Frar 2017

X’INHI L-KWISTJONI?

L-Unjoni tal-Enerġija Ewropea

Iċ-ċittadini Ewropej jeħtieġu enerġija sigura, sostenibbli u li jifilħu jħallsu. L-istil ta’ ħajjitna jistrieħ ferm fuq l-enerġija biex ikollna s-servizzi essenzjali ta’ kuljum. Mingħajrha, la aħna u lanqas in-negozji ma jaħdmu. L-enerġija hi meħtieġa għat-tidwil, għat-tisħin, għat-trasport u għall-produzzjoni industrijali. Minbarra għall-ħtiġijiet bażiċi tagħna, neħtiġuha wkoll biex inħaddmu l-magni tal-ħasil, il-kompjuters, it-televixins u tagħmir ieħor li nużaw kważi bla ma naħsbu. Madankollu mhu faċli xejn niżguraw li fi żmienna u fil-ġejjieni jkollna l-enerġija kollha li għandna bżonn u bi prezz li nifilħu. Id-diffikultajiet ewlenin tagħna qed niġborhom fi ftit kliem.

Swieq interkonnessi

Aktar minn nofs l-enerġija tagħna tiddependi mill-importazzjoni

L-Unjoni Ewropea tikkonsma għoxrin fil-mija tal-enerġija dinjija iżda ftit li xejn għandha riżervi għaliha stess. Dan qed iħalli impatt qawwi ferm fuq l-ekonomija tagħna. L-UE timporta 53 % tal-enerġija tagħha u għalhekk hija l-akbar importatur tal-enerġija fid-dinja bi spiża ta’ madwar €400 biljun kull sena.

Din id-dipendenza tagħna fuq għadd limitat ta’ pajjiżi li jfornulna l-enerġija tagħmilna vulnerabbli għall-interruzzjonijiet. Dawn diġà ġarrabniehom fl-imgħoddi, bħal meta xi pajjiżi spiċċaw maqtugħin mill-provvisti tal-gass.

Irridu nqisu sorsi tal-enerġija ġodda, rinnovabbli u nodfa, bħalm’hu l-elettriku ġġenerat mir-riħ, mill-ilma u mid-dawl tax-xemx permezz tat-turbini tar-riħ, id-digi u l-panelli solari.

Minbarra dan, filwaqt li s-swieq tal-enerġija dinjin jersqu lejn enerġija aktar nadifa, l-Ewropa trid tibqa’ kompetittiva. L-Ewropa mhux biss għandha tadatta għal din il-bidla gradwali lejn enerġija nadifa, iżda għandha tmexxiha.

Għadna ma frixniex infrastruttura mal-Ewropa kollha

Ħafna mill-grilji tad-distribuzzjoni tal-elettriku u l-pipelines tal-gass jinbnew għal skopijiet nazzjonali u mhumiex konnessi tajjeb biżżejjed bejn pajjiż u ieħor. L-elettriku u l-gass għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw mingħajr intoppi permezz ta’ grilji mifruxin mal-Ewropa kollha.

Apparti dan, xi drabi l-enerġija trid titwassal minn kontinent ieħor jew tingħadda minn qiegħ il-baħar biex tasal sal-post fejn hi meħtieġa. Għalhekk neħtieġu xibka ta’ impjanti tal-enerġija li jifilħu jipproduċu provvista tal-enerġija mingħajr qtugħ għal għexieren ta’ snin. Dan ifisser li għandna bżonn ammont qawwi ta’ riżorsi tekniċi, loġistiċi u finanzjarji.

Iżda n-nuqqas ta’ aċċess għal suq mal-Ewropa kollha qed inaffar lill-investituri milli jinvestu fl-infrastruttura tal-enerġija u għalhekk dawn l-investimenti f’impjanti tal-enerġija ġodda li jieħdu post l-impjanti l-qodma u li għadda żmienhom jaf jieħdu fit-tul.

X’QED TAGĦMEL L-UNJONI EWROPEA?

Il-miri tal-UE għall-2030 b’rabta mal-klima u l-enerġija

Sa mill-2010, l-UE fasslet mira li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha tal-gassijiet serra b’mill-inqas 20 % sal-2020, li żżid is-sehem tal-enerġija rinnovabbli għal mill-anqas 20 % tal-konsum, u li l-iffrankar tal-enerġija jilħaq l-20 % jew iżjed.

Filwaqt li taħdem biex tilħaq dawn il-miri, l-UE tista’ tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tniġġis fl-arja, tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili importati u tara li l-enerġija tibqa’ bi prezz li l-konsumaturi u n-negozji jkunu jifilħu.

Mill-kisbiet tagħha sal-lum, jidher li l-UE miexja kif ippjanat biex tilħaq il-mira tagħha tal-enerġija rinnovabbli sal-2020. Fl-2014, is-sehem tal-enerġija rinnovabbli kien diġà laħaq is-16 %.

Nersqu lejn ekonomija nadifa

Il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-UE ftiehmu wkoll fuq mira ta’ mill-inqas 27 % għall-enerġija rinnovabbli sal-2030.

Il-pajjiżi tal-UE qablu fuq mira ta’ mill-inqas 27 % għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sal-2030 u li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jonqsu b’mill-inqas 40 %.

Fi Frar 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-istrateġija tal-enerġija tagħha biex tiżgura li l-UE tkun kapaċi tlaħħaq mal-isfidi tagħha. L-istrateġija tiffoka fuq ħames oqsma ewlenin, jiġifieri li:

  • tiżgura l-provvisti;
  • twessa’ s-suq intern tal-enerġija;
  • ittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;
  • tnaqqas l-emissjonijiet; u
  • iżżid ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Niżguraw il-provvisti

L-UE trid issir inqas dipendenti fuq l-enerġija minn barra l-fruntieri tagħha. u għalhekk jeħtieġ tuża aħjar is-sorsi tal-enerġija domestiċi tagħha, u b’iżjed effiċjenza, filwaqt li tiddiversifika lejn sorsi u provvisti oħrajn.

Fi Frar 2016, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ miżuri dwar is-sigurtà tal-enerġija li se jnaqqsu bil-bosta l-interuzzjonijiet fil-provvista. Għall-ewwel darba, dan daħħal prinċipju tas-solidarjetà ħalli bħala l-aħħar alternattiva, f’każ ta’ kriżi qawwija, l-Istati Membri ġirien jgħinuna niżguraw provvisti tal-gass għad-djar u għas-servizzi soċjali essenzjali.

Inwessgħu s-suq intern tal-enerġija

Jeħtieġ li l-enerġija tiċċirkola mal-UE kollha mingħajr ostakli regolatorji jew tekniċi ħalli l-fornituri tal-enerġija jkunu tassew jistgħu jikkompetu u jipprovdu l-aħjar prezzijiet tal-enerġija għad-djar u għan-negozji. Barra minn hekk, din iċ-ċirkolazzjoni libera tagħmilha eħfef ukoll biex niġġeneraw aktar enerġija rinnovabbli.

Fl-2016, ġew allokati €800 miljun għall-infrastruttura transfruntiera tal-enerġija permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Għall-perjodu 2014-2020, b’kollox ġew allokati €5.35 biljun

Dawn il-flus qed jiġu investiti fi proġetti bħall-Baltikkonnettur — l-ewwel pipeline tal-gass li jgħaqqad il-Finlandja u l-Estonja. Sal-2020, meta l-gass jibda jiċċirkola, ir-reġjun tal-Baħar Baltiku se jkun ingħaqad mal-bqija tas-suq tal-enerġija tal-UE u għalhekk se tixxejjen għalkollox id-dipendenza tal-Finlandja fuq fornitur wieħed tal-gass.

Il-fondi ġew allokati wkoll biex jinbena l-pipeline tal-gass Midcat li meta jitlesta se jgħin biex is-swieq tal-gass ta’ Spanja u tal-Portugall jitwaħħdu mal-bqija tal-Ewropa.

Intejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Mod għaqli kif l-Ewropa tnaqqas in-nefqa u d-dipendenza fuq l-enerġija hu billi tikkonsma inqas. Dan ifisser li kull ħaġa li tuża l-enerġija — mill-karozzi u l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ sas-sistemi tat-tisħin u t-tagħmir tal-uffiċċju — għandha titfassal b’mod li tuża inqas enerġija.

F’Novembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet pakkett għal “Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha” li jirrevedi l-liġijiet biex jgħin fil-bidla lejn sistema ta’ enerġija nadifa. Il-pakkett jinkludi azzjonijiet biex titħaffef l-innovazzjoni fl-enerġija nadifa, biex jiġu rinovati l-binjiet tal-Ewropa ħalli jkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u biex titjieb il-prestazzjoni enerġetika tal-prodotti, u l-konsumaturi jingħataw informazzjoni aħjar.

Innaqqsu l-emissjonijiet

L-Unjoni Ewropea ntrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju b’mill-inqas 40 % sal-2030 filwaqt li timmodernizza l-ekonomija tal-UE u toħloq impjiegi u tkabbir għaċ-ċittadini Ewropej kollha.

Il-kisbiet b’rabta mal-klima

L-UE qdiet rwol ewlieni biex jintlaħaq ftehim globali kontra t-tibdil fil-klima f’Diċembru 2015. Waqt il-konferenza ta’ Pariġi dwar il-klima, 195 gvern qablu li jillimitaw it-tisħin globali għal ferm anqas minn 2 °C f’dan is-seklu. F’Ottubru 2016, l-UE approvat formalment il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u dan daħal fis-seħħ f’Novembru. B’hekk l-UE u l-bqija tad-dinja jridu jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex inaqqsu l-emissjonijiet.

F’Lulju 2016, il-Kummissjoni pproponiet miri għall-2021-2030 li jorbtu lill-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi tat-trasport, tal-bini, tal-agrikoltura, tal-iskart, tal-użu tal-art u tal-forestrija, flimkien ma’ strateġija tat-trasport b’livell baxx ta’ emissjonijiet.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni

Permezz tal-programm tar-riċerka tal-UE, għall-2014-2020 twarrbu €6 biljun apposta biex issir riċerka fl-enerġija mhux nukleari. F’Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat Pjan Strateġiku tal-Enerġija biex jgħinha tegħleb l-isfidi ħalli tkun tista’ ssir it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE. Dan jiffoka fuq azzjonijiet li jwieżnu lill-UE biex tikseb tmexxija dinjija fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli u biex tiżviluppa sistemi effiċjenti fl-enerġija.

Bi tmexxija teknoloġika fl-enerġija alternattiva u b’anqas konsum tal-enerġija, jinfetħu opportunitajiet kbar għall-esportazzjoni u għall-industrija. Barra minn hekk, dan se jgħin ukoll biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi.

L-enerġija rinnovabbli se jkollha rwol ewlieni fil-bidla lejn sistema ta’ enerġija nadifa. L-UE fasslet mira għaliha nnifisha biex sal-2030, mill-anqas 27 % tal-konsum finali tal-enerġija tal-Istati Membri kollha f’daqqa jkun ġej minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Nofs l-elettriku tal-UE ġġenerat fl-2030 se jkun ġej minn sorsi rinnovabbli u sal-2050, l-elettriku tagħna għandu jkun ħieles għalkollox mill-karbonju.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli wkoll f'24 lingwa u fil-formati li ġejjin:

PDF PRINT
  • Il-Kummissjoni Ewropea
  • Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
  • Informazzjoni għaċ-ċittadini
  • 1049 Brussell
  • IL-BELGJU