
ta’ Pascal Fontaine
X’inhu l-iskop tal-UE? Għalfejn u kif twaqqfet? Kif taħdem? Xi nkiseb u x’inhuma l-isfidi l-ġodda ta’ żmienna?
L-UE tista’ tirnexxi meta tikkompeti mal-ekonomiji l-kbar l-oħra f’dinja globalizzata filwaqt li żżomm l-istandards soċjali tagħha? Kif tista’ titmexxa l-immigrazzjoni? X’se jkun ir-rwol tal-Ewropa fix-xena dinjija fis-snin li ġejjin? Sa fejn jaslu l-fruntieri tal-UE? U x’inhu l-ġejjieni tal-ewro?
Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet li jistħarreġ l-espert tal-UE Pascal Fontaine f’din l-edizzjoni tal-2017 tal-ktejjeb popolari tiegħu L-Ewropa fi 12-il lezzjoni. Pascal Fontaine kien l-assistent ta’ Jean Monnet u kien Professur fl-Institut d’Études Politiques ta’ Pariġi.
Din il-pubblikazzjoni tippreżenta biss il-fehmiet tal-awtur, u dawn mhux bilfors jirriflettu l-opinjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.

Qabel ma saret għan politiku reali, l-idea ta’ Ewropa magħquda kienet biss ħolma komuni ta’ xi filosofi u viżjonarji. Ngħidu aħna Victor Hugo, imnebbaħ mill-ideali umanistiċi, kien jimmaġina ‘Stati Uniti tal-Ewropa’ li jseddqu l-paċi bejniethom. Il-ħolma ntradmet taħt it-tiġrif tal-gwerer kiefra li ħarbtu l-kontinent matul l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin.
Iżda mit-tifrik tat-Tieni Gwerra Dinjija feġġ xaqq dawl ta’ tama. Dawk li matul il-gwerra kienu webbsu rashom kontra t-totalitarjaniżmu, imtlew bid-determinizzjoni biex fl-Ewropa jxejnu l-mibegħda u r-rivalità internazzjonali u jħejju t-triq għall-paċi dejjiema. Bejn l-1945 u l-1950, għadd ta’ mexxejja politiċi magħrufa, fosthom Robert Schuman, Konrad Adenauer, Alcide De Gasperi u Winston Churchill, ħadmu qatigħ biex jipperswadu lill-popli tagħhom jidħlu f’era ġdida. Fl-Ewropa tal-Punent bdew jissawru strutturi ġodda msejsa fuq l-interessi komuni u fuq trattati li jiżguraw l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn il-pajjiżi kollha.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż Robert Schuman ħa l-idea oriġinali ta’ Jean Monnet u fid-9 ta’ Mejju 1950 ippropona li titwaqqaf Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. B’hekk il-pajjiżi li ftit ta’ snin qabel issieltu kontra xulxin, kienu se jlaqqgħu l-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar f’Awtorità Għolja komuni. Fil-prattika u daqstant ieħor b’mod simboliku, il-materja prima tal-gwerra kienet qed tissarraf f’għodod ta’ rikonċiljazzjoni u paċi.
Illum il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jgħixu fis-sliem u s-soċjetajiet huma demokraziji li jirrispettaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, il-pajjiżi ta’ dik li kienet il-Jugoslavja, li fid-disgħinijiet kienu fi gwerra kontra xulxin, illum issieħbu fl-UE jew qed iħejju għal dan il-pass.
Iżda l-paċi jeħtieġ tingħata l-importanza li jistħoqqilha. Ftit snin ilu waqt il-kriżi ekonomika u soċjali, fl-Ewropa bdew jinbtu xejriet populisti, estremisti u nazzjonalisti li jheddu d-demokrazija u l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea. Bosta movimenti bdew juru x-xettiċiżmu tagħhom fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżhom u anki fl-istituzzjonijiet Ewropej. U llum għadna ma nafux jekk dawn it-tensjonijiet jistgħux jittaffew bi tkabbir ekonomiku ġdid ibbażat fuq soluzzjonijiet komuni.
Meta twaqqa’ l-Ħajt ta’ Berlin fl-1989, l-Unjoni Ewropea bdiet tħeġġeġ l-unifikazzjoni tal-Ġermanja. Malli sfaxxa l-Imperu Sovjetiku fl-1991, il-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, li għal għexieren ta’ snin għexu wara l-‘Purtiera tal-Ħadid’, mill-ġdid ingħataw il-ħelsien biex ifasslu d-destin tagħhom. Ħafna għażlu li jingħaqdu mal-familja tan-nazzjonijiet demokratiċi Ewropej. Tmienja minnhom issieħbu fl-UE fl-2004, tnejn oħra fl-2007 u l-Kroazja ssieħbet fl-2013. Anki l-pajjiżi Mediterranji, Ċipru u Malta, kienu ssieħbu fl-2004.
Il-proċess tat-tkabbir tal-UE għadu għaddej, u bħalissa hemm seba’ pajjiżi fi stadji differenti ta’ tħejjija għal sħubija possibbli mal-UE. Iżda s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli fl-Ewropa tagħmilha diffiċli ferm biex fil-futur qrib xi pajjiż ġdid jissieħeb fl-UE.
Fl-istess waqt, fir-referendum ta’ Ġunju 2016 fir-Renju Unit, il-maġġoranza tal-votanti wrew ix-xewqa li joħorġu mill-Unjoni Ewropea.
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit għarraf lill-Kunsill Ewropew li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, permezz tal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. In-negozjati tal-Artikolu 50 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit bdew fid-19 ta’ Ġunju 2017.
Fis-seklu tagħna l-Ewropa għad għandha bosta kwistjonijiet relatati mas-sigurtà.
Fin-Nofsinhar qed jiżdied il-fanatiżmu reliġjuż li ħafna drabi jwassal għat-terroriżmu. L-attakki terroristiċi fl-Ewropa mmexxija mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku jew ‘Daesh’, wasslu biex il-pajjiżi tal-UE jsaħħu l-qsim tal-informazzjoni u tal-intelligence bejniethom.
Fil-Lvant, ir-Russja mmexxija minn Vladimir Putin qed issegwi strateġija biex iżżid il-poter tagħha. L-annessjoni Russa tal-Krimea fl-2014 u l-gwerer fil-Lvant tal-Ukrajna huma avvenimenti drammatiċi li qed jiġru fuq l-għatba tal-UE. B’mod partikolari, dawk il-pajjiżi tal-UE li ġarrbu r-ripressjoni fl-Unjoni Sovjetika jistennew li l-UE turi solidarjetà mal-Ukrajna.
Iċ-ċittadini jistennew li l-UE tieħu azzjoni effettiva biex tiżgura s-sigurtà tal-Istati Membri tagħha. L-UE trid taħdem b’mod kostruttiv mar-reġjuni ’l barra mill-fruntieri tagħha: il-Balkani, l-Afrika ta’ Fuq, il-Kawkażu u l-Lvant Nofsani. Trid tħares ukoll l-interessi militari u strateġiċi tagħha billi taħdem mal-alleati tagħha, l-aktar fin-NATO, u billi ssawwar politika komuni Ewropea tas-sigurtà u tad-difiża li tkun ġenwina.
Is-sigurtà interna u esterna huma żewġ naħat tal-istess munita. Biex niġġieldu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata hemm bżonn li l-forzi tal-pulizija tal-pajjiżi kollha tal-UE jaħdmu id f’id mill-qrib. L-Ewropa qed taffaċċja mewġ bla preċedent ta’ refuġjati li jaħarbu l-gwerer, id-dittatorjati u l-ġuħ u għalhekk l-UE ilha mill-2015 tagħti importanza kbira lill-ażil u lill-immigrazzjoni fl-aġenda tagħha ħalli jinstabu soluzzjonijiet Ewropej konġunti.
Sfida ġdida li teħtieġ il-koperazzjoni mill-qrib tal-gvernijiet hija li l-UE ssir art ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u ċ-ċittadini jkollhom l-istess aċċess għall-ġustizzja u jitħarsu bil-liġi b’mod ugwali. Sabiex dan iseħħ, anki entitajiet bħall-Europol (l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija) u l-Eurojust (li jippromwovi l-koperazzjoni bejn il-prosekuturi, l-imħallfin u l-uffiċjali tal-pulizija fil-pajjiżi differenti tal-UE) jistgħu jaqdu rwol attiv.
L-Unjoni Ewropea twaqqfet biex jintlaħqu ċertu għanijiet politiċi, u dan permezz tal-koperazzjoni ekonomika.
Il-persentaġġ taċ-ċittadini Ewropej mill-popolazzjoni dinjija qed ikompli jonqos; u għalhekk aktar u aktar għandna naħdmu id f’id biex niżguraw li niksbu t-tkabbir ekonomiku u nkunu nistgħu nikkompetu mal-ekonomiji l-kbar l-oħra fid-dinja. Jekk jaħdem għal rasu, l-ebda pajjiż tal-UE ma jkun b’saħħtu biżżejjed biex jinfluwenza d-deċiżjonijiet politiċi fl-ekonomija dinjija. Il-kumpaniji Ewropej jistgħu jiksbu l-ekonomiji ta’ skala u jattiraw konsumaturi ġodda jekk iwessgħu is-suq tagħhom lil hinn mis-suq ta’ pajjiżhom, bħalma hu s-suq uniku Ewropew b’aktar minn 510 miljun konsumatur. L-UE qed tistinka biex f’dan is-suq, mifrux mal-Ewropa kollha, jingħelbu l-ostakli għall-kummerċ u titneħħa l-burokrazija żejda lin-negozji ħalli jgawdu minnu kemm jista’ jkun nies.
Madankollu l-kompetizzjoni ħielsa madwar l-Ewropa jeħtieġ issib bilanċ mas-solidarjetà fl-Ewropa; u dan jagħmel ġid kbir fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. Ngħidu aħna, dawk li jisfaw vittmi tal-għargħar jew ta’ xi diżastru naturali ieħor jingħataw l-għajnuna mill-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea tmexxi l-Fondi Strutturali biex tħeġġeġ u twieżen l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-UE ħalli jonqsu l-inugwaljanzi bejn l-inħawi differenti tal-Ewropa. Il-flus mill-baġit tal-UE u s-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment qed jintużaw biex titjieb l-infrastruttura Ewropea tat-trasport (billi pereżempju jitwessa’ n-netwerk tal-awtostradi u tal-binarji tal-ferroviji veloċi ħafna), ħalli r-reġjuni mbiegħda jintlaħqu aħjar u tingħata spinta lill-kummerċ trans-Ewropew.
Il-kriżi finanzjarja dinjija tal-2008 ġabet magħha l-agħar tnaqqis ekonomiku fl-istorja tal-UE. Il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE kellhom jieħdu azzjoni minnufih biex isalvaw il-banek, u l-UE tat għajnuna finanzjarja lill-aktar pajjiżi li ntlaqtu ħażin. Il-programmi ta’ assistenza għall-Irlanda, il-Portugall, Spanja u Ċipru ħadmu tajjeb, u wara riformi nazzjonali li sikwit kienu diffiċli, dawn il-pajjiżi setgħu jikkonkludu l-programmi tagħhom, ħafna minnhom fl-2014. Il-Greċja esperjenzat diffikultajiet akbar biex wettqet ir-riformi strutturali meħtieġa fis-settur pubbliku tagħha u wara negozjati kkumplikati dwar id-dejn pubbliku Grieg, fis-sajf tal-2015 intlaħaq qbil fuq ftehimiet ġodda dwar ir-riformi fil-Greċja.
Minkejja s-sitwazzjoni singolari fil-Greċja, iż-żona tal-ewro setgħet titħares mill-ispekulazzjoni u mill-iżvalutar waqt il-kriżi għax kienet qed tintuża l-istess munita. L-UE u l-Istati Membri tagħha ngħaqdu biex inaqqsu d-dejn pubbliku tagħhom. Iżda issa u fis-snin li ġejjin, l-akbar sfida li għandhom il-pajjiżi Ewropej hija li joħorġu mir-riċessjoni filwaqt li joħolqu impjiegi sostenibbli ġodda, l-aktar fl-oqsma tat-teknoloġiji diġitali u ekoloġiċi.
© l-Unjoni Ewropea
Is-solidarjetà ekonomika u soċjali hi wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni mmexxija minn Jean-Claude Juncker.
Is-soċjetajiet post-industrijali tal-Ewropa qed isiru dejjem aktar kumplessi. L-istandards tal-għajxien tjiebu b’mod stabbli iżda għad hemm baħar jaqsam bejn is-sinjuri u l-foqra. Dan id-distakk jaf jiżdied minħabba ċertu fatturi bħar-reċessjoni ekonomika, ir-rilokazzjoni industrijali, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u problemi relatati mal-finanzi pubbliċi. Għaldaqstant, importanti li l-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien biex jindirizzaw dawn l-isfidi.
Imbilli l-pajjiżi jaħdmu flimkien, ma jfissirx li se tintilef l-identità kulturali u lingwistika distinta tal-pajjiżi individwali. Anzi bil-kontra, ħafna mill-attivitajiet tal-UE jrawmu tkabbir ekonomiku bbażat fuq elementi reġjonali uniċi u d-diversità għanja tat-tradizzjonijiet u tal-kulturi Ewropej — mill-gastronomija reġjonali sat-turiżmu u l-arti. It-teknoloġiji diġitali jkomplu jsaħħu d-diversità kulturali għax b’mod teknoloġiku jkun eħfef li jinfirxu l-prodotti kulturali bbażati lokalment.
© Highwaystarz/Adobe Stock
Magħqudin fid-diversità: naħdmu flimkien għal kisbiet aqwa.
Il-65 sena ta’ integrazzjoni Ewropea juru li UE sħiħa hija ferm akbar mill-partijiet tagħha kollha f’daqqa. Din għandha influwenza ekonomika, soċjali, teknoloġika, kummerċjali u politika ħafna akbar milli jkollhom l-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom. Kull darba li l-pajjiżi jaġixxu flimkien u b’vuċi waħda, jinħoloq il-valur miżjud.
Il-potenzi l-oħra madwar id-dinja, bħaċ-Ċina u l-Istati Uniti, jippruvaw jinfluwenzaw ir-regoli ekonomiċi globali u għalhekk hu aktar importanti minn qabel li l-Istati Membri tal-UE jingħaqdu flimkien biex jibnu ‘massa kritika’ ħalli jibqgħu influwenti fix-xena dinjija. Dan qed jiġri fil-prattika pereżempju fejn jidħol ir-rwol tal-UE fin-negozjati dinjin fuq ir-regoli dwar il-kummerċ. Il-pajjiżi tal-UE qablu fuq bosta prinċipji u regoli tekniċi relatati mal-ħajja ta’ kuljum, u dawn huma mudell għal bosta bnadi oħra fid-dinja. Fosthom hemm l-istandards sanitarji u tas-sikurezza, il-promozzjoni tar-riżorsi tal-enerġija rinovabbli, il-prinċipju tal-prekawzjoni fis-sigurtà tal-ikel, l-aspetti etiċi tat-teknoloġija ġdida u l-bqija. Minbarra dan, l-UE tinsab fuq quddiem nett fl-isforzi dinjin biex tinstab soluzzjoni għat-tisħin globali.
Il-koperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja li tmexxi l-UE jixhdu l-valuri Ewropej, u dan qed joħroġ fid-dieher mad-dinja kollha.
Il-ħsieb antik ‘fl-għaqda hemm is-saħħa’ kiseb rilevanza akbar minn qatt qabel għall-Ewropej ta’ żmienna.
L-UE tippromwovi valuri umanitarji u progressivi, u tiżgura li l-bidliet globali l-kbar li jseħħu jkunu ta’ ġid għall-bnedmin u mhux tbatija. Il-ħtiġijiet tal-bnedmin ma jiġux issodisfati sempliċement bil-forzi tas-suq jew minn pajjiżi individwali li jieħdu azzjoni unilaterali.
Għalhekk l-UE tirrappreżenta idea ta’ umanità u mudell ta’ soċjetà li għandhom l-appoġġ tal-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tagħha. L-Ewropej jgħożżu l-wirt għani tal-valuri tagħhom fosthom it-twemmin fid-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà soċjali, il-libertà intraprenditorjali, it-tqassim ġust tal-ġid, id-dritt tal-ambjent protett, ir-rispett lid-diversità kulturali, lingwistika u reliġjuża, u t-taħlit hieni ta’ tradizzjonijiet u progress.
F’Diċembru 2000, f’Nizza, ġiet proklamata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li torbot legalment. Din tistabbilixxi d-drittijiet kollha li kull Stat Membru tal-UE u ċ-ċittadini tiegħu jirrikonoxxu; u d-drittijiet u l-valuri komuni joħolqu sens ta’ għaqda fost l-Ewropej. Eżempju ċar hu l-fatt li l-pajjiżi kollha tal-UE neħħew il-piena tal-mewt.

© l-Unjoni Ewropea
Fid-9 ta’ Mejju 1950, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż Robert Schuman ippreżenta għall-ewwel darba pubblikament l-ideat li wasslu għall-Unjoni Ewropea. Għalhekk l-UE tagħlaq sninha fid-9 ta’ Mejju.
Is-sura politika tal-Ewropa nbidlet għalkollox meta waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin fl-1989. Dan wassal għar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja f’Ottubru 1990, u l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant bdew iħaddmu d-demokrazija għax ma baqgħux parti mill-ħakma Sovjetika. L-Unjoni Sovjetika stess ma baqgħetx teżisti aktar wara Diċembru 1991.
Fl-istess waqt, l-Istati Membri bdew jinnegozjaw trattat ġdid li ġie adottat mill-kapijiet tal-istat jew tal-gvern f’Maastricht f’Diċembru 1991. Mas-sistema li kienet tħaddem il-Komunità, it-Trattat ta’ Maastricht żied il-koperazzjoni intergovernattiva (f’oqsma bħall-politika barranija, il-ġustizzja u l-affarijiet interni) u b’hekk issawret l-Unjoni Ewropea (l-UE). Dan it-Trattat daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 1993.
Fl-1995, tliet pajjiżi oħra — l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja — issieħbu fl-UE u b’hekk il-pajjiżi membri saru 15. Sa dak iż-żmien, l-Ewropa kienet bdiet taffaċċja l-isfidi dejjem akbar tal-globalizzazzjoni. It-teknoloġiji l-ġodda u l-użu dejjem akbar tal-internet bdew jimmodernizzaw l-ekonomiji iżda bdew joħolqu wkoll tensjonijiet soċjali u kulturali.
Sadanittant l-UE kienet qed taħdem fuq l-aktar proġett ambizzjuż tagħha sal-lum: il-ħolqien ta’ munita unika biex teħfief il-ħajja tan-negozji, tal-konsumaturi u tal-vjaġġaturi. Fl-1 ta’ Jannar 2002, l-ewro ħadet post il-muniti l-antiki ta’ 12-il pajjiż tal-UE u flimkien iffurmaw iż-żona tal-ewro. Minn dakinhar l-ewro saret waħda mill-muniti ewlenin fid-dinja.
F’nofs id-disgħinijiet beda jitħejja l-akbar tkabbir tal-UE li qatt seħħ. Intlaqgħu applikazzjonijiet għas-sħubija minn sitt pajjiżi li kienu fil-blokk Sovjetiku (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja), tliet Stati Baltiċi li kienu parti mill-Unjoni Sovjetika (l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja), waħda mir-repubbliki tal-Eks Jugoslavja (is-Slovenja) u żewġ pajjiżi Mediterranji (Ċipru u Malta).
L-UE laqgħet din l-opportunità biex tgħin fl-istabbiltà tal-kontintent Ewropew u biex tifrex il-benefiċċji tal-integrazzjoni Ewropea fost dawn id-demokraziji żgħażagħ. In-negozjati bdew f’Diċembru 1997 u fl-1 ta’ Mejju 2004, għaxar pajjiżi kandidati ssieħbu fl-UE. Wara ssieħbu wkoll il-Bulgarija u r-Rumanija fl-2007, u fl-2013 issieħbet il-Kroazja. B’hekk il-pajjiżi membri tal-UE saru 28.
© Robert Maass/Corbis
Il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fl-1989 wasslet biex ftit ftit jixxejnu l-firdiet antiki fil-kontinent Ewropew.
L-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju 2014 fissru bidla fil-prassi tal-istituzzjonijiet tal-UE għax il-partiti politiċi bdew jipproponu l-kandidat tagħhom għall-kariga tal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill Ewropew imbagħad innomina lill-kandidat mill-partit li kiseb l-iżjed siġġijiet fil-Parlament Ewropew, bħalma jipprevedi t-Trattat ta’ Lisbona. Dan kien Jean-Claude Juncker, Lussemburgiż mill-Partit Popolari Ewropew. Kiseb l-approvazzjoni ta’ koalizzjoni pro-Ewropea kbira fil-Parlament Ewropew, fosthom il-gruppi soċjalisti u liberali.
L-elezzjonijiet tal-2014 ukoll urew żieda fl-appoġġ lill-partiti Ewroxettiċi li rebħu 100 siġġu minn 751. Ħafna drabi dawn il-membri jivvutaw b’oppożizzjoni ċara għal-linja politika tal-maġġoranza li tiddomina l-istituzzjonijiet tal-UE, juru xettiċiżmu għall-integrazzjoni tal-UE u jsemmgħu leħinhom bis-sħiħ dwar l-immigrazzjoni.
Fl-2008 żviluppat kriżi finanzjarja u ekonomika dinjija. Din wasslet biex jiġu stabbiliti mekkaniżmi ġodda tal-UE li jiżguraw l-istabbiltà tal-banek, inaqqsu d-dejn pubbliku u jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri, l-aktar dawk li jużaw l-ewro. Snin wara, l-isforzi li saru għar-riformi u t-titjib strutturali fil-kontijiet pubbliċi qed jibdew juru l-ġid tagħhom permezz ta’ tkabbir ekonomiku ġdid.
Il-politiki ekonomiċi fiż-żona tal-ewro qed jissaħħu bit-tmexxija tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, li issa qed iħaddmu strumenti legali ġodda biex jimplimentaw il-ftehimiet li qablu dwarhom l-Istati Membri ħalli jiżguraw li l-finanzi pubbliċi jkunu fis-sod. Il-Bank Ċentrali Ewropew qed iżid il-likwidità u jżomm ir-rati tal-imgħax baxxi ħafna. Fl-istess ħin, l-UE qed tippromwovi wkoll investimenti ġodda bil-Fond Ewropew Strateġiku tagħha, l-akbar bi sħubijiet pubbliċi privati.

L-integrazzjoni Ewropea minn dejjem kienet proċess politiku u ekonomiku miftuħ għall-pajjiżi Ewropej kollha li lesti jiffirmaw it-Trattati u jaderixxu mal-korp leġiżlattiv kollu tal-UE. Skont it-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikolu 49), kull stat Ewropew jista’ japplika biex isir membru tal-UE sakemm ikun jirrispetta l-prinċipji tal-libertà u tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt.
Fl-1993, il-Kunsill Ewropew irċieva bosta talbiet mingħand il-pajjiżi li kienu komunisti biex jissieħbu fl-Unjoni u ħoloq tliet kriterji li kull pajjiż irid jissodisfa biex isir membru. Sa ma jiġu biex jissieħbu, il-membri l-ġodda jrid ikollhom:
It-taħditiet dwar is-sħubija (‘in-negozjati tal-adeżjoni’) isiru bejn il-pajjiż kandidat u l-Kummissjoni Ewropea li tirrappreżenta lill-UE. Ġaladarba jintemmu dawn in-negozjati, l-Istati Membri jiltaqgħu fil-Kunsill biex jieħdu d-deċiżjoni dwar is-sħubija ta’ dan il-pajjiż fl-UE. Id-deċiżjoni trid tkun unanima fil-Kunsill, u teħtieġ ukoll l-approvazzjoni b’maġġoranza assoluta tal-voti tal-Parlament Ewropew. Imbagħad l-Istati Membri u l-pajjiż kandidat ilkoll iridu jirratifikaw it-trattat tal-adeżjoni, kull wieħed skont il-proċeduri kostituzzjonali tiegħu.
Waqt in-negozjati, normalment il-pajjiż kandidat jikseb l-assistenza finanzjarja ta’ qabel l-adeżjoni mingħand l-UE biex tgħinu jlaħħaq ekonomikament. Ħafna drabi l-pajjiż kandidat jagħmel ukoll ‘ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni’ mal-UE. Skont dawn il-ftehimiet, l-UE tissorvelja mill-qrib ir-riformi ekonomiċi u amministrattivi li l-pajjiż kandidat ikun irid iwettaq biex jissodisfa l-kundizzjonijiet għas-sħubija mal-UE.
Il-Kunsill Ewropew iltaqa’ f’Copenhagen f’Diċembru 2002 u għamel wieħed mill-aktar passi importanti fl-istorja tal-integrazzjoni Ewropea. It-12-il pajjiż li dakinhar ġew mistiedna jissieħbu fl-Unjoni Ewropea ma kinux biss se jkabbru d-daqs ġeografiku u l-popolazzjoni tal-Unjoni, iżda kienu se jxejnu l-qasma li mill-1945 ferrqet il-kontinent fi tnejn. Fl-aħħar, il-pajjiżi Ewropej li għal għexieren ta’ snin sħaħ ma kellhomx il-libertà demokratika, setgħu jerġgħu jingħaqdu mal-familja tan-nazzjonijiet demokratiċi Ewropej. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja saru membri tal-UE fl-2004, flimkien mal-gżejjer Mediterranji ta’ Ċipru u Malta. Wara ssieħbu wkoll il-Bulgarija u r-Rumanija fl-2007. Il-Kroazja bdiet il-proċess għas-sħubija fl-2003 u ssieħbet fl-2013.
© Craig Campbell/Moodboard/Corbis
‘Il-Ġawhra tal-Adrijatiku’ — Dubrovnik, il-Kroazja, l-aħħar Stat Membru li ssieħeb fl-UE.
It-Turkija, membru tan-NATO bi ftehim ta’ assoċjazzjoni mal-UE fit-tul, applikat biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-1987. Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tat-Turkija u l-istorja politika tagħha, l-UE damet ittella’ u tniżżel għal żmien twil qabel ma laqgħet l-applikazzjoni tagħha. In-negozjati tal-adeżjoni bdew f’Ottubru 2005 iżda xi pajjiżi tal-UE esprimew id-dubji dwar jekk it-Turkija hix se ssir jew għandhiex issir membru tal-Unjoni Ewropea. Dawn qed jipproponu li jsir ftehim alternattiv u li qed isejħulu ‘sħubija privileġġjata’. In-negozjati ħadu spinta fl-2015 meta t-Turkija qablet mal-UE li tgħin fit-tnaqqis u l-kontroll tal-persuni li kienu qed jgħaddu mit-Turkija u jfittxu l-ażil fl-UE. L-UE beħsiebha tibqa’ punt ta’ referenza għat-Turkija b’rabta mar-riformi politiċi u d-drittijiet fundamentali. Ir-rispett lejn dawn il-valuri hu punt li l-UE se tibqa’ tinsisti fuqu bħala kundizzjoni tal-adeżjoni li ma tistax tiġi nnegozjata.
Anki l-pajjiżi fil-Punent tal-Balkani, li ħafna minnhom kienu parti mill-Jugoslavja, qed jitolbu lill-Unjoni Ewropea biex iħaffu r-rikostruzzjoni ekonomika tagħhom, itejbu r-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom (li ddgħajfu ġmielu bil-gwerer etniċi u reliġjużi), u jsaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħhom. L-UE tat status ta’ pajjiż kandidat, lill-Albanija, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, lill-Montenegro u lis-Serbja. Il-Bożnija-Ħerzegovina ressqet l-applikazzjoni għas-sħubija fl-2016; u fl-2008, il-Kosovo (dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo) ddikjara l-indipendenza tiegħu biex ġaladarba jintemmu n-negozjati li għaddejjin dwar il-futur tiegħu, ikun jista’ jsir pajjiż kandidat ukoll.
Il-Montenegro u s-Serbja bdew in-negozjati formali biex jissieħbu fl-UE.
Fl-2009 anke l-Iżlanda applikat biex tissieħeb, wara li ntlaqtet sew mill-kriżi finanzjarja tal-2008. Madankollu fl-2013, l-Iżlanda talbet li jieqfu n-negozjati tal-adeżjoni għax meta l-ekonomija tal-pajjiż qalbet għall-aħjar, il-pubbliku Iżlandiż deher li tilef l-interess fis-sħubija.
Fid-diskors tal-inawgurazzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew fl-2014, Jean-Claude Juncker ħabbar li matul il-mandat tal-Presidenza tiegħu mhux se jissieħbu pajjiżi ġodda. Il-mandat tiegħu jintemm fl-2019.
Mid-dibattitu pubbliku dwar il-ġejjieni tal-UE joħroġ fid-dieher li ħafna Ewropej huma mħassba dwar sa fejn għandhom jaslu l-fruntieri tal-UE. Iqumu wkoll il-mistoqsijiet dwar xi jsawwar l-identità Ewropea. It-tweġibiet tagħhom mhumiex sempliċi għax kull pajjiż iqis l-interessi ġeopolitiċi u ekonomiċi tiegħu b’modi differenti. Il-pajjiżi Baltiċi u l-Polonja kienu qablu li l-Ukrajna tissieħeb fl-UE, iżda l-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja li laħaq il-qofol tiegħu fl-annessjoni Russa tal-Krimea, ħoloq tensjonijiet ġeopolitiċi li ma jħallux din il-possibbiltà sseħħ. Barra minn hekk, il-pożizzjoni strateġika tal-Moldova turi t-tensjonijiet bejn il-pajjiżi tal-Punent u r-Russja li tippromwovi l-ambizzjonijiet reġjonali tagħha bil-qawwa.
Għalkemm il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sħubija, dawn il-pajjiżi mhumiex membri tal-UE għax iċ-ċittadini tagħhom jippreferu jibqgħu barra.
F’pajjiżi differenti tal-UE, l-opinjoni pubblika hija ftit jew wisq maqsuma dwar il-kwistjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Jekk jitħaddmu l-kriterji ġeografiċi biss, bla ma jitqiesu l-valuri demokratiċi, l-UE — bħall-Kunsill tal-Ewropa (li mhux korp tal-UE) — tista’ tispiċċa b’47 Stat Membru.
L-approċċ sensibbli hu li jingħad li kull pajjiż Ewropew jista’ japplika għas-sħubija fl-UE sakemm ikun kapaċi jaderixxi mal-korp leġiżlattiv kollu tal-UE u jkun lest jadotta l-ewro. L-integrazzjoni Ewropea ilha proċess kontinwu mill-1950, u kull tentattiv li jistabbilixxi l-fruntieri tal-UE darba għal dejjem ikun qed jaħdem kontra dak il-proċess.
It-tkabbir tal-2004 u tal-2007 wessgħu l-fruntieri tal-UE lejn il-Lvant u lejn in-Nofsinhar, u b’hekk inħolqot kwistjoni fuq kif l-UE għandha tittratta r-relazzjonijiet tagħha mal-ġirien il-ġodda tagħha. L-istabbiltà u s-sigurtà huma kwistjonijiet ta’ tħassib fir-reġjuni ’l barra mill-fruntieri tagħha, u l-UE tixtieq tevita li jinħolqu qasmiet ġodda li jifirduha mir-reġjuni ġirien. L-UE riedet tindirizza bil-qawwa t-theddidiet li kienu qed jheddu s-sigurtà bħall-immigrazzjoni illegali, il-qtugħ fil-provvista tal-enerġija, id-degradazzjoni ambjentali, il-kriminalità transfruntiera organizzata u t-terroriżmu. Għalhekk l-Unjoni Ewropea żviluppat politika Ewropea tal-viċinat ġdida li tirregola r-relazzjonijiet mal-ġirien tagħha fil-Lvant u fix-Xlokk (l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukrajna), u fin-Nofsinhar (l-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, it-territorju Palestinjan okkupat, is-Sirja u t-Tuneżija).
Mill-2004, dawn il-pajjiżi kważi lkoll iffirmaw ftehimiet bilaterali ta’ ‘sħubija u koperazzjoni’ jew ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-UE, u b’hekk intrabtu li jirrispettaw il-valuri komuni (bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt) u li jimxu ’l quddiem lejn ekonomija tas-suq, żvilupp sostenibbli u inqas faqar. Min-naħa tagħha, l-UE toffri għajnuna finanzjarja, teknika u makroekonomika, aċċess eħfef għall-viżi u firxa ta’ miżuri biex tgħin lil dawn il-pajjiżi jiżviluppaw.
Iżda l-iżviluppi ġeopolitiċi riċenti biddlu s-sitwazzjoni mill-qiegħ.
Fil-Lvant, il-waqgħa tal-gvern awtoritarju tal-Ukrajna wasslet għall-elezzjoni ta’ President ġdid f’Mejju 2014 — Petro Poroschenko — li kien jintona iżjed mal-valuri tal-Punent. Dan wassal biex f’Settembru 2014 ġie ffirmat ftehim ta’ assoċjazzjoni bejn l-Ukrajna u l-UE. L-Ukranja għaddiet minn żminijiet diffiċli ferm minħabba t-taqlib fil-qagħda ekonomika u t-taqbidiet militari bejn il-forzi Ukrajni u l-gruppi separatisti appoġġati mir-Russja, iżda dan ma żammx milli jissaħħu r-rabtiet mal-UE. Bejn l-2014 u l-2015, l-UE tat lill-Ukrajna aktar minn €7 biljun f’assistenza finanzjarja b’rabta mar-riformi politiċi u demokratiċi.
Ir-Rebbiegħa Għarbija tal-2011 ġabet bosta bidliet fil-qagħda politika fil-kosta tan-Nofsinhar tal-Mediterran u fil-Lvant Nofsani. Fosthom hemm il-bidliet fir-reġim fit-Tuneżija u fl-Eġittu, il-gwerra ċivili fis-Sirja, u t-taqlib sħiħ fil-Libja wara li twaqqa’ r-reġim ta’ Gaddafi u feġġ l-hekk imsejjaħ ‘Stat Iżlamiku’ jew ‘Daesh’ li ħataf żoni kbar fis-Sirja u fl-Iraq b’azzjonijiet terroristiċi.
Uħud mill-pajjiżi tal-UE huma parti mill-koalizzjoni militari li qed tiġġieled lill-Istat Iżlamiku, filwaqt li l-UE qed tindirizza l-mewġiet kbir ta’ immigranti li qed jaslu mis-Sirja, mill-Qarn tal-Afrika u mill-Afrika Sub-Saħarjana, li lkoll qed jaħarbu l-gwerra, il-persekuzzjoni reliġjuża jew il-miżerja ekonomika. Fl-2015, madwar miljun ruħ pruvaw jaqsmu l-Mediterran mix-xtut Libjani u Torok bid-dgħajjes li għaddewlhom it-traffikanti kriminali tal-bnedmin. Minħabba dan id-diżastru umanitarju, l-UE qed tirrevedi l-politika komuni tagħha dwar l-ażil u l-immigrazzjoni (ara l-Kapitlu 10).
© josef/kubes/Adobe Stock
L-UE tagħti għajnuna finanzjarja biex tgħin lill-pajjiżi ġirien tagħha jibnu l-ekonomiji tagħhom.

L-Unjoni Ewropea hi aktar minn sempliċi konfederazzjoni ta’ pajjiżi, iżda mhix stat federali. Infatti l-istruttura tagħha ma taqa’ fl-ebda kategorija legali tradizzjonali. L-UE hi unika storikament u s-sistema tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha ilha tevolvi ftit ftit għal madwar 60 sena.
It-Trattati, magħrufin ukoll bħala l-leġiżlazzjoni ‘primarja’, huma l-bażi ta’ korp kbir ta’ leġiżlazzjoni ‘sekondarja’ li jħalli impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE. Ħafna minnha, il-leġiżlazzjoni sekondarja tiġbor ir-Regolamenti, id-Direttivi u r-Rakkomandazzjonijiet li jkunu adottaw l-istituzzjonijiet tal-UE.
Dawn il-liġijiet, flimkien mal-politiki tal-UE b’mod ġenerali, joħorġu mid-deċiżjonijiet li jieħdu l-Parlament Ewropew (li jirrappreżenta lill-poplu), il-Kunsill (li jirrappreżenta lill-gvernijiet nazzjonali) u l-Kummissjoni Ewropea (il-korp eżekuttiv indipendenti mill-gvernijiet tal-UE li jappoġġa l-interess Ewropew kollettiv). Magħhom jingħaqdu xi istituzzjonijiet u korpi oħra li għandhom ċertu rwol x’jaqdu.
Il-Parlament Ewropew hu l-korp elett li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE. Dan jissorvelja l-attivitajiet tal-UE u, flimkien mal-Kunsill, jgħaddi l-leġiżlazzjoni tal-UE. Sa mill-1979, il-membri tal-Parlament Ewropew (imsejħa ‘l-MEPs’) bdew jiġu eletti direttament, b’suffraġju universali, kull ħames snin.
Fl-2017, it-Taljan Antonio Tajani (Il-Partit Popolari Ewropew — id-Demokristjani) ġie elett bħala l-President tal-Parlament għal sentejn u nofs.
© l-Unjoni Ewropea
Il-Parlament Ewropew hu l-post fejn tista’ ssemma’ leħnek.
| L-Awstrija | 18 |
| Il-Belġju | 21 |
| Il-Bulgarija | 17 |
| Ċipru | 6 |
| Id-Danimarka | 13 |
| L-Estonja | 6 |
| Il-Finlandja | 13 |
| Franza | 74 |
| Il-Ġermanja | 96 |
| Il-Greċja | 21 |
| L-Irlanda | 11 |
| L-Italja | 73 |
| L-Iżvezja | 20 |
| Il-Kroazja | 11 |
| Il-Latvja | 8 |
| Il-Litwanja | 11 |
| Il-Lussemburgu | 6 |
| Malta | 6 |
| In-Netherlands | 26 |
| Il-Polonja | 51 |
| Il-Portugall | 21 |
| Ir-Renju Unit | 73 |
| Ir-Repubblika Ċeka | 21 |
| Ir-Rumanija | 32 |
| Is-Slovakkja | 13 |
| Is-Slovenja | 8 |
| Spanja | 54 |
| L-Ungerija | 21 |
| B’kollox | 751 |
Id-dibattiti ewlenin tal-Parlament isiru waqt il-laqgħat ta’ kull xahar imsejħa ‘s-sessjonijiet plenarji’ u għalihom fil-prinċipju jattendu l-MEPs kollha. Ħafna drabi dawn is-sessjonijiet plenarji jsiru fi Strasburgu, Franza, u jekk ikun hemm sessjonijiet addizzjonali, isiru fi Brussell. Normalment ix-xogħol ta’ tħejjija jsir fi Brussell ukoll: il-‘Konferenza tal-Presidenti’ — jiġifieri meta l-presidenti tal-gruppi politiċi jiltqgħu mal-President tal-Parlament — biex jistabbilixxi l-aġenda għas-sessjonijiet plenarji filwaqt li l-20 kumitat parlamentari jabbozzaw l-emendi leġiżlattivi li jkun se jsir dibattitu dwarhom. Ix-xogħol amministrattiv ta’ kuljum tal-Parlament jagħmlu s-Segretarjat Ġenerali tiegħu, ibbażat fil-Lussemburgu u fi Brussell. Kull grupp politiku għandu wkoll is-segretarjat tiegħu.
Il-Parlament jieħu sehem fix-xogħol leġiżlattiv tal-UE b’żewġ modi:
Il-Parlament Ewropew jaqsam ukoll ir-responsabbiltà indaqs mal-Kunsill fejn tidħol l-adozzjoni tal-baġit tal-UE li tipproponi l-Kummissjoni Ewropea. Bħalma ġara kemm-il darba, il-Parlament jista’ jirrifjuta l-baġit propost, u għalhekk il-proċedura baġitarja kollha jkollha tinbeda mill-ġdid. B’dawn is-setgħat baġitarji tiegħu, il-Parlament jinfluwenza ħafna t-tfassil tal-politika tal-UE.
Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew iwettaq superviżjoni demokratika tal-Unjoni, l-aktar tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Parlament Ewropew jiġi elett kull ħames snin. It-tmien elezzjonijiet diretti saru bejn it-22 u l-25 ta’ Mejju 2014 u fihom ħadu sehem 42.5 % tat-380 miljun votant eliġibbli. Bejn wieħed u ieħor, din ir-rata ta’ parteċipazzjoni kienet l-istess bħar-rata fl-elezzjonijiet tal-2009.
Wara t-Trattat ta’ Lisbona u għall-ewwel darba fl-2014, kull partit mal-Ewropa kollha għażel il-kandidat tiegħu li kiseb l-akbar għadd ta’ voti u nnominawh biex ikun fost il-kandidati għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Partit Popolari Ewropew kiseb l-akbar numru ta’ siġġijiet, u l-Kunsill Ewropew b’maġġoranza kwalifikata ddeċieda li jinnomina l-kandidat minn dan il-partit. Dan kien Jean-Claude Juncker, l-eks Prim Ministru tal-Lussemburgu. Fil-Parlament Ewropew, Jean-Claude Juncker kiseb maġġoranza kbira tal-voti: 422 vot favur, 250 kontra u 47 astensjoni.
Wara, il-Parlament għamel seduti tas-smigħ mas-27 kandidat li ppropona kull Stat Membru biex qabel japprova l-Kummissjoni kollha kemm hi, jgħarbel l-adegwatezza ta’ kull wieħed minnhom għall-karigi ta’ Kummissarju.
Kull darba, il-Parlament għandu s-setgħa jkeċċi lill-Kummissjoni kollha billi jadotta mozzjoni ta’ ċensura; iżda għal dan il-għan, ikun jeħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi. Il-Parlament jissorvelja wkoll l-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-politiki tal-UE billi jippreżenta mistoqsijiet bil-fomm u bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
Il-membri tal-Parlament Ewropew u l-membri tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri spiss jaħdmu id f’id. Dan jiġri fi ħdan il-partiti politiċi u f’korpi speċjalizzati li jeżistu għal dan il-għan. Sa mill-2009, it-Trattat tal-UE ddefinixxa r-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-UE. Dawn jistgħu jesprimu fehmiethom dwar il-liġijiet il-ġodda kollha li tipproponi l-Kummissjoni u b’hekk jiżguraw li jkun qed jitħaddem il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan il-prinċipju jisħaq li l-UE għandha tintervjeni biss meta l-azzjoni fil-livell Ewropew tkun aktar effiċjenti minn dik fil-livelli nazzjonali jew reġjonali.
Il-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew
Il-Kunsill Ewropew hu l-aktar istituzzjoni politika importanti fl-UE. Dan hu magħmul mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern — il-presidenti u/jew il-prim ministri — tal-pajjiżi membri kollha tal-UE, flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea. Ħafna drabi dan jiltaqa’ fi Brussell erba’ darbiet fis-sena. Il-Kunsill Ewropew għandu President permanenti biex jikkoordina l-ħidma tal-Kunsill u li jiżgura l-kontinwità tiegħu. Il-President permanenti jiġi elett għal sentejn u nofs b’maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu, u jista’ jerġa’ jiġi elett darba oħra. Mill-1 ta’ Diċembru 2014, il-Prim Ministru tal-Polonja Donald Tusk qed jokkupa din il-kariga.
Il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-miri tal-UE u jfassal pjan ta’ kif dawn għandhom jintlaħqu. Dan jagħti spinta lill-inizjattivi politiċi ewlenin tal-UE u jieħu deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet jaħarqu li l-Kunsill tal-Ministri ma jkunx irnexxielu jilħaq ftehim dwarhom. Il-Kunsill Ewropew jindirizza wkoll problemi internazzjonali kurrenti permezz tal-‘politika barranija u ta’ sigurtà komuni’ — li hi mekkaniżmu għall-koordinazzjoni tal-politiki barranin tal-Istati Membri tal-UE.
Il-Kunsill, magħruf ukoll bħala l-Kunsill tal-Ministri, hu magħmul minn ministri mill-gvernijiet nazzjonali tal-UE. L-Istati Membri tal-UE jokkupaw il-Presidenza tal-Kunsill għal perjodi ta’ sitt xhur, skont min ikun imissu. F’kull laqgħa tal-Kunsill, jattendi ministru wieħed minn kull pajjiż tal-UE skont is-suġġett li jkun fuq l-aġenda: l-affarijiet barranin, l-agrikoltura, l-industrija, it-trasport, l-ambjent, u l-bqija.
| Is-sena | Jannar–Ġunju | Lulju–Diċembru |
|---|---|---|
| 2017 | Malta | L-Estonja |
| 2018 | Il-Bulgarija | L-Awstrija |
| 2019 | Ir-Rumanija | Il-Finlandja |
| 2020 | Il-Kroazja | Il-Ġermanja |
| 2021 | Il-Portugall | Is-Slovenja |
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li hu wkoll Viċi President tal-Kummissjoni, imexxi l-laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin. Federica Mogherini, li kienet il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Italja, ilha tokkupa din il-kariga minn Novembru 2014.
Ir-rwol ewlieni tal-Kunsill hu li jgħaddi l-liġijiet tal-UE u normalment dan jaqsam din ir-responsabbiltà mal-Parlament Ewropew. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew flimkien huma responsabbli indaqs ukoll mill-adozzjoni tal-baġit tal-UE. Barra minn hekk, il-Kunsill jikkonkludi wkoll ftehimiet internazzjonali li tinnegozja l-Kummissjoni.
Skont it-Trattati, il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempliċi, b’maġġoranza kwalifikata jew b’unanimità, skont is-suġġett tad-deċiżjoni.
Fejn jidħlu kwistjonijiet importanti bħat-tassazzjoni, l-emendi tat-Trattati, it-tnedija ta’ politika komuni ġdida jew dwar sħubija ġdida fl-UE, il-Kunsill jeħtieġlu jaqbel b’mod unanimu.
Iżda f’ħafna mill-każijiet l-oħra tintalab votazzjoni għal maġġoranza kwalifikata. Dan ifisser li deċiżjoni tal-Kunsill tista’ tittieħed biss bl-hekk imsejħa ‘maġġoranza doppja’. Deċiżjoni tiġi adottata jekk tikseb il-vot ta’ 55 % tal-Istati Membri, jiġifieri ta’ 16-il pajjiż minn 28, u jekk dawn il-pajjiżi jkunu jirrappreżentaw tal-inqas 65 % tal-popolazzjoni tal-UE, jiġifieri madwar 332 miljun ċittadin minn 510 miljuni.
Meta tnediet l-ewro, twaqqaf korp ġdid fil-Kunsill — il-Grupp tal-Ewro — biex għal-laqgħat tiegħu jattendu l-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi kollha tad-19-il pajjiż taż-żona tal-ewro.
Il-Kummissjoni hi istituzzjoni ewlenija tal-UE. Il-Kummissjoni biss għandha d-dritt li tfassal il-proposti għal leġiżlazzjoni ġdida tal-UE, u tgħaddihom lill-Kunsill u lill-Parlament għad-diskussjoni u l-adozzjoni.
Il-membri tagħha jinħatru għal terminu ta’ ħames snin bi qbil fost l-Istati Membri u bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, kif jingħad hawn fuq. Il-Kummissjoni tagħti kont ta’ ħidmietha lill-Parlament, u jekk il-Parlament jgħaddi mozzjoni ta’ ċensura kontriha, ikollha tirriżenja l-Kummissjoni kollha.
© l-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea hi l-organu eżekuttiv tal-UE u l-membri tagħha jeħtiġilhom jagħtu widen bla heda għall-ħtiġijiet tan-nies, kif jidher hawn pereżempju waqt Djalogu taċ-Ċittadini.
Kull pajjiż tal-UE ikollu Kummissarju fil-Kummissjoni, inkluż il-President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li jkun wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni attwali, immexxija mill-President Jean-Claude Juncker, bdiet ħidmietha fl-1 ta’ Novembru 2014. Hu ħatar seba’ Viċi Presidenti biex jikkoordinaw ix-xogħol tal-Kummissjonarji u biex jiżguraw enfasi fuq l-oqsma ta’ prijorità bħall-impjiegi u t-tkabbir, is-suq uniku diġitali, l-enerġija u t-tibdil fil-klima u l-unjoni ekonomika u monetarja. Il-President ħatar ukoll lil Frans Timmermans bħala l-Ewwel Viċi President responsabbli għal regolamentazzjoni aħjar u r-relazzjonijiet istituzzjonali, u b’hekk ikun żgurat li l-Kummissjoni tikkonċentra fuq l-aktar prijoritajiet importanti u tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà.
Il-Kummissjoni għandha livell sostanzjali ta’ indipendenza biex teżerċita s-setgħat tagħha. Xogħolha hu li tiddefendi l-interess komuni, u għalhekk ma tistax tieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern nazzjonali. Bħala ‘l-Gwardjan tat-Trattati’, il-Kummissjoni trid tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw ir-regolamenti u d-direttivi li jadottaw il-Kunsill u l-Parlament. Jekk dan ma jkunx qed isir, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra min ikun qed jikser il-liġi biex tobbligah jikkonforma mal-liġi tal-UE.
Il-Kummissjoni hija l-fergħa eżekuttiva tal-UE u għalhekk timplimenta d-deċiżjonijiet li jieħu l-Kunsill f’ċertu oqsma bħall-politika agrikola komuni. Din għandha setgħat estensivi biex tmexxi l-politiki komuni tal-UE, bħar-riċerka u t-teknoloġija, l-għajnuna lill-pajjiżi barranin u l-iżvilupp reġjonali. Din tmexxi wkoll il-baġit ta’ dawn il-politiki.
Il-Kummissarji għandhom l-għajnuna ta’ servizz ċivili, li ħafna minnu jinsab Brussell u l-Lussemburgu. Filwaqt li madwar il-bliet Ewropej l-oħra twaqqfu bosta aġenziji biex iwettqu kompiti speċifiċi għall-Kummissjoni.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li tinsab il-Lussemburgu, hija magħmula minn imħallef wieħed minn kull pajjiż tal-UE bl-għajnuna ta’ 11-il avukat ġenerali. Dawn jinħatru bi ftehim konġunt mal-gvernijiet tal-Istati Membri għal terminu li jiġġedded ta’ sitt snin. L-indipendenza tagħhom hija garantita. Ir-rwol tal-Qorti hu li tiżgura l-konformità mal-liġi tal-UE u li t-Trattati jiġu interpretati u applikati sew.
Il-Bank Ċentrali Ewropew fi Frankfurt hu responsabbli għall-immaniġġjar tal-ewro u tal-politika monetarja tal-UE (ara l-Kapitlu 7 dwar l-ewro). Il-bord tat-tmexxija tiegħu jiġbor sitt diretturi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tad-19-il pajjiż fiż-żona tal-ewro. Il-Bank Ċentrali għandu rwol li jżomm ċertu stabbiltà fil-prezzijiet u jissorvelja l-banek fiż-żona tal-ewro. Mario Draghi, li kien il-Gvernatur tal-Bank tal-Italja, ilu l-President tal-Bank Ċentrali mill-2011.
Il-Qorti tal-Awdituri tinsab il-Lussemburgu u ġiet stabbilita fl-1975. Din għandha membru wieħed minn kull pajjiż tal-UE, maħtur għal sitt snin bi qbil fost l-Istati Membri wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Din tiżgura li jasal id-dħul kollu tal-Unjoni Ewropea, li n-nefqa kollha tkun saret b’mod legali u regolari u li l-baġit tal-UE jkun tmexxa sew.
Meta jittieħdu d-deċiżjonijiet f’ċertu oqsma politiċi, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Il-membri tiegħu jirrappreżentaw lid-diversi gruppi ta’ interess ekonomiku u soċjali li lkoll flimkien jiffurmaw ‘soċjetà ċivili organizzata’, u l-Kunsill jaħtarhom għal terminu ta’ ħames snin.
Il-Kumitat tar-Reġjuni jgħaqqad rappreżentanti tal-gvernijiet reġjonali u lokali. Dawn jipproponuhom l-Istati Membri u jaħtarhom il-Kunsill għal terminu ta’ ħames snin. Il-Kunsill u l-Kummissjoni jeħtiġilhom jikkonsultaw lil dan il-Kumitat fejn jidħlu ċertu kwistjonijiet ta’ rilevanza għar-reġjuni, iżda l-Kumitat jista’ jagħti l-opinjonijiet tiegħu wkoll minn jeddu.
Il-Bank Ewropew tal-Investiment, ibbażat fil-Lussemburgu, jipprovdi self u garanziji biex jgħin lir-reġjuni inqas żviluppati tal-UE u biex jgħin lin-negozji jsiru aktar kompetittivi.
L-Ombudsman jiġi elett mill-Parlament Ewropew għal terminu li jista’ jiġġedded ta’ ħames snin. Ir-rwol tiegħu hu li jinvestiga l-ilmenti li għandhom x’jaqsmu ma’ amministrazzjoni ħażina tal-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn l-ilmenti jressquhom iċ-ċittadini, il-kumpaniji u r-residenti fl-UE. Emily O’Reilly, li kienet l-Ombudsman tal-Irlanda, ilha l-Ombudsman Ewropew mill-2013.
© belahoche/Adobe Stock
Il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li l-liġi Ewropea tiġi rrispettata bis-sħiħ. Fost l-oħrajn, din ikkonfermat li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema b’diżabbiltà.

L-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea jħallu impatt fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħha għax jindirizzaw ħafna mill-isfidi reali li qed issib is-soċjetà: il-protezzjoni ambjentali, is-saħħa, l-innovazzjoni teknoloġika, l-enerġija, u l-bqija.
Ix-xjenzjati ilhom mis-sittinijiet iwissu li t-temperatura tad-dinja qed tiżdied. Għall-bidu, il-mexxejja politiċi damu ma wieġbu, iżda fl-1988 in-Nazzjonijiet Uniti waqqfet il-‘Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima’. Dan il-grupp ta’ esperti rnexxielu jiġbed l-attenzjoni tad-dinja fuq il-konsegwenzi potenzjalment diżastrużi tat-tisħin globali li qed jiġu kkawżati minħabba emissjonijiet ta’ gassijiet perikolużi — l-aktar bil-ħruq ta’ fjuwils fossili li fihom l-idrokarburi.
© Westend61/gettyimages
L-UE hi waħda mill-ewlenin li jitħabtu kontra t-tibdil fil-klima u li jħeġġu l-iżvilupp sostenibbli.
Fl-2008, l-Unjoni Ewropea tat kontribut importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-Kunsill Ewropew ftiehem li sal-2020, l-Unjoni Ewropea tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’mill-inqas 20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, li żżid il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli fis-suq għal 20 % u li tnaqqas il-konsum ġenerali tal-enerġija b’20 %. Fl-2014, il-mexxejja tal-UE qablu fuq mira aktar ambizzjuża li sal-2030 l-emissjonijiet jonqsu mill-inqas b’40 %, meta mqabbla mal-1990. Il-pajjiżi tal-UE ġibdu ħabel wieħed ukoll biex jiżguraw li l-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima li saret f’Pariġi f’Diċembru 2015 twassal għal ftehim li jorbot lil 195 pajjiż fuq limitu ta’ 2 °C għat-tisħin globali. L-aktar pajjiżi foqra fid-dinja għandhom bżonn għajnuna finanzjarja biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom u jadattaw għat-tibdil fil-klima. Għal dan il-għan, bejn l-2014 u l-2020, l-UE qed tgħin b’mill-inqas €14-il biljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp. Il-proċess politiku biex l-UE tirratifika l-Ftehim ta’ Pariġi ntemm fl-4 ta’ Ottubru 2016 meta l-Parlament Ewropew approva r-ratifika u b’hekk setgħet tidħol fis-seħħ.
Il-pajjiżi tal-UE qablu fuq leġiżlazzjoni li torbothom bil-mira li jnaqqsu l-emissjonijiet perikolużi fl-UE. Ħafna minn dan l-isforz jinvolvi investiment f’teknoloġija ġdida u joħloq ukoll impjiegi u tkabbir ekonomiku. L-hekk imsejħa ‘skema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet’ li titħaddem mal-UE kollha, għandha l-għan li tiżgura li l-emissjonijiet tal-gassijiet perikolużi jonqsu kif meħtieġ u b’mod effiċjenti.
L-UE qed tindirizza wkoll firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ambjentali oħra, fosthom l-istorbju, l-iskart, il-ħarsien tal-ħabitats naturali, il-gassijiet tal-egżost, is-sustanzi kimiċi, l-inċidenti industrijali u l-indafa tal-ilma għall-għawm. Din taħdem ukoll biex tippreveni d-diżastri naturali jew diżastri oħra jagħmel il-bniedem fosthom it-tixrid taż-żejt u n-nirien fil-foresti.
L-UE ttejjeb il-leġiżlazzjoni tagħha b’mod kostanti biex tipproteġi aħjar is-saħħa pubblika. Ngħidu aħna, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi tfasslet mill-ġdid ħalli r-regoli antiki tant frammentati jinbidlu bis-sistema unika magħrufa bħala r-REACH — li tfisser ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni u l-Awtorizzazzjoni tas-Sustanzi Kimiċi. Din is-sistema tuża database ċentrali li tmexxiha l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi f’Ħelsinki. L-għan tagħha hu li tippreveni l-kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma, tal-ħamrija u tal-bini, li tippriżerva l-bijodiversità u li ttejjeb is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini tal-UE, u fl-istess waqt tgħin lill-industrija Ewropea tibqa’ kompetittiva.
Il-fundaturi tal-Unjoni Ewropea għarfu tajjeb li l-prosperità futura tal-Ewropa tistrieħ fuq il-ħila tagħha li tkun mexxejja dinjija fit-teknoloġija. Huma fehmu l-vantaġġi kbar li għandha r-riċerka Ewropea konġunta. Għalhekk fl-1958, flimkien mal-Komunità Ekonomika Ewropea, waqqfu l-Euratom — il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. L-għan tagħha kien li l-pajjiżi tal-UE jingħaqdu biex jisfruttaw flimkien l-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi, bl-għajnuna taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li hu magħmul minn seba’ istituti tar-riċerka.
Madankollu, biex tlaħħaq mal-kompetizzjoni dinjija li kienet qed tiżdied, ir-riċerka Ewropea kellha tiddiversifika — u xxejjen l-ostakli bejn il-programmi nazzjonali tar-riċerka ħalli tlaqqa’ kemm jista’ jkun xjenzjati u tgħinhom isibu applikazzjonijiet industrijali għall-iskoperti tagħhom.
Illum, ir-riċerka konġunta fil-livell tal-UE hi maħsuba biex tikkumplimenta l-programmi nazzjonali tar-riċerka. Din tiffoka fuq proġetti li jlaqqgħu flimkien għadd ta’ laboratorji f’diversi pajjiżi tal-UE; u twieżen ukoll ir-riċerka fundamentali f’ċertu oqsma bħall-fużjoni termonukleari kkontrollatata — sors ta’ enerġija għas-seklu 21 li aktarx ma tinħeliex. Barra minn hekk, din tħeġġeġ biex isiru riċerka u żvilupp teknoloġiku f’industriji ewlenin bħall-elettronika u l-kompjuters, li għandhom kompetizzjoni qawwija minn barra l-Ewropa.
L-UE timmira li tonfoq 3 % tal-PDG tagħha fir-riċerka; ir-riċerka tagħha tiffinanzjaha l-aktar b’serje ta’ programmi ‘qafas’. Orizzont 2020 hu t-tmien programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku mill-2014 sal-2020. Il-baġit tiegħu jaqbeż it-€80 biljun u ħafna minnu jintefaq għar-riċerka f’oqsma bħas-saħħa, l-ikel u l-agrikoltura, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, in-nanoxjenzi, l-enerġija, l-ambjent, it-trasport, is-sigurtà u l-ispazju u x-xjenzi soċjoekonomiċi. Bosta programmi oħrajn jippromwovu l-koperazzjoni internazzjonali b’rabta mal-aktar proġetti tar-riċerka innovattivi u jagħtu appoġġ lir-riċerkaturi u lill-iżvilupp tal-karriera tagħhom.
Bħalissa l-UE hija l-akbar importatur tal-enerġija fid-dinja għax timporta aktar minn nofs is-sorsi kollha tal-enerġija tagħha. Għalhekk meta tfaqqa’ xi kriżi internazzjonali, l-Ewropej għandhom ċans akbar li jġarrbu qtugħ fil-provvisti jew żidiet fil-prezzijiet. Minħabba f’hekk, l-UE qed taħdem biex tnaqqas il-konsum tal-fjuwils fossili u treġġa’ lura l-proċess tat-tisħin globali.
Pereżempju l-UE qed tieħu passi biex tiffranka l-enerġija b’użu aktar intelliġenti, biex jinstabu sorsi alternattivi tal-enerġija (l-aktar tal-enerġija rinnovabbli), u biex tikber il-koperazzjoni internazzjonali. Wieħed mill-oqsma ewlenin li qed tqis l-UE hija insulazzjoni aħjar tal-bini għax f’dan il-qasam tintuża 40 % tal-enerġija u jinħolqu 36 % tal-emissjonijiet perikolużi, bħall-gassijiet serra. Fl-Ewropa, ir-riċerka u l-iżvilupp fl-enerġija jiffokaw fuq l-enerġija mix-xemx, mir-riħ, mill-bijomassa u dik nukleari.
Il-politika dwar l-enerġija għandha prijorità importanti li tiżgura konnettività aħjar tal-grilji tal-enerġija u tat-trasport madwar l-Ewropa. B’hekk l-enerġija tintuża b’aktar effiċjenza, kemm minħabba raġunijiet tekniċi u anke minħabba s-swieq komuni. Ħafna mill-proġetti li qed jibbenefikaw mill-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, imniedi mill-President Juncker fl-2014, jippromwovu enerġija effiċjenti, nadifa u rinnovabbli. Fosthom hemm it-tagħqid tal-grilji tal-enerġija ta’ Spanja u l-Portugall mal-grilja ta’ Franza, u t-tagħqid tal-grilji madwar il-Baħar Baltiku.
Barra minn hekk fix-xena internazzjonali, l-Ewropa qed taħdem l-aktar mar-Russja u mal-Lvant Nofsani biex tiżgura l-kontinwità tal-provvisti tal-enerġija.
© sergbob/fotolia
L-Ewropa jeħtieġ tgħaqqad aħjar is-sistemi tal-enerġija tagħha biex tipprovdi enerġija aktar sikura u aktar effiċjenti.
Is-suq uniku jista’ jaħdem sew jekk jissewwew l-iżbilanċi fi ħdanu (ara l-Kapitlu 6). Dan hu l-iskop tal-politiki tal-UE dwar is-solidarjetà, li tfasslu apposta biex jgħinu lir-reġjuni li għadhom ma żviluppawx biżżejjed u lis-setturi tal-ekonomija li mhux sejrin tajjeb. L-UE tagħti sehemha wkoll biex tgħin fir-ristrutturar tal-industriji li ntlaqtu ħażin mill-kompetizzjoni internazzjonali li qed tikber f’daqqa.
Fir-reġjuni u fil-bliet tal-Istati Membri, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE qed tinvesti €325 biljun jew 34 % mill-baġit tal-UE għall-2014–2020 biex tippromwovi l-għanijiet tal-UE li jinħoloq ix-xogħol u tikber l-ekonomija, kif ukoll biex tindirizza t-tibdil fil-klima, id-dipendenza fuq l-enerġija u l-esklużjoni soċjali.
Dawn l-għanijiet jiffinanzjawhom fondi speċifiċi tal-UE, li jħajru jew iżidu l-investimenti tas-settur privat u tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali:
Fit-Trattat oriġinali ta’ Ruma tal-1957 ġew stabbilti l-għanijiet tal-politika agrikola komuni tal-UE, jiġifieri li tiżgura standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa, li tistabbilizza s-swieq, li tiżgura li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli u li timmodernizza l-infrastruttura tal-biedja. U ħafna minn dawn l-għanijiet intlaħqu. Barra minn hekk, illum il-konsumaturi għandhom ċertu sigurtà fil-provvisti filwaqt li l-prezzijiet tal-prodotti agrikoli huma stabbli u mħarsa miċ-ċaqliqiet tas-suq dinji. Il-politika agrikola komuni jiffinanzjawha l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.
© l-Unjoni Ewropea
Anna minn Lublin, il-Polonja, tmexxi l-kindergarten tagħha bis-saħħa ta’ proġett maħsub għan-nisa intraprendituri bl-għajnuna tal-Fond Soċjali Ewropew.
Iżda l-politika agrikola tal-UE sfat vittma tas-suċċess tagħha stess għax il-produzzjoni kibret ferm aktar mill-konsum, u dan kien qed jixħet piż kbir fuq il-baġit tal-UE. Biex din il-problema tissolva, il-politika agrikola komuni kellha terġa’ tissawwar mill-ġdid, u din ir-riforma tat ir-riżultati għax il-produzzjoni trażżnet.
Ir-rwol il-ġdid tal-komunità tal-biedja hu li tiżgura ċertu ammont ta’ attività ekonomika f’kull żona rurali u li tħares id-diversità u s-sostenibbiltà tal-kampanja tal-Ewropa. Din id-diversità u r-rikonoxximent ta’ ‘mod ta’ għajxien rurali’ — nies li jgħixu f’armonija mar-raba’ — huma parti importanti mill-identità tal-Ewropa. L-agrikoltura Ewropea għandha rwol importanti ft-taħbit kontra t-tibdil fil-klima, fil-protezzjoni tal-ħajja selvaġġa u fil-provvista tal-ikel madwar id-dinja.
Barra minn hekk, qed jitħaddmu skemi li tfasslu apposta biex jippromwovu u jħarsu l-ismijiet tal-prodotti u tal-oġġetti tal-ikel agrikoli ta’ kwalità lokali u reġjonali fl-UE.
L-Unjoni Ewropea għandha wkoll politika komuni tas-sajd. Fil-livell Ewropew ġew stabbiliti regoli dwar kif jitmexxew il-flotot tas-sajd u jitħarsu l-popolazzjonijiet tal-ħut.
Il-politika soċjali tal-UE għandha l-għan li ssewwi l-akbar inugwaljanzi fis-soċjetà Ewropea. Il-Fond Soċjali Ewropew twaqqaf fl-1961 biex jippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi u jgħin lill-ħaddiema jimxu minn tip ta’ xogħol għal ieħor u/jew minn żona ġeografika għal oħra.
L-għajnuna finanzjarja mhix l-uniku mod kif l-UE tipprova ttejjeb il-kundizzjonijiet soċjali fl-Ewropa għax waħedha, l-għajnuna qatt ma tista’ ssolvi l-problemi kollha li joħolqu r-riċessjoni ekonomika jew is-sottożvilupp reġjonali. Qabelxejn, l-effetti dinamiċi tat-tkabbir iridu jħeġġu l-progress soċjali. Dan jimxi paripassu ma’ leġiżlazzjoni li tiżgura ġabra sħiħa ta’ drittijiet bażiċi. Uħud minn dawn id-drittijiet jinsabu fit-Trattati, fosthom id-dritt li mara u raġel bl-istess impjieg ikollhom l-istess paga. Drittijiet oħrajn huma stabbiliti fid-direttivi dwar il-ħarsien tal-ħaddiema (is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol) u standards essenzjali tas-sikurezza.
Il-Karta tal-UE tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, li fl-1997 saret parti essenzjali mit-Trattat tal-UE, tistabbilixxi d-drittijiet li għandu jkollhom il-ħaddiema kollha tal-UE: il-moviment liberu; il-ħlas ġust; kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol; il-ħarsien soċjali; id-dritt tal-assoċjazzjoni u li jkun hemm negozjar kollettiv; id-dritt għal taħriġ vokazzjonali; it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel; l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema; il-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol; il-ħarsien tat-tfal, tal-anzjani u tal-persuni b’diżabbiltà.
Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fuq kif fil-futur, il-ħarsien soċjali Ewropew jista’ jiġi organizzat f’suq tax-xogħol li qed ikun influwenzat dejjem aktar mit-teknoloġiji l-ġodda u l-globalizzazzjoni.
Fl-2017, l-Unjoni Ewropea kellha baġit annwali li jaqbeż il-€157 biljun biex tiffinanzja l-politiki tagħha. Dan ifisser madwar 1 % tad-dħul nazzjonali gross kollu tal-Istati Membri kollha f’daqqa.
Il-baġit jiġi ffinanzjat mill-hekk imsejħa r-‘riżorsi proprji’ tal-UE. Dawn ir-riżorsi ġejjin l-aktar minn:
Il-baġit tal-2017 jista’ jipprovdi rendikont tan-nefqa:
Kull baġit annwali hu parti minn ċiklu baġitarju ta’ seba’ snin magħruf bħala l-qafas finanzjarju pluriennali. Dan tfasslu l-Kummissjoni Ewropea u jkun jeħtieġ l-approvazzjoni unanima tal-Istati Membri u negozjati u ftehim mal-Parlament Ewropew. Il-qafas finanzjarju pluriennali għall-2014–2020 ġie deċiż fl-2013. Il-limitu ġenerali tan-nefqa tnaqqas bi 3 % f’termini reali meta mqabbel mal-perjodu ta’ qabel li jkopri mill-2007 sal-2013.
Dan il-pjan tan-nefqa jipprova jżid it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa, iħeġġeġ l-agrikoltura sostenibbli u jħajjar lill-Ewropa tkun aktar favur l-ambjent. Il-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni żdied bħalma żdied ukoll għall-edukazzjoni u t-taħriġ u għar-relazzjonijiet esterni. Ċertu fondi se jintużaw għall-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu, u għall-politiki dwar il-migrazzjoni u l-ażil. Bejn l-2014 u l-2020, in-nefqa fuq il-klima hi mistennija tkun mill-anqas 20 % tan-nefqa tal-UE.
L-għaxar prijoritajiet għall-Ewropa
F’Novembru 2014, il-Kummissjoni Ewropea mmexxija minn Jean-Claude Juncker fasslet l-aktar 10 prijoritajiet importanti għaliha, jiġifieri:
Spinta ġdida lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment
Suq uniku diġitali konness
Unjoni tal-enerġija b’saħħitha u b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem
Suq intern aktar profond u aktar ġust b’sisien industrijali msaħħin
Unjoni Ekonomika u Monetarja aktar profonda u aktar ġusta
Ftehim ta’ kummerċ ħieles raġonevoli u bilanċjat mal-Istati Uniti
Żona ta’ ġustizzja u ta’ drittijiet fundamentali bbażata fuq il-fiduċja reċiproka
Politika ġdida dwar l-immigrazzjoni
Attur globali aktar b’saħħtu
Unjoni ta’ bidla demokratikaMin jagħmel xiex? Kif jinqasmu r-responsabbiltajiet bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha

Bit-Trattat tal-1957 li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea setgħu jitneħħew l-ostakli doganali bejn il-pajjiżi membri u bdiet tiġi applikata tariffa doganali komuni fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex fil-Komunità. Dan il-għan intlaħaq fl-1 ta’ Lulju 1968.
Iżda d-dazji doganali huma biss aspett wieħed tal-protezzjoniżmu. Fis-sebgħinijiet, bosta ostakli kummerċjali ieħor kienu qed ifixklu lis-suq komuni milli jitwettaq għalkollox. Ċertu normi tekniċi, standards sanitarji u tas-sikurezza, kontrolli tal-kambju u regolamenti nazzjonali dwar id-dritt li jiġu pprattikati ċertu professjonijiet, ilkoll xekklu l-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tal-kapital.
F’Ġunju 1985, il-Kummissjoni mmexxija mill-President Jacques Delors ippubblikat White Paper bi pjanijiet biex fi żmien seba’ snin tneħħi kull xkiel fiżiku, tekniku u fiskali għall-moviment liberu fil-Komunità Ekonomika Ewropea. L-għan kien li jitħeġġeġ it-tkabbir tal-attività kummerċjali u industrijali fis-suq uniku — żona ekonomika kbira u magħquda li tħaqqaqha mal-Istati Uniti.
Mal-gvernijiet tal-Istati Membri saru negozjati biex jissawwar trattat ġdid — l-Att Uniku Ewropew, li daħal fis-seħħ f’Lulju 1987. Fost id-dispożizzjonijiet tiegħu hemm li:
Mal-fruntieri tal-pajjiżi fi ħdan l-UE tneħħew il-kontrolli kollha tal-oġġetti u l-kontrolli doganali tal-persuni, iżda l-pulizija xorta baqgħu jagħmlu verifiki għal għarrieda biex jiġġieldu l-kriminalità u d-drogi.
F’Ġunju 1985, 5 Stati Membri minn 10 ffirmaw il-Ftehim ta’ Schengen li bih il-forzi tal-pulizija nazzjonali tagħhom qablu li jaħdmu flimkien, u twaqqfet politika komuni dwar l-ażil u l-viżi. B’hekk setgħu jitneħħew għalkollox il-verifiki tal-persuni fil-fruntieri bejn il-pajjiżi ta’ Schengen (ara l-Kapitlu 10: ‘Ewropa ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja’). Illum, iż-żona ta’ Schengen fiha 26 pajjiż Ewropew, fosthom erbgħa li mhumiex Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera).
Il-pajjiżi tal-UE qablu li jirrikonoxxu r-regoli ta’ xulxin fejn jidħol il-bejgħ ta’ ħafna mill-prodotti. Wara s-sentenza famuża tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-kawża ‘Cassis de Dijon’ fl-1979, kull prodott manifatturat legalment u li jinbiegħ f’xi Stat Membru għandu jitħalla jitqiegħed fis-suq tal-Istati Membri l-oħra kollha.
Fejn jidħlu s-servizzi, il-pajjiżi tal-UE jirrikonoxxu r-regoli nazzjonali ta’ xulxin u jikkoordinawhom b’tali mod li n-nies ikunu jitħallew jipprattikaw il-professjoni tagħhom f’oqsma bħal-liġi, il-mediċina, it-turiżmu, is-settur bankarju jew l-assigurazzjoni. Madankollu l-libertà tal-moviment għall-persuni għadha ’l bogħod milli titwettaq għalkollox. Minkejja d-Direttiva tal-2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, għad hemm bosta xkiel li jwaqqaf lin-nies milli jmorru f’pajjiż ieħor tal-UE jew jagħmlu ċertu tip ta’ xogħol hemm. Madankollu l-persuni kwalifikati (sew jekk avukati jew tobba, u sew jekk bennejja jew plumbers) huma dejjem aktar liberi biex jipprattikaw il-professjoni tagħhom fi kwalunkwe pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni biex ittejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema, u l-aktar biex tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jirrikonoxxu d-diplomi edukattivi u l-kwalifiki tal-impjiegi li jinkisbu f’xi pajjiż minn fosthom.
Xi wħud jaħdmu temporanjament f’pajjiż ieħor tal-UE, ngħidu aħna meta kumpanija tal-bini bbażata f’pajjiż tal-UE jkollha xi proġett f’pajjiż ieħor tal-UE. Ir-regoli tal-UE jiddikjaraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-hekk imsejħa ‘ħaddiema stazzjonati’ jeħtiġilhom ikunu fl-istess livell tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema l-oħra fil-pajjiż fejn isir ix-xogħol.
L-ostakli tat-taxxa naqsu bl-allinjament parzjali tar-rati nazzjonali tal-VAT. L-Istati Membri qablu fuq regoli u rati minimi komuni biex jevitaw it-tfixkil tal-kompetizzjoni bejn il-fruntieri fi ħdan l-UE.
Il-kuntratti tax-xogħol fis-settur pubbliku huma parti ewlenija mill-ekonomija u jirrappreżentaw 19 % tal-PDG. Issa, il-kuntratti pubbliċi tal-pajjiż tal-UE huma miftuħin għal offerenti minn kull parti tal-UE. Dan kollu jiġri bis-saħħa tad-Direttivi tal-UE li jkopru s-servizzi, il-provvisti u x-xogħol f’ħafna setturi fosthom is-settur tal-ilma, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni.
Mis-suq uniku jgawdu l-konsumaturi kollha. Pereżempju meta nfetħu s-swieq nazzjonali għas-servizzi, roħos il-prezz tat-telefonati għal nitfa tal-prezz kif kien 10 jew 15-il sena ilu. Jew pereżempju bil-pressjoni kompetittiva roħsu ġmielhom il-prezzijiet tal-vjaġġi bl-ajru fl-Ewropa.
Fl-2008, wara l-kriżi tas-self ipotekarju ‘sub-prime’ fl-Istati Uniti, kriżi finanzjarja kbira heżżet is-sistemi bankarji u l-ekonomiji dinjin u fl-2009 tefgħet lill-Unjoni Ewropea f’riċessjoni. Minħabba fiha, saret riforma fil-mod kif jaħdmu l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji biex isiru aktar trasparenti u kontabbli. Din ir-riforma setgħet isseħħ bit-twaqqif tal-hekk imsejħa ‘Unjoni Bankarja’. Inħolqu regoli ġodda tal-UE biex iżidu l-protezzjoni għad-depożiti tal-banek u jżidu l-ammont tal-kapital li l-banek irid ikollhom biex ikunu aktar stabbli, biex jirregolaw il-prodotti finanzjarji kkumplikati u jimponu limiti fuq il-bonusijiet tal-uffiċjali eżekuttivi tal-banek. Il-Bank Ċentrali Ewropew imexxi sistema mifruxa mal-Ewropa kollha li tissorvelja l-banek fiż-żona tal-ewro. Inħolqu regoli ġodda wkoll dwar kif jingħalqu l-banek li jfallu. Issa hemm fond speċjali biex jiżgura li l-ispejjeż involuti meta jingħalqu dawn il-banek iġorruhom il-banek u mhux il-kontribwenti.
Il-mexxejja Ewropej qed jaħdmu biex ikomplu jsaħħu s-swieq uniċi għall-kapital. L-għan hu li n-negozji ż-żgħar isibuha eħfef biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom, u li l-investiment fl-Ewropa jsir aktar attraenti.
Barra minn hekk, għaddejjin diskussjonijiet dwar riformi fit-tassazzjoni korporattiva. L-idea hi li l-Istati Membri tal-UE jridu jaqblu fuq regoli komuni dwar kif għandha titkejjel il-bażi li fuqha jintaxxaw lin-negozji. Il-pajjiżi xorta se jkollhom rati tat-taxxa differenti, iżda r-regoli komuni jagħmluha ħafna aktar orħos għan-negozji biex joperaw bejn il-fruntieri u jnaqqsu l-evitar tat-taxxa. Minbarra dan, il-pajjiżi individwali ma jkunux jistgħu jagħmlu offerti tat-taxxa favorevoli lin-negozji biex jattiraw investimenti minn barra.
© Rolf Bruderer/Corbis
Meta s-suq tat-telekomunikazzjoni nfetaħ għall-kompetizzjoni, fl-UE raħsu ferm l-ispejjeż.
Il-prodotti tal-UE jeħtieġu protezzjoni mill-piraterija u mill-falsifikazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea tikkalkula li dawn ir-reati jiswew lill-UE eluf ta’ impjiegi kull sena. Din hi r-raġuni għala l-Kummissjoni u l-gvernijiet nazzjonali qed jaħdmu flimkien biex iwessgħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u tal-privattivi.
L-attivitajiet tal-UE saħqu fuq l-importanza li tkun żgurata l-libertà li jingħataw servizzi tat-trasport bl-art. B’mod partikolari, dan ifisser li l-kumpaniji tat-trasport ikollhom aċċess ħieles għas-suq internazzjonali tat-trasport u li kull azjenda tat-trasport minn xi pajjiż tal-UE titħalla taħdem fil-pajjiżi l-oħra kollha tal-UE. L-UE qed taħdem ukoll biex tiżgura li jkun hemm kompetizzjoni ġusta fit-trasport bit-triq, fosthom billi tarmonizza r-regoli dwar il-kwalifiki tal-ħaddiema u l-aċċess għas-suq, il-libertà li wieħed jiftaħ negozju u jipprovdi s-servizzi, il-ħinijiet tas-sewqan u s-sikurezza fit-toroq.
Fl-imgħoddi, it-trasport bl-ajru fl-Ewropa kien iddominat mit-trasportaturi tal-arju nazzjonali u l-ajruporti tal-istat. Is-suq uniku biddel dan kollu. Issa, kull linja tal-ajru tal-UE tista’ topera servizzi tal-ajru f’kull rotta fl-UE u tistabbilixxi l-prezzijiet li tixtieq. Minħabba f’hekk infetħu ħafna rotot ġodda u l-prezzijiet roħsu bil-qawwa, u kien ta’ benefiċċju għall-passiġġieri, il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-impjegati kollha.
Bl-istess mod, il-passiġġieri qed igawdu wkoll minn żieda fil-kompetizzjoni fost il-kumpaniji tal-ferroviji.
Il-ġarr tal-merkanzija bil-baħar — sew jekk issir minn kumpaniji Ewropej kif ukoll minn bastimenti li jtarju l-bandiera ta’ xi pajjiż li mhux fl-UE — irid jimxi mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Dawn ir-regoli tfasslu biex jiġġieldu l-prattiki inġusti tal-ipprezzar (il-bnadar tal-konvenjenza) u anke biex jegħlbu d-diffikultajiet li għandha l-industrija tat-tarzna fl-Ewropa.
L-Unjoni Ewropea qed tiffinanzja proġetti teknoloġiċi ġodda u ambizzjużi bħas-sistema tan-navigazzjoni bis-satellita Galileo, is-sistema Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju u SESAR — programm li jimmodernizza s-sistemi tan-navigazzjoni bl-ajru. Ir-regoli tas-sikurezza għat-traffiku fit-toroq, f’oqsma bħall-manutenzjoni tal-vetturi, it-trasport ta’ oġġetti perikolużi u s-sikurezza fit-toroq, saru ħafna aktar stretti. Żdiedet ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri għax inħoloq sett komprensiv ta’ drittijiet għal kull tip ta’ trasport: bit-triq, bl-ajru, bil-ferrovija u bil-baħar. Il-passiġġieri fl-UE, fosthom il-passiġġieri b’diżabbiltà u dawk b’mobbiltà mnaqqsa, għandhom id-dritt għal tagħrif preċiż, f’waqtu u aċċessibbli, għall-assistenza, u għal kumpens meta jkollhom kanċellazzjoni jew dewmien twil. L-investiment fl-infrastruttura tat-trasport hu prijorità ewlenija tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa tal-UE li tnieda fl-2014.
© Image Broker/Belga
Bl-Unjoni Bankarja, l-UE ħolqot regoli aktar stretti biex tiżgura li l-banek joperaw b’mod sigur.
Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hi essenzjali biex tiżgura li fis-suq uniku Ewropew, il-kompetizzjoni ma tkunx biss ħielsa iżda wkoll ġusta. Il-Kummissjoni Ewropea timplimenta din il-politika u flimkien mal-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li din tiġi rrispettata.
Din il-politika għandha l-għan li tiżgura li kull kumpanija fis-suq uniku tikkompeti b’mod ġust u ekwu, biex b’hekk igawdu l-konsumaturi, in-negozji u l-ekonomija Ewropea inġenerali.
Il-kumpaniji jew il-korpi involuti jridu jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kull ftehim li jaqa’ taħt ir-regoli tat-Trattat. Jeħtieġ jgħarrfu lill-Kummissjoni wkoll b’kull fużjoni bejn il-kumpaniji jew akkwiżizzjoni ta’ xi kumpanija li jistgħu jwasslu biex kumpanija tikseb pożizzjoni dominanti f’suq partikolari. Il-Kummissjoni tista’ timponi multa direttament lill-kumpaniji li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni jew li ma jinfurmawhiex kif meħtieġ — bħal fil-każ tal-Microsoft li fl-2008 weħlet multa ta’ €900 miljun. Fl-2017, il-Kummissjoni tat multa ta’ €2.42 biljun lill-kumpanija Google talli abbużat mid-dominanza tagħha fis-suq bħala magna tat-tiftix għax fir-riżultati tat-tiftix tat preferenza ewlenija lis-servizz tagħha ta’ tqabbil tax-xiri, u inqas preferenza lis-servizzi tal-kompetituri tagħha.
Jekk Stat Membru tal-UE jagħti għajnuna illegalment jew ma jgħarrafx lill-Kumissjoni b’din l-għajnuna, il-Kummissjoni tista’ titlob li din titħallas lura. Anke l-vantaġġi tat-taxxa li xi gvernijiet jagħtu lil kumpaniji individwali jistgħu jitqiesu bħala għajnuna mill-istat li tkun illegali. Pereżempju f’Awwissu 2016, il-Kummissjoni Ewropea waslet għall-konklużjoni li l-Irlanda tat benefiċċji tat-taxxa mhux dovuti lill-kumpanija Apple li jilħqu t-€13-il biljun.
Il-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam għandha l-għan li lill-konsumaturi kollha tagħtihom l-istess grad ta’ protezzjoni finanzjarja u tas-saħħa, irrispettivament minn fejn jgħixu, jivvjaġġjaw jew jixtru fl-Unjoni Ewropea. Il-ħtieġa għal protezzjoni madwar l-UE kollha kienet kwistjoni taħraq fl-aħħar tad-disgħinijiet minħabba biża’ dwar is-sigurtà fl-ikel bħal fil-każ tal-marda ta’ ġenn il-baqar (il-BSE). Il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà fl-ikel ingħatat bażi xjentifika soda meta fl-2002 twaqqfet l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.
Iżda madwar l-Ewropa, il-protezzjoni tal-konsumatur hi meħtieġa wkoll f’ħafna oqsma oħra. Għal dan il-għan, tfasslu diversi Direttivi oħra tal-UE, fosthom dawk dwar is-sikurezza tal-kożmetiċi, tal-ġugarelli u tal-logħob tan-nar. Fl-1993 twaqqfet l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini ħalli timmaniġġja l-applikazzjonijiet biex il-prodotti mediċinali jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Ewropa. L-ebda mediċina ma tista’ titqiegħed fis-suq tal-UE mingħajr din l-awtorizzazzjoni.
L-Unjoni Ewropea tieħu azzjoni wkoll biex tħares lill-konsumaturi mir-reklamar falz u qarrieqi, mill-prodotti difettużi u minn abbużi f’oqsma bħall-kreditu tal-konsumaturi u l-bejgħ bil-posta jew ix-xiri mill-internet.

Fl-1971, l-Istati Uniti tal-Amerka ddeċidiet li tneħħi r-rabta fissa bejn id-dollaru u l-prezz uffiċjali tad-deheb, li kienet tiżgura ċertu stabbiltà monetarja dinjija wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dan il-pass ġab fi tmiemha s-sistema tar-rati fissi tal-kambju. Il-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-pajjiżi tal-Komunità Ekonomika Ewropea ddeċidew li jillimitaw iċ-ċaqliq fir-rati tal-kambju tal-muniti tagħhom għal mhux aktar minn 2.25 %, u b’hekk inħolqot is-‘sistema monetarja Ewropea’ li bdiet titħaddem f’Marzu 1979.
F’Ġunju 1989, il-mexxejja tal-UE waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Madrid adottaw pjan bi tliet stadji għal unjoni ekonomika u monetarja (l-UEM). Dan il-pjan sar parti mit-Trattat ta’ Maastricht dwar l-Unjoni Ewropea li adotta l-Kunsill Ewropew f’Diċembru 1991.
Fl-ewwel stadju, li beda fl-1 ta’ Lulju 1990:
Fit-tieni stadju, li beda fl-1 ta’ Jannar 1994:
Fit-tielet stadju twieldet l-ewro. Mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-1 ta’ Jannar 2002, l-ewro saret il-munita komuni tal-pajjiżi tal-UE li kienu qed jieħdu sehem (l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja). Il-Bank Ċentrali Ewropew ħa f’idejh ir-responsabbiltà tal-politika monetarja mingħand l-Istitut Monetarju Ewropew, li issa bdiet tiġi ddefinita u implimentata fil-munita l-ġdida.
Minħabba raġunijiet politiċi u tekniċi, meta tnediet l-ewro, id-Danimarka, l-Iżvezja u r-Renju Unit iddeċidew li ma jadottawhiex. Is-Slovenja ssieħbet fiż-żona tal-ewro fl-2007 u warajha ssieħbu Ċipru u Malta fl-2008, is-Slovakkja fl-2009, l-Estonja fl-2011, il-Latvja fl-2014 u l-Litwanja fl-2015.
Għalhekk iż-żona tal-ewro tilqa’ 19-il pajjiż tal-UE, u kull wieħed mill-Istati Membri l-oħra mistenni li jingħaqad magħhom meta jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa, għajr dawk li saritilhom eċċezzjoni waqt in-negozjati tat-trattat.
Biex jissieħeb fiż-żona tal-ewro, kull pajjiż tal-UE jrid jissodisfa dawn il-ħames kriterji ta’ konverġenza.
© mastermilmar/Shutterstock
Mill-1999, bil-munita komuni msejħa l-ewro, il-konsumaturi u n-negozji setgħu jqabblu l-prezzijiet aktar faċilment.
F’Ġunju 1997, il-Kunsill Ewropew ta’ Amsterdam adotta Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan hu impenn permanenti għall-istabbiltà baġitarja li jista’ jippenalizza lill-pajjiżi fiż-żona tal-ewro li jkollhom defiċit iżjed minn 3 % tal-PDG. L-istess idea kompliet tissaħħaħ fl-2012 meta l-gvernijiet ta’ 25 pajjiż tal-UE iffirmaw ftehim internazzjonali msejjaħ ‘it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja’. Dan it-Trattat jissejjaħ ukoll il-‘Patt Fiskali’ u jobbliga lill-pajjiżi parteċipanti biex fil-liġi nazzjonali tagħhom inaqqxu regoli dwar baġit bilanċjat.
Wara snin ta’ kriżi ekonomika dinjija, xi pajjiżi fiż-żona tal-ewro xorta għadhom lura sew milli jissodisfaw il-kriterji ta’ dawn il-ftehimiet. Il-Kummissjoni u l-Grupp tal-Ewro jibqgħu jħeġġuhom jagħmlu dan, l-aktar li jnaqqsu d-dejn pubbliku tagħhom.
Il-Grupp tal-Ewro huwa magħmul mill-ministri tal-finanzi tal-pajjiżi membri taż-żona tal-ewro. Dawn jiltaqgħu biex jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom u jissorveljaw il-politiki baġitarji u finanzjarji tal-pajjiżi tagħhom. Il-Grupp tal-Ewro jirrappreżenta wkoll l-interessi tal-ewro fil-forums internazzjonali. F’Jannar 2013, il-Ministru tal-Finanzi Olandiż, Jeroen Dijsselbloem, ġie elett bħala l-President tal-Grupp tal-Ewro u reġa’ ġie elett f’Lulju 2015 biex jagħmel mandat ieħor.
Il-kriżi finanzjarja tal-2008 żiedet ferm id-dejn pubbliku f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE. Iżda l-ewro ħarset lill-aktar ekonomiji vulnerabbli mir-riskju ta’ żvalutazzjoni waqt il-kriżi u waqt l-attakki tal-ispekulaturi fuq is-swieq finanzjarji dinjin.
© Danita Delimont/gettyimages
Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà għen lill-pajjiżi tal-UE, l-aktar lil dawk li ntlaqtu bil-kriżi ekonomika, bħall-Greċja.
Malli faqqgħet il-kriżi, ħafna banek ġew daharhom mal-ħajt u talbu l-għajnuna finanzjarja tal-gvernijiet nazzjonali, u allura żdied id-dejn pubbliku. Minħabba f’hekk, l-Ewropa xeħtet l-attenzjoni tagħha fuq id-djun tal-gvernijiet, u xi pajjiżi li kienu midjuna ferm minħabba żidiet kontinwi fid-defiċits tagħhom, kellhom jingħataw l-għajnuna matul ix-xitwa tal-2009–2010. Għal din ir-raġuni, il-mexxejja tal-UE ħolqu ‘l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà’. Dan iservi ta’ lqugħ protettiv li kapaċi jsellef €500 biljun bħala fondi ggarantiti mill-pajjiżi tal-ewro, u jintuża biex iħares l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-ewro. Bejn l-2010 u l-2013, Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, l-Portugall u Spanja għamlu ftehimiet ma’ diversi korpi tal-UE u mal-Fond Monetarju Internazzjonali għal għajnuna finanzjarja. Il-ftehimiet tfasslu skont is-sitwazzjoni fil-pajjiż partikolari, iżda ħafna drabi kienu jinkludu ċertu riformi biex titjieb l-effiċjenza fis-settur pubbliku tal-pajjiżi rispettivi. Sa tmiem l-2013, l-Irlanda kienet l-ewwel pajjiż li rnexxielha ttemm b’suċċess il-programm miftiehem ta’ aġġustament ekonomiku u reġgħet bdiet tissellef il-flus direttament fuq is-swieq tal-kapital. Il-Portugall u Spanja wkoll tejbu s-sitwazzjoni tagħhom u l-għajnuna tal-UE waqfet tingħata fl-2014; filwaqt li Ċipru temmet il-programm fl-2016.
Min-naħa l-oħra, il-Greċja sabitha aktar diffiċli biex timplimenta r-riformi strutturali fl-ekonomija tagħha — fosthom is-simplifikazzjoni tas-settur pubbliku, il-privatizzazzjonijiet u l-ħolqien ta’ sistemi ta’ pensjonijiet sostenibbli. Dawn ir-riformi ġew miftiehma għal żewġ programmi ta’ assistenza fl-2010 u fl-2014, u b’kollox swew lill-UE, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Fond Monetarju Internazzjonali €226 biljun. Kienu meħtieġa negozjati fit-tul u kumplessi qabel ma ntlaħaq it-tielet ftehim f’Lulju 2015, imsejjes fuq l-impenn sod tal-gvern Grieg biex jimplimenta l-politiki bil-għan li jtejjeb il-finanzi pubbliċi u jirriforma l-ekonomija tiegħu.
Bħala parti mir-reazzjoni għall-kriżi, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE bdew ukoll iħaddmu ċertu dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona li tfasslu apposta biex tissaħħaħ il-governanza ekonomika tal-UE. Matul il-proċess imsejjaħ ‘is-Semestru Ewropew’, l-Istati Membri huma obbligati li f’Ottubru ta’ kull sena, lill-Kummissjoni jippreżentawlha l-abbozz tal-baġits tagħhom għas-sena ta’ wara. Jekk ikun meħtieġ, imbagħad ikollhom jaġġustawhom skont l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni b’rabta ma’ kull azzjoni oħra li jkun hemm bżonn biex jintlaħqu l-għanijiet komuni li jkunu ġew miftiehma qabel. Kulma jmur is-sisien tal-governanza ekonomika u monetarja taż-żona tal-ewro jkunu d-diskussjonijiet minn qabel dwar il-pjanijiet tal-baġits nazzjonali, il-monitoraġġ tal-ekonomiji nazzjonali u regoli aktar stretti dwar il-kompetittività, b’sanzjonijiet meta xi pajjiż jikser ir-regoli finanzjarji.
B’hekk, minħabba l-bidla finanzjarja u ekonomika globali, l-Unjoni Ewropea jkollha tieħu azzjoni aktar ħarxa biex tiżgura li l-Istati Membri jmexxu l-baġits tagħhom b’mod responsabbli u jwieżnu lil xulxin finanzjarjament. Dan hu l-uniku mod kif tiżgura li l-ewro tibqa’ kredibbli bħala munita unika u li l-Istati Membri flimkien ikunu jistgħu jilqgħu l-isfidi ekonomiċi tal-globalizzazzjoni. Kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-Parlament Ewropew jisħqu fuq l-importanza tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali nazzjonali, għax — fil-ġejjieni — il-munita komuni tal-Ewropa ma tibqax vijabbli mingħajr xi forma ta’ governanza ekonomika komuni.
F’Settembru 2015, il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker ippreżenta l-proposti tiegħu dwar kif tista’ tissaħħaħ iż-żona tal-ewro. Dawn issejsu fuq rapport li kkonkludew il-ħames Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE li għandhom x’jaqsmu mal-ewro. Il-pjan jinkludi sistema komuni li tiggarantixxi d-depożiti tal-banek; rappreżentant wieħed taż-żona tal-ewro fl-istituzzjonijiet finanzjarji globali bħall-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji; sistema aktar demokratika u aktar effiċjenti li tissorvelja l-baġits tal-pajjiżi; koordinazzjoni tal-politika fiskali u bażi għall-ħarsien soċjali u għar-regoli tas-suq tax-xogħol. Fl-aħħar mill-aħħar, dan jaf jissarraf fil-ħolqien ta’ teżor komuni għaż-żona tal-ewro.
Issa parti mill-mandat tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew jgħin biex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha. Fl-2015 il-Bank nieda l-hekk imsejjaħ ‘faċilitar kwantitattiv’. Dan bil-għan li jixtri d-dejn tal-pajjiż, ħafna minnu pubbliku, bil-ħsieb li jistimula l-ekonomija. B’hekk tonqos ir-rata tal-imgħax, jitħeġġeġ l-investiment u jittaffa d-dejn pubbliku. Barra minn hekk tonqos ir-rata tal-kambju tal-ewro meta mqabbla mal-muniti l-oħra, li hi importanti ferm għall-esportazzjonijiet Ewropej.

Fil-bidu tad-disingħijiet, il-globalizzazzjoni bdiet toħloq rivoluzzjoni fl-ekonomija u fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies madwar id-dinja. F’kull rokna, l-ekonomiji bdew isiru aktar interdipendenti. Il-produzzjoni fl-Ewropa ġiet wiċċ imb wiċċ mal-kompetizzjoni ta’ ekonomiji emerġenti, l-aktar taċ-Ċina u ta’ pajjiżi oħrajn fl-Asja, li kienu aktar kompetittivi minħabba l-pagi baxxi f’dawn il-pajjiżi. Dan dgħajjef bil-qawwa l-mudell Ewropew ta’ soċjetà msejsa fuq servizzi soċjali pubbliċi u standards tal-għajxien għoljin.
Iżda fl-istess waqt, ir-rivoluzzjoni tat-teknoloġija, fosthom l-internet u t-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, fetħet il-bibien għal modi ġodda ta’ tkabbir u impjiegi.
Aktar riċenti, id-dinja theżżet bil-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi kbar li ġarrbet. Il-kriżi bdiet fis-settur finanzjarju Amerikan bl-hekk imsejjaħ self ‘sub-prime’, u d-dejn kbir fl-Ewropa kompla jgħarraq is-sitwazzjoni. B’hekk fl-Ewropa l-ekonomija qabdet it-triq għan-niżla u żdied il-qgħad. Din kienet l-agħar kriżi qatt ġrat wara l-kriżi tal-1929 li kienet wasslet għat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-konsegwenzi soċjali tar-riċessjoni — li laħqu l-qofol tagħhom fl-2010 u bdew jonqsu wara tkabbir moderat mill-2014 — ħarġu fid-dieher biż-żidiet kbar fil-qgħad, l-aktar fin-Nofsinhar tal-Ewropa u fost iż-żgħażagħ.
L-isforzi biex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha kienu meħtieġa qabelxejn fil-livell nazzjonali. Il-prijorità ewlenija għall-pajjiżi tal-UE kienet li jnaqqsu d-dejn pubbliku tagħhom, li wara l-kriżi kien kiber malajr għax żdiedet in-nefqa fuq is-servizzi soċjali. Xi pajjiżi mxew bil-għaqal biex jaslu filwaqt li oħrajn kellhom jitolbu aktar żmien biex jilħqu l-mira miftiehma li d-dejn tagħhom ma jaqbiżx it-3 %. Id-deċiżjonijiet politiċi li ħadu l-gvernijiet biex jindirizzaw il-kriżi laqtu direttament liċ-ċittadini tagħhom: kienu se jaċċettaw li tiżdied l-età tal-irtirar, li jonqsu r-rimborż tal-kura tas-saħħa u l-kwalità tas-servizzi soċjali tagħhom, jew li jinbidlu mill-qiegħ l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom? Jew kif se taffettwa s-sigurtà tagħhom in-nefqa fuq l-affarijiet militari? Fi żminijiet ta’ taqlib internazzjonali, din in-nefqa għandha tonqos, tibqa’ l-istess jew tiżdied?
Waqt dan iż-żmien, anke l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha kellhom rwol attiv biex l-ekonomija terġa’ tieħu r-ruħ. Filwaqt li ttieħdu bosta miżuri biex tissaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (ara l-Kapitlu 7), il-Kummissjoni nediet xi inizjattivi biex iżżid il-produttività u l-koeżjoni soċjali.
© shock/Adobe Stock
Jekk iż-żgħażagħ jiksbu investiment minn suq tal-kapital effiċjenti fl-Ewropa, dawn ikunu jistgħu joħolqu aktar kumpaniji ġodda.
Bħala parti minn din l-istrateġija, it-28 Stat Membru tal-UE qablu li:
Jean-Claude Juncker beda ħidmietu bħala l-President tal-Kummissjoni fl-2014 bi programm ambizzjuż biex iħeġġeġ it-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment. Hu nieda l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa biex iżid l-investiment bi €315-il biljun bejn l-2015 u l-2017. Dan seta’ jseħħ bil-Fond Ewropew għall-Investiment Strateġiku b’koperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment. Sa mill-ewwel sena tiegħu, dan il-Fond irnexxa u għalhekk fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, f’Settembru 2016, il-President Juncker ippropona li jirdoppja l-perjodu tal-Fond, u jipprovdi investimenti b’valur ta’ €500 biljun sal-2020, u b’valur ta’ €630 biljun sal-2022. Il-Fond jiggarantixxi self lill-investimenti pubbliċi jew privati, li mingħajr din il-proposta ma jistgħux iseħħu. Biex jibda, il-Fond għandu aċċess għal ammont ta’ fondi pubbliċi, u b’hekk iħalli effett multiplikatur li jattira l-investiment privat għall-istess proġetti. Il-Fond jiffoka fuq l-investimenti fl-infrastruttura, l-aktar fuq in-netwerks veloċi tad-dejta u l-grilji tal-enerġija, fl-infrastruttura tat-trasport, fl-edukazzjoni, fir-riċerka u l-innovazzjoni, fl-enerġija rinnovabbli u fin-negozji ż-żgħar. Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet ukoll li tuża l-istess sistema biex tippromwovi l-investiment fl-Afrika u fil-pajjiżi Ewropej ġirien.
L-internet u t-teknoloġiji diġitali għandhom rwol importanti fil-ħolqien tal-impjiegi tal-futur. Filwaqt li l-Ewropej qegħdin fuq quddiem nett f’ċertu oqsma, mhux kull opportunità diġitali qed tinħataf għan-nies u n-negozji. Minn fost iċ-ċittadini tal-UE, 15 % biss jixtru bl-internet mill-pajjiżi l-oħra tal-UE. Il-kumpaniji tal-internet u n-negozji l-ġodda ma jiħdux il-vantaġġ kollu tal-opportunitajiet ta’ tkabbir bl-internet u 7 % biss tan-negozji ż-żgħar ibigħu barra mill-fruntieri.
© lmgorthand/iStock
L-aċċess għall-films, għall-mużika u għall-servizzi tal-IT minn pajjiżi oħra tal-UE nkiseb bl-hekk imsejjaħ ‘suq uniku diġitali’.
Għalhekk fl-2015, il-Kummissjoni nediet pjan ta’ azzjoni biex tiżgura suq uniku diġitali sħiħ. Dan jinkludi l-koordinazzjoni tad-drittijiet kuntrattwali għax-xiri bl-internet ħalli tiżgura li l-konsumatur ikun protett, jorħos it-twassil tal-pakketti bejn il-fruntieri, jispiċċa l-imblukkar ġeografiku meta xi servizzi online ma jinbigħux fil-pajjiżi kollha, jissaħħu l-liġijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u ssir r-reviżjoni tar-regoli tal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni. Skont il-Kummissjoni, dawn il-miżuri jistgħu jwasslu biex jiżdied it-tkabbir fl-ekonomija tal-UE b’€415-il biljun fis-sena u jinħolqu 3.8 miljun impjieg ġdid.

Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea hi mnaqqxa fit-Trattat tal-UE: kull persuna li għandha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, tkun ċittadin tal-Unjoni; u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u tinbidel minflokha. (skont l-Artikolu 20(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea). Iżda fil-prattika, xi tfisser iċ-ċittadinanza tal-UE?
Jekk inti ċittadin tal-UE, għandek id-dritt tivvjaġġja, taħdem u tgħix fejn tixtieq fl-Unjoni Ewropea.
Jekk temmejt kors universitarju ta’ tliet snin jew aktar, il-kwalifika tiegħek jirrikonoxxuha l-pajjiżi kollha tal-UE għax l-Istati Membri tal-UE jemmnu fil-kwalità tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ta’ xulxin.
© germanacom/fotolia
L-Ewropej huma liberi li jgħixu u jaħdmu fil-pajjiż tal-UE li jagħżlu huma.
Inti tista’ taħdem fis-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni u f’servizzi pubbliċi oħrajn ta’ kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea (għajr mal-pulizija, il-forzi armati u l-bqija). Fil-fatt, x’jista’ jkun aktar naturali milli tħaddem għalliem Ġermaniż biex jgħallem il-Ġermaniż f’Ruma, jew li gradwat żagħżugħ Belġjan jitħeġġeġ jikkompeti f’eżami għas-servizz pubbliku ta’ Franza?
Qabel tivvjaġġa fl-UE, inti tista’ tikseb karta tal-assigurazzjoni tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea mingħand l-awtoritajiet nazzjonali tiegħek biex tgħinek tkopri l-ispejjeż mediċi jekk timrad waqt li tkun f’pajjiż ieħor.
Bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea m’intix sempliċement ħaddiem jew konsumatur: għandek ukoll drittijiet politiċi speċifiċi. Minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Maastricht, hi x’inhi n-nazzjonalità tiegħek, għandek id-dritt tal-vot u li tkun kandidat fl-elezzjonijiet lokali tal-pajjiż tar-residenza tiegħek u fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Mill-2012, għandek ukoll id-dritt li tressaq petizzjoni lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva — diment li fil-petizzjoni tkun ġbart miljun firma ta’ persuni minn tal-inqas seba’ pajjiżi tal-UE.
L-impenn tal-Unjoni Ewropea għad-drittijiet taċ-ċittadini tagħha ġie ċċarat f’Nizza f’Diċembru 2000 meta l-Kunsill Ewropew iddikjara solennement il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Din il-Karta fasslitha Konvenzjoni magħmula minn membri tal-parlamenti nazzjonali, MEPs, rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali u membru tal-Kummissjoni Ewropea. F’sitt intestaturi — id-Dinjità, il-Libertajiet, l-Ugwaljanza, is-Solidarjetà, id-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Ġustizzja — l-54 Artikolu li fiha jistabbilixxu l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini tal-UE.
Il-Karta tiftaħ b’Artikoli li jkopru d-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-‘integrità tal-persuna’ u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-kuxjenza. Il-Kapitolu dwar is-solidarjetà, b’mod innovattiv, jiġbor flimkien drittijiet soċjali u ekonomiċi bħal:
Il-Karta tippromwovi wkoll l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u tintroduċi drittijet bħall-protezzjoni tad-dejta, il-projbizzjoni tal-prattiki ewġeniċi u l-klonazzjoni riproduttiva tal-bnedmin, id-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tat-tfal u tal-anzjani u d-dritt għal amministrazzjoni tajba.
It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, jagħti lill-Karta l-istess forza legali bħat-Trattati — ħalli tkun tista’ tintuża bħala l-bażi biex wieħed jiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Iżda jeżisti protokoll partikolari li jispeċifika l-applikazzjoni tal-Karta fil-Polonja u fir-Renju Unit.
L-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ Lisbona jagħti bażi legali għall-UE biex tadotta l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Imbagħad din il-Konvenzjoni ma tibqax tissemma biss fit-Trattati tal-UE iżda jkollha wkoll forza legali fil-pajjiżi tal-UE, u b’hekk tipprovdi aktar protezzjoni għad-drittijiet tal-bniedem fl-Unjoni Ewropea.
Is-sens ta’ familja u ta’ destin komuni ma jistgħux jiġu manifatturati. Dawn jistgħu jinbtu biss minn kuxjenza kulturali komuni u għalhekk l-Ewropa jeħtiġilha tixħet l-attenzjoni tagħha mhux biss fuq l-ekonomija iżda anki fuq l-edukazzjoni, iċ-ċittadinanza u l-kultura.
L-UE ma tiddeċidix fuq kif għandhom jiġu organizzati l-iskejjel u l-edukazzjoni jew x’għandu jkun fih il-kurrikulu: dawn id-deċiżjonijiet jeħduhom il-pajjiżi. Iżda l-UE tmexxi bosta programmi taħt l-isem ‘Erasmus+’ li jħeġġu l-iskambji edukattivi ħalli ż-żgħażagħ imorru barra minn pajjiżhom biex jitħarrġu jew jistudjaw, jitgħallmu lingwi ġodda jew jieħdu sehem f’attivitajiet konġunti ma’ skejjel jew kulleġġi f’pajjiżi oħra. Bejn l-2014 u l-2020, aktar minn erba’ miljun persuna mistennija jirċievu appoġġ għax il-baġit żdied b’40 % biex jilħaq is-€16-il biljun, meta mqabbel mal-perjodu ta’ qabel.
Il-pajjiżi Ewropej qed jaħdmu flimkien — matul ‘il-proċess ta’ Bologna’ — biex joħolqu żona Ewropea ta’ edukazzjoni ogħla. Ngħidu aħna, dan ikun ifisser li l-korsijiet tal-università fil-pajjiżi kollha jwasslu biex il-lawrji (il-Baċellerat, il-Master’s u d-Dottorat) ikunu kumparabbli u rikonoxxuti f’kull pajjiż.
Fil-qasam tal-kultura, il-programm tal-UE ‘Ewropa Kreattiva’ jrawwem il-koperazzjoni fost il-produtturi tal-programmi televiżivi u l-films, il-promoturi, ix-xandara u korpi kulturali minn pajjiżi differenti. Dan jgħin biex jiżdiedu l-programmi televiżivi u l-films Ewropej ħalli jerġa’ jinstab bilanċ bejn il-produzzjonijiet Ewropej u dawk Amerikani.
Waħda mill-karatteristiċi essenzjali tal-Ewropa hi d-diversità tagħha fil-lingwi — u li tisseddaq din id-diversità hu għan importanti tal-UE. Fil-fatt, il-multilingwiżmu hu fundamentali għall-mod kif taħdem l-Unjoni Ewropea. Il-leġiżlazzjoni tal-UE trid tkun disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali kollha, u fid-dibattiti parlamentari kull MEP għandu d-dritt juża xi waħda minn dawn il-lingwi.
It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ħoloq il-kariga tal-Ombudsman biex l-UE toqrob iżjed lejn iċ-ċittadini tagħha. Il-Parlament Ewropew jaħtar lill-Ombudsman, li jibqa’ fil-kariga sakemm idum il-Parlament. Ir-rwol tal-Ombudsman hu li jinvestiga l-ilmenti kontra l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. Kull ċittadin tal-UE u kull persuna jew organizzazzjoni li tgħix jew hija bbażata f’xi pajjiż membru tal-UE tista’ tressaq ilment lill-Ombudsman.
Kull min jgħix f’xi pajjiż tal-UE jista’ wkoll iressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew. Din hija rabta importanti oħra bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-UE.
L-idea ta’ ‘Ewropa taċ-ċittadini’ għadha friska. Diġà jeżistu ċertu simboli tal-identità Ewropea komuni, fosthom il-passaport Ewropew li ilu jintuża mill-1985. L-UE adottat il-motto ‘Magħqudin fid-diversità’, u fid-9 ta’ Mejju tiċċelebra Jum l-Ewropa.
L-innu Ewropew meħud mill-‘Innu lill-Ferħ’ ta’ Beethoven, u l-bandiera Ewropea b’ċirku ta’ 12-il stilla tad-deheb fuq sfond blu ġew adottati fl-1985 bħala l-aktar simboli importanti tal-UE. L-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u ċ-ċittadini jistgħu jużaw dawn is-simboli kull meta jidhrilhom.
Iżda n-nies ma jistgħux iħossuhom parti mill-Unjoni Ewropea jekk ma jkunux jafu x’qed tagħmel l-UE u jifhmu għalfejn qed tagħmel dan. L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaf ikun jeħtiġilhom jaħdmu iżjed biex isawru kuntatt sod maċ-ċittadini, li sikwit iħossu li l-UE qiegħda ’l bogħod u mhux faċli tintlaħaq.
In-nies jeħtieġ iħossu wkoll li l-UE tagħmel differenza reali fil-ħajja tagħhom; u dwar dan, il-karti u l-muniti tal-ewro mill-2002 ħallew impatt kbir. Il-prezzijiet bl-ewro tal-oġġetti u tas-servizzi jfissru li l-konsumaturi jistgħu jqabblu l-prezzijiet minn pajjiż għal ieħor.
Il-kontrolli mal-fruntieri bejn ħafna mill-pajjiżi tal-UE tneħħew skont il-Ftehim ta’ Schengen u dan liċ-ċittadini jagħtuhom sens ta’ appartenenza għal żona ġeografika waħda u magħquda.
Iżda qabelxejn is-sens ta’ appartenenza joħroġ mis-sens ta’ involviment personali fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Kull ċittadin adult tal-UE għandu d-dritt jivvota fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u din hija sies ewlieni tal-leġittimità demokratika tal-UE. L-elezzjoni indiretta tal-President tal-Kummissjoni Ewropea waqt l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2014, li matulha l-partiti politiċi tħabtu biex jinħatar il-kandidat tagħhom għal din il-kariga, kienet pass li aktarx maż-żmien inaqqas dak li xi kultant jissejjaħ ‘id-defiċit demokratiku’. Fl-istess waqt, iż-żieda fil-voti għall-populisti u l-partiti Ewroxettiċi kienet twissija għall-istituzzjonijet tal-UE.
© germanacom/fotolia
Wieħed mid-drittijiet bażiċi li tnaqqax fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hu li jinstab bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u l-karriera.
L-Unjoni Ewropea twaqqfet biex taqdi lill-poplu Ewropew, u l-ġejjieni tagħha għandu jitfassal bl-involviment attiv ta’ nies minn kull qasam tas-soċjetà. Il-missirijiet fundaturi tal-UE għarfu dan mill-bidu nett. “M’aħniex qed niġbru l-istati flimkien, iżda qed ngħaqqdu lin-nies,” qal Jean Monnet fl-1952. Iż-żieda fl-għarfien tal-pubbliku dwar l-UE u l-involviment taċ-ċittadini fl-attivitajiet tagħha għadhom waħda mill-akbar sfidi li għandhom l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili.

Iċ-ċittadini Ewropej għandhom id-dritt jgħixu fil-libertà, bla biża’ ta’ persekuzzjoni jew vjolenza, kull fejn ikunu fl-Unjoni Ewropea. Iżda fi żmienna, il-kriminalità u t-terroriżmu internazzjonali huma fost it-tħassib ewlieni tal-Ewropej.
Maż-żmien it-Trattati sarulhom bosta emendi biex l-Unjoni Ewropea ssir aktar attiva f’dan il-qasam bl-għan li toħloq ‘żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja’.
It-Trattat ta’ Lisbona li daħal fis-seħħ fl-2009 jirrevedi wkoll kif jittieħdu d-deċiżjonijiet f’dawn l-oqsma: qabel dakinhar, l-Istati Membri kellhom ir-responsabbiltà li joħolqu u jmexxu ż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-ħidma twettqet l-aktar mill-Kunsill, jiġifieri, permezz ta’ diskussjoni u ftehim bejn il-ministri tal-gvern, filwaqt li l-Kummissjoni u l-Parlament kellhom biss rwol żgħir x’jaqdu. It-Trattat ta’ Lisbona biddel dan kollu: il-Kunsill issa jieħu ħafna mid-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza kwalifikata tal-voti u l-Parlament huwa sieħeb ugwali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li l-Kummissjoni għandha ċertu dritt ta’ inizjattiva.
Il-moviment liberu tan-nies fl-UE jqajjem kwistjonijiet ta’ sigurtà għall-Istati Membri, ladarba dawn m’għadhomx jikkontrollaw il-fruntieri interni tal-UE. Biex jikkumpensaw għal dan, għandhom jidħlu fis-seħħ ċertu miżuri għal aktar sigurtà mal-fruntieri esterni tal-UE. Barra minn hekk, billi l-kriminali jistgħu jisfruttaw il-moviment liberu fl-UE, il-forzi nazzjonali tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom jaħdmu flimkien biex jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera.
Wieħed mill-aktar passi importanti biex min jivvjaġġa jkollu ħajja aktar faċli fl-Unjoni Ewropea sar fl-1985, meta l-gvernijiet tal-Belġju, ta’ Franza, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-Lussemburgu u tan-Netherlands iffirmaw ftehim f’belt żgħira mal-fruntiera tal-Lussemburgu, bl-isem ta’ Schengen. Huma qablu li fil-fruntieri komuni tagħhom ineħħu l-kontrolli kollha fuq in-nies, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, jarmonizzaw il-kontrolli fil-fruntieri tagħhom mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE u jdaħħlu politika komuni dwar il-viżi. B’hekk ħolqu żona mingħajr fruntieri interni magħrufa bħala ż-Żona Schengen. Iċ-ċittadini li mhumiex fl-UE mhux dejjem jintalbu l-viża biex jidħlu fiż-żona Schengen għax l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehimiet ma’ għadd ta’ pajjiżi biex jeżentaw iċ-ċittadini tagħhom mir-rekwiżiti tal-viża. Waqt xi emerġenza, l-Istati Membri jistgħu jerġgħu jdaħħlu l-kontrolli fil-fruntieri tagħhom għal xi żmien limitat. Dan ġara fl-2015 u fl-2016 meta xi pajjiżi ġarrbu l-mewġiet għal għarrieda ta’ persuni li talbu l-ażil.
Minn dakinhar l-arranġamenti ta’ Schengen saru parti mit-Trattati tal-UE, u ż-żona Schengen bdiet tikber ftit ftit. Mill-2017, il-pajjiżi kollha tal-UE implimentaw ir-regoli ta’ Schengen, għajr il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, l-Irlanda, ir-Rumanija u r-Renju Unit. Fiż-żona Schengen ingħaqdu magħhom erba’ pajjiżi li mhumiex fl-UE — l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
© Associated Press
Fl-2015, mewġa kbira ta’ persuni talbu l-ażil fl-Ewropa u għalhekk l-UE ħadet bosta inizjattivi ġodda.
Waħda mill-pijoritajiet hija li l-kontrolli fil-fruntieri jsiru aktar stretti. Fl-2014 inħolqot aġenzija tal-UE magħrufa bħala l-Frontex u bbażata f’Varsavja biex tmexxi l-koperazzjoni tal-UE fejn tidħol is-sigurtà tal-fruntieri esterni. L-Istati Membri jistgħu jsellfulha dgħajjes, ħelikopters u ajruplani biex tagħmel rondi konġunti — ngħidu aħna f’ċertu żoni sensittivi tal-Mediterran. Waqt xi emerġenza, l-aġenzija tista’ tibgħat ukoll l-hekk imsejħa ‘Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri’, li jgħaqqdu lil gwardjani tal-fruntieri nazzjonali minn pajjiżi tal-UE. Fl-2016, il-mexxejja tal-UE ddeċidew li jżidu r-riżorsi għall-aġenzija biex tintervjeni malajr fil-fruntieri; bdiet tissejjaħ ‘il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera’ u tħabbret uffiċjalment f’Ottubru 2016.
L-Ewropa kburija bit-tradizzjoni umanitarja tagħha li tilqa’ lill-barranin u toffri ażil lir-refuġjati li jaħarbu l-periklu u l-persekuzzjoni. Iżda fi żmienna, il-gvernijiet tal-UE qed isibuha bi tqila ferm biex jittrattaw l-għadd dejjem akbar ta’ immigranti, kemm legali kif ukoll illegali, f’żona mingħajr fruntieri interni.
Il-gvernijiet tal-UE qablu li jarmonizzaw ir-regoli tagħhom sabiex l-applikazzjonijiet għall-ażil ikunu jistgħu jiġu pproċessati skont sett ta’ prinċipji bażiċi li huma rikonoxxuti bl-istess mod mal-Unjoni Ewropea kollha. Biex jintlaqgħu l-persuni li jitolbu l-ażil u jingħataw status ta’ refuġjat, ġew adottati ċertu standards minimi komuni.
Fl-aħħar snin, max-xtut Ewropej waslu mewġiet kbar ta’ immigranti irregolari u waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE hi tindirizza din il-problema. Il-gvernijiet tal-Istati Membri qed jaħdmu id f’id biex jindirizzaw id-dħul klandestin tal-persuni u biex jaqblu dwar arranġamenti komuni biex l-immigranti illegali jintbagħtu lura lejn pajjiżhom. Fl-istess waqt, l-immigrazzjoni legali qed tiġi kkoordinata aħjar bir-regoli tal-UE dwar ir-riunifikazzjoni mal-familja, dwar l-istatus ta’ residenti fit-tul u dwar l-aċċettazzjoni ta’ persuni li mhumiex ċittadini tal-UE u li jixtiequ jiġu fl-Ewropa biex jistudjaw jew iwettqu riċerka.
Iżda ż-żieda qawwija fl-2015 u fl-2016 fl-għadd ta’ persuni li kienu jaslu fl-Ewropa mil-Lvant Nofsani u mill-Afrika u jitolbu l-ażil, u l-eluf li kienu qed jitilfu ħajjithom waqt li jkunu qed jaqsmu l-Mediterran, ħolqu sfidi enormi. Din tat dimensjoni ġdida lill-kwistjoni tal-ażil għax id-differenzi bejn ir-refuġjati politiċi u r-refuġjati ekonomiċi huma ferm iżjed diffiċli biex jiġu stabbiliti. L-aktar pajjiżi tal-UE li huma esposti għall-mewġiet kbar ta’ persuni li jitolbu l-ażil fix-xtut u fl-ibħra territorjali tagħhom, bħall-Greċja u l-Italja, kienu qed jittamaw li l-pajjiżi l-oħra tal-UE juruhom aktar solidarjetà u jgħinuhom isibu soluzzjoni. Fl-2015, il-Ġermanja wriet li kienet l-aktar pajjiż li kien lest jagħti ażil lir-refuġjati politiċi.
Il-mexxejja tal-UE qablu fuq għadd ta’ miżuri differenti biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni ġdida; fosthom id-deċiżjoni biex il-persuni li jaslu l-Greċja u l-Italja u jitolbu l-ażil, jintbagħtu f’pajjiżi oħra tal-UE u d-deċiżjoni biex jitħaffef il-proċess biex min ma jingħatax ażil jintbagħat lura f’pajjiżu. Ħafna mill-persuni li kienu qed jitolbu l-ażil, qasmu lejn l-Ewropa mit-Turkija u għalhekk l-UE għamlet ftehim speċjali ma’ dan il-pajjiż. L-UE bagħtet esperti minn pajjiżi oħra biex jindirizzaw dawn il-mewġiet kull fejn iseħħu, żiedet il-kapaċità tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex twettaq operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ u biex tindirizza n-netwerks kriminali, u nediet missjoni militari fil-Mediterran.
Bejn l-2015 u l-2017, l-UE ddedikat aktar minn €10 biljun mill-baġit tagħha għall-għajnuna umanitarja lir-refuġjati fl-UE u ’l barra minnha.
Neħtieġu sforz koordinat biex nitħabtu kontra l-gruppi kriminali li jmexxu netwerks tat-traffikar tal-persuni u jisfruttaw lill-bnedmin vulnerabbli, l-aktar in-nisa u t-tfal.
Il-kriminalità organizzata qed issir dejjem aktar sofistikata u ħafna drabi tuża n-netwerks Ewropej jew internazzjonali għall-attivitajiet tagħha. It-terroriżmu wera biċ-ċar li jista’ jolqot kullimkien fid-dinja b’tant kefrija.
Għaldaqstant twaqqfet is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS). Din hija database kumplessa li biha l-forzi tal-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar il-persuni li nħarġilhom mandat ta’ arrest jew talba għal estradizzjoni, u dwar proprjetà misruqa bħall-vetturi jew ix-xogħlijiet artistiċi.
Wieħed mill-aktar modi effettivi kif jinqabdu l-kriminali hu billi jiġu traċċati l-flus li nkisbu bil-qerq. Għalhekk l-UE ppreżentat leġiżlazzjoni biex tipprevjeni l-ħasil tal-flus u b’hekk jinqata’ l-finanzjament lill-organizzazzjonijiet kriminali u terroristiċi.
L-akbar avvanz li sar fl-aħħar snin fil-qasam tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kien it-twaqqif tal-Europol, korp tal-UE bbażat f’The Hague li jħaddem uffiċjali tal-pulizija u uffiċjali tad-dwana. Dan jindirizza firxa wiesgħa ta’ kriminalità internazzjonali: it-traffikar tad-droga, il-kummerċ tal-vetturi misruqa, in-netwerks tat-traffikar tan-nies u tal-immigrazzjoni illegali, l-isfruttatment sesswali tan-nisa u tat-tfal, il-pornografija tat-tfal, il-falsifikazzjoni, it-traffikar tal-materjal radjuattiv u nukleari, it-terroriżmu, il-ħasil tal-flus u l-falsifikazzjoni tal-ewro.
L-Ewropa kienet u għadha mira tat-terroriżmu Iżlamiku minn gruppi assoċjati mal-Al Qaida u mal-hekk imsejjaħ ‘Stat Iżlamiku’ jew ‘Daesh’. Dawn ħasdu lid-dinja bl-attakki tagħhom fuq simboli ta’ valuri Ewropej bażiċi bħal-libertà tar-reliġjon u l-libertà tal-espressjoni. Fost dawn l-atti terroristiċi hemm l-attakk fuq il-persunal fl-uffiċċji ta’ rivista satirika f’Pariġi f’Jannar 2015 u l-qtil ta’ mijiet ta’ nies f’diversi attakki madwar l-Ewropa. L-Ewropej għandhom għadu imprevedibbli ħafna drabi b’bażijiet militari fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika, u għalhekk qed jidhrilhom li għandha tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn is-servizzi Ewropej tal-intelliġenza u tittieħed azzjoni politika u militari barra l-Ewropa.
Fost il-passi li pproponiet il-Kummissjoni biex tegħleb din it-theddida hemm it-twaqqif ta’ ċentru Ewropew għall-eċċellenza li jitħabat kontra r-radikalizzazzjoni, ineħħi l-aċċess tat-terroristi għall-finanzjament b’koperazzjoni bejn servizzi tal-intelliġenza finanzjarji, u jżid il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u kontra t-tixrid tal-propaganda mill-estremisti fuq l-internet.
Fost il-miżuri l-oħra li ttieħdu b’rabta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Ewropa hemm il-miżuri għal-linji tal-arju biex jikkontrollaw aħjar in-nies li jidħlu fl-UE u jitilqu minnha. Issa l-linji tal-ajru huma obbligati jirreġistraw id-dejta tagħhom fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri, li skont ċertu regoli jista’ jintuża mill-pulizija madwar l-Ewropa fil-ġlieda kontra t-terroristi.
Bħalissa fl-Unjoni Ewropea jitħaddmu bosta sistemi ġudizzjarji differenti fl-istess ħin, kull waħda fi ħdan fruntieri nazzjonali. Iżda l-kriminalità u t-terroriżmu internazzjonali ma jiqfux mal-fruntieri nazzjonali. Għalhekk l-UE teħtieġ qafas komuni biex tiġġieled it-terroriżmu, it-traffikar tad-droga u l-falsifikazzjoni, biex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien għaċ-ċittadini tagħha u biex ittejjeb il-koperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. L-UE teħtieġ ukoll politika komuni tal-ġustizzja kriminali biex tiżgura li l-koperazzjoni bejn il-qrati fil-pajjiżi differenti ma ssibx ostakli minħabba d-definizzjonijiet differenti ta’ ċerti atti kriminali.
© l-Unjoni Ewropea
Il-mexxejja tal-UE taw aktar riżorsi lill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex jgħinu fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE.
F’dan il-qasam, l-aktar eżempju importanti ta’ koperazzjoni fil-prattika hu ħidmet il-Eurojust, struttura ċentrali ta’ koordinazzjoni li twaqqfet f’The Hague fl-2003. L-iskop tagħha hu li l-awtoritajiet tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni nazzjonali jkunu jistgħu jaħdmu flimkien f’investigazzjonijiet kriminali li jinvolvu diversi pajjiżi tal-UE. Bl-esperjenza tal-Eurojust f’dan il-qasam, il-Kunsill iddeċieda li jaħtar prosekutur pubbliku Ewropew biex isegwi l-offiżi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE.
Għodda oħra għal koperazzjoni transfruntiera fil-prattika hi l-mandat ta’ arrest Ewropew li ilu jintuża minn Jannar 2004; u dan jieħu post il-proċeduri twal ta’ estradizzjoni.
Fil-qasam tal-liġi ċivili, l-UE adottat leġiżlazzjoni biex tgħin fl-applikazzjoni tas-sentenzi tal-qrati f’każijiet transfruntiera li għandhom x’jaqsmu mad-divorzju, is-separazzjoni, il-kustodja tal-ulied u t-talbiet għall-manteniment. Din għandha l-għan li tiżgura li s-sentenzi f’pajjiż wieħed ikunu applikabbli fil-pajjiżi l-oħra. L-UE ħolqot proċeduri komuni biex tissimplifika u tħaffef ir-riżoluzzjoni tal-każijiet transfruntiera fejn jidħlu talbiet ċivili żgħar u mhux kontestati bħal pereżempju l-irkupru tad-djun u l-falliment.

Mil-lat ekonomiku, kummerċjali u monetarju, l-Unjoni Ewropea saret forza dinjija ewlenija. Xi drabi jingħad li mil-lat ekonomiku l-UE saret ġgant iżda mil-lat politiku għadha ma żviluppatx daqskemm mistenni. Din hija eżaġerazzjoni. L-Unjoni Ewropea għandha ħafna influwenza fl-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u l-korpi speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti, u fis-summits dinjin dwar l-ambjent u l-iżvilupp.
Iżda hu minnu li mil-lat diplomatiku u politiku, l-UE u l-membri tagħha bagħqalhom ħafna x’jaqdfu biex jaslu jsemmgħu leħinhom għalenija dwar kwistjonijiet dinjin importanti. Barra minn hekk, id-difiża militari bħalha s-sies tas-sovranità nazzjonali, għadha f’idejn il-gvernijiet nazzjonali, li r-rabtiet tagħhom huma dawk maħluqa fi ħdan alleanzi bħan-NATO.
Il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni u l-politika ta’ sigurtà u difiża komuni jiddefinixxu l-kompiti ewlenin tal-politika barranija tal-UE. Dawn il-politiki ddaħħlu bit-Trattat ta’ Maastricht fl-1992, bit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1997, u bit-Trattat ta’ Nizza fl-2001; u jsawru t-tieni pilastru tal-UE — qasam ta’ politika li fi ħdanu l-azzjoni tittieħed bi ftehim intergovernattiv u li fih il-Kummissjoni u l-Parlament ftit li xejn għandhom rwol x’jaqdu. Id-deċiżjonijiet f’dan il-qasam jittieħdu b’konsensus iżda l-istati individwali jistgħu jastjenu. Għalkemm it-Trattat ta’ Lisbona żarma dawn il-pilastri mill-istruttura tal-UE, il-mod kif jiġu deċiżi l-kwistjonijiet tas-sigurtà u d-difiża ma nbidilx. Il-politika saret aktar viżibbli għax inħolqot il-kariga tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà.
Federica Mogherini, li hi wkoll Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, ilha tokkupa din il-kariga mill-2014. Hi tirrappreżenta l-opinjonijiet kollettivi tal-UE u taġixxi fl-organizzazzjonijiet u fil-konferenzi internazzjonali f’isem l-UE. Ir-Rappreżentant Għoli għandha l-għajnuna ta’ eluf ta’ uffiċjali tal-UE u nazzjonali li jiffurmaw is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna — jiġifieri s-servizz diplomatiku tal-UE.
Fi ftit kliem, il-għan tal-politika barranija tal-UE hu li tiżgura s-sigurtà, l-istabbiltà, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem — mhux biss fil-madwar (bħal fil-Balkani) iżda anki fi nħawi importanti oħra fid-dinja, bħall-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Kawkasu. L-għodda ewlenija tagħha hi s-‘setgħa tal-persważjoni’ mifruxa f’oqsma bħall-missjonijiet ta’ osservazzjoni fl-elezzjonijiet, l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp. Fl-2015, l-UE tat iżjed minn €1.5 biljun f’għajnuna umanitarja, u €5 biljun oħra ngħataw biex jgħinu lill-persuni spostati mill-bidu tal-gwerra fis-Sirja. L-UE tipprovdi 60 % tal-għajnuna dinjija għall-iżvilupp u tgħin lill-aktar pajjiżi fil-bżonn biex jegħlbu l-faqar, jipprovdu l-ikel liċ-ċittadini tagħhom, jevitaw id-diżastri naturali, ikollhom aċċess għall-ilma tax-xorb u jiġġieldu l-mard. Fl-istess waqt, l-UE tinkoraġġixxi b’mod attiv lil dawn il-pajjiżi jirrispettaw l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili, kif ukoll biex jiftħu s-swieq tagħhom għall-kummerċ internazzjonali. Il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew joqogħdu b’seba’ għajnejn biex l-għajnuna tingħata b’mod responsabbli u titmexxa u tintuża kif xieraq.
L-UE tista’ u trid tmur lil hinn mid-diplomazija tas-‘setgħa tal-persważjoni’? Dik hija l-isfida ewlenija għas-snin li ġejjin. Waħda mill-kisbiet il-kbar fil-qasam diplomatiku kienet ir-rwol deċiżiv li kellha l-UE biex tiżgura l-ftehim bejn l-Iraq u l-aktar potenzi dinjin qawwija fl-2015, b’rabta mal-programm nukleari tal-Iran u t-tneħħija tas-sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-pajjiż.
L-UE kellha wkoll rwol attiv ħafna fin-negozjati internazzjonali dwar il-gwerra ċivili fis-Sirja.
Iżda bosta jidhrilhom li d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Kunsill Ewropew u l-pożizzjonijiet komuni dwar kwistjonijiet internazzjonali ewlenin ħafna drabi m’huma xejn għajr l-inqas sforz konġunt. L-Istati Membri l-kbar jibqgħu jaqdu r-rwoli diplomatiċi individwali tagħhom; iżda l-Unjoni Ewropea toħroġ fid-dieher bħala attur tassew globali meta titħaddet b’vuċi waħda. Il-kredibbiltà u l-influwenza tal-UE jiżdiedu meta l-UE twaħħad il-qawwa ekonomika tagħha mas-setgħat kummerċjali billi timplimenta pass pass il-politika tas-sigurtà u tad-difiża.
Sa mill-2003, l-Unjoni Ewropea setgħet twettaq l-operazzjonijiet waqt il-kriżi għax b’mod volontarju l-Istati Membri offrew uħud mill-forzi tagħhom lill-UE biex twettaq dawn l-operazzjonijiet.
Ir-responsabbiltà biex jitwettqu dawn l-operazzjonijiet hi f’idejn grupp ta’ korpi politiċi-militari: il-Kumitat Politiku u tas-Sigurtà, il-Kumitat Militari tal-UE, il-Kumitat għall-Aspetti Ċivili tal-Immaniġġjar tal-Kriżijiet u l-Istat Maġġur tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-korpi jridu jagħtu rendikont ta’ ħidmiethom lill-Kunsill u huma bbażati fi Brussell.
Dawn l-għodod huma s-sustanza tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni; u l-UE tħaddimhom biex tkun tista’ twettaq il-kompiti li ħolqot hi stess — il-missjonijiet umanitarji u għall-paċi jew għaż-żamma tal-paċi. Dawn il-missjonijiet m’għandhomx jiddupplikaw ħidmet in-NATO, minħabba l-ftehimiet imsejħa ‘Berlin Plus’ li għamlu n-NATO u l-UE. Lill-UE, dawn tawha aċċess għar-riżorsi loġistiċi tan-NATO, għall-kxif, il-komunikazzjoni, il-kmand u t-trasport.
Sa mill-2003 l-Unjoni Ewropea nediet aktar minn 30 operazzjoni militari u missjoni ċivili. L-ewwel waħda saret fil-Bożnija-Ħerzegovina meta t-truppi tal-UE ħadu post il-forzi tan-NATO. Bil-bandiera Ewropea, dawn il-missjonijiet u l-operazzjonijiet twettqu jew qed jitwettqu fi tliet kontinenti. Fosthom hemm l-operazzjoni ‘Atalanta’ li tiġġieled il-piraterija tas-Somalja fil-Golf ta’ Aden, il-missjoni li tgħin lill-Kosovo biex jikseb tassew l-istat tad-dritt, il-missjoni ta’ taħriġ militari fil-Mali, il-missjoni ta’ protezzjoni ċivili fl-Ukrajna u l-azzjoni navali SOPHIA biex tiġġieled kontra t-traffikanti tal-bnedmin fil-Mediterran.
Billi maż-żmien it-teknoloġija militari qed issir aktar sofistikata u tiswa l-flus, il-gvernijiet tal-UE saru jħossu aktar il-bżonn li jaħdmu flimkien fil-manifattura tal-armi — l-aktar meta l-pajjiżi qed jagħmlu minn kollox biex inaqqsu n-nefqa pubblika ħalli jtaffu l-kriżi finanzjarja. Barra minn hekk, jekk il-forzi armati tagħhom ikunu se jwettqu missjonijiet konġunti barra mill-Ewropa, is-sistemi tagħhom iridu jaħdmu id f’id u t-tagħmir tagħhom irid ikun standardizzat biżżejjed. Minħabba f’hekk, fl-2003 il-Kunsill iddeċieda li jwaqqaf Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex tgħin fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet militari tal-UE.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li għaż-żmien fit-tul, se jkun hemm il-bżonn li tinħoloq politika tad-difiża Ewropea vera. Maż-żmien, aktar kemm l-Ewropej jintebħu li l-interessi tas-sigurtà komuni tagħhom għandhom jintrabtu mad-difiża tal-valuri u l-interessi strateġiċi tagħhom, aktar tiżdied il-popolarità ta’ din il-perspettiva. Bħalissa f’dinja instabbli, l-ebda potenza kbira jew żgħira ma tista’ tiżgura li waħedha tibni potenza militari li tassigura s-sigurtà tal-popolazzjoni kollha tagħha.
L-UE tista’ tindirizza l-kwistjonijiet kummerċjali f’isem l-Istati Membri tagħha. L-importanza tal-Ewropa bħala potenza kummerċjali tagħtiha bosta influwenza internazzjonali. L-UE tappoġġa s-sistema bbażata fuq ir-regoli li tħaddem id-WTO u li fiha 164 pajjiż membru. Din is-sistema tipprovdi ċertu trasparenza u ċertezza legali waqt li jkun qed isir il-kummerċ internazzjonali. Id-WTO tfassal il-kundizzjonijiet li skonthom il-membri tagħha jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom minn prattiki inġusti bħad-dumping (il-bejgħ tal-oġġetti bi prezz orħos minn kemm jiswew) li permezz tagħhom l-esportaturi jikkompetu kontra r-rivali tagħhom. Din tipprovdi wkoll proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim li jinqala’ bejn is-sħab kummerċjali.
Il-politika kummerċjali tal-UE hija marbuta mill-qrib mal-politika tal-iżvilupp tagħha. Bis-‘sistema ġenerali tal-preferenzi’ tagħha, l-UE tat aċċess bla dazji jew preferenzjali b’rata mraħħsa lis-suq tagħha għall-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u mill-ekonomiji fi tranżizzjoni. Saħansitra l-UE għamlet iżjed minn hekk fejn jidħlu l-ifqar 49 pajjiż fid-dinja għax l-esportazzjonijiet kollha tagħhom, għajr tal-armi, jidħlu fis-suq tal-UE bla dazji.
L-UE ma għandhiex ftehimiet kummerċjali speċifiċi mas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha fost il-pajjiżi żviluppati bħall-Istati Uniti u l-Ġappun. Iżda dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali tmexxew bil-mekkaniżmi tad-WTO, u bħalissa għaddejjin in-negozjati għal ftehimiet bilaterali. Fl-2014 ġie konkluż ftehim ekonomiku u kummerċjali bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea, u dan iffirmawh f’Ottubru 2016.
Fl-2013 inbdew negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ftehim ewlieni ta’ kummerċ ħieles magħruf bħala t-‘TTIP’. Dan jittratta kwistjonijiet bħall-ostakli doganali, l-armonizzazzjoni tal-istandards, l-aċċess għas-swieq pubbliċi, ir-rikonoxximent tat-titlu tal-oriġini u r-riżoluzzjoni tat-tilwim. Flimkien, iż-żewġt isħab jiffurmaw 40 % tal-kummerċ dinji li jservi 800 miljun konsumatur. Karatteristika oħra li l-ftehim jeħtieġ tiżgura hi li l-istandards mħaddma madwar id-dinja fil-futur ma jiddeċiduhomx il-kompetituri l-oħra, bħaċ-Ċina. L-UE tisħaq fuq ir-rispett għal standards għoljin fis-sikurezza tal-ikel, il-ħarsien soċjali, is-sigurtà tad-dejta u d-diversità kulturali. Jekk il-ftehim jidħol fis-seħħ, dan mistenni jiżdied it-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi tal-UE.
L-Unjoni Ewropea qed iżżid il-kummerċ tagħha mal-potenzi emerġenti f’partijiet oħra tad-dinja: miċ-Ċina u l-Indja sal-Amerika Ċentrali u t’Isfel. Il-ftehimiet kummerċjali ma’ dawn il-pajjiżi jinvolvu wkoll koperazzjoni teknika u kulturali. Wara l-Istati Uniti, iċ-Ċina saret it-tieni l-aktar sieħeb kummerċjali importanti tal-UE u l-akbar fornitur tal-importazzjonijiet fl-Unjoni. L-Unjoni Ewropea hi s-sieħeb kummerċjali ewlieni tar-Russja u l-akbar sors ta’ investiment barrani tagħha. Iżda l-Unjoni Ewropea imponiet sanzjonijiet kummerċjali kontra r-Russja bi protesta għall-annessazzjoni tal-Krimea fl-2014, li wasslu biex xekklu ferm il-flussi tal-kummerċ u tal-investiment.
© Andy Aitchison/In Pictures/Corbis
L-UE tippromwovi l-ftuħ tas-swieq u l-iżvilupp tal-kummerċ madwar id-dinja kollha.
Ir-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Afrika sub-Saħarjana ilhom jeżistu żmien twil. Skont it-Trattat ta’ Ruma tal-1957, dawk li kienu kolonji u territorji barranin saru assoċjati tal-Komunità. Id-dekolonjalizzazzjoni, li bdiet kmieni fis-sittinijiet tas-seklu l-ieħor, bidlet din ir-rabta f’tip ta’ assoċjazzjoni differenti, waħda bejn pajjiżi sovrani.
Il-Ftehim ta’ Cotonou, li ġie ffirmat fl-2000 f’Cotonou, il-belt kapitali tal-Benin, immarka stadju ġdid fil-politika tal-iżvilupp tal-UE. Dan il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) huwa l-aktar ftehim kummerċjali u ta’ għajnuna ambizzjuż u b’ambitu wiesa’ li qatt ġie konkluż bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw. Dan sar wara l-Konvenzjoni ta’ Lomé, li ġiet iffirmata fl-1975 f’Lomé, il-belt kapitali tat-Togo, u wara ġiet aġġornata minn żmien għal żmien.
Dan il-ftehim il-ġdid imur ferm lil hinn mill-ftehimiet ta’ qabel għax għamel minn relazzjonijiet kummerċjali bbażati fuq l-aċċess għas-suq mexa għal relazzjonijiet kummerċjali f’sens usa’. Dan idaħħal wkoll proċeduri ġodda biex jiġu indirizzati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.
© Tim Freccia/Associated Press
L-UE twettaq missjonijiet ċivili jew militari għaż-żamma tal-paċi bħal din il-forza kontra l-piraterija qrib ix-xtut tas-Somalja.
L-Unjoni Ewropea tat konċessjonijiet kummerċjali speċjali lill-anqas pajjiżi żviluppati, li 39 pajjiż minnhom iffirmaw il-Ftehim ta’ Cotonou. Sa mill-2005, dawn setgħu jesportaw kull tip ta’ prodott lejn l-UE mingħajr dazji.
Anki jekk din il-politika tradizzjonali tal-UE kellha effetti pożittivi fuq l-Afrika, din ma tissodisfax il-bżonnijiet tas-sitwazzjoni bħalissa. Partijiet kbar mill-Afrika, fin-Nofsinhar tas-Saħara, kellhom tkabbir ekonomiku u rnexxielhom jużaw ir-riżorsi naturali kbar tagħhom biex itejbu l-infrastruttura u l-livelli tal-għajxien tagħhom. Iżda l-gwerra, l-inkwiet u d-dittatorjati ħallew impatt qawwi fuq ir-reġjuni l-oħra. Ir-reġjun kollu tas-Saħel, daqsxejn ’l isfel mis-Saħara, tilef l-istabbiltà: fanatiċi reliġjużi bħall-grupp Boko Haram komplew ixerrdu l-biża’ u l-Qarn tal-Afrika nħakem minn gwerra ċivili u dittatorjati.
Dan iġib miegħu refuġjati politiċi. Anke n-nixfa li joħloq it-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-popolazzjoni qed iwasslu lin-nies biex jippruvaw jemigraw lejn l-Ewropa. Għalhekk, minbarra li tagħti l-għajnuna umanitarja, l-UE għandha raġunijiet biżżejjed biex tinvolvi ruħha fi strateġija ewlenija mfassla biex toħloq tkabbir ekonomiku fil-kontinent Afrikan u biex tistabbilixxi l-movimenti tal-popolazzjoni. Barra minn hekk, politika tal-immigrazzjoni Ewropea komuni tista’ tindirizza l-bżonn fit-tul li tinħoloq forza tax-xogħol ġdida fl-Ewropa, fejn il-popolazzjoni qed tixjieħ.

“L-Ewropa mhix se tinbena f’ħakka t’għajn, jew bi pjan wieħed. L-Ewropa se tissejjes fuq il-kisbiet il-kbar li qabelxejn joħolqu solidarjetà effettiva.” Dan il-kliem qalu Robert Schuman fid-dikjarazzjoni famuża tiegħu li nediet il-proġett ta’ integrazzjoni Ewropea fid-9 ta’ Mejju 1950. Kważi 70 sena wara, dan il-kliem għadu jgħodd daqs qabel. Is-solidarjetà bejn il-popli u n-nazzjonijiet Ewropej trid tadatta b’mod kostanti biex titratta l-isfidi l-ġodda li ġġib magħha d-dinja li dejjem qed tinbidel.
Dejjem hekk ġara matul l-istorja tal-Unjoni Ewropea. Fis-snin bikrin wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-fokus kien li tiżdied il-produzzjoni u li jkun żgurat ikel biżżejjed għal kulħadd. It-tlestija tas-suq uniku fil-bidu tad-disgħinijiet kienet kisba ewlenija. Fis-snin ta’ wara, inħolqu l-ewro u l-Bank Ċentrali Ewropew biex is-suq jibda jaħdem b’aktar effiċjenza. Fl-istess waqt, sar sforz ġmielu biex jixxejnu l-qasmiet li ħolqu r-reġimi Kommunisti matul il-Gwerra Bierda. Il-kriżi ekonomika li bdiet fl-2008 wriet li l-ewro kienet vulnerabbli għall-attakki tal-ispekulaturi globali. Biex jikkontrobattu dan, il-pajjiżi tal-UE iddeċidew li jikkoordinaw iżjed mill-qrib il-politiki ekonomiċi nazzjonali tagħhom u ħadu miżuri biex iwaqqfu Unjoni Bankarja. Aktar riċenti, l-isfidi relatati mas-sigurtà u l-immigrazzjoni ddominaw l-aġenda Ewropea.
Jean Monnet, l-arkitett il-kbir tal-integrazzjoni Ewropea, temm il-memorji tiegħu tal-1976 b’dawn il-kelmiet: “In-nazzjonijiet sovrani tal-imgħoddi ma għadhomx jistgħu jsolvu l-problemi ta’ żmienna: la jistgħu jiżguraw il-progress tagħhom u lanqas jieħdu r-riedni tal-ġejjieni. U l-Komunità hija biss pass wieħed fit-triq lejn id-dinja organizzata t’għada.” Minħabba l-globalizzazzjoni, fl-2017 għandna nirrassenjaw ruħna li l-Unjoni Ewropea tilfet ir-rilevanza politika? Jew jixraq li nistaqsu kif nistgħu naħfnu l-potenzjal ta’ aktar minn nofs biljun ċittadin Ewropew, li jaqsmu l-istess valuri u interessi?
L-Unjoni Ewropea fiha kważi 30 Stat Membru bi storja, lingwi u kulturi differenti ħafna u b’differenzi kbar fil-livelli tal-għajxien. Tista’ familja daqstant differenti ta’ nazzjonijiet toħloq ‘sfera pubblika’ politika komuni? Iċ-ċittadini tagħha jistgħu jiksbu sens komuni tal-‘identità Ewropea’ filwaqt li jintrabtu mill-qrib ma’ pajjiżhom, mar-reliġjon tagħhom u mal-komunità lokali tagħhom? Forsi dan jista’ jseħħ jekk l-Istati Membri tal-lum jimxu fuq il-passi tal-ewwel Komunità Ewropea li ħarġet mit-tifrik tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-leġittimità morali tagħha ssejset fuq ir-rikonċiljazzjoni u ż-żamma tal-paċi bejn il-ġnus li kienu għedewwa. Din ħaddnet il-prinċipju li kull Stat Membru, kbir jew żgħir, kellu l-istess drittijiet u kien jirrispetta l-minoritajiet.
La l-Istati Membri tal-UE u l-popli tagħhom għandhom l-istess għan, tista’ tissokta l-ħidma għall-integrazzjoni tal-Ewropa? Jew il-mexxejja tal-UE se jħaddmu aktar l-arranġamenti tal-‘koperazzjoni msaħħa’, li bihom gruppi ta’ Stati Membri jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bla ma jistennew lil ħadd? Jekk dawn l-arranġamenti jsiru n-norma, kull Stat Membru jkun liberu biex jagħżel jekk iħaddimx politika partikolari jew jekk iridx ikun parti minn istituzzjoni partikolari. Din is-soluzzjoni jaf iddoqq ħelu għax sempliċi iżda l-UE dejjem issejset fuq il-valur tas-solidarjetà, jiġifieri li naqsmu bejnietna kemm il-vantaġġi kif ukoll il-piżijiet. Dan ifisser li nħaddnu regoli u politiki komuni.
© FatCamera/iStock
L-Ewropej jeħtiġilhom jaħdmu flimkien illum għall-ġejjieni tagħhom.
Fl-istess waqt, il-kriżi ekonomika wriet li l-pajjiżi li jużaw l-ewro bħala l-munita tagħhom jinsabu f’sitwazzjoni speċjali ta’ dipendenza li wasslithom biex jaħdmu għalenija bħala grupp wieħed ta’ pajjiżi fil-qalba tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tiżdied l-integrazzjoni fiż-żona tal-ewro billi jissaħħu l-politiki fl-oqsma finanzjarji, baġitarji u ekonomiċi, iżda li tiżdied ukoll ir-responsabbiltà tal-leġittimità u demokratika għal dawn il-politiki. L-idea hi li jsir pass kwalitattiv ħalli ż-żona tal-ewro issir żona b’governanza ekonomika magħquda u ħalli l-Unjoni Ewropea kollha kemm hi tingħata dinamiżmu ġdid b’mod li jkun ta’ ġid għall-kontinent kollu.
L-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar urew il-bżonn kbir li tissaħħaħ il-koperazzjoni Ewropea fl-oqsma li tradizzjonalment huma riżervati għas-sovranità nazzjonali, jiġifieri s-sigurtà u d-difiża, il-ġustizzja u l-affarijiet interni — u b’mod partikolari l-kwistjoni tar-refuġjati. Aktarx li l-UE se taffaċċja l-akbar sfidi tagħha f’dawn l-oqsma u għalhekk jeħtieġ jinstabu soluzzjonijiet komuni biex iċ-ċittadini jingħataw sens akbar ta’ sigurtà u jġeddu l-fiduċja fl-Unjoni Ewropea.
Il-globalizzazzjoni tobbliga lill-Ewropa tikkompeti mhux biss mar-rivali tradizzjonali tagħha l-Ġappun u l-Istati Uniti iżda anke ma’ potenzi ekonomiċi li qed jikbru malajr bħall-Brażil, iċ-Ċina u l-Indja. L-Ewropa tista’ tkompli tipproteġi l-istandards soċjali u ambjentali tagħha billi tillimita l-aċċess għal swieq Ewropej? Anki jekk tagħmel dan, xorta ma tistax taħrab mir-realtajiet ebsin li ġġib magħha l-kompetizzjoni internazzjonali. Għalhekk aktarx ħafna forzi se jkomplu jimbuttaw lill-Ewropa biex issir attur tassew globali li jaħdem għalenija fix-xena dinjija u li jiddikjara l-interessi tiegħu b’mod effettiv billi jitħaddet b’vuċi waħda.
Fl-istess waqt, ħafna Ewropej jgħidu li l-UE jeħtiġilha tkun eqreb taċ-ċittadini tagħha. Il-Parlament Ewropew — li kull trattat ġdid tah setgħat akbar — jiġi elett b’mod dirett kull ħames snin b’suffraġju universali. Iżda l-persentaġġ tal-popolazzjoni li fil-fatt tivvota f’dawn l-elezzjonijiet ivarja minn pajjiż għal pajjiż, u l-għadd ta’ nies li joħorġu jivvutaw ħafna drabi jkun ftit. L-isfida għall-istituzzjonijiet u għall-gvernijiet nazzjonali tal-UE hi li jsibu modi aħjar kif jinfurmaw u jikkomunikaw mal-pubbliku (permezz tal-edukazzjoni, in-netwerks tal-NGOs, u l-bqija) u ħalli jrawmu il-ħolqien ta’ sfera pubblika Ewropea komuni li fiha ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jsawru l-aġenda politika. Din hi waħda mill-isfidi ewlenin li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ jindirizzaw biex jegħlbu l-ewroxettiċiżmu li jnebbet il-popoliżmu u jdgħajjef id-demokrazija.
Wieħed mill-akbar preġji tal-UE hu l-abbiltà tagħha li xxerred il-valuri Ewropej lil hinn mill-fruntieri tagħha: il-valuri bħar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem, iż-żamma tal-istat tad-dritt, il-protezzjoni tal-ambjent u ekonomija ħielsa b’qafas stabbli u organizzat u ż-żamma tal-istandards soċjali. Ir-reġjuni l-oħra tad-dinja se jqisu l-Ewropa bħala eżempju pożittiv skont kemm l-Ewropa tafferma l-valuri tagħha.
Aħna se nkunu nistgħu niġġudikaw jekk l-UE kisbitx dak li kien beħsiebha tikseb u jekk wasslitx riżultati tanġibbli biss jekk inkunu nistgħu nwieġbu mistoqsijiet bħal:
Jekk jirnexxilha tagħmel dan kollu, l-Ewropa se tibqa’ tikseb ir-rispett u tkun sors ta’ ispirazzjoni għall-bqija tad-dinja.

ONLINE
L-informazzjoni bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea hi disponibbli fuq is-sit web Europa:
https://europa.eu/european-union/index_mtPERSONALMENT
Madwar l-Ewropa kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni lokali tal-UE. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit:
https://europa.eu/european-union/contact_mtBIT-TELEFOWN JEW BIL-POSTA ELETTRONIKA
Europe Direct hu servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz permezz ta’ numru tat-telefon bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi tat-telefonija mobbli ma jagħtux aċċess għal numri 00 800 jew jistgħu jitolbu ħlas għal dawn it-telefonati), jew b’payphone minn barra mill-UE: +32 22999696, jew b’ittra elettronika fuq https://europa.eu/european-union/contact_mt
AQRA DWAR L-EWROPA
Il-pubblikazzjonijiet dwar l-UE jinsabu klikk ’il bogħod fuq is-sit web
https://op.europa.eu/mt/web/general-publications/publicationsRAPPREŻENTAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI EWROPEA
UFFIĊĊJI TAL-INFORMAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
DELEGAZZJONIJIET TAL-UNJONI EWROPEA
L-Ewropa fi 12-il lezzjoni
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Tagħrif għaċ-Ċittadini
1049 Brussell
IL-BELĠJU
Il-manuskritt ġie aġġornat f’Awwissu 2017
© l-Unjoni Ewropea, l-2017
Dan jista’ jerġa’ jintuża imbasta jingħaraf is-sors. Il-politika tal-Kummissjoni Ewropea għall-użu mill-ġdid tad-dokumenti tirregolaha d-Deċiżjoni 2011/833/UE (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39). Għal użu jew riproduzzjoni tar-ritratti jew ta’ materjal ieħor li mhumiex koperti bid-drittijiet tal-awtur tal-UE, irid jinkiseb il-permess dirett mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
| ISBN 978-92-79-71598-3 | doi:10.2775/504462 | NA-04-17-736-MT-N | |
| ISBN 978-92-79-71550-1 | doi:10.2775/754621 | NA-04-17-736-MT-C | |
| HTML | ISBN 978-92-79-71577-8 | doi:10.2775/009144 | NA-04-17-736-MT-Q |
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħhlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/web/general-publications/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.