2.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/7


Appell ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2012 mis-Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-11 ta’ Settembru 2012 fil-Kawża T-565/08, Corsica Ferries France SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-533/12 P)

2013/C 32/09

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Société nationale maritime Corse-Méditerranée (SNCM) SA (rappreżentanti: A. Winckler u F.-C. Laprévote, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Corsica Ferries France SAS, Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet tal-appellanti

tannulla parzjalment is-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fil-11 ta’ Settembru 2012, fil-Kawża T-565/08, Corsica Ferries France SAS vs Il-Kummissjoni Ewropea, sa fejn tannulla l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/611/KE, tat-8 ta’ Lulju 2008, dwar il-miżuri C-58/02 (ex N 118/02) li Franza implimentat favur is-Société Nationale Maritime Corse-Méditerranée (SNCM) (1) minħabba li (i) il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-analiżi tagħha tal-prezz ta’ bejgħ negattiv ta’ EUR 158 miljun, tal-kontribut ta’ kapital konġunt u konkomitanti, mill-CGMP, ta’ ammont ta’ EUR 8,75 miljun u ta’ għajnuna lill-individwi li tammonta għal EUR 38,5 miljun; u (ii) li l-analiżi, mill-Kummissjoni, tal-bilanċ ta’ ristrutturar, b’ammont finali ta’ EUR 15,81 miljun, kienet ibbażata fuq premessa żbaljata;

tikkundanna lil Corsica Ferries għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tqajjem erba’ aggravji intiżi għall-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-trasferiment bi prezz negattiv, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali mhux biss marret kontra l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni għall-applikazzjoni tat-test tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq, iżda wettqet żball ukoll żball ta’ liġi fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan it-test. Il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni u naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha billi kkunsidrat interpretazzjoni tat-test tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq li tmur kontra l-Artikolu 345 TFUE.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kontribut ta’ kapital, l-appellanti twiddeb lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, billi qieset li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-punti rilevanti kollha fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura paragunabbli tal-kundizzjonijiet ta’ investiment tal-kontributi f’kapital privat konkomitanti.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna lill-individwu, il-Qorti Ġenerali mhux biss żnaturat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, iżda wettqet ukoll żball ta’ liġi u naqset milli twettaq l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-vantaġġ li minnu bbenefikat is-SNCF.

Fir-raba’ lok, u fid-dawl tal-argumenti preċedenti, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-bilanċ ta’ ristrutturar ikkalkolat għal EUR 15,81 miljun, huwa ineffettiv.


(1)  ĠU L 225, p. 180.