u tal-enerġija tagħha għall-2020. Il-konsum finali tal-enerġija huwa diġà taħt il-mira għall-2020. Barra minn hekk, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra naqsu bi 23 % mill-1990 ’il hawn, filwaqt li l-ekonomija tal-UE kibret bi 53 %. Din ix-xejra tixhed li l-UE qed tkompli turi li l-azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet timxi id f’id mat-tkabbir ekonomiku. Peress li 16 % tat-taħlita tal-enerġija diġà hija magħmula minn enerġija rinnovabbli, l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha ta’ 20 % sal-2020. Sa Marzu 2017, total ta’ 11-il Stat Membru kienu diġà laħqu l-miri nazzjonali tagħhom għall-2020.
Fl-2017 sar progress konsiderevoli fir-rigward tal-pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha, li ġie ppreżentat f’Novembru 2016, u ntlaħaq ftehim proviżorju dwar id-dokument tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Peress li sa Diċembru l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laħaq approċċ ġenerali fir-rigward ta’ seba’ dokumenti minn tmienja u huwa mistenni li l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rigward tat-tmien dokumenti kollha tasal fil-bidu tal-2018, issa għoddna wasalna biex jintlaħaq ftehim politiku dwar il-kwistjonijiet l-oħra. Il-konsumaturi fl-UE kollha se jkollhom għażla aħjar għall-provvista tal-enerġija, aċċess għal għodod affidabbli għat-tqabbil tal-prezzijiet tal-enerġija, u l-possibbiltà li jipproduċu u jbigħu l-elettriku tagħhom stess.
L-inizjattiva Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE, li ġiet imnedija f’Mejju, għandha l-għan li tgħin lill-gżejjer tal-UE jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjoni tal-enerġija billi jużaw aħjar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tagħhom stess u billi jħaddnu sistemi tal-enerġija iktar moderni u innovattivi. Għalhekk, se jibbenefikaw mhux biss minn tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija, iżda wkoll minn kwalità aħjar tal-arja u minn inqas emissjonijiet tal-gassijiet serra.
L-ebda reġjun ma għandu jitħalla jaqa’ lura fit-tranżizzjoni lil hinn minn ekonomija bbażata fuq il-fjuwils fossili. F’Diċembru ġiet imnedija pjattaforma ġdida sabiex tgħin biex jiġu żviluppati proġetti u strateġiji fit-tul fir-reġjuni li jiddependu fuq il-faħam. Din għanda l-għan li tagħti bidu lill-proċess ta’ tranżizzjoni u li tirrispondi għall-isfidi ambjentali u soċjali.
Effiċjenza fl-użu tal-enerġija
F’Marzu ġie ffirmat ftehim dwar regoli tat-tikkettar tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija iktar ċari, li jinkludi riklassifikazzjoni tal-kategoriji ta’ informazzjoni dwar il-prodotti sabiex jitqies il-progress li sar f’dawn l-aħħar snin. Flimkien mal-ekodisinn, it-tikketta reveduta tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tista’ twassal biex l-unitajiet domestiċi jiffrankaw qrib il-€500 fis-sena.
Flimkien mal-ftehim politiku dwar regoli ġodda għat-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, fl-2017 ġiet reveduta l-gwida dwar kif jiġu rreġistrati l-kuntratti tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija fil-kontijiet nazzjonali. B’hekk se jkun eħfef biex l-iskejjel, l-isptarijiet u bini pubbliku ieħor, li jikkostitwixxu iktar minn 10 % tal-qasam immobiljari kollu fl-UE, jinvestu fit-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
L-inizjattiva Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali ġiet imnedija f’Mejju mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Din se tgħin lill-awtoritajiet reġjonali jħejju proġetti dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dwar l-enerġija rinnovabbli.
Werner Hoyer, il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u Uli Paetzel, il-President tal-Bord Eżekuttiv ta’ Emschergenossenschaft, jiffirmaw il-kuntratt għas-self ta’ €450 miljun mill-Bank għar-riabilitazzjoni fuq skala kbira tas-sistema tax-xmara Emscher, f’Oberhausen, il-Ġermanja, it-13 ta’ Lulju 2017.
F’Settembru, l-Istati Membri kollha ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn dwar l-Enerġija Elettronika bil-għan li tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u s-settur privat sabiex tiġi żviluppata strateġija wiesgħa għad-diġitalizzazzjoni tal-enerġija.
F’Novembru, l-UE ppubblikat rapport li jivvaluta l-progress li sar mill-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri nazzjonali tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-2020. Waħda mill-affarijiet ewlenin li sab ir-rapport kienet li minkejja li l-konsum tal-enerġija żdied fl-2015, parzjalment minħabba xitwa iktar qalila u minħabba prezzijiet tal-fjuwil iktar baxxi, l-UE kienet għadha fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-2020.
Sigurtà tal-enerġija, solidarjetà u fiduċja
Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-konsumaturi tal-UE hija waħda mis-sisien tal-Unjoni tal-Enerġija. Fl-1 ta’ Novembru daħlu fis-seħħ regoli ġodda, eżatt qabel l-istaġun tat-tisħin fix-xitwa, li jgħinu biex titjieb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u biex kwalunkwe kriżi fil-provvista tal-gass tkun tista’ tiġi indirizzata iktar malajr u b’mod iktar effiċjenti. Huwa meħtieġ li l-Istati Membri jgħinu lill-ġirien tagħhom f’każ ta’ kriżi serja sabiex l-unitajiet domestiċi ma jitħallewx fis-sirda.
Bħala parti minn sforz usa’ biex jiġu żviluppati swieq tal-gass diversifikati u siguri fl-Istati Baltiċi, f’April il-Latvja fetħet is-suq tal-gass tagħha għall-kompetizzjoni, li jfisser li l-konsumaturi m’għandhomx għalfejn jibqgħu jiddependu fuq fornitur wieħed.
Ir-raba’ Laqgħa Ministerjali ta’ Livell Għoli tal-Inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-Konnettività tal-Enerġija tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk kienet mument storiku għar-reġjun kollu. Il-Ministri ffirmaw memorandum ta’ qbil, inkluż approċċ konġunt dwar is-swieq tal-elettriku, dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u dwar l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. Intlaħaq ftehim dwar kif tista’ tinstab soluzzjoni, sa mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Mejju 2018, dwar l-aqwa mod kif il-grilja tal-elettriku tal-Istati Baltiċi tista’ tiġi sinkronizzata mas-sistema tal-Ewropa kontinentali.
Is-sikurezza nukleari tibqa’ prijorità ewlenija għall-UE. F’Mejju 2017, l-UE ppubblikat l-ewwel rapport tagħha dwar il-ġestjoni sikura u responsabbli tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat fl-UE. Ir-rapport jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni attwali, sab li l-istandards fl-UE tjiebu, u jenfasizza oqsma importanti li jirrikjedu iktar titjib u attenzjoni. Matul is-sena, fost l-iżviluppi fil-livell internazzjonali, kien hemm is-Seminar ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Iran dwar il-Kooperazzjoni Nukleari Internazzjonali, li seħħ fit-28 ta’ Frar u fl-1 ta’ Marzu fi Brussell.
Suq intern tal-enerġija integrat għalkollox
Jitkomplew l-isforzi biex jinbena Suq Uniku li fih l-enerġija nadifa tista’ tiċċirkola b’mod ħieles u b’mod sigur. It-Tielet Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija kkonferma li t-tranżizzjoni tal-enerġija mhix possibbli mingħajr l-adattament tal-infrastruttura għall-ħtiġijiet tas-sistema tal-enerġija tal-ġejjieni. Inkiseb ħafna, iżda għad fadal xi intoppi, b’mod partikolari fil-qasam tal-elettriku. Sabiex dawn l-intoppi jiġu indirizzati, f’Novembru l-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-mira ta’ 15 % interkonnessjoni tal-elettriku sal-2030. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll it-tielet lista ta’ proġetti ta’ interess komuni, li fiha 173 proġett ta’ importanza Ewropea. Għall-ewwel darba, din il-lista tipprevedi erba’ proġetti ta’ netwerks transfruntiera tad-diossidu tal-karbonju.
Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-proġetti, l-UE investiet €1.7 biljun f’96 proġett infrastrutturali tal-elettriku, tal-gass u tal-grilja enerġetika intelliġenti fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li qed tipprovdi €5.35 biljun għal proġetti tal-enerġija mill-2014 sal-2020. F’April, permezz tal-Faċilità, l-UE lliberat finanzjament ta’ €800 miljun għal proġetti fl-oqsma tal-infrastruttura tal-elettriku, tal-gass u tal-grilja enerġetika intelliġenti.
L-UE ssoktat il-ħidma fuq il-konnessjoni tal-grilji tal-elettriku u tal-pipelines tal-gass bejn l-Istati Membri, inkluż l-istabbiliment ta’ kuritur tal-gass tat-Tramuntana li jikkollega n-Norveġja mal-Polonja permezz tad-Danimarka; l-Interkonnettur Ċeltiku li jikkollega s-sistemi tal-elettriku ta’ Franza u tal-Irlanda; u l-għajnuna biex jitneħħa x-xkiel għall-fluss ħieles tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk. Barra minn hekk, l-UE se tinvesti €101.4 miljun fil-kostruzzjoni tat-terminal tal-gass naturali likwifikat f’Krk, il-Kroazja.
Fl-2017, l-UE segwiet l-inkjesta settorjali tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità nazzjonali. B’mod partikolari, eżaminat jekk dawn il-mekkaniżmi jiżgurawx provvista suffiċjenti tal-elettriku mingħajr ma joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni jew tal-kummerċ fis-Suq Uniku. Xi Stati Membri introduċew mekkaniżmi ta’ kapaċità biex jiggarantixxu li jkun hemm provvista suffiċjenti f’kull waqt. Issa l-UE qed taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li l-miżuri eżistenti kif ukoll dawk ippjanati huma konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
Fost l-iżviluppi internazzjonali kien hemm il-proposta tal-Kummissjoni dwar it-termini ta’ mandat ta’ negozjar mar-Russja fir-rigward tal-prinċipji operattivi tal-proġett Nord Stream 2, li se jikkollega l-provvista tal-gass tar-Russja mas-suq tal-UE.
Sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija tal-UE u tissaħħaħ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, f’Novembru l-Kummissjoni pproponiet regoli komuni għall-pipelines tal-gass li jidħlu fis-suq intern tal-gass.
Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija
Passi ’l quddiem fl-azzjoni klimatika globali
Matul is-sena, l-UE kompliet tistimola l-azzjoni internazzjonali fir-rigward tat-tibdil fil-klima. F’Ġunju, l-Istati Uniti ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-ftehim globali storiku dwar il-klima li ntlaħaq f’Pariġi, Franza, fl-2015. Wara li ttieħdet din id-deċiżjoni, l-UE u s-sħab internazzjonali tennew bi ħġarhom li lkoll iddeterminati li jimplimentaw għalkollox il-Ftehim ta’ Pariġi, li għandu l-għan li jillimita ż-żieda fit-temperaturi medji globali għal ferm inqas minn 2 °C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali.
Xie Zhenhua, il-Mibgħut Speċjali Ċiniż, Catherine McKenna, il-Ministru Kanadiża tal-Ambjent u tat-Tibdil fil-Klima, u l-Kummissarju Miguel Arias Cañete jiġbdu ħabel wieħed biex isaħħu l-azzjoni klimatika globali f’Montreal, il-Kanada, is-16 ta’ Settembru 2017.
Flimkien ma’ 79 pajjiż fl-Afrika, fil-Karibew u fil-Paċifiku, l-UE appellat biex il-komunità globali żżomm il-momentum għal azzjoni ambizzjuża fir-rigward tat-tibdil fil-klima. F’laqgħa ministerjali li saret f’Settembru f’Montreal, il-Kanada, ospitata b’mod konġunt mill-UE, mill-Kanada u miċ-Ċina, diversi pajjiżi minn madwar id-dinja ltaqgħu biex iħaffu t-tranżizzjoni lejn ekonomija dinjija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
IĊ-ĊITTADINI TAL-UE X’JAĦSBU DWAR IT-TIBDIL FIL-KLIMA U L-ENERĠIJA NADIFA?

L-UE kompliet tinvolvi ruħha f’negozjati internazzjonali sabiex jiġu żviluppati l-proċeduri u l-linji gwida meħtieġa biex il-Ftehim ta’ Pariġi jitwettaq fil-prattika, b’mod partikolari fil-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Bonn f’Novembru.
F’Diċembru, waqt is-Summit Pjaneta Waħda, ospitat f’Pariġi minn Emmanuel Macron, il-President ta’ Franza, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan ġdid ta’ Azzjoni għall-Pjaneta, li jinkludi 10 inizjattivi ta’ trasformazzjoni għal ekonomija moderna u għal soċjetà ġusta.
Bħala eżempju, il-Kummissjoni ħabbret li se jkun hemm investimenti fi tliet oqsma fil-mira bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment Estern tal-UE, li għandu jimmobilizza investiment sostenibbli ta’ minn tal-inqas €44 biljun għall-Afrika u għall-pajjiżi tal-viċinat Ewropew sal-2020. Huwa mistenni li din in-nefqa tiġġenera sa €9 biljun ta' investiment sal-2020.
L-UE tibqa’ impenjata li jintlaħaq l-għan globali kollettiv li jiġu mmobilizzati, minn varjetà ta’ sorsi, $100 biljun kull sena sal-2020, u li sal-2025 tiġi ffinanzjata l-azzjoni klimatika fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. L-UE se tkompli żżid il-finanzjament b’mod sinifikanti sabiex tittieħed azzjoni biex ikun hemm adattament fir-rigward tal-impatti tat-tibdil fil-klima. Fl-2016, l-UE u l-Istati Membri tagħha kkontribwew finanzjament totali ta’ €20.2 biljun għall-klima, żieda ta’ iżjed minn 15 % minn dak tal-2015.
Twettiq tal-impenji tal-UE fil-Ftehim ta’ Pariġi
L-UE qed tmexxi l-isforzi internazzjonali ta’ fażi ta’ tnaqqis globali gradwali tal-idrofluworokarburi; li huma gassijiet perikolużi li jwasslu għat-tisħin tal-klima u li jintużaw ta’ sikwit fit-tagħmir tat-tisħin u tat-tkessiħ. Billi inpattu għaż-żieda rapida fl-emissjonijiet tal-idrofluworokarburi, li huma elf darba iktar qawwijin mid-diossidu tal-karbonju, u nnaqqsuhom, inkunu qed nagħtu kontribut sinifikanti sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi fir-rigward tat-temperaturi. F’Ottubru 2016, f’Kigali, ir-Rwanda, kważi 200 pajjiż qablu li jillimitaw gradwalment il-produzzjoni u l-użu tagħhom ta’ dawn il-gassijiet. F’Novembru 2017, l-Istati Membri tal-UE qablu dwar id-dħul fis-seħħ tal-ftehim, li se jkun f’Jannar 2019. L-UE rċeviet premju għat-tmexxija politika għar-rwol tagħha fl-adozzjoni tal-ftehim.
Mil-lat domestiku, intlaħaq ftehim fuq il-proposti ewlenin kollha li huma meħtieġa biex jinżamm l-impenn tal-UE skont il-Ftehim, jiġifieri li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE jitnaqqsu b’minn tal-inqas 40 % sal-2030. Fost dawn il-proposti hemm ir-reviżjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet, il-miri nazzjonali tal-emissjonijiet għall-Istati Membri, l-integrazzjoni tas-settur tal-użu tal-art fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima, u l-indirizzar tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni.
F’Novembru, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju biex issir ir-reviżjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet għall-perjodu wara l-2020. Din ir-riforma tal-għodda ewlenija tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod kosteffettiv, se tgħin biex l-UE tkun fit-triq it-tajba biex tikseb parti sinifikanti mill-impenn tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet b’minn tal-inqas 40 % sal-2030.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič jieħu sehem f’sessjoni ta’ Facebook Live waqt is-Summit Pjaneta Waħda f’Pariġi, Franza, il-11 ta’ Diċembru 2017.
Ir-reviżjoni se twassal bidliet sinifikanti fis-sistema biex it-tnaqqis tal-emissjonijiet u t-tnaqqis tal-provvista żejda attwali ta’ kwoti tal-emissjonijiet fis-suq tal-karbonju jsir malajr kemm jista’ jkun; salvagwardji addizzjonali biex l-industrija fl-UE jkollha iktar protezzjoni, jekk ikun hemm bżonn, kontra r-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; u diversi mekkaniżmi ta’ appoġġ li se jgħinu lill-industrija u lis-setturi tal-enerġija jlaħħqu mal-isfidi tal-innovazzjoni u tal-investiment li ġġib magħha t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
Barra minn hekk, l-UE adottat miżuri biex tissalvagwardja l-integrità ambjentali tas-Sistema għan-Negozjar tal-Emissjonijiet meta l-liġi tal-UE ma tibqax tapplika fir-Renju Unit minħabba l-ħruġ tagħha mill-Unjoni.
L-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali laħqet ftehim dwar miżura globali bbażata fuq is-suq li għandha l-għan li tistabbilizza l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali għal-livelli tal-2020, permezz ta’ tpaċija tal-emissjonijiet. Wara li dan seħħ, l-UE emendat is-Sistema għan-Negozjar tal-Emissjonijiet sabiex tillimita l-ambitu ġeografiku tas-sistema għal titjiriet intra-Ewropej. B’hekk is-settur tal-avjazzjoni jibqa’ jagħti konribut biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima, u jagħti kontribut biex l-implimentazzjoni tal-miżura globali bbażata fuq is-suq timxi ħarir.
Bis-saħħa tal-kollegament tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet ma’ sistemi simili, jikber id-daqs tas-suq għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u b’hekk tonqos l-ispiża tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. F’Novembru, l-UE u l-Iżvizzera ffirmaw ftehim biex jikkollegaw is-sistemi tagħhom. Dan huwa l-ewwel ftehim ta’ dan it-tip għall-UE u bejn żewġ firmatarji tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, l-UE u ċ-Ċina qegħdin isaħħu l-kooperazzjoni fir-rigward tas-swieq tal-karbonju qabel it-tnedija tas-sistema għan-negozjar tal-emissjonijiet taċ-Ċina stess.
F’Diċembru ntlaħaq ftehim politiku fir-rigward tar-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, li jnaqqas l-emissjonijiet fit-trasport, fil-bini, fl-iskart u fl-agrikoltura b’konformità mal-mira tal-klima tal-UE għall-2030. Intlaħaq ftehim ukoll fuq regoli ġodda dwar kif għandhom jiġu kkalkolati l-emissjonijiet mill-użu tal-art, mit-tibdil fl-użu tal-art u mill-forestrija. Ir-regoli l-ġodda se jtejbu r-rwol tal-artijiet u tal-foresti bħala bjar tal-karbonju u se jinċentivaw l-użu produttiv u sostenibbli tagħhom, filwaqt li jkomplu jtejbu l-ekonomija bbażata fuq il-prodotti bijoloġiċi u l-agrikoltura fl-adattament intelliġenti għall-klima.
Lejn mobbiltà nadifa, kompetittiva u konnessa
Il-pakkett tal-mobbiltà nadifa: il-promozzjoni ta’ trasport nadif biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima.
Fl-2017, il-Kummissjoni nediet sensiela ta’ proposti biex jiġu mmodernizzati l-mobbiltà u t-trasport fl-UE. Dawn il-proposti kienu mmirati biex jgħinu lis-settur jagħmel it-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa u d-diġitalizzazzjoni, filwaqt li jiżgura li jibqa’ kompetittiv u soċjalment inklużiv.
Il-pakkett Ewropa Attiva ġie ppreżentat f’Mejju. Dan għandu l-għan li t-traffiku jsir iktar sikur u jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, it-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni.
INĦEĠĠU MOBBILTÀ NADIFA U SOSTENIBBLI

Dan ġie segwit f’Novembru minn pakkett ieħor ta’ miżuri biex jistimolaw l-innovazzjoni fit-teknoloġiji l-ġodda u fil-mudelli ġodda ta’ negozju u biex jippromwovu l-użu iktar effiċjenti tal-modalitajiet kollha għat-trasport tal-merkanzija. Il-miżuri jinkludu proposta għal miri ġodda tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju għall-karozzi u għall-vannijiet, sabiex jgħinu jħaffu t-tranżizzjoni lejn vetturi b’livell baxx ta’ emissjonijiet u b’żero emissjonijiet. Skont il-proposta, il-medja tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju għall-karozzi u għall-vannijiet il-ġodda li jinbiegħu fl-UE trid tkun 30 % inqas fl-2030 milli tkun fl-2021.
Il-Kummissjoni qed tniedi għadd ta’ inizjattivi għal mobbiltà nadifa, konnessa u kompetittiva. Elettromobbiltà estensiva madwar l-UE tfisser li d-domanda għall-batteriji se tiżdied b’mod sinifikanti. Għalhekk, il-Kummissjoni qed taħdem biex tistabbilixxi Alleanza tal-UE għall-Batteriji, li tlaqqa’ flimkien l-Istati Membri u l-industriji li huma attivi fil-katina tal-valur tal-batteriji. L-Alleanza għandha tiġi mnedija fi Frar 2018 fil-Forum Industrijali dwar l-Enerġija Nadifa.
João Pedro Matos Fernandes, il-Ministru Portugiż tal-Ambjent iħares lejn il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič waqt li jerġa’ jiċċarġja karozza tal-elettriku, Liżbona, il-Portugall, is-17 ta’ Lulju 2017.
Integrazzjoni tal-azzjoni klimatika f’politiki differenti
Sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni tal-UE lejn ġejjieni iktar sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, il-Kummissjoni approvat pakkett ta’ investiment ta’ €222 miljun mill-baġit tal-UE fil-qafas tal-Programm LIFE għall-ambjent u għall-azzjoni klimatika. Dan se jimmobilizza investiment addizzjonali, biex b’hekk ikun hemm total ta’ €379 miljun għal 139 proġett ġdid f’20 Stat Membru. Il-proġetti se jgħinu lill-Istati Membri fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija iktar ċirkolari, u se jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għan-Natura. Dan il-finanzjament se jgħin, pereżempju, biex titjieb ir-reżiljenza tal-Estwarju tax-xmara Scheldt fil-Belġju (wieħed mill-iktar passaġġi fuq l-ilma traffikużi tal-Ewropa), biex jiġu żviluppati għodod għat-tbassir tat-tempesti tar-ramel fid-deżert, u biex il-bliet jikkontrobattu l-effett ta’ gżejjer tas-sħana.
KAPITLU 4
Suq intern aktar ġust u profond b’bażi industrijali msaħħa
“Is-suq intern tagħna huwa l-aqwa assi tal-Ewropa fi żminijiet ta’ globalizzazzjoni dejjem akbar. Għalhekk, irrid li l-Kummissjoni Ewropea li jmiss tibni fuq is-saħħa tas-suq uniku tagħna u tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal tiegħu fid-dimensjonijiet kollha tiegħu.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
© iStockphoto.com/GlobalStock
Is-suq intern, magħruf ukoll bħala s-Suq Uniku, huwa waħda mill-akbar kisbiet tal-UE. Kien u għadu sors importanti ta’ tkabbir ekonomiku għall-Istati Membri tal-UE, u jagħmel il-ħajja aktar faċli għan-nies u għan-negozji. Madankollu, għad fadal ċerti ostakli għall-funzjonament bla xkiel tiegħu, u dan ifisser ukoll li għad għandu potenzjal mhux esplorat għal aktar tkabbir u għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi.
L-UE qiegħda tħabrek biex is-Suq Uniku jaħdem aħjar fil-prattika, b’żewġ modi: l-ewwel nett, billi tiżgura li r-regoli eżistenti jiġu rispettati kif imiss; it-tieni nett, billi tagħmilha aktar faċli għall-professjonisti ta’ ċerti setturi biex jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stat Membru ieħor tal-UE, u billi tipprevjeni sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjanti jsibu l-merkanzija tagħhom imblukkata fil-fruntiera. Dan kollu jsir f’sistema fejn il-kompetizzjoni hija ġusta, il-frodi tiġi indirizzata, u t-tassazzjoni transfruntiera tinżamm sempliċi.
Matul l-2017, ittieħdet azzjoni biex jissaħħaħ l-EURES, il-Portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol, li jgħin lin-nies isibu impjieg u lill-kumpaniji jsibu t-talent li jeħtieġu. Billi n-nies jistgħu jaħdmu fi Stat Membru filwaqt li jinsabu rreġistrati fis-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru ieħor, baqgħu għaddejjin in-negozjati dwar proposta biex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ekwi u s-sostenibbiltà soċjali. B’mod parallel ma’ dan, ittieħdu miżuri biex jillimitaw ix-xogħol mhux iddikjarat, u biex ikomplu jittejbu s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol.
Biex il-merkanzija u n-nies ikunu jistgħu jaqsmu l-fruntieri u jiċċirkolaw faċilment, irid ikun hemm netwerks tat-trasport tajbin. Matul is-sena tkompliet il-ħidma biex jissaħħu dawn in-netwerks, l-iktar fir-reġjuni l-inqas moqdija. Dawn ir-reġjuni jirċievu wkoll għajnuna li tippermettilhom jisfruttaw il-potenzjal tagħhom, b’mod li anki l-iktar żoni mbiegħda jistgħu jipparteċipaw fis-Suq Uniku.
Politika industrijali mġedda tal-UE
F’Settembru, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ħabbar Strateġija ta’ Politika Industrijali ġdida, bil-għan li tappoġġa lill-industriji tal-UE sabiex ikomplu joħolqu tkabbir sostenibbli u aktar impjiegi. L-Istrateġija tiġbor l-inizjattivi eżistenti u oħrajn ġodda fi strateġija industrijali komprensiva, u tiċċara l-kompiti li jridu jaqdu l-atturi kollha involuti.
Sforzi biex il-kummerċ ħieles fil-merkanzija u fis-servizzi jaħdem fil-prattika
Il-biċċa l-kbira mill-prodotti mibjugħa u mixtrija fost l-Istati Membri huma soġġetti għal regoli armonizzati. Dan ifisser li l-istandards tal-prodotti huma l-istess għal kulħadd, u li xejn ma jxekkel il-kummerċ transfruntiera tagħhom. Madankollu, fejn ma hemmx regoli komuni, japplika l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Dan ifisser li jekk prodott jitqies xieraq għall-bejgħ fi Stat Membru wieħed, huwa xieraq għall-bejgħ fl-Istati Membri kollha. Dan il-prinċipju mhux dejjem jaħdem kif suppost fil-prattika, madankollu, billi l-merkanzija tista’ titwaqqaf fil-fruntiera flok tinbiegħ u tinxtara b’mod ħieles fil-pajjiżi kollha tas-Suq Uniku. Skont proposta ġdida, il-bejjiegħa f’pajjiż wieħed jistgħu jużaw dikjarazzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku bħala evidenza li l-prodott jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ pajjiż ieħor. Din il-proposta ġiet żviluppata flimkien ma’ proposta oħra bil-għan li ssaħħaħ is-sorveljanza tas-suq sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jikkontrollaw aħjar il-merkanzija mibjugħa f’pajjiżhom.
NGĦINU LILL-PROFESSJONISTI JOFFRU S-SERVIZZI TAGĦHOM FL-UE MALAJR B'MOD KONVENJENTI

L-UE tibqa’ tiffoka fuq l-għan li s-Suq Uniku jaħdem aħjar għan-nies u għan-negozji. Madankollu, għad hemm ostakli li jxekklu l-ħolqien ta’ startups u l-espansjoni ta’ impriżi eżistenti, u din is-sitwazzjoni tista’ twassal għal prezzijiet ogħla u għal inqas għażla għall-konsumaturi. Biex ireġġgħu lura din ix-xejra u biex joħolqu aktar impjiegi u tkabbir, jeħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-potenzjal tas-Suq Uniku tas-servizzi.
Fl-2017 ġie ppreżentat pakkett ta’ miżuri li jista’ jgħin lill-kumpaniji u lill-professjonisti jipprovdu servizzi lil kwalunkwe persuna fl-UE. Il-pakkett jinkludi e-Card Ewropea ġdida tas-Servizzi; proċedura elettronika ssimplifikata biex tgħin lill-fornituri ta’ servizzi ta’ negozju u ta’ kostruzzjoni jlestu l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu jistgħu jipprovdu servizzi barra minn pajjiżhom. Proposta oħra timmira li tiżgura li r-rekwiżiti li l-Istati Membri japplikaw għar-regolamentazzjoni tal-professjonisti jkunu proporzjonati u ġġustifikati.
Nagħtu spinta lill-akkwist pubbliku u lill-innovazzjoni
Bil-għan li ssaħħaħ is-Suq Uniku, u bħala parti mill-isforzi kontinwi tagħha biex tixpruna l-investiment fl-UE, f’Ottubru l-Kummissjoni ressqet il-proposta “Nagħmlu l-akkwist pubbliku jaħdem fl-Ewropa u għaliha”. Din il-proposta tistabbilixxi approċċ għal akkwist pubbliku aktar effiċjenti u aktar sostenibbli, li japprofitta bis-sħiħ mit-teknoloġiji diġitali biex jissimplifika u jħaffef il-proċeduri.
F’tentattiv biex tħeġġeġ lill-kumpaniji — l-iktar lill-impriżi żgħar u medji u lill-istartups — jinvestu fl-innovazzjoni u fil-kreattività, il-Kummissjoni pproponiet ukoll miżuri biex jiżguraw il-ħarsien tajjeb tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. Dawn il-miżuri se jżidu l-kapaċità kollettiva tal-UE biex taqbad lill-“imħuħ” li jinsabu wara l-oġġetti foloz u l-kontenut miksub bil-piraterija, li jagħmlu l-ħsara lill-kumpaniji u lill-impjiegi. Il-miżuri se jħarsu wkoll is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi f’oqsma bħall-mediċini u l-ġugarelli. Barra minn hekk, huwa mistenni li sistema proposta ta’ liċenzjar ta’ privattivi tgħin fl-introduzzjoni progressiva ta’ teknoloġiji li jippermettu l-interkonnessjoni u l-konnettività (l-internet tal-oġġetti), mill-ismartphones sal-karozzi konnessi.
Is-servizzi finanzjarji: prodotti aħjar u għażla usa’ għall-konsumaturi
L-UE hija impenjata li tiżviluppa Suq Uniku iktar ġust u profond, inkluż b’mezzi diġitali. Fejn jidħlu s-servizzi finanzjarji, dan ifisser it-tisħiħ tal-kompetizzjoni u t-twessigħ tal-għażla, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jgawdu minn prezzijiet orħos u kwalità aħjar, irrispettivament jekk jixtru, f’pajjiżhom jew f’pajjiż ieħor, servizzi finanzjarji bħal kontijiet tal-bank, assigurazzjoni tal-karozza, trasferimenti ta’ flus u pensjonijiet. Il-fornituri tas-servizzi finanzjarji wkoll għandhom ikunu jistgħu jisfruttaw il-benefiċċji tas-suq kollu tal-UE.
Huwa għal dan il-għan li l-Kummissjoni varat il-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji tal-Konsumatur, li jidentifika fejn jeħtieġ aktar ħidma biex il-konsumaturi jingħataw l-aqwa valur għal flushom. Fost objettivi oħra, il-Pjan jimmira li jagħmilha aktar faċli għas-sewwieqa jieħdu l-bonus fin-nuqqas ta’ talbiet tagħhom f’pajjiż ieħor, kif ukoll li jnaqqas it-tariffi għat-tranżazzjonijiet transfruntiera li jinvolvu muniti differenti mill-ewro, u li jnaqqas ix-xkiel ġuridiku u regolatorju li jolqot ħażin lin-negozji li jixtiequ jespandu barra minn pajjiżhom.
Il-Konsumaturi fl-UE dalwaqt ikunu jistgħu jgawdu minn għażla usa’ meta jfaddlu għall-pensjoni tagħhom, bis-saħħa ta’ pjanijiet tal-Kummissjoni biex tinħoloq kategorija ġdida ta’ prodotti tal-pensjoni. Bħalissa s-suq tal-pensjonijiet personali fl-UE huwa frammentat u żbilanċjat. It-tip ġdid ta’ pensjoni personali volontarja li qiegħed jiġi propost se jippermetti lill-konsumaturi jikkomplementaw it-tfaddil għall-pensjoni tagħhom filwaqt li jgawdu minn protezzjoni soda tal-konsumatur.
TIPI ĠODDA TA’ PENSJONIJIET PERSONALI FL-UE

Ngħinu lin-nies isibu impjieg u jaħdmu legalment u b’mod sikur
Is-Suq Uniku għall-ħaddiema jaħdem l-aħjar meta n-nies ikunu kapaċi jsibu impjieg li jixirqilhom fi Stati Membri oħra. Matul is-sena sar progress sinifikanti lejn l-espansjoni tal-EURES, il-Portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol, li joffri servizz b’xejn lil min ikun qed ifittex ix-xogħol, lill-ħaddiema u lill-impjegaturi li jkunu qed ifittxu impjegati jkunu fejn ikunu fl-UE. Matul l-2018, in-netwerk se jkompli jinfetaħ għal aktar sħab, fosthom servizzi privati tal-impjiegi, u se jiġu rriklamati aktar impjiegi u CVs fuq il-Portal.
L-UE qiegħda tkompli tħares ukoll is-saħħa u s-sikurezza tan-nies fuq il-post tax-xogħol. Fl-2017, proposta leġiżlattiva ġdida mmirata lejn il-karċinoġeni u l-mutaġeni kellha l-għan li tnaqqas l-esponiment okkupazzjonali għal seba’ sustanzi, bħal żjut tal-magna użati u t-trikloroetilene. Proposta mressqa fl-2016 dwar 13-il sustanza oħra ġiet approvata mill-Parlament Ewropew f’Ottubru.
Il-Kummissjoni għenet ukoll lill-Istati Membri jinfurzaw ir-regoli dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema, filwaqt li baqgħu għaddejjin l-isforzi biex jiġu rriveduti r-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema sabiex ikunu iktar xierqa għall-futur. Dawn ir-regoli jħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema li jintbagħtu jaħdmu temporanjament fi Stat Membru ieħor mill-impjegatur tagħhom. Ir-regoli riveduti għandhom jistabbilixxu l-prinċipju tal-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post, filwaqt li jsaħħu l-kundizzjonijiet ekwi u s-sostenibbiltà soċjali tas-Suq Uniku, u jkunu ta’ ġid kemm għall-kumpaniji u kemm għall-ħaddiema billi jgħinu jiżguraw kundizzjonijiet indaqs. F’Ottubru l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel dwar approċċ ġenerali għar-reviżjoni tad-Direttiva eżistenti, u f’Novembru l-Parlament Ewropew u l-Kunsill bdew negozjati biex jilħqu ftehim fuq dan id-dossier. In-negozjati kienu għadhom għaddejjin fi tmiem l-2017.
IL-ĦADDIEMA STAZZJONATI FL-UE

Tkompliet ukoll il-ħidma fil-Parlament u l-Kunsill biex jilħqu ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-immodernizzar tar-regoli għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali. L-għan tal-proposta huwa li jiġi żgurat li r-regoli jkunu ġusti, ċari u li jkun iktar faċli li jiġu infurzati, għall-ġid ta’ min jaqsam il-fruntieri fl-UE, kif ukoll ta’ min iħallas it-taxxa.
Regoli rispettati u proċeduri mħaffa
Id-drittijiet tas-Suq Uniku għan-nies u għall-kumpaniji jistgħu jiġu eżerċitati bis-sħiħ biss jekk ir-regoli miftiehma jkunu xierqa għall-għan tagħhom u jiġu applikati kif suppost fl-UE kollha. L-aċċess f’waqtu għal informazzjoni preċiża dwar is-suq, u l-għajnuna f’każ ta’ problemi, huma kruċjali biex tali drittijiet jiġu żgurati. Il-Portal L-Ewropa tiegħek għen liċ-ċittadini u lin-negozji jsibu informazzjoni prattika dwar id-drittijiet tagħhom tas-Suq Uniku aktar minn 20 miljun darba fl-2017. Matul is-sena, il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek wieġbu aktar minn 22,000 mistoqsija dwar il-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku, filwaqt li s-Solvit ħa ħsieb aktar minn 2,000 każ konkret fejn iċ-ċittadini u n-negozji esperjenzaw diffikultajiet mal-awtoritajiet fl-UE. Abbażi tat-tipi ta’ talbiet għal għajnuna li jirċievi, is-Solvit jinforma wkoll lill-Kummissjoni dwar oqsma fejn l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE jeħtieġ li tittejjeb.
Il-Kummissjoni ressqet proposta f’Mejju għal Gateway Diġitali Unika biex tagħti lin-nies u lill-kumpaniji aċċess eħfef permezz ta’ punt ta’ dħul diġitali uniku għal informazzjoni ta’ kwalità għolja, għal proċeduri amministrattivi u għal servizzi ta’ assistenza onlajn. Dan ifisser li kull proċedura li bħalissa tinsab disponibbli onlajn għall-utenti domestiċi se tkun aċċessibbli għall-utenti minn Stati Membri oħra, u se tkun disponibbli wkoll f’lingwa oħra tal-UE apparti l-lingwa domestika, sabiex tkun ta’ użu iktar faċli għal nies minn Stat Membru ieħor.
F’ċerti ċirkustanzi, l-Għodda ta’ Informazzjoni għas-Suq Uniku proposta tista’ tippermetti l-ġbir ta’ dejta f’każijiet li jinvolvu diffikultajiet serji fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku.
F’Lulju l-Kummissjoni adottat avviż dwar is-sorveljanza tas-suq għall-prodotti li jinbigħu fuq l-internet. L-iżvilupp mgħaġġel tal-kummerċ elettroniku ġab miegħu sfidi għall-awtoritajiet tal-Istati Membri meta jiġu biex jivverifikaw jekk ċerti prodotti humiex sikuri u konformi mar-regoli tal-UE. L-avviż għandu l-għan li jikkjarifika ċerti kwistjonijiet u li jipprovdi soluzzjonijiet. Dan se jgħin biex itejjeb is-sorveljanza tas-suq għall-prodotti li jinbiegħu fuq l-internet għall-ġid tal-konsumaturi, u se jiżgura kundizzjonijiet indaqs għan-negozji.
Mobbiltà intelliġenti, kompetittiva u soċjalment ġusta
It-trasport u l-mobbiltà huma essenzjali għall-ekonomija u għall-kompetittività tal-UE. Madankollu, dan is-settur qiegħed iħabbat wiċċu ma’ sfidi bla preċedent. Il-leġiżlazzjoni soċjali eżistenti mhix qiegħda tiġi applikata u infurzata b’mod konsistenti madwar l-UE; il-kumpaniji tal-isem jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri fejn ma jkollhomx attivitajiet reali, iżda fejn jibbenefikaw minn regoli iktar laxki; u t-trasport bit-triq waħdu jirrappreżenta kważi 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE. F’Mejju l-Kummissjoni fasslet strateġija fit-tul biex tipprovdi mobbiltà kompetittiva, nadifa u konnessa sal-2025.
Il-Kummissarju Pierre Moscovici jżur fabbrika tal-karozzi biex jiddiskuti dwar il-finanzjament mill-UE, Bourgogne-Franche-Comté, Franza, is-6 ta’ Ottubru 2017.
Din l-istrateġija hija spjegata fil-Komunikazzjoni “L-Ewropa Attiva” tal-Kummissjoni. Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn tmien proposti leġiżlattivi li jiffukaw speċifikament fuq it-trasport bit-triq. Fost objettivi oħra, il-proposti huma maħsubin biex itejbu l-funzjonament tas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, biex jgħinu jtejbu l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol tal-ħaddiema, u biex iħaffu l-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar il-paga minima. L-għan usa’ tal-Kummissjoni huwa li tippromwovi trasport bit-triq aktar sostenibbli, b’pedaġġi li jirriflettu l-impatt estern tat-tniġġis tal-arja, u bl-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali biex inaqqsu l-burokrazija żejda u biex jintegraw modalitajiet differenti ta’ trasport. Il-benefiċċji fit-tul mistennija jilħqu ħafna lil hinn mis-settur tat-trasport, billi jippromwovu l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment.
F’Ġunju l-Kummissjoni adottat sensiela ta’ inizjattivi bil-għan li jtejbu s-settur tal-avjazzjoni, bi qbil mal-Istrateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa. Inizjattiva minnhom hija proposta maħsuba biex tiżgura l-kompetittività tal-linji tal-ajru tal-UE, filwaqt li tappoġġa wkoll l-impjiegi u t-tkabbir f’setturi bħall-ajruporti u l-fornituri ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Il-Kummissjoni elenkat ukoll għadd ta’ passi prattiċi li kapaċi jtejbu l-kontinwità tas-servizz fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fil-kuntest ta’ azzjoni industrijali. Dawn il-miżuri prattiċi jistgħu jimminimizzaw it-tfixkil fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, mingħajr ma jolqtu b’xi mod id-dritt tal-istrajkjar.
Tfasslu wkoll linji gwida dwar ir-rekwiżiti ta’ sjieda u ta’ kontroll applikabbli għal-linji tal-ajru fl-UE. L-għan huwa li jingħata kontribut għal fehim aħjar ta’ dawk ir-regoli, u b’hekk li jiġi ffaċilitat l-investiment barrani, li min-naħa tiegħu huwa ta’ ġid għall-impjiegi fl-industrija tal-avjazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni ħeġġet ukoll lill-Parlament u lill-Kunsill biex jadottaw il-miżuri proposti fil-qafas tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew tal-UE. Dawn il-miżuri jistgħu jtejbu l-effiċjenza tas-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, inaqqsu l-frammentazzjoni u jimminimizzaw it-tfixkil tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.
Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska mal-Kaptan Yann Lardet fiċ-Ċentru għat-Taħriġ tal-Airbus f’Singapore, l-10 ta’ Ottubru 2017.
Il-Parlament u l-Kunsill qablu li jissimplifikaw u jtejbu r-regoli dwar is-sikurezza għall-bastimenti tal-passiġġieri fl-ilmijiet tal-UE. L-aġġornament leġiżlattiv huwa tweġiba għat-tagħlimiet meħuda, inkluż minn aċċidenti u minn żviluppi teknoloġiċi. Fost titjibiet oħra, se jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jaċċessaw dejta rilevanti minnufih f’każ ta’ emerġenza.
Kompetizzjoni li tħeġġeġ l-innovazzjoni
Bħala awtorità tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-fużjonijiet, il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li fużjoni ma ċċaħħadx liċ-ċittadini tal-UE mill-benefiċċji tal-kompetizzjoni, bħal prezzijiet orħos, għażla usa’ għall-konsumaturi, u aktar prodotti innovattivi. Fl-2017 ġew approvati żewġ fużjonijiet sinifikanti fis-settur agrokimiku, li kienu soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Dawn kienu l-akkwiżizzjoni ta’ Syngenta minn ChemChina, u l-fużjoni ta’ Dow u DuPont. L-innovazzjoni hija fattur ewlieni fl-industrija agrokimika, u l-Kummissjoni vvalutat il-konsegwenzi li l-fużjonijiet mistennija li jġibu għall-innovazzjoni fil-futur. Fil-fużjoni Dow–DuPont, iż-żewġ kumpaniji kellhom għadd ta’ proġetti simili għaddejjin biex jiżviluppaw prodotti tal-pestiċidi ġodda. Parti importanti tar-rimedju li ppermetta l-approvazzjoni tal-fużjoni kienet tinkludi l-iżvestiment tal-organizzazzjoni sħiħa ta’ DuPont tar-riċerka u tal-iżvilupp għall-pestiċidi madwar id-dinja.
F’Ġunju l-Kummissjoni approvat għajnuna mill-Istat ta’ €377 miljun mill-Ġermanja u minn Franza għall-iżvilupp tal-proġett innovattiv tal-ħelikopter Airbus X6. L-approvazzjoni ssejset fuq il-konklużjoni li, filwaqt li s-swieq finanzjarji kienu qegħdin joqogħdu lura milli jiffinanzjaw proġett daqshekk ambizzjuż b’redditu fuq l-investiment mistenni biss fuq perjodu fit-tul, l-appoġġ għall-proġett mistenni li jħeġġeġ aktar investiment.
F’Ottubru l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Lussemburgu kien ta benefiċċji tat-taxxa mhux dovuti lil Amazon li ammontaw għal madwar €250 miljun. Dan huwa illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, peress li ppermetta lil Amazon iħallas ferm inqas taxxa minn negozji oħra. Issa l-Lussemburgu għandu jirkupra l-għajnuna illegali.
F’Ottubru wkoll, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Irlanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tirkupra mingħand Apple sa €13-il biljun f’għajnuna illegali mill-Istat. Il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet f’Awwissu 2016 li l-benefiċċji tat-taxxa li l-Irlanda kienet tat lil Apple kienu illegali skont ir-regoli tal-UE, għaliex ippermettew lill-kumpanija tħallas ferm inqas taxxa minn negozji oħra. Fil-fatt, dan it-trattament selettiv ippermetta lil Apple tħallas rata tat-taxxa korporattiva effettiva ta’ 1 % fuq il-qligħ Ewropew tagħha fl-2003, li mbagħad niżlet sa 0.005 % fl-2014.
Google irċeviet multa ta’ €2.42 biljun f’Ġunju talli kisret ir-regoli tal-antitrust tal-UE billi abbużat mid-dominanza tagħha fis-suq bħala magna tat-tiftix (ara wkoll il-Kapitlu 2).
Is-simplifikazzjoni tat-tassazzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi
Sabiex jiżguraw il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku, ġew proposti regoli ġodda dwar it-trasparenza għall-intermedjarji, fosthom konsulenti tat-taxxa, kontabilisti, banek u avukati, li jfasslu u jippromwovu skemi ta’ ppjanar tat-taxxa għall-klijenti tagħhom. Issa l-iskemi transfruntiera li jkollhom ċerti karatteristiki li jistgħu jirriżultaw f’telf għall-gvernijiet iridu jiġu rrappurtati awtomatikament lill-awtoritajiet tat-taxxa qabel ma jintużaw.
B’xi 360 miljun ruħ fl-UE jużaw l-internet kuljum, is-Suq Uniku Diġitali jeħtieġ qafas tat-taxxa modern u stabbli. F’Settembru l-Kummissjoni nediet aġenda ġdida tal-UE biex tiżgura li l-ekonomija diġitali tiġi intaxxata b’mod ġust u li jirrispetta t-tkabbir.
Il-Kummissjoni ressqet ukoll proposta leġiżlattiva biex tintroduċi sistema definittiva tal-VAT għat-tassazzjoni tal-kummerċ fost l-Istati Membri. Is-sistema l-ġdida li ġiet proposta tissejjes fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-merkanzija, bil-fornitur jimponi l-VAT ta’ dak l-Istat.
Kull sena jintilfu ’l fuq minn €150 biljun f’irċevuti tal-VAT, li jfisser li l-Istati Membri jitilfu ċertu dħul li seta’ ntuża pereżempju għall-iskejjel, għat-toroq u għall-kura tas-saħħa. Huwa stmat li madwar €50 biljun minn dan it-telf, jew xi €100 għal kull ċittadin tal-UE fis-sena, huwa dovut għall-frodi transfruntiera tal-VAT.
F’Novembru tressqet proposta leġiżlattiva li timmira li tindirizza l-frodi tal-VAT, billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-entitajiet doganali u tal-infurzar tal-liġi. Il-Kunsill adotta deċiżjoni f’Diċembru biex jiffirma ftehim bejn l-UE u n-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, l-għajnuna għall-irkupru, u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.
Insaħħu l-kapaċità tar-reġjuni tal-UE biex ikomplu jibnu fuq il-ħiliet tagħhom
Il-globalizzazzjoni ġabet magħha benefiċċji enormi għall-inqas ekonomiji żviluppati tad-dinja, kif ukoll bosta opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-UE. Madankollu, filwaqt li l-benefiċċji huma mifruxin sew, l-ispejjeż spiss jiġġarrbu b’mod żbilanċjat. L-Unjoni Ewropea jeħtieġ issir aktar reżiljenti, u trid issaħħaħ ir-reġjuni tagħha u tgħinhom joħolqu l-valur. Dan ifisser li għandhom jilqgħu l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni, filwaqt li jiġu żviluppati l-ħiliet tan-nies. Ifisser ukoll li l-fondi tal-UE jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-reġjuni kollha tal-UE, sabiex dawn ikunu jistgħu jinvestu fl-oqsma speċjalizzati tagħhom, permezz ta’ sħubijiet fost l-atturi tal-innovazzjoni. Dan kollu jwassal għall-hekk imsejħa speċjalizzazzjoni intelliġenti. Fl-2017, il-Kummissjoni nediet żewġ proġetti pilota biex jittestjaw approċċi innovattivi għall-kooperazzjoni interreġjonali.
Dawk li jgħixu fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE jistgħu jbatu wkoll mill-iżolament relattiv tagħhom. Ir-regoli ssimplifikati qegħdin jgħinu lill-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-kumpaniji meta joperaw fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE. Dan iqis l-isfidi speċifiċi li jaffrontaw, bħall-periferiċità u d-dipendenza tagħhom fuq il-bejgħ ta’ għadd limitat ta’ prodotti.
KAPITLU 5
Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta
“Matul il-ħames snin li ġejjin, nixtieq inkompli bir-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna sabiex nippreservaw l-istabbiltà tal-munita unika tagħna u nsaħħu l-konverġenza tal-politiki ekonomiċi, fiskali u tas-suq tax-xogħol bejn l-Istati Membri li jaqsmu munita komuni.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
© iStockphoto.com/instamatics
Fl-2017, l-UE għamlet għadd ta’ passi importanti fit-triq lejn il-kisba ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta, li tinkludi Unjoni Bankarja komprensiva. It-tlestija ta’ din il-ħidma se tgħin lill-UE taffaċċja sfidi eżistenti u oħrajn ġodda, billi tiżgura aktar konverġenza ekonomika u soċjali, aktar tkabbir u impjiegi bis-saħħa ta’ istituzzjonijiet b’saħħithom u ta’ responsabbiltà demokratika.
Abbażi tar-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokument ta’ riflessjoni f’Mejju 2017 dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, bħala parti mid-dibattitu wiesa’ li kien beda f’Marzu bil-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.
F’Ottubru l-Kummissjoni sejħet għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja bħala parti integrali mill-viżjoni tagħha favur Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda li trodd benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini u lin-negozji.
Pass importanti ieħor sar f’Diċembru meta l-Kummissjoni ressqet il-pakkett ta’ proposti tagħha dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Bi pjan direzzjonali għall-azzjoni u għadd ta’ miżuri konkreti, il-Kummissjoni qdiet l-impenn iddikjarat minn Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, li l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa tiġi approfondita.
Dawk il-proposti jinkludu t-trasformazzjoni tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà f’Fond Monetarju Ewropew fil-qafas ġuridiku tal-UE, biex dan jgħin lill-Istati Membri taż-żona tal-ewro meta jinsabu f’diffikultà finanzjarja. Jinkludu wkoll il-viżjoni tal-Kummissjoni ta’ kif jistgħu jiġu żviluppati ċerti funzjonijiet baġitarji essenzjali għaż-żona tal-ewro u għall-UE b’mod ġenerali, bil-għan li jipprovdu iktar appoġġ. Dan għandu jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi strutturali tagħhom.
Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar profonda
Is-sena 2017 eżiġiet stamina u viżjoni ċara minn dawk kollha li qed jissieltu biex ifasslu Unjoni Ewropea iktar b’saħħitha, iktar demokratika u iktar magħquda. L-Unjoni Ekonomika u Monetarja hija parti essenzjali mid-dibattitu, u taqdi rwol ċentrali fit-tiswir ta’ UE ta’ ugwaljanza, li tiffoka fuq l-iktar kwistjonijiet importanti.
Fl-1 ta’ Marzu l-Kummissjoni ressqet White Paper li tippreżenta ħames xenarji ta’ kif l-UE kapaċi tevolvi sal-2025, u l-għażliet ewlenin involuti f’kull xenarju. Kull għażla jkollha implikazzjonijiet għall-ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Bħala Unjoni, irridu nkomplu għaddejjin kif aħna? Jew ta’ min niffukaw biss fuq is-Suq Uniku? Lil dawk li jinsabu lesti li javvanzaw u jiksbu aktar flimkien, jaqbel li nħalluhom? Jaqblilna niffukaw fuq inqas affarijiet u nwettquhom b’mod aktar effiċjenti? Jew għandna nippruvaw niksbu ħafna aktar ilkoll flimkien?
F’Mejju, il-Kummissjoni wessgħet id-dibattitu speċifiku dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, bil-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ riflessjoni tagħha dwar dan is-suġġett. L-ideat ippreżentati fid-dokument ta’ riflessjoni huma parti mill-viżjoni għal UE aktar b’saħħitha, aktar demokratika u aktar magħquda. F’Settembru, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker ippreżenta l-kuntest usa’: viżjoni li toffri t-tama, l-istabbiltà, il-ġustizzja u l-opportunità lil kulħadd.
Mario Draghi, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kwartieri ġenerali tal-Bank fi Frankfurt, il-Ġermanja, bil-karta tal-flus il-ġdida ta’ €50 li daħlet fiċ-ċirkolazzjoni fl-4 ta’ April 2017.
Id-dokument ta’ riflessjoni saħaq li, biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tkun effettiva u stabbli, trid isserraħ fuq sistema finanzjarja integrata u li tiffunzjona sew. Wasal iż-żmien li nilħqu kunsens dwar kif għandna nimxu ’l quddiem sal-2025, billi nkomplu bl-istess ritmu tajjeb u nibnu fuq dak li diġà ksibna tul l-aħħar ftit snin. Fost il-passi meħtieġa li fadal, irridu nlestu l-Unjoni Bankarja, innaqqsu u nikkondividu r-riskji fis-settur bankarju, u nrendu l-banek tal-UE saħansitra aktar reżiljenti. Barra minn hekk, irridu nipprovdu opportunitajiet ta’ finanzjament aktar diversifikati u innovattivi għall-ekonomija reali, f’Unjoni tas-Swieq Kapitali ta’ veru.
Sejħa għal Unjoni Bankarja kompluta
L-Unjoni Bankarja tipproteġi l-istabbiltà finanzjarja, u hija kruċjali għall-funzjonament bla xkiel taż-żona tal-ewro u tal-UE b’mod ġenerali. Biex l-Unjoni Bankarja titlesta, it-tnaqqis tar-riskji u l-kondiviżjoni tar-riskji jmorru id f’id. Sar progress sinifikanti biex il-banek tal-UE jsiru aktar reżiljenti u b’hekk jitnaqqsu r-riskji fis-settur bankarju, filwaqt li l-passi li jmiss qegħdin jitħejjew. Mindu faqqgħet il-kriżi, il-Kummissjoni għamlet iktar minn 50 proposta biex tiżdied ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju.
Wasal iż-żmien li l-Unjoni Bankarja nlestuha. Fl-2013 l-Istati Membri qablu dwar il-ħolqien ta’ garanzija ta’ kontinġenza (jew xibka ta’ sikurezza) għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, iżda erba’ snin wara, dik il-garanzija ta’ kontinġenza għadha mhix operattiva. Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2017, il-President Juncker saħaq fuq il-bżonn li ssir operattiva bħala kwistjoni ta’ prijorità. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li l-garanzija ta’ kontinġenza tkun parti mill-Fond Monetarju Ewropew tal-futur. Dan ikun pass importanti lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja.
Iż-żieda fir-reżiljenza tal-istrutturi ekonomiċi u soċjali fl-Istati Membri ġiet identifikata wkoll bħala element essenzjali għas-suċċess fit-tul tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Fost elementi ewlenin oħrajn, ġew identifikati t-tisħiħ tas-Semestru Ewropew (il-qafas għall-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali madwar l-UE), u l-istipular ta’ rabta bejn l-appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE u r-riformi strutturali. Ġie propost ukoll il-ħolqien ta’ kapaċità ċentrali biex tgħin lill-Istati Membri taż-żona tal-ewro li jkunu ntlaqtu minn xokkijiet makroekonomiċi.
Id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni ssottolinja li r-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tista’ ssir biss billi fl-istess ħin tiżdied ir-responsabbiltà demokratika u jissaħħu l-istituzzjonijiet taż-żona tal-ewro. Il-pass li jmiss huwa li jiġu kondiviżi aktar responsabbiltajiet u deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet taż-żona tal-ewro, f’qafas ġuridiku komuni.
INLESTU L-UNJONI EKONOMIKA U MONETARJA TAL-EWROPA

Id-dokument seddaq l-impenn lejn konverġenza reali bejn l-ogħna u l-ifqar reġjuni tal-UE.
F’Diċembru l-Kummissjoni varat il-pakkett dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, li jinkludi proposti biex il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jiġi ttrasformat f’Fond Monetarju Ewropew ankrat fil-qafas ġuridiku tal-UE. Dan il-Fond ikun jista’ jkompli jgħin lill-Istati Membri taż-żona tal-ewro li jinqabdu f’diffikultà finanzjarja. Barra minn hekk, il-Fond ikun jipprovdi garanzija ta’ kontinġenza komuni lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, u jista’ jaġixxi bħala sellief tal-aħħar istanza sabiex jiffaċilita r-riżoluzzjoni ordnata tal-banek li jkunu f’diffikultà. Huma previsti wkoll teħid ta’ deċiżjonijiet aktar malajr f’każijiet ta’ urġenza, u involviment aktar dirett fil-ġestjoni tal-programmi ta’ assistenza finanzjarja. Maż-żmien, il-Fond Monetarju Ewropew jista’ wkoll jiżviluppa strumenti finanzjarji ġodda, pereżempju biex jappoġġaw funzjoni possibbli ta’ stabbilizzazzjoni.
Barra minn dan, il-Kummissjoni fetħet diskussjoni dwar strumenti baġitarji ġodda għal żona tal-ewro stabbli fil-qafas tal-Unjoni Ewropea. Ippreżentat il-viżjoni tagħha ta’ kif jistgħu jiġu żviluppati ċerti funzjonijiet baġitarji essenzjali għaż-żona tal-ewro u għall-UE b’mod ġenerali, fil-qafas tal-finanzi pubbliċi tal-UE. Il-funzjonijiet baġitarji huma dawn li ġejjin:
- Appoġġ lill-Istati Membri għar-riformi strutturali, permezz ta’ għodda għall-implimentazzjoni tar-riformi, u appoġġ tekniku fuq talba tal-Istati Membri.
- Faċilità ddedikata ta’ konverġenza għall-Istati Membri li jinsabu fi triqithom lejn is-sħubija fiż-żona tal-ewro.
- Garanzija ta’ kontinġenża għall-Unjoni Bankarja, permezz tal-Fond Monetarju Ewropew/il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, li għandu jintlaħaq qbil dwarha f’nofs l-2018 u għandha ssir operattiva sal-2019.
- Funzjoni ta’ stabbilizzazzjoni biex tipproteġi l-investimenti f’każ ta’ xokkijiet asimmetriċi kbar fost l-Istati Membri.
Il-Kummissjoni se tippreżenta l-inizjattivi meħtieġa f’Mejju 2018, fil-kuntest tal-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta’ wara l-2020. Għall-perjodu 2018–2020, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-appoġġ tekniku li tipprovdi lill-Istati Membri permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali, billi tirdoppja l-finanzjament biex jilħaq it-€300 miljun sal-2020..
Il-Kummissjoni ssuġġeriet li l-għodda l-ġdida għall-implimentazzjoni tar-riformi tiġi ttestjata f’fażi pilota. Għal dan il-għan, ipproponiet bidliet speċifiċi għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li jirregola l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, li jkunu jippermettu lill-Istati Membri jużaw ir-riżerva ta’ prestazzjoni tagħhom fil-Fondi biex jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ riformi miftiehma.
64 % TAĊ-ĊITTADINI FIŻ-ŻONA TAL-EWRO JGĦIDU LI L-EWRO HIJA ĦAĠA TAJBA

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li s-sustanza tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja tiġi integrata fil-liġi tal-UE, billi titqies il-flessibbiltà xierqa minsuġa fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
Barra minn hekk, il-pakkett tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja spjega kif il-Kummissjoni tipprevedi l-funzjonijiet possibbli ta’ Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi, b’żewġ rwoli. Kemm bħala Viċi President tal-Kummissjoni u kemm bħala President tal-Grupp tal-ewro, il-Ministru jkun jgħaqqad ir-responsabbiltajiet eżistenti mal-għarfien espert disponibbli, filwaqt li jsaħħaħ il-koerenza, l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika tat-tfassil tal-politika ekonomika għall-UE u għaż-żona tal-ewro, b’rispett sħiħ lejn il-kompetenzi nazzjonali.
Napprofittaw mill-perjodu ta’ opportunità għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi
Is-Semestru Ewropew tal-2017 ibbenefika minn proċeduri ġodda razzjonalizzati. Wara r-rakkomandazzjonijiet adottati f’Mejju, li mbagħad ġew adottati wkoll mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni pprovdiet gwida għall-Istati Membri kollha u għaż-żona tal-ewro kollha kemm hi. Il-messaġġ ewlieni kien li waslet is-siegħa biex napprofittaw mill-perjodu ta’ opportunità maħluq mill-irkupru ekonomiku, sabiex niksbu tkabbir ekonomiku aktar inklużiv, sod u sostenibbli, permezz ta’ riformi li joħolqu aktar impjiegi, iżidu l-konverġenza u r-reżiljenza, u jikkontribwixxu lejn soċjetà aktar ġusta.
Anki jekk il-prijoritajiet varjaw madwar l-UE, il-proċess tas-Semestru identifika riformi strutturali, xpruna l-investiment u saħħaħ il-finanzi pubbliċi bħala għodod li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom jekk irridu nistimolaw u nirfdu l-irkupru ekonomiku.
Iċ-ċiklu tal-2018 tas-Semestru Ewropew tnieda fit-22 ta’ Novembru. Il-Kummissjoni tirrakkomanda aktar riformi strutturali, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jistimolaw l-investiment bħala mezz biex jappoġġaw l-espansjoni u jżidu l-produttività u t-tkabbir fit-tul. Dan iċ-ċiklu jsarraf fil-prattika t-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, li ġiet varata bħala waħda mill-għodod għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Niżguraw il-kompetizzjoni bla xkiel u nikkontrollaw l-għajnuna mill-Istat
Il-każijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fl-2017 urew li l-implimentazzjoni gradwali tal-qafas tal-Unjoni Bankarja bil-mod il-mod tista’ tnaqqas il-piż fuq min iħallas it-taxxa, dovut għas-salvataġġ tal-banek. Titjib ieħor li għaddej bħalissa, partikularment iż-żieda ta’ rekwiżiti minimi għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli, se jkompli jnaqqas id-dipendenza fuq flus il-kontribwenti fil-futur.
L-ewwel każ fil-qafas tar-riżoluzzjoni tal-Unjoni Bankarja seħħ fl-2017, u kkonċerna lil Banco Popular (Spanja). Wara l-konverżjoni u t-tniżżil fil-valur tal-istrumenti kapitali tiegħu min-naħa tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-bank inbiegħ lil Grupo Santander. Billi ma kienx hemm għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità tal-għajnuna mill-Istat, ma kellhiex għalfejn tintervjeni.
Madankollu, il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fis-settur bankarju jibqa’ importanti. Pereżempju, f’każijiet ta’ rikapitalizzazzjoni bi prekawzjoni (fejn Stat jinjetta fondi proprji f’bank solventi biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja), japplikaw ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li huma speċifiċi għas-settur bankarju. Każ minnhom huwa Banca Monte dei Paschi di Siena, li fl-2017 irċieva għajnuna approvata skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat abbażi ta’ pjan dettaljat ta’ ristrutturar.
L-għajnuna għal-likwidazzjoni fil-qafas ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza tista’ tiġi awtorizzata b’ċerti kundizzjonijiet. B’hekk, f’Ġunju, il-Kummissjoni approvat l-għajnuna li l-Italja tat lil Banca Popolare di Vicenza u lil Veneto Banca għall-ħruġ bil-galbu tagħhom mis-suq, biex b’hekk ġie evitat tfixkil ekonomiku fir-reġjun tal-Veneto, li kien iġib miegħu wkoll periklu morali u tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-settur bankarju.
L-approvazzjoni mill-Kummissjoni tal-għajnuna lil dawn it-tliet banek ingħatat bil-kundizzjoni li ssir kondiviżjoni tal-piżijiet mill-azzjonisti eżistenti u mid-detenturi tad-dejn subordinat, sabiex jitnaqqas l-ammont li jrid jiġi kopert minn min iħallas it-taxxa.
Fl-aħħar nett, valutazzjoni mwettqa fil-qafas tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tista’ tikkonkludi li l-Istat jaġixxi bħala operatur tas-suq normali, u li għandu jirċievi remunerazzjoni li tirrifletti r-riskji f’termini tas-suq, sabiex l-għajnuna mill-Istat ma tkunx involuta. Dan kien il-każ tal-injezzjoni ta’ kapital mill-Istat Portugiż f’Caixa Geral de Depósitos, b’appoġġ għal strateġija ta’ bidla mill-qiegħ.
L-Unjoni Bankarja
Awtoritajiet superviżorji Ewropej
F’Settembru il-Kummissjoni ppubblikat proposti biex is-superviżjoni mill-UE tal-banek, tas-swieq finanzjarji, tal-assigurazzjoni u tal-pensjonjiet issir iktar b’saħħitha u iktar integrata. Il-ħsieb huwa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE, u li s-swieq ikkonċernati jsiru aktar reżiljenti. Il-proposti jqisu l-iżviluppi l-ġodda fil-qasam tat-teknoloġiji finanzjarji, kif ukoll l-importanza dejjem tikber ta’ kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà.
X’SE TOFFRI L-UNJONI BANKARJA

L-Unjoni Bankarja trid titlesta sabiex tkun tista’ taqdi l-potenzjal kollu tagħha u trendi l-Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar stabbli u aktar reżiljenti għax-xokkijiet, filwaqt li tillimita l-ħtieġa ta’ kondiviżjoni pubblika tar-riskji. Flimkien mal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, Unjoni Bankarja kompluta se tippromwovi sistema finanzjarja stabbli u integrata fl-UE.
Il-Kummissjoni fasslet pjan ambizzjuż iżda realistiku, li jibni fuq il-progress kbir li diġà nkiseb, sabiex tiżgura l-qbil fuq l-elementi kollha pendenti tal-Unjoni Bankarja, abbażi tal-impenji eżistenti meħuda mill-Kunsill. Matul is-sena, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ftiehmu dwar aktar passi importanti biex inaqqsu r-riskji fis-settur bankarju, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni ta’ Novembru 2016. Pereżempju, se jagħtu lill-banek aktar ċarezza dwar kif jistgħu jibnu riżervi biex jassorbu t-telf u kif, jekk meħtieġ, iwettqu riżoluzzjoni ta’ bank mingħajr il-bżonn li jintmissu flus il-kontribwenti.
Diġà sar ħafna progress biex tnaqqas l-istokk ta’ self improduttiv fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek, iżda jeħtieġ li jsir aktar. Is-self improduttiv jolqot ħażin il-profitabbiltà tal-banek, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jsellfu lill-ekonomija. Jixħet dubji wkoll fuq l-istabbiltà tas-sistema bankarja. Għaldaqstant, l-UE qiegħda timplimenta Pjan ta’ Azzjoni biex tkompli tnaqqas is-self improduttiv u tipprevjeni mill-bidu nett sitwazzjonijiet fejn is-self isir improduttiv, permezz ta’ firxa ta’ miżuri.
Servizzi finanzjarji għall-konsumatur
It-teknoloġiji finanzjarji l-ġodda qed ikollhom impatt kbir fuq is-settur finanzjarju mill-perspettiva kemm tal-konsumatur u kemm tal-fornitur. F’Marzu l-Kummissjoni ppubblikat Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur, bil-għan li jsaħħaħ is-Suq Uniku għas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur. Il-Pjan ta’ Azzjoni jimmira li jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur f’dan is-settur, u li jisfrutta l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni u tal-iżvilupp teknoloġiku sabiex titwessa’ l-għażla tal-konsumaturi u jittejjeb l-aċċess tagħhom għas-servizzi finanzjarji mal-UE kollha. Tnediet ukoll konsultazzjoni pubblika dwar l-innovazzjoni teknoloġika fis-servizzi finanzjarji (FinTech), fuq kwistjonijiet bħall-opportunitajiet f’termini ta’ aċċess għas-servizzi finanzjarji, il-kosteffiċjenza jew il-kompetizzjoni, iżda wkoll fuq ir-riskji marbutin maċ-ċibersigurtà jew mal-protezzjoni tad-dejta. Il-konsultazzjoni kellha l-għan ukoll li tivvaluta x-xkiel eżistenti li jista’ jwaqqaf tali innovazzjoni milli tilħaq livelli ogħla madwar l-Ewropa.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis jippreżenta l-Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji tal-Konsumatur, Brussell, it-23 ta’ Marzu 2017.
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
F’April il-Kummissjoni pproponiet pakkett soċjali wiesa’ bħala pass ieħor lejn UE iktar ġusta u b’dimensjoni soċjali qawwija. Il-proposta għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kienet fil-qofol ta’ din l-inizjattiva. Il-proposta tistabbilixxi 20 prinċipju u dritt ewlenin biex jirfdu swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jkunu ġusti u li jaħdmu sew. Hija ddisinjata biex tagħti direzzjoni għal proċess imġedded li jipprovdi kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u tal-għajxien fl-UE.
Il-Pilastru huwa akkumpanjat minn għadd ta’ inizjattivi leġiżlattivi u mhux, b’mod partikulari dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw, dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u dwar il-ħinijiet tax-xogħol.
X’JOFFRI L-PILASTRU EWROPEW TAD-DRITTIJIET SOĊJALI

IT-TNAX-IL QASAM KOPERTI BIT-TABELLA TA’ VALUTAZZJONI SOĊJALI

Il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Diċembru dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli tikkomplementa u timmodernizza l-obbligi eżistenti li kull ħaddiem jiġi infurmat dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu. Barra minn hekk, il-proposta timmira li toħloq standards minimi ġodda biex jiżguraw li l-ħaddiema kollha, inkluż dawk b’kuntratti atipiċi, jibbenefikaw minn aktar prevedibbiltà u aktar ċarezza fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Ġiet stabbilita wkoll Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali biex issegwi x-xejriet u l-prestazzjoni fost l-Istati Membri tal-UE fi 12-il qasam, u biex tivvaluta l-progress lejn klassifikazzjoni soċjali “AAA” għall-UE kollha kemm hi. Ir-riżultati tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali se jlaħħmu s-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, u se jgħinu biex dan jiffoka aktar fuq l-impjiegi u l-prestazzjoni soċjali. Fis-17 ta’ Novembru f’Gothenburg, l-Iżvezja, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u Stefan Löfven, il-Prim Ministru tal-Iżvezja, ospitaw Summit Soċjali għall-Impjiegi u t-Tkabbir Ġusti, fejn tħabbar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja
F’April, il-Kummissjoni ressqet proposta dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li tistipula għadd ta’ standards minimi ġodda jew ogħla minn ta’ qabilhom, għal-liv tal-ġenituri, tal-paternità u tal-persuni li jindukraw. Il-miżuri proposti huma maħsubin, b’mod partikulari, biex jagħtu lill-irġiel aktar possibbiltajiet li jaqdu responsabbiltajiet ta’ trobbija u ta’ indokrar. Dan ikun ta’ ġid għat-tfal, u jgħin biex iżid is-sehem tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u b’hekk inaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nies fl-impjiegi. Il-proposta se tagħti wkoll, lill-ġenituri ta’ tfal sa 12-il sena u lil persuni oħra li jindukraw, id-dritt li jitolbu għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli.
Id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa
Wara l-pubblikazzjoni f’Marzu tal-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, f’April, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, li jqajjem mistoqsijiet dwar kif nistgħu nsostnu l-istandards tal-għajxien tagħna, noħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar, inħarrġu lin-nies biex ikollhom il-ħiliet meħtieġa, u noħolqu aktar għaqda fis-soċjetà tagħna, fid-dawl tas-soċjetà u tad-dinja tax-xogħol tal-futur. Is-Summit Soċjali għall-Impjiegi u t-Tkabbir Ġusti li sar f’Novembru f’Gothenburg, u li ntemm bit-tħabbira tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kien kontribut kbir f’dan id-dibattitu.
F’Ottubru tnediet kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-prekarjetà enerġetika. Fost azzjonijiet oħra, saru d-disinn u t-tixrid ta’ materjal pubbliċitarju, u ttellgħu avvenimenti flimkien ma’ partijiet ikkonċernati u multiplikaturi ewlenin, bħall-muniċipalitajiet u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, bħala proġett pilota f’erba’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Portugall u r-Rumanija). Jekk dan il-proġett jirnexxi, għad tiġi kkunsidrata l-estensjoni tiegħu lejn Stati Membri oħra. Il-kampanja hija prijorità fi żmien fejn ħafna familji mal-UE kollha għadhom qed ibatu minħabba l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Il-livelli ta’ prekarjetà enerġetika f’bosta Stati Membri għadhom għoljin, u l-aktar familji milquta bl-aħrax spiss ikunu familji b’ġenitur wieħed u b’ulied dipendenti.
Diskussjoni bejn eżibitur u l-Kummissarju Marianne Thyssen (lemin), flimkien ma’ Alastair Macphail tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (it-tieni mil-lemin) u Oren Lamdan, għalliem (fin-nofs), waqt il-konferenza tal-Proċess ta’ Turin 2016–2017 “Ħiliet li jinbidlu għal dinja li tinbidel”, Turin, l-Italja, it-8 ta’ Ġunju 2017.
Id-djalogu soċjali Ewropew
Il-Bidu Ġdid għad-Djalogu Soċjali tal-UE kompla jagħti l-frott, flimkien mad-dikjarazzjoni konġunta ta’ Ġunju 2016 dwar ir-rwol fundamentali tad-djalogu soċjali Ewropew bħala komponent sinifikanti tat-tfassil tal-politika tal-UE fl-oqsma tal-impjiegi u tal-kwistjonijiet soċjali. Il-Kummissjoni kkonsultat mat-trade unions, mal-impjegaturi u ma’ sħab soċjali oħra dwar inizjattivi ewlenin. Bi qbil mal-prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar id-djalogu soċjali, is-sħab soċjali se jaqdu rwol importanti matul il-fażi ta’ implimentazzjoni.
L-edukazzjoni u t-taħriġ biex ikattru l-potenzjal tan-nies
Sistemi effettivi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ jipprovdu liż-żgħażagħ bl-għarfien, bil-kompetenzi u bil-ħiliet li jeħtieġu biex isibu xogħol li jgħinhom jilħqu l-milja tagħhom, u biex isiru ċittadini indipendenti u involuti. Barra minn hekk, lill-ħaddiema jagħtuhom l-opportunità li jaġġornaw il-ħiliet tagħhom, biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ metodi ta’ ħidma li jevolvu l-ħin kollu u mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, kif ukoll biex jgħinu jżidu l-produttività u t-tkabbir.
Ir-riformi tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma prijorità għolja fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u ssemmew b’mod prominenti fis-Semestru Ewropew tal-2017 (ara l-Kapitlu 1 għal aktar tagħrif dwar is-Semestru). Erbatax-il Stat Membru rċevew rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż relatata mal-edukazzjoni u mat-taħriġ.
Ir-riformi kienu wkoll fil-qofol tal-istrateġija tal-UE għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd, adottata f’Mejju, li kienet tinkludi inizjattivi ġodda dwar l-iżvilupp tal-iskejjel u dwar aġenda mġedda għall-edukazzjoni għolja. F’Novembru, il-Kunsill adotta l-proposta dwar l-istħarriġ fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-gradwati, biex jgħin lill-Istati Membri jiġbru informazzjoni dwar x’jagħmlu l-gradwati wara l-istudji tagħhom. Il-Kummissjoni fasslet proposta għall-mexxejja tal-UE dwar kif jistgħu jaħdmu flimkien biex jiksbu Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni billi tissaħħaħ l-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura. F’Diċembru, il-mexxejja tal-UE talbu lill-Kummissjoni Ewropea taħdem favur żieda fil-mobbiltà permezz ta’ programm estiż tal-Erasmus+; twaqqaf 20 università Ewropea sal-2024; tippromwovi l-istudju tal-lingwi; tiddisinja Kard Ewropea tal-Istudenti; taħdem mal-Istati Membri favur ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi tal-edukazzjoni għolja u tal-iskola; u tippromwovi l-kultura permezz tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018.
Noqorbu lejn iċ-ċittadini
Mumenti li spikkaw mid-Djalogi taċ-Ċittadini fl-2017
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, jattendi għal Djalogu taċ-Ċittadini f’St. Vith, il-Belġju, il-15 ta’ Novembru 2017.
Ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini u Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta’ Malta, jattendu għal Djalogu taċ-Ċittadini f’Ruma, l-Italja, l-24 ta’ Marzu 2017.
L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans, jieħu sehem fi Djalogu taċ-Ċittadini f’ħin reali mill-istudjos ta’ TV Slovenija, Ljubljana, is-Slovenja, l-4 ta’ Settembru 2017.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Andrus Ansip waqt Djalogu taċ-Ċittadini dwar l-opportunitajiet offruti mis-Suq Uniku Diġitali, Budapest, l-Ungerija, id-9 ta’ Novembru 2017.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis waqt Djalogu taċ-Ċittadini dwar l-investiment u l-qagħda tal-politiki fiskali u ekonomiċi tal-UE, Tartu, l-Estonja, il-31 ta’ Ottubru 2017.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič jippreżenta l-Unjoni tal-Enerġija waqt Djalogu taċ-Ċittadini f’Tallinn, l-Estonja, il-21 ta’ Settembru 2017.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen waqt Djalogu taċ-Ċittadini dwar il-ġejjieni tal-Ewropa f’Kuopio, il-Finlandja, l-24 ta’ Novembru 2017.
KAPITLU 6
Politika kummerċjali bbilanċjata u progressiva għall-immaniġġjar tal-globalizzazzjoni
“M’iniex se nissagrifika l-istandards tas-sikurezza, tas-saħħa, dawk soċjali u tal-protezzjoni tad-dejta tal-Ewropa jew id-diversità kulturali tagħna fuq l-altar tal-kummerċ ħieles. B’mod partikolari, is-sikurezza tal-ikel li nieklu u l-protezzjoni tad-dejta personali tal-Ewropej mhumiex se jkunu negozjabbli għalija bħala President tal-Kummissjoni. Lanqas ma jien se naċċetta li l-ġuriżdizzjoni tal-qrati fl-Istati Membri tal-UE tiġi limitata minn reġimi speċjali għat-tilwim tal-investituri. L-istat tad-dritt u l-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi jridu japplikaw f’dan il-kuntest ukoll.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
© iStockphoto.com/ake1150sb
L-UE hija waħda mill-iżjed ekonomiji miftuħa fid-dinja u ssegwi aġenda ambizzjuża ta’ negozjati kummerċjali. Għandha l-għan li tiftaħ is-swieq u toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-impriżi tal-UE madwar id-dinja. L-ekonomija tal-UE tiddependi fuq il-kummerċ: kull €1 biljun f’esportazzjonijiet isostni 14,000 impjieg addizzjonali fl-Ewropa. L-aqwa mod biex il-globalizzazzjoni taħdem għaċ-ċittadini kollha tal-UE huwa permezz tal-atteġġjament ta’ ftuħ flimkien ma’ standards għoljin.
Wieħed u tletin miljun impjieg fl-UE jiddependu fuq l-esportazzjoni, 80 % tal-importazzjonijiet fl-UE jintużaw bħala input għall-merkanzija jew għas-servizzi tal-UE, u huwa mistenni li 90 % tat-tkabbir globali fl-għexieren ta’ snin li ġejjin jitwettaq barra mill-UE. Għaldaqstant, il-kummerċ miftuħ huwa importanti iktar minn qatt qabel għall-Unjoni Ewropea.
L-UE ntrabtet li jkollha sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli bħala l-bażi għall-prosperità tagħha, u kompliet taqdi rwol mexxej fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Meta l-oħrajn jiksru r-regoli kummerċjali globali jew ikunu involuti fi prattiki kummerċjali inġusti l-UE taqbeż għan-negozji u għall-ħaddiema Ewropej.
Fl-2017, l-UE u l-Ġappun ikkonkludew in-negozjati tagħhom għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejniethom, u l-UE u l-Kanada bdew japplikaw il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv tagħhom b’mod proviżorju. L-UE għamlet progress ġmielu f’diversi negozjati kummerċjali bilaterali, u bdiet taħditiet kummerċjali maċ-Ċilì. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll it-tnedija ta’ taħditiet kummerċjali mal-Awstralja u ma’ New Zealand.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qablu dwar proposta biex jiġu mmodernizzati l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, u daħal fis-seħħ metodu ġdid biex jiġi kkalkolat id-dumping sabiex strumenti tal-UE bħal dawn isiru iktar b’saħħithom. Il-Kummissjoni pproponiet qafas ġdid għall-iskrinjar ta’ investimenti strateġiċi minn barra l-Unjoni Ewropea, u l-UE ħadet passi konkreti biex tiġġieled kontra prattiki mhux etiċi, bħall-kummerċ fil-minerali minn żoni affettwati mill-kunflitti.
Politika kummerċjali bbilanċjata u progressiva
F’dawn l-aħħar snin, il-kummerċ internazzjonali ħabbat wiċċu ma’ sfidi dejjem ikbar, b’dubji mill-ġdid dwar l-effetti tal-globalizzazzjoni, b’mistoqsijiet dwar l-iskop u l-valur tal-ftehimiet kummerċjali, u bil-periklu reali li jerġa’ jitfaċċa l-protezzjoniżmu. Il-Kummissjoni tagħraf li biex wieħed iwieġeb għal dawn l-isfidi, iktar minn qatt qabel jeħtieġ li jkun hemm politika kummerċjali li tkun effettiva, trasparenti u msejsa fuq il-valuri. Għalhekk, il-prinċipji fundamentali tal-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd, li ġiet imnedija f’Ottubru 2015, komplew jiggwidaw l-approċċ li ttieħed fl-2017: l-aqwa mod biex il-globalizzazzjoni taħdem għal kulħadd fl-UE huwa permezz tal-atteġġjament ta’ ftuħ flimkien ma’ standards għoljin.
Fil-kuntest tad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni ta’ Settembru tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, li kien ippreċedut mill-pubblikazzjoni ta’ dokument ta’ riflessjoni dwar l-immaniġġjar tal-globalizzazzjoni f’Mejju, il-Viċi President tal-Kummissjoni, Jyrki Katainen, u l-Kummissarju Cecilia Malmström ippreżentaw pakkett ta’ inizjattivi dwar firxa ta’ kwistjonijiet kummerċjali. Fost dawn l-inizjattivi kien hemm Komunikazzjoni dwar il-politika kummerċjali; abbozzi ta’ mandati għal negozjati mal-Awstralja u ma’ New Zealand u għal Qorti Multilaterali għall-Investimenti; u qafas għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani sabiex jiġi żgurat li jibqa’ sors ewlieni ta’ tkabbir fl-UE filwaqt li jiġu protetti l-interessi essenzjali tal-Unjoni. Il-pakkett kien jinkludi wkoll rapport ta’ progress dwar l-istrateġija Kummerċ għal Kulħadd. F’Novembru, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles tal-UE.
L-UE kompliet taqdi rwol mexxej fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, b’mod partikolari waqt il-11-il Konferenza Ministerjali f’Buenos Aires, l-Arġentina, li saret f’Diċembru. Minkejja li l-Konferenza Ministerjali ma wasslet għal ebda eżitu multilaterali, l-UE tenniet l-impenn qawwi tagħha fir-rigward tal-Organizzazzjoni u l-appoġġ kontinwu tagħha biex jinstabu soluzzjonijiet għal kwistjonijiet importanti fis-sistema kummerċjali multilaterali globali.
Permezz tal-Istrateġija tagħha għall-Aċċess għas-Swieq, l-UE għandha l-għan li tiftaħ is-swieq billi tindirizza x-xkiel għall-aċċess għas-suq madwar id-dinja, filwaqt li tibqa’ impenjata li jkun hemm kummerċ ibbilanċjat, responsabbli u bbażat fuq ir-regoli.
Ewropa li tipproteġi
L-UE ntrabtet li jkollha sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli u li sservi bħala l-bażi għall-prosperità tagħha. Dan huwa essenzjali biex il-kummerċ isir qawwa pożittiva madwar id-dinja. Il-politika kummerċjali tal-UE tiddefendi b’qilla lin-negozji u lill-ħaddiema fl-UE meta l-oħrajn jiksru r-regoli kummerċjali globali jew ikunu involuti fi prattiki kummerċjali inġusti.
L-UE hija waħda mill-iżjed utenti attivi u ta’ suċċess tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Meta l-interventi diplomatiċi jisfaw fix-xejn, l-UE ma toqgħodx lura milli tuża dawn il-proċeduri biex tinforza d-drittijiet tagħha skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni sabiex tiżgura li tirċievi l-benefiċċji kollha tas-sħubija tagħha għan-negozji, għall-ħaddiema u għall-bdiewa tagħha. Bħala eżempju tal-kisbiet fl-2017, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ qatgħetha li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-majjal u tal-prodotti tal-majjal mill-UE lejn ir-Russja hija illegali; iċ-Ċina neħħiet ir-restrizzjonijiet tagħha fuq l-esportazzjoni ta’ ċertu materja prima kritika; u r-Russja baxxiet id-dazji tal-importazzjoni fuq diversi prodotti mill-UE.
B’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-UE imponiet 34 miżura għad-difiża tal-kummerċ kontra prattiki kummerċjali inġusti minn pajjiżi li mhumiex tal-UE, fosthom id-dazji kontra d-dumping fuq l-azzar miċ-Ċina (dazju kontra d-dumping huwa tariffa li gvern domestiku jimponi fuq importazzjonijiet barranin li huwa jemmen li ngħataw prezzijiet taħt il-valur ġust tas-suq). Fl-2017 l-UE imponiet 11-il miżura biex tiddefendi lill-industrija tal-azzar tal-Ewropa. Skont rapporti disponibbli pubblikament, l-industrija tal-azzar tal-UE qed terġa’ tibda tagħmel il-qligħ.
L-UE tiddefendi wkoll lill-industriji tagħha meta pajjiżi mhux tal-UE jwettqu inkjesti dwar id-dazji kontra d-dumping u dawk kompensatorji kontra l-esportazzjonijiet mill-Unjoni, kif kien il-każ fil-proċedimenti reċenti li ġew imnedija mill-Awstralja (fir-rigward tad-tadam ipproċessat), miċ-Ċina (fir-rigward tal-lamtu tal-patata) u mill-Istati Uniti (fir-rigward taż-żebbuġ).
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen jagħmel konferenza stampa biex jippreżenta l-aġenda tal-Kummissjoni għal politika kummerċjali bbilanċjata u progressiva, Brussell, l-14 ta’ Settembru 2017.
F’Diċembru, l-UE qablet li timmodernizza r-regolamenti tagħha kontra d-dumping u kontra s-sussidji sabiex b’hekk l-istrumenti tagħha għad-difiża tal-kummerċ jkunu adattati ahjar għall-isfidi tal-ekonomija globali. Dawn se jsiru iktar effettivi u trasparenti għall-kumpaniji, filwaqt li se jkun iktar faċli li jużawhom, u f’xi każijiet l-UE se tkun tista’ timponi dazji ogħla fuq il-prodotti bid-dumping. L-UE bidlet ukoll il-mod kif tikkalkula d-dumping fl-investigazzjonijiet kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet minn membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jekk ikun hemm distorsjoni tal-prezzijiet u tal-ispejjeż minħabba l-intervent mill-istat.
Madwar id-dinja, l-esportaturi tal-UE għadhom jiltaqgħu ma’ ostakli għall-kummerċ. Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-ostakli għall-kummerċ u għall-investiment wera żieda ta’ 10 % fl-ostakli għall-kummerċ li ltaqgħu magħhom l-esportaturi tal-UE fl-2016, bi 372 ostaklu preżenti f’iżjed minn 50 pajjiż madwar id-dinja. Ir-rapport indika li 36 ostaklu ġdid fl-2016 jistgħu jaffettwaw l-esportazzjonijiet mill-UE b’valur totali ta’ €27 biljun, iżda wera wkoll li l-Istrateġija għall-Aċċess għas-Suq tal-Kummissjoni rnexxielha tneħħi 20 ostaklu ieħor li jaffettwaw l-esportazzjonijiet b’valur ta’ €4.2 biljun.
F’Settembru, l-UE nediet tliet programmi ewlenin ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza fil-qasam tal-proprjetà intellettwali maċ-Ċina, mal-Amerka Latina u max-Xlokk tal-Asja. L-għan huwa li jitnaqqas il-kummerċ illegali fil-merkanzija li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-artisti, tal-inventuri u tad-ditti mill-Unjoni Ewropea, kif ukoll li tiġi promossa l-protezzjoni internazzjonali ta’ dawn id-drittijiet.
L-UE ħadet ukoll passi konkreti biex tiġġieled kontra prattiki mhux etiċi, bħall-kummerċ fil-minerali minn żoni milqutin mill-kunflitti. F’April ġie adottat Regolament ġdid biex jieqaf il-kummerċ fir-riżorsi naturali li jinbiegħu biex iqanqlu u jsostnu l-vjolenza bl-armi fiż-żoni affettwati mill-gwerer, u sar effettiv xahrejn wara. Ir-Regolament jimponi regoli ta’ diliġenza dovuta fuq il-kumpaniji li jimportaw il-landa, it-tantalju, it-tungstenu u l-minerali tagħhom, kif ukoll id-deheb. Dawn il-metalli u l-minerali jintużaw fil-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kuljum, bħal pereżempju l-mowbajls, il-karozzi u l-ġojjellerija. Minn Jannar 2021, ir-regoli se jkopru sa 95 % tal-importazzjonijiet mill-UE.
L-UE wriet bil-fatti li hi kontra t-tortura u l-piena tal-mewt, billi nediet l-Alleanza għal Kummerċ Mingħajr it-Tortura, flimkien mal-Arġentina u mal-Mongolja, fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li saret f’Settembru. Id-delegazzjonijiet minn 58 pajjiż iffirmaw dikjarazzjoni politika li fiha impenjaw ruħhom li jdaħħlu fis-seħħ miżuri, bħal pereżempju leġiżlazzjoni u sistemi effiċjenti ta’ infurzar, sabiex jillimitaw u jeliminaw il-kummerċ f’merkanzija li tista’ tintuża għall-piena kapitali jew għat-tortura.
Ewropa bi rwol mexxej
Il-ftehimiet kummerċjali li l-UE nnegozjat jew qed tinnegozja ma’ pajjiżi madwar id-dinja għandhom l-għan li jiżguraw li l-kummerċ jaħdem għal kulħadd. Dawn il-ftehimiet kummerċjali jiftħu s-swieq u jirriflettu l-valuri tal-UE, bħal pereżempju l-ħarsien tal-ambjent u tad-drittijiet tax-xogħol.
B’dan il-ħsieb, il-Kummissjoni pproponiet li tiftaħ negozjati biex tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investimenti, li tkun innovazzjoni kbira fil-governanza globali.
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun
L-UE U L-ĠAPPUN INNEGOZJAW FTEHIM KUMMERĊJALI

Il-Ġappun huwa r-raba’ l-ikbar ekonomija fid-dinja. F’Lulju, l-UE u l-Ġappun qablu fil-prinċipju dwar l-elementi ewlenin tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, u f’Diċembru, ħabbru li rnexxielhom jikkonkludu d-diskussjonijiet finali. Il-Ftehim se jneħħi l-ostakli għall-kummerċ u se jgħin lill-UE u lill-Ġappun isawru b’mod konġunt ir-regoli kummerċjali globali. Il-ftehim kummerċjali se jkun l-iżjed ftehim bilaterali importanti li qatt ġie konkluż mill-UE.
Għall-ewwel darba fi ftehim kummerċjali tal-UE, se jinkludi impenn speċifiku fir-rigward tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, kif ukoll kapitolu ddedikat għall-kumpaniji ż-żgħar li se jkopri t-trasparenza u qafas istituzzjonali speċifiku.
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika se jneħħi l-biċċa l-kbira tad-dazji mħallsa mill-kumpaniji fl-UE kull sena, li jammontaw għal €1 biljun. Se jżid l-esportazzjonijiet u se joħloq opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji tal-UE, kemm kbar kif ukoll żgħar, flimkien mal-impjegati u mal-konsumaturi tagħhom. Se jiftaħ is-suq Ġappuniż għall-esportazzjonijiet agrikoli ewlenin tal-UE, u se jespandi l-opportunitajiet f’firxa ta’ setturi. Il-valur tal-esportazzjonijiet mill-UE jista’ jiżdied saħansitra sa €20 biljun. Il-Ftehim se jagħmilha iktar faċli għall-impriżi tal-UE biex jipprovdu servizzi fil-Ġappun f’oqsma bħat-trasport marittimu u t-telekomunikazzjoni.
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jistipula l-ogħla standards tax-xogħol, tas-sikurezza u tal-ħarsien ambjentali u tal-konsumatur, filwaqt li jissalvagwardja s-servizzi pubbliċi, u għandu kapitolu ddedikat għall-iżvilupp sostenibbli. B’mod parallel mal-Ftehim, l-UE u l-Ġappun intrabtu li jiffaċilitaw il-fluss ta’ dejta bejn iż-żewġ ekonomiji.
Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv mal-Kanada
Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv tal-UE mal-Kanada beda jiġi applikat b’mod proviżorju fil-21 ta’ Settembru.
IL-FTEHIM EKONOMIKU U KUMMERĊJALI KOMPRENSIV BEJN L-UE U L-KANADA F’60 SEKONDA

Bis-saħħa tal-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada, in-negozji tal-UE se jiffrankaw iktar minn €500 miljun fis-sena. Qabel, dawn il-flus kienu jħallsuhom f’tariffi fuq il-merkanzija li jesportaw lejn il-Kanada. Kważi 99 % ta’ dan l-iffrankar beda mill-ewwel jum tal-ftehim, li se jagħti wkoll lill-kumpaniji tal-UE l-aqwa aċċess li qatt kellhom għall-kuntratti Kanadiżi tal-akkwist pubbliku fil-livelli federali, provinċjali u muniċipali.
In-negozji kollha se jiffrankaw il-ħin u l-flus bis-saħħa tat-tnaqqis fl-ispejjeż marbuta mal-esportazzjoni għal kull unità, pereżempju billi se jiġu evitati l-irdoppjar tar-rekwiżiti tal-ittestjar, id-dewmien fil-proċeduri doganali u t-tariffi legali għaljin.
Il-Ftehim mal-Kanada se joħloq opportunitajiet ġodda għall-bdiewa u għall-produtturi tal-ikel tal-UE. L-UE fetħet is-suq tagħha b’mod limitat u meqjus għal ċerti prodotti. Iż-żieda fl-aċċess tal-Kanada għas-suq tal-UE hija bbilanċjata mill-ftuħ tas-suq tal-Kanada stess f’oqsma li fihom il-produtturi fl-Unjoni Ewropea ħerqana li jżidu l-esportazzjonijiet, bħal pereżempju l-ġobon, l-inbid u l-ispirti, il-frott u l-ħxejjex, u l-prodotti pproċessati. Il-Ftehim Kummerċjali jipproteġi wkoll 143 prodott tal-ikel u tax-xorb reġjonali u distint tal-UE (magħrufa bħala indikazzjonijiet ġeografiċi) fis-suq Kanadiż sabiex l-imitazzjonijiet tal-merkanzija ma jkunux jistgħu jinbiegħu bl-istess isem. Il-Ftehim jissalvagwardja l-proprjetà intellettwali, u jwassal biex ir-regoli tal-Kanada jikkonformaw mal-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u dwar il-ġestjoni tad-drittijiet diġitali.
Il-500 miljun konsumatur tal-UE se jgawdu wkoll mill-Ftehim, peress li dawk il-prodotti u s-servizzi biss li jirrispettaw għalkollox ir-Regolamenti kollha tal-UE se jkunu jistgħu jidħlu fis-suq. Dan ifisser li l-Ftehim mhuwiex se jbiddel il-mod kif l-UE tirregola s-sikurezza tal-ikel, u dan jinkludi r-regoli dwar il-prodotti li fihom organiżmi ġenetikament modifikati u l-projbizzjoni fuq iċ-ċanga ttrattata bl-ormoni.
Il-Ftehim se jipprovdi wkoll iktar ċertezza legali fl-ekonomija tas-servizzi, mobbiltà aħjar għall-impjegati tal-kumpaniji, u qafas għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fi professjonijiet li jvarjaw minn periti għal operaturi tal-krejnijiet.
Proċess ta’ negozjar trasparenti u inklużiv
It-trasparenza u l-involviment mal-pubbliku baqgħu essenzjali fl-2017 biex jiġu żgurati d-demokrazija, il-fiduċja pubblika u r-responsabbiltà fil-politika kummerċjali. Irid ikun hemm trasparenza u involviment qabel, waqt u wara n-negozjati, u meta l-ftehimiet jiġu implimentati. Fl-2017, l-UE ħadet passi oħra f’dan il-qasam, u b’hekk kellha rwol mexxej fit-trasparenza tal-politika kummerċjali.
F’Settembru, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar it-tnedija ta’ negozjati għal ftehimiet kummerċjali mal-Awstralja u ma’ New Zealand u dwar il-Qorti Multilaterali għall-Investimenti. Ir-rakkomandazzjonijiet intbagħtu awtomatikament lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali kollha fl-Istati Membri fl-istess ħin li ntbagħtu lill-Kunsill. B’hekk se jkun eħfef għall-parlamenti nazzjonali u għall-partijiet ikkonċernati li jgħaddu l-fehmiet tagħhom kmieni kemm jista’ jkun lill-gvernijiet li jirrappreżentawhom fid-diskussjonijiet tal-Kunsill. Il-Kunsill ippubblika d-direttivi tan-negozjati għall-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun.
Il-Kummissjoni kompliet tippubblika rapporti tar-rawnds tan-negozjati, dokumenti ta’ pożizzjoni u proposti għal testi fil-ftehimiet kummerċjali li kienet qed tinnegozja. Ippubblikat ukoll materjal addizzjonali estensiv dwar il-ftehimiet kummerċjali tal-UE mal-Kanada u mal-Ġappun, sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jkunu jafu bihom u jkunu jafu kif jistgħu jgawdu minnhom.
Matul is-sena, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport annwali komprensiv tagħha li jivvaluta l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE. Bis-saħħa tiegħu, istituzzjonijiet oħra tal-UE, il-partijiet ikkonċernati u s-soċjetà ċivili setgħu jwettqu skrutinju fuq kif l-UE kienet qed timplimenta l-ftehimiet. Il-Kummissjoni twettaq ukoll b'mod regolari valutazzjonijiet tal-impatt, valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà, u evalwazzjonijiet dwar in-negozjati kummerċjali u l-ftehimiet sussegwenti tagħha. Dawn jinkludu konsultazzjonijiet approfonditi mal-partijiet ikkonċernati u laqgħat regolari ma’ gruppi tas-soċjetà ċivili matul il-proċess kollu.
TRASPARENZA FIN-NEGOZJATI KUMMERĊJALI
F’Diċembru, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehimiet Kummerċjali tal-UE, li huwa korp konsultattiv li jinkludi t-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, il-gruppi tal-konsumatur u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra. Dan jipprovdi perspettivi u għarfien differenti dwar il-kummerċ lill-Kummissjoni.
Negozjati kummerċjali oħra
Matul is-sena, issoktat il-ħidma biex jinfetħu swieq ġodda għall-esportazzjonijiet mill-UE billi jiżdied l-għadd ta’ sħab (bħalissa 91) li għandha ftehimiet kummerċjali magħhom. L-UE nediet negozjati kummerċjali ġodda u għamlet progress ġmielu fit-taħditiet li għadhom għaddejjin. Peress li n-negozjati għal Ftehim Trans-Atlantiku ta’ Kummerċ u ta’ Investiment mal-Istati Uniti waqfu ħesrem, l-enfasi kummerċjali tal-UE mal-Istati Uniti kienet fuq l-identifikazzjoni ta’ oqsma li fihom għandhom jikkooperaw iktar mill-qrib biex flimkien jindirizzaw aħjar l-isfidi globali. Sadanittant, iż-żewġ naħat iffirmaw ftehim bilaterali dwar l-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, li se jagħti spinta lill-protezzjoni tal-konsumatur u se jnaqqas l-ispejjeż u l-burokrazija għall-assiguraturi u għar-riassiguraturi tal-UE li huma attivi fl-Istati Uniti.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis jattendi l-Forum UE-Asja-Paċifiku, Hong Kong, l-1 ta’ Diċembru 2017.
Il-viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant
Fil-viċinat tan-Nofsinhar, l-UE ffokat fuq in-negozjati għal Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva mat-Tuneżija, u b’hekk wittiet it-triq għal progress mat-Tramuntana tal-Afrika. F’Ġunju, il-Kummissjoni u ċ-Ċentru Internazzjonali għall-Kummerċ f’Ġinevra varaw il-Helpdesk Kummerċjali Ewro-Mediterranju. Il-Helpdesk għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u disa’ sħab tal-Mediterran, kif ukoll bejn il-pajjiżi tal-Mediterran stess, billi jipprovdi lin-negozji b’informazzjoni essenzjali dwar is-swieq, it-tariffi u r-rekwiżiti għall-importazzjoni.
Fil-viċinat tal-Lvant, l-UE kkonċentrat litimplimenta l-ftehimiet tagħha għal Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna.
L-Amerka Latina
L-UE ssoktat in-negozjati li nediet fl-2016 biex jiġi mmodernizzat il-ftehim kummerċjali li ffirmat mal-Messiku fis-sena 2000. Kien hemm ħames rawnds ta’ negozjati u sar progress ġmielu. Il-ftehim il-ġdid se jissimplifika l-piżijiet amministrattivi, se jnaqqas il-burokrazija, se jagħti spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività, se jwessa’ l-għażla tal-konsumatur u se joħloq impjiegi għaż-żewġ naħat, filwaqt li se jappoġġa l-iżvilupp sostenibbli. B’konformità mal-aġenda kummerċjali progressiva tal-UE, il-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi kontra l-korruzzjoni.
Fl-2017 issoktaw it-taħditiet kummerċjali mal-erba’ membri fundaturi tal-blokk kummerċjali Mercosur (l-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj). L-għan tat-taħditiet huwa li ż-żewġ swieq reġjonali jintegraw, jitnaqqsu t-tariffi, jiżdiedu ferm l-opportunitajiet ta’ negozju fil-Mercosur, titwessa’ l-għażla tal-konsumatur, jiġu ssimplifikati l-piżijiet amministrattivi, titnaqqas il-burokrazija, tingħata spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi għaż-żewġ naħat.
F’Novembru, l-UE nediet negozjati maċ-Ċilì biex taġġorna l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u ċ-Ċilì. Bħala parti mill-immodernizzar tal-ftehim eżistenti l-UE se tipproponi li jiġu inklużi dispożizzjonijiet pilota dwar is-sessi.
Il-Kummissarju Cecilia Malmström tilqa’ lil Aloysio Nunes Ferreira, il-Ministru Brażiljan tal-Affarijiet Barranin, Brussell, it-28 ta’ Awwissu 2017.
L-Asja u l-Awstralasja
Issoktaw ukoll in-negozjati dwar il-ftehimiet kummerċjali mal-Indoneżja u mal-Filippini. It-taħditiet għandhom l-għan li jżidu l-kummerċ bejn l-UE u ż-żewġ pajjiżi u li jespandu l-investiment dirett. L-għan aħħari huwa li jintlaħqu ftehimiet li jixbhu lil dawk li ġew iffirmati ma’ Singapore fl-2014 u mal-Vjetnam fl-2015. Matul is-sena, l-UE kellha tliet rawnds ta’ negozjati mal-Indoneżja u żewġ rawnds mal-Filippini.
F’Marzu, l-UE u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja qablu li jieħdu passi ġodda lejn it-tkomplija tat-taħditiet dwar kummerċ ħieles bejn iż-żewġ reġjuni.
L-UE kellha wkoll erba’ rawnds ta’ taħditiet fin-negozjati tagħha għal ftehim ta’ investiment maċ-Ċina, iżda waqqfet temporanjament in-negozjati tagħha għal ftehim ta’ investiment mal-Myanmar/Burma. Il-Kummissjoni pproponiet it-tnedija ta’ taħditiet kummerċjali mal-Awstralja u ma’ New Zealand.
Il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku
Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika tal-UE mal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika beda jiġi implimentat fil-bidu tal-2017. Matul ir-rebbiegħa, bdew ftehimiet simili mal-Kosta tal-Avorju u mal-Ghana. F’Lulju, il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika tal-UE mal-pajjiżi tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika, bħal Madagascar, Mauritius, is-Seychelles u ż-Żimbabwe, kompla jissaħħaħ biż-żieda ta’ Comoros.
KAPITLU 7
Żona ta’ ġustizzja u ta’ drittijiet fundamentali bbażata fuq fiduċja reċiproka
“Beħsiebni nagħmel użu mill-prerogattivi tal-Kummissjoni sabiex insostni, fil-qasam ta’ kompetenza tagħna, il-valuri kondiviżi tagħna, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li nqis kif xieraq id-diversità tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali u kulturali tat-28 Stat Membru.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
© iStockphoto.com/bowie15
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu baqgħet prijorità politika ewlenija fl-aġenda tal-UE għall-2017, u saru passi ta’ ġgant lejn it-twaqqif ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina, li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.
L-UE avvanzat fl-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà billi l-ivvjaġġjar u t-taħriġ għal skopijiet marbutin mat-terroriżmu saru reat kriminali, u adottat pożizzjoni iktar stretta kontra l-iffinanzjar tat-terroriżmu, u t-traffikar tal-armi tan-nar, tad-drogi u tal-bnedmin. Ġew proposti wkoll titjibiet ġodda biex jippermettu lill-Istati Membri jiskambjaw id-dejta dwar il-kriminali b’mod aktar effiċjenti.
Kompliet il-ħidma fuq l-implimentazzjoni ta’ regoli ġodda li jipproteġu d-dejta personali taċ-ċittadini tal-UE, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha. Dawk ir-regoli se jidħlu fis-seħħ fl-2018. B’mod parallel ma’ dan, l-UE kompliet tippromwovi standards tal-protezzjoni tad-dejta fix-xena internazzjonali, speċifikament mal-Ġappun, mal-Korea t’Isfel u mal-Istati Uniti. L-ewwel rieżami annwali tal-qafas tat-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jipprovdi protezzjoni iktar qawwija għall-flussi tad-dejta transatlantiċi u kien stadju importanti għall-kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta.
Għadd ta’ kumpaniji prominenti tal-internet wieġbu għall-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali onlajn, u bdew jieħdu azzjoni iktar rapida u iktar qawwija kontra l-kontenut illegali li jidher fil-paġni tagħhom.
Għoxrin Stat Membru ftiehmu biex joħolqu l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, li se jintensifika l-ġlieda kontra reati li jolqtu ħażin il-baġit tal-UE.
L-UE ħadet azzjoni wkoll favur l-ugwaljanza bejn is-sessi fuq il-post tax-xogħol, u ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika.
Naffaċċjaw it-terroriżmu u l-kriminalità fl-Ewropa
Regoli ġodda kontra t-terroriżmu u l-ħasil tal-flus
B’segwitu għall-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà, il-Kummissjoni Ewropea kompliet taħdem favur il-ħolqien ta’ Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. Fl-2017, l-UE ħadet azzjoni biex tipprevjeni l-attakki mit-terroristi, biex tħaffef il-qsim tal-informazzjoni fost l-Istati Membri, u biex tipproteġi ċ-ċittadini tagħha fuq l-internet.
F’Marzu ġiet adottata liġi ġdida li permezz tagħha l-ivvjaġġar u t-taħriġ għal skopijiet terroristiċi saru reat kriminali. Il-liġi ssaħħaħ ukoll id-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu, u tiżgura li jirċievu assistenza speċjalizzata minnufih wara li jseħħ attakk u għaż-żmien kollu li jkun meħtieġ.
Imxew ’il quddiem sew id-diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar regoli tal-UE aktar b’saħħithom biex jikkriminalizzaw il-ħasil tal-flus, biex jissikkaw il-kontrolli fuq il-flussi tal-flus, u biex l-assi tal-kriminali jiġu ffriżati u kkonfiskati.
F’Diċembru l-Parlament u l-Kunsill laħqu qbil politiku dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi emendata r-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus. L-emenda se żżid ferm it-trasparenza tas-sjieda benefiċjarja tal-entitajiet ġuridiċi u l-entitajiet fiduċjarji, u se tipprojbixxi l-anonimità għal diversi prodotti finanzjarji. Dawn l-azzjonijiet se jipprovdu għodod mill-iktar siewja fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Wara rapport f’Ġunju dwar l-effetti fuq is-Suq Uniku tal-ħasil tal-flus u tal-iffinanzjar tat-terroriżmu marbutin ma’ attivitajiet transfruntiera, saru rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet superviżorji Ewropej.
Il-Kummissarju Julian King iżur il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija Federali tal-Belġju, fejn jattendi għal diversi eżerċizzji tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, Brussell, l-10 ta’ Frar 2017.
Il-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq l-internet
F’Lulju waqt is-Summit tal-G20 f’Hamburg, il-Ġermanja, Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, kien fost il-mexxejja li pproponew u ftiehmu dwar Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li kien jinkludi l-ġlieda kontra l-użu tal-internet għal skopijiet terroristiċi. Mindu tnieda l-Forum tal-UE dwar l-Internet fl-2015, saru passi konkreti biex jitwaqqaf l-abbuż tal-internet mill-gruppi terroristiċi internazzjonali. Madwar 86 % tal-kontenut li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi rreferiet lill-kumpaniji tal-internet tneħħa. F’Lulju l-Forum fassal il-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu stess biex jiġġieled il-kontenut terroristiku fuq l-internet. Dan il-Pjan jappella għal progress immedjat f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, u jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rappurtar regolari biex ikejjel u jivvaluta r-riżultati.
F’Diċembru, bħala parti mill-Programm ta’ Għoti tas-Setgħa lis-Soċjetà Ċivili tagħha, il-Kummissjoni kompliet tappoġġa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jxerrdu narrattivi alternattivi pożittivi fuq l-internet, kontra l-messaġġi li jaslu mingħand estremisti vjolenti u terroristi. Il-Programm ingħata finanzjament ta’ €6 miljun.
Il-ġlieda kontra d-drogi illeċiti
Fl-2017 ġew adottati Regolament ġdid dwar sistema ta’ twissija bikrija u proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskji għal sustanzi psikoattivi ġodda, u Direttiva biex tinkludi sustanzi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga”. Wara dan, f’Diċembru l-Kummissjoni pproponiet li jiġu pprojbiti seba’ sustanzi psikoattivi ġodda mal-Unjoni Ewropea kollha, flimkien ma’ disgħa oħra li kienu ġew ipprojbiti aktar kmieni fis-sena.
It-traffikar tal-bnedmin
F’Diċembru l-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni biex tindirizza t-traffikar tal-bnedmin, u ntrabtet b’sett ġdid ta’ prijoritajiet li għandhom jiġu implimentati fiż-żmien li ġej. Il-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni jidentifikaw l-oqsma ewlenin li jeħtieġu azzjoni immedjata min-naħa tal-UE u tal-Istati Membri bil-għan li jfixklu l-modus operandi tat-traffikanti, li jsaħħu d-drittijiet tal-vittmi, u li jkattru l-isforzi interni u esterni tal-UE biex tipprovdi rispons koordinat u konsistenti.
Il-ġustizzja kriminali u ċivili
Nintensifikaw il-ġlieda kontra r-reati li jolqtu ħażin il-baġit tal-UE
F’Lulju l-UE għamlet qabża kbira f’dak li jirrigwarda r-reati li jolqtu ħażin il-baġit tal-UE, billi l-Parlament u l-Kunsill adottaw Direttiva għall-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u reati oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż każijiet transfruntiera serji ta’ frodi tal-VAT. Huwa stmat li l-frodi tal-VAT li tirriżulta mill-kummerċ fl-UE tammonta għal €50 biljun fis-sena.
F’Novembru sar pass kbir ’il quddiem bil-ftehim bejn 20 Stat Membru biex jitwaqqaf Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, bil-għan li jinvestiga, iħarrek u jressaq quddiem il-ġustizzja lil min iwettaq reati kriminali li jolqtu ħażin l-interessi finanzjarji tal-UE. Huwa mistenni li l-Uffiċċju jkun operattiv qabel tmiem l-2020.
Skambju aktar effettiv tar-rekords kriminali
Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali, li nħolqot fl-2012, tippermetti l-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni dwar ir-rekords kriminali tal-persuni misjuba ħatja ta’ reati fl-Istati Membri tal-UE. F’Ġunju ġie ppubblikat l-ewwel rapport dwar l-użu tas-sistema min-naħa tal-Istati Membri. In-negozjati dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju tar-rekords kriminali taċ-ċittadini mhux tal-UE komplew mixjin ’il quddiem matul l-2017.
Il-protezzjoni tat-tfal meta jinfirdu ġenituri minn pajjiżi differenti
F’Lulju l-Kummissjoni pproponiet li l-UE tawtorizza lil xi Stati Membri jaċċettaw l-adeżjoni ta’ 10 pajjiżi mhux tal-UE fil-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minorenni, biex tgħin fl-estensjoni tal-protezzjoni internazzjonali kontra l-ħtif tal-minorenni.
Għajnuna lin-negozji fl-UE
Is-Sistema ġdida ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali, li ġiet varata f’Ġunju, toffri aċċess eħfef u aktar rapidu għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji fl-UE. Din għandha tiffaċilita l-kummerċ transfruntiera, u tgħin biex tiżdied il-fiduċja fis-Suq Uniku.
Il-kumpaniji li jinsabu f’diffikultà jibbenefikaw minn regoli aħjar dwar l-insolvenza, bis-saħħa ta’ liġi ġdida li tiffaċilita l-proċedimenti transfruntiera, u li daħlet fis-seħħ fl-2017. Imxew ’il quddiem ukoll in-negozjati dwar ir-regoli proposti għall-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza, bil-għan li jinħolqu sistemi ta’ ristrutturar u li l-imprendituri jingħataw it-tieni opportunità.
Intejbu l-governanza korporattiva
F’Mejju ssaħħet il-liġi dwar id-drittijiet tal-azzjonisti, b’dispożizzjonijiet ġodda biex itejbu l-governanza korporattiva, biex jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti, u biex issir enfasi aktar fit-tul fuq l-investiment. Ġie adottat ukoll l-emendar tar-regoli eżistenti dwar il-governanza korporattiva u r-remunerazzjoni għall-impriżi ta’ investiment.
Id-drittijiet fundamentali u s-sistemi ġudizzjarji
Insostnu s-saltna tad-dritt
Il-Kummissjoni kompliet bl-isforzi tagħha biex tippromwovi u ssostni r-rispett tas-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea, u kompliet tħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom. Dawn is-sistemi huma essenzjali biex tintrifed is-saltna tad-dritt, għall-applikazzjoni ugwali tal-liġi tal-UE, u għal ambjent li jiffavorixxi n-negozju u l-investiment. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2017 turi li sar aktar progress, filwaqt li għad fadal xi sfidi għal ċerti Stati Membri.
Matul is-sena, il-Kummissjoni kompliet bid-djalogu tagħha mal-Polonja fil-Qafas tas-Saltna tad-Dritt. F’Lulju, il-Kummissjoni bagħtet it-tielet Rakkomandazzjoni dwar is-Saltna tad-Dritt lill-gvern tal-Polonja, li fiha tispjega t-tħassib tagħha dwar ir-riforma ppjanata tal-ġudikatura u dwar ir-riformi fit-Tribunal Kostituzzjonali. F’Diċembru l-Kummissjoni kkonkludiet li hemm riskju ċar ta’ ksur serju tas-saltna tad-dritt fil-Polonja, u pproponiet li l-Kunsill jadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 7(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-proposta kienet akkumpanjata mir-raba’ Rakkomandazzjoni dwar is-Saltna tad-Dritt, li tispjega biċ-ċar il-passi li l-awtoritajiet Pollakki jistgħu jieħdu biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni attwali. Barra minn hekk, l-Kummissjoni ressqet lill-Polonja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba ksur tal-liġi tal-UE mil-Liġi Pollakka dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.
Koen Lenaerts, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-ringiela ta’ quddiem, ir-raba’ mil-lemin), mal-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Lussemburgu, Frar 2017.
Iktar protezzjoni tad-dejta personali
Baqgħet għaddejja l-ħidma mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex iħejju għal regoli ġodda dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, li se jidħlu fis-seħħ f’Mejju 2018. Ir-regoli l-ġodda se jagħtu lin-nies aktar kontroll fuq id-dejta personali tagħhom, u se jissimplifikaw il-proċeduri għan-negozji. Il-bidliet huma maħsubin biex jiżguraw li l-informazzjoni personali tal-persuni individwali fl-UE tiġi protetta irrispettivament minn fejn tintbagħat, tiġi pproċessata jew tinħażen, anki barra mill-UE.
F’Jannar il-Kummissjoni fasslet strateġija għall-promozzjoni ta’ standards internazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta personali, filwaqt li jiġu ffaċilitati l-flussi tad-dejta kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għall-skopijiet tal-infurzar tal-liġi. Il-konstatazzjonijiet tal-adegwatezza, li jirrikjedu l-eżistenza f’pajjiż mhux tal-UE ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta li jistgħu jitqabblu ma’ dawk fl-UE, huma wieħed mill-elementi ewlenin ta’ din l-istrateġija.
Giovanni Buttarelli, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta, jiddiskuti f’panel dwar il-liġi tat-teknoloġiji l-ġodda, l-Università ta’ Milano-Bicocca, l-Italja, il-15 ta’ Mejju 2017.
L-UE qiegħda tistħarreġ il-possibbiltà li tidħol fi djalogi dwar konstatazzjonijiet tal-adegwatezza ma’ sħab kummerċjali rilevanti, kif ukoll ma’ pajjiżi li jaqdu rwol ta’ tmexxija fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta fir-reġjun tagħhom. Iż-żoni ewlenin fil-mira huma l-Lvant tal-Asja, ix-Xlokk tal-Asja, l-Amerka Latina u l-viċinat Ewropew. Fl-2017 bdew djalogi mal-Ġappun u mal-Korea t’Isfel.
L-ewwel rieżami annwali tat-Tarka tal-Privatezza UE-Stati Uniti, li ilha fis-seħħ minn Lulju 2016, sar f’Settembru 2017. Abbażi tar-rieżami, u kif intqal fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni sabet li t-Tarka tal-Privatezza għadha tipprovdi livell xieraq ta’ protezzjoni, iżda qieset ukoll li għad hemm lok għal titjib, u għaldaqstant għamlet għadd ta’ rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, fi Frar daħal fis-seħħ il-Ftehim Komprensiv UE-Stati Uniti, li jiżgura standards tal-protezzjoni tad-dejta għat-trasferimenti tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi.
Il-ħarsien tad-drittijiet u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
Niġġieldu r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda onlajn u offlajn
Kważi sentejn wara l-adozzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali onlajn, il-kumpaniji tal-internet qed jirrispondu iktar malajr u b’aktar effiċjenza għall-kontenut illegali, b’konformità mal-liġi tal-UE.
Matul l-2017, il-Kummissjoni kkomunikat mill-qrib mal-komunitajiet Lhud u Musulmani fl-UE, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet oħra li jiġġieldu r-razziżmu, id-diskriminazzjoni u kull forma ta’ intolleranza. Tathom widen għat-tħassib tagħhom, u kkondividiet informazzjoni dwar l-azzjonijiet tal-UE.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tat finanzjament immirat tal-UE u gwida operazzjonali għall-appoġġ lill-vittmi u għat-taħriġ tal-pulizija u tal-imħallfin biex jikxfu r-reati ta’ mibegħda, fil-qafas tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Ġlieda kontra r-Razziżmu. Fis-6 ta’ Diċembru, l-awtoritajiet nazzjonali ftiehmu dwar prinċipji ewlenin għar-reġistrazzjoni tad-dejta dwar ir-reati ta’ mibegħda. Dawk il-prinċipji tfasslu b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.
L-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans waqt Djalogu taċ-Ċittadini fil-Libanon Lyceum f’Rotterdam, in-Netherlands, is-27 ta’ Ġunju 2017.
Ir-Rapport tal-2016 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE ġie ppubblikat f’Mejju 2017. F’Ottubru l-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet tiegħu dwar ir-rapport, u fihom saħaq li l-protezzjoni ta’ għadd ta’ drittijiet ġiet imsaħħa fis-sena ta’ qabel permezz tal-adozzjoni ta’ sett ta’ strumenti legali. Id-drittijiet imsemmija jinkludu l-preżunzjoni tal-innoċenza, id-dritt ta’ preżenza waqt proċess, l-għajnuna legali u s-salvagwardji proċedurali għat-tfal. Ma’ dawn se jiżdied sett komprensiv ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, li se japplika mal-UE kollha mill-25 ta’ Mejju 2018 ’il quddiem, u se jgħin liċ-ċittadini jiksbu lura l-kontroll tad-dejta tagħhom.
Fis-7 ta’ Diċembru, biex tiżgura r-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni ressqet lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba l-liġi tagħha dwar l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ffinanzjati minn entitajiet barranin, kif ukoll minħabba l-Liġi dwar l-Edukazzjoni Għolja tagħha.
Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
Fl-2017 l-UE kompliet tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni billi implimentat lista ta’ azzjonijiet biex iġibu ’l quddiem l-ugwaljanza fost il-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transsesswali u intersesswali. Fost il-kisbiet ewlenin kien hemm il-kampanja We All Share the Same Dreams u l-adozzjoni ta’ Karta tad-Diversità u tal-Inklużjoni għall-persunal tal-Kummissjoni.
Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom ivvaluta l-progress li sar mill-Istati Membri fit-titjib tal-ħajja tal-akbar minoranza etnika tal-Ewropa. Ir-rieżami juri kif il-qagħda tal-poplu Rom tjiebet bil-mod mill-2011 ’l hawn, iżda jisħaq ukoll li sa 80 % tal-popolazzjoni Rom għadha f’riskju ta’ faqar.
Il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa
Fl-2017 l-UE ħadet azzjoni biex tqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet fl-Istati Membri kollha. Il-kampanja NON.NO.NEIN. iffinanzjata mill-UE tħeġġeġ lil kulħadd — irġiel u nisa — biex jieħdu pożizzjoni kontra l-vjolenza sessista.
IL-VJOLENZA DOMESTIKA FL-UE

F’Ġunju l-UE ffirmat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Dan it-trattat internazzjonali huwa l-ewwel ftehim Ewropew li jistabbilixxi standards legalment vinkolanti għall-prevenzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, għall-protezzjoni tal-vittmi u għall-kundanna tal-awturi tal-vjolenza.
Niżguraw id-drittijiet tal-persuni b’diżabbilità
Matul is-sena, rapport dwar il-qagħda attwali tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabbiltà mill-2010 ’l quddiem wera li sar progress tanġibbli f’kull wieħed mit-tmien oqsma ta’ prijorità (l-aċċessibbiltà, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-azzjoni esterna).
Fost il-kisbiet, il-Kummissjoni ressqet proposta għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà. Din hija Direttiva favorevoli għan-negozju, li ttejjeb l-aċċessibbiltà ta’ ċerti prodotti u servizzi ta’ kuljum, fosthom il-mowbajls, il-kompjuters, il-kotba elettroniċi, il-kummerċ elettroniku u s-servizzi bankarji. Fl-2017 il-Parlament adotta r-rapport tiegħu dwar il-proposta, u l-Kunsill adotta l-approċċ ġenerali tiegħu.
Biex tgħin lill-persuni b’diżabbiltà jivvjaġġaw aktar faċilment fl-Unjoni Ewropea, l-UE qiegħda timplimenta l-Karta tad-Diżabbiltà tal-UE bħala proġett pilota fi tmien Stati Membri (il-Belġju, l-Estonja, l-Italja, Ċipru, Malta, ir-Rumanija, is-Slovenja u l-Finlandja). F’dawn l-Istati Membri, il-Karta se tagħti lill-persuni b’diżabbiltà aċċess ugwali għal ċerti benefiċċji speċifiċi fl-ambiti tal-kultura, tal-intratteniment, tal-isport u tat-trasport. L-ewwel kards saru disponibbli fl-2017.
Waqt avveniment ta’ tnedija fid-19 ta’ Ottubru 2017 fi Brussell, il-Belġju kien l-ewwel pajjiż li nieda l-Karta tad-Diżabbiltà tal-UE. Stati Membri oħra se jagħmlu l-istess ħaġa.
Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea
Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2017 jippreżenta azzjonijiet biex jiżguraw li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom fix-xogħol, fl-ivvjaġġar, fl-istudju jew fil-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet.
Il-protezzjoni tal-konsumatur
Is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Prodotti mhux tal-Ikel Perikolużi tal-UE, li tippermetti l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri u pajjiżi oħra li huma parti mis-Sistema, kompliet tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi. Matul is-sena, 2,201 notifika u 3,952 reazzjoni fuq prodotti perikolużi ġew iċċirkolati lill-31 awtorità nazzjonali li jipparteċipaw fis-sistema.
B’mod simili, is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf tippermetti lill-Istati Membri u lil pajjiżi oħra jiskambjaw informazzjoni u jirrispondu kollettivament għal theddid marbut mas-sikurezza tal-ikel fi kwalunkwe ħin. Ir-Rapport Annwali tal-2016, li ġie ppubblikat f’Marzu 2017, wera s-suċċess tal-approċċ integrat tal-UE għas-sikurezza tal-ikel. Dan is-suċċess se jibqa’ jisseddaq abbażi tat-tagħlimiet meħuda mill-inċident ta’ kontaminazzjoni bil-fipronil li seħħ matul is-sajf. Waqt Konferenza Ministerjali organizzata mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Settembru 2017, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ftiehmu fuq għadd ta’ miżuri konkreti biex isaħħu l-azzjoni tal-UE kontra l-frodi tal-ikel u l-attivitajiet illegali li jolqtu ħażin is-sikurezza tal-katina tal-ikel.
L-UE qiegħda tieħu azzjoni biex tindirizza l-kwistjoni tad-differenzi fil-kwalità tal-prodotti tal-ikel fl-UE. F’Settembru l-Kummissjoni ħarġet linji gwida biex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali jindirizzaw aħjar il-prattiki inġusti.
Il-Kummissarju Vĕra Jourová żżur wirja ta’ prodotti potenzjalment perikolużi wara l-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali tal-2016 dwar is-Sistema ta’ Twissija Bikrija, Brussell, is-16 ta’ Marzu 2017.
NINDIRIZZAW ID-DIFFERENZI FIL-KWALITÀ TAL-ISTESS PRODOTT

Il-Kummissjoni qiegħdet €1 miljun għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri sabiex jiffinanzjaw studji u azzjonijiet ta’ infurzar, u €1 miljun oħra għaċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka sabiex jiżviluppa u jimplimenta approċċ ta’ ttestjar armonizzat. B’mod parallel ma’ dan, il-Kummissjoni tinsab impenjata fi djalogu kostruttiv mal-industrija u mal-partijiet kkonċernati ewlenin kollha. Il-prodotturi u l-assoċjazzjonijiet tal-marki ntrabtu wkoll li jiżviluppaw kodiċi ta’ kondotta.
Bħala parti minn sforzi kontinwi fl-2017 biex jiddefendu l-interessi tal-konsumaturi fil-kuntest tal-iskandlu tal-emissjonijiet ta’ Volkswagen, l-awtoritajiet tal-konsumaturi tal-UE u l-Kummissjoni flimkien insistew ma’ Volkswagen li ssewwi malajr il-karozzi kollha milquta u li tapplika miżuri addizzjonali ta’ trawwim ta’ fiduċja.
Il-Kummissarju Vytenis Andriukaitis waqt żjara f’fabbrika tal-produzzjoni taz-zliezet, Zagreb, il-Kroazja, it-2 ta’ Frar 2017.
F’Marzu l-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni li jfassal metodi biex jipprovdu lill-konsumaturi b’għażla usa’ u aċċess aħjar għas-servizzi finanzjarji mal-UE kollha. Il-Kummissjoni qiegħda taħdem ukoll biex temenda r-Regolament dwar il-pagamenti transfruntiera, sabiex tnaqqas it-tariffi fuq il-pagamenti mhux bl-ewro; biex tiżviluppa prinċipji għall-kwalità tas-siti ta’ paragun għall-prodotti finanzjarji; u biex tlesti l-ħidma fuq l-ipprezzar trasparenti tal-kiri tal-vetturi.
It-talbiet iż-żgħar huma importanti wkoll
Matul is-sena daħlu fis-seħħ regoli rriveduti biex il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar issir orħos, eħfef u iktar rapida. Issa r-regoli jkopru talbiet sa €5,000 (imqabbel mal-€2,000 ta’ qabel), u l-proċess jagħmluh aktar faċli.
Il-protezzjoni tal-konsumatur fuq l-internet
L-importanza dejjem tiżdied tal-kummerċ elettroniku, u l-multiplikazzjoni tal-ħwienet u s-servizzi onlajn, ħolqu sfidi ġodda għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur. F’Diċembru ġie adottat Regolament ġdid biex jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw aktar setgħat biex jiġġieldu kontra l-prattiki illegali onlajn li qegħdin jinfirxu sew mas-Suq Uniku kollu. Ir-Regolament idaħħal proċedura ta’ koordinazzjoni mal-UE kollha biex tindirizza tali prattiki minn kummerċjanti multinazzjonali b’mod effiċjenti u konsistenti. Se jidħol fis-seħħ fis-17 ta’ Jannar 2020.
Baqgħu mixjin ’il quddiem in-negozjati dwar żewġ proposti importanti dwar ir-regoli kuntrattwali: waħda dwar il-provvista tal-kontenut diġitali, u l-oħra dwar il-bejgħ tal-merkanzija fuq l-internet. F’Ottubru l-Kummissjoni ressqet proposta emendata biex tiżgura approċċ konsistenti għall-bejgħ tal-merkanzija onlajn u offlajn. Wessgħet l-ambitu tat-tieni inizjattiva biex apparti l-bejgħ tal-merkanzija onlajn tkopri kull tip ta’ bejgħ. Iż-żewġ proposti se jipproteġu lill-konsumaturi li jixtru merkanzija jew kontenut diġitali.
Kontroll tal-idoneità tal-liġijiet tal-konsumatur
Kontroll tal-idoneità tal-liġijiet tal-UE dwar il-konsumaturi li sar f’Mejju wera li, filwaqt li n-nies fl-UE jgawdu minn drittijiet b’saħħithom, għad hemm lok għal titjib tal-protezzjoni tal-konsumatur fis-Suq Uniku. Dan jista’ jsir, b’mod partikulari, billi jiżdied l-għarfien dwar id-drittijiet li diġà jeżistu, u billi jiġi żgurat l-infurzar effettiv tagħhom.
rescEU
Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ġie mmobilizzat kemm-il darba, u ta assistenza lill-Italja, lir-Renju Unit, lil Ċipru u lill-Portugall, li ħabbtu wiċċhom ma’ diżastri naturali fl-2015, fl-2016 u fl-2017.
Inġenju tal-ajru Franċiż tat-tifi tan-nar fi triqtu biex iwassal l-għajnuna fil-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti fl-Italja — xhieda tas-solidarjetà fl-UE.
Fl-2017 biss, aktar minn 200 ruħ tilfu ħajjithom minħabba diżastri naturali fl-UE, u nqerdu aktar minn miljun ettaru ta’ foresti. Bi tweġiba għad-diżastri naturali aktar frekwenti li laqtu lill-Istati Membri fl-aħħar ftit snin, f’Novembru l-Kummissjoni pproponiet li jissaħħaħ il-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili tal-UE permezz ta’ rescEU, sistema ġdida maħsuba biex iżżid il-kapaċitajiet ġenerali ta’ rispons għad-diżastri naturali.
Din se toħloq riżerva ta’ kapaċità proprja tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li se tħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-assistenza fil-qafas ta’ Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili. Għandha l-għan ukoll li ssaħħaħ l-investiment fil-prevenzjoni u fil-preparatezza. Il-proposta tikseb bilanċ prudenti bejn is-solidarjetà fl-UE u r-responsabbiltà tal-Istati Membri, u tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-għan ta’ “Ewropa li tipproteġi”.
KAPITLU 8
Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni
“L-avvenimenti terribbli riċenti fil-Mediterran urewna li l-Ewropa teħtieġ li timmaniġġa l-migrazzjoni aħjar, fl-aspetti kollha tagħha. Dan huwa l-ewwel nett imperattiv umanitarju. Ninsab konvint li rridu naħdmu flimkien mill-qrib fi spirtu ta’ solidarjetà.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
© iStockphoto.com/Joel Carillet
F’dawn l-aħħar snin, l-Ewropa esperjenzat influss bla preċedenti ta’ applikanti għall-ażil u ta’ migranti oħra. Madwar 3 miljun persuna applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea mill-bidu tal-kriżi ’l hawn, u ħafna minnhom kienu qed jaħarbu l-gwerra u t-terrur fis-Sirja u f’pajjiżi oħra. L-UE hija l-ewwel rispondent. Fl-2016 biss, l-Istati Membri tal-UE taw l-ażil u r-risistemazzjoni lil iżjed minn 720,000 refuġjat — tliet darbiet iktar mill-Awstralja, mill-Kanada u mill-Istati Uniti flimkien.
Fl-2016 iddaħħlu ħafna miżuri ġodda tal-UE biex isibu tarf din l-isfida b’mod komprensiv, u dawn ġew intensifikati iktar fl-2017. Fosthom kien hemm l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ u iktar ħajjiet salvati fuq il-baħar; is-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-approċċ tal-“hotspots”; u l-istabbiliment tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Żdiedu l-isforzi għar-rilokazzjoni u għar-risistemazzjoni ta’ persuni li kienu jeħtieġu l-protezzjoni. Tpoġġiet enfasi ikbar ukoll fuq l-iżvilupp ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil li tkun iktar ġusta, fuq it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-minorenni mhux akkumpanjati u fuq l-iżvilupp ta’ miżuri ġodda fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-persuni.
Tfaċċaw opportunitajiet biex jinħolqu kanali ġodda għall-migrazzjoni legali, u ttieħdet azzjoni biex titrawwem l-integrazzjoni tar-refuġjati u ta’ migranti oħra fis-suq tax-xogħol. Permezz tal-Fond għall-Ażil, għall-Migrazzjoni u għall-Integrazzjoni u l-Fond għas-Sigurtà Interna, l-UE żiedet ukoll l-appoġġ finanzjarju tagħha għall-iżvilupp ta’ approċċ komuni għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji.
Fl-2017 kien hemm kooperazzjoni iktar b’saħħitha mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu tal-migranti, u l-UE għenithom jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u jiġġieldu kontra l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-persuni. L-UE appoġġat lil dawn il-pajjiżi biex itejbu l-politiki tal-fruntieri u tal-migrazzjoni tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tagħhom. Ħafna proġetti u programmi ġew appoġġati permezz tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika. L-UE żiedet ukoll l-operazzjonijiet tagħha ta’ ritorn.
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea kompliet timplimenta l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, u pproponiet miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi attwali. Il-Kummissjoni ħadmet ukoll biex l-UE jkollha l-għodod għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni fiż-żmien medju u fit-tul, b’mod partikolari fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari, tal-fruntieri, tal-ażil u tal-migrazzjoni legali.
Protezzjoni ta’ dawk li huma fil-bżonn
Mill-2015 ’il hawn, l-awtoritajiet Griegi u Taljani, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u mill-Operazzjoni Sophia, taw il-kontribut tagħhom għas-salvataġġ ta’ iżjed minn 620,000 ruħ fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar Eġew. Bl-għajnuna tal-awtoritajiet Torok u tan-NATO, l-UE qed tisfratta n-netwerks tal-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-persuni fil-Mediterran Ċentrali u fl-Eġew.
Total ta’ 313,050 applikant għall-ażil ingħataw protezzjoni internazzjonali fl-2017.
Matul is-sena, il-Kummissjoni ppreżentat diversi rapporti ta’ progress dwar miżuri li ttieħdu fil-qafas tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni sabiex jiġu stabbilizzati l-flussi migratorji u jkun hemm ġestjoni aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE. Ir-rapporti ffokaw fuq ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija, l-operazzjonijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Qafas ta’ Sħubija dwar il-Migrazzjoni. Dawn urew li sar progress sinifikanti fl-oqsma kollha u stabbilew il-passi li jmiss għal iktar azzjoni.
Barra minn hekk, f’April, il-Kummissjoni stabbiliet azzjonijiet ta’ prijorità biex jiġu protetti t-tfal fil-migrazzjoni, lil hinn mis-salvagwardji addizzjonali proposti fir-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Waħda mill-azzjonijiet ta’ prijorità tinvolvi l-integrazzjoni tat-tfal fil-pajjiż il-ġdid tal-wasla, inkluż billi jingħataw identifikazzjoni xierqa, kundizzjonijiet tajbin ta’ akkoljenza u aċċess għall-edukazzjoni.
Il-Kummissarju Dimitris Avramopoulos f’Lesbos, il-Greċja, biex iżur il-kamp tar-refuġjati ta’ Moria, is-16 ta’ Marzu 2017.
Rilokazzjoni u risistemazzjoni
Issa, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE qed iwettqu rilokazzjonijiet fl-UE biex tittaffa l-pressjoni minn fuq il-Greċja u l-Italja. F’Novembru, il-Kummissjoni ppreżentat l-iktar rapport ta’ progress reċenti tagħha fir-rigward tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. L-għadd ta’ persuni rilokati fl-2017 żdied b’mod sinifikanti meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, li juri li r-rilokazzjoni taħdem meta l-partijiet kollha jżommu mal-impenji tagħhom. Fl-2017 biss, ġew rilokati 22,215-il persuna. Minn Settembru 2015 ’il hawn, b’kollox ġew rilokati 33,140 persuna, li minnhom 21,704 ġew rilokati mill-Greċja u 11,436 mill-Italja — 93 % ta’ dawk kollha li kienu eliġibbli. Għalhekk, l-għan ewlieni tal-iskema ta’ emerġenza li jiġu rilokati l-applikanti eliġibbli kollha mill-Greċja u l-Italja jista’ jintlaħaq. Madankollu, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri kienu attivi, b’wegħdiet u b’rilokazzjonijiet regolari, xi wħud ma pparteċipawx. Fl-2017 il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta’ ksur kontra tliet Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija u l-Polonja) talli ma implimentawx id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-2015 dwar ir-rilokazzjoni, u f’Diċembru l-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil dawn l-Istati Membri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
L-iskemi ta’ risistemazzjoni ilhom fis-seħħ minn Lulju 2015 biex jipprovdu rotta legali u sikura għall-persuni vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Iktar minn 26,000 persuna ġew risistemati f’21 Stat Membru tal-UE, kif ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera. F’Settembru l-Kummissjoni appellat biex fis-sentejn li ġejjin (sal-31 ta’ Ottubru 2019), l-Istati Membri jirrisistemaw minn tal-inqas 50,000 persuna addizzjonali li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, mill-Ġordan, mil-Libanu, mit-Turkija u mill-pajjiżi Afrikani tul ir-rotta migratorja tal-Mediterran Ċentrali. L-għadd totali ta’ wegħdiet li waslu sa tmiem is-sena kien ta’ 39,839.
Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija
Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija kompliet twassal riżultati konkreti, billi żgurat il-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji fil-Lvant tal-Mediterran. L-għadd ta’ persuni li qasmu l-fruntiera baqa’ ta’ madwar 86 persuna kuljum, filwaqt li l-għadd ta’ persuni li tilfu ħajjithom naqas b’mod sostanzjali. Il-wasliet naqsu b’97 % meta mqabbla ma’ qabel bdiet tiġi implimentata d-Dikjarazzjoni. Ir-rata tal-operazzjonijiet ta’ ritorn qiegħda tirranka, b’2,032 migrant ikunu ritornati. Minn dawn, 228 kienu Sirjani.
L-UE u t-Turkija aċċelleraw l-appoġġ finanzjarju fil-qafas tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija. Il-finanzjament ta’ €3 biljun, li daħal fis-seħħ fil-qafas tal-Faċilità, ġie allokat u total ta’ €1.85 biljun tħallas. Fl-2017, kważi 1.2 miljun refuġjat fit-Turkija ġew appoġġati permezz tas-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza, u huwa mistenni li l-għadd ta’ Sirjani appoġġati jiżdied għal 1.3 miljun. L-aspett tar-risistemazzjoni tad-Dikjarazzjoni mexa ‘l quddiem ferm. Sal-aħħar ta’ Diċembru, iktar minn 11,700 Sirjan ġew risistemati mit-Turkija lejn 16-il Stat Membru.
WASLIET FIL-FRUNTIERI TAL-BAĦAR TAL-UE

Ritorn u riammissjoni
F’Marzu, il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-politika tal-UE fir-rigward tar-ritorn, u daħħlet fis-seħħ verżjoni mġedda tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-Ritorn u sett ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar kif il-proċeduri jistgħu jkunu iktar effettivi. F’Settembru, il-Kummissjoni ressqet verżjoni reveduta tal-Manwal dwar ir-Ritorn. L-appoġġ lill-Istati Membri għar-ritorn tal-migranti irregolari kien waħda mill-prijoritajiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u wassal għal riżultati pożittivi. L-operazzjonijiet ta’ ritorn ikkoordinati mill-Aġenzija komplew jirrankaw u laħqu total ta’ 350 operazzjoni fl-2017.
Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-migranti
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti, adottat f’Mejju 2015, kompla jiġi implimentat. Iċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin tal-Migranti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi pprovda appoġġ bażiku f’iżjed minn 2,000 każ minn mindu nħoloq fl-2016, u appoġġa għalkollox lil iżjed minn 90 każ ta’ prijorità għolja. Fl-2017, il-Kummissjoni stabbiliet netwerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali biex tiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika bejn l-Istati Membri u biex jiskambjaw l-informazzjoni u l-aqwa prattiki fir-rigward tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-migranti.
Iktar ħajjiet salvati fuq il-baħar u l-implimentazzjoni tal-approċċ “hotspot”
SKJERAMENTI ATTWALI TAL-GWARDJA EWROPEA TAL-FRUNTIERA U TAL-KOSTA

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta
L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta saret operattiva fl-2017. L-Aġenzija tappoġġa lill-Istati Membri l-iktar esposti b’iktar minn 1,700 gwardja tal-fruntiera u persunal ta’ appoġġ. Ġew stabbiliti wkoll Ġabra ta’ Esperti u Ġabra ta’ Tagħmir tar-Reazzjoni Rapida, li jistgħu jiġu mmobilizzati f’każ ta’ bżonn għal intervent rapidu fil-fruntieri.
Minn mindu twaqqfet ’il hawn, ir-rwol u l-attivitajiet tal-Aġenzija ġew imsaħħa u ġew estiżi b’mod sinifikanti. Issa l-appoġġ lill-Istati Membri għar-ritorn tal-migranti irregolari sar wieħed mill-oqsma ewlenin fil-mira tagħha. L-Aġenzija tagħti kontribut ukoll għad-detezzjoni u għall-prevenzjoni tal-kriminalità transfruntiera, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi li mhumiex tal-UE sar waħda mill-prijoritajiet tagħha. Issa qed issir enfasi fuq kif se jintużaw għalkollox l-istrumenti u l-għodod imsaħħa tagħha.
“Hotspots” u appoġġ għall-Greċja u għall-Italja
L-implimentazzjoni tal-approċċ tal-“hotspots” (il-provvista ta’ appoġġ operattiv u finanzjarju mill-UE u mill-aġenziji rilevanti tal-UE, bħall-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi) kompliet fl-2017, kemm fil-Greċja kif ukoll fl-Italja. Matul is-sena, il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta skjerat iktar minn 1,000 uffiċjal f’dawn iż-żewġ Stati Membri permezz ta’ diversi operazzjonijiet. L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil skjera 153 uffiċjal mistieden biex jappoġġaw lill-awtoritajiet Griegi u Taljani fit-teħid tal-marki tas-swaba’, fir-reġistrazzjoni u fl-iskrinjar ta’ sigurtà, u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol)bagħtet ukoll 24 uffiċjal mistieden.
Bis-saħħa ta’ dawn l-isforzi, tjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-hotspots fil-Greċja. Madankollu, l-Italja baqgħet tħoss il-pressjoni mill-wasliet ta’ migranti fuq ix-xtut tagħha mill-Mediterran Ċentrali fl-ewwel nofs tas-sena, b’livelli komparabbli mas-snin ta’ qabel. Peress li antiċipat din il-possibbiltà, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, ħadet azzjoni malajr biex tindirizza s-sitwazzjoni, u f’Jannar adottat il-Komunikazzjoni Konġunta “Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali — niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet”.
Bħala riżultat ta’ żieda staġjonali qawwija fil-wasliet, f’Lulju l-Kummissjoni ppreżentat Pjan ieħor ta’ Azzjoni biex jingħata Appoġġ lill-Italja, li flimkien mal-Komunikazzjoni ta’ Jannar, kienu ffokati fuq ħames oqsma ewlenin: jiġu salvati l-ħajjiet; jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin u t-traffikar tal-migranti fil-Libja (inkluż permezz ta’ proġett ta’ €46.3 miljun kofinanzjat mill-UE); jiżdied l-involviment mal-pajjiżi ewlenin li mhumiex tal-UE; jissaħħu l-operazzjonijiet ta’ ritorn; u tinbena solidarjetà iktar b’saħħitha fl-UE.
Ġestjoni tal-fruntieri
Schengen
Fil-ħarifa tal-2015, diversi stati taż-żona Schengen iddeċidew li b’mod temporanju jdaħħlu mill-ġdid il-kontrolli f’ċerti fruntieri interni. Wara proposta mill-Kummissjoni, f’Mejju 2016, il-Kunsill irrakkomanda li l-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja, in-Norveġja u l-Iżvezja (li kienu partikolarment affettwati minn ċaqliq sekondarju tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent) jerġgħu jintroduċu b’mod temporanju l-kontrolli f’ċerti sezzjonijiet tal-fruntieri interni tagħhom. B’konformità mar-regoli ta’ Schengen, din ir-rakkomandazzjoni ġiet estiża sussegwentement tliet darbiet, l-aħħar darba f’Mejju 2017.
Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata għalkollox li kollox jerġa’ lura għal żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni mill-iktar fis possibbli. Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tat-12 ta’ Mejju 2017 dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen, il-Kummissjoni appellat biex l-istati taż-żona Schengen jagħtu prijorità lil miżuri oħra għajr l-introduzzjoni mill-ġdid b’mod temporanju tal-kontrolli fil-fruntieri, bħal pereżempju l-verifiki tal-pulizija.
F’Settembru, il-Kummissjoni għamlitha ċara li l-kontrolli fil-fruntieri li kienu qed isiru mill-ħames stati taż-żona Schengen li ssemmew hawn fuq iridu jitneħħew sa nofs Novembru. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni ħarġet tfakkira tar-regoli li jridu jirrispettaw l-istati taż-żona Schengen meta jqisu li jkun ġustifikat u meħtieġ li jerġgħu jdaħħlu b’mod temporanju l-kontrolli fil-fruntieri. Madankollu, sitt stati taż-żona Schengen, madankollu, bagħtu notifiki lill-Kummissjoni li kien beħsiebhom iwettqu l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni abbażi ta’ diversi dispożizzjonijiet fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Sal-aħħar tal-2017 il-Kummissjoni kienet qed tivvaluta dawn in-notifiki. F’Settembru, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jiġi aġġornat biex ir-regoli għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni jiġu adattati għall-ħtiġijiet attwali. Dan bħala rispons għall-evoluzzjoni tat-theddidiet serji u persistenti għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, filwaqt li jinsaħaq li l-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni jridu jibqgħu eċċezzjoni u jkunu limitati fiż-żmien.
Kontroll aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE
F’April, daħlu fis-seħħ regoli ġodda biex jiġi żgurat li kull min isiefer u jaqsam il-fruntieri esterni tal-UE jiġi vverifikat mal-bażijiet tad-dejta rilevanti, bħal pereżempju s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen. Issa, is-sistema fiha 70 miljun twissija u ġiet ikkonsultata 4 biljun darba fl-2016. Dan inaqqas il-possibbiltà li l-persuni li jkunu ta’ theddida għas-sigurtà jaqsmu l-fruntieri mingħajr ma jiġu kkontrollati, inklużi ċ-ċittadini tal-UE li jirritornaw fl-UE.
Fl-2016, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-effettività tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen permezz ta’ titjib li jsaħħaħ il-kapaċità tas-sistema li tassisti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, li ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri, u li tiżgura li jsir skambju effettiv tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Fi Frar 2018, se tiddaħħal ukoll sistema awtomatizzata għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ biex tgħin sabiex jiġu identifikati l-kriminali u t-terroristi li jidħlu fiż-żona Schengen b’identità falza. Il-Kummissjoni pproponiet Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar li tiżgura li l-verifiki tas-sigurtà bil-quddiem ikunu jistgħu jsiru fuq il-persuni kollha li jivvjaġġaw mingħajr viża fiż-żona Schengen. Is-sistema se tgħin biex jiġu identifikati l-persuni li jkunu ta’ riskju għas-sigurtà qabel ma jaslu fil-fruntieri tal-UE, filwaqt li tissalvagwardja l-ivvjaġġar mingħajr viża għall-maġġoranza tal-vjaġġaturi. F’Ġunju, il-Kunsill laħaq qbil fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta. Barra minn hekk, mill-2020 ’il quddiem, sistema ġdida ta’ dħul/ħruġ se timmodernizza wkoll il-ġestjoni tal-fruntieri esterni billi tirreġistra d-dejta personali taċ-ċittadini ta’ pajjiżi li mhumiex tal-UE u l-ħin, id-data u l-post tad-dħul u tal-ħruġ tagħhom.
IS-SISTEMA EWROPEA TA’ INFORMAZZJONI U TA’ AWTORIZZAZZJONI GĦALL-IVVJAĠĠAR

Il-ftuħ ta’ rotot legali ġodda u t-titjib ta’ dawk eżistenti
F’Settembru bdew in-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-proposta għal Karta Blu reveduta, li kieku ttejjeb il-kapaċità tal-UE li tattira u żżomm ħaddiema bi kwalifiki għoljin minn pajjiżi li mhumiex tal-UE.
F’Lulju 2016, il-Kummissjoni pproponiet Qafas ta’ Risistemazzjoni tal-UE bil-għan li tiġi stabbilita politika komuni Ewropea dwar ir-risistemazzjoni sabiex jiġu żgurati rotot legali u sikuri lejn l-Ewropa għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali. Il-Kunsill ippreżenta l-pożizzjoni tiegħu f’Novembru 2017, u n-negozjati mal-Parlament bdew f’Diċembru.
Integrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi li mhumiex tal-UE
Fl-2017, il-Kummissjoni implimentat diversi azzjonijiet inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi. L-ewwel attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku tan-Netwerk Ewropew għall-Integrazzjoni, li għadu kemm ġie stabbilit, seħħew fil-Ġermanja u fl-Iżvezja.
Il-Kummissjoni ħadet ukoll diversi inizjattivi matul is-sena biex timmobilizza lil min iħaddem u lil sħab ekonomiċi u soċjali oħra, b’mod partikolari bit-tnedija tal-inizjattiva L-Impjegaturi Flimkien għall-Integrazzjoni f’Mejju, u wara b’dikjarazzjoni dwar Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni f’Diċembru. L-Għodda onlajn u multilingwi għall-Profili tal-Ħiliet taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, żviluppata u mnedija mill-Kummissjoni bħala parti mill-Aġenda l-Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa, tista’ tintuża għall-identifikazzjoni bikrija u għat-tfassil tal-profili tal-ħiliet u tal-kwalifiki tal-applikanti għall-ażil, tar-refuġjati u ta’ migranti oħra. Dawn l-inizjattivi juru dak li l-Kummissjoni, min iħaddem u sħab soċjali oħra qegħin jagħmlu biex jappoġġaw l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tar-refuġjati u tal-migranti b’residenza legali.
Matul is-sena, il-Programm Ewropew għall-Impjiegi u għall-Innovazzjoni Soċjali u l-Fond Soċjali Ewropew komplew jiffinanzjaw l-azzjonijiet biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tar-refuġjati u tal-familji tagħhom fis-suq tax-xogħol. Is-Semestru Ewropew tal-2017 iffoka wkoll dejjem iktar fuq l-isfidi ta’ integrazzjoni li jesperjenzaw il-migranti u r-refuġjati.
Politika dwar il-viżi
F’Diċembru 2017, iċ-ċittadini Bulgari u Rumeni kollha ngħataw aċċess mingħajr viża fil-Kanada, u b’hekk l-Istati Uniti baqgħu l-uniku pajjiż li mhuwiex fl-UE u li ċ-ċittadini tiegħu jistgħu jivvjaġġaw fl-UE mingħajr viża, li ma jirreċiprokax l-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Kif indikat fl-aħħar rapport dwar ir-reċiproċità tal-viża, f’Diċembru wkoll, il-Kummissjoni qed tkompli t-taħditiet mal-Istati Uniti u mal-ħames Stati Membri kkonċernati minn din il-kwistjoni (il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija).
Fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tal-viża, f’Marzu daħal fis-seħħ l-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini mill-Georgia lejn iż-żona Schengen, għal soġġorni qosra sa 90 jum, u f’Ġunju daħal fis-seħħ l-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini Ukreni. F’Marzu daħal fis-seħħ ukoll il-mekkaniżmu revedut ta’ sospensjoni, u l-Kummissjoni fasslet rapport dwar dan f’Diċembru. Il-Kummissjoni widdbet li għalkemm ir-rekwiżiti għal-liberalizzazzjoni tal-viża għadhom qed jiġu ssodisfati, jeħtieġ li l-pajjiżi kkonċernati li mhumiex tal-UE jkomplu jissodisfaw il-parametri referenzjarji rekwiżiti, inkluż it-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni irregolari u t-titjib tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.
FINANZJAMENT FIL-QAFAS TAL-FOND GĦALL-AŻIL, GĦALL-MIGRAZZJONI U GĦALL-INTEGRAZZJONI U TAL-FOND GĦAS-SIGURTÀ INTERNA 2014–2020

Appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni effiċjenti tal-migrazzjoni
Il-Fondi tal-affarijiet interni tal-UE huma strumenti importanti ta’ politika biex jiġu indirizzati l-isfidi kontinwi tal-migrazzjoni. Għal din ir-raġuni, fl-2017, il-livell ta’ appoġġ finanzjarju baqa’ xorta waħda għoli. Fl-2017, il-Fond għall-Ażil, għall-Migrazzjoni u għall-Integrazzjoni, b’€1.4 biljun, u l-Fond għas-Sigurtà Interna, b’€692 miljun, komplew jappoġġaw il-bini tal-kapaċitajiet, u pprovdew assistenza umanitarja, materjali u fil-kura tas-saħħa, u għenu l-iżvilupp tal-kooperazzjoni operattiva. Permezz tal-programmi nazzjonali tal-Istati Membri kien disponibbli finanzjament addizzjonali (€634 miljun fil-qafas tal-Fond għall-Ażil, għall-Migrazzjoni u għall-Integrazzjoni u €168 miljun fil-qafas tal-Fond għas-Sigurtà Interna).
Barra minn hekk, ġew ipprovduti iżjed minn €743 miljun lill-Istati Membri sabiex jippermettu rispons rapidu għal ħtiġijiet operattivi urġenti matul il-ħajja ta’ dawn il-Fondi. B’mod parallel, il-Fondi Fiduċjarji u strumenti oħra ta’ azzjoni esterna tal-UE għenu biex jiġu indirizzati sfidi kbar fil-pajjiżi li mhumiex tal-UE.
KAPITLU 9
Protagonista globali aktar b’saħħitha
“Neħtieġu Ewropa aktar b’saħħitha f’dak li jirrigwarda l-politika barranija. Il-kriżi tal-Ukrajna u s-sitwazzjoni preokkupanti fil-Lvant Nofsani juru kemm huwa importanti li l-Ewropa tkun magħquda esternament.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
Il-politika barranija u ta’ sigurtà tal-UE tiffoka fuq il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt, kif ukoll fuq ir-rispons għal emerġenzi umanitarji u klimatiċi.
Fix-xena internazzjonali, l-UE tħaddem l-għodod diplomatiċi, politiċi, ekonomiċi, umanitarji u ta’ sigurtà tagħha biex issib soluzzjonijiet paċifiċi għall-kunflitti, speċifikament fil-Libja, fis-Sirja u fl-Ukrajna.
Fl-2017 l-UE kompliet tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim nukleari mal-Iran, fejn sar progress f’ħafna oqsma. L-UE ħadmet ukoll lejn rispons magħqud għall-Korea ta’ Fuq.
Wara l-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ riflessjoni dwar il-ġejjieni tad-difiża Ewropea, kif ukoll tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, l-UE kompliet tagħmel progress notevoli fil-politika tas-sigurtà u tad-difiża. Il-Kummissjoni Ewropea nediet Fond Ewropew għad-Difiża biex iħeġġeġ il-kooperazzjoni fir-riċerka u l-iżvilupp għall-prodotti u għat-teknoloġiji fl-industrija tad-difiża b’mod konġunt.
Huwa diġà ppjanat li l-Fond se jinvesti €90 miljun fir-riċerka u €500 miljun fl-iżvilupp sal-2020. B’hekk il-Fond se jkun qed iwitti t-triq għall-implimentazzjoni sħiħa tiegħu, bit-tir li mill-2020 ’il quddiem jonfoq €1.5 biljun fis-sena.
F’Diċembru, 25 Stat Membru ddeċidew li jistabbilixxu Kooperazzjoni Strutturata Permanenti, qafas legalment vinkolanti biex jaħdmu flimkien aktar mill-qrib fuq is-sigurtà u d-difiża. Dan huwa tabilħaqq tragward sinifikanti għall-Unjoni Ewropea.
Parti importanti mill-ħidma tal-UE fl-2017 kienet l-appoġġ lin-Nazzjonijiet Uniti u għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha għall-2030, permezz ta’ Kunsens Ewropew ġdid għall-Iżvilupp. Il-Kummissjoni pproponiet Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew ġdid biex iħeġġeġ l-investiment fl-Afrika u fil-viċinat Ewropew, biex isaħħaħ is-sħubijiet tal-UE, u biex jikkontribwixxi lejn l-ilħiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.
L-UE wriet is-solidarjetà tagħha mal-popli madwar id-dinja billi pprovdiet għajnuna umanitarja, ikel, kenn, edukazzjoni u kura tas-saħħa lil 120 miljun ruħ fi 80 pajjiż.
Il-viċinat tal-Unjoni Ewropea
Il-Politika Ewropea tal-Viċinat twettaq ix-xewqa tal-UE li tibni fuq interessi komuni ma’ pajjiżi sħab fil-Lvant u fin-Nofsinhar, u turi l-impenn tagħha li taħdem id f’id ma’ dawk il-pajjiżi f’oqsma ta’ prijorità għall-promozzjoni tal-istabbiltà. L-oqsma ta’ prijorità jinkludu l-promozzjoni tad-demokrazija, is-saltna tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-koeżjoni soċjali.
Fl-2017 ġie approvat l-ivvjaġġar mingħajr viża lejn l-UE għaċ-ċittadini tal-Ukrajna u tal-Georgia. Daħlu fis-seħħ ukoll ftehimiet ta’ assoċjazzjoni importanti bejn l-UE u l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, li se jistimolaw ir-riformi u jippermettu l-ħolqien ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles. L-UE reġgħet sejħet għal soluzzjoni paċifika fil-Lvant tal-Ukrajna permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta’ Minsk. Dawn ġew konklużi f’Settembru 2014 u fi Frar 2015, bil-għan li jilħqu soluzzjoni politika sostenibbli għall-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna filwaqt li jiġu rrispettati l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiż. L-UE ssoktat ukoll bis-sanzjonijiet kontra r-Russja minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta’ Sevastopol, u r-rwol tagħha fid-destabilizzazzjoni tal-Ukrajna.
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Petro Poroshenko, il-President tal-Ukrajna, u Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, waqt id-19-il Summit bejn l-UE u l-Ukrajna, Kiev, l-Ukrajna, it-12 u t-13 ta’ Lulju 2017.
Minbarra dan, l-UE appoġġat lill-Georgia, lill-Ġordan, lill-Moldova, lit-Tuneżija u lill-Ukrajna bi programmi ta’ assistenza makrofinanzjarja, ikkomplementati b’appoġġ finanzjarju pprovdut mill-Fond Monetarju Internazzjonali. L-għan huwa li l-pajjiżi li jinsabu ġeografikament, ekonomikament u politikament qrib l-UE jingħataw għajnuna biex jegħlbu l-kriżijiet ekonomiċi jew finanzjarji.
Il-ħames Summit tas-Sħubija tal-Lvant, li sar f’Novembru, reġa’ kkonferma l-impenn ċar u kontinwu lejn is-Sħubija kemm min-naħa tal-UE kif ukoll min-naħa tas-sitt pajjiżi sħab: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna. Id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit laqgħet l-20 riżultat tanġibbli għall-2020 bħala t-triq ’il quddiem fejn tidħol il-kooperazzjoni ffukata fuq il-kisba ta’ riżultati konkreti li jissarrfu f’benefiċċji għan-nies. Fil-periferija tas-Summit, ġie ffirmat il-Ftehim ġdid ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mal-Armenja.
Ir-Russja
L-UE qiegħda tissokta b’miżuri restrittivi kontra r-Russja minħabba r-rwol tagħha fid-destabilizzazzjoni tal-Ukrajna. Dawk il-miżuri ġew estiżi f'Diċembru 2017, u jibqgħu marbutin mal-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-ftehimiet ta’ Minsk. Sadattant, l-UE kompliet tiffoka fuq kuntatti selettivi mar-Russja dwar temi bħall-politika barranija u l-kwistjonijiet globali, u żiedet ħafna l-appoġġ tagħha għas-soċjetà ċivili Russa u għall-kuntatti diretti bejn iċ-ċittadini tal-UE u tar-Russja. Il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u r-restrizzjonijiet fuq is-soċjetà ċivili baqgħu fokus ewlieni tal-attenzjoni tal-UE.
Il-viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea
Matul is-sena, l-UE kompliet tinnegozja dwar prijoritajiet ta’ sħubija għall-kooperazzjoni ekonomika u politika. Ftiehmet dwar tali prijoritajiet mal-Alġerija u mal-Eġittu.
L-UE pprovdiet kważi €170 miljun biex jiġu protetti l-migranti, biex jiġu implimentati strateġiji fil-qasam tal-migrazzjoni, u biex ikunu ffaċilitati r-ripatrijazzjoni u r-riintegrazzjoni volontarji u effettivi fl-Eġittu, fil-Libja, fil-Marokk u fit-Tuneżija. L-UE intensifikat ukoll l-appoġġ tagħha lit-Tuneżija biex tgħinha fit-tranżizzjoni demokratika u fl-irkupru ekonomiku tagħha.
F’Lulju, l-UE ingħaqdet mas-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran, u ntrabtet li tinvesti sa €220 miljun matul is-snin li ġejjin fil-kooperazzjoni reġjonali biex jittejbu r-riżorsi tal-ilma u s-sistemi tal-ikel. Dan it-titjib huwa meħtieġ minħabba li n-nuqqas gravi tal-ilma u r-rendimenti tal-għelejjel li kulma jmur qed jonqsu qegħdin jolqtu ħażin il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi, li min-naħa tagħhom qed iwasslu għal instabbiltà politika u migrazzjoni fl-immedjat. L-UE baqgħet impenjata mal-Libja u l-vjaġġ tagħha lejn id-demokrazija, u appoġġat l-isforzi ta’ medjazzjoni min-NU. Laqgħa ministerjali dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Libja, li saret f’April, iffukat fuq l-edukazzjoni u s-saħħa.
Matul l-2017, l-UE kompliet tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran permezz tal-Unjoni għall-Mediterran, il-Lega Għarbija u l-Fondazzjoni Anna Lindh.
Il-Balkani tal-Punent u l-proċess ta’ tkabbir
L-UE kompliet tappoġġa lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fit-triq tagħhom lejn l-integrazzjoni fl-UE. Il-Montenegro u s-Serbja ssoktaw bin-negozjati tal-adeżjoni tagħhom. L-impenn intensiv tal-UE, u l-progressi li saru fir-riformi u fid-demokrazija fl-Albanija u fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fetħu l-bibien għal aktar passi ta’ integrazzjoni mal-UE għaż-żewġ pajjiżi. Barra minn hekk, l-UE appoġġat ir-riformi fil-Bożnija-Ħerzegovina u fil-Kosovo (din id-deżinjazzjoni hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija bi qbil mal-INSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo). L-UE qiegħda tappoġġa wkoll ir-rikonċiljazzjoni, u qiegħda tgħin biex ittaffi d-diżgwid fost il-pajjiżi fir-reġjun.
Ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini (fin-nofs) u Goran Rakić, is-Sindku tat-Tramuntana ta’ Mitrovica (lemin), waqt ċerimonja tal-ftuħ ta’ pont f’Mitrovica, il-Kosovo, l-4 ta’ Marzu 2017.
It-Turkija
Matul is-sena, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija ħabbtu wiċċhom mad-deterjorament serju fis-saltna tad-dritt u fid-drittijiet fundamentali fit-Turkija. L-UE għamlitha ċara li kellha r-rieda li tissokta bi djalogu ma’ Turkija li tkun stabbli, demokratika u inklużiva. Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija tal-2016 baqgħet tagħti l-frott, kif urew it-tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta’ migranti irregolari li qasmu l-Baħar Eġew u t-telf ta’ inqas ħajjiet.
Il-Punent tal-Ewropa
L-UE kompliet ir-relazzjonijiet eċċellenti mal-pajjiżi mhux tal-UE fil-Punent tal-Ewropa, fosthom in-Norveġja u l-Iżvizzera bħala sħab ewlenin fil-kummerċ u fl-investiment. Tjiebu r-relazzjonijiet mal-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja), u l-UE fittxet relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-Vatikan f’dak li jirrigwarda l-politika barranija u kwistjonijiet oħra.
L-Amerka ta’ Fuq u l-Amerka Latina
L-UE kkomunikat attivament mal-amministrazzjoni l-ġdida fl-Istati Uniti, inkluż f’Laqgħa tal-Mexxejja fi Brussell li saret f’Mejju, fl-okkażjoni tal-ewwel vjaġġ tal-President Donald Trump barra mill-Istati Uniti. Il-kooperazzjoni mill-qrib dwar is-sigurtà, dwar il-politika barranija — inkluż fir-rigward tal-Korea ta’ Fuq, ir-Russja, is-Sirja u l-Ukrajna — u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu baqgħet b’saħħitha u kruċjali.
L-2017 kienet sena importanti għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada. Issa ċ-ċittadini kollha tal-UE jistgħu jivvjaġġaw lejn il-Kanada mingħajr bżonn ta’ viża, u ftehim ta’ kummerċ ħieles mal-Kanada beda jiġi applikat b’mod proviżorju f’Settembru.
F’dan iż-żmien ta’ bidliet madwar l-Amerka Latina, l-UE kompliet taħdem biex timmodernizza u taġġorna r-relazzjonijiet mas-sħab tagħha, fosthom iċ-Ċilì, Kuba, il-Messiku, il-blokk tal-kummerċ Mercosur, u l-pajjiżi fil-Karibew. L-UE approfondiet ukoll ir-relazzjonijiet tagħha mar-reġjun kollu, permezz tal-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew, fir-rigward ta’ firxa ta’ temi li jinkludu s-sigurtà, in-negozju, l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-relazzjonijiet parlamentari. L-UE baqgħet tappoġġa l-paċi fil-Kolombja, billi kompliet tibni fuq snin ta’ sħubija u ta’ kooperazzjoni.
Iċ-Ċina
Is-Summit UE-Ċina li sar fi Brussell f’Ġunju temm bi żviluppi sinfikanti f’oqsma bħall-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-kooperazzjoni doganali, l-għajnuna mill-Istat, u l-impenn lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima. Ġew intensifikati l-iskambji dwar il-politika barranija u l-kwistjonijiet reġjonali, b’konsultazzjonijiet u b’diskussjonijiet dwar l-Afrika, l-Asja ċentrali, l-Afganistan, il-Korea ta’ Fuq u s-Sirja, kif ukoll dwar id-difiża u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. It-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem baqa’ fil-qofol tar-relazzjonijiet tal-UE maċ-Ċina.
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Li Keqiang, il-Prim Ministru taċ-Ċina, u Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, waqt id-19-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2017.
L-Asja u l-Paċifiku
L-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja
Fl-2017 tfakkar l-40 anniversarju tar-relazzjonijiet uffiċjali bejn l-UE u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja. F’Awwissu, fis-summit ta’ Manila, il-Filippini, ġew stabbiliti l-oqsma għall-kooperazzjoni għall-perjodu 2018-2022, li jkopru s-sigurtà, il-kummerċ, l-iżvilupp sostenibbli u l-kuntatti diretti bejn il-persuni.
Il-Lvant Nofsani
L-Iran
Matul is-sena sar ħafna progress fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran, l-iktar fl-oqsma tal-kummerċ u l-investiment, l-enerġija, l-ambjent, l-edukazzjoni, ir-riċerka, il-kooperazzjoni nukleari ċivili, l-għajnuna umanitarja u d-drittijiet tal-bniedem. Dan il-progress sinifikanti seta’ jsir bis-saħħa tat-tneħħija tas-sanzjonijiet marbutin mal-qasam nukleari. Barra minn hekk, ġie stabbilit djalogu regolari mal-Iran, biex isiru diskussjonijiet kostruttivi dwar kwistjonijiet reġjonali, u biex jiġu promossi strateġiji għas-soluzzjoni ta’ kriżijiet reġjonali.
Iżrael, it-territorju Palestinjan okkupat u l-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani
Is-soluzzjoni ta’ żewġ stati ġiet dejjem aktar mhedda minħabba l-iżviluppi lokali, fosthom in-nuqqas ta’ progress essenzjali dwar ir-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana, u ż-żieda fl-attivitajiet ta’ insedjament mill-gvern ta’ Iżrael fit-territorju Palestinjan okkupat, inkluż f’Ġerusalemm tal-Lvant. Madankollu, f’Diċembru l-Kunsill Ewropew reġa’ afferma l-pożizzjoni tal-UE favur soluzzjoni ta’ żewġ stati. Fi tmiem is-sena saru l-ewwel passi lejn ir-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana. L-UE varat rieżami tal-metodi ta’ involviment lokali tagħha, sabiex tiżgura li huma xierqa u effettivi għall-promozzjoni u għall-ilħiq ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati.
L-UE, l-Istati Membri tagħha, in-Norveġja u l-Iżvizzera ftiehmu dwar Strateġija Konġunta Ewropea għall-perjodu 2017–2020 dwar l-appoġġ finanzjarju għall-Palestinjani. Dan huwa l-ewwel programm konġunt ta’ għajnuna fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea.
Is-Sirja
Il-kriżi Sirjana baqgħet timmobilizza lill-UE u lill-komunità internazzjonali matul is-sena. F’April, l-UE kkoorganizzat il-Konferenza ta’ Brussell dwar l-appoġġ għall-futur tas-Sirja u tar-reġjun. Il-parteċipanti wiegħdu €5.6 biljun fl-2017 biex tiġi indirizzata l-kriżi. L-UE tinsab lesta li tappoġġa r-rikostruzzjoni, iżda mhux qabel ma jkun intlaħaq ftehim fost il-partijiet fis-Sirja dwar soluzzjoni politika sostenibbli u inklużiva għall-kunflitt.
IL-KRIŻI SIRJANA

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika
L-UE hija s-sieħba kummerċjali u ta’ investiment l-iktar importanti tal-Afrika, kif ukoll is-sors ewlieni tagħha ta’ għajnuna. Hija l-ikbar fornitur ta’ għajnuna umanitarja uffiċjali u ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lill-kontinent. Il-ħames Summit bejn l-Unjoni Afrikana u l-Unjoni Ewropea, li sar f’Novembru f’Abidjan, il-Kosta tal-Avorju, iffoka fuq l-investiment fil-popolazzjoni dejjem aktar żagħżugħa tal-Afrika. L-UE tinsab ħerqana wkoll li taħdem id f’id mal-kontinent fil-qafas futur ta’ wara l-Ftehim ta’ Cotonou.
Il-migrazzjoni: l-approċċ tal-UE ggwidat mid-dimensjoni umana
Il-migrazzjoni baqgħet prominenti fl-aġenda tal-UE matul is-sena, b’enfasi qawwija fuq id-dimensjoni umana. Kien hemm tnaqqis konsiderevoli fl-għadd ta’ persuni li qasmu l-Baħar Mediterran u d-Deżert tas-Saħara matul l-2017. Dan huwa r-riżultat taż-żieda fil-kooperazzjoni u fil-koordinazzjoni tal-UE mal-pajjiżi sħab Afrikani u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kif ukoll fil-koordinazzjoni mal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-missjoni navali tal-UE, Operazzjoni Sophia, kompliet bl-operazzjonijiet kontra l-kuntrabandu u bit-taħriġ tal-Gwardja Kostali Libjana. Il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika diġà mmobilizza kważi €3.2 biljun għall-ħolqien tal-impjiegi, għat-titjib tal-ħiliet, għat-tisħiħ tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ sigurtà biex il-pajjiżi jkunu jistgħu jibnu l-ekonomiji tagħhom u joħolqu opportunitajiet oħra li jnaqqsu x-xewqa ta’ migrazzjoni.
Mindu ġie varat il-Qafas ta’ Sħubija dwar il-Migrazzjoni, inkisbu għadd ta’ riżultati tanġibbli fil-ħames pajjiżi sub-Saħarjani ta’ prijorità: l-Etjopja, il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja u s-Senegal. Ħafna minn din il-ħidma hija riflessa fir-Rapport ta’ Progress li ġie ppreżentat fl-2017 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini.
L-iżvilupp sostenibbli
L-UE hija l-ikbar donatur ta’ għajnuna umanitarja u ta’ żvilupp fid-dinja. L-għajnuna tal-UE mhijiex kwistjoni ta’ karità, iżda hija investiment konkret fin-nies. Il-Kummissjoni waħedha qiegħda tipprovdi €31 biljun f’għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lill-Afrika bejn l-2014 u l-2020.
L-UE kompliet turi l-impenn u t-tmexxija tagħha fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, bl-iffirmar ta’ Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp ġdid. L-isforzi biex dan l-approċċ jissarraf fil-prattika ħadu spinta tajba bil-preżentazzjoni ta’ Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew, bil-għan li jiġġenera sa €44 biljun f’investiment addizzjonali fl-Afrika u fil-viċinat Ewropew.
Il-Pjan ta’ Investiment Estern: mod ġdid ta’ sostenn għall-pajjiżi Afrikani u tal-viċinat
Fl-2017 inħoloq il-Pjan ta’ Investiment Estern, approċċ innovattiv għall-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp. Il-komponent ewlieni tiegħu, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, ġie stabbilit fit-28 ta’ Settembru.
Il-Pjan se jħeġġeġ l-investiment fil-pajjiż sħab tal-UE fl-Afrika u fir-reġjun tal-viċinat. Se jippromwovi t-tkabbir inklużiv, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli, u b’hekk se jindirizza wkoll uħud mill-kawżi profondi tal-migrazzjoni irregolari. B’€4.1 biljun mill-baġit tal-UE u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Pjan mistenni li jimmobilizza aktar minn €44 biljun f’investimenti sal-2020. Il-Kummissjoni talbet ukoll il-kontribut tal-Istati Membri u ta’ sħab oħra.
Il-Kummissarju Neven Mimica jżur in-Nafasi Art Space u jitkellem maż-żgħażagħ f’Dar es Salaam, it-Tanzanija, it-3 ta’ Novembru 2017.
Fl-2017, l-UE nediet ukoll inizjattiva ta’ €500 miljun, bi sħab man-NU, biex titwaqqaf kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa u l-bniet madwar id-dinja.
Il-Kummissjoni pproponiet il-mandat tal-UE biex tidħol f’negozjati formali dwar sħubija ġdida mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku mill-2020 ’il quddiem.
Il-politika tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-2007 ġiet irreveduta biex timxi lejn approċċ usa’ ta’ kummerċ għall-iżvilupp sostenibbli, bil-għan li jiżdied l-impatt tal-iżvilupp fuq ir-relazzjonijiet ekonomiċi mal-pajjiżi sħab.
L-UE bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem
Matul is-sena, l-UE kompliet tafferma r-rwol tagħha ta’ mexxejja fix-xena dinjija fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. F’Ġunju l-UE ppubblikat rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015–2019). Ir-rieżami jidentifika l-oqsma li fihom l-UE jmissha żżid il-fokus tal-isforzi tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżi mhux tal-UE, waqt il-perjodu ta’ implimentazzjoni li fadal tal-Pjan ta’ Azzjoni attwali.
Bi qbil mal-prijoritajiet tal-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, l-UE appoġġat bil-qawwi ambjent favorevoli għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, permezz ta’ djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem, appoġġ finanzjarju, u s-sehem f’fora multilaterali. Baqgħu għaddejjin matul is-sena r-reazzjonijiet ripressivi kontra s-soċjetà ċivili madwar id-dinja. L-UE baqgħet kategorikament opposta għal kull restrizzjoni mhux ġustifikata tad-drittijiet tal-libertà ta’ assoċjazzjoni u tal-assemblea paċifika.
Is-sigurtà u d-difiża
Fl-2017 l-UE ma damitx biex implimentat l-Istrateġija Globali dwar is-sigurtà u d-difiża. Ġie stabbilit l-ewwel ċentru uniku ta’ kmand għat-taħriġ militari u għall-missjonijiet ta’ konsulenza tal-UE. Fetaħ Ċentru Ewropew ta’ Eċċellenza biex itejjeb l-analiżi u l-kapaċità ta’ indirizzar tat-theddidiet ibridi (wara l-Komunikazzjoni Konġunta tal-2016 tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar il-ġlieda kontra t-theddidiet ibridi), filwaqt li ġiet intensifikata l-kooperazzjoni man-NATO.
F’Ġunju l-Kummissjoni varat Fond Ewropew għad-Difiża li se jinvesti €90 miljun fir-riċerka u €500 miljun fl-iżvilupp ta’ prodotti u ta’ teknoloġiji fl-industrija tad-difiża sal-2020. Bis-saħħa ta’ dan il-Fond, il-baġit tal-UE se jkun qed jintuża għall-ewwel darba biex jappoġġa proġetti marbutin mad-difiża. B’hekk se jnaqqas ir-riskju ta’ duplikazzjoni, u se jippromwovi l-effiċjenza fl-infiq mill-gvernijiet nazzjonali permezz tal-kooperazzjoni fir-riċerka, fl-iżvilupp u f’akkwisti konġunti.
Ħarġu l-ewwel sejħiet għal proġetti ta’ riċerka, u qabel tmiem l-2017 tħabbru l-ewwel proġetti ta’ riċerka li se jkunu ffinanzjati bis-sħiħ fl-oqsma tas-sistemi mingħajr bdot abbord u s-sistemi għas-suldati. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża, bl-allokazzjoni ta’ €500 miljun mill-baġit tal-UE, għall-kofinanzjament tal-prodotti u tat-teknoloġiji tal-industrija tad-difiża fil-fażi tal-iżvilupp tagħhom, pereżempju bħala prototipi.
F’Diċembru, sitt xhur biss wara l-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel fuq approċċ ġenerali. Bil-ħidma li għaddejja fil-Parlament Ewropew, il-Fond Ewropew għad-Difiża jinsab fi triqtu sabiex ikun lest biex jappoġġa l-ewwel proġetti mill-2019 ’il quddiem.
L-INVESTIMENT FIR-RIĊERKA U FL-IŻVILUPP GĦAL PRODOTTI U GĦAL TEKNOLOĠIJI FL-INDUSTRIJA TAD-DIFIŻA

IL-FOND EWROPEW GĦAD-DIFIŻA

Filwaqt li jirrikonoxxu l-bżonn ta’ aktar koordinazzjoni u kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża, f’Diċembru l-mexxejja ta’ 25 Stat Membru varaw il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti dwar id-difiża. Bis-saħħa ta’ din il-kooperazzjoni, dawk l-Istati Membri li huma kapaċi u li jridu se jkunu jistgħu jiżviluppaw kapaċitajiet ta’ difiża b’mod konġunt, jinvestu fi proġetti kondiviżi, u jsaħħu l-preparatezza operattiva u l-kontribut tal-forzi armati tagħhom. Il-25 Stat Membru ftiehmu dwar 17-il proġett kollaborattiv, fosthom: timijiet ta’ rispons rapidu u assistenza reċiproka fiċ-ċibersigurtà; għajnuna militari f’każ ta’ diżastru; aġġornamenti għas-sigurtà marittima; l-istabbiliment ta’ Kmand Mediku Ewropew; u l-istabbiliment ta’ Ċentru tat-Taħriġ tal-UE għall-Kompetenzi u għall-Missjonijiet.
Ir-Rappreżentant Għoli u Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini żżur il-Bażi tal-Ajru ta’ Zaragoza, Spanja, it-8 ta’ Ġunju 2017.
IL-KOOPERAZZJONI STRUTTURATA PERMANENTI

Barra minn hekk, l-Istati Membri qegħdin jikkondividu l-pjanijiet tagħhom ta’ nfiq fid-difiża għall-ewwel darba, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw in-nuqqasijiet, ikunu aktar konsistenti, u jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala permezz tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża.
Ir-rispons għall-kriżijiet u għall-emerġenzi umanitarji
Fl-2017, l-UE allokat aktar minn €1.8 biljun għall-għajnuna umanitarja u għall-protezzjoni ċivili. L-għajnuna ta’ sokkors għall-ikel, għall-kenn, għall-edukazzjoni, għall-protezzjoni u għall-kura tas-saħħa ġiet ipprovduta lil iktar minn 120 miljun ruħ fil-bżonn fi 80 pajjiż. L-UE ffinanzjat l-għajnuna umanitarja fiż-żoni ta’ kunflitt ewlenin kollha tad-dinja, mill-Iraq u s-Sirja sal-Afganistan, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, is-Sudan t’Isfel u l-Jemen.
Matul is-sena, ’il fuq minn 65.6 miljun ruħ madwar id-dinja ġew spostati bil-forza minħabba l-gwerer u l-kunflitti. Xi 90 % tal-baġit annwali għall-għajnuna umanitarja tal-UE ġie allokat għal proġetti li jgħinu lil dawn ir-refuġjati f’56 pajjiż. Barra minn hekk, l-UE kabbret ir-rispons tagħha għat-theddid tal-ġuħ u tal-karestija għal miljuni ta’ persuni fin-Niġerja, fis-Somalja, fis-Sudan t’Isfel u fil-Jemen, billi allokat €26 miljun lil dawn il-pajjiżi fl-2017.
L-UE għenet lir-refuġjati u lill-migranti fil-Greċja b’għajnuna fil-forma ta’ flus u bil-provvista ta’ akkomodazzjoni bil-kiri, permezz tal-programm ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza għall-Integrazzjoni u l-Akkomodazzjoni. Is-Sistema ta’ Protezzjoni Soċjali ta’ Emerġenza, l-akbar programm umanitarju tal-UE ta’ kull żmien, għenet ’il fuq minn 1.1 miljun mill-aktar refuġjati vulnerabbli fit-Turkija biex jaqdu l-bżonnijiet essenzjali tagħhom, billi pprovditilhom karti tad-debitu mħallsa minn qabel.
L-GĦAJNUNA UMANITARJA TAL-UE FL-2017

Fl-2017, l-UE allokat iktar minn 6 % tal-baġit tagħha tal-għajnuna umanitarja għal programmi edukattivi għat-tfal fi kriżijiet umanitarji, flok il-1 % li kienet allokat fl-2015.
Permezz tal-Mekkaniżmu ta’ Protezzjoni Ċivili, l-UE tipprovdi u tikkoordina wkoll l-għajnuna ta’ sokkors lin-nies f’żoni milqutin minn diżastri fl-Ewropa u madwar id-dinja. Il-Mekkaniżmu ġie attivat 32 darba matul is-sena, fost l-oħrajn wara nirien fil-foresti fl-Ewropa, għargħar fil-Perù, u uragani fil-Karibew.
Il-Kummissarju Christos Stylianides ma’ refuġjati mis-Sudan t’Isfel f’Imvepi, l-Uganda, it-22 ta’ Ġunju 2017.
Kooperazzjoni multilaterali
L-UE kkooperat mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti matul is-sena, u appoġġat it-tliet prijoritajiet ta’ António Guterres, is-Segretarju Ġenerali l-ġdid tan-NU: il-prevenzjoni tal-kunflitti, l-iżvilupp sostenibbli, u r-riforma tan-NU. Meħudin flimkien, l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-ikbar kontribwenti finanzjarji fis-sistema tan-NU. Bi qbil mal-Istrateġija Globali tagħha, l-UE esprimiet ruħha favur governanza dinjija iktar b’saħħitha, il-paċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti, u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ewlenin dwar it-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli.
L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans isellem lil António Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, waqt il-Kunsill tas-Sigurtà f’Munich, il-Ġermanja, it-18 ta’ Frar 2017.
Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO baqgħet tikber fl-2017, abbażi tad-Dikjarazzjoni ta’ Varsavja tal-2016 dwar il-kooperazzjoni reċiproka quddiem theddidiet komuni. Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO hija pilastru integrali tal-ħidma tal-UE favur it-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża Ewropej fil-qafas tal-Istrateġija Globali tal-UE. Fil-ħarifa, saru eżerċizzji paralleli u koordinati għall-ewwel darba.
:KAPITLU 10
Unjoni ta’ tibdil demokratiku
“Il-Kummissjoni Ewropea taħt it-tmexxija tiegħi se tkun impenjata li timla b’ħajja ġdida lis-sħubija speċjali mal-Parlament Ewropew … Jien impenjat ukoll li nsaħħaħ it-trasparenza f’dak li jirrigwarda l-kuntatt mal-partijiet ikkonċernati u mal-lobbisti.”
Jean-Claude Juncker, Linji Gwida Politiċi, il-15 ta’ Lulju 2014
Fl-2017 ġie ċċelebrat is-60 anniversarju tat-Trattati fundaturi tal-Unjoni Ewropea. Din kienet opportunità importanti biex nirrikonoxxu l-kisbiet tal-imgħoddi u biex niċċelebraw il-valuri li jkomplu jgħaqqdu flimkien lill-Ewropej sal-lum. Kienet ukoll opportunità biex nikkunsidraw l-oqsma li fihom jista’ jsir iktar titjib u l-isfidi tal-ġejjieni hekk kif beda kapitlu ġdid fl-istorja tal-UE.
Sabiex tniedi d-dibattitu dwar it-triq ’il quddiem, f’Marzu l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. Din stabbiliet l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin li huma mistennija fid-deċennju li ġej, flimkien ma’ ħames xenarji ta’ kif tista’ tevolvi l-UE sal-2025. Ġiet segwita b’sensiela ta’ dokumenti ta’ riflessjoni dwar il-kwistjonijiet li l-iktar se jaffettwaw il-ġejjieni tal-UE, li stimolaw id-diskussjonijiet f’iżjed minn 2,000 avveniment pubbliku madwar l-Ewropa.
F’Settembru, fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, irrefletta fuq sena ta’ ottimiżmu u ta’ ambizzjoni mġedda għall-proġett Ewropew bis-saħħa tat-tmexxija soda mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri. Huwa ppreżenta l-viżjoni tiegħu għal Unjoni iktar magħquda, iktar b’saħħitha u iktar demokratika. Flimkien mad-diskors, ingħata pjan direzzjonali bl-azzjonijiet ewlenin li huma meħtieġa sabiex jitlesta x-xogħol fir-rigward tal-għaxar prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni qabel tmiem il-mandat, kif ukoll sensiela ta’ inizjattivi li jħarsu ’l quddiem. Fid-9 ta’ Mejju 2019, se jsir summit speċjali fil-belt Rumena ta’ Sibiu bejn il-mexxejja tal-EU-27 dwar it-triq ’il quddiem għall-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni kompliet tisħaq fuq it-titjib tal-kwalità tat-tfassil tal-politika u tal-liġijiet tal-UE sabiex tiżgura li l-leġiżlazzjoni taqdi aħjar lin-nies li taffettwa.
Twettiq ta’ aġenda pożittiva għall-Ewropa
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, jagħmel id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew, Strasburgu, Franza, it-13 ta’ Settembru 2017.
Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, il-President Juncker kien ippreżenta aġenda pożittiva għal “Ewropa li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi”, li ntlaqgħat mill-Parlament Ewropew u mill-mexxejja tal-EU-27 fis-summit ta’ Bratislava, is-Slovakkja, f’Settembru 2016.
Il-ħidma fir-rigward tal-aġenda pożittiva ssoktat fl-2017 bil-pubblikazzjoni fl-1 ta’ Marzu ta’ White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, li ppreżentat il-viżjoni tal-Kummissjoni għall-ġejjieni tal-UE magħmula minn 27 Stat Membru. Il-White Paper stabbiliet l-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin għall-Unjoni Ewropea fid-deċennju li ġej u ppreżentat ħames xenarji ta’ kif tista’ tevolvi l-UE sal-2025 skont l-għażliet li tagħmel. Imbagħad, ġiet ippubblikata sensiela ta’ dokumenti ta’ riflessjoni biex jiftħu d-diskussjoni dwar il-kwistjonijiet li l-iktar se jaffettwaw il-ġejjieni tal-Ewropa:
- id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa,
- l-immaniġġjar tal-globalizzazzjoni,
- l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja,
- il-ġejjieni tad-difiża Ewropea,
- il-futur tal-finanzi tal-UE.
Fil-25 ta’ Marzu, il-mexxejja tal-EU-27 iltaqgħu f’Ruma biex jiċċelebraw is-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma, li ħolqu l-Komunità Ekonomika Ewropea, il-prekursur tal-UE tal-lum, u biex iġeddu l-wegħdiet tagħhom lejn l-Unjoni. Fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma, li ġiet adottata fl-aħħar taċ-ċelebrazzjonijiet, il-mexxejja stabbilew viżjoni konġunta biex “l-Unjoni Ewropea tkun aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti, permezz ta’ unità saħansitra akbar”.
Il-Kummissjoni ppubblikat il-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa fl-1 ta’ Marzu 2017.
Il-Kummissarju Günther Oettinger jippreżenta r-rapport finali dwar ir-regoli ssimplifikati għall-fondi tal-UE skont il-qafas baġitarju li jmiss wara l-2020 waqt konferenza stampa fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2017.
Issa hemm opportunità x’tinħataf biex issir riforma usa’ tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-Istati Membri, bdiet sensiela ta’ Dibattiti dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa madwar l-UE. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni ġew involuti b’mod attiv fl-organizzazzjoni ta’ dibattiti nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri. Id-diskussjonijiet se jissoktaw fil-parlamenti, fil-bliet u fir-reġjuni, sa ma jsir summit speċjali bejn il-mexxejja tal-EU-27 fid-9 ta’ Mejju 2019 f’Sibiu, ir-Rumanija.
Pjan Direzzjonali għal Unjoni Iktar Magħquda, Iktar b’Saħħitha u Iktar Demokratika
F’Settembru 2017, fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker iddeskriva l-viżjoni tiegħu dwar kif tista’ tevolvi l-UE sal-2025. Sabiex jagħti spinta lill-aġenda ta’ riformi stabbilita fid-diskors tiegħu, huwa ppropona Pjan Direzzjonali għal Unjoni Iktar Magħquda, Iktar b’Saħħitha u Iktar Demokratika. Il-Kummissjoni adottat sensiela ta’ inizjattivi konkreti dwar il-kummerċ, l-iskrinjar tal-investiment, iċ-ċibersigurtà, l-industrija, id-dejta u d-demokrazija. Il-President Juncker u l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans ipproponew regoli ġodda wkoll dwar il-finanzjament tal-partiti u tal-fondazzjonijiet politiċi sabiex jiġi żgurat li l-finanzjament jirrifletti aħjar l-għażliet demokratiċi li għamlu ċ-ċittadini fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, billi tiżdied it-trasparenza, titjieb il-leġittimità demokratika u jissaħħaħ l-infurzar.
Filwaqt li jirkeb il-mewġa ta’ ottimiżmu u ta’ ambizzjoni mġedda, il-Pjan Direzzjonali jistabbilixxi azzjonijiet li jridu jinkisbu sal-aħħar tal-mandat ta’ ħames snin tal-Kummissjoni, flimkien ma’ iżjed inizjattivi li jħarsu ’l quddiem u li se jsawru l-UE sal-2025. Fost l-istadji importanti biex dawn il-kisbiet jintlaħqu, hemm strateġija ta’ tkabbir kredibbli għall-pajjiżi kandidati tal-UE li huma minn ta’ quddiem fil-Balkani tal-Punent; baġit futur tal-Unjoni li jkun jista’ jirfed l-ambizzjoni tal-UE u jiżgura li tista’ twettaq il-wegħdiet li tagħmel; u proposta għal Ministru Ewropew għall-Ekonomija u għall-Finanzi.
Sabiex jitlesta x-xogħol fir-rigward tal-għaxar prijoritajiet politiċi tal-President Juncker u sabiex tgħin fit-tiswir tal-UE tal-ġejjieni, il-Kummissjoni stabbiliet inizjattivi ewlenin għas-sena li ġejja fil-Programm ta’ Ħidma għall-2018. Dan tfassal bil-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewrpoea fil-kuntest tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Il-mexxejja tal-UE qablu wkoll dwar l-Aġenda tal-Mexxejja l-ġdida, li għandha tixpruna l-ħidma tal-Kunsill Ewropew sal-aħħar taċ-ċiklu leġiżlattiv attwali fl-2019.
Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni fih proposti konkreti biex jitwettaq il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari sabiex tingħata spinta lill-impjiegi u lit-tkabbir u sabiex jitlestew is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Sigurtà.
Qabel l-aħħar tas-sena, sar progress fuq għadd ta’ azzjonijiet marbuta mal-Pjan Direzzjonali. F’Settembru, fis-Summit Diġitali ta’ Tallinn, l-Estonja, l-Istati Membri qablu li jlestu s-Suq Uniku Diġitali sal-2018. F’Novembru, fis-Summit ta’ Gothenburg, l-Iżvezja, intlaħaq qbil dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jappoġġa s-swieq tax-xogħol u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali li jkunu ġusti u li jiffunzjonaw sew. F’Diċembru, il-Kummissjoni stabbiliet Pjan Direzzjonali għall-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u inkludiet il-passi konkreti li jridu jittieħdu matul it-18-il xahar li ġejjin. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll pjan direzzjonali politiku biex jintlaħaq qbil dwar il-pakkett komprensiv tal-migrazzjoni sa Ġunju 2018. F’Diċembru, waqt is-Summit Pjaneta Waħda f’Pariġi, li fih ġie kkommemorat it-tieni anniversarju tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, l-UE ħadet azzjoni fil-qasam tal-finanzjament għall-klima.
Il-Parlament Ewropew
Fis-17 ta’ Jannar 2017, Antonio Tajani ġie elett bħala l-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew. Matul is-sena, il-Parlament Ewropew indirizza firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ politika, fosthom il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi li ġie mġedded u estiż; ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi; il-kontroll tal-armi tan-nar u l-azzjoni kontra t-terroriżmu; ir-riforma tas-sistemi tal-ażil u tal-migrazzjoni legali; is-sistema ta’ dħul/ħruġ bi fruntieri intelliġenti; ir-riforma tad-drittijiet tal-awtur u tas-suq tat-telekomunikazzjoni; il-prevenzjoni tal-imblukkar ġeografiku fuq l-internet; ir-riforma tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet u l-iżvilupp ta’ regoli dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; u s-suq tal-elettriku.
Antonio Tajani ġie elett President tal-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Jannar 2017, u ħa post Martin Schulz.
Rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika tal-Venezwela rċevew il-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb waqt ċerimonja fi Strasburgu, Franza, it-13 ta’ Diċembru 2017.
Is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew regolarment jippubblika rapport dwar is-sitwazzjoni attwali tal-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Juncker.
Fost il-viżitaturi ta’ profil għoli li taw diskors fil-Parlament Ewropew fl-2017 kien hemm António Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll Alexander Van der Bellen, il-President tal-Awstrija, u Frank-Walter Steinmeier, il-President tal-Ġermanja, li t-tnejn li huma għażlu l-Parlament Ewropew għal waħda mill-ewwel żjarat uffiċjali tagħhom. Barra minn hekk, kemm Justin Trudeau, il-Prim Ministru tal-Kanada, kif ukoll Moussa Faki Mahamat, il-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, taw diskors fil-Parlament Ewropew.
Il-Kunsill Ewropew
Donald Tusk reġa’ ġie elett mill-Kunsill Ewropew bħala l-President mill-1 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Novembru 2019.
Fi Frar, il-Kunsill Ewropew organizza laqgħa informali fil-Belt Valletta, Malta, sabiex jiġu diskussi l-aspetti esterni tal-migrazzjoni u r-rotta tal-Mediterran Ċentrali. Il-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa saħaq fuq l-ekonomija, u b’mod partikolari fuq is-Suq Uniku u fuq il-kummerċ.
Fid-9 ta’ Marzu 2017, Donald Tusk reġa’ ġie elett mill-Kunsill Ewropew bħala l-President għat-tieni mandat ta’ sentejn u nofs, mill-1 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Novembru 2019.
Fid-29 ta’ Marzu, ir-Renju Unit ippreżenta notifika formali skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar l-intenzjoni tiegħu li ma jibqax parti mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Xahar wara, f’laqgħa speċjali, il-Kunsill Ewropew, magħmul mis-27 Stat Membru l-oħra, adotta linji gwida politiċi li jistabbilixxu l-approċċ tal-UE fir-rigward tan-negozjati tal-Brexit. Il-linji gwida stabbilew l-għan li jintlaħaq qbil dwar arranġamenti għal “ħruġ ordnat” mir-Renju Unit fl-ewwel fażi tan-negozjati, qabel ma jiġi stabbilit fehim komuni dwar il-qafas għal relazzjoni futura fit-tieni fażi. F’Mejju, il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali adotta deċiżjoni li sarrfet dawn il-linji gwida f’direttivi dettaljati tan-negozjati u li awtorizzat lill-Kummissjoni taġixxi bħala n-negozjatur tal-UE mar-Renju Unit. In-negozjati bdew f’Ġunju taħt it-tmexxija tal-kap negozjatur Michel Barnier, li jmexxi t-Task Force tan-Negozjati tal-Artikolu 50 tal-Kummissjoni mar-Renju Unit.
F’Ġunju ġie mtenni l-impenn li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE fir-rigward tas-sigurtà u tad-difiża, u l-mexxejja qablu dwar il-ħtieġa li tiġi mnedija Kooperazzjoni Strutturata Permanenti li tkun inklużiva u ambizzjuża.
F’Ottubru, il-Kunsill Ewropew iltaqa’ għal-laqgħa ordinarja tiegħu biex jiġu diskussi l-migrazzjoni, l-ekonomija diġitali, is-sigurtà u d-difiża, u r-relazzjonijiet esterni. Il-mexxejja vvalutaw ukoll il-progress li sar fit-twettiq tal-Aġenda ta’ Bratislava u approvaw l-Aġenda l-ġdida tal-Mexxejja, li għandha tixpruna l-ħidma tal-Kunsill Ewropew sal-aħħar taċ-ċiklu leġiżlattiv attwali fl-2019. Barra minn hekk, f'laqgħa speċjali li saret f’Ottubru, il-Kunsill Ewropew, magħmul minn 27 Stat Membru, wettaq rieżami tan-negozjati għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, u kkonkluda li ma kienx għadu sar biżżejjed progress. Il-Kunsill Ewropew stieden lis-27 Stat Membru, flimkien man-negozjatur tal-UE, biex jibdew id-diskussjonijiet interni ta’ tħejjija dwar l-arranġamenti tranżizzjonali possibbli u dwar il-qafas għar-relazzjonijiet futuri mar-Renju Unit.
F’Novembru saret laqgħa informali oħra tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern f’Gothenburg, l-Iżvezja, biex isiru diskussjonijiet dwar l-edukazzjoni u l-kultura. Qabel din il-laqgħa, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni “It-tisħiħ tal-identità Ewropea permezz tal-edukazzjoni u l-kultura”, li fiha stabbiliet viżjoni ta’ ħidma lejn Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Dan l-ewwel Summit Soċjali f’20 sena ta l-opportunità lill-mexxejja tal-UE biex itennu l-ambizzjoni tagħhom li jsaħħu d-dimensjoni soċjali tal-UE, u biex jiddiskutu dwar il-ġejjieni tal-edukazzjoni u tal-kultura. Waqt is-Summit, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħabbru u ffirmaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-regoli u l-liġijiet li jiddefinixxu l-politika soċjali tal-UE, iwasslu iktar drittijiet effettivi għaċ-ċittadini, u jappoġġaw is-swieq tax-xogħol u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali li jkunu ġusti u li jiffunzjonaw sew.
F’Diċembru, fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-2017, reġgħu ġew diskussi l-kwistjonijiet tad-difiża, l-aġenda soċjali, l-edukazzjoni u l-kultura. Il-Kunsill Ewropew laqa’ t-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti u identifika prijoritajiet biex ir-riżultati tas-Summit Soċjali ta’ Gothenburg jimxu ’l quddiem. Fil-qafas tal-Aġenda tal-Mexxejja, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern iddiskutew dwar id-dimensjonijiet esterni u interni tal-migrazzjoni. Waqt Summit tal-Ewro li sar b’format inklużiv ta’ 27 Stat Membru, il-mexxejja ddiskutew ukoll dwar kwistjonijiet marbuta mal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u mal-Unjoni Bankarja. Il-Kunsill Ewropew iltaqa’ wkoll b’dan il-format biex jadotta l-linji gwida li kkonfermaw il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li kien sar biżżejjed progress fl-ewwel fażi tan-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, u li setgħu jgħaddu għat-tieni fażi dwar l-arranġamenti tranżizzjonali u r-relazzjonijiet futuri.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Għall-ewwel darba, Malta u l-Estonja kellhom f’idejhom it-tmun tal-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Matul l-ewwel nofs tas-sena, Malta ffokat fuq il-migrazzjoni, is-sigurtà, l-inklużjoni soċjali, is-Suq Uniku u l-politiki marittimi u tal-viċinat tal-UE. Fit-tieni nofs tas-sena, l-Estonja tat attenzjoni partikolari lill-Ewropa diġitali u lill-innovazzjoni.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Fl-2017, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kien involut b’mod attiv fid-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, filwaqt li adotta riżoluzzjoni dwar il-White Paper tal-Kummissjoni u organizza dibattiti nazzjonali fl-Istati Membri. F’Ġunju, dan il-Kumitat ospita l-Ġranet tas-Soċjetà Ċivili, li jsiru kull sena, u li ffokaw fuq input qawwi mis-soċjetà ċivili fir-rigward tar-riflessjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa.
Georges Dassis, il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, jitkellem waqt il-Forum tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, Brussell, it-12 ta’ April 2017.
F’Lulju 2017, Karl-Heinz Lambertz ġie elett bħala l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Matul is-sena, dan il-Kumitat organizza sensiela ta’ avvenimenti muniċipali maċ-ċittadini dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, li laħqu l-qofol tagħhom f’Ottubru, b’29 avveniment fl-Istati Membri kollha matul il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet. Il-Kumitat tar-Reġjuni ospita wkoll it-tmien Konferenza Ewropea dwar il-Komunikazzjoni Pubblika, iddedikata għat-titjib tal-komunikazzjoni tal-gvernijiet maċ-ċittadini u għas-sensibilizzazzjoni dwar il-politiki tal-UE.
Karl-Heinz Lambertz, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, waqt l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta biex il-21 ta’ Mejju jsir il-Jum Ewropew tan-Natura 2000, Brussell, il-15 ta’ Mejju 2017.
L-Ikkompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar
Meta l-Kummissjoni Juncker bdiet il-mandat tagħha fl-2014, iddeċidiet li tiffoka fuq problemi li l-aqwa soluzzjoni għalihom tkun soluzzjoni tal-UE, minflok soluzzjonijiet nazzjonali jew lokali peress li ma jkunux effettivi. Bis-saħħa ta’ din id-deċiżjoni, l-għadd ta’ inizjattivi fil-programmi ta’ ħidma annwali tnaqqsu b’iżjed minn 80 % meta mqabbel mal-Kummissjonijiet ta’ qabel. Sabiex tikseb riżultati aħjar u twieġeb aħjar għat-talbiet taċ-ċittadini, il-Kummissjoni wessgħet it-tfassil tal-politiki u tal-liġijiet u qed tagħti iktar widen lin-nies. F’kull stadju tat-tfassil tal-politiki u tal-proċess leġiżlattiv, qed jintużaw konsultazzjonijiet pubbliċi u għodod speċjali biex jinġabru l-fehmiet tan-nies.
L-għan tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar huwa li l-politiki u l-liġijiet tal-UE jitfasslu u jiġu evalwati b’mod trasparenti, b’evidenza, u bl-appoġġ tal-fehmiet taċ-ċittadini u tal-partijiet ikkonċernati.
Ir-regolamentazzjoni aħjar hija l-forċina li tirfed il-ħidma kollha tal-Kummissjoni, u tiżgura li l-UE tagħmel dak li hemm bżonn biss, u tagħmlu sew. Minbarra li tippreżenta għadd limitat ta’ inizjattivi ta’ prijorità kull sena, dan ifisser li b’mod kostanti toqgħod b’seba’ għajnejn għal-liġi attwali tal-UE, tiżgura li tkun xierqa għall-iskop tagħha u twettaq reviżjonijiet, tħassiriet u simplifikazzjonijiet fejn ikun meħtieġ. Permezz ta’ għodda onlajn, kulħadd jista’ jagħti kontribut f’dan il-proċess billi jikkondividi l-fehmiet tiegħu dwar kif jistgħu jittejbu l-liġijiet eżistenti tal-UE.
Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni għandu l-għan li jidentifika opportunitajiet sabiex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni u sabiex jitnaqqas l-infiq bla bżonn. Kull darba li l-Kummissjoni tipproponi li tiġi rreveduta l-liġi eżistenti, tivverifika jekk tistax tiġi ssimplifikata u jekk jistgħux jitneħħew xi spejjeż bla bżonn. Ir-riżultati fil-qafas ta’ kull waħda mill-għaxar prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Juncker jistgħu jiġu mmonitorjati permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni REFIT, li turi wkoll kif ir-rakkomandazzjonijiet mingħand l-esperti u l-partijiet ikkonċernati jkunu tqiesu mill-Kummissjoni. S’issa ġew adottati 69 opinjoni, abbażi ta’ iktar minn 280 suġġeriment pubbliku dwar kif il-liġijiet tal-UE jistgħu jsiru iktar effettivi u effiċjenti.
Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju huwa korp indipendenti li jipprovdi l-kontroll tal-kwalità għax-xogħol tal-valutazzjoni tal-impatt u tal-evalwazzjoni. Fl-2017, il-Bord issokta b’ħidmitu sabiex isaħħaħ il-monitoraġġ, il-kwantifikazzjoni u l-gwida upstream, kif ukoll sabiex jiżviluppa attivitajiet regolari ta’ sensibilizzazzjoni ma’ istituzzjonijiet u ma’ għassiesa regolatorji oħra.
Flimkien mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 ġiet ippreżentata l-Komunikazzjoni “L-Ikkompletar tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar: soluzzjonijiet aħjar għal riżultati aħjar”, li tagħti rendikont tal-progress li sar s’issa u tistabbilixxi liema huma l-passi addizzjonali li l-Kummissjoni beħsiebha tieħu. L-involviment iktar estensiv mal-pubbliku, l-evalwazzjoni sistematika, il-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ kwalità għolja u l-approċċ imsaħħaħ għall-verifika tal-idoneità regolatorja wasslu għal titjib fil-valutazzjoni tal-proposti l-ġodda u tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Dan għen kemm lill-fassala tal-politiki kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati sabiex jibbażaw l-argumenti tagħhom fuq evidenza u fuq impatti mistennija.
It-Task Force għas-Sussidjarjetà, għall-Proporzjonalità u “Biex Tagħmel Inqas b’Mod Iktar Effiċjenti”
Sabiex jitlesta x-xogħol fuq l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, fl-14 ta’ Novembru 2017, il-President Juncker uffiċjalment waqqaf Task Force għas-Sussidjarjetà, għall-Proporzjonalità u “Biex Tagħmel Inqas b’Mod Iktar Effiċjenti”. It-Task Force hija ppreseduta mill-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans u se tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu applikati aħjar il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità sabiex jiġi żgurat li l-UE tieħu azzjoni biss meta tkun ta’ valur miżjud. Dan ifisser li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin — fil-livelli nazzjonali, reġjonali jew lokali — diment li l-azzjoni fil-livell tal-UE ma tkunx iktar effettiva. Ifisser ukoll li jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni ssir skont kemm hemm bżonn. It-Task Force tidentifika oqsma ta’ politika li fihom ir-riżultati jistgħu jinkisbu b’mod iktar effettiv mill-Istati Membri, u modi kif jistgħu jiġu involuti aħjar l-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tfassil u fit-twettiq tal-politiki tal-UE.
Il-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet
Fl-2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni implimentaw il-Ftehim Interistituzzjonali l-ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Wara l-adozzjoni tal-Ftehim fl-2016, it-tliet istituzzjonijiet għall-ewwel darba laħqu qbil dwar Dikjarazzjoni Konġunta li tistabbilixxi lista ta’ 58 prijorità leġiżlattiva għall-2017. L-inizjattivi ffokaw fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment; id-dimensjoni soċjali tal-UE; il-politika tal-UE dwar is-sigurtà u dwar il-migrazzjoni; is-Suq Uniku Diġitali; u soluzzjonijiet ambizzjużi għall-politiki dwar l-enerġija u dwar il-klima.
ID-DIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-2017

Mit-58 inizjattiva ppreżentati mill-Kummissjoni, sal-aħħar tas-sena twettqu 28, wara li ntlaħaq qbil bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Dawn jinkludu t-tiġdid u l-estensjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u regoli ġodda dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus. Dan it-total jinkludi l-inizjattivi li fuqhom intlaħaq qbil politiku, bil-passi formali finali tal-proċess leġiżlattiv li jridu jitlestew fil-bidu tal-2018.
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea (lemin), flimkien ma’ Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew (xellug), u Jüri Ratas, il-Prim Ministru tal-Estonja (fin-nofs), waqt l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2018–2019, Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2017.
F’Diċembru, il-Presidenti tat-tliet istituzzjonijiet wettqu rieżami tal-progress li kien sar, u laħqu qbil fuq 31 prijorità oħra li jridu jaħdmu fuqha flimkien iktar mill-qrib sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar tal-ġejjieni. Fadal 18-il xahar sal-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew, u dan il-qafas effettiv ta’ prijoritajiet juri li l-UE tista’ twassal ir-riżultati għaċ-ċittadini tagħha meta u fejn ikun hemm il-bżonn.
Matul is-sena, il-Kummissjoni bdiet negozjati formali mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill dwar proposta leġiżlattiva ewlenija biex jiġu allinjati iktar minn 160 biċċa leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE mat-Trattat ta’ Lisbona. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet ġuridiċi antiki li jridu jiġu aġġornati sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni uniformi fl-Istati Membri. Il-proposta tqis ukoll il-progress teknoloġiku u xjentifiku li sar.
Barra minn hekk, it-tliet istituzzjonijiet bdew jinnegozjaw kriterji li, meta jilħqu qbil fuqhom, se jibdew jgħinu biex issir distinzjoni iktar faċilment bejn l-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni, li huma ż-żewġ tipi ta’ għoti ta’ setgħa offruti mit-Trattat ta’ Lisbona. Flimkien huma żviluppaw ir-Reġistru Interistituzzjonali għall-Atti Delegati, li ġie mniedi b’mod formali fit-12 ta’ Diċembru, u li se jipprovdi informazzjoni kompluta u trasparenza fir-rigward tal-passi kollha fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ att delegat.
Monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE
Sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jgawdu mill-benefiċċji kollha tal-liġi tal-UE, huwa kruċjali li l-Istati Membri jittrasponu d-Direttivi tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom skont l-iskadenzi li impenjaw ruħhom li jżommu, u li japplikaw il-liġi tal-UE b’mod korrett.
F’Lulju, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport Annwali tagħha dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, u saħqet fuq ix-xejriet ewlenin fl-2016. Dan ir-rapport innota żieda ġenerali ta’ 21 % fil-każijiet miftuħa ta’ ksur meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Sal-aħħar tal-2017, kien hemm iżjed minn 1,500 każ miftuħ ta’ ksur kontra t-28 Stat Membru, meta mqabbel ma’ 1,300 każ biss sal-aħħar tal-2013.
B’konformità mal-Komunikazzjoni “Il-liġi tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar”, li ġiet adottata f’Diċembru 2016, il-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha biex tapplika, timplimenta u tinforza l-liġi tal-UE. B’mod partikolari, se tuża għalkollox is-sistema ta’ sanzjonijiet finanzjarji f’każijiet meta l-Istati Membri ma jittrasponux Direttiva fil-liġi nazzjonali skont l-iskadenza maqbula.
PROĊEDIMENTI TA’ KSUR MIBDIJA MILL-KUMMISSJONI EWROPEA

L-għoti ta’ opportunità liċ-ċittadini biex jagħtu kontribut fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE
Bħala parti mill-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, issa hemm iktar opportunitajiet għaċ-ċittadini biex jagħtu kontribut fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE. Fi Frar 2017, ġie varat portal web ġdid għaċ-ċittadini u għall-partijiet ikkonċernati biex ikollhom l-opportunità jagħtu kontribut tul iċ-ċiklu kollu tat-tfassil tal-politiki. Il-fehmiet tagħhom dwar l-inizjattivi l-ġodda jinġabru, mill-ideat inizjali stabbiliti fil-pjanijiet direzzjonali sal-proposti leġiżlattivi, u jiġu ppubblikati minnufih biex b’hekk tiżdied it-trasparenza. Matul is-sena, kważi nofs miljun persuna żaru t-taqsima tal-fehmiet fil-portal.
Trasparenza u responsabbiltà
Komitoloġija
Sabiex tiżgura li jkun hemm iktar trasparenza u iktar responsabbiltà, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet riforma tas-sistema tal-komitoloġija, li permezz tagħha l-Istati Membri tal-UE jikkontrollaw kif il-Kummissjoni timplimenta l-liġi tal-UE. Dan se jobbligahom jieħdu pożizzjonijiet ċari, u b’hekk juru iktar responsabbiltà politika meta tintalab l-opinjoni tagħhom fir-rigward ta’ deċiżjonijiet sensittivi.
Ir-Reġistru Konġunt tat-Trasparenza
Iktar minn 11,500 entità huma elenkati fir-Reġistru tat-Trasparenza eżistenti, u iżjed minn 7,000 minnhom issieħbu minn mindu l-Kummissjoni adottat regoli ġodda f’Novembru 2014 li permezz tagħhom ir-reġistrazzjoni saret obbligatorja biex ikollhom laqgħa mal-entitajiet ewlenin li jieħdu d-deċiżjonijiet.
Fl-2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex tistabbilixxi Reġistru Konġunt tat-Trasparenza li jkun obbligatorju u li jkopri l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u, għall-ewwel darba, il-Kunsill. Din il-proposta għandha l-għan li tikseb sistema soda u standards għoljin ta’ trasparenza fit-tliet istituzzjonijiet. Il-Parlament u l-Kunsill adottaw il-mandati tagħhom ta’ negozjar fl-2017, u n-negozjati għandhom jibdew fil-bidu tal-2018.
L-AĠENDA GĦAL REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR

Kodiċi ta’ Mġiba ġdid għall-Membri tal-Kummissjoni
Huwa mistenni li wara l-proċedura ta’ konsultazzjoni tal-Parlament, fi Frar 2018 jidħol fis-seħħ Kodiċi ta’ Mġiba ġdid li se jistabbilixxi standards ġodda u jsaħħaħ ir-regoli etiċi għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea.
Aċċess għad-dokumenti
F’Settembru, ġie adottat ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar l-Aċċess għad-Dokumenti, li huwa għodda importanti fil-promozzjoni tat-trasparenza, u wera li ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet qed jeżerċitaw dan id-dritt b’mod attiv. Waslu iktar minn 6,000 applikazzjoni inizjali għal aċċess għad-dokumenti. Id-dokumenti mitluba ngħataw għalkollox jew parzjalment f’iżjed minn 81 % tal-każijiet.
Kontroll tal-baġit tal-UE
Wara rakkomandazzjoni pożittiva mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni finali tiegħu f’April 2017 għall-mod kif il-Kummissjoni implimentat il-baġit tal-UE fl-2015.
F’Lulju l-Kummissjoni ppreżentat il-Pakkett Integrat tar-Rapportar Finanzjarju dwar il-baġit tal-UE tal-2016, u ġabret flimkien l-informazzjoni kollha disponibbli dwar id-dħul, l-infiq, il-ġestjoni finanzjarja u l-prestazzjoni. Ir-rapporti wrew li l-baġit tal-UE wassal riżultati b’konformità mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni u li ġie implimentat kif suppost. F’Settembru, għall-għaxar sena konsekuttiva, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ħarġet dokument ta’ aċċertament tal-korrettezza tal-kontijiet annwali tal-UE, u sabet li huma veri u ġusti. Barra minn hekk, il-Qorti sabet inqas żbalji fl-oqsma tal-infiq meta mqabbel ma’ dak li ġie rrapportat fit-tliet snin ta’ qabel, u għall-ewwel darba ħarġet opinjoni kkwalifikata (minflok waħda avversa) dwar il-livell ġenerali stmat ta’ żbalji. Għal bejn wieħed u ieħor nofs l-infiq tal-UE, ir-rata ta’ żball lanqas biss laħqet il-livell meqjus mill-Qorti bħala żball materjali. Fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit, ma nstab l-ebda żball.
Klaus-Heiner Lehne, il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, jippreżenta r-Rapport Annwali tal-Attività tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-2016, il-Lussemburgu, l-24 ta’ April 2017.
Il-parlamenti nazzjonali
F’Ġunju ġew ippubblikati żewġ rapporti annwali: ir-Rapport Annwali tal-2016 dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità; u r-Rapport Annwali tal-2016 dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlamenti Nazzjonali.
Matul l-2017, waslu total ta’ 576 opinjoni mill-parlamenti nazzjonali, fosthom 53 opinjoni motivata li ntbagħtu fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta’ Kontroll tas-Sussidjarjetà, li kienu tal-fehma li l-atti leġiżlattivi ppreżentati mill-Kummissjoni ma kinux konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-Kummissjoni kompliet issaħħaħ id-djalogu politiku tagħha mal-parlamenti nazzjonali. B’mod partikolari, il-Kummissarji ltaqgħu mal-parlamenti nazzjonali 217-il darba matul is-sena, jew waqt żjarat fl-Istati Membri jew inkella meta d-deputati parlamentari nazzjonali żaru Brussell. Membri tal-Kummissjoni attendew ukoll diversi laqgħat interparlamentari u avvenimenti oħra li fihom iltaqgħu mad-deputati parlamentari nazzjonali.
ŻJARAT FIL-PARLAMENTI NAZZJONALI

L-Ombudsman Ewropew
Fl-2017 l-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-Unjoni Ewropea koprew suġġetti orizzontali bħall-Kodiċi ta’ Mġiba tal-Kummissarji, il-Kumitat Etiku Ad Hoc, il-ħatra tal-konsulenti speċjali tal-Kummissjoni, it-trasparenza u l-kompożizzjoni tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni, u l-indirizzar tal-ilmenti dwar ksur fil-qafas tal-iskema EU Pilot. Barra minn hekk, ġew indirizzati wkoll suġġetti speċifiċi bħall-problemi marbuta mas-sejħiet għall-offerti, mal-kuntratti, mal-morożità fil-ħlas, mal-kwistjonijiet individwali tal-persunal u mal-aċċess għad-dokumenti.
Emily O’Reilly, l-Ombudsman Ewropew, tippreżenta l-Premju tal-Ombudsman Ewropew għal Amministrazzjoni Tajba, Brussell, it-30 ta’ Marzu 2017.
L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej
Il-Kummissjoni rreġistrat tmien Inizjattivi ġodda matul is-sena, u rrikonoxxiet il-ġbir b’suċċess ta’ firem għal Inizjattiva waħda. F’Settembru, bħala parti mill-pakkett tal-Istat tal-Unjoni, tressqet proposta biex tiġi rriformata l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej sabiex b’hekk tkun iktar aċċessibbli u faċli għall-utenti. Ir-reviżjoni għandha l-għan li permezz tagħha l-Inizjattiva taċ-Ċittadini tilħaq il-milja sħiħa tagħha bħala għodda biex tqanqal id-dibattitu demokratiku u tippermetti liċ-ċittadini jagħtu kontribut fl-aġenda tal-UE.
Fit-12 ta’ Diċembru, wara l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li fl-2018 tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tkompli tiżdied it-trasparenza u l-kwalità tal-istudji li jintużaw fil-valutazzjoni xjentifika tas-sustanzi mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel. Fir-rigward tat-talba għal projbizzjoni tal-glifosat, l-UE kienet tal-fehma li la kien hemm raġunijiet xjentifiċi u lanqas raġunijiet ġuridiċi li jiġġustifikaw tali projbizzjoni.
Id-Djalogi taċ-Ċittadini
Matul l-2017, il-Kummissjoni kompliet tinvolvi ruħha mal-pubbliku permezz tad-Djalogi taċ-Ċittadini. Matul is-sena, il-President tal-Kummissjoni, il-Viċi Presidenti u l-Kummissarji, flimkien ma’ għadd ta’ Membri tal-Parlament Ewropew u ta’ politiċi nazzjonali, ħadu sehem f’156 Djalogu. Dawn kienu kkomplementati b’161 Djalogu taċ-Ċittadini oħra b’uffiċjali għoljin mill-Kummissjoni.
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, waqt l-avveniment tad-Djalogu taċ-Ċittadini fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti, Bucharest, ir-Rumanija, il-11 ta’ Mejju 2017.
Fost il-mumenti li spikkaw kien hemm id-Djalogi mal-President Juncker u Miro Cerar, il-Prim Ministru tas-Slovenja, f’Ljubljana, is-Slovenja, f’jum l-adozzjoni tal-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa f’Marzu; mal-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Timmermans fi Stokkolma, l-Iżvezja, biex jiċċelebraw Jum l-Ewropa f’Mejju; u mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini u Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta’ Malta, f’Ruma, l-Italja, lejlet is-60 anniversarju tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma.
F’Settembru, Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, ipparteċipa f’Djalogu taċ-Ċittadini f’Norcia, l-Italja, mal-Kummissarju Tibor Navracsics, filwaqt li l-Kummissarju Corina Crețu u Karl-Heinz Lambertz, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, ħadu sehem fi Djalogu f’Bucharest, ir-Rumanija.
ID-DJALOGI TAĊ-ĊITTADINI SEĦĦEW F’160 POST MADWAR L-UE FL-2017

ID-DJALOGI TAĊ-ĊITTADINI FL-2017: SENSIBILIZZAZZJONI

It-317-il Djalogu taċ-Ċittadini li seħħew matul is-sena taw l-opportunità liċ-ċittadini u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jitkellmu wiċċ imb wiċċ, u taw prijorità partikolari biex jiġu diskussi r-reazzjonijiet taċ-ċittadini fir-rigward tal-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u l-kwistjonijiet li huma l-iżjed importanti għalihom, fosthom l-Ewropa soċjali, l-involviment taż-żgħażagħ, u t-tħassib li l-populisti qed ikunu ta’ sfida għad-demokrazija u għall-għaqda fl-UE. Id-Djalogi seħħew f’160 belt u raħal f’27 Stat Membru, u kien hemm attendenza ta’ iktar minn 50,000 ruħ, b’193,000 spettatur oħra li segwew disa’ Djalogi taċ-Ċittadini li xxandru f’ħin reali fuq Facebook.
Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea
Fit-23 ta’ Ġunju 2016, il-maġġoranza taċ-ċittadini tar-Renju Unit li vvutaw fir-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea vvutaw favur li joħorġu mill-UE. Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew b’mod formali li beħsiebu joħroġ mill-UE u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). B’hekk skatta l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxi l-proċedura biex Stat Membru joħroġ mill-Unjoni.
Il-proċess tan-negozjar
F’laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew fid-29 ta’ April, il-mexxejja tas-27 Stat Membru l-oħra adottaw linji gwida politiċi dwar il-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-UE. Dawn iddefinew il-qafas għan-negozjati u stabbilew il-pożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali tal-UE. Erbat ijiem wara, il-Kummissjoni bagħtet Rakkomandazzjoni lil Kunsill biex jinfetħu n-negozjati tal-Artikolu 50 mar-Renju Unit, u inkludiet abbozzi ta’ direttivi tan-negozjati.
Fit-22 ta’ Mejju, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit u li tinnomina b’mod formali lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-UE. Il-Kunsill adotta wkoll l-ewwel sett ta’ direttivi tan-negozjati. Dawn stipulaw struttura ċara u approċċ magħqud tal-UE għan-negozjati.
L-UE hija rrappreżentata minn Michel Barnier, li kien inħatar Kap Negozjatur mill-Kummissjoni Ewropea. Task Force fil-Kummissjoni Ewropea taħt l-awtorità ta’ Michel Barnier tikkoordina x-xogħol fir-rigward tal-kwistjonijiet strateġiċi, operattivi, ġuridiċi u finanzjarji kollha marbuta man-negozjati. Matul in-negozjati, il-Kummissjoni tirrapporta lura lill-mexxejja u lill-Kunsill, u żżomm ukoll lill-Parlament Ewropew infurmat mill-qrib u b’mod regolari.
L-ewwel fażi tan-negozjati
L-ewwel fażi tat-taħditiet bdiet fid-19 ta’ Ġunju, ftit wara l-elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit. L-għan tal-ewwel fażi kien li tipprovdi l-ikbar ċarezza u ċertezza legali possibbli u ssib soluzzjoni għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.
Matul l-2017 kien hemm sitt rawnds ta’ negozjar li ffokaw fuq tliet kwistjonijiet ta’ prijorità: il-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini; il-qafas biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi uniċi fl-Irlanda u fl-Irlanda ta’ Fuq; u s-saldu finanzjarju biex jiġi żgurat li kemm l-UE kif ukoll ir-Renju Unit jirrispettaw l-obbligi finanzjarji tagħhom li huma ħadu qabel il-ħruġ. Barra minn hekk, in-negozjati koprew kwistjonijiet oħra ta’ separazzjoni.
F’laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ottubru, il-mexxejja tal-EU-27 qablu li jagħtu bidu għal tħejjijiet interni għat-tieni fażi tat-taħditiet, filwaqt li appellaw biex isir iktar progress fir-rigward tat-tliet oqsma ta’ prijorità. Barra minn hekk, stqarrew ukoll li se jerġgħu jivvalutaw is-sitwazzjoni fis-summit tagħhom f’Diċembru sabiex jiddeterminaw jekk ikunx sar biżżejjed progress fir-rigward ta’ kull waħda mit-tliet kwistjonijiet.
Fit-8 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea rrakkomandat li l-Kunsill Ewropew jikkonkludi li kien sar biżżejjed progress fl-ewwel fażi tan-negozjati tal-Artikolu 50 mar-Renju Unit. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq Rapport Konġunt maqbul bejn in-negozjaturi tal-Kummissjoni u tal-gvern tar-Renju Unit, approvat minn Theresa May, il-Prim Ministru tar-Renju Unit, waqt laqgħa ma’ Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea.
Fil-15 ta’ Diċembru, il-Kunsill Ewropew ikkonferma li kien sar biżżejjed progress, u l-mexxejja adottaw linji gwida biex jgħaddu għat-tieni fażi tan-negozjati, sabiex jindirizzaw l-arranġamenti tranżizzjonali possibbli u r-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.
Il-fażi li jmiss tan-negozjati
Fl-20 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet Rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jibdew id-diskussjonijiet dwar il-fażi li jmiss tan-negozjati, u inkludiet abbozzi ta’ direttivi tan-negozjati. Dawn isostnu d-direttivi tan-negozjati minn Mejju 2017 u jistabbilixxu dettalji addizzjonali dwar l-arranġamenti tranżizzjonali possibbli.
Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni ttenni l-ħtieġa li r-riżultati tal-ewwel fażi tan-negozjati jissarrfu f’termini ġuridiċi, kif deskritt fil-Komunikazzjoni u fir-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tenfasizza li jeħtieġ li jitlesta x-xogħol fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha tal-ħruġ. Fosthom insibu dawk li għadhom ma ġewx indirizzati fl-ewwel fażi, bħal pereżempju l-governanza ġenerali tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kif ukoll ma’ kwistjonijiet sostantivi, bħal pereżempju l-akkwist pubbliku, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-protezzjoni tad-dejta u l-merkanzija mqiegħda fis-suq qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. B’konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew tal-15 ta’ Diċembru, id-direttivi addizzjonali tan-negozjati dwar l-arranġamenti tranżizzjonali kellhom jiġu adottati f’Jannar 2018.
In-negozjati għandhom jitlestew sal-ħarifa 2018 sabiex jitħalla biżżejjed żmien qabel id-29 ta’ Marzu 2019 għall-Ftehim dwar il-Ħruġ li jrid jiġi konkluż mill-Kunsill, wara li jinkiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew, u li jrid jiġi approvat mir-Renju Unit b’konformità mal-proċeduri tiegħu stess.
Il-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu jqis il-qafas tar-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-ftehim innifsu jista’ jiġi konkluż biss wara li r-Renju Unit joħroġ mill-UE. Il-mexxejja tal-UE ddikjaraw li huma lesti li jibdew id-diskussjonijiet preliminari u ta’ tħejjija dwar il-qafas għal dik ir-relazzjoni futura matul it-tieni fażi tan-negozjati tal-Artikolu 50.
Mumenti eċċezzjonali fl-2017
Ċerimonja Ewropea ta’ Ġieħ għal Helmut Kohl (1930–2017), l-eks Kanċillier tal-Ġermanja, fil-Parlament Ewropew, Strasburgu, Franza, l-1 ta’ Lulju 2017.
Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, Antonio Tajani, il-President tal-Parlament Ewropew, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, jirċievu l-Premju tal-2017 tal-Fondazzjoni Prinċipessa tal-Asturji għall-Konkordja f’isem l-Unjoni Ewropea mir-Re Felipe VI ta’ Spanja, Oviedo, l-20 ta’ Ottubru 2017.
Kif tikkuntattja lill-UE
ONLINE
L-informazzjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea hi disponibbli fuq is-sit web Europa: https://europa.eu/european-union/index_mt
PERSONALMENT
Madwar l-Ewropa kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni lokali tal-UE.
Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
BIT-TELEFOWN JEW BIL-POSTA ELETTRONIKA
Europe Direct hu servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea.
Tista’ tikkuntattja dan is-servizz permezz ta’ numru tat-telefon bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi tat-telefonija mobbli ma jagħtux aċċess għal numri 00 800 jew jistgħu jitolbu ħlas għal dawn it-telefonati), jew b’payphone minn barra mill-UE: +32 22999696, jew b’ittra elettronika fuq https://europa.eu/european-union/contact_mt
AQRA DWAR L-EWROPA
Il-pubblikazzjonijiet dwar l-UE jinsabu klikk ’il bogħod fuq is-sit web: https://op.europa.eu/mt/publications
RAPPREŻENTAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
Il-Kummissjoni Ewropea għandha uffiċċji (rappreżentazzjonijiet) fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea: https://ec.europa.eu/info/contact/local-offices-eu-member-countries_mt
UFFIĊĊJI TAL-INFORMAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Il-Parlament Ewropew għandu uffiċċju tal-informazzjoni f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea: http://www.europarl.europa.eu/atyourservice/mt/information_offices.html
DELEGAZZJONIJIET TAL-UNJONI EWROPEA
L-Unjoni Ewropea għandha wkoll delegazzjonijiet fi bnadi oħra madwar id-dinja: https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/area/geo_mt
Dwar
L-UE fl-2017 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropeax
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Informazzjoni għaċ-ċittadini
1049 Brussell
IL-BELGJU
L-UE fl-2017 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fit-28 ta’ Frar 2018 bir-referenza C(2018) 1280.
Dwar
Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
| ISBN 978-92-79-71261-6 | ISSN 1725-6941 | doi:10.2775/058196 | |
| ISBN 978-92-79-71243-2 | ISSN 1977-3501 | doi:10.2775/264316 | |
| EPUB | ISBN 978-92-79-71234-0 | ISSN 1977-3501 | doi:10.2775/913 |
| HTML | ISSN 1977-3501 | doi:10.2775/57516 |
Punti ewlenin
| ISBN 978-92-79-71204-3 | ISSN 2443-9274 | doi:10.2775/165702 | |
| ISBN 978-92-79-71140-4 | ISSN 2443-9509 | doi:10.2775/68813 | |
| EPUB | ISBN 978-92-79-71180-0 | ISSN 2443-9509 | doi:10.2775/03231 |
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali. Għal kwalunkwe użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti individwali, għandu jinkiseb permess direttament mid-detenturi tad-dritt tal-awtur.
KREDITI
Ir-ritratti kollha huma © L-Unjoni Ewropea, ħlief jekk jingħad mod ieħor.
Fuq il-qoxra
- Iżjed minn 900 impjegat tal-Kummissjoni Ewropea ffurmaw in-numru 60 biex jiċċelebraw is-60 anniversarju tat-Trattati ta’ Ruma. (© L-Unjoni Ewropea)
- Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea. (© L-Unjoni Ewropea)
- Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, Narendra Modi, il-Prim Ministru tal-Indja, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, waqt is-Summit bejn l-UE u l-Indja f’New Delhi, l-Indja, is-6 ta’ Ottubru 2017. (© L-Unjoni Ewropea)
- Fid-9 ta’ Marzu 2017, Donald Tusk reġa’ ġie elett mill-Kunsill Ewropew bħala l-President għat-tieni mandat ta’ sentejn u nofs, mill-1 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Novembru 2019. (© L-Unjoni Ewropea)
- F’summit tal-UE fi Brussell, il-mexxejja tal-UE jippożaw għal ritratt flimkien waqt it-tnedija tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti, li permezz tagħha dawk l-Istati Membri li jridu jistgħu jkollhom kooperazzjoni ikbar fid-difiża u fis-sigurtà, l-14 ta’ Diċembru 2017. (© L-Unjoni Ewropea)
- Antonio Tajani ġie elett President tal-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Jannar 2017, u ħa post Martin Schulz. (© L-Unjoni Ewropea)
- It-tariffi tar-roaming fl-UE tneħħew fil-15 ta’ Ġunju 2017. Iċ-ċittadini tal-UE li jivvjaġġaw minn Stat Membru għall-ieħor jistgħu “jużaw ir-roaming daqslikieku f’pajjiżhom” u jħallsu prezzijiet domestiċi għat-telefonati, għall-messaġġi u għad-dejta bir-roaming. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-mexxejja tal-UE ħabbru l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali waqt is-Summit Soċjali għal impjiegi u tkabbir ġusti f’Gothenburg, l-Iżvezja, is-17 ta’ Novembru 2017. (© L-Unjoni Ewropea)
- Parteċipanta tistaqsi domanda f’wieħed mit-317-il Djalogu taċ-Ċittadini li kien hemm madwar l-UE kollha fl-2017, f’Toruń, il-Polonja, id-29 ta’ Mejju 2017. (© L-Unjoni Ewropea)
- L-Unjoni Ewropea tagħti ġieħ lil Helmut Kohl, l-eks Kanċillier tal-Ġermanja, li miet ta’ 87 sena fis-16 ta’ Ġunju 2017. (© L-Unjoni Ewropea)
- Joseph Muscat, il-Prim Ministru ta’ Malta, Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, u Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, waqt konferenza stampa fil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE, Malta, it-3 ta’ Frar 2017. (© L-Unjoni Ewropea)
L-UE fl-2017



