15.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 247/25


Il-Ħamis, 10 ta' April 2008
Industriji kulturali fl-Ewropa

P6_TA(2008)0123

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa (2007/2153(INI)

2009/C 247 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 2005 tal-Organizazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (il-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 u l-14 ta' Novembru 2006 u tal-24 u l-25 ta' Mejju 2007, partikolarment fir-rigward tal-kontribuzzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-twettiq tal-objettivi ta' Liżbona, u r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar aġenda Ewropea għall-kultura,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/515/KE tat-18 ta' Mejju 2006 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata (COM(2007)0242) kif ukoll id-dokument ta' ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni mehmuż ma' din il-komunikazzjoni (SEC(2007)0570),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2003 dwar l-industriji kulturali (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2004 dwar il-qafas Komunitarju għal soċjetajiet ta' tmexxija kollettiva fil-qasam tad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE tat-18 ta' Otturbru 2005 rigward il-ġestjoni kollettiva u transkonfinali tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati għal servizzi tal-mużika leġittimi online (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0063/2008),

A.

billi l-kultura hija ġid pubbliku u għan fiha nnifisha li tiżviluppa l-individwu u li tibbenefika lis-soċjetà u fl-istess ħin trawwem it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-koeżjoni soċjali, kif ukoll l-iżvilupp reġjonali u lokali, kif juru l-istudji xjentifiċi riċenti, u b'mod paritkoli, kif emfasiżżat fl-studju tal-KEA dwar l-Affarijiet Ewropej għall-Kummissjoni fir-rigward tal-ekonomija tal-kultura fl-Ewropa,

B.

billi l-industriji kulturali ma setgħux jeżistu u lanqas iżidu mal-valur kulturali u ekonomiku Ewropew mingħajr input kontinwu ta' kontenut ġdid minn komunità kreattiva ħajja ta' awturi kreattivi, fl-oqsma kollha artistiċi, bħal dawk li jaħdmu l-films, il-kompożituri, l-awturi, l-artisti tal-arti viżiva u d-disinjaturi,

C.

billi l-industriji kulturali huma industriji li jagħtu lix-xogħol intellettwali valur miżjud ekonomiku u fl-istess ħin jiġġeneraw valuri ġodda għall-individwi u s-soċjetà; billi dawk l-industriji kulturali jinkludu industriji tradizzjonali bħaċ-ċinema, il-mużika u l-industriji tal-pubblikazzjoni, il-media u industriji tas-settur kreattiv (pereżempju l-moda u d-disinn), l-industriji tat-turiżmu, tal-arti u l-informazzjoni,

D.

billi, fid-dawl tad-definizzjoni mogħtija mill-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali, l-industriji kulturali jiġbru fihom is-setturi kollha li jgħaqqdu flimkien il-ħolqien, il-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi, li l-karattru tagħhom jiddistingwihom fin-natura tal-kontenut intanġibbli u kulturali; billi l-prodott tal-industriji kulturali hu tipikament protett mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

E.

billi, madankollu, rikonoxximent akbar, l-assigurazzjoni ta' status legali speċjali u appoġġ akbar għall-industriji kulturali u kreattivi kollha, inklużi n-negozji mikro u l-SMEs kif ukoll artisti individwali, huma meħtieġa sabiex jgħinu lil dawn is-setturi jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u sabiex jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona,

F.

billi l-industriji kulturali jipproduċu u jifirxu ġabra wiesgħa ta' kontenut sabiex jinfurmaw, jedukaw u jiddevertu lill-pubbliku, u dawn qed jibbażaw dejjem iżjed fuq teknoloġiji ġodda u format diġitali u awdjoviżiv ġdid, u li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea għandu jkollhom rwol ta' promoturi u regolaturi, waqt li jiggarantixxu li jiġu ppremjati ekonomikament, b'mod ġust u adegwat, dawk li joħolqu kontenut oriġinali billi jiġi żgurat il-ħarsien adegwat u effiċjenti tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati, u b'hekk tiġi assigurata s-sostenibilità tal-industriji kulturali Ewropej,

G.

billi forom ġodda ta' produzzjoni, ta' distribuzzjoni u ta' konsum qed joħorġu fis-soċjetà tal-informazzjoni u tat-teknoloġija diġitali tal-llum qed jiġġeneraw prodotti u servizzi kulturali ġodda li jeħtieġu protezzjoni mill-piraterija, iżda wkoll, b'mod aktar ġenerali, mudelli adatti inprenditorjali u ekonomiċi sabiex jiżguraw l-aċċessibilità, il-firxa u d-diversità ta' prodotti b'kontenut kulturali waqt li tiġi ppreservata n-natura speċifika meta mqabbla ma' prodotti kummerċjali ordinarji u jingħata kumpens ġust għall-kontenut kulturali għall-kategoriji kollha li jkollhom id-dritt tal-awtur meta dan jiġi użat,

H.

billi l-prodotti u s-servizzi kulturali għandhom karatteristiċi speċjali li jiddistinġwuhom minn prodotti u servizzi oħra, u li dawn għandhom jiġu meqjusa meta jitfasslu u jiġu implimentati politiki tal-Unjoni Ewropea,

I.

billi protezzjoni adegwata u effettiva tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati hi mezz essenzjali li jippermetti lill-awturi kreattivi li jiġu mħallsa b'mod ġust għall-isforzi kreattivi tagħhom fil-kuntest tal-isfruttar kummerċjali tax-xogħlijiet tagħhom, u billi din il-protezzjoni hi għalhekk indispensabbli għas-sopravvivenza tal-industriji kulturali,

J.

billi l-industriji kulturali u l-komunità kreattiva jagħtu kontribut vitali biex tiġi promossa d-diversità kulturali, waqt li jiżguraw għażla għall-konsumatur, iżidu d-diversità tal-imprenditorija, jiddemokratizzaw l-aċċess għall-kultura, isaħħu l-identità u l-integrazzjoni Ewropea, u jippromovu d-djalogu interkulturali,

K.

billi l-industriji kulturali jikkontribwixxu sew għall-iżvilupp u l-koeżjoni lokali u reġjonali, minħabba li jattiraw l-investiment turistiku, joħolqu kategoriji ġodda ta' prodotti u servizzi kummerċjali ta' natura “lokali” u, minħabba li joħolqu impjiegi ġodda u opportunitajiet ta' żvilupp ekonomiku, jimpedixxu li reġjuni imbiegħda u żvantaġġjati jiġu mwarrba soċjalment,

L.

billi l-awturi għandhom rwol fundamentali fl-attivitajiet tal-industriji kulturali u għandhom għalhekk jiġu pprovduti b'ambjent ekonomiku, legali u soċjali li jgħinhom jiżviluppaw il-potenzjal kreattiv tagħhom,

M.

billi jeħtieġ li l-kultura tkun allejata mill-qrib mal-edukazzjoni u l-formazzjoni bil-għan li jissaħħu l-produttività u l-kapaċità kreattiva tas-settur kulturali,

N.

billi l-esperjenza tal-“Kapitali Ewropej tal-Kultura” uriet b'mod konkret ir-rabta tas-settur kulturali mal-ħajja ekonomika u soċjali tal-ibliet u l-iżvilupp tal-abitanti,

O.

billi l-għajnuna tal-Istat u sussidji oħra għall-benefiċċji tas-settur kreattiv għandhom jitqiesu bħala investiment u mhux bħala lussu u għandhom jiġu evalwati b'mod ugwali skond ir-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE, il-Protokoll anness mat-Trattat ta' Amsterdam dwar is-sistema ta' xandir pubbliku fl-Istati Membri, l-Artikolu 151 tat-Trattat KE, u l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali,

P.

billi l-investiment privat u pubbliku kif ukoll il-patroċinju għandhom jiġu nkoraġġiti fis-settur kulturali,

Q.

billi l-konċentrazzjoni fuq is-settur tal-industriji kulturali tqiegħed riskji għad-diversità u għall-provvista ta' prodotti kulturali lill-konsumaturi,

R.

billi l-kreatività hi kundizzjoni għall-iżvilupp tal-innovazzjoni fl-Ewropa u l-kumpaniji teknoloġiċi Ewropej għandhom jibbenefikaw minn ħidma simbjotika mal-awturi kreattivi fi “gruppi” (clusters),

S.

billi jeħtieġ aktar appoġġ għal negozji żgħar u mikro biex jiġu promossi n-networks tagħhom, u għall-ħaddiema individwali f'dawk in-negozji, li jikkontribwixxu sew biex jinħoloq il-ġid fl-ekonomija, u billi l-awturi kreattivi għandhom jiġu megħjuna fit-taħriġ bħala intraprendituri kreattivi u inkoraġġiti li jgħixu permezz tal-kreattività tagħhom,

T.

billi l-frammentazzjoni fl-Ewropa tas-settur kreattiv, li tista' tiġi ġustifikata parzjalment minħabba raġunijiet ta' lingwa u ta' identità nazzjonali, u n-nuqqas ta' industriji kulturali ġenwini fuq skala Ewropea, jistgħu jkunu responsabbli li jillimitaw l-irwol kulturali tal-Ewropa fuq skala globali,

U.

billi d-diversità kulturali u l-moviment liberu tal-ideat jinsabu fl-oriġinalità, fil-pluralità tal-identitajiet u fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

V.

billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tikkostitwixxi valur essenzjali tal-Unjoni Ewropea li jiġi trażmess permezz tal-kultura, u billi din it-trażmissjoni ta' valuri tiffavorixxi l-integrazzjoni Ewropea,

W.

billi fis-settur tal-industriji kulturali, il-bilanċ bejn s-sessi huwa 'l bogħod milli jista' jitqies bħala realtà,

X.

billi, fl-industrija kulturali, in-nisa jokkupaw postijiet ta' responsabiltà biss fl-SMEs, jew inkella meta joħolqu huma stess l-intrapriżi tagħhom,

Y.

billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur TIMES (it-telekomunikazzjoni, l-internet, il-media, il-kummerċ elettroniku u l-kompjuters), li huwa bażi essenzjalt tal-industrija kulturali, estremament baxx fil-livell ta' 30 % biss, u peress li 20 % biss tal-intrapriżi ġodda f'dan is-settur huma stabbiliti min-nisa,

1.

Jilqa' l-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni lesti jirrikonoxxu l-irwol ċentrali li għandhom il-kultura u l-kreattività bħala fatturi importanti sabiex tiġi promossa ċ-ċittadinanza Ewropea, waqt li jqarrbu l-arti lejn il-publiku Ewropew u jilħqu l-għanijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona, u b'hekk tissaħħaħ aktar l-importanza tagħhom fl-iżvilupp tal-proġett Ewropew;

2.

Jenfasizza li, fi ħdan il-qafas tal-'ekonomija post-industrijali', il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea teħtieġ tiġi msaħħa permezz tas-setturi tal-kultura u tal-kreattività; jistieden, f'dan il-qafas, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu bħala prijoritajiet tagħhom, politiki bbażati mhux biss fuq innovazzjoni intraprenditorjali, imma wkoll fuq l-innovazzjoni ta' azzjonijiet kulturali u ta' ekonomiji kreattivi;

3.

Jinnota li l-industriji kulturali huma fornituri ewlenin ta' servizzi b'valur miżjud, li huma l-bażi ta' ekonomija dinamika tal-għarfien u għandhom għaldaqstant jiġu rikonoxxuti bħala kontribut importanti għall-kompetittività fl-Unjoni Ewropea;

4.

Jikkunsidra li l-industriji kulturali, li huma sors importanti ta' ħolqien tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari jeħtieġ li jutilizzaw it-talent kreattiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu tipi ġodda u innovattivi ta' tagħlim tul il-ħajja li jrawmu t-talent kreattiv;

5.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiċċaraw il-viżjoni Ewropea tal-kultura, tal-kreattività u tal-innovazzjoni u biex jiżviluppaw miżuri politiċi strutturati għall-implimentazzjoni prattika tal-iżvilupp ta' industriji kreattivi Ewropej u biex dan l-iżvilupp ikun inkluż fi strateġija verament Ewropea għall-kultura; jikkunsidra li, għal dan il-għan, l-identifikazzjoni tas-settur tal-industriji u tal-impriżi kulturali hi prijorità;

6.

Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tiżgura l-ġbir ta' statistika sistematika f'dan il-qasam ħalli l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jkollhom elementi statistiċi koerenti u komparabbli, neċessarji għall-iżvilupp ta' politiki adegwati mmirati lejn il-promozzjoni tas-settur kulturali u kreattiv;

7.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jintroduċu, fil-programmi tal-edukazzjoni sekondarja u ta' edukazzjoni ogħla tagħhom, taħriġ fl-intraprenditorija, b'mod speċjali fl-oqsma umanistiċi, l-arti u l-kultura;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni sabiex jinkorpora d-dimensjoni kulturali Ewropea, u speċifikament l-industriji u l-awturi kreattivi kulturali tagħha, b'mod aktar sħiħ u effettiv fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-Politika Ewropea tal-Viċinat, u fid-diskussjonijiet ewlenin għal djalogu ma' reġjoni oħra fid-dinja;

9.

Jikkunsidra li l-biċċa l-kbira tal-iżvilupp mgħaġġel tal-industriji kulturali jiddependi fuq il-possibilitajiet ta' mobilità transkonfinali, u għalhekk id-diffikultajiet dwar il-mandat ta' arrest Ewropew għandu jiġi indirizzat waqt li jitfasslu regoli f'dan ir-rigward, u jtenni għalhekk it-talbiet li stabbilixxa fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq dwar l-istatus soċjali tal-artisti;

10.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-idea li tiġi promossa l-mobilità għal persuni, prodotti u servizzi tas-settur kreattiv, b'konsiderazzjoni għar-regoli u l-prinċipji mniżżla fil-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta lill-Parlament Green Paper dwar is-suġġett, li tagħmel ġustizzja mal-ispeċifiċità tas-settur bħala riżorsa kulturali u ekonomika;

11.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat mudell soċjali u ekonomiku li jipprovdi network sikur u adegwat għall-imprendituri kreattivi, prinċipalment għal dawk li jaħdmu għal rashom, fis-setturi tal-kultura u tal-ekonomija kreattiva, setturi fejn s'issa kien hemm perċentwali għolja ta' impjieg għal żmien qasir u kundizzjonijiet tax-xogħol instabbli;

12.

Jikkunsidra li t-tmexxija kollettiva, transkonfinali u organizzata sew tad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati kif ukoll mudelli kummerċjali li jirrispettaw id-drittijiet ta' dawk li għandhom id-drittijiet huma essenzjali sabiex ikun possibbli li jiġi sfruttat b'mod sħiħ il-potenzjal kreattiv waqt li jiġi żgurat ħlas ġust għall-kategoriji kollha ta' dawk li għandhom id-drittijiet;

13.

Ifakkar lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tat-13 ta' Marzu 2007, u jsejjaħ għal approċċ Komunitarju li, fuq il-bażi tal-prinċipju ta' trattament indaqs, jikkunsidra in-natura speċifika tal-era diġitali, l-importanza li tiġi mħarsa d-diversità kulturali Ewropea, kif ukoll dik ta' kumpaniji interessati żgħar u lokali;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni, sabiex tipproċedi sistematikament u malajr kemm jista' jkun bl-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 151(4) tat-Trattat KE, sabiex jiġi żgurat li l-kultura u s-settur kulturali jiġu kkunsidrati fil-politiki l-oħra kollha Komunitarji, b' mod partikolari dawk relatati mas-suq intern, il-kompetizzjoni, il-kummerċ, l-intrapriżi u r-riċerka u l-iżvilupp, u li titqies aħjar in-natura speċjali tas-settur kulturali fl-implimentazzjoni ta' dawk il-politiki kif ukoll tal-politika esterna fir-rigward tal-inklużjoni tat-trattati internazzjonali bi qbil mal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali, u li l-Kummissjoni jkollha rwol proattiv u ttejjeb il-koperazzjoni internazzjonali;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu ħajja ġdida lill-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali u jqisu sew il-prinċipji li fuqhom hi bbażata fil-politiki interni u esterni tagħhom;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twaqqaf struttura għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet u tal-politiki li għandhom impatt fuq is-settur kulturali u kreattiv u sabiex twaqqaf task force għall-kultura u l-ekonomija kreattiva, ħalli tesplora aktar mill-qrib il-kontribuzzjoni diretta tal-kultura u tal-kreattività fuq l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali fl-Unjoni Ewropea; u sabiex tipproponi miżuri konkreti f'koperazzjoni mal-Parlament fil-kuntest tal-politiki Komunitarji;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' evoluzzjoni rapida teknoloġika u kummerċjali, u bil-għan li jiġi żgurat li l-industriji kulturali u l-awturi kreattivi jibbenefikaw mill-iżvilupp tal-pjattaformi diġitali, sabiex terġa tikkunsidra l-kwistjoni kontroversjali tal-proprjetà intellettwali mill-perspettiva kulturali u ekonomika u biex tistieden lill-parteċipanti ewlenin kollha tas-settur, prinċipalment operaturi telecom u fornituri tas-servizz tal-Internet, biex flimkien isibu soluzzjonijiet sostenibbli għall-partijiet interessati kollha fl-interess tal-bilanċ bejn il-possibilitajiet ta' aċċess għall-attivitajiet u l-kontenut kulturali u d-drittijiet ta' proprjetà intelletwali li jiggarantixxu ħlas ġust u effettiv lill-kategoriji kollha li għandhom id-drittijiet, għażla reali għall-konsumaturi u diversità kulturali; jiġbed l-attenzjoni dwar dan il-punt għall-fatt li l-kriminalizzazzjoni ta' dawk il-konsumaturi li mhux qed ifittxu li jagħmlu profitt mhix is-soluzzjoni ġusta biex tiġi miġġielda l-piraterija diġitali;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri rigward il-prevenzjoni u l-edukazzjoni u l-għarfien fost il-konsumaturi, speċjalment fost iż-żgħażagħ fl-iskejjel dwar il-valur tal-proprjetà intellettwali u l-kreattività b'mod ġenerali u sabiex tinkoraġġixxi lill-konsumaturi li jirrispettaw il-proprjetà intellettwali;

19.

Jistieden partikolarment lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-isforzi li qed isiru biex jiġu introdotti mudelli ġodda ta' kummerċ fl-era diġitali li jippermettu lill-konsumaturi li jieħdu l-benefiċċji kollha tat-teknoloġiji l-ġodda u fl-istess ħin jippreservaw id-dritt leġittimu ta' ħlas għall-kreazzjoni artistika u kulturali;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrikonoxxi li, bħala riżultat tal-Internet, il-modi tradizzjonali fl-użu ta' prodotti u servizzi kulturali inbidel kompletament u li hu essenzjali li jiġi żgurat aċċess mingħajr tfixkil għall-kontenut kulturali online u għad-diversità ta' espressjonijiet kulturali, li jmur lilhinn minn dak immexxi mill-loġika industrijali u kummerċjali, waqt li jiġi żgurat, barra minn hekk, ħlas ġust għall-kategoriji kollha li għandhom id-drittijiet;

21.

Hu tal-opinjoni li riforma tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hi vitali biex tiġi promossa l-kreattività u jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' xogħlijiet kulturali; jirrakkomanda l-Ftehim ta' Parigi bħala qafas għall-bilanċ ta' interess ġust bejn l-awturi kreattivi u l-konsumaturi;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu r-riżorsi meħtieġa ħalli jiġi żgurat li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jiġu rispettati u mħarsa;

23.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu li l-Internet jikkostitwixxi pjattaforma kbira ħafna għall-espressjoni kulturali, l-aċċess għall-għarfien u l-parteċipazzjoni demokratika fil-kreattività Ewropea, billi joħloq konnessjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet fis-soċjetà tal-informazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri għalhekk sabiex jevitaw li jadottaw miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ċivili u d-drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-prinċipji tal-proporzjonalità, l-effikaċja u l-effett dissważiv, bħas-sospensjoni tal-aċċess għall-Internet.

24.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-ġlieda kontra l-piraterija, biex tagħmel lill-partijiet kollha, inkluż lill-konsumaturi, konxji tar-responsabilitajiet tagħhom u biex tniedi kampanji ta' għarfien u ta' edukazzjoni;

25.

Jikkunsidra li huwa essenzjali li jkun hemm fondi adegwati għall-industriji kulturali u kreattivi kif ukoll għall-komunitajiet kreattivi, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa, waqt li jirrakkomanda metodu differenti ta' fondi u ta' sigurtà kulturali, u l-promozzjoni ta' qafas regolatorju u fiskali li jiffavorixxi l-industriji kulturali kif ukoll lill-komunitajiet kreattivi, u partikolarment ukoll l-applikazzjoni ta' krediti tat-taxxa u rati mnaqqsa tal-VAT għall-prodotti kulturali kollha, inklużi xogħlijiet online;

26.

Jenfasizza l-importanza għas-settur kreattiv Ewropew tal-infrastrutturi għall-informazzjoni libera bħalma hu l-WorldWideWeb, li huma bbażati fuq mudelli ta' parteċipazzjoni u standards miftuħa u jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq strateġija għal infrastrutturi ta' informazzjoni aktar miftuħa u interoperabbli;

27.

Jikkunsidra bħala meħtieġ għall-Fondi Strutturali, għall-programmi għall-SMEs u s-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka, għall-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet dimostrattivi (2007-2013) li jingħata post partikolari għall-iżvilupp u għall-fondi suffiċjenti għall-industriji kulturali u kreattivi, inklużi l-SMEs u impriżi artistiċi individwali f'dan il-qasam, u jtenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tagħmel studju dwar l-impatt ta' fondi tal-Fondi Strutturali, u s-Seba' Programm ta' Qafas, fuq setturi kulturali u edukattivi;

28.

28 Itenni l-importanza tal-objettivi tal-Bank Ewropew tal-Investiment fi ħdan l-Inizzjattiva ta' Innovazzjoni 2000(i2i), u jitlob li dawn jingħataw prijorità; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jesploraw aktar modi li jipprovdu għajnuna finanzjarja għall-bidu u t-tkabbir tal-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi (per eżempju permezz tas-Seba' Programm ta' Qafas); jinkoraġġixxi l-użu tal-Fondi Strutturali biex jingħata appoġġ lill-arti tradizzjonali u lis-setturi tal-wirt u lill-industriji kulturali u innovattivi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja dawk l-attivitajiet u tgħin sabiex jiġu disseminati l-aħjar prattiki;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromovi l-industriji kulturali fir-rigward ta' programmi ta' għajnuna teknika għall-pajjiżi terzi, partikolarment iċ-Ċina, l-Indja u l-Amerika Latina;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi u tappoġġja ftehim ta' sħubija bejn is-settur tal-industriji kulturali u s-setturi tal-informazzjoni u tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni sabiex jiġu promossi sinerġiji bejn il-kreattività u l-innovazzjoni fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tifli l-possibilità li jitwaqqaf programm bħall-Programm MEDIA, li jitkomplew il-proċeduri għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva għal-librerija diġitali Ewropea, jiġu stimulati u appoġġjati l-mużika, it-teatru u l-industriji tal-pubblikazzjoni sabiex tiġi ffaċilitata d-distribuzzjoni transnazzjonali tax-xogħlijiet, u bħala pass preliminari, jitwaqqaf mekkaniżmu skond il-programm “Culture” li jippermetti industriji kulturali mhux awdjoviżivi li jkollhom aċċess għall-fondi tal-Komunità sabiex jiġu promossi kotba (fost l-oħrajn permezz ta' stands konġunti tal-fieri tal-kotba), kif ukoll il-mużika u t-taħriġ professjonali;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-ammont ta' għajnuna għat-traduzzjoni minħabba li l-baġits allokati għall-programmi kulturali Ewropej m'humiex biżżejjed biex iwettqu l-objettivi li għandhom;

33.

Jikkunsidra li jeħtieġ li jiġi inkoraġġit is-settur kulturali u kreattiv billi jittejbu s-sistemi ta' kwalifiki, tal-apprendistat u tat-taħriġ, partikolarment billi jsir tentattiv li l-istudenti jiġu pprovduti f'kull livell ta' edukazzjoni, fid-dixxiplini kulturali u artistiċi, b'taħriġ li jippreparahom għall-ħajja professjonali, kif ukoll billi jiġu inkoraġġiti sinerġiji aħjar bejn in-negozji fis-settur u l-iskejjel u billi jiġu inkoraġġiti rabtiet aktar mill-qrib bejn skejjel u istituzzjonijiet fl-Istati Membri li diġà qed jaħdmu għal dan il-għan; jikkunsidra li jeħtieġ wkoll li jsir aktar progress favur ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi fl-istudji tal-arti;

34.

Jenfasizza n-natura speċjali ta' ċerti professjonijiet jew snajja' kif ukoll ta' ħiliet fis-setturi kulturali, kreattivi u tas-snajja', jenfasizza wkoll li l-kontinwità tagħhom trid tiġi mħarsa permezz ta' mekkaniżmi xierqa ta' trażmissjoni tat-tagħrif;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi xierqa ħalli jsaħħu l-istatus ta' ħiliet tradizzjonali sabiex jinkoraġġixxu l-mobilità u jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjieg għal dawk li jaħdmu fis-setturi relevanti fl-Unjoni Ewropea;

36.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħtu attenzjoni partikulari lil-livelli tas-salarji tan-nisa fl-industriji kulturali sabiex jiġi evitat li s-sistemi ta' remunerazzjoni adottati ma jinvolvux diskriminazzjoni fil-pagi bbażata fuq is-sess;

37.

Jenfasizza l-irwol importanti li għandhom l-industriji kulturali fil-ġlieda kontra l-isterjotipitas-sessi, fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u fil-bdil tal-mentalità; jistieden lill-Istati Membri sabiex jinkoraġġixxu u jappoġġjaw kull inizjattiva li tista' tittieħed mill-industriji kulturali għal dan il-għan;

38.

Jappella lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali tagħhom sabiex jiżguraw komunikazzjoni aħjar bejn l-industriji kreattivi u dawk li jiffinanzjawhom, bl-iżvilupp ta' servizzi ta' konsultazzjoni dwar it-tmexxija tal-intrapriżi, pariri finanzjarji, informazzjoni u taħriġ għall-intrapriżi ż-żgħar, għall-imprendituri u għal dawk li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv;

39.

Jagħti importanza kbira lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/65/KE u jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha fil-ħin u lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi lill-Parlament b'informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dik id-direttiva;

40.

Jenfasizza l-opportunitajiet maħluqa permezz ta' “broadband” b'veloċità għolja u estiża sew u ta' teknoloġiji “wireless” ġodda fl-iżvilupp u fid-disseminazzjoni ta' servizzi kulturali u ta' kontenut kulturali ġodda u innovattivi fl-inħawi rurali kif ukoll urbani ta' kull wieħed mis-27 Stat Membru; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta' network “broadband” f'zoni rurali u periferali sabiex tingħeleb id-differenza diġitali; jinnota li l-avvanzi teknoloġiċi jagħmluha possibbli għall-konsumatur li jkollu aċċess aktar malajr għal kontenut kulturali;

41.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar il-pożizzjoni li s'issa ħadu fir-rigward tas-servizzi awdjoviżivi fi ħdan il-qafas ta' taħdidiet dwar kummerċ internazzjonali u jitlobhom biex fil-futur, fil-qafas tan-negozjati tad-WTO-GATS, jibqgħu ma jagħmlux la offerti sabiex jilliberalizzaw is-servizzi awdjoviżivi u lanqas talbiet li permezz tagħhom jingħataw deroga mill-applikazzjoni tal-klawsola tan-nazzjon l-aktar favorit;

42.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien fl-2007 tal-premju annwali Ewropew għaċ-ċinema (PRIX LUX) bħala tisħiħ tal-politika kulturali, tal-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, tal-ħarsien tat-tradizzjonijiet kulturali u l-promozzjoni tal-iskambji; u jitlob biex fi ħdan dan il-premju titqies b'mod partikulari l-parteċipazzjoni u l-kreatività tan-nisa bħala għarfien tal-kontribut tagħhom għall-iżvilupp u l-evoluzzjoni taċ-ċinema Ewropew;

43.

Jitlob lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-UNESCO u lill-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.

(2)  ĠU L 201, 25.7.2006, p. 15.

(3)  ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 459.

(4)  ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 425.

(5)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p.64.

(6)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0236.