L-UE fl-2016
Trid issir taf x’kisbet l-UE fl-2016? Fejn wasal it-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE? X’miżuri ħadet biex tagħti spinta lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment? X’inhi l-ambizzjoni tal-Korpi Ewropej ta’ Solidarjetà li għadhom kemm twaqqfu? Fejn wasalna fil-migrazzjoni? Dwar il-ftehim kummerċjali l-ġdid mal-Kanada? Jew kif gawdew iċ-ċittadini tal-UE mill-Unjoni? It-tweġibiet ta’ dawn il-mistoqsijiet u iżjed tagħrif tista’ ssibhom f’L-UE fl-2016.
Daħla
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qed jippreżenta d-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2016 fil-Parlament Ewropew, Strasburgu, Franza, l-14 ta’ Settembru 2016.
Matul is-sena, ix-xenarju politiku Ewropew u dinji nbidel ferm iżjed milli bosta basru. Madankollu, l-UE baqgħet sors ta’ reżiljenza, stabbiltà u xprun ’il quddiem għaċ-ċittadini tagħha. L-UE tat importanza lill-oqsma li jinteressaw l-iżjed lill-Ewropej u tħabtet bla heda biex tegħleb l-iżjed sfidi diffiċli għaliha.
Dan il-progress issejjes fuq sens ġdid ta’ għaqda u impenn fost iċ-ċittadini tal-UE. F’Settembru, is-27 Stat Membru li ltaqgħu fi Bratislava ftiehmu b’Dikjarazzjoni u bi Pjan Direzzjonali fuq l-aġenda pożittiva għal azzjoni kollettiva li semmejt fid-diskors tiegħi dwar l-Istat tal-Unjoni. Din il-laqgħa, tliet xhur biss wara r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit, kienet waqt importanti għall-pajjiżi membri fl-UE biex jingħaqdu u jħarsu ’l quddiem. Biex isaħħu dan l-impetu, it-tliet istituzzjonijiet tal-UE: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea qablu fuq l-ewwel Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi tal-UE għall-2017 u ffirmawha f’Diċembru.
L-isfidi komuni nistgħu negħlbuhom biss jekk naħdmu għalenija u nsawru Unjoni Ewropea li tipproteġi, li tħares l-istil tal-ħajja Ewropea, li tagħti s-setgħa liċ-ċittadini, li tiddefendi f’artha u lil hinn, u li terfa’ r-responsabbiltà.
Matul l-aħħar sena mxejna ’l quddiem biex jintlaħaq dan il-għan, iżda jonqos ħafna aktar xi jsir. Il-qgħad fl-UE hu l-inqas mill-2009 sal-lum; u l-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas b’10 % fl-aħħar sena iżda għadu għoli, l-aktar fi bnadi fl-UE li ħadu fit-tul biex irkupraw.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni fl-2016 impenjat ruħha li ssaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, li diġà għenet 9 miljun żagħżugħ u żagħżugħa biex ikollhom xogħol, edukazzjoni jew taħriġ. Minbarra dan, il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-fondi tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ b’€2 biljun. Sal-2020, dawn se jwieżnu lil miljun żagħżugħ u żagħżugħa oħra.
Iżda fejn jidħlu ż-żgħażagħ — il-ġejjieni tagħna — irridu ninvestu iżjed minn flus. Fl-2016 ittieħdet inizjattiva partikolari li hi tassew għal qalbi: it-tnedija tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Il-Korp Ewropew jiftaħ il-bibien għaż-żgħażagħ biex ikunu voluntiera f’attivitajiet ta’ solidarjetà madwar l-UE, biex jgħinu lill-iżjed persuni vulnerabbli, jiksbu ħiliet ġodda u jsawru rabtiet ġodda. Dan hu investiment fil-futur tagħna. Għalkemm għadha inizjattiva friska, f’xahar iż-żgħażagħ Ewropej li rreġistraw jaqbżu t-18,000. Nistgħu nserrħu moħħna!
Lil dawn iż-żgħażagħ irridu nagħtuhom l-appoġġ billi nreġġgħulhom l-ekonomija lura fuq saqajha. U għalhekk f’Settembru ħabbart li se nwessgħu l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, proposta li l-Kunsill approva f’Diċembru.
In-numri jitkellmu waħedhom: ġew ippjanati €164 biljun għal investimenti fit-28 Stat Membru tal-UE, u twarrbu €22.4 biljun biex jintużaw għal proġetti infrastrutturali.
Dan hu investiment ukoll biex nimxu id f’id mad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna. Għalhekk, fl-2016, il-Kummissjoni pproponiet li s-swieq tat-telekomunikazzjoni tal-UE jinbidlu mill-qiegħ. Jekk ninvestu f’netwerks u servizzi ġodda, fl-għaxar snin li ġejjin jinħolqu 1.3 miljun impjieg ġdid.
Fl-2016 għamilna progress ukoll fejn tidħol il-migrazzjoni. Issa l-UE fasslet strateġija komprensiva biex issalva l-ħajjiet, tipproteġi l-fruntieri tagħha u biex tittratta t-talbiet għall-ażil tal-persuni li jaslu fix-xtut tagħna. Fi ftit żmien waqqafna l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Ħdimna mat-Turkija biex inwettqu d-Dikjarazzjoni UE-Turkija ħalli neqirdu l-mudell tan-negozju tal-kuntrabandisti tal-bnedmin u tat-traffikanti, u niftħu rotot sikuri u legali għal min tassew jeħtieġ il-protezzjoni tagħna. Bis-sħubijiet il-ġodda tal-migrazzjoni qed naħdmu qatigħ mal-pajjiżi ġirien fl-Afrika biex negħlbu l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni illegali. Qed nagħtu wiċċ ġdid lill-politika tal-ażil ħalli ndaħħlu fis-seħħ Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil li tkun ġenwina.
Unjoni Ewropea li tipproteġi hija Unjoni Ewropea li tiddefendi u tagħti s-setgħat — f’artna u lil hinn. Is-sena l-oħra, l-Unjoni kompliet tiddefendi l-valuri tagħha tal-aċċess miftuħ, il-libertà, it-tolleranza u s-solidarjetà. Il-bqija tad-dinja hekk tistenna minna bħala forza dinjija pożittiva. Fl-2016 bqajna noħolqu rabtiet ġodda mas-sħab tagħna u dawn joħorġu fid-dieher bis-sħubija kummerċjali l-ġdida mal-Kanada. Din tixhed l-impenn tagħna li naħdmu ma’ sħab tal-istess fehma biex noħolqu opportunitajiet fl-UE u lil hinn.
L-atti terroristiċi traġiċi li ġraw fuq artna matul l-aħħar sena wrewna mill-ġdid għal xiex qed nitħabtu — l-istil tal-ħajja Ewropea. Fi żminijiet ebsin għalina lkoll, irridu nibqgħu leali lejn il-valuri tagħna u lejna nfusna. Irridu niddefendu l-prinċipji li fuqhom tissejjes is-soċjetà tagħna: id-demokrazija, l-aċċess miftuħ, it-tolleranza u d-diversità. Irridu niddefendu lilna nfusna minn min jixtiqilna d-deni.
Għaldaqstant tajna prijorità lis-sigurtà — permezz tal-kriminalizzazzjoni tat-terroriżmu u tal-ġellieda barranin madwar l-UE, it-trażżin tal-użu tal-armi tan-nar u tal-finanzjamenti tat-terroriżmu, il-ħidma mal-kumpaniji tal-internet biex titneħħa l-propaganda terroristika, u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni fl-iskejjel u fil-ħabsijiet tal-UE. Barra minn hekk, se nipproteġu wkoll il-fruntieri tagħna: il-Kummissjoni pproponiet li jinżamm rekord dwar kull persuna li tasal għal żjara qasira fl-UE, kull pajjiż li taqsam, fejn u meta.
Iżda dan jista’ jseħħ biss jekk inżommu l-għaqda li wrew l-EU-27 u l-istituzzjonijiet tal-UE matul l-2016.
Issa l-ambizzjoni tagħna, bħala l-Unjoni Ewropea, mhix biss li sempliċiment nadattaw għal dinja li qed tinbidel iżda anki li nagħtuha sura. L-għan tagħna mhux biss li nibżgħu għal dak li ksibna, iżda li noħolqu soċjetà aħjar għall-ġenerazzjoni t’għada.
Uliedna jistħoqqilhom Ewropa li tħares l-istil tal-ħajja tagħhom. Jixirqilhom Ewropa li tagħtihom is-setgħa u tiddefendihom. Ħaqqhom Ewropa li tipproteġihom. Wasal iż-żmien li aħna — l-istituzzjonijiet, il-gvernijiet u ċ-ċittadini — nerfgħu biċċa mir-responsabbiltà kull wieħed biex nibnu dik l-Ewropa. Flimkien.
Jean-Claude Juncker
L-UE fl-2016
Kapitlu 1
Nagħtu spinta ġdida lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment
“L-ewwel prijorità tiegħi bħala l-President tal-Kummissjoni se tkun li nsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u nixpruna l-investiment biex jinħolqu l-impjiegi.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Jyrki Katainen qed iwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar fejn wasal il-pjan ta’ investiment għall-Ewropa, Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2016.
Minn mindu faqqgħu l-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji madwar id-dinja, l-investiment fl-Unjoni Ewropea ħa daqqa ta’ ħarta. Għalhekk l-UE teħtieġ sforzi kollettivi u koordinati fil-livell tal-Unjoni biex terġa’ tqum fuq saqajha. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin li kellha l-UE fl-2016 kienet il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir, imsejsin fuq il-kisbiet tas-sena ta’ qabel.
Fl-2016, il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ġġenera investimenti ġodda mal-UE kollha li jaqbżu l-€163 biljun. Billi dan il-Pjan irnexxa, f’Settembru 2016 il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, ħabbar li l-ewwel mira tal-Pjan, jiġifieri li sal-2020 isiru investimenti li jlaħħqu t-€315-il biljun, issa twessgħet għal mill-inqas €500 biljun, u għal €630 biljun sal-2022. Imbagħad f’Diċembru, il-Kunsill Ewropew appoġġa l-proposta biex jitwal il-perjodu taż-żmien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew ġdid biex iħeġġeġ l-investiment fl-Afrika u fil-viċinat tal-UE ħalli jissaħħu s-sħubijiet tal-UE u jgħin biex jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli.
Il-Kummissjoni ssimplifikat il-proċedura biex jinstabu u jingħarblu l-iżbilanċi makroekonomiċi u biex tagħti iżjed attenzjoni lix-xogħol u lill-kunsiderazzjonijiet soċjali waqt is-Semestru Ewropew (iċ-ċiklu ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE). Il-Kummissjoni pproponiet ukoll għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal riformi strutturali, filwaqt li saħqet bil-qawwa fuq il-politiki li jtejbu t-tkabbir bħar-riċerka u l-innovazzjoni.
Matul is-sena, diversi politiki għenu biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-UE, fosthom dawk fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-politika reġjonali, it-trasport, ix-xogħol, l-ambjent, l-agrikoltura u s-sajd. Barra minn hekk, tnieda ċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti, issokta s-suċċess tal-programm tal-UE għall-intrapriżi żgħar u medji u żdied il-finanzjament tal-Pjan tal-Investiment ħalli tingħata ċertu attenzjoni lin-negozji ż-żgħar biex jingħataw aċċess akbar għall-finanzjamenti u għall-appoġġ tekniku.
Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa
Fl-2015, il-Kummissjoni, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, nediet il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Inħoloq ukoll il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi b’fond inizjali ta’ €21 biljun mill-fondi tal-UE.
Il-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment Werner Hoyer qed jindirizza lill-Forum Ekonomiku ta’ Brussell 2016, Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2016.
Fl-2016 il-fond mexa kif ippjanat biex sa nofs l-2018 jirnexxilu jiġġenera investimenti addizzjonali li jiswew mill-anqas €315-il biljun fl-ekonomija reali. Dan kien qed jitħaddem f’kull Stat Membru, u sa tmiem Diċembru 2016 kien mistenni joħloq b’kollox ftit inqas minn €164 biljun f’investimenti.
Sa tmien l-2016, il-fond approva 175 proġett infrastrutturali li jirrappreżentaw finanzjament ta’ €22.4 biljun. Minbarra dawn, ġew approvati wkoll aktar minn 247 ftehim ta’ finanzjament għal kumpaniji iżgħar li jlaħħqu s-€7.5 biljun u minnhom mistennija jibbenefikaw madwar 385,000 negozju żgħir.

Il-Pjan ta’ Investiment irnexxa tant li f’Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet li jitwal il-perjodu taż-żmien tiegħu u jiżdiedlu l-finanzjament, biex mill-inqas sal-2020 isiru investimenti b’valur ta’ €500 biljun. Il-Kunsill Ewropew approva dan f’Diċembru 2016.
Il-pjan ta’ investiment jilħaq l-ekonomija reali.
L-UE qed tkompli ssaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-fond fejn jidħlu l-mikrofinanzjament u l-intraprenditorija soċjali. B’mod ġenerali, b’kollox, l-ammont li jwieżen dawn l-oqsma hu mistenni jiżdied minn €193 miljun bil-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali għal madwar biljun ewro, u jiġġenera investimenti addizzjonali li jiswew madwar tliet biljun ewro. L-UE ffirmat ftehimiet ma’ aktar minn 100 fornitur tal-mikrofinanzjament biex tappoġġa aktar minn 100,000 mikroimprenditur fl-Istati Membri tal-UE.
Ngħinu lill-kumpaniji żgħar u medji
L-għajnuna lin-negozji żgħar nkisbet minn bosta sorsi.
L-allokazzjoni għan-negozji żgħar mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi rnexxiet tant li f’Lulju 2016 din żdiedet b’€500 miljun oħra.
Minbarra l-Pjan ta’ Investiment, il-programm COSME, il-programm tal-UE għall-intrapriżi żgħar u medji, ilu jitħaddem mill-2014 u baqagħlu sal-2020 b’baġit ta’ €2.3 biljun biex jgħin ħalli jinfetħu kumpaniji ġodda u l-oħrajn jitħajru jkabbru. Lil dawn il-kumpaniji, il-programm jgħinhom jaċċessaw is-swieq, joħolqilhom ambjent kummerċjali favorevoli u jippromwovi l-intraprenditorija. L-analiżi tal-baġit ta’ nofs it-terminu pproponiet li l-baġit għall-istrumenti finanzjarji jiżdied b’€200 miljun.
Fl-2016 intużaw €45 miljun oħra biex lill-intrapriżi żgħar u medji jgħinuhom isibu sħab fin-negozju, jifhmu l-leġiżlazzjoni tal-UE u jaċċessaw il-finanzjament tal-UE permezz tan-Netwerk Enterprise Europe. Fir-reġjuni kollha tal-UE u f’35 pajjiż li mhumiex fl-UE, madwar 450,000 kumpanija rċevew is-servizzi ta’ 625 organizzazzjoni parteċipant.
F’Novembru, il-Kummissjoni adottat l-Inizjattiva favur in-Negozji ġodda u n-Negozji li qed ikabbru biex lill-bosta intrapriżi innovattivi tal-UE jinfetħulhom il-bibien tal-opportunitajiet ħalli jsiru mexxejja tas-suq fid-dinja. Din l-inizjattiva tgħaqqad kull possibbiltà li diġà qed toffri l-UE u tagħti attenzjoni lill-investiment kapitali tar-riskju, il-liġi tal-insolvenza, it-tassazzjoni u l-proprjetà intellettwali.

Nixprunaw l-ekonomija tal-UE
Matul is-sena, il-ħolqien tax-xogħol u t-tkabbir twieżnu bil-politiki f’diversi oqsma, fosthom il-politika reġjonali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-trasport, l-agrikoltura, l-impjiegi u l-edukazzjoni.
Il-Kummissarju Corina Crețu qed iżżur Smart City Experience Lab, Amsterdam, l-Olanda, it-22 ta’ April 2016.
Il-politika reġjonali
Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, b’baġit ta’ €454 biljun mill-2014 sal-2020, komplew jinvestu fl-oqsma ta’ prijorità tal-UE. Wieħed mill-pilastri importanti tal-Aġenda tal-UE dwar ix-Xogħol u t-Tkabbir hu l-investiment strateġiku f’oqsma ewlenin li jiġġeneraw it-tkabbir.
Bejn l-2014 u l-2020, il-fondi se jintużaw għal investimenti ta’ €121 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni, fit-teknoloġiji diġitali u biex jappoġġaw lin-negozji żgħar madwar l-UE.
Dawn il-fondi se jappoġġaw lil żewġ miljun negozju jew negozju ġdid biex tingħata spinta lill-kompetittività tagħhom u biex itejbu l-kapaċità tagħhom fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Mill-2016, in-negozji żgħar u l-bliet qed isibuha eħfef biex jaċċessaw il-fondi tal-UE. Barra minn hekk, żdied l-użu tal-istrumenti finanzjarji u qed ikun żgurat li jkunu jistgħu jsiru aktar tagħqidiet ma’ fondi oħra tal-UE, l-aktar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.
F’Settembru ġiet ippubblikata l-evalwazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013. Fost il-kisbiet ewlenin hemm li kull ewro li ġie investit bil-Politika ta’ Koeżjoni ssarraf f’€2.74 aktar fil-GDP, li nħolqu aktar minn miljun impjieg, filwaqt li nbnew 5,000 kilometru ta’ toroq ġodda u 1,000 kilometru ta’ linji ferrovjarji ġodda.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni
Orizzont 2020 hu l-akbar programm tar-riċerka u innovazzjoni tal-UE b’finanzjament ta’ €77 biljun mill-2014 sal-2020. Dan isostni l-aqwa riċerki, jibni t-tmexxija industrijali fl-UE u għandu l-għan li jipprovdi soluzzjonijiet għal sfidi tas-soċjetà f’oqsma bħat-tibdil fil-klima, l-enerġija, is-saħħa u s-sigurtà.
Baġit iffukat fuq ir-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni.
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi baqa’ jwettaq il-programm Orizzont 2020, l-aktar bl-għajnuna tiegħu lill-intrapriżi żgħar u medji innovattivi. Il-fond għen biex tintlaqa’ d-domanda kbira għall-appoġġ bl-inizjattiva konġunta msejħa Finanzi tal-UE għall-Innovaturi li niedu l-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment bħala parti minn Orizzont 2020.
Il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE xeħtet l-enfasi fuq tliet għanijiet strateġiċi: l-innovazzjoni miftuħa, ix-xjenza miftuħa, u l-approċċ miftuħ għad-dinja. Dawn twettqu b’inizjattiva fi tliet livelli, jiġifieri li: jingħaraf dejjem iżjed li r-riċerka u l-innovazzjoni huma mutur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi, l-aktar matul is-Semestru Ewropew u l-Faċilità ta’ Sostenn għall-Politika ta’ Orizzont 2020; jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni; u tissokta l-programmazzjoni strateġika ta’ Orizzont 2020. Fost l-inizjattivi l-ġodda hemm skema pilota ta’ Ftehimiet għall-Innovazzjoni, li tnediet fl-2016 biex tnaqqas ix-xkiel għall-innovazzjoni u tixpruna l-ekonomija ċirkolari, u l-hekk imsejjaħ Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa. Bħalissa qed jitħejjew miżuri fit-tul li jtejbu l-ambjent għall-innovazzjoni fl-UE, u fosthom saret sejħa għall-ideat fuq il-possibbiltà ta’ Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.
Spazju għall-innovazzjoni u għall-investiment
Il-Kummissjoni ppubblikat Strateġija Spazjali għall-Ewropa f’Ottubru 2016 bil-għan li taħfen għalkollox il-benefiċċji li l-programmi spazjali tal-Unjoni għandhom għas-soċjetà u biex taħtaf il-potenzjal tas-settur spazjali u b’hekk tagħti spinta lill-innovazzjoni u lill-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir fl-ekonomija tal-UE. Minbarra dan, din se tgħin lill-industrija spazjali tal-UE biex tibqa’ mexxejja dinjija. L-Istrateġija tikkonferma wkoll l-importanza tas-settur għas-sigurtà tal-UE u li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali.
L-inizjattiva tal-UE għal sistema avvanzata tan-navigazzjoni bis-satellita, il-programm Galileo, laħqet tappa oħra fl-2016 għax irnexxielha tvara erba’ satelliti oħra bir-rokit Ewropew Ariane 5. F’Diċembru 2016 tħabbru l-ewwel servizzi — in-navigazzjoni, it-tiftix u s-salvataġġ, u s-servizz pubbliku regolat.
It-tkabbir sostenibbli
Matul l-2016, l-UE mxiet passi ’l quddiem fejn jidħol il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari li ġie propost is-sena ta’ qabel. L-UE hi importatur nett ta’ ħafna materja prima, iżda ħafna mir-riżorsi naturali mhumiex bir bla qiegħ. U għalhekk, biex tiżgura tkabbir sostenibbli, l-UE għandha tuża r-riżorsi tagħha b’iżjed għaqal u b’mod aktar sostenibbli. Jekk jevitaw l-iskart, ifasslu aħjar il-prodotti, jirriċiklaw, jerġgħu jużaw u jħaddmu miżuri simili, in-negozji tal-UE jaf jiffrankaw sa €600 biljun, filwaqt li b’kollox l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jonqsu bi 2 sa 4 %.
F’Marzu, il-Kummissjoni pproponiet Regolament li se joħloq suq intern għall-fertilizzanti mill-materja prima sekondarja, u b’hekk il-problemi tal-immaniġġjar tal-iskart isiru opportunitajiet ekonomiċi. Dan ir-riċiklaġġ tal-bijoskart f’fertilizzanti b’bażi organika jaf joħloq madwar 120,000 impjieg.
F’Novembru, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn għall-2016-2019 bħala parti mill-pakkett dwar Enerġija nadifa għall-Ewropej kollha. Dan se jgħin biex jinħolqu rekwiżiti tal-prodott li jixirqu għall-ekonomija ċirkolari, tiżdied id-durabbiltà tal-prodotti u jkun eħfef li jsiru t-tiswijiet, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.
Nipproteġu l-ibħra Ewropej
L-industrija tas-sajd tal-UE hi r-raba’ l-akbar waħda fid-dinja għax tipprovdi madwar 6.4 miljun tunnellata ħut kull sena. Is-sajd u l-ipproċessar tal-ħut ifissru xogħol għal iżjed minn 350,000 persuna. Fil-qalba nett tal-politiki marittimi u tas-sajd tal-Unjoni Ewropea hemm is-sostenibbiltà tar-riżorsi tal-oċeani tal-Ewropa. Għalhekk, f’Novembru 2016, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet bi proposti biex ittejjeb il-governanza internazzjonali tal-oċeani. Dawn il-proposti jippreżentaw modi kif l-UE tista’ tagħti sehemha biex jintlaħqu l-Miri tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli ħalli jkun żgurat li l-oċeani fid-dinja jitmexxew aktar bil-għaqal. Il-Kummissarju Karmenu Vella nieda wkoll l-inizjattiva MedFish4Ever f’April 2016, biex tingħaraf mingħajr dewmien il-qagħda kritika tal-istokkijiet tal-ħut fil-Baħar Mediterran, wara li nstab li bħalissa aktar minn 90 % tal-istokkijiet mistħarrġa qed jinqabdu żżejjed.
Il-Kummissarju Karmenu Vella waqt it-tnedija tal-inizjattiva MedFish4Ever, Brussell, is-27 ta’ April 2016.
Nikkollegaw l-Ewropa
F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni għamlet pass importanti għad-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport billi ppreżentat lista b’195 proġett tat-trasport li se jiksbu finanzjament tal-UE li jlaħħaq is-€6.7 biljun permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Dan l-investiment mistenni joħloq sa 100,000 impjieg sal-2030.
Il-proġetti magħżula jinsabu l-aktar fil-qalba tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew; fosthom hemm ir-restawr tal-linji tal-ferrovija bejn Brasov u Sighisoara fir-Rumanija u bejn Aveiro u Vilar Formoso fil-Portugall, il-bini ta’ linji tal-ferrovija standard fil-Kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku, u l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Skjerament tar-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru fl-Ajru Uniku Ewropew. Permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, f’Ottubru 2016, il-Kummissjoni ħarġet it-tielet serje ta’ sejħiet għal proposti dwar it-trasport filwaqt li ħejjiet €1.9 biljun biex tiffinanzja diversi proġetti ewlenin dwar it-trasport.
Il-Kummissarju Violeta Bulc qed iżżur wirja ta’ karozzi awtonomi fl-Innovazzjoni Expo, Amsterdam, l-Olanda, l-14 ta’ April 2016.
L-impjiegi u t-tkabbir fl-agrikoltura
L-agrikoltura fl-Unjoni Ewropea tipprovdi bosta prodotti tal-ikel ta’ kwalità u beni pubbliċi ambjentali għaċ-ċittadini u tikkontribwixxi għan-nisġa soċjali u kulturali tal-istess żoni rurali. Fl-UE, is-settur tal-ikel agrikolu jfisser ix-xogħol għal madwar 44 miljun ħaddiem filwaqt li l-esportazzjonijiet tal-UE tal-ikel agrikolu jiswew iżjed minn €120 biljun kull sena.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker (fin-nofs) qed jiltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-produtturi tal-ħalib, St. Vith, il-Belġju, il-15 ta’ Novembru 2016.
Il-Politika Agrikola Komuni tappoġġa dan b’madwar €59 biljun kull sena biex ix-xogħol tal-bdiewa u tar-raħħala jibqa’ sostenibbli filwaqt li huma min-naħa tagħhom jipprovdu beni ambjentali għas-soċjetà. Din il-politika tappoġġa wkoll ċertu attivitajiet biex iżżid il-kompetittività tas-settur, l-effiċjenza fir-riżorsi u ttejjeb il-ħajja fiż-żoni rurali.
Kull sena, il-bdiewa u r-raħħala jingħataw ħlasijiet diretti biex id-dħul mill-biedja jitħares mix-xokkijiet li s-settur agrikolu hu espost għalihom.
F’Marzu 2016, il-Kummissjoni ħadet miżuri eċċezzjonali biex issaħħaħ il-qagħda tal-produtturi tal-bhejjem. F’Lulju mbagħad, il-Kummissjoni ħabbret pakkett li jiswa €500 miljun biex tonqos il-produzzjoni tal-ħalib u jitwieżnu l-produtturi tal-ħalib u l-bdiewa f’setturi oħra tal-bhejjem. Anki s-settur tal-frott u l-ħaxix ingħata l-għajnuna għax dan intlaqat mill-projbizzjoni tal-importazzjoni tar-Russja.
F’Jannar, il-Kummissjoni ħolqot it-Task Force għas-Swieq Agrikoli biex tirrakkomanda fuq kif il-katina tal-provvista tal-ikel tista’ taħdem aħjar u kif il-bdiewa jistgħu jingħataw perspettiva attraenti li twassal għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku. Ir-rapport ta’ din it-Task Force ġie ppubblikat f’Novembru. Twaqqaf ukoll Osservatorju tas-Suq tal-Laħam biex tiżdied it-trasparenza tas-suq għas-settur tal-laħam taċ-ċanga, tal-vitella u tal-majjal u biex l-operaturi jingħataw l-għajnuna ħalli jagħrfu s-sinjali tas-suq u jadattaw aħjar għaċ-ċaqliq fis-suq.
Il-Kummissarji Violeta Bulc u Phil Hogan, mal-Ministru Sloven għall-Agrikoltura, il-Foresti u l-Ikel Dejan Židan (fuq il-lemin), qed iżiru Pustotnik Farm, razzett tal-ħalib li jippromwovi l-konsum ta’ prodotti lokali, f’Gorenja vas-Poljane, is-Slovenja, l-14 ta’ Lulju 2016.
Il-Kummissarju Phil Hogan, flimkien mal-bqija tal-membri tal-Kummissjoni, mexxa kampanja miftiehma biex jingħeleb ix-xkiel mhux tariffarju għall-kummerċ fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE ħalli s-suq tagħhom ikun jista’ jilqa’ l-prodotti tal-UE. Dawn l-isforzi wasslu biex fl-2016 infetħu swieq fiċ-Ċina, fil-Kolombja, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti għal ċertu esportazzjonijiet tal-UE. Saru wkoll missjonijiet kummerċjali ta’ livell għoli ma’ pajjiżi oħrajn bi swieq ġodda promettenti, bħall-Indoneżja, il-Messiku u l-Vjetnam.
Ħiliet ġodda, protezzjoni aħjar u iżjed impjiegi għaż-żgħażagħ
Bejn l-2014 u l-2020, il-fondi tal-UE, l-aktar dawk mill-Fond Soċjali Ewropew, qed jintużaw biex itejbu l-ħiliet ta’ tmien miljun ħaddiem fl-UE. Il-programm Erasmus+ għandu baġit ta’ €14.7 biljun biex jagħti opportunitajiet lil aktar minn erba’ miljun persuna biex jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza u jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom. L-għajnuna jagħtiha wkoll lill-Istati Membri għal attivitajiet li jgħinuhom jimmodernizzaw u jibdlu s-servizzi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.
Il-Kummissarju Marianne Thyssen qed tiltaqa’ mal-istudenti ta’ Kulleġġ Vokazzjonali f’Ateni, il-Greċja, il-21 ta’ April 2016.
F’Mejju tnediet il-Pjattaforma Ewropea kontra x-xogħol mhux dikjarat bil-ħsieb li kull xogħol mhux dikjarat, jiġi dikjarat. Din il-pjattaforma tiżgura l-ħarsien soċjali lil miljuni ta’ ċittadini fl-UE li għandhom arranġamenti tal-impjieg riskjużi, inkluż il-ħaddiema b’rabtiet tax-xogħol dipendenti li jitħaddmu daqslikieku għal rashom.
F’Ġunju, il-Kummissjoni nediet ukoll Aġenda Ġdida tal-Ħiliet għall-Ewropa li tiġbor għaxar azzjonijiet biex dawn il-persuni jtejbu l-ħiliet tagħhom u jkunu adattati iżjed għad-dinja tax-xogħol. Fosthom hemm inizjattiva biex l-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet ikunu jistgħu jtejbu l-ħiliet diġitali tagħhom, il-litteriżmu, u n-numri, u biex jingħataw l-għajnuna ħalli jirnexxilhom jiksbu kwalifika tal-edukazzjoni sekondarja għolja jew ekwivalenti.
L-UE ssoktat timplimenta l-Garanzija għaż-Żgħażagħ fl-Istati Membri bil-għan li titħabat kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ. Ir-rapport dwar il-progress li ħareġ f’Ottubru 2016 juri li fl-2013, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ bis-sostenn tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, il-Fond Soċjali Ewropew u l-fondi nazzjonali, ħalliet impatt pożittiv fost iż-żgħażagħ. Issa li għaddew tliet snin, il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas b’1.4 miljun persuna fl-UE; filwaqt li 9 miljun żagħżugħ u żagħżugħa għażlu offerta għal xogħol, taħriġ jew apprendistat. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ għenet biex f’ħafna mill-Istati Membri jitwettqu diversi riformi strutturali kuraġġużi u jinħolqu sħubijiet bejn in-negozji u l-edukazzjoni. Il-Kummissjoni trid tiżgura li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ titwettaq bis-sħiħ u b’mod sostenibbli u għalhekk ipproponiet li l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tissokta sal-2020 u li jiġu estiżi r-riżorsi tagħha. Barra minn hekk il-Kummissjoni ħabbret li bħala parti mill-programm Erasmus+, ħolqot l-Erasmus Pro, skema ġdida tal-mobbiltà apposta għall-apprendisti b’perjodu taż-żmien itwal (bejn 6 xhur u 12-il xahar) biex tappoġġa t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol ’il barra mill-pajjiż.
Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.
Sabiex in-nies jingħaqdu
B’baġit ta’ €2.2 biljun, il-programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport Erasmus+, fl-2016 ta l-opportunità lil 497,000 żagħżugħ u żagħżugħa biex jistudjaw, jitħarrġu, jagħmlu volontarjat u jieħdu sehem fi skambji taż-żgħażagħ ’il barra minn pajjiżhom. Barra minn hekk, madwar 141,000 membru tal-persunal mill-istituzzjonijiet edukattivi u mill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ setgħu jtejbu l-kompetenzi tagħhom billi jgħallmu u jħarrġu barra minn pajjiżhom. Matul is-sena, il-programm alloka aktar minn €400 miljun mill-baġit tiegħu għall-proġetti ta’ koperazzjoni, fosthom dawk li jagħtu importanza lill-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni.
Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà
F’Diċembru, il-Kummissjoni nediet il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, tliet xhur wara li kien tħabbar mill-President Juncker waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni. Iż-żgħażagħ bejn is-sbatax u t-tletin sena jistgħu jaħtfu dawn l-opportunitajiet ġodda biex jagħtu ħinhom għas-soċjetà tal-UE, filwaqt li jieħdu l-esperjenza u jiksbu l-ħiliet. Min jieħu sehem jingħata proġett biex iwettqu bil-volontarjat jew b’apprendistat jew impjieg għal xi żmien, minn xahrejn sa sena. Jista’ jagħżel attivitajiet minn diversi oqsma fosthom l-edukazzjoni, is-saħħa, l-integrazzjoni soċjali, l-għajnuna fit-tqassim tal-ikel, il-bini ta’ postijiet tal-kenn, l-appoġġ u l-integrazzjoni tal-migranti u r-refuġjati, il-protezzjoni ambjentali u l-prevenzjoni tad-diżastri naturali. Sal-aħħar ta’ Diċembru kienu rreġistraw ’il fuq minn 18,000 persuna.
Il-politika ekonomika u fiskali
Kull sena l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-UE tinġabar f’ċiklu magħruf bħala s-Semestru Ewropew. Dan jinbeda fi tmiem is-sena bil-pubblikazzjoni tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-ewro. Fi Frar 2016, il-Kummissjoni ħarġet ir-rapporti tal-pajjiżi li jistħarrġu l-isfidi ekonomiċi u soċjali ta’ kull Stat Membru wieħed wieħed. Fuqhom issejset id-diskussjoni ma’ kull Stat Membru dwar l-għażliet politiċi li jmiss u li hemm fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom u fil-pjanijiet baġitarji ta’ nofs it-terminu f’April. Lejn l-aħħar tar-rebbiegħa, dawn ir-rapporti wasslu biex issawru għadd ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni speċifiċi skont il-pajjiżi.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiggwidaw lill-Istati Membri fuq kif għandhom jagħtu spinta lill-impjiegi u t-tkabbir, b’enfasi msaħħa fuq ir-riformi li jżidu t-tkabbir f’oqsma bħar-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li l-finanzi tal-gvern jibqgħu fis-sod. Matul is-sena r-rakkomandazzjonijiet kienu indirizzati wkoll lil Ċipru għax fir-rebbiegħa dan ingħaqad fil-qafas ta’ governanza ekonomika sħiħa wara li temm il-programm ta’ aġġustament ekonomiku tiegħu.
Mil-lat fiskali, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fl-2016 ħarġu fid-dieher li l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir jista’ jitħaddem bi flessibbiltà għaqlija. Meta kienet qed tgħarbel il-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri għal nofs it-terminu, il-Kummissjoni qieset l-ispeċifiċità tan-nefqa relatata ma’ avvenimenti mhux tas-soltu li l-gvern ma kellux kontroll fuqhom, bħall-kriżijiet tar-refuġjati u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Spanja u l-Portugall ingħataw iżjed żmien biex jikkoreġu d-defiċit qawwi tagħhom u l-Kunsill mexa mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u ħassar il-multa li seta’ imponielhom minħabba l-prestazzjoni fiskali ta’ kull wieħed minnhom fiż-żmien ta’ qabel. Matul is-sena d-defiċits qawwijin komplew jonqsu u fil-fatt l-Istati Membri b’defiċit qawwi saru sitta minn 24 kif kienu fir-rebbiegħa tal-2011. Tliet Stati Membri kkoreġew id-defiċits qawwijin tagħhom matul l-2015 iżda l-proċeduri ta’ defiċit qawwi relatati magħhom, il-Kunsill temmhom formalment f’Ġunju 2016.
Meta qieset l-ewro b’mod partikolari, il-Kummissjoni talbet li tinkiseb pożizzjoni fiskali ferm iżjed pożittiva ħalli ż-żona tal-ewro kollha kemm hi xxejjen ir-riskju ta’ “tkabbir baxx, inflazzjoni baxxa” u tappoġġa l-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Minbarra dan, il-Kummissjoni stħarrġet ukoll jekk l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-Istati Membri fiż-żona tal-ewro għall-2017 kinux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Ħafna drabi l-Kummissjoni sabet li l-aġġustamenti fiskali ppjanati ma rnexxielhomx jilħqu l-miri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jew kienu fir-riskju li ma jilħquhomx.
Niżguraw finanzi pubbliċi sodi.
Fejn tidħol is-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi, il-Kummissjoni dehrilha li 13-il Stat Membru għad għandhom żbilanċi jew saħansitra żbilanċi serji. Minkejja li tagħraf li sar progress u dawn l-iżbilanċi qed jiġu indirizzati, il-Kummissjoni naqqset l-għadd ta’ kategoriji tal-iżbilanċi minn sitta għal erbgħa biex iżżid iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-implimentazzjoni tal-proċedura, u xeħtet attenzjoni iżjed fuq l-impjiegi u l-kunsiderazzjonijiet soċjali waqt is-Semestru Ewropew.
Aktar appoġġ lill-Istati Membri tal-UE
Fil-Parlament u fil-Kunsill issoktaw in-negozjati dwar il-Programm ta’ Appoġġ għar-Riforma Strutturali li pproponiet il-Kummissjoni f’Novembru 2015.
Fi tmiem Marzu 2016, Ċipru rnexxielu jtemm il-programm ta’ aġġustament ekonomiku tiegħu li kien mifrux fuq tliet snin. Il-Kummissjoni baqgħet twieżen lill-awtoritajiet Ċiprijotti permezz tas-Servizz ta’ Appoġġ tagħha għar-Riformi Strutturali ħalli jwettqu riformi amministrattivi u strutturali li jżidu t-tkabbir.
Matul l-2016, l-implimentazzjoni tal-programm Grieg kienet miexja b’pass ġmielu. Dan kien tfassal apposta biex jinħolqu l-kundizzjonijiet ħalli terġa’ tinkiseb il-fiduċja u titħejja t-triq biex l-ekonomija tal-Greċja terġa’ tqum fuq saqajha fis-sod. L-ewwel analiżi ntemmet, u b’hekk seta’ jitħallas it-tieni porzjon ta’ finanzjament mill-programm, jiġifieri €10.3 biljun. It-tieni porzjon tħallas f’diversi fażijiet u l-aħħar wieħed ġie approvat f’Ottubru. Il-Kummissjoni appoġġat il-ħidma tal-Grupp tal-ewro li f’Mejju ddeċieda dwar il-miżuri tad-dejn: miżuri li se jitwettqu bil-mod il-mod. U f’Diċembru saret l-ewwel diskussjoni dwar miżuri tad-dejn li se jitwettqu fil-futur qrib. Fejn tidħol l-implimentazzjoni tal-programm, saret ħidma sfiqa biex tintemm it-tieni analiżi.
Il-Greċja kisbet appoġġ ekonomiku permezz tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa; u f’Mejju fil-Greċja ġie ffirmat l-ewwel ftehim sostnut mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. Dakinhar il-Fond Ewropew tal-Investiment iffirma tliet ftehimiet ma’ fondi u banek intermedjarji Griegi biex l-iżgħar kumpaniji u l-kumpaniji żgħar u medji fil-Greċja jingħataw aktar investimenti.
Appoġġ lil hinn mill-fruntieri tal-UE
Il-Kummissjoni għenet ukoll lill-Georgia, lill-Kirgiżistan, lill-Ġordan, lit-Tuneżija u lill-Ukrajna bi programmi ta’ assistenza makrofinanzjarja bil-għan li tgħin lill-pajjiżi li huma ġeografikament, ekonomikament u politikament qrib l-UE ħalli s-sitwazzjoni finanzjarja esterna terġa’ ssir sostenibbli u jitħeġġu jwettqu aġġustamenti ekonomiċi u riformi strutturali. Il-programmi qed jingħataw flimkien ma’ finanzjament mill-Fond Monetarju Internazzjonali.
F’Settembru, il-Kummissjoni pproponiet Pjan ġdid ta’ Investiment Estern għall-Ewropa li se jixpruna l-investiment fil-pajjiżi Afrikani u tal-viċinat tal-UE u jgħin biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni. Dan għandu l-għan li jneħħi x-xkiel għall-investiment privat biex jappoġġa l-infrastruttura ekonomika u soċjali u lin-negozji żgħar b’enfasi xierqa fuq il-ħolqien tal-impjiegi. Il-Pjan għandu kontribut ta’ €3.35 biljun mill-baġit tal-UE u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp biex iwieżen garanziji innovattivi u strumenti simili li jappoġġaw l-investiment privat.
L-investimenti li jaf joħloq dan il-Pjan jilħqu l-€44 biljun. Jekk l-Istati Membri u s-sħab l-oħra joħorġu daqs kemm se toħroġ l-UE, l-ammont b’kollox jaf jirdoppja, jiġifieri jsir €88 biljun.
Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati.
Fl-2016, il-Kummissjoni mxiet ’il quddiem bl-inizjattiva “baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati” biex tiżgura li r-riżorsi tal-UE jintużaw tajjeb għall-ġid taċ-ċittadini u li l-proġetti kollha li tiffinanzja l-UE jagħtu lura benefiċċji ċari u valur għall-flus.
Il-flus tal-UE baqgħu jitħaddmu skont il-prijoritajiet ta’ politika tal-Kummissjoni, pereżempju biex jiżdied it-tkabbir, jinħolqu l-impjiegi u l-kompetittività, u biex waqt emerġenza jkun hemm rispons malajr u effettiv.
Id-database tal-proġetti ffinanzjati mill-UE li rnexxew jinsab fuq il-website tal-Kummissjoni, u fost il-proġetti hemm iżjed minn 1,000 proġett għall-2016.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Kristalina Georgieva (2014-2016) qed tindirizza konferenza dwar “Baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati”, Brussell, is-27 ta’ Settembru 2016.
Meta f’Settembru l-President Juncker indirizza l-Istat tal-Unjoni, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tagħha dwar l-Analiżi ta’ Nofs it-Terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (2014-2020), fosthom is-sett ta’ proposti leġiżlattivi bil-għan li:
- jagħtu alternattiva oħra ta’ finanzjament biex il-migrazzjoni u r-riskji għas-sigurtà jiġu indirizzati b’mod effiċjenti, u biex jitrawmu t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività;
- iżidu l-flessibbiltà tal-baġit tal-UE u l-ħila tiegħu li jindirizza malajr u b’mod effiċjenti ċ-ċirkostanzi li jinqalgħu bla mistenni; u
- jissimplifikaw ir-regoli finanzjarji u b’hekk jonqos il-piż amministrattiv tal-benefiċjarji tal-fondi tal-UE.
Kapitlu 2
Suq Uniku Diġitali konness
“Irridu naħtfu iżjed l-opportunitajiet il-kbar li joffru t-teknoloġiji diġitali, li m’għandhomx fruntieri. Biex dan iseħħ, neħtieġu l-kuraġġ biex negħlbu l-kompartimenti nazzjonali fir-regolamentazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjoni, fil-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u dwar il-protezzjoni tad-dejta, fil-ġestjoni tal-frekwenzi tar-radju u fl-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Andrus Ansip (fin-nofs) qed jipprova teknoloġija wireless tal-ġenerazzjoni li jmiss waqt il-Mobile World Congress 2016, Barċellona, Spanja, it-22 ta’ Frar 2016.
L-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għandha l-għan li tneħħi l-ostakli fuq l-internet li jxekklu lin-nies tal-UE milli jiksbu ċertu prodotti u servizzi. Dawn l-ostakli jfixklu wkoll lill-kumpaniji u lin-negozji ġodda fuq l-internet milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet tat-tkabbir diġitali. Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat kważi kull proposta dwar it-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali, filwaqt li l-bqija tal-proposti tagħha mistennija jiġu adottati fil-bidu tal-2017. Il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ regoli ġodda biex tgħin lin-nies u lill-kumpaniji jsibuha eħfef meta jixtru u jbigħu l-prodotti u s-servizzi fuq l-internet. Barra minn hekk spjegat il-pjanijiet tagħha biex tiżgura ambjent aktar ġust u aktar trasparenti fis-suq tal-internet. Iddeskriviet strateġija biex tgħin lill-industrija, lill-kumpaniji, lir-riċerkaturi u lill-awtoritajiet pubbliċi jisfruttaw it-teknoloġiji l-ġodda.
Bil-għan li żżid il-fiduċja fid-dinja diġitali, f’Lulju l-Kummissjoni bdiet sħubija kbira mal-industrija taċ-ċibersigurtà. L-artisti, il-ħallieqa u d-diversità kulturali tal-UE kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ sena li jfakkru l-25 sena tal-Programm MEDIA tal-UE. Barra minn hekk ġew modernizzati r-regoli tal-UE dwar ix-xandir u d-drittijiet tal-awtur ħalli jinfetħu l-bibien għall-innovazzjoni u l-kontenut kreattiv fuq l-internet u bejn il-fruntieri.
F’Settembru, il-President Juncker waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, ħabbar il-pjan ta’ € 120 miljun għal WiFi4EU biex jinfirex Wi-Fi bla ħlas fil-parks, il-pjazez, il-libreriji u l-binjiet pubbliċi tal-bliet u l-irħula fl-UE kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq li d-djar kollha fl-UE jkollhom aċċess għal konnessjoni tal-internet ta’ mill-inqas 100 megabit kull sekonda, li tkun tista’ tiġi aġġornata għal gigabits.

Aċċess aħjar għall-merkanzija u għas-servizzi
Regoli ġodda għall-kummerċ elettroniku biex jgħinu lin-nies u lill-kumpaniji
F’Mejju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat għadd ta’ miżuri bil-ħsieb li l-konsumaturi u l-kumpaniji jkunu jistgħu jixtru u jbigħu l-prodotti u s-servizzi fuq l-internet b’mod aktar faċli mal-UE kollha. Il-Kummissjoni pproponiet Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku ħalli min jixtri prodotti u servizzi fi Stat Membru ieħor tal-UE ma jiġix diskriminat.
Il-pakkett dwar il-kummerċ elettroniku: lejn suq uniku tal-UE.
In-nies u n-negozji żgħar ta’ spiss jilmentaw li t-tariffi għoljin u l-problemi bit-twassil tal-pakketti jżommuhom milli jixtru jew ibigħu aktar madwar l-UE. Ir-Regolament li adottat il-Kummissjoni f’Mejju għandu l-għan li jżid it-trasparenza fil-prezzijiet u s-sorveljanza regolatorja. Il-Kummissjoni tixtieq iżżid il-kunfidenza tal-konsumatur billi taġġorna r-Regolament dwar il-Koperazzjoni tal-Protezzjoni tal-Konsumatur.
Nistħarrġu l-kummerċ elettroniku
Il-Kummissjoni ġabret evidenza mingħand kważi 1,800 kumpanija li joperaw fil-kummerċ elettroniku tal-oġġetti tal-konsum u l-kontenut diġitali u għarblet madwar 8,000 kuntratt tad-distribuzzjoni. F’Marzu, l-ewwel sejbiet ħarġu fid-dieher li l-imblukkar ġeografiku kien mifrux fil-kummerċ elettroniku mal-UE kollha, l-aktar fil-kontenut diġitali. F’Settembru, il-Kummissjoni ppubblikat rapport preliminari li jikkonferma li fl-UE l-kummerċ elettroniku qed jikber malajr — fl-2015 aktar minn nofs l-adulti tal-UE ordnaw oġġetti jew servizzi minn fuq l-internet. Ir-rapport identifika ċertu prattiki kummerċjali li jaf jillimitaw il-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumaturi. Ir-rapport finali mistenni jitlesta fl-2017.
Nissimplifikaw ir-regoli tal-VAT
Is-sistema tal-VAT li qed tintuża bħalissa fil-kummerċ transfruntier hija kumplessa u tiswa l-flus għall-Istati Membri u għan-negozji. Għan-negozji, hu stmat li l-medja tal-ispejjeż kull sena fejn jidħol il-forniment tal-oġġetti lil Stat Membru ieħor hija €8,000 għal kull Stat Membru. Barra minn hekk, in-negozji tal-UE għandhom żvantaġġ kompetittiv għax il-fornituri barra mill-UE jistgħu jfornu merkanzija mingħajr il-VAT lill-konsumaturi fl-UE minħabba l-eżenzjoni għall-importazzjonijiet iż-żgħar. Il-kumplessità tas-sistema tagħmilha wkoll diffiċli għall-Istati Membri biex jiżguraw il-konformità, u t-telf hu stmat għal madwar €5 biljun fis-sena.
Bħala parti mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett leġiżlattiv biex timmodernizza u tissimplifika l-VAT għall-kummerċ elettroniku transfruntier, l-aktar għall-kumpaniji żgħar u medji. In-negozji li jbigħu lil konsumaturi fi Stati Membri oħra mhux se jkollhom bżonn jirreġistraw għall-VAT fl-Istat Membru fejn ikun jinsab il-konsumatur. Proposta oħra se tiżgura li l-pubblikazzjonijiet elettroniċi jista’ jkollhom l-istess rati mraħħsa bħall-pubblikazzjonijiet fiżiċi.
Nimmodernizzaw ir-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur
L-Ewrobarometru, is-servizz tal-Kummissjoni li jistħarreġ l-opinjoni pubblika, juri li llum 73 % taż-żgħażagħ fl-UE jisimgħu l-mużika, jaraw il-films u s-sensiliet televiżivi jew jilagħbu l-logħob fuq l-internet. Kważi 20 % ppruvaw jiksbu aċċess għal servizzi li jipprovdu kontenut fi Stat Membru ieħor, iżda x-xandara jsibuha iebsa ferm biex jissodisfaw din id-domanda li dejjem qed tiżdied. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ttejjeb l-għażla u l-aċċess għall-kontenut, u għalhekk ipproponiet Regolament ħalli x-xandara jsibuha eħfef biex jiksbu l-approvazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet. Ir-Regolament jissimplifika wkoll it-trażmissjoni tal-programmi fuq l-internet fi Stati Membri oħra, filwaqt li l-kanali minn pajjiżi oħrajn ikunu jistgħu jiddaħħlu fil-pakketti għall-konsumaturi.
Sabiex tikkumplimentah saret proposta għal Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur. L-abbozz tad-Direttiva se jgħin lill-mużewijiet, lill-arkivji u lil istituzzjonijiet oħrajn biex il-kotba u l-films imħarsa bid-drittijiet tal-awtur iżda li m’għadhomx disponibbli għall-pubbliku jinqalbu diġitali u jkunu disponibbli lil hinn mill-fruntieri.
L-istudenti u l-għalliema jridu jużaw il-materjali u t-teknoloġiji diġitali iżda kważi kwart tal-għalliema jsibu diversi limitazzjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-awtur fl-attivitajiet tat-tagħlim diġitali tagħhom. Bid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur li qed tiġi proposta, l-istabbilimenti edukattivi se jkunu jistgħu jużaw il-materjal biex jgħallmu bl-għodod diġitali u fil-korsijiet fuq l-internet bejn il-fruntieri. Barra minn hekk, ir-riċerkaturi li jużaw it-teknoloġiji tal-estrazzjoni tat-testi u tad-dejta se jsibuha eħfef biex janalizzaw settijiet kbar ta’ dejta. L-abbozz tad-Direttiva jinkludi wkoll eċċezzjoni obbligatorja ġdida tal-UE biex l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jkunu jistgħu jippriżervaw ix-xogħlijiet b’mod diġitali.
L-Ewrobarometru jsemmi wkoll li 57 % taċ-ċittadini tal-UE jaqraw l-aħbarijiet fuq l-internet permezz tal-midja soċjali, il-magni tat-tiftix jew bl-aggregaturi tal-aħbarijiet; u 31 % jisimgħu l-mużika mill-websites tat-tqassim tal-filmati u l-mużika. L-era diġitali fetħet l-għażla għall-konsumaturi, wessgħet l-udjenzi u tat opportunitajiet ġodda għad-detenturi tad-drittijiet, għall-ħallieqa u għall-pubblikaturi, iżda ħafna jsibuha diffiċli biex jirċievu remunerazzjoni ġusta jew biex jinnegozjaw mal-websites tat-tqassim tal-filmati jew mal-pjattaformi l-oħra fuq l-internet. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur li qed tiġi proposta tiċċara l-obbligi tal-pjattaformi fuq l-internet bil-għan li toħloq suq aktar ġust u sostenibbli. Minbarra dan, din issaħħaħ il-pożizzjoni tad-detenturi tad-drittijiet biex jinnegozjaw u jiksbu remunerazzjoni, filwaqt li tagħraf ir-rwol importanti li għandhom il-pubblikaturi tal-istampa biex joħolqu kontenut ġurnalistiku ta’ kwalità u jinvestu fih.
Noħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba
Daqshekk tariffi tar-roaming
F’April 2016 roħsu t-telefonati, il-messaġġi u n-navigazzjoni fuq l-internet minn Stat Membru ieħor (ir-roaming) għax iċ-ċittadini se jħallsu biss ammont żgħir iżjed mill-prezzijiet domestiċi: sa €0.05 kull minuta għat-telefonati, €0.02 għal kull SMS mibgħut u €0.05 għal kull megabit ta’ dejta li jintuża (apparti l-VAT) bil-mowbajl. Mill-15 ta’ Ġunju 2017, kull min jgħix fl-UE mhux se jibqa’ jħallas tariffi tar-roaming meta jivvjaġġa għal xi żmien fl-Unjoni.
Matul is-sena, il-Kummissjoni ppreżentat għadd ta’ miżuri biex dan jitwettaq permezz ta’ proposta li tirregola t-tariffi tar-roaming għall-operaturi (jiġifieri l-prezzijiet li l-operaturi jitolbu lil xulxin biex jużaw in-netwerks ta’ xulxin) u r-regoli li jtemmu r-roaming għal kull min jgħix fl-UE. Kull min jivvjaġġa fl-UE se jibbenefika minn roaming daqslikieku f’pajjiżu għax meta jsiefer xorta se jħallas l-istess prezz għat-telefonati bil-mowbajl, għall-SMS u għad-dejta. F’April daħlu fis-seħħ ir-regoli l-ġodda li għall-ewwel darba qed jiżguraw il-prinċipju tan-newtralità fuq l-internet fil-liġi tal-UE.
Ir-roaming: kisba importanti iżda baqa’ xi jsir.
Inżidu u ntejbu l-konnettività tal-internet
Sal-2020, it-traffiku tal-internet mobbli se jiżdied bi kważi tmien darbiet it-traffiku li hemm illum. Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat inizjattivi politiċi u leġiżlattivi ewlenin biex tintlaħaq din id-domanda li dejjem qed tiżdied. Fi Frar, il-Kummissjoni pproponiet li ssir koordinazzjoni aħjar tal-frekwenzi tar-radju fil-banda tal-frekwenzi tas-700MHz, ħalli jissaħħaħ l-aċċess għall-internet mobbli u biex madwar il-kontinent ikunu jistgħu jitwettqu l-inizjattivi tal-karozzi konnessi, tal-kura tas-saħħa mill-bogħod u ta’ servizzi innovattivi oħrajn.
F’Settembru, il-Kummissjoni pproponiet bidla sħiħa tar-regoli tal-UE dwar it-telekomunikazzjoni u iżjed pjanijiet biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-konnettività dejjem akbar taċ-ċittadini fl-UE. Il-Kummissjoni għandha dawn it-tliet għanijiet:
- Kull skola, università, ċentru tar-riċerka, ċentru tat-trasport, sptar, servizz pubbliku u negozju jkollu aċċess għal konnettività tal-gigabits (ħalli l-utenti jkunu jistgħu jtellgħu u jniżżlu d-dejta b’veloċità ta’ gigabit kull sekonda) sal-2025.
- Kull dar fl-UE jkollha aċċess għal konnettività tal-internet li tiflaħ tniżżel id-dejta b’mill-inqas 100 megabit kull sekonda u li tista’ tiġi aġġornata għal gigabit fis-sekonda, sal-2025.
- Kull żona urbana jkollha kopertura tal-5G, il-ħames ġenerazzjoni tas-sistemi tal-komunikazzjoni wireless, sal-2025. Il-5G għandu jkun disponibbli għall-bejgħ mill-inqas f’belt kbira waħda ta’ kull Stat Membru sal-2020.
Dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu biss b’investimenti kbar ħafna. Il-Kodiċi Ewopew il-ġdid tal-Komunikazzjoni Elettronika jiġbor regoli li jagħmluha aktar attraenti għall-kumpaniji kollha biex jinvestu f’infrastrutturi ġodda tal-aqwa kwalità f’kull rokna tal-EU, kemm f’pajjiżhom u anki lil hinn mill-fruntieri, filwaqt li jżommu kompetizzjoni effettiva. Minbarra dan, il-Kummissjoni ddeskriviet ukoll pjan għal tifrix tal-5G mal-UE kollha. Fid-diskors tiegħu tal-2016 dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Juncker ippreżenta l-inizjattiva WiFi4EU li tinvesti €120 miljun biex tippromwovi l-aċċess għal konnettività wireless fil-postijiet pubbliċi. B’hekk il-parks, il-pjazez, il-libreriji u l-binjiet pubbliċi jitgħammru b’Wi-Fi bla ħlas għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-istituzzjonijiet b’missjoni pubblika.
F’April, id-dikjarazzjoni ta’ Amsterdam li ddiskutew il-ministri tat-trasport tat-28 Stat Membru kollha tal-UE, saħqet fuq il-bżonn li l-gvern u l-industrija jaħdmu flimkien biex itejbu l-infrastruttura tad-dejta għat-trasport. Il-Presidenza Olandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-industrija tat-trasport wiegħdu li jfasslu regoli biex fit-toroq tal-UE jkunu jistgħu jintużaw il-vetturi awtonomi.
Regoli awdjoviżivi ġodda tal-UE għal diversità kulturali
Daż-żmien in-nies qed jaraw iżjed il-programmi permezz ta’ servizzi tal-video-on-demand bħal Netflix u permezz ta’ pjattaformi tat-tqassim tal-filmati bħal YouTube, kemm fuq il-mowbajls tagħhom jew fuq it-televixin. Il-Kummissjoni taħseb ukoll f’din is-sitwazzjoni u f’Mejju pproponiet li tiġi aġġornata d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva.
Il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha l-għan li tikseb bilanċ aħjar fir-regoli li japplikaw bħalissa għax-xandara tradizzjonali, il-fornituri tal-video-on-demand u l-pjattaformi tat-tqassim tal-filmati, l-aktar fejn tidħol il-protezzjoni tat-tfal. Din se ssaħħaħ id-diversità kulturali tal-UE — il-fornituri tal-video-on-demand se jkun jeħtiġilhom jiżguraw li mill-anqas 20 % tal-kontenut fil-katalgi tagħhom ikun kontenut Ewropew.
Il-pjattaformi
F’Mejju, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati ta’ valutazzjoni komprensiva tar-rwol soċjali u ekonomiku li għandhom ċertu pjattaformi bħas-swieq fuq l-internet, il-magni tat-tiftix, is-sistemi tal-ħlas, il-midja soċjali u l-websites tat-tqassim tal-filmati u tal-kontenut. Il-Kummissjoni ħaddmet approċċ ibbażat fuq il-prinċipji biex issolvi l-problemi li ħarġu matul il-valutazzjoni. Fosthom hemm l-impenn li s-servizzi diġitali komparabbli jimxu mal-istess regoli jew ma’ regoli simili. Il-pjattformi fuq l-internet għandhom jaġixxu b’responsabbiltà, l-aktar bi sforzi volontarji min-naħa tal-industrija bħall-kodiċi ta’ kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda fuq l-internet.
Insaħħu ċ-ċibersigurtà
Skont il-Global State of Information Security Survey 2017, iżjed minn 80 % tal-kumpaniji Ewropej sfaw vittmi ta’ mill-inqas inċident wieħed taċ-ċibersigurtà matul is-sena li għaddiet. Dan idgħajjef il-fiduċja u t-tkabbir tas-Suq Uniku Diġitali. F’Lulju, il-Kummissjoni nediet sħubija ġdida pubblika privata dwar iċ-ċibersigurtà biex trawwem il-koperazzjoni fl-ewwel stadji tal-proċess tar-riċerka u l-innovazzjoni u toħloq soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà għal diversi setturi, bħall-enerġija, is-saħħa, it-trasport u l-finanzi. Din hi waħda mill-bosta inizjattivi biex l-UE tkun tiflaħ għall-attakki ċibernetiċi u biex issaħħaħ il-kompetittività tas-settur taċ-ċibersigurtà tagħha. Dawn jissejsu fuq l-ewwel regoli tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà: id-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni, li adottaw il-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’Lulju.
Intejbu l-privatezza fuq l-internet
Matul is-sajf, il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni u l-aġġornament tar-regoli tal-UE dwar il-privatezza elettronika li flimkien mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta se jiżguraw protezzjoni aħjar tal-komunikazzjoni elettronika (bħas-sejħiet bit-telefown, is-sejħiet bl-internet u l-emails) taċ-ċittadini tal-UE.
Nilħqu l-milja tal-potenzjal għat-tkabbir
Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-UE
Skont l-aħħar studji, id-diġitalizzazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi jaf iżżid id-dħul tal-industrija tal-UE b’iżjed minn €110 biljun fis-sena matul il-ħames snin li ġejjin.
F’April, il-Kummissjoni ħabbret pjanijiet biex tgħin lill-industrija, in-negozji żgħar u medji, ir-riċerkaturi u l-awtoritajiet pubbliċi tal-UE biex jisfruttaw bis-sħiħ it-teknoloġiji l-ġodda. Il-Kummissjoni għandha l-għan li twieżen u tgħaqqad l-inizjattivi nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u biex l-investimenti fl-UE jitressqu lejn is-sħubijiet pubbliċi privati. Ngħidu aħna, il-Kummissjoni se tinvesti €500 miljun f’netwerk pan-UE ta’ ċentri għall-innovazzjoni diġitali mnejn in-negozji jkunu jistgħu jiksbu pariri u jittestjaw l-innovazzjonijiet diġitali tagħhom.
Il-biljuni ta’ apparati konnessi, fosthom it-telefowns, il-kompjuters u s-sensers, għandhom jikkomunikaw b’mod sikur u bla xkiel, ikun xi jkun il-manifattur tagħhom, id-dettalji tekniċi jew il-pajjiż tal-oriġini. Għal dan il-għan, dawn jeħtieġu lingwa komuni. Il-Kummissjoni trid tħaffef il-proċess li jistabbilixxi l-istandards, pereżempju billi tagħti importanza lill-5G, il-cloud computing, l-internet tal-oġġetti, it-teknoloġiji tad-dejta u ċ-ċibersigurtà.
Iċ-ċittadini u n-negozji għadhom mhumiex qed jaħtfu għalkollox il-benefiċċji tas-servizzi pubbliċi diġitali li għandhom ikunu disponibbli bla xkiel mal-UE kollha. Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-gvern elettroniku 2016-2020 fih 20 miżura li jimmodernizzaw is-servizzi pubbliċi diġitali u b’hekk l-UE ssir post aħjar fejn wieħed jgħix, jaħdem u jinvesti. Il-pjan jinkludi wkoll it-twaqqif ta’ portal uniku diġitali ħalli l-utent jingħata aċċess faċli għall-informazzjoni, għall-proċeduri elettroniċi u għas-servizzi ta’ konsulenza madwar l-UE. Fl-2016 saret konsultazzjoni pubblika biex dan ikun jista’ jitwettaq.
Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll pjan ta’ azzjoni għas-servizzi bbażati fuq il-cloud computing u għal infrastruttura tad-dejta tal-aqwa livell ħalli x-xjenza, in-negozji u s-servizzi pubbliċi jkunu jistgħu jissieħbu fir-rivoluzzjoni tal-Big Data. Il-Kummissjoni se twaqqaf Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa, biex il-1.7 miljun riċerkatur u s-70 miljun professjonist tax-xjenza u tat-teknoloġija madwar l-UE jkollhom ambjent virtwali fejn jaħżnu, imexxu, janalizzaw u jerġgħu jużaw ammonti kbar ta’ dejta tar-riċerka. Biex tagħti bidu għal dan, mill-2017 il-Kummissjoni se tara li d-dejta xjentifika kollha tal-programm Orizzont 2020 tibda tkun disponibbli b’mod awtomatiku. Il-cloud tax-xjenza miftuħa se tistrieħ fuq l-infrastruttura Ewropea tad-dejta li tgħaqqad diversi netwerks b’bandwidth qawwi, faċilitajiet tal-ħżin fuq skala kbira u l-kapaċità tas-superkompjuter biex taċċessa u tipproċessa settijiet kbar tad-dejta maħżuna fil-cloud.
Il-ħiliet diġitali
Skont studji li għamel id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għan-Netwerks tal-Komunikazzjoni, il-Kontenut u t-Teknoloġija fl-2016, minn fost il-popolazzjoni tal-UE, 47 % m’għandhomx ħiliet diġitali jew għandhom livell baxx f’dawn il-ħiliet, filwaqt li fil-futur qrib 90 % tal-impjiegi u tal-attivitajiet ta’ kuljum se jkunu jeħtieġu xi tip ta’ għarfien diġitali bażiku. Bħala parti mill-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Kummissjoni talbet lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex iżidu l-isforzi billi pereżempju jaraw li kull livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ jkollu aċċess għal kompetenzi diġitali. F’Diċembru tnediet il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, li tqarreb lill-Istati Membri u l-partijiet konċernati tal-edukazzjoni, ix-xogħol u l-industrija biex jiżviluppaw riżorsa kbira ta’ talenti diġitali u jiżguraw li ċ-ċittadini u l-forza tax-xogħol fl-UE jkollhom il-ħiliet diġitali meħtieġa.
Inħeġġu l-kultura u l-kreattività tal-UE fid-dinja diġitali
Is-Suq Uniku Diġitali konness jagħti opportunitajiet kbar lis-setturi tal-kultura u tal-kreattività fl-UE biex jikbru. Madankollu dawn is-setturi qed jiltaqgħu ma’ diversi sfidi f’dan l-ambjent li qed jinbidel, fosthom biex jiksbu finanzjament. F’Ġunju, il-Kummissjoni u l-Fond Ewropew tal-Investiment nedew faċilità ta’ garanzija tas-self b’€121 miljun biex tappoġġa iżjed minn 10,000 intrapriża żgħira u medja f’bosta setturi fosthom dak awdjoviżiv, tal-festivals, tal-mużika, tal-wirt kulturali, tad-disinn, tal-ispettaklu, tal-pubblikazzjoni, tar-radju u tal-arti viżiva.
Sa mill-1991, il-Programm MEDIA investa f'settur awdjoviżiv b'saħħtu biex toħroġ fid-dieher id-diversità kulturali rikka tal-UE. Il-Programm ixejjen il-fruntieri, biex it-talenti jaħdmu flimkien fl-Unjoni Ewropea.
L-2016 ħabat il-25 anniversarju tal-programm MEDIA tal-UE, parti minn Ewropa Kreattiva, il-programm ewlieni tal-UE maħsub għas-setturi tal-kultura u tal-kreattività. Sa mill-1991, MEDIA investa aktar minn €2.4 biljun fil-kreattività u d-diversità kulturali fl-UE. Kull sena dan isostni madwar 2,000 film, sensiela televiżiva jew proġett Ewropew ieħor. Il-programm MEDIA għen biex jitħarrġu aktar minn 20,000 produttur, direttur u kittieb tal-istejjer tal-films, u għenhom jadattaw għal teknoloġiji ġodda. MEDIA għen ukoll biex joktru l-udjenzi fiċ-ċinema Ewropea. Skont studju tal-Kummissjoni dwar il-Programm MEDIA, 33 % tal-viżitaturi kollha taċ-ċinema fl-UE fl-2014 raw films Ewropej, u dan meta mqabbel mal-25 % fl-2010.
Kapitlu 3
Unjoni tal-enerġija b’saħħitha, u politika dwar it-tibdil fil-klima għall-ġejjieni
“L-avvenimenti ġeopolitiċi li qed iseħħu bħalissa ġegħluna niftakru li l-Ewropa tiddependi wisq fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwil u tal-gass. Għalhekk irrid nirriforma u norganizza mill-ġdid il-politika tal-enerġija tal-Ewropa f’Unjoni tal-Enerġija Ewropea ġdida.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič, il-Membru tal-Parlament Ewropew Giovanni La Via, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-Ministru Franċiż għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Baħar Ségolène Royal, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon, il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, il-Kummissarju Miguel Arias Cañete, u s-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru Slovakk tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Ivan Korčok, waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar biex l-UE tirratifika l-ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, Strasburgu, Franza, l-4 ta’ Ottubru 2016.
L-UE bdiet l-2016 b’impenn li liċ-ċittadini u lin-negozji tagħha tipprovdilhom enerġija sigura u bi prezzijiet li jifilħu, u li titħabat kontra l-kawżi tat-tibdil fil-klima permezz tal-Unjoni tal-Enerġija u b’politiki dwar it-tibdil fil-klima għall-ġejjieni.
Matul is-sena l-UE tat sehemha biex jinżamm l-impetu politiku tal-Ftehim ta’ Pariġi li daħal fis-seħħ b’mod legali f’Novembru, 30 jum wara li r-ratifika tiegħu mill-UE wasslet biex jibda japplika. F’Lulju, il-Kummissjoni ppreżentat miri li jorbtu u li huma relatati mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-2021 sal-2030 għal kull Stat Membru fis-setturi tat-trasport, tal-bini, tal-agrikoltura, tal-iskart u l-użu tal-art, u tal-forestrija. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll Strateġija Ewropea għal Mobbiltà b’Emissjonijiet Baxxi u ssoktat ħidmitha biex tindirizza l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali.
F’Novembru, il-Kummissjoni ppreżentat il-pakkett tagħha għal Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, li fih proposti leġiżlattivi fl-oqsma tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, is-suq intern u l-governanza, ħalli tgħin biex issir it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u żżid l-investimenti, l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE.
Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha
Fid-dinja qed isseħħ il-bidla lejn enerġija nadifa, u din ma tistax titreġġa’ lura. L-Unjoni Ewropea mhux biss trid tadatta ruħha għaliha iżda trid tmexxiha: din hija responsabilità globali tagħha.
Fl-2015, l-enerġiji nodfa attiraw iżjed minn €300 biljun f’investimenti globali. L-UE tinsab f’pożizzjoni tajba biex tuża l-politiki tagħha tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni ħalli din it-tranżizzjoni ssarrafha f’mutur għall-impjiegi u t-tkabbir. Mill-2021, l-UE se timmobilizza sa €177 biljun fis-sena għall-investimenti pubbliċi u privati biex il-pakkett tal-Enerġija Nadifa jkun jista’ jżid il-prodott domestiku gross b’1 % matul l-għaxar snin li ġejjin u joħloq 900,000 impjieg ġdid.

Effiċjenza fl-użu tal-enerġija
L-aktar enerġija rħisa u nadifa hija dik li ma tintużax. Għaldaqstant il-Kummissjoni fl-2016 ippreżentat miżuri ġodda u innovattivi b’rabta mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li huma ffukati biex:
- joħolqu qafas li jtejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b’mod ġenerali;
- itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini;
- iżidu l-prestazzjoni tal-enerġija tal-prodotti (l-Ekodisinn), u l-konsumaturi jingħataw it-tagħrif meħtieġ (it-tikkettar tal-enerġija); u
- jiffinanzjaw l-effiċjenza tal-enerġija bil-proposta ta’ Finanzjament Għaqli għall-Bini Intelliġenti.
Dawn il-proposti l-Kummissjoni tirfidhom b’mira obbligatorja ġdida ta’ 30 % b’rabta mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mal-UE kollha sal-2030. Il-miri ambizzjużi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tfasslu biex l-Istati Membri jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija, jagħtu spinta lill-ekonomija lokali, iżidu l-kompetittività u joħolqu aktar impjiegi ekoloġiċi.
Qed issir mexxej dinji fl-enerġija rinnovabbli
L-enerġija rinnovabbli se jkollha rwol ewlieni fil-bidla lejn sistema tal-enerġija nadifa. L-UE fasslet mira għaliha nnifisha li sal-2030 l-Istati Membri f’daqqa jilħqu mill-inqas 27 % ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija. Il-proposta għal Direttiva ġdida dwar l-Enerġija Rinnovabbli se tipprovdi ċertezza lill-investituri u kundizzjonijiet ekwi għat-teknoloġiji kollha. Il-proposti tal-Kummissjoni jaraw li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jinfirex l-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u biex l-UE ssir suq miftuħ għall-enerġija nadifa. Is-settur diġà jħaddem iżjed minn miljun persuna u jiġġenera fatturat ta’ madwar €144 biljun kull sena.
Bejn l-2009 u l-2015, il-prezzijiet tat-teknoloġija tax-xemx roħsu bi 80 % filwaqt li l-prezzijiet tat-teknoloġija tar-riħ roħsu bi 30-40 %. Minbarra dan ir-roħs fl-ispejjeż, il-konsumaturi qed kulma jmur jiġġeneraw dejjem iżjed l-enerġija rinnovabbli tagħhom stess. Bid-Direttiva riveduta, il-konsumaturi se jiksbu iżjed drittijiet biex jipproduċu l-elettriku tagħhom stess ħalli jikkunsmawh f’darhom jew ibigħuh lura lill-grilja.
Ftehim ġdid għall-konsumaturi
Il-konsumaturi jinsabu fil-qalba tal-Unjoni tal-Enerġija. Bi mmaniġġjar aħjar tal-informazzjoni diġitali li tingħata lill-konsumatur, l-attivitajiet ta’ kuljum bħall-kontijiet, il-bidla tal-fornituri u l-kisba ta’ kuntratti ġodda meta tinbidel ir-residenza, saru aktar faċli, aktar malajr, u aktar preċiżi. Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jiksbu informazzjoni tajba u ċara dwar l-aqwa ftehimiet fis-suq, b’għodod fuq l-internet u ċċertifikati għat-tqabbil tal-prezzijiet li jgħinuhom jagħmlu għażliet infurmati.
Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jibdlu l-fornituri aktar faċilment għax il-proposta tillimita l-użu tat-tariffi tal-bidla. Fl-UE, id-differenza medja bejn l-offerta standard tal-fornitur attwali u l-irħas offerta fis-suq hija iżjed minn €50 fis-sena.
Jekk ikunu jixtiequ, il-konsumaturi se jkunu jistgħu jitolbu lill-fornitur tal-enerġija tagħhom biex jagħtihom arloġġ intelliġenti u biex ikollhom prezzijiet tal-enerġija bbażati fuq is-suq, filwaqt li bit-teknoloġiji l-ġodda se jkunu jistgħu jikkunsmaw aktar meta l-enerġija tkun irħas u jnaqqsu l-konsum meta l-prezzijiet ikunu għaljin. Għaldaqstant il-konsumaturi se jkollhom kontroll aħjar tal-infiq tagħhom fis-servizzi tal-enerġija.
Sigurtà, solidarjetà u fiduċja tal-enerġija
Il-pakkett dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Enerġija li ġie propost fi Frar 2016 inbena fuq l-iżvilupp li għamlet l-UE f’dawn l-aħħar snin biex ixxejjen ir-riskji tas-sigurtà tal-enerġija. Il-pakkett iffoka fuq il-gass, skont it-tagħlimiet tat-testijiet tal-istress tal-gass tal-2014, iżda anki fuq il-ftehimiet intergovernattivi dwar l-enerġija u fuq it-tisħin u t-tkessiħ.
Il-koleġiżlaturi adottaw il-proposta tal-Kummissjoni għal ftehimiet intergovernattivi f’Diċembru, jiġifieri disa’ xhur wara l-ewwel proposta. Bir-regoli l-ġodda, il-Kummissjoni se tkun tista’ tiżgura li l-ebda ftehim tal-enerġija mhu se jxekkel is-sigurtà tal-provvista fi Stat Membru partikolari jew ifixkel il-funzjonament tas-suq tal-enerġija tal-UE.
F’Marzu, l-UE saħħet ir-rabtiet tagħha mal-Indja, attur ewlieni dinji u sieħeb kruċjali tal-UE fl-enerġija. Id-dikjarazzjoni konġunta dwar is-sigurtà tal-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tagħti sehem qawwi għal sħubija dejjiema tal-enerġija nadifa u sostenibbli ma’ waħda mill-iżjed ekonomiji ewlenin li qed jikbru malajr.
Suq tal-UE integrat għalkollox
L-2016 kienet sena importanti għall-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, tant li l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa allokat €800 miljun għal dan il-għan. Dan l-appoġġ huwa importanti ferm ħalli jinfetħu l-bibien għall-investiment addizzjonali meħtieġ biex jitneħħew il-konġestjonijiet li jwaqqfu l-fluss liberu tal-enerġija.
Fir-rebbiegħa ġew iffirmati żewġ ftehimiet ta’ għotja b’valur ta’ €5.6 miljun ħalli jsiru studji dwar il-bini tal-pipeline tal-gass Midcat. Meta jinbena, dan il-pipeline se jgħin biex is-suq tal-gass tal-peniżola Iberika jingħaqad mal-bqija tal-Ewropa. Barra minn hekk, il-Bulgarija kisbet €29.9 miljun mill-finanzjamenti allokati biex tinbena linja tal-elettriku tul 140 km ħalli ssaħħaħ l-aċċess tal-grilja għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli u biex iżżid il-kapaċità tad-distribuzzjoni tal-grilja tal-elettriku Bulgara.
L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta' Elering Taavi Veskimägi, il-Kap tad-Dipartiment tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u għan-Netwerks Andreas Boschen, u Herkko Plit l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta' Baltic Connector Oy, waqt li qed jiffirmaw ftehim ta' investiment fil-Baltikkonnettur, l-ewwel pipeline tal-gass li jgħaqqad l-Estonja u l-Finlandja, fil-preżenza tal-Prim Ministru Estonjan Taavi Rõivas, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u l-Prim Ministru Finlandiż Juha Sipilä, Brussell, il-21 ta' Ottubru 2016.
F’Ottubru sar ftehim ta’ għotja ta’ €187 miljun għal Baltikonnettur — l-ewwel pipeline li qed jgħaqqad l-Estonja u l-Finlandja. Meta sal-2020 il-gass jibda jiċċirkola, dan il-proġett se jgħaqqad ir-reġjun tal-Baħar Baltiku mal-bqija tas-suq tal-enerġija tal-UE.
Matul l-2016, il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa baqa’ strument ewlieni biex titlesta l-Unjoni tal-Enerġija. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kompla joħloq l-impjiegi u jistimola investimenti fl-ekonomija reali. Il-fond issokta jwieżen bil-qawwa lil investimenti intelliġenti u li jħarsu ’l quddiem li jsiru fl-enerġija rinnovabbli, fis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, fl-innovazzjoni u fl-infrastrutturi moderni tal-enerġija.
Mill-2014 sal-2020 ġew allokati €69 biljun mill-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni biex isiru investimenti li jappoġġaw l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija.
Inħaffu l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa
Fi tmiem is-sena, il-Kummissjoni ressqet l-ideat tagħha biex tħaffef l-innovazzjoni tal-enerġija nadifa. L-istrateġija tipproponi għadd ta’ miżuri konkreti biex jissaħħu u jiżdiedu s-soluzzjonijiet innovattivi effiċjenti fl-enerġija u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju bil-għan li titjieb il-kompetittività globali tal-UE f’dan is-settur.
F’Ġunju, il-Kummissjoni ngħaqdet mal-Missjoni Innovation, inizjattiva dinjija dwar l-enerġija nadifa u ffirmat il-Qafas Ministerjali dwar l-Enerġija Nadifa f’isem l-UE biex tiffaċilita l-koperazzjoni b’rabta mal-innovazzjoni. Barra minn dan, waqt il-Laqgħa Ministerjali tal-G20 dwar l-Enerġija li saret fiċ-Ċina ġew miftiehma għadd ta’ pjanijiet ta’ azzjoni.
Fl-2016 tniedu erba’ premjijiet fil-qafas tal-programm Orizzont biex titħeġġeġ l-innovazzjoni u jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi fil-qasam tal-innovazzjoni tal-enerġija. Il-premjijiet għandhom valur ta’ €6.75 miljun b’kollox u ffinanzjahom Orizzont 2020, il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn se jippremjaw lil approċċi innovattivi li jintegraw l-enerġija mix-xemx fil-binjiet storiċi, jużaw l-enerġija rinnovabbli fl-isptarijiet, jiżviluppaw prodotti li jgħinu biex jonqsu l-emissjonijiet billi jerġgħu jużaw id-diossidu tal-karbonju, u jivvintaw l-aktar magna nadifa għall-ġejjieni.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič u l-Kummissarju Miguel Arias Cañete waqt konferenza konġunta tal-aħbarijiet dwar il-Pakkett tal-Enerġija Nadifa, Brussell, it-30 ta' Novembru 2016.
Matul is-sena, ir-relazzjonijiet tal-UE mas-sħab ewlenin tal-enerġija baqgħu fuq quddiem nett fl-aġenda tal-UE. F’Ġunju, il-Kummissjoni ħadet sehem f’laqgħa Ministerjali tal-G20 dwar l-Enerġija li saret f’Beijing. Din kienet opportunità biex jiġu diskussi ċertu temi bħall-innovazzjoni tat-teknoloġija tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u r-rwol tas-sistema tal-enerġija fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima mas-sħab internazzjonali. Il-ftehim dwar il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija bejn l-UE u ċ-Ċina ġie ffirmat waqt is-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina f’Lulju.
Il-Kummissarju Carlos Moedas (fuq il-lemin) qed jisma’ preżentazzjoni tal-proġett imsejjaħ “extreme light infrastructure” (infrastruttura tassew ħafifa) mid-direttur tagħha Nicolae-Victor Zamfir, Măgurele, ir-Rumanija, il-11 ta’ Ottubru 2016.
Id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija
Immexxu ’l quddiem il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima
F’Ottubru 2014, il-mexxejja tal-UE qablu fuq mira mifruxa mal-ekonomija, waħda li torbot, biex l-emissjonijiet jonqsu b’mill-anqas 40 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli fl-1990. Dan sar il-kontribut tal-UE għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima li ġie ffirmat f’Diċembru 2015.
F’April 2016, intlaħaq rekord ġdid għax għall-ewwel darba ftehim internazzjonali ffirmawh 175 parti fl-ewwel ġurnata biss, u dan joħroġ fid-dieher biċ-ċar ir-rieda politika dinjija biex jitwettqu l-wegħdiet li saru f’Pariġi.
Wara li ġie nnegozjat l-ewwel ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima li jorbot legalment u li jissejjes fuq il-koalizzjoni tal-pajjiżi żviluppati u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li ffirmaw il-ftehim ta’ Pariġi, f’Ottubru dan seta’ jiġi ratifikat mingħajr dewmien fil-livell tal-UE biex f’Novembru jkun jista’ jidħol fis-seħħ mad-dinja kollha. Anki l-Istati Membri tal-UE diġà rratifikaw il-ftehim b’mod individwali jew waslu biex jirratifikawh.
Il-Parlament Ewropew japprova r-ratifika tal-ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.
F’Novembru, il-pajjiżi reġgħu ltaqgħu waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Marrakesh biex tissokta l-ħidma dwar is-sett dettaljat ta’ regoli għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern ħarġu Proklamazzjoni tal-Azzjoni ta’ Marrakesh, jiġifieri sejħa għall-akbar impenn politiku biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, u dan bagħat messaġġ ta’ għaqda dinjija u determinazzjoni kontinwa fuq l-għanijiet ta’ Pariġi u l-bidla lejn ekonomija dinjija b’livell baxx tal-karbonju.
L-elementi ewlenin tal-pakkett ta’ Pariġi mxew passi ’l quddiem, bħal fejn jidħlu l-aċċess għall-finanzi, l-għajnuna bit-teknoloġija, u l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ħiliet u tal-proċessi meħtieġa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex iwettqu l-pjanijiet tagħhom dwar il-klima.
L-UE twettaq il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima
Il-ħidma biex titwettaq il-wegħda tal-UE bdiet ferm qabel il-konferenza ta’ Pariġi permezz ta’ proposta biex issir reviżjoni tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet, l-istrument politiku ewlieni tal-UE biex jonqsu l-emissjonijiet. F’Lulju 2016, il-Kummissjoni kkumplimentat din il-proposta b’miri li jorbtu biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-Istati Membri bejn l-2021 u l-2030 għas-setturi tat-trasport, il-bini, l-agrikoltura, l-iskart u l-użu tal-art, u l-forestrija.
Fejn tidħol il-klima, azzjoni ambizzjuża toffri opportunitajiet tan-negozju u tiftaħ swieq ġodda għall-innovazzjoni u għall-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx tal-karbonju. Minbarra dan, fost l-isforzi tal-UE biex jonqsu l-emissjonijiet sal-2030, il-Kummissjoni żiedet l-użu tal-art u l-forestrija. Is-settur mhux biss jerħi l-gassijiet serra iżda jista’ wkoll ineħħi d-diossidu tal-karbonju mill-atmosfera u b’hekk il-foresti tal-UE jassorbu l-ekwivalenti ta’ kważi 10 % tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet serra fl-UE kull sena.
F’Lulju, il-Kummissjoni ppubblikat Strateġija Ewropea għall-Mobbiltà b’Livell Baxx ta’ Emissjonijiet biex twitti t-triq ħalli jinħolqu miżuri għall-UE dwar il-vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi u dwar il-fjuwils alternattivi b’emissjonijiet baxxi. Din l-Istrateġija tistabbilixxi l-inizjattivi ppjanati għas-snin li ġejjin u tqabbel l-oqsma fejn qed tistarreġ l-alternattivi.
Tkompliet il-ħidma biex tissaħħaħ ir-rabta bejn id-dekarbonizzazzjoni, il-bidla lejn ekonomija ċirkolari, il-kwalità tal-arja u l-ambjent. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari għandha l-potenzjal li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 2 sa 4 % kull sena, u din diġà qed tagħti r-riżultati. L-implimentazzjoni tal-Pakkett ta’ Politika dwar l-Arja Nadifa, li f’Ġunju 2016 sar ftehim interistituzzjonali dwaru, se tipprovdi ħafna benefiċċji biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima. Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa ġie mmobilizzat ukoll biex jgħin ħalli titwettaq il-bidla lejn ekonomija ċirkolari, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u mingħajr emissjonijiet tal-karbonju, b’5 % tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi li jkopru l-ambjent u s-settur tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.
Inkomplu l-impetu tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima
F’Ottubru, dawk li ffirmaw il-Protokoll ta’ Montreal, protokoll li rnexxielu jxejjen is-sustanzi qerrieda tal-ożonu, iltaqgħu f’Kigali, ir-Rwanda, u qablu li jinkludu wkoll il-kontroll tal-gassijiet tal-idrofluworokarbur li jintużaw fis-sistemi tat-tkessiħ u tal-arja kundizzjonata u li qed jikkawżaw tisħin fil-klima. Dan jinvolvi pass rapidu u kosteffikaċi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ qabel l-2020 tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. L-Emenda ta’ Kigali torbot lill-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw biex ftit ftit jillimitaw il-konsum u l-produzzjoni tagħhom tal-idrofluworokarburi. Filwaqt li l-pajjiżi żviluppati ntalbu jkunu huma li jagħmlu l-ewwel pass u jillimitaw l-użu tal-idrofluworokarburi, l-UE tinsab fuq quddiem nett fid-dinja f’dan kollu. Fl-UE, l-emissjonijiet ta’ dawn il-gassijiet se jonqsu b’żewġ terzi sal-2030 meta mqabbla mal-livelli bħalissa.
Barra minn hekk, f’Ottubru, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, bis-sehem attiv tal-UE, laħqet ftehim storiku dwar l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-avjazzjoni internazzjonali. L-hekk imsejħa miżura globali bbażata fuq is-suq saret biex l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali tistabbilizzahom sal-livelli fl-2020 u se tobbliga lil-linji tal-ajru biex ipattu għaż-żieda fl-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju tagħhom lil hinn minn dak il-limitu. Din l-iskema mistennija tibda fl-2021, għall-bidu b’parteċipazzjoni volontarja. Imbagħad, fit-tieni fażi tal-iskema (2027-2035), il-parteċipazzjoni se ssir obbligatorja għajr għall-pajjiżi bi ftit attivitajiet tal-avjazzjoni. Dan ifisser li madwar 80 % tal-emissjonijiet li jeħtiġilhom jilħqu l-għan ta’ newtralità tal-karbonju mill-2020, se jiġu bbilanċjati bejn l-2021 u l-2035.

L-UE u l-Istati Membri tagħha kienu fost dawk li appoġġaw li fil-prattika jindirizzaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-settur marittimu. Waqt il-laqgħa ta’ Ottubru tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali sar ftehim fuq sistema dinjija u obbligatorja li tiġbor id-dejta mingħand il-bastimenti dwar il-konsum tal-fjuwil. Fil-prattika, mill-2019 il-bastimenti li jaqbżu ċertu livell limitu ta’ kapaċità se jkun jeħtiġilhom jiġbru d-dejta dwar il-konsum tal-fjuwil u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, u jirrappurtawha lill-istat tal-bandiera.
Kapitlu 4
Suq intern aktar ġust u aktar profond b’bażi industrijali msaħħa
“Is-suq intern tagħna hu l-aqwa għodda li għandha l-Ewropa fi żminijiet meta qed tiżdied il-globalizzazzjoni. Għalhekk irrid li l-Kummissjoni li jmiss tibni fuq is-saħħa tas-Suq Uniku tagħna u tisfrutta għalkollox il-potenzjal tiegħu fl-aspetti kollha tiegħu.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
Il-Kummissarju Margrethe Vestager qed tindirizza lill-membri tal-istampa wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-Irlanda trid tirkupra l-għajnuna illegali mill-Istat li tħallset lill-Apple sa €13-il biljun, Brussell, id-29 ta’ Awwissu 2016.
Is-Suq Uniku hu waħda mill-kisbiet ewlenin tal-UE u l-aqwa assi li għandha fi żminijiet meta qed tiżdied il-globalizzazzjoni. Fis-Suq Uniku, il-persuni, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital jistgħu jiċċaqilqu b’mod aktar ħieles. Dan jagħti opportunitajiet ġodda liċ-ċittadini, lill-ħaddiema, lin-negozji u lill-konsumaturi, u joħloq l-impjiegi u t-tkabbir li l-Ewropa teħtieġ mingħajr dewmien. Il-ħidma fl-2016 issoktat fl-istess direzzjoni tal-Istrateġija tas-Suq Uniku tal-2015.
F’Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, jiġifieri dwar il-ħaddiema mibgħuta minn min iħaddimhom biex jaħdmu għal xi żmien fi Stat Membru ieħor. F’Ġunju, il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni tagħha fuq kif il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għandha tapplika għall-ekonomija kollaborattiva. Fost l-inizjattivi l-oħra hemm l-Inizjattiva favur in-Negozji Ġodda u n-Negozji li qed Ikabbru u l-Karta Professjonali Ewropea.
F’April daħlu fis-seħħ regoli ġodda tal-UE li biddlu l-mod kif l-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi jonfqu l-biċċa l-kbira tal-€1.9 triljun li jintefqu għall-akkwist pubbliku kull sena.
Waħda mill-prijoritajiet baqgħet li tissaħħaħ il-bażi industrijali tal-UE. Il-Kummissjoni ressqet proposti leġiżlattivi biex tiżgura li l-manifatturi tal-karozzi jobdu bir-reqqa r-rekwiżiti kollha tal-UE dwar is-sikurezza, l-ambjent u l-produzzjoni. Barra minn hekk inħoloq il-GEAR 2030, grupp ġdid ta’ livell għoli għall-industrija tal-karozzi biex isaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-karozzi u t-tmexxija teknoloġika.
Ħarġet Komunikazzjoni li tistabbilixxi kif is-settur Ewropew tal-azzar jista’ jegħleb l-isfidi tiegħu bl-għajnuna tal-UE.
Il-Kummissjoni kompliet tifrex is-sisien tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-2015.
Prijorità importanti oħra fl-2016 kienet il-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa. F’Jannar il-Kummissjoni ressqet Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa li jinkludi żewġ proposti leġiżlattivi li adotta l-Kunsill. F’April, il-Kummissjoni ħarġet bi proposta dwar ir-rappurtar pubbliku pajjiż b’pajjiż mill-kumpaniji multinazzjonali. Imbagħad f’Ottubru ppreżentat ukoll Pakkett kbir għal Riforma fit-Taxxa Korporattiva.
Is-Suq Uniku
F’Komunikazzjoni li ħarġet f’Ġunju, il-Kummissjoni ċċarat kif il-leġiżlazzjoni eżistenti tgħodd għall-ekonomija kollaborattiva u tkopri bosta aspetti bħar-rekwiżiti tal-aċċess għas-suq, ir-responsabbiltà u l-protezzjoni tal-konsumaturi.
L-istandards inaqqsu l-ispejjeż, iħeġġu l-innovazzjoni, jippermettu l-interoperabbiltà bejn apparati u servizzi differenti, u jgħinu lill-kumpaniji biex jaċċessaw is-swieq. F’Ġunju, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ inizjattivi biex timmodernizza u ssaħħaħ is-Sistema Ewropea tal-Istandardizzazzjoni abbażi tal-iżviluppi teknoloġiċi, il-prijoritajiet politiċi u x-xejriet globali.
Il-mobbiltà ssir eħfef għall-professjonisti u għall-ħaddiema
Wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija tas-Suq Uniku hu li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaħdmu kull fejn jixtiequ fl-Istati Membri. Il-Karta Professjonali Ewropea tissimplifika l-proċeduri twal li jkollhom isegwu l-professjonisti qabel ma jkunu jistgħu jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Ħames professjonijiet (l-infermiera, il-psikoterapisti, l-ispiżjara, l-aġenti tal-proprjetà u l-gwidi tal-muntanji) setgħu jibdew jużaw il-Karta minn Jannar 2016, u fil-ġejjieni din jaf tinfetaħ ukoll għal professjonijiet oħra.
F’Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, jiġifieri dwar il-ħaddiema mibgħuta minn min iħaddimhom biex jaħdmu għal xi żmien fi Stat Membru ieħor. Ir-reviżjoni ġġib bidliet fi tliet oqsma ewlenin: il-ħlasijiet lill-ħaddiema stazzjonati, inkluż is-sitwazzjonijiet tas-subkuntrattar; ir-regoli li jgħoddu għall-ħaddiema temporanji tal-aġenzija; u l-istazzjonar fit-tul.
Aktar effiċjenza fl-akkwist pubbliku
Minn April daħlu fis-seħħ regoli ġodda li biddlu l-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi tal-UE jonfqu l-biċċa l-kbira tal-€1.9 triljun li jintefqu għall-akkwist pubbliku kull sena. Il-liġijiet tal-pajjiżi għandhom ikunu konformi mat-tliet Direttivi dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet għax dawn jagħmluha eħfef u orħos għan-negozji żgħar u medji biex jagħmlu offerti għall-kuntratti pubbliċi, jiżguraw l-aħjar valur għall-flus pubbliċi u jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza u tal-kompetizzjoni tal-UE. Minbarra dan, b’dawn ir-regoli jkunu jistgħu jitqiesu wkoll aspetti ambjentali, soċjali u innovattivi.
Insaħħu l-bażi industrijali tal-UE
F’April, il-Kummissjoni pproponiet sett ta’ miżuri biex twieżen u tgħaqqad l-inizjattivi nazzjonali għad-diġitalizzazzjoni tal-industrija u tas-servizzi relatati u biex tagħti spinta lill-investiment.
F’Ġunju twaqqfet Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti fil-livell tal-UE għall-Modernizzazzjoni Industrijali biex tappoġġa l-koperazzjoni bejn ir-reġjuni, il-gruppi ta’ kumpaniji, in-netwerks kummerċjali u s-sħab industrijali u biex jissawru proġetti ambizzjużi tal-investiment li jistgħu jibbenefikaw mill-programmi tal-UE, mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u minn fondi privati.
Iddaħħlu metodi tal-ittestjar aktar sodi u realistiċi għall-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu u l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mill-karozzi. Il-Kummissjoni ressqet ukoll proposti leġiżlattivi biex tirriforma s-sistema li biha l-karozzi jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Ir-Regolament propost għandu l-għan li l-ittestjar tal-vetturi jagħmlu iżjed indipendenti, iżid is-sorveljanza tal-karozzi li jintużaw u jdaħħal aktar superviżjoni tal-UE.

F’Lulju, il-Kummissjoni ppubblikat Strateġija Ewropea għall-Mobbiltà b’Livell Baxx ta’ Emissjonijiet biex toħloq miżuri għall-UE dwar il-vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet baxxi u dwar il-fjuwils alternattivi b’emissjonijiet baxxi.
Il-Kummissarju għall-Enerġija Günther Oettinger jeżamina magna waqt fiera kummerċjali f’Hanover, il-Ġermanja, il-25 ta’ April 2016.
Biex l-industrija tal-karozzi tal-UE tibqa’ kompetittiva billi tkun tiflaħ għall-isfidi tal-futur, twaqqaf grupp ġdid ta’ livell għoli msejjaħ GEAR 2030 għall-industrija tal-karozzi biex jaħdem fuq l-isfidi tal-ġejjieni bħas-sewqan awtomatizzat, il-karozzi konnessi u l-vetturi mingħajr emissjonijiet.
L-industrija tal-azzar tirrappreżenta 1.3% tal-prodott domestiku gross tal-UE u taqdi rwol ġmielu f’diversi setturi industrijali oħra, fosthom l-industrija tal-karozzi. F’dan is-suq saru ħafna sforzi għall-innovazzjoni u biex jimmodernizzawh, iżda fl-aħħar snin il-pożizzjoni kompetittiva tal-UE fis-suq dinji tal-azzar iddgħajfet. Il-produzzjoni qawwija tal-azzar fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE bħaċ-Ċina wasslet għal mewġa ta’ prattiċi kummerċjali inġusti li xekklu s-suq dinji. F’Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni li tindirizza l-isfidi serji li għandu dan is-settur; filwaqt li qed tieħu firxa ta’ azzjonijiet, fosthom li timponi miżuri antidumping provviżorji, tadotta sistema ta’ sorveljanza minn qabel għall-prodotti tal-azzar, tipprovdi fondi biex isostnu l-immodernizzar tal-industrija, u trawwem forza tax-xogħol kwalifikata.
Il-Kummissarju Elżbieta Bieńkowska qed issir taf fuq it-teknoloġiji li jiżviluppa l-Fraunhofer Institute of Optronics, System Technologies & Image Exploitation waqt fiera kummerċjali f’Hanover, il-Ġermanja, il-25 ta’ April 2016.
Nipproteġu l-proprjetà intellettwali
L-Istrateġija tas-Suq Uniku enfasizzat ir-rwol li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għandha biex tippromwovi l-innovazzjoni u l-kreattività għax dawn ikattru l-impjiegi u jħeġġu l-kompetittività.
Il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni tal-qafas legali fis-seħħ li jinforza d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, biex tiżgura li l-miżuri legali u r-rimedji jkunu jixirqu għall-għan li nħasbu għalih, l-aktar bejn il-fruntieri u fuq l-internet. Il-Kummissjoni qed tixħet l-enfasi fuq l-abbużi fuq skala kummerċjali u l-approċċ “segwi l-flus” biex lil min jikser il-liġi fuq skala kummerċjali ċċaħħdu mid-dħul tiegħu, minflok ma tfittxu. F’Ġunju, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, il-pjattaformi tal-internet, sidien it-trademarks u l-assoċjazzjonijiet kummerċjali ffirmaw ftehim volontarju biex jieqaf il-bejgħ fuq l-internet ta’ prodotti falsifikati.
In-negozji tal-UE gwadanjaw ukoll mir-riforma tat-trademarks li daħlet fis-seħħ f’Marzu għax il-protezzjoni tat-trademarks tal-UE saret aktar aċċessibbli għalihom. Din ir-riforma tnaqqsilhom l-ispejjeż, timmodernizza l-istandards meħtieġa għall-preżentazzjoni ta’ tipi ġodda ta’ trademarks, tqassar iż-żmien tar-reġistrazzjoni u ssaħħaħ il-mezzi kontra l-iffalsifikar.
F’Novembru, il-Kummissjoni ħarġet kjarifika bl-appoġġ qawwi tal-Parlament Ewropew u tal-Istati Membri biex tiċċara ċertu dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Bijoteknoloġija, u tiddikjara li l-prodotti li joħorġu minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi m’għandhomx jedd għal privattiva.
Nagħtu servizzi aħjar lill-passiġġieri tal-ferroviji
Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju.
F’April, il-Parlament u l-Kunsill qablu fuq miżuri biex il-ferroviji tal-UE jsiru aktar innovattivi u kompetittivi. Ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju bil-mod il-mod se jiftaħ is-swieq domestiċi tal-ferroviji tal-passiġġieri għall-kompetizzjoni, iħeġġeġ biex jibdew jitħaddmu mudelli ġodda tan-negozju u jagħti għażla usa’ lill-konsumaturi b’aktar frekwenza tal-ferroviji, servizzi aħjar u prezzijiet orħos.
Insaħħu l-portijiet

F’Ġunju, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar Qafas Ewropew Komuni għall-Portijiet. Ir-Regolament dwar il-Portijiet se jiżgura trasparenza finanzjarja u l-aqwa użu tar-riżorsi, filwaqt li jżid il-kunfidenza tal-investituri, jiżgura kompetizzjoni ġusta, u jixpruna l-investiment. Jekk jiżdied l-investiment, jiżdiedu l-impjiegi u l-prosperità. Bħalissa s-settur iħaddem 469,000 persuna direttament u jwieżen 3 miljun impjieg. Ir-Regolament se jiżgura servizzi ta’ kwalità kbira fil-portijiet tal-UE, u lill-portijiet se jagħtihom aktar awtonomija, pereżempju biex ifasslu t-tariffi tal-infrastruttura tagħhom.
Il-Kummissarju Pierre Moscovici qed iżur id-dwana tal-port ta’ Rotterdam mas-Segretarju tal-Istat Olandiż għall-Finanzi Eric Wiebes, Rotterdam, l-Olanda, il-31 ta’ Mejju 2016.
Kompetizzjoni bla xkiel
Il-politika dwar il-kompetizzjoni tgħin biex is-Suq Uniku jaħdem sew ħalli l-kumpaniji jikkompetu fuq il-merti tagħhom u l-konsumaturi tal-UE jgawdu mill-effiċjenzi. Il-kumpaniji sodi li qed isibu kompetizzjoni qawwija fis-swieq domestiċi huma fost l-aktar mgħammra biex jikkompetu fis-suq dinji.
Il-ġlieda kontra l-kartelli hija mod kif il-kompetizzjoni tibqa’ b’saħħitha. F’Lulju, il-Kummissjoni ddeċidiet li ħames manifatturi tat-trakkijiet ħadmu flimkien għal 14-il sena sħaħ biex jiftiehmu fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-konformità ma’ regoli aktar stretti jgħadduhom lil ħaddieħor. Dawn ingħataw multa rekord ta’ €2.9 biljun.
Minbarra dan, ir-regoli tal-antitrust jiżguraw li l-aġir tal-kumpaniji dominanti ma jxekkilx il-kompetizzjoni f’xi suq partikolari. Matul is-sena, il-Kummissjoni kienet qed twettaq tliet investigazzjonijiet kontra l-kumpanija Google għax allegatament abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha.
Fl-2016 saret sorveljanza mill-qrib tal-għajnuna mill-Istat u din rawmet il-kompetittività u l-innovazzjoni għax evitat li l-flus pubbliċi jingħataw lil kumpaniji f’diffikultà, u b’hekk setgħu jinfetħu aktar kumpaniji innovattivi.
Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll avviż dwar fejn japplika l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-UE fejn jidħol l-infiq pubbliku. Dan se jgħin lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-kumpaniji biex isiru jafu aħjar meta l-miżuri ta’ appoġġ pubbliku ma jkunux jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat u allura ma jkunx jeħtiġilhom jimxu mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
F’Jannar, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Belġju kiser ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għax lil għadd ta’ kumpaniji multinazzjonali magħżula tahom vantaġġi sostanzjali tat-taxxa li jiswew mill-inqas €700 miljun; u b’hekk il-kompetituri li mhumiex kumpanija multinazzjonali tpoġġew fi żvantaġġ. Għalhekk madwar 35 kumpanija multinazzjonali, ħafna minnhom mill-UE, iridu jħallsu lill-Belġju ċertu taxxi li ma tħallsux. F’Awwissu, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-Irlanda tat benefiċċji tat-taxxa lill-kumpanija Apple b’valur sa €13-il biljun, l-ekwivalenti ta’ sussidju sostanzjali li n-negozji l-oħra ma kellhomx aċċess għalih. Fi tmiem is-sena kien hemm tliet investigazzjonijiet oħra għaddejjin li jinvolvu t-trattament tat-taxxa tal-Lussemburgu lil Amazon, McDonald’s u GDF Suez (Engie).
Wieħed mill-għanijiet għalfejn il-Kumissjoni tinforza l-liġi tal-kompetizzjoni hu biex tevita li t-tagħqid tal-kumpaniji (il-mergers) jagħmel ħsara lis-swieq kompetittivi. Ħafna mit-tagħqid tal-kumpaniji li sar fl-2016 ma ħoloq l-ebda problema għall-kompetizzjoni u dan ġie approvat wara analiżi ta’ rutina. Iżda f’Mejju, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipprojbixxi l-akkwist propost ta’ Telefónica UK minn Hutchison għax tħassbet bil-kbir li l-konsumaturi tal-mowbajl fir-Renju Unit kien se jkollhom inqas għażla u jħallsu prezzijiet ogħla minħabba dan l-akkwist. Il-Kummissjoni dehrilha li l-ftehim kien se jdgħajjef l-innovazzjoni fis-settur tat-telefonija ċellulari.
It-trasparenza u l-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa
F’Jannar, il-Kummissjoni adottat Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa biex tistieden lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni aktar b’saħħitha u aktar koordinata kontra l-kumpaniji li jippruvaw jevitaw milli jħallsu s-sehem ġust tagħhom tat-taxxa, u biex iwettqu l-istandards internazzjonali kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferimenti tal-profitti. Fost l-elementi ewlenin tal-proposta hemm:
- miżuri li jorbtu legalment ħalli jitwaqqfu l-aktar metodi komuni li jużaw il-kumpaniji biex jevitaw it-taxxa (il-proposta għal Direttiva kontra l-evitar tat-taxxa);
- proposta biex l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jirrappurtaw pajjiż b’pajjiż l-informazzjoni relatata mat-taxxa fuq il-kumpaniji multinazzjonali li joperaw fl-UE (emenda tad-Direttiva dwar il-Koperazzjoni Amministrattiva);
- rakkomandazzjoni għall-prevenzjoni tal-abbuż tat-trattat dwar it-taxxa;
- azzjonijiet li jippromwovu l-governanza tajba madwar id-dinja, fosthom bi proċess ġdid tal-UE li jiġbor il-ġurisdizzjonijiet ’il barra mill-UE li jevitaw li jkunu ġusti.
Id-Direttiva kontra l-evitar tat-taxxa adottaha l-Kunsill f’Lulju. L-Istati Membri jridu jittrasponu r-regoli fil-liġijiet tagħhom sa tmiem l-2018 u jibdew japplikawhom minn Jannar 2019. Ir-regoli l-ġodda dwar ir-rappurtar pajjiż b’pajjiż bejn l-awtoritajiet tat-taxxa ġew miftiehma mill-Kunsill f’Marzu, u l-Istati Membri jridu jittrasponuhom fil-liġijiet nazzjonali tagħhom sa nofs l-2017.
Tassazzjoni ġusta: il-Kummissjoni tippreżenta miżuri ġodda kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva.
Saru ftehimiet ukoll ma’ Andorra u Monaco biex mill-2018, l-Istati Membri tal-UE u dawn iż-żewġ pajjiżi ġirien jaqsmu bejniethom l-informazzjoni b’mod awtomatiku dwar il-kontijiet finanzjarji tar-residenti ta’ xulxin.
F’April, il-Kummissjoni pproponiet li l-kumpaniji multinazzjonali l-kbar li huma attivi fis-Suq Uniku tal-UE u li għandhom fatturat aktar minn €750 miljun, għandhom jiżvelaw fil-pubbliku l-ammont tat-taxxa korporattiva li jħallsu lil kull pajjiż, wieħed wieħed. Ir-regoli proposti se jiżguraw aktar trasparenza fejn tidħol it-taxxa korporattiva, filwaqt li se jiftħu l-aċċess liċ-ċittadini għall-istrateġiji tat-taxxa tal-kumpaniji multinazzjonali u għall-kontribut tagħhom għall-ġid soċjali.
Il-Kummissarju Jonathan Hill (2014-2016) jispjega proposta dwar it-trasparenza tat-taxxa pubblika fil-Parlament Ewropew, Strasburgu, Franza, it-12 ta’ April 2016.
Minbarra dan, f’April, il-Kummissjoni ppreżentat miżuri biex timmodernizza s-sistema tal-VAT fl-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni hu l-ewwel pass lejn żona tal-VAT waħda għall-UE kollha li tkun mgħammra biex tindirizza l-frodi, tappoġġa lin-negozji u tgħin lill-ekonomija diġitali u lill-kummerċ elettroniku.
F’Lulju, il-Kummissjoni ppreżentat il-passi li jmiss biex tagħti spinta lit-trasparenza fit-taxxa u lill-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali. Ittieħdu inizjattivi bil-ħsieb li jxejnu n-nuqqasijiet li għandu bħalissa l-qafas tal-liġi dwar it-taxxi, meta dan ikun jippermetti l-abbuż tat-taxxa bejn il-fruntieri u flussi finanzjarji illeċiti.
F’Settembru, il-Kummissjoni ppreżentat tabella ta’ valutazzjoni b’għadd ta’ indikaturi ekonomiċi, finanzjarji, dwar l-istabbiltà u dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, biex lill-Istati Membri tgħinhom jidentifikaw il-ġurisdizzjonijiet li mhumiex tal-UE u li għandhom jingħarblu mingħajr dewmien permezz tal-proċess komuni tal-UE li qed jiġbor il-lista tal-ġurisdizzjonijiet. Mexa ġmielu l-proċess biex tinġabar l-ewwel lista komuni tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li mhumiex fl-UE u li jevitaw milli jimxu mal-istandards internazzjonali ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa.
F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat Pakkett kbir ta’ Riformi fit-Taxxa Korporattiva li jinkludi tliet proposti ġodda ħalli: tinħoloq sistema tat-taxxa aktar ġusta u aktar moderna għan-negozji; jixxejnu l-lakuni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi li mhumiex fl-UE; u jinħolqu regoli li jaħsbu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim biex itaffu l-problemi tat-tassazzjoni doppja għan-negozji.
B’mod aktar konkret, il-Pakkett reġa’ nieda l-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva li se tbiddel mill-qiegħ il-mod kif jiġu ntaxxati l-kumpaniji fis-Suq Uniku, u b’hekk jiżgura sistema tat-taxxa korporattiva aktar ġusta, aktar kompetittiva u aktar favorevoli għat-tkabbir. Il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva fiha wkoll għadd ta’ elementi ġodda u importanti biex tkun aktar kapaċi titħabat kontra l-evitar tat-taxxa u tippromwovi t-tkabbir.
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll sistema mtejba biex jissolvew it-tilwimiet dwar it-tassazzjoni doppja fl-UE, b’mod li taġġusta l-mekkaniżmi li jintużaw bħalissa għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ħalli jkunu jissodisfaw aħjar il-ħtiġijiet tan-negozji li huma tant imxekkla bit-tassazzjoni doppja.
Il-Pakkett ta’ Riforma fit-Taxxa Korporattiva fih ukoll proposta biex ir-regoli interni tal-UE li diġà ġew miftiehma kontra d-diskrepanzi ibridi jibdew jgħoddu wkoll għad-diskrepanzi fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE.
Swieq finanzjarji li jaħdmu għall-konsumaturi
Il-kumpaniji finanzjarji għandhom jaħtfu l-opportunitajiet kollha tal-ekonomiji ta’ skala f’suq tal-UE tassew integrat, filwaqt li s-servizzi fuq l-internet jiftħu possibbiltajiet ġodda u soluzzjonijiet innovattivi.
L-Istati Membri kellhom jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju sa Marzu 2016. Sa tmiem is-sena, dsatax-il Stat Membru daħlu fis-seħħ għalkollox din id-Direttiva. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li min jixtri proprjetà jew jieħu self assigurat biex jixtri daru, ikun infurmat sew u mħares mir-riskji. Id-Direttiva għandha tippromwovi l-kompetizzjoni fis-swieq ipotekarji u toffri opportunitajiet ġodda għas-selliefa u għall-intermedjarji, ħalli fil-ġejjieni jonqsu l-ispejjeż għall-benefiċċju dirett tal-konsumaturi.
Sa Settembru, l-Istati Membri ntalbu wkoll jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Pagamenti li tagħti dritt ġdid lill-konsumaturi kollha biex jiksbu aċċess għal servizzi bażiċi tal-kontijiet tal-pagamenti, tkun xi tkun il-qagħda finanzjarja tagħhom. Sa tmiem is-sena, din twettqet f’erbatax-il Stat Membru, jiġifieri l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u r-Renju Unit. Franza u l-Finlandja nnotifikaw miżuri parzjali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali.
Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali
Il-Kummissjoni kompliet tibni Unjoni tas-Swieq Kapitali skont il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali li ġie adottat fl-2015. Din ressqet Komunikazzjoni dwar it-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u dwar l-iżvilupp ta’ aktar prijoritajiet, fosthom prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew.
L-ewwel miżura daħlet fis-seħħ f’April 2016. B’hekk, l-investiment fl-infrastruttura sar aktar attraenti għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jifilħu jagħtu l-finanzjament fit-tul meħtieġ.
F’Lulju, il-Kummissjoni pproponiet bidliet fil-leġiżlazzjoni attwali biex ikun jista’ jinfirex l-użu tal-fondi Ewropej tal-kapital tar-riskju u tal-fondi Ewropej tal-intraprenditorija soċjali b’mod li l-investituri privati jsibuha eħfef u aktar attraenti biex jinvestu fil-kumpaniji ż-żgħar u li qed ikabbru.
F’Settembru, il-Kummissjoni ħabbret strateġija usa’ dwar il-finanzi sostenibbli biex tappoġġa l-investiment fit-teknoloġiji nodfa. F’Novembru, il-Kummissjoni pprovdiet sa €300 miljun għal koinvestiment f’fondi ta’ fondi tal-kapital tar-riskju pan-Ewropej u fuq skala kbira. B’dan il-mod tissaħħaħ il-kapaċità tal-industrija Ewropea tal-kapital tar-riskju biex tkun tista’ toffri dħul attraenti lill-investituri istituzzjonali u biex l-istess industrija tkun tista’ tintlaħaq minn aktar Stati Membri.
Minbarra dan, f’Novembru, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva dwar ir-ristrutturar tan-negozji u dwar it-tieni ċans. Din il-proposta saret bil-ħsieb biex l-intraprendituri onesti li fallew jerġgħu jingħataw ċans ieħor, ikunu parti minn ambjent dinamiku għan-negozju u jippromwovu l-innovazzjoni.
Kapitlu 5
Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta
“Matul il-ħames snin li ġejjin irrid inkompli bir-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja biex inħarsu l-istabbiltà tal-munita unika tagħna u biex intejbu l-konverġenza bejn il-politiki ekonomiċi, fiskali u tas-suq tax-xogħol fost l-Istati Membri li jużaw din il-munita unika.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis qed issirlu intervista fil-Borża ta’ New York, l-Istati Uniti, il-5 ta’ Ottubru 2016.
L-integrazzjoni ekonomika meta titwettaq l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħti bosta vantaġġi lill-ekonomija tal-UE kollha kemm hi u lill-ekonomiji tal-Istati Membri individwali, fosthom il-kobor, l-effiċjenza interna u s-sodezza. Dawn jiftħu l-bibien tal-opportunitajiet għall-istabbiltà ekonomika u jżidu x-xogħol u t-tkabbir — riżultati li ċ-ċittadini tal-UE jħossuhom fil-ħajja ta’ kuljum. Għalkemm għad hemm ħafna progress xi jsir, il-ħidma biex titlesta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kompliet miexja ’l quddiem b’ritmu tajjeb b’diversi inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea matul l-2016.
Iżda l-isfidi l-kbar għadhom l-istess, jiġifieri li jkompli jonqos l-għadd ta’ persuni esposti għar-riskju tal-esklużjoni soċjali u jingħata iżjed appoġġ biex tissokta x-xejra ta’ tnaqqis fil-qgħad. Minkejja li għadha għolja wisq, ir-rata tal-qgħad fiż-żona tal-ewro kienet 9.8 % f’Novembru, jiġifieri l-inqas f’seba’ snin.
Barra minn hekk l-UE baqgħet tistinka biex titlesta l-Unjoni Bankarja għax din hija sies importanti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Matul l-2016 sar bosta progress fejn tidħol is-simplifikazzjoni tal-proċeduri tas-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġew adottati matul il-proċess tas-Semestru 2016 huma gwida għall-Istati Membri kollha u għaż-żona tal-ewro kollha kemm hi, u saru bil-għan li jippromwovu politiki u riformi li joħolqu aktar impjiegi, iżidu s-sens ta’ ġustizzja soċjali u konverġenza, u jrawmu t-tkabbir b’appoġġ lill-istrateġiji tal-investiment.
Iċ-ċiklu tal-2017 tas-Semestru Ewropew tnieda f’nofs Novembru. Il-Kummissjoni tenniet is-sejħa tagħha lill-Istati Membri biex iqawwu l-isforzi tagħhom b’konformità mal-prinċipji tat-“trijanglu virtuż” biex jixprunaw l-investiment, iwettqu riformi strutturali u jiżguraw politiki fiskali responsabbli, u b’dan il-mod jixħtu l-enfasi fuq relazzjoni ġusta bejn l-individwu u s-soċjetà u jwasslu għal tkabbir aktar inklużiv.
Nikkontrollaw l-għajnuna mill-Istat u niżguraw kompetizzjoni ġusta
Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jaqdi rwol importanti biex l-Unjoni Bankarja tiżgura kundizzjonijiet ekwi. Minn mindu bdiet il-kriżi finanzjarja fl-2008, 113-il bank fl-UE, li jirrappreżentaw madwar 30 % tas-sistema bankarja tal-UE skont l-assi, għamlu ristrutturar skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-għajnuna mill-Istat wara li rċevew fondi pubbliċi. L-Istati Membri appoġġaw lill-banek b’injezzjoni ta’ €655.3 biljun f’kapital (jew 4.5 % tal-prodott domestiku gross tal-UE fl-2015) u b’€1,293.1 biljun (jew 9.2 % tal-prodott domestiku gross) f’garanziji u sistemi oħra ta’ appoġġ tal-likwidità. L-għajnuna ngħatat biex isserraħ moħħ iċ-ċittadini dwar it-tfaddil tagħhom, biex tevita milli jsiru fallimenti, u biex tipprevjeni l-kollass tas-sistema bankarja madwar il-kontinent. Il-biċċa l-kbira tal-banek li rċevew l-għajnuna waqt il-kriżi reġgħu rkupraw wara li implimentaw parti konsiderevoli mill-pjanijiet ta’ ristrutturar tagħhom. Il-banek li l-mudelli tan-negozju tagħhom fallew għalkollox, jiġifieri 42 bank minn 113-il bank, ġew stralċati b’mod organizzat.

F’Lulju, il-Kummissjoni temmet l-investigazzjoni tagħha dwar l-antitrust fl-iswaps tad-derivattivi ta’ kreditu billi rabtet b’impenji lill-fornitur tad-dejta Markit u lill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Swaps u d-Derivattivi. Għal għaxar snin, iż-żewġ entitajiet se jilliċenzjaw ċertu dejta ewlenija u drittijiet tal-proprjetà intellettwali għal skambji b’termini ġusti, raġonevoli u nondiskriminatorji. Din il-miżura se tgħin biex il-kummerċ tal-iswaps tad-derivattivi ta’ kreditu jsir aktar sikur u orħos għall-investituri.
F’Marzu, il-Kummissjoni ħabbret li jidhrilha li l-perjodu ta’ applikabbiltà tar-Regolament għall-Eżenzjoni ta’ Kategorija tal-Assigurazzjoni m’għandux jiġi estiż. Din l-ewwel pożizzjoni ġiet approvata aktar tard f’Diċembru wara valutazzjoni tal-impatt. Għalhekk ir-Regolament se jiskadi f’Marzu 2017.
Skont il-Bank Ċentrali Ewropew, il-ħlasijiet bil-kard fl-2014 laħqu s-46 % tal-pagamenti elettroniċi fl-UE. It-tariffi tal-interkambju multilaterali, li l-banek jiftiehmu bejniethom u jimponu fuq il-bejjiegħa għall-aċċettazzjoni tal-kards, jistgħu jwasslu biex jgħollu l-prezzijiet għall-konsumaturi. Ir-Regolament dwar it-Tariffi tal-Interkambju li daħal fis-seħħ fi tmiem l-2015 jindirizza din il-kwistjoni billi jillimita dawn it-tariffi f’livelli kompetittivi. F’Ġunju 2016 daħal fis-seħħ it-tieni sett ta’ regoli skont dan ir-Regolament biex l-ispejjeż tal-ħlasijiet isiru aktar trasparenti għall-bejjiegħa u għall-konsumaturi ħalli dawn ikunu jistgħu jagħmlu għażliet aktar effiċjenti.
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni baqgħet għaddejja bil-proċeduri antitrust tagħha kontra t-tariffi tal-interkambju multilaterali li ftiehmu bejniethom il-Visa u l-MasterCard għat-tranżazzjonijiet interreġjonali, u li mhumiex koperti bir-Regolament tat-Tariffa tal-Interkambju. It-tariffi tal-interkambju interreġjonali multilaterali huma ħlasijiet li jagħmlu n-negozjanti tal-UE biex jaċċettaw il-pagamenti bil-kards li jsiru minn barra ż-Żona Ekonomika Ewropea.
F’Ġunju, il-Qorti Ġenerali kkonfermat is-sejbiet tal-Kummissjoni li Groupement des Cartes Bancaires, li jmexxi s-sistema tal-pagament bil-kards “CB” fi Franza, illimita l-kompetizzjoni fis-suq Franċiż tal-ħruġ tal-kards tal-kreditu għax għamilha diffiċli biex parteċipanti ġodda jidħlu fis-suq. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hi soġġetta għal appell.
Bordijiet ġodda biex jissaħħaħ il-proċess ta’ approfondiment
Il-governanza ekonomika tal-UE ssaħħet bit-twaqqif ta’ Bord Fiskali Ewropew konsultattiv u indipendenti. Il-Bord beda jaħdem f’Novembru 2016 biex titwettaq il-proposta li hemm fir-Rapport tal-Ħames Presidenti — dokument li ħejjew il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-kontropartijiet tiegħu fil-Parlament Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Grupp tal-ewro u s-Summit taż-żona tal-ewro — u skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ Ottubru 2015. Ir-rwol tal-Bord hu li jevalwa l-implimentazzjoni tal-qafas fiskali tal-UE u li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-qagħda fiskali li tixraq liż-żona tal-ewro kollha kemm hi. Il-Bord jikkopera wkoll mal-kunsilli fiskali nazzjonali tal-Istati Membri u jipprovdi pariri speċjalizzati meta jitolbu jagħmel dan il-President Juncker.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis qed jiltaqa’ mal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi, Brussell, it-8 ta’ Ġunju 2016.
Il-Bord hu indipendenti u jiġbor speċjalisti rispettati li jipprovdu għarfien espert indipendenti fil-qasam tagħhom, ilkoll maħtura wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, mal-kunsilli fiskali nazzjonali u mal-Bank Ċentrali Ewropew.
F’Settembru, il-Kunsill mexa pass ieħor biex iwettaq ir-Rapport tal-Ħames Presidenti u rrakkomanda li l-Istati Membri taż-żona tal-ewro joħolqu jew jidentifikaw bordijiet nazzjonali tal-produttività. Dawn il-bordijiet jgħarblu l-iżviluppi u l-politiki fl-oqsma tal-produttività u l-kompetittività, u jagħtu sehemhom biex irawmu s-sjieda u jimplimentaw ir-riformi meħtieġa f’pajjiżhom. B’hekk dawn jippromwovu tkabbir ekonomiku u konverġenza sostnuti. Minn żmien għal żmien, il-bordijiet se jippubblikaw ir-rapporti bl-analiżi tagħhom.
L-Unjoni Bankarja
L-UE kompliet ħidmitha biex titlesta l-Unjoni Bankarja għax din hija sies importanti ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja reżistenti u dinamika. L-Unjoni Bankarja tfasslet biex tiżgura li l-banek fiż-żona tal-ewro jkunu aktar b’saħħithom u ssirilhom sorveljanza aħjar. Jekk jinqalgħu l-problemi, dawn ikunu jistgħu jissolvew aktar faċilment u mingħajr ma jintużaw flus il-poplu.
F’Jannar beda jitħaddem bis-sħiħ il-Mekkaniżmu Uniku tar-Riżoluzzjoni, tappa oħra tal-Unjoni Bankarja. Il-Mekkaniżmu Uniku tar-Riżoluzzjoni hu fattur essenzjali li jikkumplimenta l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku mmexxi mill-Bank Ċentrali Ewropew biex l-Unjoni Bankarja jkollha superviżjoni bankarja u ġestjoni tal-kriżi aktar integrati. Il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni se jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja u jgħin biex fil-ġejjieni jkunu evitati kriżijiet fl-Unjoni Bankarja għax jiżgura li l-banek isibu saqajhom b’mod effettiv u mingħajr dewmien.
In-negozjati ssoktaw ukoll fil-Parlament u fil-Kunsill dwar it-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja, jiġifieri dwar l-iskema Ewropea tal-assigurazzjoni tad-depożiti li tibni fuq l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali li qed jitħaddmu bħalissa. L-iskema Ewropea tal-assigurazzjoni tad-depożiti, iffinanzjata mill-banek, se tiżgura li dawk li jfaddlu l-flus madwar l-UE jkollhom ilqugħ protettiv. Din l-iskema se ttejjeb il-qsim tar-riskju fi ħdan is-settur bankarju fost aktar istituzzjonijiet; u b’hekk se tonqos il-vulnerabbiltà għax-xokkijiet lokali qawwija.
L-aħħar pilastru tal-Unjoni Bankarja: noħolqu fond biex ir-riżervi jibqgħu siguri.
Filwaqt li kienet għaddejja l-ħidma fuq l-iskema Ewropea tal-assigurazzjoni tad-depożiti, l-Istati Membri għarfu l-ħtieġa li jittieħdu aktar passi biex jonqsu u jinqasmu r-riskji fis-settur finanzjarju ħalli jingħelbu bosta sfidi milli fadal. Ir-regoli li pproponiet il-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf totali tfasslu biex jiżguraw li l-kredituri tal-banek, u mhux il-poplu, jagħmlu tajjeb għall-problemi fil-banek.
Barra minn hekk, sa tmiem l-2016, ħafna mill-Istati Membri trasponew u implimentaw id-dispożizzjonijiet legali rilevanti tal-UE fil-liġijiet ta’ pajjiżhom u b’hekk qed jiżguraw regolamentazzjoni aktar konsistenti u superviżjoni ta’ kwalità kbira fl-Unjoni Bankarja. L-Istati Membri kollha ħlief tmienja adottaw id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek li toħloq għodod armonizzati u mtejba biex jindirizzaw il-kriżijiet bankarji, filwaqt li għoxrin Stat Membru implimentaw bis-sħiħ ukoll id-Direttiva dwar il-Garanzija tad-Depożiti ħalli jkun żgurat li jitħares it-tfaddil taċ-ċittadini tal-UE f’dawk l-Istati Membri.
Is-swieq finanzjarji
Il-parametri referenzjarji huma importanti ferm biex is-suq finanzjarju jaħdem sew, u għalhekk f’Ġunju daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji. Dan itejjeb il-funzjonament u l-governanza tal-parametri referenzjarji u jiżgura li dawn ma jintmessux. Ir-regoli l-ġodda se jgħinu biex ikunu protetti l-investituri u l-konsumaturi.
F’Novembru, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda għall-parteċipanti ewlenin tas-suq finanzjarju biex jiżguraw li l-kontropartijiet ċentrali u l-awtoritajiet nazzjonali fl-UE jkollhom il-mezzi u jkunu lesti biex jaġixxu b’mod deċiżiv jekk tfaqqa’ xi kriżi. Il-kontropartijiet ċentrali għandhom jaġixxu bħala l-kontroparti fuq iż-żewġ naħat tat-tranżazzjonijiet fi strument finanzjarju. L-għan ewlieni tal-proposta hu li tiżgura li jitħarsu l-funzjonijiet kritiċi tal-kontropartijiet ċentrali, filwaqt li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja u jkun evitat li flus il-poplu jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż marbuta mar-ristrutturar u t-tiswija ta’ kontropartijiet ċentrali falluti.
Fl-istess xahar, il-Kummissjoni pproponiet emendi fir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital li jiddefinixxu rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet, u emendi fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital li jistabbilixxu regoli dwar il-governanza u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet. Ipproponiet ukoll emendi fid-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek li jistabbilixxu r-regoli dwar l-irkupru u t-tiswija tal-istituzzjonijiet falluti, u emendi fir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku tar-Riżoluzzjoni li jistabbilixxu l-Mekkaniżmu Uniku tar-Riżoluzzjoni. L-emendi jinkludu miżuri li se jsaħħu r-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE u b’hekk tiżdied il-fiduċja tas-swieq f’dan is-settur.
Niżguraw li taħdem
Matul is-sena, il-Kummissjoni ħabbret li qed issegwi l-Qafas Regolatorju tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji b’rabta mas-sejbiet ewlenin u l-eżitu tas-sejħa għall-evidenza. Din hi inizjattiva biex jinġabar rispons mingħand il-partijiet konċernati u biex jitkejlu l-impatt kumulattiv u l-interazzjoni tar-regoli finanzjarji li hemm fis-seħħ bħalissa. Fost l-oħrajn, il-Kummissjoni qed tippjana biex il-finanzi bankarji u l-finanzjamenti tal-intrapriżi żgħar u medji jitneħħulhom ir-restrizzjonijiet regolatorji żejda, u biex issaħħaħ il-proporzjonalità tar-regoli relatati mas-settur bankarju, is-swieq tad-derivattivi, l-immaniġġjar tal-assi tal-assigurazzjoni, u s-settur tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Bosta miżuri oħrajn, li wħud minnhom diġà ġew proposti, se jnaqqsu l-piżijiet regolatorji żejda bħal ngħidu aħna r-rappurtar superviżorju u r-rekwiżiti tal-iżvelar pubbliku għall-industrija finanzjarja tal-UE. Il-Kummissjoni beħsiebha ttejjeb ir-regoli b’mod li jsiru aktar konsistenti u jħarsu ’l quddiem, u trid ixxejjen l-inkonsistenzi fl-interazzjonijiet u l-lakuni fil-qafas regolatorju tal-UE.
Konsultazzjoni pubblika dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
F’Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel deskrizzjoni ta’ x’se jsawwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Bħalma semma l-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni f’Settembru 2015, “Irridu nħaffu l-pass biex niksbu suq tax-xogħol tassew ġust u pan-Ewropew... Bħala parti minn dawn l-isforzi, irrid insawwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jqis il-bidliet fir-realtajiet tas-soċjetajiet Ewropej u tad-dinja tax-xogħol. Dan jista’ jkun il-boxxla għall-konverġenza mġedda fiż-żona tal-ewro.” Fid-diskors tal-2016, il-President Juncker tenna l-impenn tiegħu li jwettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-President hu tal-fehma li l-UE mhix soċjali biżżejjed u għalhekk il-Kummissjoni se tissokta ħidmietha b’tant enerġija u ħeġġa biex din is-sitwazzjoni tinbidel.

Il-Pilastru se jiġbor għadd ta’ prinċipji essenzjali fl-oqsma tal-aċċess għall-impjiegi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali, filwaqt li se jixħet l-attenzjoni fuq l-isfidi l-ġodda, fosthom it-tixjiħ, il-globalizzazzjoni, il-bidla teknoloġika u d-diverġenza soċjali fi ħdan l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Matul l-2016, il-Kummissjoni ħadet sehem f’dibattitu ma’ diversi istituzzjonijiet tal-UE u ma’ awtoritajiet nazzjonali, sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, akkademiċi u ċittadini dwar il-kontenut u r-rwol tal-Pilastru biex nersqu lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u ġusta. Minn dan id-dibattitu se tinbet inizjattiva li se tiġi ppubblikata fir-rebbiegħa tal-2017.
Il-Pilastru għandu jissejjes fuq ir-regoli soċjali tal-UE u jikkumplimentahom, ħalli jiggwida l-politiki f’għadd ta’ oqsma essenzjali biex is-swieq tax-xogħol u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali jaħdmu sew u jkunu ġusti. Malli jinbena, il-Pilastru għandu jsir il-qafas ta’ referenza li jivverifika kif inhuma sejrin l-Istati Membri parteċipanti fejn jidħlu l-qagħda soċjali u l-impjiegi tagħhom, jixpruna r-riformi fil-pajjiżi, u b’mod aktar speċifiku jservi ta’ boxxla għall-proċess imġedded ta’ konverġenza fiż-żona tal-ewro.
Bidu ġdid għad-djalogu soċjali
F’Ġunju, il-Kummissjoni ffirmat dikjarazzjoni dwar “Bidu ġdid għad-djalogu soċjali” flimkien mal-Presidenza Olandiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mas-sħab soċjali minn fost l-industrija Ewropea (il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions, BusinessEurope, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Artiġjanat u tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Min Iħaddem u tal-Intrapriżi li jipprovdu Servizzi Pubbliċi). Id-dikjarazzjoni hi parti minn bidu ġdid għad-djalogu soċjali li beda l-President Juncker waqt konferenza ta’ livell għoli f’Marzu 2015, flimkien ma’ sħab soċjali settorjali, nazzjonali u Ewropej, u ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.
Id-dikjarazzjoni tisħaq fuq ir-rwol fundamentali li għandu d-djalogu soċjali Ewropew waqt it-tfassil tal-politika tal-UE dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali.
Il-Kummissjoni se tkompli tinvolvi lis-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika u fit-tfassil tal-liġijiet fl-UE, kif ukoll fil-governanza ekonomika u fis-Semestru Ewropew. L-Istati Membri qablu li jinvolvu mill-qrib lis-sħab soċjali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tar-riformi u tal-politiki u biex jissaħħaħ id-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, l-Istati Membri taw kelmthom li jinvolvu lis-sħab soċjali nazzjonali fis-Semestru Ewropew ħalli dawn jagħtu sehemhom biex ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jitwettqu b’suċċess.
L-Ewropa 2020, is-Semestru Ewropew u l-kapital uman
Il-ħaddiema kwalifikati huma wieħed mill-muturi ewlenin tat-tkabbir ekonomiku fit-tul, tal-kompetittività u tal-impjiegi. Din ir-rabta importanti kompliet tenfasizzaha l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni “Intejbu u nimmodernizzaw l-edukazzjoni”. L-UE tistrieħ fuq il-kwalità tal-kapital uman tagħha biex tikkompeti fl-ekonomija dinjija. Il-prosperità tisseddaq jekk qabelxejn isir investiment fin-nies permezz ta’ sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ effiċjenti u tal-aqwa kwalità. Il-forza tax-xogħol kwalifikata tal-UE tixpruna r-riċerka u l-iżvilupp u ssarraf l-ideat il-ġodda f’innovazzjoni. L-għarfien u l-ħiliet miksuba fis-sistema edukattiva jgħinu biex jiżguraw l-impjiegi u dħul stabbli, filwaqt li jnaqqsu r-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Is-semestru Ewropew: l-għodda biex l-Istati Membri tal-UE jibqgħu mexjin sew.
Għaldaqstant, ħafna mill-Istati Membri jqisu r-riformi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala prijorità kbira, u dawn għandhom rwol ewlieni fis-Semestru Ewropew tal-2016. B’kollox 21 Stat Membru tal-UE rċevew xi rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiżi relatata mal-edukazzjoni u t-taħriġ.
Kapitlu 6
Ftehim ta’ kummerċ ħieles raġonevoli u bilanċjat mal-Istati Uniti
“Waqt il-Presidenza tiegħi, il-Kummissjoni se tinnegozja ftehim ta’ kummerċ raġonevoli u bilanċjat mal-Istati Uniti tal-Amerka, fi spirtu ta’ benefiċċji u trasparenza reċiproċi ... Barra minn hekk se nkun ċar u tond, la se nissagrifika l-istandards soċjali, tas-sikurezza, tas-saħħa u tal-protezzjoni tad-dejta u lanqas id-diversità kulturali tagħna fuq l-artal tal-kummerċ ħieles.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
Il-President tal-Istati Uniti Barack Obama u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, waqt konferenza konġunta tal-aħbarijiet fis-Summit tan-NATO, Varsavja, il-Polonja, it-8 ta’ Lulju 2016.
Il-kummerċ miftuħ isaħħaħ l-ekonomija tal-UE u joħloq l-impjiegi. Lill-konsumaturi tal-UE jagħtihom aktar għażla u setgħa bħala xerrejja, u lill-kumpaniji jgħinhom jikkompetu ’l barra minn pajjiżhom.
Fl-2016, l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi li mhumiex fl-UE fissru l-impjieg ta’ iżjed minn 31 miljun persuna fl-UE.
Ir-rabta ekonomika bejn l-UE u l-Istati Uniti hija l-akbar fid-dinja għax kuljum bejniethom isir kummerċ ta’ prodotti u servizzi li jiswa €2 biljun, u għaldaqstant kull ostaklu għall-kummerċ u għall-investiment li jitneħħa se joħloq kisbiet ekonomiċi sinifikanti.
Il-ftehim dwar Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment — waħda mill-għaxar prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea — hu ppjanat li jsir, iżda mhux akkost ta’ kollox. L-UE se tħares l-indipendenza tar-regolaturi, il-prinċipju tal-prekawzjoni u d-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw biex jipproteġu liċ-ċittadini u l-ambjent tagħhom.
L-UE lesta li taħdem mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti wara l-pawża mistennija fin-negozjati minħabba l-elezzjonijiet presidenzjali li saru f’Novembru.
Fl-2016, l-UE ħadmet biex is-sistema tal-kummerċ dinji tibqa’ taħdem u biex tiżgura li din tibqa’ tadatta għad-dinja li tant qed tinbidel malajr. L-UE kellha rwol attiv fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex l-ekonomija dinjija tibqa’ miftuħa għall-kummerċ b’mod li tixhed u tirrispetta l-ħtiġijiet u t-tħassib tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-politika kummerċjali tal-UE ppruvat ukoll tiżgura li l-bqija jirrispettaw ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, u li l-kummerċ jixpruna bil-qawwa l-iżvilupp sostenibbli.
Għall-UE, il-kummerċ ħieles irid ikun ġust. Għalhekk, matul is-sena ttieħdu diversi passi biex jiddaħħlu fis-seħħ strumenti sodi għad-difiża tal-kummerċ.
Il-kummerċ hu mutur għall-impjiegi u t-tkabbir
L-Unjoni Ewropea hi waħda mill-aktar ekonomiji miftuħin fid-dinja. Il-kummerċ miftuħ isaħħaħ l-ekonomija tagħha, joħloq l-impjiegi, jagħti aktar għażla lill-konsumaturi u setgħa lix-xerrejja, filwaqt li lill-kumpaniji jgħinhom jikkompetu ’l barra minn pajjiżhom.
Kuljum, l-UE tesporta prodotti u servizzi li jiswew mijiet ta’ miljuni ta’ ewro, u timporta ferm iżjed. L-UE hi l-akbar esportatur fid-dinja tal-prodotti manifatturati u tas-servizzi, u hi l-akbar suq tal-esportazzjoni lejn madwar 80 pajjiż. Ilkoll flimkien, it-28 Stat Membru tal-UE jagħmlu 16 % tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet fid-dinja.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-Ministru Kanadiża tal-Kummerċ Internazzjonali Chrystia Freeland, il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-Kummissarju Cecilia Malmström, il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, ir-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, u l-Prim Ministru Slovakk Robert Fico waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika u l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada, Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2016.
F’Ottubru ġie ffirmat il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv tal-UE mal-Kanada waqt is-Summit li sar fi Brussell bejn l-UE u l-Kanada. Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv hu l-aktar wieħed avvanzat u progressiv li qatt għamlet l-UE. Hu ftehim mill-aktar prominenti li jista’ jitqies bħala punt ta’ referenza għall-ftehimiet tal-ġejjieni. Dan jiġbor l-aktar kapitoli ambizzjużi dwar l-iżvilupp sostenibbli, ix-xogħol u l-ambjent li qatt ġew miftiehma fil-ftehimiet bilaterali sa żmienna. Il-ftehim hu ta’ ġid għall-esportaturi kbar u żgħar għax joħloq opportunitajiet għall-kumpaniji tal-UE u tal-Kanada, għall-impjegati tagħhom, u daqstant ieħor għall-konsumaturi.

Barra minn hekk, l-UE ssoktat bin-negozjati dwar diversi ftehimiet oħra ta’ kummerċ ħieles bil-għan li tgħin fil-ħolqien tax-xogħol u fit-tkabbir għaċ-ċittadini u għall-kumpaniji tal-UE. Pereżempju, fl-UE tkomplew in-negozjati mal-Ġappun u bdew oħrajn mal-Indoneżja u t-Tuneżija, filwaqt li l-UE kienet involuta f’negozjati plurilaterali għal ftehim dwar il-prodotti ambjentali, u ġie nnegozjat ftehim ta’ kummerċ fis-servizzi ma’ bosta membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
Lejn Sistema ta’ Qorti tal-Investiment multilaterali u permanenti
L-UE trid li l-kumpaniji jinvestu b’kunfidenza għax jafu li jekk xi ħaġa tmur ħażin, huma se jkunu protetti. Fin-negozjati għal Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment, il-Kummissjoni żiedet il-proposta għal Sistema ta’ Qorti tal-Investiment tal-istess tip li diġà inkludiet fil-ftehimiet kummerċjali mal-Kanada u mal-Vjetnam, u bħalma se żżid fil-ftehimiet tal-ġejjieni. Is-Sistema ta’ Qorti tal-Investiment li tissejjes fuq l-istess elementi ewlenin bħall-qrati domestiċi u internazzjonali, tħaddan id-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw u tiżgura t-trasparenza u l-kontabbiltà.
Il-kummerċ ħieles irid ikun kummerċ ġust
Għall-UE, il-kummerċ ħieles irid ikun ġust. Għaldaqstant matul is-sena ttieħdu diversi passi biex jidħlu fis-seħħ strumenti sodi għad-difiża tal-kummerċ li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-produtturi tal-UE u li jindirizzaw il-ħsara tal-kompetizzjoni barranija inġusta li wasslet biex intilfu eluf ta’ impjiegi, fosthom fl-industrija tal-azzar.
Il-Kummissjoni qed tħaddem għalkollox dawn l-istrumenti u daħlet fis-seħħ għadd rekord ta’ miżuri tal-antidumping u kontra s-sussidji. Pereżempju għall-prodotti tal-azzar iddaħħlu 41, fosthom 18 fuq prodotti li joriġinaw miċ-Ċina.
Peress li kien qed jitneħħa staġnar li ilu jeżisti snin sħaħ, fl-aħħar il-Kunsill qabel fuq il-pożizzjoni tan-negozjar tiegħu dwar proposta li timmodernizza l-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ, u b’hekk setgħet tinbeda l-aħħar fażi tan-negozjati mal-Parlament u mal-Kummissjoni. Din il-proposta li ressqet il-Kummissjoni għandha l-għan li żżid it-trasparenza tal-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ, tħaffef il-proċeduri u żżid l-effettività tal-infurzar, filwaqt li xi drabi timponi aktar dazji.
Fl-istess qasam tressqet proposta oħra dwar metodu ġdid għall-kalkolu tad-dumping fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi fejn hemm bosta xkiel fis-suq jew fejn l-istat għandu influwenza mifruxa fuq l-ekonomija. B’hekk ikun żgurat li l-UE jkollha strumenti għad-difiża tal-kummerċ li jifilħu għar-realtajiet ta’ żmienna fl-ambjent kummerċjali internazzjonali filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ l-obbligi internazzjonali tal-UE fi ħdan il-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
Xi nnegozjat l-UE mal-Istati Uniti
Aċċess aħjar għas-suq tal-Istati Uniti
Fl-2016, l-UE kompliet taħdem biex lill-kumpaniji tal-UE tinnegozjalhom aċċess aħjar għas-suq tal-Istati Uniti billi tneħħi d-dazji doganali u ostakli oħrajn għall-kummerċ u billi twitti t-triq għal opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ u investiment f’oqsma ġodda. Dan kollu jgħodd għall-kumpaniji kollha, kbar u żgħar.
Is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment tgħin biex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir, jonqsu l-prezzijiet u liċ-ċittadini tagħtihom iżjed għażla ta’ prodotti u servizzi. Fl-istess waqt din iżżomm l-istess standards għoljin ta’ protezzjoni li għandha l-UE. Is-sħubija tista’ tgħin ukoll lill-UE u lill-Istati Uniti biex iħarsu u jsaħħu l-valuri komuni, fosthom id-demokrazija u l-istat tad-dritt.
Permezz tas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment, il-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jesportaw aktar lejn l-Istati Uniti u jimportaw aktar oġġetti u servizzi li jeħtieġu biex joħolqu l-prodotti finali tagħhom. Minkejja li s-servizzi jfissru aktar minn 70 % tal-ekonomija, il-kumpaniji tal-UE għadhom isibu bosta ostakli meta jippruvaw ibigħu s-servizzi tagħhom fis-suq tal-Istati Uniti. Skont il-Eurostat, l-Istati Uniti tixtri 15 % tal-esportazzjonijiet agrikoli tal-UE, l-aktar il-prodotti b’ħafna valur miżjud. L-UE tixtieq li din is-sħubija tkompli żżid dawn l-esportazzjonijiet. Minbarra dan, l-UE tixtieq li bis-sħubija l-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jixħtu offerti għall-kuntratti tal-gvern tal-Istati Uniti bl-istess termini bħall-kumpaniji tal-Istati Uniti.
Il-koperazzjoni regolatorja — inqas burokrazija u spejjeż iżda bl-istess standards
F’dan il-ftehim kummerċjali, l-UE ppruvat metodu ġdid li jqarreb lir-regolaturi tal-UE u tal-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien ħafna iżjed mill-qrib minn qatt qabel. Il-kumpaniji tal-UE jkunu jistgħu jesportaw lejn l-Istati Uniti jekk jimxu mar-regoli u mal-istandards tal-Istati Uniti. Ħafna drabi dawn ir-regoli u dawn l-istandards jiżguraw l-istess livell ta’ sikurezza jew kwalità iżda jvarjaw fid-dettalji tekniċi — fosthom il-kulur tal-wajers fil-plakek u fis-sokits li jintużaw fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Xi drabi l-verifiki tar-rekwiżiti tekniċi jirrepetu għalxejn il-verifiki li jkunu diġà saru fuq in-naħa l-oħra tal-Atlantiku, u dawn jaf ikunu jiswew ħafna flus, l-aktar għall-kumpaniji żgħar u għall-konsumaturi. Dawn l-ispejjeż jaf jonqsu jekk iż-żewġ naħat jaħdmu id f’id fuq ir-regolamenti, diment li l-livelli ta’ protezzjoni tal-UE għan-nies u għall-ambjent jibqgħu stretti.
Ir-regoli tal-kummerċ jagħmluha eħfef u aktar ġusta li wieħed jimporta, jesporta u jinvesti
L-UE kompliet l-isforzi tagħha biex iddaħħal fis-seħħ regoli kummerċjali ġodda jew biex tkompli tiżviluppahom ħalli tgħin lill-kumpaniji kollha tal-UE jgawdu bis-sħiħ mis-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment.
L-istejjer tal-esportaturi: kif jibbenefikaw il-kumpaniji u l-komunitajiet mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE
Bil-ftehim, l-UE trid:
- tiżgura li anki l-iżgħar kumpaniji jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sħubija;
- tippromwovi kompetizzjoni ħielsa u ġusta, inkluż b’regoli li jwaqqfu lill-kumpaniji milli jiftiehmu l-prezzijiet flimkien jew jabbużaw minn setgħa fis-suq, u b’dispożizzjonijiet relatati mal-intrapriżi tal-istat u s-sussidji;
- tgħin lill-kumpaniji biex jiffrankaw il-ħin u l-flus meta jimlew id-dokumenti tad-dwana;
- li l-kumpaniji jkunu jistgħu jaċċessaw ir-riżorsi sostenibbli tal-enerġija u tal-materja prima li jkunu jeħtieġu;
- tħares il-proprjetà intellettwali tal-kumpaniji tal-UE; u
- tqiegħed l-iżvilupp sostenibbli fil-qalba tal-ftehim.
Fil-qafas tas-sħubija, bħal f’kull ftehim kummerċjali ieħor li għamlet, l-UE se tipproteġi l-utilitajiet pubbliċi fil-livelli kollha tal-gvern, inkluż fil-livell lokali. Is-sħubija mhux se tobbliga li l-pajjiżi jilliberalizzaw, jidderegolamentaw jew jipprivatizzaw is-servizzi pubbliċi fil-livell nazzjonali jew lokali. Dawn is-servizzi jinkludu s-saħħa pubblika, l-edukazzjoni tal-istat, it-trasport pubbliku, kif ukoll il-ġbir, il-purifikazzjoni, id-distribuzzjoni u l-immaniġġjar tal-ilma.
Kif l-UE nnegozjat mal-Istati Uniti
Il-Kummissjoni nnegozjat Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment skont mandat li ġie miftiehem b’unanimità mill-gvernijiet tal-Istati Membri kollha tal-UE. In-negozjati bdew f’Ġunju 2013, u fl-2016 saru erba’ sensiliet ta’ taħditiet. Matul is-sena, waqt dawn in-negozjati intensivi, il-Kummissarju tal-Kummerċ Cecilia Malmström iltaqgħet disa’ darbiet mal-kontroparti tagħha mill-Istati Uniti Michael Froman. F’diversi oqsma kompla jsir xi progress iżda l-UE baqgħet tagħmilha ċara li kien aktar importanti għaliha li tikseb ftehim tajjeb milli li tfittex ittemm in-negozjati kemm jista’ jkun malajr.
Il-Kummissjoni kompliet tippubblika l-proposti testwali tal-UE — l-ewwel proposti tal-UE għal testi legali dwar temi tas-sħubija — fuq website apposta b’rabta mas-servizzi u l-koperazzjoni regolatorja. Fuq il-website, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll rapporti fid-dettall dwar kull sensiela tan-negozjati. Minbarra dan, il-Kummissjoni ppubblikat għexieren ta’ dokumenti dwar is-sħubija, uħud minnhom bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Fost dawn hemm fuljetti li jispjegaw l-għanijiet fi ftit kliem u l-kontenut li jaf ikollu l-ftehim. Dawn l-azzjonijiet tkomplew fl-istess waqt li kienu għaddejjin in-negozjati, u flimkien wasslu biex dawn ikunu l-aktar negozjati trasparenti li qatt saru għal ftehim kummerċjali tal-UE.
Bħal meta tkun qed tinnegozja ftehim kummerċjali, il-Kummissjoni użat il-laqgħat ta’ kull ġimgħa tal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali tal-Kunsill biex lill-gvernijiet tal-Istati Membri żżommhom infurmati bil-progress fin-negozjati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żammet lill-Parlament Ewropew — l-aktar lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali — aġġornat dwar in-negozjati, u l-Kummissarju tal-Kummerċ Malmström kif ukoll in-negozjaturi tas-sħubija dehru quddiem il-Parlament u l-kumitati tiegħu. L-Istati Membri u l-Membri tal-Parlament Ewropew kellhom aċċess għad-dokumenti tan-negozjati tas-sħubija skont il-prattiċi li ftiehmu.
Dan żgura li matul in-negozjati ssir sorveljanza demokratika. Dan fisser ukoll li l-gvernijiet tal-Istati Membri u l-Membri tal-Parlament Ewropew li eleġġew il-popli jkunu infurmati bis-sħiħ dwar fejn waslu n-negozjati u dwar il-pożizzjonijiet tal-UE fin-negozjati. Il-Parlament Ewropew kompla jsegwi t-taħditiet mill-qrib.
Il-Kummissjoni tat sehemha l-aktar biex it-taħditiet dwar il-ftehim propost isiru fil-pubbliku u biex tfiehem l-aspettattivi tal-UE. Minbarra dan, il-Kummissjoni indirizzat it-tħassib minħabba l-impatti negattivi allegati tas-sħubija. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għamlet sforzi kbar biex tiżgura li kull parti konċernata tkun tista’ tikkomunika direttament man-negozjaturi u tippubblika l-informazzjoni dwar in-negozjati fuq l-internet. Waqt kull sensiela tan-negozjati, in-negozjaturi tal-UE u tal-Istati Uniti sejħu laqgħat konġunti ma’ mijiet ta’ partijiet konċernati li jirrappreżentaw diversi oqsma ta’ interess. Il-Kummissjoni użat il-midja soċjali biex iżżomm liċ-ċittadini infurmati, inkluż b’paġna apposta fuq Twitter b’iżjed minn 26,500 segwaċi sa tmiem l-2016.
Matul in-negozjati, il-Kummissjoni baqgħet isserraħ fuq il-grupp konsultattiv li waqqfet biex lin-negozjaturi tal-UE jagħtihom aktar kontribut espert. Il-membri tal-grupp jirrappreżentaw l-interessi ambjentali, tas-saħħa, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll bosta setturi tan-negozju.
Wara n-negozjati
Ladarba jinstab ftehim fuq id-dokument propost għal Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment, dan jiġi ppubblikat fuq l-internet u jitressaq għar-ratifika skont il-proċeduri rilevanti.
Kapitlu 7
Żona ta’ ġustizzja u ta’ drittijiet fundamentali bbażati fuq il-fiduċja reċiproka
“Beħsiebni nuża l-prerogattivi tal-Kummissjoni biex fil-qasam tal-kompetenza tagħna nħares il-valuri komuni tagħna, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, filwaqt li nżomm f’moħħi d-diversità tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali u kulturali tat-28 Stat Membru.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
B’sogħba jqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat b’tifkira tal-vittmi tal-attakki terroristiċi fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2016.
Fl-2016, l-Unjoni tas-Sigurtà wieġbet minnufih u bil-qawwa għat-terroriżmu. Fl-istess waqt sar bosta progress b’rabta mad-drittijiet taċ-ċittadini u kwistjonijiet tas-suq intern fil-qasam tal-ġustizzja ċivili.
Bħalissa l-UE qed iġġarrab theddida serja ħafna minħabba t-terroriżmu. L-Istati Membri sfaw jitħabtu kontra attakki fuq artna, ġellieda terroristi barranin li reġgħu lura, u għamliet ġodda ta’ terroriżmu, ilkoll sfidi ġodda u bla preċedent.
Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea insistiet li tissawwar Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva. Matul l-2016 ittieħdu bosta miżuri li jindirizzaw kull dimensjoni tat-theddida tat-terroriżmu: il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, anki fuq l-internet; il-kriminalizzazzjoni u t-traċċar tal-ivvjaġġar għal attivitajiet terroristiċi u l-appoġġ lit-terroristi; il-qsim tal-informazzjoni; il-ġlieda kontra l-finanzjamenti tat-terroriżmu; inqas aċċess għall-armi tan-nar u l-isplussivi; u l-appoġġ lill-pajjiżi sħab, l-aktar dawk fil-Mediterran.
Fi bnadi oħra, l-UE qablet dwar Direttivi ġodda li jtejbu d-drittijiet proċedurali taċ-ċittadini involuti fi proċedimenti kriminali. Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili ddaħħlet leġiżlazzjoni biex lill-familji u lill-koppji tgħinhom b’liġi ċivili u tal-familja aktar sempliċi.
Fejn tidħol il-governanza korporattiva ġew miftiehma regoli li jtejbu d-drittijiet tal-azzjonisti. Minbarra dan, il-Kummissjoni pproponiet ukoll regoli aktar proporzjonati dwar ir-rimunerazzjoni lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu u lid-ditti tal-investiment.
Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex ittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-oqsma tal-protezzjoni tad-dejta, il-qsim tal-informazzjoni personali u d-drittijiet tal-konsumaturi, u żiedet l-isforzi biex tħeġġeġ l-ugwaljanza bejn is-sessi, tiġġieled id-diskriminazzjoni u teqred it-traffikar tal-bnedmin.
Nindirizzaw it-theddid għas-sigurtà fl-UE
Il-Prim Ministru Belġjan Charles Michel (jixgħel ix-xemgħa) u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker (fin-nofs) qed isellmu lill-vittmi tal-attakki terroristiċi fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2016.
Fl-2016, l-UE bdiet taħdem fuq serje ta’ inizjattivi biex tiġġieled it-theddida tat-terroriżmu fl-Ewropa u lil hinn.
Il-Kummissjoni pproponiet li meta ċ-ċittadini tal-UE jaqsmu xi fruntiera esterna, lil dawn isirulhom ċertu verifiki ma’ databases rilevanti. Fil-fatt dan kien is-suġġett ta’ ftehim politiku bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill f’Diċembru. Minbarra dan, il-verifiki sistematiċi taċ-ċittadini li mhumiex mill-UE diġà huma obbligatorji.
Fehmiet fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu.
F’Jannar tnieda ċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fil-kwartieri ġenerali tal-Europol f’The Hague, bil-għan ewlieni li jippromwovi aktar koperazzjoni operattiva effiċjenti u biex titjieb il-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar is-sigurtà fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu, imfassal apposta biex it-terroristi jinqatgħulhom is-sorsi tad-dħul u biex jinkixfu mill-attivitajiet finanzjarji tagħhom stess. F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ miżuri ħalli ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex tiġġieled il-finanzjamenti tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Il-proposti li ressqet il-Kummissjoni se jikkumplimentaw u jsaħħu l-qafas legali tal-UE fl-oqsma tal-ħasil tal-flus, il-flussi tal-flus illeċiti u r-rikonoxximent reċiproku tal-iffriżar u l-konfiska tal-assi.
Wara li fl-2015 adottat id-Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-Kummissjoni żiedet l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri għal traspożizzjoni aktar effiċjenti ta’ din id-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. F’Lulju, il-Kummissjoni adottat proposta ġdida li temenda d-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus ħalli tkompli ttejjeb il-qafas legali tal-UE wara l-attakki terroristiċi li ġraw fl-2015 u fl-2016 u wara l-informazzjoni li kixfu l-Panama Papers. Il-Kummissjoni żiedet ukoll l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri għal traspożizzjoni aktar effiċjenti tar-raba’ Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u tat aktar setgħa lill-Istati Membri biex jitħabtu t-terroriżmu. F’Lulju, il-Kummissjoni adottat lista ta’ pajjiżi li mhumiex fl-UE u li għandhom bosta nuqqasijiet strateġiċi fejn tidħol il-ġlieda konta l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjamenti tat-terroriżmu.
Prijorità oħra kienet il-ħidma biex jitjieb il-qsim tal-informazzjoni, l-aktar għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi. Il-Kummissjoni tat prijorità ukoll lill-infurzar tal-Qafas Prüm li qed jitħaddem bħalissa. Dan hu għodda għall-qsim tal-informazzjoni li jista’ jipprovdi tqabbil awtomatizzat tal-profili tad-DNA, tal-marki tas-swaba’ u tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet proposti biex jitjieb il-qsim tal-informazzjoni dwar il-kundanni kriminali permezz tas-Sistema Ewropea tal-Informazzjoni tar-Rekords Kriminali.

F’Lulju ġiet adottata d-Direttiva dwar ir-Reġistru tal-UE bl-Ismijiet tal-Passiġġieri. Din id-Direttiva tobbliga lit-trasportaturi bl-arju biex jibagħtu d-dejta dwar il-passiġġieri tat-titjiriet internazzjonali lill-Istati Membri mnejn jitilqu jew fejn jaslu. Id-dejta tiġi analizzata u tintuża bl-iskop tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja u t-terroriżmu. Il-Kummissjoni bdiet taħdem ukoll mal-Istati Membri biex tiżgura li din id-Direttiva titwettaq mingħajr dewmien.
Fil-ħarifa tal-2016 saret l-adozzjoni finali tar-Regolament rivedut tal-Europol. Dan ikompli jżid il-kontabbiltà, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-Europol u jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jkollhom l-iskrutinju tal-Parlament Ewropew flimkien mal-parlamenti nazzjonali.
F’Diċembru sar il-Forum tal-UE dwar l-Internet u dan ipprovda qafas biex jingħaqdu l-isforzi tal-industrija u tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-materjal terroristiku fuq l-internet, filwaqt li involva u impenja lis-soċjetà ċivili biex jinħolqu u jitwasslu messaġġi kontra u messaġġi alternattivi b’mod aktar effiċjenti. Il-Europol waqqaf l-Unità tal-Indikazzjoni tal-Kontenut fuq l-Internet biex tgħinu jnaqqas il-volum ta’ materjal terroristiku fuq l-internet.
Twaqqaf ukoll iċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Għarfien tar-Radikalizzazzjoni biex isaħħaħ l-appoġġ lill-prattikanti u joħloq servizzi ta’ appoġġ apposta għall-Istati Membri u l-pajjiżi li mhumiex fl-UE.
F’Settembru, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar it-tisħiħ tas-sigurtà f’dinja ta’ mobbiltà. F’Novembru, il-Kummissjoni pproponiet li titwaqqaf Sistema Ewropea tal-Informazzjoni u tal-Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar biex tingħaraf l-eliġibbiltà taċ-ċittadini li mhumiex mill-UE li jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen, u jekk dan l-ivvjaġġar joħloqx riskji marbuta mas-sigurtà jew il-migrazzjoni. Din is-Sistema se tgħin biex il-fruntieri esterni tal-UE jkunu iżjed effiċjenti, biex titjieb is-sigurtà interna, u biex jeħfief l-ivvjaġġar legali bejn il-fruntieri ta’ Schengen.

F’Mejju, il-Kummissjoni laħqet ftehim ma’ Facebook, YouTube, Twitter u Microsoft dwar kodiċi ta’ kondotta biex jingħeleb it-tixrid tad-diskors illegali ta’ mibegħda fuq l-internet. Dan il-ftehim iħares lill-minoranzi u jitħabat kontra l-mewġa dejjem akbar ta’ razziżmu u ksenofobija.
F’April, il-Kummissjoni bdiet taħdem fuq Unjoni tas-Sigurtà effettiva tal-UE li tindirizza l-ħtieġa għal approċċ komuni għat-theddid transnazzjonali. F’Diċembru, il-Kummissjoni ppreżentat it-tielet Rapport ta’ Progress lejn Unjoni tas-Sigurtà li jispjega l-Pakkett il-ġdid dwar il-Finanzjamenti tat-Terroriżmu, pass importanti li jindirizza r-riżorsi finanzjarji li jappoġġaw it-terroriżmu. Biex jikkumplimentaw ir-rapport, ġew adottati sett ta’ proposti li jagħmlu s-Sistema tal-Informazzjoni ta’ Schengen aktar effettiva u effiċjenti. Ir-rapport ħareġ fid-dieher il-passi kbar li saru fejn jidħlu ċertu dokumenti leġiżlattivi ewlenin tal-UE li jiġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata u li jsaħħu s-sigurtà fil-fruntieri tal-UE. Il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim politiku fuq id-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Armi tan-Nar u r-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen biex ikunu jistgħu jsiru verifiki sistematiċi lil ċittadini tal-UE.
Inħarsu l-istat tad-dritt
Il-Kummissarju Vĕra Jourová qed tilqa’ lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea Koen Lenaerts, Brussell, it-28 ta’ April 2016.
Matul is-sena, il-Kummissjoni ssoktat l-isforzi tagħha biex tippromwovi u tappoġġa r-rispett lill-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea.
Minbarra dan, il-Kummissjoni kompliet tħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali tagħhom għax jekk is-sistemi ġudizzjarji jkunu effettivi, dawn iwieżnu t-tkabbir ekonomiku u jiddefendu d-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni adottat it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2016 li turi li lil hinn mix-xejra pożittiva ġenerali, ċertu Stati Membri għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikolari f’dan il-qasam.
F’Lulju, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt b’rabta mas-sitwazzjoni fil-Polonja. Din tesprimi t-tħassib tal-Kummissjoni u tirrakkomanda kif dan jista’ jiġi indirizzat. Il-Kummissjoni jidhrilha li fil-Polonja hemm theddida sistemika għall-istat tad-dritt u għaldaqstant għarblet is-sitwazzjoni ġenerali u waslet għall-konklużjoni li fil-Polonja għad hemm kwistjonijiet importanti ta’ tħassib dwar l-istat tad-dritt. F’Diċembru, il-Kummissjoni tat aktar rakkomandazzjonijiet konkreti lill-awtoritajiet Pollakki dwar kif għandu jiġi indirizzat dan it-tħassib.
L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Frans Timmermans qed jindirizza lill-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi riċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali, Strasburgu, Franza, it-13 ta’ Settembru 2016.
Il-ġustizzja kriminali
Intejbu d-drittijiet proċedurali u l-koperazzjoni ġudizzjarja
Il-Parlament u l-Kunsill adottaw tliet Direttivi ġodda dwar id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati:
- id-Direttiva dwar it-Tisħiħ tal-Preżunzjoni tal-Innoċenza u dwar id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tal-proċedimenti kriminali;
- id-Direttiva dwar is-Salvagwardji Proċedurali għat-Tfal Suspettati jew mixlija fi proċedimenti kriminali;
- id-Direttiva dwar l-Għajnuna Legali lill-Persuni Suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali u lill-persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.
Fejn tidħol il-koperazzjoni ġudizzjarja fil-liġi kriminali, l-UE kkonkludiet analiżi tal-Ftehim tal-2010 għal Assistenza Legali Reċiproka mal-Istati Uniti, u ntlaħaq qbil dwar azzjonijiet li jtejbu u jħaffu l-koperazzjoni.
L-ewwel Direttiva tal-UE li tipproteġi lill-minuri fil-proċedimenti kriminali.
Fl-aħħar nett, l-Istati Membri qablu li jibdew jaħdmu biex jitjieb l-aċċess għall-evidenza diġitali fl-investigazzjonijiet kriminali permezz tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-titjib tal-ġustizzja kriminali fiċ-ċiberspazju li kienu addottati f’Ġunju.
Il-ġustizzja ċivili
Liġi ċivili u tal-familja aktar sempliċi
Fl-2016, l-UE adottat leġiżlazzjoni biex lill-koppji internazzjonali tgħinhom imexxu u jaqsmu l-proprjetà tagħhom fil-każ ta’ divorzju jew mewt.
L-UE adottat leġiżlazzjoni wkoll biex tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni ta’ ċertu dokumenti pubbliċi bejn l-Istati Membri. B’hekk spiċċat il-ħtieġa li d-dokumenti pubbliċi, bħaċ-ċertifikati tat-twelid, isirilhom it-timbru Apostille; filwaqt li l-proċess biex jinkisbu kopji u traduzzjonijiet iċċertifikati se jsir aktar sempliċi.
Il-Kummissjoni pproponiet li jissaħħu r-regoli tal-UE li jipproteġu lit-tfal fil-każ ta’ tilwim transfruntier dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fejn jidħlu l-kustodja, id-drittijiet tal-aċċess u l-ħtif tat-tfal. Ir-regoli l-ġodda se jħaffu l-proċedimenti legali u amministrattivi u jiżguraw li jitqies dejjem l-aħjar interess tat-tfal.
Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta leġiżlattiva dwar ir-ristrutturar bikri u t-tieni ċans, kif ukoll kwistjonijiet oħra relatati mal-insolvenza. Din l-inizjattiva ssejjes fuq ir-reġimi nazzjonali biex tindirizza l-aktar xkiel importanti għall-fluss ħieles tal-kapital.
Insaħħu r-regoli dwar il-governanza korporattiva
Fl-2016 saru negozjati bejn il-Parlament u l-Kunsill fuq reviżjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti u waslu għal ftehim politiku. Madankollu dan il-ftehim jeħtieġ l-approvazzjoni formali ta’ dawn iż-żewġ istituzzjonijiet.
Fejn jidħlu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment, il-Kummissjoni vvalutat ir-regoli ta’ remunerazzjoni fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali u adottat emenda mmirata biex tqis il-kunsiderazzjonijiet tal-proporzjonalità li ħarġu mill-valutazzjoni tar-regoli.
Id-drittijiet fundamentali u s-sistemi ġudizzjarji
Niddefendu d-drittijiet fundamentali tal-UE
F’Mejju, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-2015 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dan joħroġ fid-dieher il-mod kif il-ħidma politika u leġiżlattiva tagħha tqis u tippromwovi d-drittijiet fundamentali.
Ir-rapport jisħaq fuq l-ewwel Kollokju Annwali tagħha fuq id-Drittijiet Fundamentali bis-suġġett ikun “Tolleranza u rispett: nevitaw u negħlbu l-mibegħda anti-Semitika u anti-Musulmana fl-Ewropa”. Mill-Kollokju ssawret lista ta’ azzjonijiet konkreti fl-oqsma tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija, id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, u f’oqsma li jippromwovu t-tolleranza, id-diversità u n-nondiskriminazzjoni.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta Giovanni Buttarelli qed jiltaqa’ mal-Kummissarju Julian King, Brussell, l-24 ta’ Novembru 2016.
Il-protezzjoni tad-dejta: problemi u soluzzjonijiet.
It-tieni Kollokju Annwali dwar id-Drittijiet Fundamentali tratta “Il-Pluraliżmu fil-Midja u d-Demokrazija” u wassal biex il-Kummissjoni tfassal sett ta’ azzjonijiet ta’ segwitu ħalli tipproteġi l-midja mill-pressjoni politika u tiżgura l-indipendenza finanzjarja tagħha, tappoġġa l-protezzjoni tal-ġurnalisti li qed jirċievu theddid u diskors ta’ mibegħda, u tgħasses il-libertà tal-espressjoni fl-Istati Membri.
Intejbu l-protezzjoni tad-dejta
F’April ġie adottat il-Pakkett ta’ Riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta, u se jibda japplika fl-2018. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta hu pass importanti biex jissaħħu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini fl-era diġitali, u jiġu ssimplifikati r-regoli għall-kumpaniji ħalli jeħfief in-negozju fis-Suq Uniku Diġitali. Il-frammentazzjoni u l-piżijiet amministrativi tant għaljin li qed iġarrbu bħalissa n-negozji se jinbidlu b’liġi waħda li tiffrankalhom ħafna spejjeż. Barra minn hekk, is-settur tal-pulizija u tal-ġustizzja kriminali għandu Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta speċifika biex tiżgura livell dejjem għoli ta’ protezzjoni tad-dejta u b’hekk jeħfief il-qsim tal-informazzjoni u tiżdied il-koperazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri.
Nipproteġu d-dejta personali taċ-ċittadini tal-UE meta tintbagħat lill-Istati Uniti għall-infurzar tal-liġi
F’Ġunju ġie ffirmat il-Ftehim Komprensiv dwar il-Protezzjoni tad-Dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti. Dan joħloq standards għoljin għall-protezzjoni tad-dejta personali li tintbagħat lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. F’Diċembru, il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta’ dan il-Ftehim.
Biex it-trasferimenti tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti jsiru aktar sikuri
F’Lulju, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni li ddaħħal fis-seħħ it-Tarka tal-Privatezza UE-US, ħalli t-trasferimenti tad-dejta personali mill-UE lil kumpaniji fl-Istati Uniti jsiru b’mod sikur. It-Tarka tal-Privatezza toħloq obbligi ċari għall-kumpaniji dwar il-mod kif jittrattaw id-dejta, iddaħħal salvagwardji ċari u obbligi ta’ trasparenza fuq l-aċċess tal-gvern tal-Istati Uniti, tagħti protezzjoni effettiva lid-drittijiet individwali, u tistabbilixxi mekkaniżmu għal analiżi konġunta annwali.
Id-drittijiet tal-konsumaturi
Aktar rispett tar-regoli tal-konsumatur fuq l-internet
Il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi r-Regolament dwar il-Koperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumaturi biex l-infurzar tal-liġijiet tal-konsumatur tal-UE jlaħħaq mad-dinja tal-internet. Iċ-ċentri Ewropej tal-konsumaturi jgħarrfu b’mod regolari lill-awtoritajiet tal-infurzar bil-kwistjonijiet ewlenin li jkollhom il-konsumaturi.
Il-Kummissarju Vytenis Andriukaitis qed jindirizza s-sessjoni msejħa “Ikel u xorb: ningħaqdu mal-konsumatur mgħarraf” waqt l-14-il Summit Ewropew dwar in-Negozju, Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2016.
Waqt is-Summit trilaterali bejn l-UE, iċ-Ċina u l-Istati Uniti dwar is-Sikurezza tal-Prodotti tal-Konsumatur f’Ġunju, l-awtoritajiet qablu li jsaħħu l-koperazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti, l-aktar dawk mibjugħa fuq l-internet.
Għodda ġdida fuq l-internet biex jissolva t-tilwim
Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-pjattaforma tas-Soluzzjoni Online tat-Tilwim biex it-tilwim dwar ix-xiri bl-internet li jinqala’ bejn il-konsumaturi tal-UE u n-negozjanti jkun jista’ jissolva fuq l-internet, ’il barra mill-qorti.
Biex il-konsumaturi tal-UE jibqgħu sikuri
Bis-sistema ta’ twissija rapida għall-prodotti perikolużi li mhumiex tal-ikel tixtered l-informazzjoni fil-livell tal-UE dwar prodotti perikolużi li hemm fis-suq u dwar il-miżuri li ttieħdu biex ma jitħallewx jaslu għand il-konsumaturi. Fl-2016, b’rabta mal-prodotti perikolużi, il-31 awtorità nazzjonali Ewropea li tuża s-sistema u l-Kummissjoni Ewropea dawru bejniethom 2,126 twissija. Dawn ifissru żieda żgħira mill-2,072 twissija li ntbagħtu fl-2015. Ħafna drabi dawn it-twissijiet ikollhom x’jaqsmu ma’ prodotti li joħolqu riskju ta’ korriment (bħall-vetturi bil-mutur) jew riskju ta’ sustanza kimika (bħall-ġugarelli li fihom il-ftalati).
Inħarsu lill-konsumaturi mill-prattiċi kummerċjali qarrieqa u aggressivi
Il-Kummissjoni adottat verżjoni aġġornata tal-gwida tal-2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali ħalli tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar ikollhom l-għodod meħtieġa biex iħarsu aħjar lill-konsumaturi. Il-għan ta’ dan id-dokument hu li l-applikazzjoni tad-Direttiva ssir aktar sempliċi.
L-ugwaljanza bejn is-sessi
Inħeġġu l-ugwaljanza bejn is-sessi
F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppubblikat Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex sal-2019 issawwar il-politika tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. F’Ġunju 2016, il-Kunsill adotta Konklużjonijiet dwar l-impenn strateġiku tal-Kummissjoni.
F’Marzu, il-Kummissjoni pproponiet ukoll l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika li tistabbilixxi standards li jorbtu legalment biex ibiegħdu l-vjolenza, iħarsu lill-vittmi u biex min iwettaq il-vjolenza jieħu l-kastig li ħaqqu.
Infasslu azzjonijiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi
Ir-rapport tal-2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel juri ċertu progress fl-impjiegi u fit-teħid tad-deċiżjonijiet iżda fejn jidħlu l-pagi u l-pensjonijiet għad hemm bosta diskrepanzi bejn is-sessi.
Il-Kummissjoni taħdem qatigħ biex tegħleb l-isfidi marbuta mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Jekk jinkiseb bilanċ aħjar bejn il-ħajja tal-familja ta’ persuna u r-responsabbiltajiet professjonali tagħha, dan iħeġġeġ lin-nisa u lill-irġiel biex jaqsmu aħjar ir-responsabbiltajiet tal-kura, isaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi, inaqqas id-diskrepanzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa, jegħleb l-isfidi demografiċi fl-UE, u n-negozji jkunu jistgħu jaħtfu kull talent.
Fl-2016, il-Kummissjoni tat fondi biex l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu attivitajiet ta’ edukazzjoni u għarfien dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa.
Niġġieldu kontra d-diskriminazzjoni
Il-Kummissjoni bdiet timplimenta l-lista ta’ azzjonijiet favur l-ugwaljanza tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali. Fost l-oħrajn, dawn l-azzjonijiet huma relatati mal-edukazzjoni u s-saħħa, u kontra d-diskriminazzjoni, ir-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda.
Ir-Rapport tar-Rom 2016 jiżvela bosta diffikultajiet serji tal-persuni Rom, fosthom is-segregazzjoni residenzjali u edukattiva u l-iżgumbrar bil-forza.
Id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà
L-UE tilqa’ madwar 80 miljun persuna li għandhom xi tip ta’ diżabbiltà. Fl-2016 bdiet id-diskussjoni fil-Parlament u fil-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà għax dan itejjeb l-aċċessibbiltà tal-prodotti u s-servizzi ta’ kuljum, bħall-mowbajls, it-trasport u s-servizzi bankarji. F’Ottubru, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill approvaw formalment l-ewwel regoli li japplikaw għall-UE kollha biex il-websites u l-apps tal-korpi tas-settur pubbliku jsiru aċċessibbli għall-persuni għomja, neqsin mis-smigħ jew b’diffikultajiet fis-smigħ. Il-korpi tas-settur pubbliku jinkludu lill-awtoritajiet tal-istat, reġjonali u lokali, u lill-korpi rregolati bil-liġi pubblika bħall-isptarijiet pubbliċi, l-universitajiet u l-libreriji. Bħala parti mill-Pakkett dwar id-Drittijiet tal-Awtur, f’Settembru l-Kummissjoni pproponiet legiżlazzjoni biex twettaq it-Trattat ta’ Marrakesh ħalli l-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat ikunu jistgħu jaċċessaw ix-xogħlijiet ippubblikati.
Minbarra dan, biex tgħin lill-persuni b’diżabbiltà jivvjaġġaw aktar faċilment minn Stat Membru għal ieħor, l-UE nediet l-inizjattiva tal-Karta tad-Diżabbiltà tal-UE. Din il-karta tagħti aċċess ugwali għal ċerti benefiċċji speċifiċi, l-aktar fl-oqsma tal-kultura, ir-rikreazzjoni, l-isport u t-trasport, abbażi ta’ sistema ta’ rikonoxximent reċiproku.
Nindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin
F’Mejju, il-Kummissjoni ressqet l-ewwel rapport tagħha dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Dan hu tassew importanti ħalli jiżdiedu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, jinħolqu l-mekkaniżmi meħtieġa għall-kxif kmieni u għall-protezzjoni tal-vittmi, u jissaħħu l-miżuri tal-prevenzjoni mit-traffikar tal-bnedmin.
Il-Kummissjoni ppubblikat studju dwar id-dimensjoni tas-sessi tat-traffikar tal-bnedmin, u dan bi qbil mar-rekwiżiti tal-qafas politiku u legali tal-UE.
Il-Kummissjoni se tiżviluppa l-għarfien dwar id-dimensjonijiet tas-sessi tat-traffikar tal-bnedmin, fosthom il-konsegwenzi tas-sessi li għandhom id-diversi forom ta’ traffikar u d-differenzi li jaf ikun hemm fil-vulnerabbiltà tal-irġiel u tan-nisa għall-vittimizzazzjoni u l-impatt tagħha fuqhom. L-għanijiet u l-kompiti speċifiċi huma li jiġu indirizzati: id-dimensjoni tas-sessi tal-vulnerabbiltà, ir-reklutaġġ u l-vittimizzazzjoni; u ċertu kwistjonijiet tas-sessi relatati mat-traffikanti u dawk li joħolqu d-domanda; u li jsir stħarriġ tar-reazzjonijiet legali u politiċi għat-traffikar tal-bnedmin mill-perspettiva tas-sessi.
Kapitlu 8
Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni
“L-avvenimenti traġiċi li ġraw dan l-aħħar fil-Mediterran urew li l-Ewropa jeħtiġilha tmexxi aħjar il-migrazzjoni, fl-aspetti kollha. Qabelxejn din hija urġenza umanitarja. Konvint li għandna naħdmu flimkien mill-qrib fi spirtu ta’ solidarjetà.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
Il-Kummissarju Dimitris Avramopoulos meta tnediet il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, Kapitan Andreevo, il-Bulgarija, is-6 ta’ Ottubru 2016.
Fl-2015 u fl-2016, fl-UE waslet mewġa rekord ta’ refuġjati u migranti. Skont il-Eurostat, aktar minn miljun persuna applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea fl-2015, u l-figura finali għall-2016 ukoll hija mistennija li taqbeż il-miljun. Ħafna minnhom kienu qed jaħarbu l-gwerra u l-kefrija fis-Sirja u f’pajjiżi oħra.
Din is-sitwazzjoni teħtieġ azzjoni u għalhekk fl-2016 iddaħħlu bosta miżuri ġodda. Fost l-oħrajn, dawn il-miżuri jagħtu importanza lill-operazzjonijiet ta’ salvataġġ daqskemm jagħtu lis-sorveljanza mal-fruntieri, dejjem bl-għajnuna tal-aġenziji tal-UE, u hekk komplew jissalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar; jipproteġu l-fruntieri esterni tal-UE, l-aktar bl-approċċ imsejjaħ “hotspot”; iżidu l-isforzi għar-rilokazzjoni u għar-risistemazzjoni ta’ min jeħtieġ il-protezzjoni; u joħolqu miżuri ġodda fil-ġlieda kontra t-traffikar illegali tal-immigranti. Minbarra dan, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ażil u saħħet l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE jitwettaq għalkollox u sew.
L-UE għarfet tiftaħ rotot ġodda għall-migrazzjoni legali. Il-għan hu li l-UE tkun kapaċi iżjed tattira u żżomm il-ħaddiema kkwalifikati u tintegra liċ-ċittadini li mhumiex tal-UE, ħalli żżid il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE u tlaħħaq mal-isfidi demografiċi.
Barra minn hekk, fl-2016 żdiedet il-koperazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu biex jingħataw l-għajnuna ħalli jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari.
Fl-aħħar nett, l-UE żiedet l-għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri bil-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u bil-Fond għas-Sigurtà Interna ħalli jinħoloq approċċ komuni għall-migrazzjoni u biex il-flussi tal-migranti jitmexxew b’effiċjenza.
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni
Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea mxiet mal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u pproponiet għadd ta’ miżuri biex tindirizza l-isfidi immedjati tal-kriżi attwali tal-migrazzjoni u r-refuġjati. Il-Kummissjoni ħadmet biex l-UE jkollha l-għodda ħalli tmexxi aħjar il-migrazzjoni għaż-żmien medju u fit-tul, fl-oqsma tal-migrazzjoni irregolari, il-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni legali.
Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni — sentejn wara.
Nagħtu l-protezzjoni internazzjonali lil min jeħtieġha
F’April, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li tippreżenta alternattivi kif jistgħu jinbidlu r-regoli eżistenti tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil.
Imbagħad skont ir-rispons li waslilha, f’Mejju l-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel pakkett ta’ proposti leġiżlattivi dwar ir-riforma ta’ wieħed mill-aspetti tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, u pproponiet regoli ġodda biex tinbidel is-sistema ta’ Dublin li tiddetermina liema Stat Membru hu responsabbli mit-talba għall-ażil. Fl-istess waqt, il-Kummissjoni pproponiet li tibdel l-Uffiċċju Ewropew tal-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil f’aġenzija kompluta tal-UE għall-ażil ħalli s-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil titwettaq faċilment u taħdem aħjar.
Il-Kummissarju Christos Stylianides qed iżur kamp tar-refuġjati f’Elaionas, il-Greċja, id-19 ta’ April 2016.
F’Lulju, il-Kummissjoni lestiet ir-riforma proposta fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil bit-tieni pakkett ta’ proposti li jirrevedu t-tliet biċċiet ta’ leġiżlazzjoni li kien fadal u li jiffurmaw is-sistema tal-ażil tal-UE. Ir-riformi jissimplifikaw, jiċċaraw u jqassru l-proċess tal-ażil, filwaqt li l-proċedura tal-UE li tittratta t-talbiet għall-ażil issir aktar ġusta u aktar effiċjenti — turi qalb tad-deheb lill-iżjed persuni vulnerabbli iżda qalb tal-ġebel ma’ min jazzarda jabbuża. Ir-riformi se jgħinu biex jingħarfu malajr il-persuni li ġenwinament jeħtieġu l-protezzjoni internazzjonali, u joffrulhom il-protezzjoni sakemm ikunu jeħtiġuha, filwaqt li min m’għandux dritt jirċievi protezzjoni fl-UE jista’ jintbagħat lura. Ir-riformi se jiżguraw li kullimkien fl-UE, il-persuni li jkunu qed ifittxu ażil se jsibu l-istess standards ta’ akkoljenza dinjituża.
F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat ir-raba’ Rakkomandazzjoni tagħha dwar il-miżuri speċifiċi li l-Greċja jeħtieġ tieħu biex timplimenta bis-sħiħ l-istandards tal-UE dwar l-ażil skont ir-Regolament ta’ Dublin. Ir-Rakkomandazzjoni tinnota li minkejja s-sitwazzjoni diffiċli li l-Greċja tinsab fiha, dan il-pajjiż miexi ġmielu u qed idaħħal fis-seħħ l-istrutturi istituzzjonali u legali meħtieġa biex is-sistema tal-ażil taħdem sew, u hemm prospett tajjeb li fil-futur qrib tibda titħaddem sistema tal-ażil kompluta. Għaldaqstant saret rakkomandazzjoni biex wara l-15 ta’ Marzu 2017 jerġgħu jibdew ftit ftit it-trasferimenti lejn il-Greċja skont ir-Regolament ta’ Dublin, abbażi ta’ assigurazzjonijiet individwali għal kull applikant, u diment li l-migranti ma jkunux minn kategoriji vulnerabbli. Il-għan tagħha hu li tħeġġeġ l-isforzi tar-rilokazzjoni u li s-Sistema ta’ Dublin terġa’ tibda tiffunzjona bis-sħiħ bħala element ewlieni biex il-funzjonament taż-żona ta’ Schengen jerġa’ lura għan-normal, u minħabba r-riforma futura tas-Sistema.
Il-Kummissarji Tibor Navracsics u Dimitris Avramopoulos qed jitħaddtu mar-refuġjati żgħażagħ u l-plejers tal-futbol, Kraainem, il-Belġju, it-2 ta’ Marzu 2016.
Ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni
F’Marzu u f’Ottubru, il-Kunsill Ewropew appella biex titħaffef l-implimentazzjoni tar-rilokazzjoni ħalli tittaffa l-pressjoni qawwija fuq il-Greċja u l-Italja.
L-iskema ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza temporanja bdiet tintuża fl-2015, u l-Istati Membri impenjaw ruħhom li sa Settembru 2017 jirrilokaw 98,255 persuna mill-Italja u mill-Greċja. Fl-2015, l-Istati Membri ftiehmu wkoll li jirrisistemaw aktar minn 22,000 persuna bi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea.
Sa tmiem l-2016 ġew rilokati 9,602 refuġjat — 7,198 mill-Greċja u 2,404 mill-Italja — lejn 24 stat parteċipant. Minbarra dan, sa tmiem is-sena kważi 14,000 persuna ngħataw rotot sikuri u legali lejn l-UE permezz ta’ risistemazzjoni f’21 stat.
F’Marzu, il-membri tal-Kunsill Ewropew u l-kontropartijiet Torok tagħhom qablu li jtemmu l-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE u jibdluha b’mezzi legali għal risistemazzjoni tar-refuġjati fl-Unjoni Ewropea. Intlaħaq ftehim fuq Dikjarazzjoni bejn l-UE u t-Turkija. Fost l-oħrajn din tħabbar li l-migranti irregolari ġodda u l-persuni li jitolbu l-ażil meta jaqsmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi se jintbagħtu lura lejn it-Turkija, wara li tkun saret valutazzjoni individwali tat-talbiet għall-ażil skont il-liġijiet internazzjonali u tal-UE u diment li jkunu se jiksbu protezzjoni fit-Turkija. Barra minn hekk, għal kull Sirjan li qed jintbagħat lura lejn it-Turkija mill-gżejjer Griegi, Sirjan ieħor se jiġi risistemat fl-UE direttament mit-Turkija. Sa tmiem is-sena, b’din id-dispożizzjoni ġew risistemati mit-Turkija 2,672 refuġjat Sirjan.

F’Settembru, il-Kummissjoni rrappurtat dwar it-tnaqqis qawwi fl-għadd ta’ persuni li jaqsmu b’mod irregolari jew li qed jitilfu ħajjithom fil-baħar Eġew. Minn Ġunju ’l hawn, waslu medja ta’ 80 persuna kuljum, u dan imqabbel ma’ aktar minn 10,000 wasla f’jum wieħed f’Ottubru 2015.
Il-Kummissjoni ħadmet id f’id mal-Greċja u l-Italja biex toħloq il-proċeduri meħtieġa biex teħfief ir-rilokazzjoni, fosthom il-proċess meħtieġ tas-sigurtà li jgħarbel il-kandidati għar-rilokazzjoni, bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Europol. F’Ġunju, l-Istati Membri kollha tal-UE, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Uffiċċju Ewropew tal-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil approvaw Protokoll ta’ Rilokazzjoni għall-Greċja u l-Italja.
Testimonjanzi ta’ persuni li ġew rilokati.
Ir-ritorn u r-riammissjoni
Bħala parti mill-pakkett ta’ riforma fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, il-Kummissjoni pproponiet li titjieb id-database tal-marki tas-swaba’ għall-identifikazzjoni ta’ dawk li jitolbu l-ażil u ta’ dawk li jaqsmu l-fruntieri b’mod irregolari. B’din il-proposta, l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħżnu u jfittxu d-dejta dwar ċittadini li mhumiex mill-UE jew dwar persuni mingħajr stat li m’applikawx għall-protezzjoni internazzjonali u li nstab li qed jgħixu fl-UE b’mod irregolari. Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta saħħaħ ir-rwol tal-Aġenzija biex twieżen lill-Istati Membri waqt il-ħidma tar-ritorn. Minbarra dan, il-Kunsill adotta l-proposta tal-Kummissjoni għal dokument tal-ivvjaġġar Ewropew li jdaħħal format uniformi b’karatteristiċi tas-sigurtà mtejbin biex jeħfief ir-ritorn tal-persuni li mhumiex mill-UE iżda li qed jgħixu fl-UE b’mod irregolari.
Fil-qafas tal-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni ta’ Schengen, il-Kummissjoni flimkien ma’ esperti minn pajjiżi fiż-żona ta’ Schengen evalwaw is-sistemi tar-ritorn f’għaxar Stati Membri tal-UE u pajjiżi assoċjati bejn l-2015 u l-2016. Il-Kummissjoni adottat sitt rapporti ta’ evalwazzjoni, u saru xi rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill biex jingħelbu d-dgħjufijiet li nstabu fis-sistemi nazzjonali.
Wieħed mill-għanijiet tal-Qafas il-ġdid ta’ Sħubija dwar il-Migrazzjoni hu li jitjieb il-proċess tar-ritorn u r-riammissjoni. Dan il-Qafas il-Kummissjoni nedietu f’Ġunju 2016 biex tindirizza l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u biex tmexxi l-migrazzjoni aħjar b’koperazzjoni ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE. (Il-Kapitlu 9 jagħti aktar tagħrif fuq il-Qafas ta’ Sħubija.)
Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-immigrazzjoni illegali
Fi Frar twaqqaf Ċentru Ewropew kontra t-Traffikar Illegali tal-Migranti u ntlaħaq ftehim dwar koperazzjoni operattiva mill-qrib bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Europol. Din il-koperazzjoni tinkludi l-qsim tad-dejta personali miġbura b’intervisti volontarji mal-migranti involuti fl-operazzjonijiet konġunti li tikkoordina l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tistħarreġ aħjar lill-kuntrabandisti.
Insalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar u nħaddmu l-approċċ “hotspot”
Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta
Fl-2016, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għenet fis-salvataġġ ta’ aktar minn 169,000 persuna fil-Mediterran ċentrali biss.
Sa tmiem l-2016, 1,550 uffiċjal tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta kienu qed jgħinu lill-Istati Membri mal-fruntieri esterni biex jikkumplimentaw lil aktar minn 100,000 gwardja tal-fruntiera mill-Istati Membri.
Abbażi ta’ proposta f’Diċembru 2015, f’Ġunju 2016 intlaħaq ftehim politiku fuq ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li daħal fis-seħħ f’Ottubru. Il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta tistrieħ fuq żewġ pilastri — l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta li ħarġet mill-aġenzija Frontex, u l-awtoritajiet inkarigati mill-ġestjoni tal-fruntieri tal-Istati Membri, inklużi l-gwardja tal-kosta meta dawn iwettqu ħidma ta’ kontroll fil-fruntieri.
Bil-mandat il-ġdid twessgħu ferm ir-rwol u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Minn Ottubru sal-lum sar progress importanti għax l-Aġenzija l-ġdida bdiet topera bis-sħiħ, fosthom bit-twaqqif ta’ riżervi obbligatorji ta’ reazzjoni malajr għall-gwardji tal-fruntiera u t-tagħmir, u bit-tnedija ta’ riżervi ġodda għat-timijiet ta’ intervent fir-ritorn. Dawn jistgħu jintużaw biex jgħinu lill-Istati Membri, għax għandhom rwol ewlieni u kompetenza biex isaħħu l-kontrolli fil-fruntieri esterni.
Il-hotspots
Bħala parti mill-isforz biex titmexxa l-kriżi tal-migrazzjoni, il-Greċja u l-Italja baqgħu jħaddmu l-approċċ “hotspot”. L-UE u l-aġenziji rilevanti tal-UE, fosthom l-Uffiċċju Ewropew tal-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Europol, taw appoġġ operattiv u finanzjarju, fosthom bl-għajnuna ta’ esperti mill-Istati Membri u uffiċjali mistiedna.
Il-hotspots jinsabu f’postijiet tal-wasla fl-aktar Stati Membi milquta bħall-Italja u l-Greċja. Dawn huma żoni li jilqgħu l-wasliet, jidentifikawhom, jirreġistrawhom u jipproċessawhom kif xieraq. Il-ħidma fil-hotspots u l-proċess ta’ rilokazzjoni jinkludu wkoll kontrolli tas-sigurtà integrati u sistematiċi u jeħtieġu kundizzjonijiet ta’ akkoljenza xierqa biex jevitaw l-iffullar żejjed, b’attenzjoni speċifika lill-gruppi vulnerabbli fosthom it-tfal.
Qabelxejn, l-implimentazzjoni tal-approċċ “hotspot” hu r-responsabbiltà tal-Istat Membru konċernat. Iżda minn Marzu 2016, il-persunal tal-Europol wettaq kontrolli tas-sigurtà sekondarji fil-hotspots Griegi. Minbarra dan, biex jissaħħaħ il-proċess tas-sigurtà fil-fruntieri esterni, il-Europol waqqaf riżorsa ta’ 116-il uffiċjal mistieden — esperti sekondati minn servizzi nazzjonali — biex jgħinu lill-Istati Membri fil-bżonn. L-ewwel żewġ gruppi ta’ uffiċjali mistiedna ntlaqgħu fil-hotspots Griegi biex jgħinu lill-persunal tal-Europol. Fl-2016, il-Greċja kien hemm ħames hotspots u erbgħa fl-Italja, filwaqt li portijiet oħra ta’ żbark fl-Italja kienu qed iwettqu ħidma simili.
Kontrolli aħjar tal-fruntieri esterni tal-UE
Lura għal Schengen — pjan direzzjonali
F’Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ direzzjoni fid-dettall bil-passi konkreti meħtieġa biex iż-żona ta’ Schengen terġa’ tibda taħdem b’mod normali għax waqt il-kriżi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, is-sistema għaddiet mill-waqt tal-prova.
Il-mewġa kbira ta’ migranti irregolari u persuni li jfittxu l-ażil fil-Greċja żiedet il-pressjoni fuq il-fruntieri esterni tal-UE fil-pajjiż, ħarġet fid-dieher bosta nuqqasijiet serji u ħalliet konsegwenzi fuq iż-żona ta’ Schengen kollha kemm hi. Minħabba dan, il-Greċja ntalbet tadotta u timplimenta pjan ta’ azzjoni biex twettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, filwaqt li Stati Membri oħra ntalbu biex jassumu r-responsabbiltà u jagħtu appoġġ minnufih lill-Greċja.
F’Mejju, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni biex l-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Iżvezja u n-Norveġja jkunu jistgħu jagħmlu kontrolli temporanji mal-fruntieri interni. Minkejja li ftit ftit is-sitwazzjoni ġenerali fiż-żona ta’ Schengen qed issir stabbli, f’Novembru l-Kummissjoni rrakkomandat li l-Kunsill jagħti permess biex dawn il-pajjiżi jibqgħu jagħmlu l-kontrolli mal-fruntieri interni b’kundizzjonijiet stretti u għal żmien limitat.
Il-Pakkett dwar il-Fruntieri Intelliġenti
F’April, il-Kummissjoni pproponiet Pakkett dwar il-Fruntieri Intelliġenti biex jimmodernizza l-immaniġġjar tal-fruntieri esterni taż-żona ta’ Schengen u jgħin lill-Istati Membri biex jittrattaw il-flussi dejjem akbar tal-vjaġġaturi, filwaqt li jagħti sehmu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati kriminali serji.
Fil-qalba tal-Pakkett hemm it-twaqqif tas-Sistema tad-Dħul u l-Ħruġ biex jiġu modernizzati l-kontrolli mal-fruntieri u biex waqt il-kontrolli mal-fruntieri, il-gwardji tal-fruntiera jingħataw informazzjoni preċiża u awtomatizzata. Is-Sistema tiftaħ l-aċċess lil awtoritajiet partikolari tal-infurzar tal-liġi nazzjonali u l-Europol biex jgħinu fil-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni tar-reati terroristiċi jew ta’ reati kriminali serji oħra.
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni pproponiet Komunikazzjoni dwar “Sistemi tal-Informazzjoni Aktar b’Saħħithom u Aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà” li jiddefinixxu azzjonijiet biex jitjiebu l-funzjonament u l-interoperabbiltà tas-sistemi attwali tal-informazzjoni u tas-sistemi l-ġodda li jaf jinħolqu biex ixejnu l-lakuni fl-informazzjoni.
F’Novembru, il-Kummissjoni pproponiet li titwaqqaf Sistema Ewropea tal-Informazzjoni u tal-Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar biex isaħħaħ il-kontrolli tas-sigurtà fuq vjaġġaturi li ma jkollhomx viża.
F’Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ l-effikaċja u l-effiċjenza operattiva tas-Sistema tal-Informazzjoni ta’ Schengen biex is-Sistema tkun tiflaħ aktar titħabat kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera, biex jitjieb l-immaniġġjar tal-fruntieri u tal-migrazzjoni, u biex ikun żgurat li jsir qsim effettiv tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri ħalli tiżdied is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE.
Il-vidjokonferenzi ta’ kull ġimgħa tal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent
Il-vidjokonferenzi ta’ kull ġimgħa mal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent wasslu biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni u jitjieb il-qsim tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-iżjed ġirien qrib tul rotta migratorja importanti oħra.
Insaħħu r-rotot għall-migrazzjoni legali
F’Ġunju, il-Kummissjoni ressqet proposta għal reviżjoni fil-Karta l-Blu bil-għan li l-UE tkun aktar kapaċi tattira u żżomm il-ħaddiema kkwalifikati ħalli żżid il-kompetittività tal-ekonomija tagħha u tlaħħaq mal-isfidi demografiċi. Il-Karta l-Blu se tingħata aċċess aktar flessibbli għal impjiegi bi kwalifika madwar l-UE, bil-possibbiltà li l-ħaddiema jagħmlu xogħol għal rashom, jiksbu l-hekk imsejħa “riunifikazzjoni immedjata tal-familji” u jkollhom aċċess aktar malajr għal status ta’ residenza fl-UE.
L-integrazzjoni ta’ ċittadini li mhumiex mill-UE
Fil-qasam tal-integrazzjoni, f’Ġunju l-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi bil-għan li twieżen lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jintegraw liċ-ċittadini li mhumiex mill-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni joħloq qafas ta’ politika komuni biex jgħin lill-Istati Membri waqt li jkunu qed jiżviluppaw u jsaħħu l-politiki tal-integrazzjoni nazzjonali tagħhom. Dan jiġbor 50 azzjoni konkreta f’oqsma ewlenin bħall-integrazzjoni ta’ qabel it-tluq u ta’ qabel il-wasla, l-edukazzjoni, ix-xogħol, it-taħriġ vokazzjonali, l-aċċess għal servizzi bażiċi, il-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni soċjali.
Il-viżi
Fil-bidu tal-2016, il-Kummissjoni ressqet proposti leġiżlattivi biex il-Georgia, il-Kosovo (dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hu konformi mar-Riżoluzzjoni Nru 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo), it-Turkija u l-Ukrajna jitniżżlu fil-lista għal żjarat qosra bla viża għax il-pjanijiet ta’ azzjoni jew il-pjanijiet direzzjonali tagħhom dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża kisbu valutazzjoni pożittiva. Il-proposti għall-Kosovo u għat-Turkija saru bil-patt li l-awtoritajiet Kosovari u l-awtoritajiet Torok jissodisfaw il-punti referenzjali pendenti tal-pjanijiet direzzjonali tagħhom dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża qabel l-adozzjoni tal-proposti rispettivi tal-Parlament u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll emenda leġiżlattiva biex issaħħaħ il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni ħalli jekk jiżdiedu ferm ir-riskji migratorji jew ir-riskji għas-sigurtà, l-UE tkun tista’ tissospendi l-ivvjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini ta’ xi pajjiż li mhux fl-UE. Il-Parlament u l-Kunsill għamlu ftehim politiku dwar il-mekkaniżmu ta’ sospensjoni rivedut u dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Georgia.
Matul is-sena l-UE ffirmat ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża ma’ Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, il-Perù, il-Gżejjer Solomon u Tuvalu.
F’Ottubru bdew in-negozjati mat-Tuneżija għal ftehim biex jeħfief il-proċess tal-ħruġ tal-viżi għal żjarat qosra, u għal ftehim biex jinħolqu l-proċeduri għar-riammissjoni tal-migranti irregolari.
F’Novembru bdew ukoll negozjati mal-Ġordan dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi u r-riammissjoni.
Fl-2016, il-gvern Kanadiż ħabbar li kellu l-ħsieb li minn Diċembru 2017 ineħħi r-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Bulgari u Rumeni kollha li jivvjaġġaw lejn il-Kanada.
Appoġġ finanzjarju biex il-migrazzjoni titmexxa b’mod effiċjenti
L-UE żiedet ukoll l-għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri bil-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u bil-Fond għas-Sigurtà Interna ħalli jinħoloq approċċ komuni għall-migrazzjoni u biex il-flussi tal-migranti jitmexxew b’effiċjenza. Bil-komponent tal-għajnuna ta’ emerġenza ta’ dawn il-fondi, l-UE tkun tista’ tilqa’ l-isfidi tal-migrazzjoni malajr u b’mod flessibbli billi tipprovdi finanzjamenti addizzjonali lill-Istati Membri li qed jerfgħu l-akbar piż tal-migrazzjoni. F’Marzu, il-Kummissjoni pproponiet Strument ta’ Assistenza ta’ Emerġenza biex jintuża fl-Unjoni Ewropea ħalli jingħata rispons aktar mgħaġġel u mmirat għall-kriżijiet ewlenin, fosthom biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jlaħħqu ma’ mewġiet kbar ta’ refuġjati. Sal-2018 dan l-istrument se jipprovdi finanzjament ta’ madwar €700 miljun permezz ta’ organizzazzjonijiet sħab bħall-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, is-Salib l-Aħmar u organizzazzjonijiet mhux governattivi. B’konsultazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Griegi, l-organizzazzjonijiet diġà ġew allokati €198 miljun għall-proġetti li saru fil-Greċja.

Barra minn hekk, l-UE żiedet il-baġits tal-2015 u tal-2016 tal-Uffiċċju Ewropew tal-Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil, tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, u tal-Europol, biex ikunu jifilħu aktar iwieġbu fil-prattika għall-isfidi tal-migrazzjoni.
Kapitlu 9
Attur globali aktar b’saħħtu
“Irridu Ewropa aktar b’saħħitha meta niġu għall-politika barranija. Il-kriżi fl-Ukrajna u s-sitwazzjoni inkwetanti fil-Lvant Nofsani juru kemm huwa importanti li l-Ewropa tkun magħquda esternament.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg waqt konferenza konġunta tal-aħbarijiet wara l-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tan-NATO, Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2016.
L-UE teħtieġ politika barranija komuni b’saħħitha biex tilqa’ l-isfidi dinjija b’mod effiċjenti, inkluż il-kriżijiet fl-inħawi tal-madwar, tħares il-valuri tagħha u sseddaq il-paċi u l-prosperità fid-dinja.
Filwaqt li qieset dan kollu, l-UE għażlet li matul l-2016 issejjes il-politika barranija u tas-sigurtà tagħha fuq il-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, il-koperazzjoni għall-iżvilupp, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispons għall-kriżi umanitarja.
Fix-xenarju internazzjonali, l-UE użat l-influwenza ekonomika u diplomatika tagħha biex tagħmel pressjoni għal soluzzjonijiet politiċi fil-kunflitti fis-Sirja, fil-Libja u fl-Ukrajna. Ħadmet qatigħ biex trawwem in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja.
Fir-rebbiegħa tal-2016, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini u bosta Kummissarji Ewropej oħra żaru l-Iran biex iniedu diskussjonijiet dwar il-koperazzjoni fil-kummerċ, l-investiment, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, u d-drittijiet tal-bniedem.
F’Ġunju, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini ppreżentat Strateġija Globali għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà. Din l-istrateġija tispjega l-prijoritajiet u l-għanijiet ewlenin biex l-UE tkun tiflaħ tegħleb l-isfidi internazzjonali. Is-segwitu dwar is-sigurtà u d-difiża ma ħax fit-tul għax f’Novembru l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottata l-konklużjonijiet sostanzjali u f’Diċembru adotta l-proposti għal koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO. F’Novembru, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża bil-għan li twaqqaf Fond Ewropew għad-Difiża. Il-Kunsill Ewropew approva dan il-pakkett komprensiv tad-difiża f’Diċembru, u tfasslu kompiti konkreti bħala segwitu għall-2017.
Matul is-sena l-UE bdiet timplimenta l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Twaqqaf il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika u sar ftehim ma’ ħames pajjiżi Afrikani għal koperazzjoni mill-qrib dwar il-migrazzjoni.
Il-mewġa ta’ kriżijiet umanitarji kompliet teqliel. Fl-2016, l-għajnuna ta’ sokkors li allokat l-UE kienet taqbeż iż-€2.1 biljun biex jingħataw ikel, saqaf għall-kenn, protezzjoni u kura tas-saħħa lil 120 miljun persuna f’iżjed minn 80 pajjiż.
Il-viċinat tal-UE
Ir-relazzjonijiet mal-pajjiżi li jinsabu fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-UE huma tassew importanti; dawn ir-relazzjonijiet isegwu l-politika Ewropea tal-viċinat, li fl-2016 ġiet riveduta. Il-politika toffri sħubijiet ġenwini bejn l-UE u l-pajjiżi ġirien imsejsa fuq il-governanza tajba, kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi u tas-sigurtà, u l-politiki tal-migrazzjoni.
Il-viċinat tal-Lvant
Il-politiki tal-UE b’rabta mal-pajjiżi fil-Lvant huma komprensivi u mfassla apposta skont il-ħtiġijiet tal-pajjiżi individwali. Għaldaqstant dawn għandhom ambitu wiesa’ u jenfasizzaw għadd ta’ oqsma ta’ prijorità, fosthom l-iżvilupp soċjali u ekonomiku, il-governanza tajba u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Minbarra dan, dawn jagħmluha eħfef biex in-nies fl-UE u l-viċinat tal-Lvant jiltaqgħu, jaħdmu, jistudjaw u jivvjaġġaw f’dawn ir-reġjuni.
L-UE għamlet ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-Georgia, mal-Moldova u mal-Ukrajna, li jinkludu żoni ta’ kummerċ ħieles profondi u komprensivi. Il-ftehimiet mal-Georgiau mal-Moldova daħlu fis-seħħ f’Lulju. Barra minn hekk, issawru relazzjonijiet aktar mill-qrib mal-Armenja, mal-Ażerbajġan u mal-Belarus. Il-progress mexa ġmielu wkoll biex jintlaħaq ftehim mal-Ukrajna u l-Georgia biex iċ-ċittadini ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jżuru l-UE mingħajr viża.
Waħda mill-prijoritajiet tal-UE matul is-sena kienet li tagħti appoġġ għal riforma politika u ekonomika fl-Ukrajna. Ħafna mill-għajnuna finanzjarja tingħata mill-Istrument Ewropew tal-Viċinat (€200 miljun għal programmi ġodda b’enfasi fuq il-governanza trasparenti u kontabbli) flimkien ma’ għajnuna umanitarja (€22.4 miljun) u għajnuna makrofinanzjarja (€2.21 biljun). L-UE u l-Ukrajna kellhom diskussjonijiet ukoll fuq it-trasport tal-gass.
L-UE baqgħet tinsisti fuq soluzzjoni paċifika tal-kunflitt fil-Lvant tal-Ukrajna billi jitwettqu bis-sħiħ il-ftehimiet ta’ Minsk. Minbarra dan, issoktat bis-sanzjonijiet kontra r-Russja minħabba l-annessjoni illegali tal-Krimea u ta’ Sevastopol u minħabba r-rwol tagħha biex tiddistabbilizza lill-Ukrajna.
Ir-Russja
Fil-bidu tal-2016, l-Istati Membri tal-UE affermaw il-prinċipji li jiggwidaw l-approċċ tal-UE lejn ir-Russja. Fost dawn hemm li jitwettqu bis-sħiħ il-ftehimiet ta’ Minsk, li jissaħħu r-relazzjonijiet mas-sħab tal-Lvant u ma’ pajjiżi oħra ġirien, l-aktar fl-Asja ċentrali, li tissaħħaħ ir-reżiljenza interna tal-UE, li ssir ħidma id f’id mar-Russja dwar kwistjonijiet ta’ interess għall-UE bħall-politika barranija u kwistjonijiet globali, u li jiżdiedu l-appoġġ tal-UE għas-soċjetà ċivili Russa u l-kuntatti bejn iċ-ċittadini tal-UE u tar-Russja. Peress li l-ftehimiet ta’ Minsk ma twettqux bis-sħiħ, is-sanzjonijiet imposti fl-2014 minħabba l-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna baqgħu fis-seħħ. Fuq nett fl-aġenda, l-UE kellha s-sitwazzjoni ħażina tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u r-restrizzjonijiet dejjem akbar fuq is-soċjetà ċivili.
Il-viċinat tan-Nofsinhar
Fir-reġjun tal-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, il-politika tal-viċinat tissarraf f’appoġġ lil pajjiżi individwali f’oqsma fejn l-UE tista’ tagħti kontribut speċifiku u pożittiv.
Il-pajjiżi milquta mill-kriżi tar-refuġjati qed jingħataw attenzjoni partikolari. Il-Kummissjoni kompliet timplimenta l-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni Ewropea b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana u nediet diversi attivitajiet bil-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika biex tindirizza l-kriżi tal-migrazzjoni. Wara l-konferenza dwar l-Appoġġ lis-Sirja u lir-Reġjun li saret f’Londra fi Frar, intlaħqu ftehimiet mal-Ġordan u mal-Libanu biex ikollhom l-għajnuna ħalli jlaħħqu mal-mewġiet kbar ta’ refuġjati Sirjani. L-Unjoni Ewropea żiedet il-kummerċ mal-Ġordan biex tgħinu joħloq l-impjiegi, l-aktar għar-refuġjati Sirjani fil-pajjiż.
It-Tuneżija ngħatat ċertu attenzjoni partikolari fl-2016 għax l-UE appoġġat it-tranżizzjoni demokratika tagħha.
Is-Sirja
Il-kriżi fis-Sirja baqgħet waħda mill-iżjed sfidi ebsin li l-komunità internazzjonali kellha fl-2016. L-UE ssoktat l-isforzi umanitarji u diplomatiċi tagħha id f’id mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti u mal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Staffan de Mistura. L-UE żiedet l-għajnuna finanzjarja tagħha; minn mindu bdiet il-kriżi ngħataw iżjed minn €9 biljun. L-appoġġ tal-UE lis-Sirja ġie affermat f’Ottubru meta l-mexxejja tal-UE ltaqgħu biex jiddiskutu dwar is-Sirja. Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini wkoll tat sehemha biex ir-reġjun jagħraf aħjar il-ġejjieni tas-Sirja, mexxiet l-inizjattiva reġjonali tal-UE bil-għan li tinstab pożizzjoni komuni dwar l-arranġamenti ta’ wara l-konflitt mal-atturi reġjonali, u stħarrġet il-possibbiltà ta’ rikonċiljazzjoni u rikostruzzjoni ladarba tkun qed issir tranżizzjoni politika kredibbli.
Il-Libja
Matul is-sena, l-UE baqgħet impenjata bis-sħiħ lejn il-Libja u lejn it-tranżizzjoni biex dan il-pajjiż iħaddan demokrazija inklużiva u stabbli, u biex tgħin lin-Nazzjonijiet Uniti fl-isforzi ta’ medjazzjoni f’dak il-proċess. Bħalissa l-UE tipprovdi finanzjament sostanzjali għal proġetti u attivitajiet fil-Libja mifruxa f’sitt setturi, ilkoll relatati mal-prijoritajiet tal-koperazzjoni bilaterali tagħha: is-soċjetà ċivili; il-governanza demokratika; is-saħħa; iż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza attiva u l-integrazzjoni soċjoekonomika; il-migrazzjoni u l-protezzjoni; u l-proċess politiku, is-sigurtà u l-medjazzjoni.
Il-Balkani tal-Punent u n-negozjati għal sħubija
Il-proċess ta’ tkabbir tal-UE għandu importanza għall-istabbiltà fil-Balkani tal-Punent. L-appoġġ għas-sigurtà u l-prosperità fil-Balkani tal-Punent huwa investiment fil-futur tar-reġjun u huwa fl-interess tal-UE. Il-Bożnija-Ħerzegovina applikat biex tissieħeb fl-UE u l-Kunsill iddeċieda li jmexxi l-proċess ’il quddiem, filwaqt li l-Albanija bl-għajnuna tal-UE għaddiet liġijiet importanti biex tirriforma l-ġudikatura tagħha. Dan il-pass itejjeb il-ħajja tal-Albaniżi u jgħin lil dan il-pajjiż biex jaqbad triqtu lejn l-UE. L-UE u l-Kosovo għamlu ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; filwaqt li fl-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-UE u atturi internazzjonali oħrajn kienu involuti f’medjazzjoni għal ftehim li f’Diċembru wassal għal elezzjonijiet kalmi u ordnati.
Minbarra dan, imxew ’il quddiem ukoll it-taħditiet bejn il-Kosovo u s-Serbja dwar in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, u fl-istess ħin, imxew tajjeb ukoll it-taħditiet tal-UE mal-Montenegro u mas-Serbja dwar is-sħubija.
It-Turkija
Il-Kummissarju Johannes Hahn qed iżur supermarket għar-refuġjati mmexxi mill-Programm Dinji tal-Ikel, it-Turkija, is-26 ta’ April 2016.
Fl-2016, l-UE u t-Turkija bnew relazzjonijiet f’diversi oqsma, bħalma kien ġie miftiehem fis-Summit UE-Turkija ta’ Novembru 2015. Żvilupp ewlieni kien il-ftehim bejn l-UE u t-Turkija f’Marzu, li fih l-UE saħqet fuq l-immaniġġjar tal-flussi tal-migrazzjoni u fuq il-ġlieda kontra l-mudell tal-kuntrabandisti tal-persuni u t-traffikar tal-bnedmin. Fit-Turkija twaqqfet Faċilità għar-Refuġjati u ġie kkoordinat finanzjament ta’ €3 biljun għall-2016 u l-2017 biex jgħinu lir-refuġjati Sirjani u lill-komunitajiet mifnija tagħhom li jilqgħuhom.
Il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz waqt żjara fit-Turkija.
L-UE appoġġat id-demokrazija Torka wara l-attentat ta’ kolp ta’ stat f’Lulju, u talbet lill-awtoritajiet biex wara dak li seħħ josservaw l-aqwa standards tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali.
L-Ewropa tal-Punent
Il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Punent li mhumiex fl-UE huma marbutin mill-qrib mal-UE. In-Norveġja u l-Iżvizzera huma fost is-sħab ewlenin tal-UE fejn jidħol il-kummerċ u l-investiment, u huma sħab importanti wkoll fir-riċerka u fl-innovazzjoni. Iżda għad fadal xi sfidi mal-Iżvizzera. Għalkemm f’Diċembru, il-vot tal-Assemblea Federali Żvizzera b’rabta mal-emendi tal-Att dwar il-Barranin kien pass fid-direzzjoni t-tajba, għad jonqos li jintlaħaq ftehim qafas istituzzjonali għall-ġestjoni u l-aġġornament tas-sistema kumplessa tal-ftehimiet settorjali. B’hekk jinħataf il-potenzjal kollu tar-relazzjonijiet bilaterali.
L-Amerka ta’ Fuq
L-Istati Uniti
Fost il-prijoritajiet fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti fl-2016 kien hemm il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u t-trattament tal-kriżi globali tar-refuġjati. Dawn ħarġu fid-dieher f’Lulju waqt il-laqgħa f’Varsavja bejn il-President tal-Istati Uniti Barack Obama, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.
Saru bosta taħditiet dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment.
F’Ġunju, l-UE u l-Istati Uniti ffirmaw Ftehim Komprensiv dwar il-Protezzjoni tad-Data bejn l-UE u l-Istati Uniti li se jiżgura qafas ta’ protezzjoni tad-dejta għat-trasferimenti tad-dejta lejn l-Istati Uniti minħabba l-qafas ta’ koperazzjoni ġudizzjarja u tal-infurzar tal-liġi. F’Diċembru, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni li tawtorizza lill-Unjoni Ewropea biex tikkonkludi l-ftehim.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Maroš Šefčovič, ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry, u s-Segretarju tal-Istati Uniti għall-Enerġija Dr Ernest Moniz, waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti fid-Dipartiment tal-Istat f’Washington DC, l-Istati Uniti, l-4 ta’ Mejju 2016.
F’Lulju ġiet adottata t-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti biex tipproteġi d-dejta personali taċ-ċittadini u tipprovdi ċarezza lin-negozji.
Washington u Brussell ikkoperaw ukoll dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u biex jindirizzaw il-kriżi tar-refuġjati.
F’Diċembru, l-Istati Uniti u l-UE ffirmaw ftehim dwar l-akkwist u l-iskambju tas-servizzi b’rabta ma’ appoġġ loġistiku għall-operazzjonijiet militari ta’ xulxin.
Il-Kanada
Din is-sena kienet importanti wkoll għar-relazzjonijiet tal-UE mal-Kanada għax ġew iffirmati żewġ ftehimiet rivoluzzjonarji — il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika u l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv. Ladarba jidħlu fis-seħħ, dawn iż-żewġ ftehimiet se jtejbu l-qafas ġenerali tal-koperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada. Il-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika se jsaħħaħ id-djalogu politiku fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma, fosthom il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, l-iżvilupp ekonomiku u sostenibbli, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà. Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv se jippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir u se joħloq ġid ekonomiku importanti liż-żewġ naħat tal-Atlantiku għax se jixpruna l-kummerċ u l-investiment, filwaqt li jfassal standards dinjija dwar il-ħarsien tad-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent.
Iċ-Ċina
F’Lulju sar ftehim fuq strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina. L-impenn tal-UE maċ-Ċina jibqa’ wieħed ta’ prinċipju, prattiku u pragmatiku, u jibqa’ leali lejn l-interessi u l-valuri tagħna — l-aktar fejn jidħlu r-regoli u n-normi internazzjonali u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem.
Is-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina f’Beijing f’Lulju kien opportunità għal diskussjonijiet strateġiċi fuq kwistjonijiet ta’ interess komuni, fosthom ir-riformi ekonomiċi u l-kapaċità żejda fis-settur tal-azzar.
Filwaqt li l-Aġenda Strateġika għall-Koperazzjoni UE-Ċina 2020 firxet is-sisien tar-relazzjonijiet mill-2013, id-djalogu politiku dwar l-ambjent ilu għaddej mill-2005.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-President taċ-Ċina Xi Jinping, u l-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk waqt it-18-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, Beijing, iċ-Ċina, it-12 ta’ Lulju 2016.
Il-Lvant Nofsani
L-Iran
Wara l-ftehim nukleari storiku li ntlaħaq f’Lulju 2015 bejn il-komunità internazzjonali u l-Iran, f’April 2016 ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini żaret Tehran flimkien ma’ seba’ Kummissarji Ewropej biex iżidu l-koperazzjoni f’oqsma bħar-relazzjonijiet ekonomiċi, it-trasport, ix-xjenza, kwistjonijiet umanitarji, l-enerġija u d-drittijiet tal-bniedem.
Ir-rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini u l-Ministru Iranjan tal-Affarijiet Barranin Mohamad Javad Zarif waqt konferenza konġunta tal-aħbarijiet f’Tehran, l-Iran, is-16 ta’ April 2016.
L-Iraq
Fejn jidħol l-Iraq, l-isforzi tal-UE ffukaw fuq l-appoġġ lill-gvern biex iwettaq ir-riformi politiċi, ekonomiċi u tad-drittijiet tal-bniedem li huma tant urġenti, u b’mod partikolari fi ħdan il-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni UE-Iraq. Il-koperazzjoni mal-Iraq issoktat bil-ġlieda kontra l-ISIL/Da’esh. L-UE tagħti għajnuna umanitarja biex tieħu ħsieb l-aktar ħtiġijiet urġenti tal-Iraqini spostati u qed tappoġġa l-istabbilizzazzjoni fiż-żoni liberati.
L-Amerka Latina
Fl-2016, l-UE saħħet ir-relazzjonijiet tagħha mal-Amerika Latina u mal-Karibew. L-UE u l-Messiku niedu n-negozjati biex jimmodernizzaw il-ftehim globali, fost l-oħrajn biex isaħħu l-qafas tad-djalogu bilaterali dwar kwistjonijiet globali (l-aktar dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel, l-ekonomija dinjija u s-sigurtà) u biex jadattaw ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Messiku għar-realtajiet il-ġodda tal-politiki u l-flussi dinjin tal-kummerċ u tal-investiment. L-UE u Kuba komplew id-djalogu politiku formali tagħhom, u f’Diċembru ffirmaw ftehim ta’ djalogu politiku u koperazzjoni li jsawwar il-qafas legali l-ġdid għal din ir-relazzjoni. F’Mejju, l-UE u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar (Mercosur) reġgħu taw spinta lin-negozjati għal ftehim ta’ assoċjazzjoni bireġjonali, u waslu għall-ewwel skambju tal-offerti wara l-2004.
L-UE tat appoġġ politiku biex twieżen il-proċess tal-paċi fil-Kolombja. F’Diċembru 2016 tnieda l-Fond Fiduċjarju tal-UE u dan se jkun element ewlieni fl-isforzi tal-UE biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ paċi.
F’Ottubru, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew iltaqgħu f’Santo Domingo, fir-Repubblika Dominikana. Din il-laqgħa għenet biex tissaħħaħ is-sħubija strateġika u wittiet it-triq għal Summit bejn l-UE u l-Komunità ta’ Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew fl-2017.
Is-sħubija bejn l-UE u l-Afrika
Fil-Qarn tal-Afrika, l-UE approvat ftehim politiku u ekonomiku ġdid mal-Etjopja u kienet sostenitur ewlieni tal-elezzjonijiet fis-Somalja. L-UE ssoktat tappoġġa l-ġlieda kontra t-terroriżmu fir-reġjun, kif ukoll fis-Saħel. Din is-sena ġie ffirmat u daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika.
Il-Kummissarju Neven Mimica jiltaqa’ maċ-ċittadini ta’ Matam, is-Senegal, is-27 ta’ April 2016.
Il-migrazzjoni
Fl-2016, l-UE għarfet tħaddem il-politiki kollha li għandha biex tfassal sħubijiet apposta ma’ pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu li mhumiex fl-UE. F’Ġunju, il-Kunsill Ewropew adotta l-proposta tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u tal-Kummissjoni biex jitnieda Qafas ta’ Sħubija ġdid dwar il-Migrazzjoni ma’ sħab ewlenin fl-Afrika biex imexxu aħjar is-sitwazzjoni flimkien.
Bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, il-prijoritajiet huma li jissalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar, li jiżdiedu r-ritorni, li l-migranti u r-refuġjati jkunu jistgħu jibqgħu qrib pajjiżhom, u li iżjed fit-tul, il-pajjiżi jingħataw l-għajnuna biex jindirizzaw l-għeruq tal-migrazzjoni irregolari.

Bis-Sħubija Qafas bdiet ħidma ma’ ħames pajjiżi ta’ prijorità — l-Etjopja, il-Mali, in-Niġer, in-Niġerja u s-Senegal. Fl-istess waqt issoktaw id-djalogi dwar il-migrazzjoni ma’ pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu biex jitwettaq dak li ġie miftiehem fis-Summit tal-Belt Valletta fl-2015.
Matul is-sena, il-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-UE għall-Afrika beda jagħti sehmu biex jitwettqu proġetti konkreti, filwaqt li l-koperazzjoni mas-sħab tal-UE qed tagħti l-ewwel riżultati.
Id-drittijiet tal-bniedem
L-2016 ittappnet b’diversi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li żdiedu l-fastidju u l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u fuq l-organizzazzjonijiet mhux governattivi madwar id-dinja. L-Istrateġija Globali għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà tal-UE li tnediet f’Ġunju ttenni u tisħaq li d-drittijiet tal-bniedem huma fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE u jaqblu bis-sħiħ mal-interessi tal-UE. Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini nediet il-kampanja #EU4HumanRights ħalli xxerred għarfien dwar l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri biex isegwu l-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni 2015-2019 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija. Fost dawn il-prijoritajiet hemm li l-UE u l-Istati Membri jappoġġaw, jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.
Fil-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa, il-Kummissjoni Ewropea tniedi kampanja kontra l-vjolenza fuq in-nisa, il-25 ta’ November 2016.
L-Aġenda 2030: l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli
L-UE hi impenjata li twettaq l-Aġenda 2030 u qed tħabrek biex tilħaq l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli. F’Mejju, il-Kummissarju Karmenu Vella u l-Ministru Olandiż Sharon Dijksma attendew it-tieni Assemblea Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kenja. Il-Ministri preżenti qablu li jimplimentaw l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli fejn jidħlu l-produzzjoni sostenibbli, il-konsum, is-sustanzi kimiċi u l-iskart, it-tibdil fil-klima u l-oċeani.
Il-Kummissjoni fasslet approċċ strateġiku biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli fl-UE u madwar id-dinja. Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini, l-Ewwel Viċi President Frans Timmermans u l-Kummissarju Neven Mimica ressqu għadd ta’ proposti fit-22 ta’ Novembru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli, li żżewweġ l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 mal-qafas ta’ politika tal-UE u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni. Dawn il-passi li jmiss jistħarrġu l-livell ta’ progress, jagħrfu l-aktar tħassib rilevanti b’rabta mas-sostenibbiltà u jiżguraw li kull azzjoni u inizjattiva ta’ politika fl-UE u fid-dinja tkun tinkludi l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli sa mill-bidu nett.
L-iżvilupp internazzjonali
Fl-2016, l-UE bdiet twettaq l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli b’koperazzjoni internazzjonali.
F’Settembru, l-UE nediet il-Pjan ta’ Investiment Estern Ewropew biex iżżomm kelmtha fuq il-finanzjament għall-iżvilupp u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli.
F’Novembru, il-Kummissjoni pproponiet reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, filwaqt li ppreżentat viżjoni komuni u qafas ta’ azzjoni għall-koperazzjoni tal-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Din tipproponi pjan ta’ azzjoni biex il-politika tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea tkun taqbel mal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli. U din hi parti mir-rispons għax-xejriet il-ġodda u l-isfidi tal-globalizzazzjoni li kienet ftiehmet fuqu l-komunità internazzjonali. L-ewwel miġemgħa internazzjonali biex tiddiskuti dan is-suġġett iltaqgħet għall-forum tal-Jiem Ewropej tal-Iżvilupp. L-UE ssoktat ħidmitha fuq sħubija ġdida mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku wara l-2020 u pproponiet li jintlaħaq ftehim komprensiv, u li jitfasslu sħubijiet reġjonali apposta għall-Afrika, għall-Karibew u għall-Paċifiku biex jinħatfu l-opportunitajiet u jingħelbu l-isfidi reġjonali speċifiċi.
F’Ottubru saret konferenza internazzjonali kbira fi Brussell biex turi l-appoġġ kontinwu tal-UE lill-Afganistan. F’Novembru saret konferenza tad-donaturi għar-Repubblika Ċentru-Afrikana li matulha d-donaturi internazzjonali wiegħdu aktar minn €2 biljun.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni
Id-diplomazija xjentifika hi parti ewlenija mill-attivitajiet internazzjonali tal-UE. Matul is-sena, il-komunikazzjoni konġunta dwar “Politika integrata tal-UE għall-Artiku” ġabret bosta riċerka dwar l-Artiku u ħarġet fid-dieher ir-rwol tax-xjenza fil-koperazzjoni internazzjonali.
Il-Kollaborazzjoni tar-Riċerka Globali għat-Tħejjija għall-Mard Infettiv kisbet fondi minn madwar id-dinja biex issir riċerka urġenti dwar it-tifqigħa tal-virus Zika. Wara sejħa speċifika fl-2016, intgħażlu għadd ta’ proġetti tar-riċerka dwar iz-Zika li jiswew €30 miljun biex jiksbu finanzjament mill-programm Orizzont 2020.
Ix-xogħol diċenti fuq l-aġenda globali tal-UE
F’Ġunju, waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker wiegħed li jagħti prijorità lill-Ewropa soċjali, l-impjiegi taż-żgħażagħ u d-djalogu soċjali. Il-President ippromwova wkoll l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Flimkien mal-Kummissarju Marianne Thyssen, saħaq fuq l-importanza tal-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol u fuq il-ħtieġa li nirriflettu fuq il-futur tax-xogħol. L-UE tat kontribut siewi fil-ħidma u l-eżiti tal-konferenza. Minbarra dan, ġiet adottata gwida komprensiva dwar ix-xogħol diċenti fil-ktajjen tal-provvista biex tindirizza d-diliġenza xierqa, id-djalogu soċjali transfruntier, il-kummerċ u t-trasparenza.
Is-sigurtà u d-difiża
F’Novembru, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tad-Difiża tal-UE qablu li jimplimentaw l-Istrateġija Globali għall-Politika Barranija u tas-Sigurtà tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Dawn il-konklużjonijiet ħarġu minn pjan ta’ implimentazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża li r-Rappreżentant Għoli/Viċi President u Kap tal-Aġenzija tad-Difiża Ewropea, Federica Mogherini, kienet ippreżentat lill-Ministri.
Din l-istrateġija tiġbor proposti li jsaħħu l-kapaċitajiet ċivili u militari, ifanndu l-koperazzjoni fil-qasam tad-difiża, itejbu r-rispons rapidu tal-UE għall-kriżijiet, isawru kapaċità permanenti tal-ippjanar u tal-kondotta fil-livell strateġiku għal missjonijiet militari mhux eżekuttivi, jistħarrġu l-potenzjal għal aktar koperazzjoni mal-pajjiżi sħab dwar is-sigurtà u d-difiża, u jkomplu jaħdmu biex isawru l-kapaċitajiet fl-appoġġ tas-sigurtà u tal-iżvilupp.
Din kienet l-ewwel element minn tlieta msemmija fil-pakkett il-ġdid tad-difiża tal-UE, li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew f’Diċembru. It-tieni element kien il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża li pproponiet il-Kummissjoni bil-għan li jitwaqqaf Fond Ewropew għad-Difiża biex isostni l-investiment fir-riċerka konġunta u fl-iżvilupp konġunt ta’ tagħmir u teknoloġiji tad-difiża. Barra minn hekk, din ipproponiet ukoll miżuri biex jissaħħaħ is-Suq Uniku għad-difiża. It-tielet element jinkludi l-koperazzjoni bejn l-UE u n-NATO bħala segwitu tad-dikjarazzjoni konġunta tagħhom li ffirmaw f’Varsavja f’Lulju 2016.
F’April, l-Istati Membri tal-UE qablu li tiżdied il-koordinazzjoni biex jissaħħaħ ir-rispons tal-UE għat-theddid ibridu bħall-attakki ċibernetiċi, il-qtugħ fil-provvista tal-enerġija jew is-servizzi finanzjarji, it-tnawwir tal-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet tal-gvern u l-isfruttament tat-tensjonijiet soċjali.
Ir-reazzjoni għall-kriżijiet u l-emerġenzi umanitarji
Ir-riforma tal-għajnuna fis-Summit Umanitarju Dinji.
L-UE baqgħet taħdem ma’ dawk li jinqabdu fi kriżijiet minħabba xi diżastru naturali jew minħabba xi intervent uman madwar id-dinja. L-għajnuna ta’ sokkors li allokat l-UE taqbeż iż-€2.1 biljun biex jingħata ikel, saqaf għall-kenn, protezzjoni u kura tas-saħħa lil iżjed minn 120 miljun persuna f’iżjed minn 80 pajjiż.
L-UE tinsab fuq quddiem nett fejn jidħol il-finanzjament tal-għajnuna umanitarja fiż-żoni ewlenin kollha tal-kunflitt, fejn hemm spostati ammonti kbar ta’ nies, mifruxin mill-Iraq u s-Sirja sar-Repubblika Ċentru-Afrikana, is-Sudan u l-Jemen.
Għall-ewwel darba, l-UE bagħtet l-għajnuna umanitarja fil-fruntieri tagħha stess, biex tgħin lill-Greċja tlaħħaq mal-mewġa tar-refuġjati. Bejn l-2016 u l-2018 twarrbu €700 miljun mill-fondi tal-UE biex jintużaw mis-sħab umanitarji.
Inħolqu wkoll inizjattivi ġodda. L-UE tgħallmet mill-kriżi tal-Ebola li laqtet lill-Afrika tal-Punent fl-2014, u għalhekk waqqfet Korp Mediku Ewropew biex jagħti rispons minnufih jekk tfaqqa’ xi emerġenza li jkollha konsegwenzi fuq is-saħħa fl-UE u lil hinn.
Mill-baġit umanitarju kollu tal-UE, madwar 4 % intrefgħu għall-edukazzjoni tat-tfal milquta minn xi emerġenza. Dan huwa wieħed mill-iżjed setturi tal-għajnuna umanitarja li hu nieqes mill-fondi. Aktar minn 3.8 miljun tifel u tifla kisbu aċċess għal attivitajiet edukattivi f’47 pajjiż, u l-Kummissarju Christos Stylianides ħabbar ukoll li fl-2017 din l-għajnuna se tkompli tiżdied għal 6 %.

Il-koperazzjoni internazzjonali
L-UE u n-Nazzjonijiet Uniti
Delegazzjoni ta’ livell għoli tal-UE ħadet sehem fil-ġimgħa ministerjali tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u fis-Summit dwar l-indirizzar ta’ movimenti kbar ta’ refuġjati u migranti, u matulhom l-UE appellat għar-responsabbiltà dinjija. Id-diskussjonijiet trattaw l-iżjed il-kriżi Sirjana, it-tibdil fil-klima u l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030. Matul is-sena, il-koperazzjoni bejn in-Nazzjonijiet Uniti u l-UE żgurat ċertu koordinazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, minn missjonijiet tal-paċi sa sforzi diplomatiċi, mid-drittijiet tal-bniedem sal-ġlieda kontra l-ġuħ, mill-ħolqien ta’ soċjetajiet inklużivi sal-governanza tajba u l-ġlieda kontra l-kriminalità. Ir-rabtiet mill-qrib bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet semmiethom ukoll ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President Federica Mogherini waqt id-diskors tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġunju.
Il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki-moon, u l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans waqt il-71 Sessjoni Plenarja tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, New York, l-Istati Uniti, it-18 ta’ Settembru 2016.
L-UE u n-NATO
F’Lulju, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg iffirmaw l-ewwel dikjarazzjoni konġunta bejn l-UE u n-NATO f’Varsavja biex jagħtu impetu ġdid lis-sħubija tagħhom. Din id-dikjarazzjoni wriet l-impenn konġunt tagħhom biex jaħdmu flimkien: kontra t-theddid ibridu, għal koperazzjoni operattiva li tkun tinkludi kwistjonijiet marittimi, fuq iċ-ċibersigurtà u d-difiża, fir-riċerka tal-industrija tad-difiża, għal eżerċizzji u difiża, u biex tissawwar il-kapaċità tas-sigurtà. F’Diċembru, l-UE u n-NATO approvaw sett komuni ta’ proposti għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta.
Il-koperazzjoni fix-xenarju dinji
L-UE involviet ruħha b’mod attiv ma’ sħab globali f’diversi forums bħall-G7 u l-G20 biex flimkien jindirizzaw l-isfidi politiċi u ekonomiċi dinjin. Fl-istqarrija tas-Summit ta’ Hangzhou f’Settembru, il-mexxejja tal-G20 enfasizzaw il-bżonn ta’ aktar inklużività ħalli t-tkabbir ekonomiku jaqdi l-ħtiġijiet ta’ kulħadd u jinħass fil-pajjiżi kollha u miċ-ċittadini kollha.
(Favur l-arloġġ mix-xellug) Il-President Franċiż François Hollande, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron, il-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi, il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel, il-President Amerikan Barack Obama, u l-Prim Ministru tal-Ġappun Shinzō Abe waqt is-Summit tal-G7, Ise, il-Ġappun, is-26 ta’ Mejju 2016.
Kapitlu 10
Unjoni ta’ bidla demokratika
“Il-proposta u l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea wara r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma ċertament importanti, iżda huma biss l-ewwel pass biex l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi ssir aktar demokratika. Inwiegħed li Kummissjoni Ewropea mmexxija minni se twettaq din is-sħubija speċjali mal-Parlament Ewropew ... Nimpenja ruħi wkoll li nżid it-trasparenza fejn jidħlu l-kuntatti mal-partijiet konċernati u mal-lobbisti.”
Linji gwida politiċi ta’ Jean-Claude Juncker, il-15 ta’ Lulju 2014
Il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz (lemin) waqt l-għoti tal-Premju Sakharov 2016 għal-Libertà tal-Ħsieb lil Nadia Murad Basee Taha u lil Lamiya Aji Bashar, Strasburgu, Franza, it-13 ta’ Diċembru 2016.
F’Settembru 2016, waqt id-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President Jean-Claude Juncker evalwa l-kisbiet tas-sena ta’ qabel u ppreżenta l-prijoritajiet għas-sena ta’ wara. Il-President Juncker spjega kif il-Kummissjoni se tindirizza l-aktar sfidi urġenti, bħall-migrazzjoni, it-terroriżmu, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Waħda mill-azzjonijiet ewlenin li pproponiet il-Kummissjoni kienet l-estensjoni taż-żmien u tal-fondi tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropea għad-Difiża; u din kisbet l-appoġġ wiesa’ tal-Parlament u tal-Kunsill.
Jumejn wara li sar id-diskors, l-Istati Membri kollha tal-UE għajr ir-Renju Unit inġabru fi Bratislava, is-Slovakkja, biex jagħtu bidu għal riflessjoni politika dwar l-iżvilupp ulterjuri tas-27 Stat Membru tal-UE. Dan seħħ f’Ġunju wara li ħareġ ir-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit li wera x-xewqa ta’ dan il-poplu li joħroġ mill-UE.
Il-mexxejja tal-UE qablu fuq id-Dikjarazzjoni u l-Pjan Direzzjonali ta’ Bratislava li jistabbilixxu l-għanijiet sa Marzu 2017. Dawn jinkludu li jerġa’ jinkiseb kontroll sħiħ tal-fruntieri esterni, li jkunu żgurati s-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, li tissaħħaħ il-koperazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà esterna u d-difiża, li jissaħħaħ ukoll is-Suq Uniku u li jinfetħu opportunitajiet akbar għaż-żgħażagħ.
Il-Parlament Ewropew
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qed jippreżenta d-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2016 fil-Parlament Ewropew, Strasburgu, Franza, l-14 ta’ Settembru 2016.
Fl-2016, il-Parlament Ewropew indirizza l-kwistjonijiet ewlenin kollha tal-politika tal-UE u ddiskuta bosta suġġetti li jvarjaw mill-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni sar-referendum fir-Renju Unit, u mis-sigurtà u t-theddida tat-terroriżmu sat-tassazzjoni korporattiva. Minbarra dan, il-Parlament ħa deċiżjonijiet leġiżlattivi importanti biex tkun tista’ tittieħed azzjoni tal-UE f’oqsma bħar-reġistri bl-ismijiet tal-passiġġieri, il-protezzjoni tad-dejta u s-Suq Uniku Diġitali. Matul is-sena bosta viżitaturi ta’ livell għoli indirizzaw lill-Parlament fosthom ir-Re Olandiż Willem-Alexander, il-President tal-Estonja Toomas Hendrik Ilves, il-President tal-Bulgarija Rosen Plevneliev, il-President tal-Iżrael Reuven Rivlin, u l-President tal-Awtorità Palestinjana Mahmoud Abbas, kif ukoll il-kapijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE.
Il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov 2016 għal-Libertà tal-Ħsieb lil Nadia Murad Basee Taha u lil Lamiya Aji Bashar, żewġ Yazidi, vittmi tal-kefrija tal-ISIL/Da’esh.
Il-Kunsill Ewropew
Fl-2016, il-Kunsill Ewropew iltaqa’ fi Frar, f’Marzu, f’Ġunju, f’Ottubru u f’Diċembru. Il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern indirizzawh u wrew fehmiethom fuq kwistjonijiet ewlenin fosthom l-ispinta lit-tkabbir, lill-impjiegi u lill-kompetittività, it-tlestija tas-Suq Uniku, il-politika kummerċjali tal-UE, aspetti interni u esterni tal-politika dwar il-migrazzjoni, is-sigurtà, u l-enerġija u t-tibdil fil-klima. Il-mexxejja ltaqgħu wkoll f’kuntest informali fi Bratislava biex jiddiskutu l-istat tal-Unjoni u l-futur komuni tagħhom wara r-referendum fir-Renju Unit.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Fl-2016, l-Olanda u s-Slovakkja kellhom il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill. Is-suġġetti ewlenin tal-Kunsill matul din is-sena kienu l-kriżi tal-migrazzjoni li għaddejja, il-kunflitti bl-armi madwar id-dinja u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kunsill għamel progress f’bosta oqsma, fosthom it-tassazzjoni, l-enerġija u t-tibdil fil-klima, il-finanzjament tal-ekonomija u l-approfondiment tas-Suq Uniku.
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker (fuq il-lemin) qed jilqa’ lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew Georges Dassis, Brussell, is-26 ta’ Settembru 2016.
Fl-2016, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħa pożizzjoni sinifikanti fuq il-kriżi tar-refuġjati. B’talba tal-Kummissjoni, il-Kumitat ressaq ukoll opinjoni esploratorja dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u f’Settembru laqa’ t-talba tal-Kummissjoni u adotta opinjoni esploratorja dwar l-iżvilupp sostenibbli.
F’Lulju, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni organizza Summit Ewropew tar-Reġjuni u tal-Bliet fi Bratislava, is-Slovakkja. Dan adotta dikjarazzjoni li tappella biex l-Ewropa jkollha viżjoni li tħares ’il quddiem bil-għan li ssaħħaħ l-investimenti li jippromovu l-koeżjoni, it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fil-bliet u fir-reġjuni tal-UE. F’Ottubru, il-Kumitat ospita wkoll il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet.
Il-Kummissarju Corina Crețu mal-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni Markku Markkula waqt l-14-il Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet, Brussell, l-10 ta’ Ottubru 2016.
Regolamentazzjoni aħjar
Ftehim interistituzzjonali biex il-liġijiet jitfasslu aħjar
F’April, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ffirmaw Ftehim Interistituzzjonali ġdid dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, skont proposta tal-Kummissjoni, ħalli l-istituzzjonijiet kollha japplikaw aħjar il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar. Dan ifisser li għandha tittieħed azzjoni ambizzjuża kull meta din tkun meħtieġa ħalli jissolvew il-problemi fl-UE, u li kull waħda minn dawn l-azzjonijiet titfassal bl-iżjed mod effikaċi, effiċjenti u miftuħ. Il-Ftehim iħeġġeġ biex matul iċ-ċiklu leġiżlattiv kollu, il-politika titfassal abbażi tal-evidenza, u biex issir evalwazzjoni sistematika ta’ kif il-leġiżlazzjoni tkun qed taħdem fil-prattika. Il-Ftehim se jagħmel il-proċess leġiżlattiv tal-UE aktar trasparenti, miftuħ għall-kontribut tal-partijiet konċernati, u eħfef biex jiġi segwit.

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017
F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat il-Programm ta’ Ħidma Annwali tagħha għall-2017 li jistabbilixxi lista ta’ azzjonijiet li l-Kummissjoni se tieħu fl-2017 u jsemmi l-proposti diġà mressqa li l-Kummissjoni beħsiebha tirtira jew il-leġiżlazzjoni eżistenti li beħsiebha terġa’ teżamina. Il-Programm ta’ Ħidma għall-2017 isegwi l-għaxar prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni.
It-tabella ta’ valutazzjoni tar-REFIT
It-tabella ta’ valutazzjoni tar-REFIT li nhemżet mal-Programm ta’ Ħidma għall-2017 tixhed il-ħidma tal-Kummissjoni fuq firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li jevalwaw, jirrevedu u jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE u li jtaffu bosta piżijiet regolatorji. It-tabella ta’ valutazzjoni tar-REFIT turi fejn waslu l-231 inizjattiva li ttieħdu biex tiżdied is-simplifikazzjoni u biex jonqsu l-piżijiet amministrattivi fil-leġiżlazzjoni eżistenti. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Sommarju tat-Tabella ta’ Valutazzjoni li jiddeskrivi fil-qosor l-elementi ewlenin tat-tabella ta’ valutazzjoni tar-REFIT u jagħti informazzjoni fid-dettall fuq l-ewwel 22 opinjoni tal-pjattaforma REFIT, kif ukoll il-passi li beħsiebha tieħu l-Kummissjoni.
Il-pjattaforma REFIT
Il-pjattaforma REFIT tlaqqa’ flimkien 48 espert ta’ livell għoli minn firxa wiesgħa ta’ partijiet konċernati, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u mill-gvernijiet kollha tal-Istati Membri. Dawn jagħtu pariri lill-Kummissjoni fuq kif ir-regolamenti tal-UE jistgħu jsiru aktar effiċjenti u effettivi filwaqt li jonqos il-piż amministrattiv mingħajr ma jiddgħajfu l-għanijiet ta’ politika. Ħafna mill-ħidma tal-pjattaforma tistrieħ fuq il-kontribut tal-partijiet konċernati (li ħafna drabi jintbagħat mill-website Ħaffef il-Piż — Semma’ Leħnek). F’Jannar, f’April, f’Mejju, f’Ġunju, f’Settembru u f’Novembru saru laqgħat u ġew adottati 24 opinjoni dwar firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika koperti bil-leġiżlazzjoni tal-UE.
Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju
Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju hu korp indipendenti tal-Kummissjoni li jeżamina l-kwalità tal-abbozzi tal-valutazzjonijiet tal-impatt u tal-evalwazzjonijiet retrospettivi u l-kontrolli tal-idoneità ewlenin. Dan twaqqaf f’Lulju 2015 biex jieħu post il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Matul l-2016, il-Bord irreveda l-opinjoni tiegħu jew ħareġ opinjonijiet ġodda fuq 60 valutazzjoni tal-impatt u seba’ evalwazzjonijiet.
Preżenza ġdida fuq l-internet u mekkaniżmi għar-rispons
Matul is-sena, il-Kummissjoni kompliet tieħu azzjoni biex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE jinfetaħ għall-kontribut tal-partijiet konċernati u taċ-ċittadini. Fl-aħħar ta’ Ġunju, l-abbozzi tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni nfetħu għall-opinjoni pubblika għal erba’ ġimgħat. Sa tmiem is-sena ġew ippubblikati 106 abbozzi ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni.
Il-pjanijiet direzzjonali jew il-valutazzjonijiet tal-impatt inizjali għal inizjattivi ġodda, l-evalwazzjonijiet u l-proposti leġiżlattivi ilhom li nfetħu għall-kummenti u l-kontribut tal-partijiet konċernati minn Lulju 2015. Sa tmiem l-2016, ġew ippubblikati 338 pjan direzzjonali jew valutazzjoni tal-impatt inizjali u 147 proposta leġiżlattiva biex jilqgħu r-reazzjonijiet tal-pubbliku.
Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE
F’Lulju, il-Kummissjoni adottat it-33 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE li janalizzaw il-prestazzjoni tal-Istati Membri b’rabta mal-implimentazzjoni korretta u fil-ħin tal-liġi tal-UE fl-2015, filwaqt li jsemmu x-xejriet ewlenin tal-2015 tal-prassi kif jiġu applikati r-regoli. Ir-rapport juri li b’kollox l-għadd ta’ proċeduri ta’ ksur naqas ġmielu meta mqabbel ma’ ħames snin qabel.
Il-Kummissjoni saħħet l-azzjoni preventiva tagħha biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Meta l-Istati Membri jonqsu milli jittrasponu direttiva sal-iskadenza miftiehma, il-Kummissjoni tħaddem bis-sħiħ is-sistema tas-sanzjonijiet finanzjarji, fosthom id-dispożizzjoni li daħħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona dwar id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-direttivi.
F’Diċembru, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni “Il-liġi tal-UE: riżultati aħjar b’applikazzjoni aħjar” biex tistabbilixxi kif se żżid l-isforzi fejn jidħlu l-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE għall-ġid taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tan-negozji kollha fl-UE.
It-trasparenza u l-kontabbiltà
Proposta għal reġistru obbligatorju tat-trasparenza
F’Settembru, il-Kummissjoni pproponiet li jitwaqqaf reġistru obbligatorju tat-trasparenza li jkopri lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u għall-ewwel darba lill-Kunsill.
L-aċċess għad-dokumenti
Id-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti hu għodda importanti fejn tidħol it-trasparenza. F’Awwissu, il-Kummissjoni adottat ir-rapport tagħha tal-2015 dwar it-talbiet tal-aċċess għad-dokumenti. Meta mqabbla mas-6,227 talba fl-2014, fl-2015 it-talbiet żdiedu b’aktar minn 8 %, jiġifieri waslu 6,752 talba; filwaqt li d-dokumenti mitluba ġew żvelati għalkollox jew kważi f’84 % tal-każijiet.
Il-kontroll tal-baġit tal-UE
Wara rakkomandazzjoni pożittiva tal-Kunsill, f’April il-Parlament approva finalment il-mod kif il-Kummissjoni implimentat il-baġit tal-UE fl-2014.
F’Lulju, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pakkett Integrat tar-Rappurtar Finanzjarju dwar il-baġit tal-UE li jiġbor kull informazzjoni disponibbli dwar id-dħul tal-UE, in-nefqiet, it-tmexxija u l-prestazzjoni fl-2015. Ir-rapporti juru li l-baġit tal-UE kiseb riżultati li jaqblu mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni u ġie implimentat sew. Dawn ir-rapporti kienu wkoll kontribut siewi għall-hekk imsejħa proċedura annwali ta’ kwittanza għall-2015.
Il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Klaus-Heiner Lehne (fuq il-lemin) qed jippreżenta r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri għall-2015 lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew, Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2016.
Meta jiġi biex jiddeċiedi jekk jagħtix, jipposponix jew jirrifjutax il-kwittanza, il-Parlament Ewropew iqis ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. F’Ottubru, din il-Qorti ppreżentat ir-rapport annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE fl-2015. Minbarra dan, l-awditur estern tal-Kummissjoni aċċerta l-korrettezza tal-kontijiet tal-UE għad-disa’ sena konsekuttiva, u kkonferma wkoll li n-naħa tad-dħul u n-naħa tan-nefqa amministrattiva ma kellhomx żbalji sinifikanti. Il-Qorti stmat ukoll li kien hemm tnaqqis ġenerali fir-rata tal-iżbalji fil-pagamenti (3.8 %) għat-tielet sena konsekuttiva.
Ta’ min jinnota li t-tmexxija ta’ kuljum ta’ madwar 80 % tal-baġit annwali tal-UE, l-aktar fl-oqsma tal-agrikoltura u tal-politika ta’ koeżjoni, hija qabelxejn f’idejn l-Istati Membri, iżda l-Kummissjoni taqdi funzjoni importanti ta’ kontroll.
Il-parlamenti nazzjonali
F’Lulju, il-Kummissjoni adottat żewġ rapporti annwali għall-2015, wieħed dwar is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u l-ieħor dwar ir-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali.
Il-kwistjonijiet tas-sussidjarjetà fl-2016
Matul is-sena, il-Kummissjoni waslulha 68 opinjoni motivata mingħand il-parlamenti nazzjonali bil-Mekkaniżmu tal-Analiżi tas-Sussidjarjetà li jistqarru li ċertu atti leġiżlattivi li ressqet il-Kummissjoni ma jaqblux mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Minn fosthom, 14-il opinjoni motivata kellhom x’jaqsmu mal-proposta tal-Kummissjoni għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema. Wara analiżi bir-reqqa, f’Lulju l-Kummissjoni kkonkludiet li l-proposta kienet taqbel mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u ddeċidiet li żżommha, filwaqt li tat ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
Ir-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali
Fl-2016, il-Kummissjoni baqgħet issaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-parlamenti nazzjonali. L-għadd ta’ opinjonijiet li waslulha mingħand il-parlamenti nazzjonali żdiedu minn 350 fl-2015 għal 613 fl-2016, jiġifieri b’75 %. Il-Kummissarji ltaqgħu mal-membri tal-parlamenti nazzjonali waqt il-ħafna żjarat li għamlu fl-Istati Membri, matul il-laqgħat interparlamentari u waqt avvenimenti oħra.
L-Ombudsman Ewropew
L-Ombudsman Ewropew jinvestiga lmenti fuq amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u fil-korpi tal-Unjoni Ewropea. L-investigazzjonijiet li saru fl-2016 jittrattaw oqsma varji mill-kompożizzjoni tal-gruppi esperti tal-Kummissjoni, sar-regoli dwar l-aċċess li għandhom il-lobbisti tat-tabakk għall-Kummissjoni, il-Konsulenti Speċjali tal-Kummissjoni, il-Kodiċi tal-Kondotta tal-Kummissarji u t-trasparenza tat-trilogi bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni waqt il-proċedura leġiżlattiva.
Il-President ta’ OxyRomandie Pascal Diethelm, il-Kummissarju Vytenis Andriukaitis, l-Editur ta’ EurActiv James Crisp, l-Ombudsman Ewropew Emily O’Reilly, u x-Xjenzjat Ewlieni u Rappreżentant tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-UE Roberto Bertollini, qed jieħdu sehem f’avveniment tal-Ombudsman dwar it-tisħiħ tat-trasparenza tal-lobbying tal-industrija tat-tabakk, Brussell, is-27 ta’ April 2016.
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej
Bl-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, miljun ċittadin minn mill-anqas kwart tal-Istati Membri tal-UE jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni biex tipproponi att legali f’oqsma fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tagħmel dan. Fl-2016, il-Kummissjoni rreġistrat tliet inizjattivi ġodda u fil-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2017 ħabbret il-pjanijiet biex tressaq leġiżlazzjoni fuq kwistjonijiet li ħarġu mill-inizjattiva ta’ qabel imsejħa “Right2Water”.
Id-djalogi taċ-ċittadini
Matul is-sena, il-Kummissjoni ssoktat tinvolvi ruħha mal-pubbliku permezz tad-djalogi taċ-ċittadini. Dawn id-djalogi ħadu sehem fihom il-President tal-Kummissjoni, il-Viċi Presidenti u l-Kummissarji, flimkien ma’ għadd ta’ Membri tal-Parlament Ewropew u politiċi nazzjonali. B’kollox ittellgħu 73 djalogu li matulhom iċ-ċittadini kellhom opportunità unika biex jiddiskutu wiċċ imb wiċċ ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar dak li qed iseħħ fl-Unjoni Ewropea, kif l-UE qed tegħleb l-isifidi ewlenin u kif l-azzjonijiet tagħha huma ta’ ġid għaċ-ċittadini. Fl-istess ħin, il-politiċi tal-UE u nazzjonali taw widen għaċ-ċittadini minn madwar l-Unjoni u tgħallmu mingħandhom dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker qed jindirizza djalogu taċ-ċittadini f’St. Vith, il-Belġju, il-15 ta’ Novembru 2016.
Kuntatt mal-UE
ONLAJN
L-informazzjoni fl-ilsna uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea hija disponibbli minn fuq il-website Europa: europa.eu
PERSONALMENT
Mal-Ewropa kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-UE. Tista’ ssib l-indirizz taċ-ċentru l-eqreb għalik fuq dan il-website: europedirect.europa.eu
BIT-TELEFOWN JEW BIL-POSTA
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz permezz tan-numru telefoniku bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi tat-telefown ċellulari ma jippermettux aċċess għan-numri 00800 jew dawn it-telefonati jistgħu jkunu bi ħlas), jew permezz ta’ telefown minn barra l-UE: +32 22999696, jew b’email lil europedirect.europa.eu
AQRA DWAR L-EWROPA
Il-pubblikazzjonijiet dwar l-UE huma biss buttuna ’l bogħod fuq il-website tal-EU Bookshop: bookshop.europa.eu
Informazzjoni u pubblikazzjonijiet dwar l-Unjoni Ewropea jistgħu jinkisbu f’Malta:
IL-KUMMISSJONI EWROPEA RAPPREŻENTANZA F’MALTA
Dar l-Ewropa
254, Triq San Pawl
Valletta
VLT 1215
MALTA
Tel. +356 23425000
Email: comm-rep-mt@ec.europa.eu
IL-PARLAMENT EWROPEW UFFIĊĊJU INFORMAZZJONI GĦAL MALTA
Dar l-Ewropa
254, Triq San Pawl
Valletta
VLT 1215
MALTA
Tel. +356 21235075
Dwar
L-UE fl-2016 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Informazzjoni għaċ-ċittadini
1049 Brussell
IL-BELGJU
L-UE fl-2016 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fl-24 ta’ Frar 2017 bir-referenza COM(2017) 1289.
Dwar
Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
| ISBN 978-92-79-62663-0 | ISSN 1725-6941 | doi:10.2775/7794 | |
| ISBN 978-92-79-62750-7 | ISSN 1977-3501 | doi:10.2775/57998 | |
| EPUB | ISBN 978-92-79-62692-0 | ISSN 1977-3501 | doi:10.2775/20473 |
| HTML | ISSN 1977-3501 | doi:10.2775/081402 |
Punti ewlenin
| ISBN 978-92-79-62767-5 | ISSN 2443-9274 | doi:10.2775/686117 | |
| ISBN 978-92-79-62772-9 | ISSN 2443-9509 | doi:10.2775/86242 | |
| EPUB | ISBN 978-92-79-62787-3 | ISSN 2443-9509 | doi:10.2775/223066 |
| HTML | ISSN 2443-9509 | doi:10.2775/1589 |
Il-Lussemburgu
L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea
2017
Fuq il-qoxra
- Rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, ta’ Franza, tan-Nazzjonijiet Uniti u tas-Slovakkja waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar biex l-UE tirratifika l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. (© L-Unjoni Ewropea)
- Għadd ta’ żgħażagħ lebsin il-flokkijiet tal-Korp Ewropew għas-Solidarjetà. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-President tal-Kummissjoni waqt il-laqgħa bejn l-UE u t-Turkija. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-forzi tas-salvataġġ qed jgħinu lill-persuni li salvaw mit-terremot qawwi li laqat il-belt ta’ Amatrice, l-Italja. (© Associated Press)
- Il-President tal-Istati Uniti u l-President tal-Kummissjoni qed jagħtu konferenza konġunta tal-aħbarijiet. (© L-Unjoni Ewropea)
- B’sogħba jqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat b’tifkira tal-vittmi tal-attakki terroristiċi fi Brussell. (© Associated Press)
- Il-President tal-Kummissjoni jiltaqa’ ma’ produtturi tal-ħalib. (© L-Unjoni Ewropea)
- Rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, tal-Kanada u tas-Slovakkja waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-Ftehim ta’ Sħubija Strateġika u tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada. (© L-Unjoni Ewropea)
- Dimostrazzjonijiet favur l-UE quddiem il-Parlament tar-Renju Unit. (© Associated Press)
- Il-Prim Ministru Slovakk, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni qed jagħtu konferenza konġunta tal-aħbarijiet. (© L-Unjoni Ewropea)
- Il-Kummissarju tal-Kompetizzjoni qed tħabbar id-deċiżjoni tal-UE li l-Irlanda trid tirkupra l-għajnuna illegali mill-Istat li tħallset lill-Apple. (© L-Unjoni Ewropea)
- Jissokta l-kunflitt militari fis-Sirja. (© Associated Press)
- Ir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO waqt konferenza konġunta tal-aħbarijiet. (© NATO/OTAN)
© L-Unjoni Ewropea, 2017
Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali. Għal kwalunkwe użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti individwali, għandu jinkiseb permess direttament mid-detenturi tad-dritt tal-awtur.
KREDITI
L-istampi u l-vidjows kollha huma © L-Unjoni Ewropea, ħlief:




L-UE fl-2016




































