Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil‑Kawża C‑356/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill‑Oberster Gerichtshof (l‑Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fl‑4 ta’ Settembru 2009, fil‑proċedura

Pensionsversicherungsanstalt

vs

Christine Kleist ,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal‑Awla, A. Arabadjiev (Relatur), A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il‑proċedura bil‑miktub u wara s‑seduta tat‑2 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidrat l‑osservazzjonijiet ippreżentati:

– għall‑Pensionsversicherungsanstalt, minn A. Ehm, Avukat,

– għal C. Kleist, minn H. Forcher‑Mayr, Avukat,

– għall‑Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il‑konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tas‑16 ta’ Settembru 2010,

tagħti l‑preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva tal‑Kunsill 76/207/KEE, tad‑9 ta’ Frar 1976, dwar l‑implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali għall‑irġiel u n‑nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal‑aċċess għall‑impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax‑xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187) kif emendata bid‑Direttiva 2002/73/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑23 ta’ Settembru 2002, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255) (iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 76/207”).

2. Din it‑talba tressqet fil‑kuntest ta’ kawża bejn C. Kleist u l-persuna li timpjegaha, il‑Pensionsversicherungsanstalt (iktar ’il quddiem il‑“korp tal‑assigurazzjoni tax‑xjuħija”) dwar il‑kundizzjonijiet tat‑terminazzjoni tal‑kuntratt tax‑xogħol ta’ C. Kleist.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3. Id‑Direttiva 76/207, li ġiet abrogata bid‑Direttiva  2006/54/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal‑5 ta’ Lulju 2006, dwar l‑implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal‑irġiel u n‑nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill‑ġdid) (ĠU L 204, p. 23) b’effett mill‑15 ta’ Awwissu 2009, fl‑Artikolu 2 tagħha kienet tipprovdi:

“1. Għall‑iskopijiet tad‑dispożizzjonijiet li ġejjin, il‑prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l‑ebda diskriminazzjoni tkun xi tkun fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’referenza b’mod partikolari għall‑i status konjugali jew tal‑familja.

2. Għall‑iskopijiet ta’ din id‑Direttiva, it‑tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

– diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli,

– diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma persuni tas‑sess l‑ieħor, kemm‑il darba dik id‑dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l‑mezzi biex jintlaħaq din il‑mira ma jkunux xierqa u meħtieġa,

[…]”

4. Skont l‑Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id‑direttiva, “[l]‑applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali tfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq il‑bażi ta’ sess fis‑setturi pubbliċi jew privati, inklużi korpi pubbliċi, fir‑rigward ta’ […] impjieg u kondizzjonijiet ta’ xogħol, inklużi s‑sensji, kif ukoll paga kif [kienu] previsti fid‑Direttiva 75/117/KEE” tal‑Kunsill, tal‑10 ta’ Frar 1975, dwar l‑approssimazzjoni tal‑liġijiet tal‑Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal‑applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ paga ndaqs għall‑irġiel u għan‑nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179).

5. L‑Artikolu 7(1) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 79/7/KEE, tad‑19 ta’ Diċembru 1978, dwar l‑implimentazzjoni progressiva tal‑prinċipju tat‑trattament ugwali tal‑irġiel u n‑nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215) jipprovdi:

“Din id‑Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad‑dritt ta’ l‑Istati Membri li jeskludu mill‑għan tagħha:

a) l‑iffissar ta’ età tal‑pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta’ l‑anzjanità u rtirar u l‑konsegwenzi li jistgħu jiġu minnhom għall‑benefiċċji l‑oħra;

[…]”

Id‑dritt nazzjonali

6. L‑Artikoli 1 sa 3 tal‑Liġi kostituzzjonali federali dwar l‑età differenti tal‑irtirar applikabbli għall‑persuni assigurati ta’ sess maskili u għal dawk ta’ sess femminili (Bundesverfassungsgesetz über unterschiedliche Altersgrenzen von männlichen und weiblichen Sozialversicherten) tad‑29 ta’ Diċembru 1992 (BGBl. 832/1992), jipprovdu kif ġej:

“ Artikolu 1. Id‑dispożizzjonijiet legali li jipprovdu etajiet differenti għall‑irtirar tal‑persuni assigurati ta’ sess maskili u femminili li jaqgħu taħt sistema legali ta’ sigurtà soċjali huma leġittimi.

Artikolu 2. Mill‑1 ta’ Jannar 2019, l‑età li tagħti d‑dritt għall‑pensjoni ta’ irtirar antiċipat għall‑persuni assigurati ta’ sess femminili ser tiżdied b’sitt xhur mill‑1 ta’ Jannar ta’ kull sena sal‑2028.

Artikolu 3. Mill‑1 ta’ Jannar 2024, l‑età li tagħti d‑dritt għall‑pensjoni ta’ irtirar għall‑persuni assigurati ta’ sess femminili ser tiżdied b’sitt xhur mill‑1 ta’ Jannar ta’ kull sena sal‑2033.”

7. Il‑Liġi ġenerali dwar is‑sigurtà soċjali (Allgemeines Sozialversicherungsgesetz) tad‑9 ta’ Settembru 1955 (BGBl. 189/1955), kif emendata (iktar ’il quddiem l‑“ASVG”), tapplika kemm għall‑ħaddiema kif ukoll għall‑impjegati, bis‑saħħa tal‑Artikolu 270 tagħha. L‑Artikolu 253(1) ta’ din il‑liġi jipprovdi li meta jagħlqu l‑età normali tal‑irtirar, li hija ta’ 65 sena għall‑irġiel u ta’ 60 sena għan‑nisa, il‑persuni assigurati għandhom dritt għal pensjoni ta’ rtirar fil‑każ fejn ikun intemm il‑perijodu minimu ta’ kontribuzzjonijiet imsemmi fl‑Artikolu 236 tal‑imsemmija liġi.

8. Mid‑deċiżjoni tar‑rinviju jirriżulta li fid‑dritt Awstrijak il‑pensjoni ta’ rtirar legali (mogħtija taħt l‑ASVG) ma tistax titnaqqas għaliex tinżamm relazzjoni ta’ xogħol jew l‑eżerċizzju ta’ attività professjonali indipendenti wara li tinqabeż l‑età li tagħti d‑dritt għall‑imsemmija pensjoni.

9. Il‑ftehim kollettiv applikabbli għall‑kawża prinċipali huwa l‑Iskema Speċjali B applikabbli għat‑tobba u għad‑dentisti impjegati ma’ korpi ta’ sigurtà soċjali Awstrijaċi (Dienstordnung B für die Ärzte und Dentisten bei den Sozialversicherungsträgern Österreichs, iktar ’il quddiem id‑“DO.B”). Dan il‑ftehim kollettiv jistabbilixxi sistema speċjali ta’ tkeċċija fejn l‑impjegati, li jkunu ħadmu għal għaxar snin jew iktar mal‑korp li jħaddimhom, ikunu jistgħu jitkeċċew għal ċerti raġunijiet speċifiċi biss.

10. L‑Artikolu 134 tad‑DO.B jipprovdi kif ġej:

“[…]

2) It‑tobba, li ma jistgħux jitkeċċew, jistgħu jirtiraw jekk

[…]

2. [ikollhom] dritt għall‑pensjoni ta’ irtirar skont l‑Artikolu 253 tal‑ASVG […]

[…]

4) Il‑Bord tad‑Diretturi jista’ jġiegħel tabib, li ma jistax jitkeċċa, jirtira meta dan tal‑aħħar

1. jissodisfa r‑rekwiżiti msemmija fil‑punt [...] 2 […] tat‑tieni paragrafu

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11. C. Kleist, imwielda fi Frar 1948, kienet impjegata bħala tabib prinċipal mal‑korp tal‑assigurazzjoni tax‑xjuħija.

12. Dan tal‑aħħar kien ħa d‑deċiżjoni li jkeċċi lill‑impjegati kollha tiegħu, irġiel jew nisa, li jissodisfaw il‑kundizzjonijiet sabiex jiġu mġiegħla jirtiraw skont id‑DO.B. Permezz ta’ ittra tad‑9 ta’ Jannar 2007, C. Kleist informat lill-persuna li timpjegaha li ma kellhiex l‑intenzjoni li tirtira mas‑60 sena, iżda li xtaqet taħdem sal‑età ta’ 65 sena. Madankollu, permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2007 din ikkomunikatilha d‑deċiżjoni tagħha li ġġegħelha tirtira mill‑1 ta’ Lulju 2008.

13. C. Kleist ikkonstestat it‑tkeċċija tagħha quddiem il‑Landesgericht Innsbruck (Qorti Reġjonali ta’ Innsbruck). Is‑sentenza mogħtija minn din tal‑aħħar fl‑14 ta’ Marzu 2008, fejn hija kienet tilfet il‑kawża, intbiddlet permezz ta’ sentenza mogħtija fit‑22 ta’ Awwissu 2008 mill‑Oberlandesgericht Innsbruck (Qorti tal‑Appell ta’ Innsbruck) li tat deċiżjoni bħala qorti tal‑appell fil‑qasam tad‑dritt tax‑xogħol u tad‑dritt soċjali. Il‑korp tal‑assigurazzjoni tax‑xjuħija sussegwentement ippreżenta rikors fuq punt ta’ liġi quddiem l’Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema).

14. L‑Oberster Gerichtshof tenfasizza li s‑sistema ta’ tkeċċija stabbilita mid‑DO.B tidderoga mis‑sistema ġenerali stabbilita mil‑leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwantu din tal‑aħħar tipprovdi li t‑terminazzjoni unilaterali tar‑relazzjoni tax‑xogħol, bħala prinċipju, ma għandhiex tiġi ġġustifikata. Madankollu, hija tindika li dan il‑fatt ma jeskludix l‑applikazzjoni tal‑protezzjoni ġenerali kontra t‑tkeċċija abbużiva pprovduta, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill‑imsemmija leġiżlazzjoni, fil‑każ fejn din it‑terminazzjoni tippreġudika l‑interessi essenzjali tal‑ħaddiem u fejn il-persuna li timpjegaha ma tistax tiġġustifikaha permezz ta’ raġunijiet marbuta mal‑impriża jew mal‑ħaddiem b’mod personali.

15. Imbagħad il‑qorti tar‑rinviju ssostni li, sabiex jiġi ddeterminat jekk din it‑terminazzjoni tippreġudikax l‑interessi essenzjali tal‑ħaddiem, hija meħuda inkunsiderazzjoni l‑kopertura tas‑sigurtà soċjali li jibbenifika minnha dan tal‑aħħar, b’mod partikolari, għal dak li jikkonċerna d‑dħul ta’ pensjoni ta’ rtirar. Issa, l‑istess kriterju huwa applikat fil‑kuntest tad‑dispożizzjoni tad‑DO.B inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, liema dispożizzjoni tawtorizza lill-persuna li timpjegaha sabiex ma tapplikax protezzjoni kontra t‑tkeċċija, li hija waħda msaħħa meta mqabbla ma’ dik li tirriżulta mis‑sistema legali, għall‑ħaddiema li għandhom pensjoni ta’ rtirar u billi għaldaqstant, tiftaħ il‑possibbiltà li jiġu impjegati ħaddiema iżgħar fl‑età.

16. L‑Oberster Gerichtshof tistaqsi jekk il‑kriterju tas‑sitwazzjoni soċjali tal‑ħaddiem, li għaldaqastant jista’ juża d‑dritt Awstrijak fil‑qasam tat‑tkeċċija, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni, bl‑istess mod bħall‑kriterju tal‑età, fil‑kuntest tal‑evalwazzjoni tal‑paragun bejn is‑sitwazzjonijiet tal‑ħaddiema. Din il‑qorti tirrileva li l‑irġiel u n‑nisa huma ttrattati bl‑istess mod f’dan ir‑rigward, peress li huma jitilfu l‑benefiċċju tal‑protezzjoni msaħħa kontra t‑tkeċċija mogħtija mid‑DO.B hekk kif jibbenifikaw minn kopertura ta’ sigurtà soċjali.

17. Il‑qorti tar‑rinviju tqis li għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il‑portata tal‑libertà ta’ azzjoni li għandhom l‑Istati Membri fit‑tfassil tal‑miżuri fil‑qasam tal‑politika tal‑impjieg, il‑punti tad‑dritt li tqajjem din il‑kawża li għandha quddiemha, ma ġewx iċċarati biżżejjed mill‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja b’mod li jippermettilha tagħti d‑deċiżjoni tagħha.

18. F’dawn iċ‑ċirkustanzi, l‑Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

“1) Fil‑kuntest ta’ sistema tal‑liġi tax‑xogħol li fiha l‑protezzjoni ġenerali kontra t‑tkeċċija abbużiva hija mogħtija abbażi tad‑dipendenza soċjali (finanzjarja) tal‑ħaddiem fuq il‑post tax‑xogħol tiegħu, l‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva [76/207], għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi li ftehim kollettiv jinkludi dispożizzjoni li tipprovdi protezzjoni partikolari li tmur lil hinn mis‑sistema legali ġenerali ta’ protezzjoni kontra t‑tkeċċija abbużiva, iżda li tapplika biss sakemm il‑ħaddiem ikun soċjalment (finanzjarjament) kopert, li normalment ikun il‑każ meta dan jirċievi pensjoni ta’ rtirar, meta din il‑pensjoni hija mħallsa f’mumenti differenti skont jekk ħaddiem huwiex raġel jew mara?

2) L‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva [76/207] jipprekludi, fil‑kuntest ta’ sistema tal‑liġi tax‑xogħol imsemmija iktar ’il fuq, li min iħaddem fis‑settur pubbliku jkeċċi ħaddiema mara ftit xhur wara li din tkun kisbet id‑dritt għal pensjoni ta’ rtirar, sabiex jimpjega applikanti ġodda li jkunu diġà qed jirsistu sabiex jidħlu fis‑suq tax‑xogħol?”

Fuq id‑domandi preliminari

19. Permezz tad‑domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/2007 għandux jiġi interpretat fis‑sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tippromwovi l‑aċċess għall‑impjieg ta’ persuni iżgħar fl‑età, tippermetti lill-persuna li timpjega, li hija rregolata mid‑dritt pubbliku, tkeċċi lill‑impjegati li jkunu kisbu d‑dritt għall‑pensjoni ta’ rtirar, meta għan‑nisa dan id‑dritt huwa miksub ħames snin qabel l‑età li fiha jiksbu dan id‑dritt l‑irġiel, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess li hija projbita minn din id‑direttiva.

Osservazzjonijiet sottomessi lill‑Qorti tal‑Ġustizzja

20. Skont C. Kleist, peress li l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tippermetti lill-persuna li timpjega tobbliga lil impjegata tirtira meta hija tilħaq l‑età li tagħtiha d‑dritt għal pensjoni ta’ rtirar, jiġifieri 60 sena, filwaqt li d‑dritt għal din il‑pensjoni huwa miskub f’etajiet differenti skont jekk l‑impjegat ikunx raġel jew mara, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess. L‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207 għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi tali leġiżlazzjoni.

21. C. Kleist tistieden lill‑Qorti tal‑Ġustizzja tiddeciedi wkoll dwar l‑interpretazzjoni tad‑dispożizzjonijiet tad‑Direttiva tal‑Kunsill 2000/78/KE, tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall‑ugwaljanza fit‑trattament fl‑impjieg u fix‑xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79). Hija ssostni li dawn id‑dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, peress li fost oħrajn, hija twassal għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l‑età.

22. Il‑korp tal‑assigurazzjoni tax‑xjuħija jsostni li l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tistabbilixxi trattament differenti indirettament ibbażat fuq is‑sess li huwa ġġustifikat fid‑dawl tal‑għan ta’ promozzjoni tal‑impjieg ta’ persuni iżgħar fl‑età u għaldaqstant, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni illegali. Huwa jqis, barra minn hekk, li għandha tiġi evitata sitwazzjoni fejn in‑nisa jistgħu jakkumulaw il‑paga tagħhom flimkien mal‑pensjoni legali, filwaqt li l‑irġiel ma għandhomx din il‑possibbiltà.

23. Il‑Kummissjoni Ewropea tqis li l‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207 għandu jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi li ftehim kollettiv jinkludi dispożizzjoni li tipprovdi protezzjoni speċjali li tmur lil hinn mis‑sistema ġenerali legali ta’ protezzjoni kontra t‑tkeċċija iżda li tapplika biss sakemm l‑impjegat ikollu kopertura ta’ sigurtà soċjali li tipprovdilu riżorsi finanzjarji, dak li normalment jiġri meta dan jirċievi pensjoni ta’ rtirar, meta d‑dritt għal din il‑pensjoni huwa miksub f’etajiet differenti skont jekk l‑impjegat ikunx raġel jew mara. L‑għan ta’ promozzjoni tal‑impjieg ta’ persuni iżgħar fl‑età ma jistax jiġġustifika tali leġilżlazzjoni.

Risposta tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

24. Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li l‑kwistjoni tal‑kundizzjonijiet għall‑għoti tal‑pensjoni ta’ rtirar, minn naħa, u dik tal‑kundizzjonijiet għat‑terminazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol, min‑naħa l‑oħra, huma distinti (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 32).

25. Fir‑rigward ta’ dawn tal‑aħħar, l‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207 jipprovdi li l‑applikazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali għal dak li jirrigwarda il‑kundizzjonijiet ta’ tkeċċija jimplika n‑nuqqas ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is‑sess fis‑settur pubbliku jew privat, inkluż il‑korpi pubbliċi.

26. F’dan ir‑rigward, limitu ta’ eta iffissat għall‑irtirar obbligatorju tal‑ħaddiema fil‑kuntest ta’ politika ġenerali ta’ rtirar ġestit mill-persuna li timpjega, anki jekk dan l‑irtirar iwassal għall‑għoti ta’ pensjoni ta’ rtirar, jidħol fil‑kunċett ta’ tkeċċija li tinsab f’din id‑dispożizzjoni, li huwa kunċett li għandu jinftiehem f’sens wiesa’ (ara, b’analoġija, is‑sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, u Beets‑Proper, 262/84, Ġabra p. 773, punt 36).

27. Minn dan isegwi li peress li C. Kleist ġiet obbligata tirtira mill-persuna li timpjegaha, skont id‑deċiżjoni meħudha minnha li tkeċċi lill‑ħaddiema kollha li kisbu d‑dritt għal pensjoni ta’ rtirar, il‑kawża prinċipali tikkonċerna l‑kundizzjonijiet ta’ tkeċċija fis‑sens tal‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207.

28. L‑ewwel nett għandu jitfakkar li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li politika ġenerali ta’ tkeċċija, li tinvolvi t‑tkeċċija ta’ impjegata għas‑sempliċi raġuni li hija tkun laħqet jew qabżet l‑età meta hija jkollha dritt għal pensjoni ta’ rtirar, liema età tkun differenti għall‑irġiel u għan‑nisa skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess, li hija pprojbita mid‑Direttiva 76/207/KEE (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Marshall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

29. F’dan ir‑rigward għandu jiġi rrilevat, fl‑ewwel lok, li skont l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 76/207, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna waħda tkun ittrattata inqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn kif persuna oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli.

30. F’dan il‑każ, mill‑punt 2 tal‑Artikolu 134(2) u l‑punt 1 tal‑Artikolu 134(4) tad‑DO.B jirriżulta li t‑tobba li ma jistgħux jitkeċċew jistgħu madankollu jitkeċċew meta huma jiksbu d‑dritt għal pensjoni ta’ rtirar fis‑sens tal‑Artikolu  253 tal‑ASVG. Issa, skont l‑imsemmi Artikolu 253(1), l‑irġiel jiksbu dan id‑dritt meta jkunu għalqu l‑65 sena u n‑nisa meta jkunu għalqu s‑60 sena. Minn dan jirriżulta li l‑ħaddiema nisa jistgħu jitkeċċew meta jkunu għalqu s‑60 sena, filwaqt li l‑ħaddiema rġiel jistgħu jitkeċċew biss wara li jkunu għalqu l‑65 sena.

31. Peress li l‑kriterju użat minn tali dispożizzjonijiet huwa indissolubbli mis‑sess tal‑ħaddiema jeżisti għaldaqstant, għall‑kuntrarju ta’ dak li jsostni l‑korp ta’ assigurazzjoni tax‑xjuħija, trattament differenti bbażat direttament fuq is‑sess.

32. Fit‑tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, f’kuntest bħal dak irregolat mill‑imsemmija dispożizzjonijiet, il‑ħaddiema nisa li għandhom bejn is‑60 u l‑65 sena jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli, fis‑sens tal‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 2(2) tad‑Direttiva 76/207, għal dik tal‑ħaddiema rġiel tal‑istess kategorija ta’ età.

33. F’dan ir‑rigward, il‑qorti tar‑rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il‑fatt li l‑ħaddiema nisa, li għandhom minn 60 sena sa 65 sena, għandhom kopertura ta’ sigurtà soċjali bis‑saħħa tal‑pensjoni ta’ rtirar, huwiex tali li jagħti natura speċifika lis‑sitwazzjoni ta’ dawn il‑ħaddiema, meta pparagunata mas‑sitwazzjoni tal‑ħaddiema rġiel tal‑istess kategorija ta’ età, li ma għandhomx tali kopertura.

34. Għandha tiġi eżaminata n‑natura paragunabbli ta’ tali sitwazzjoni, b’mod partikolari, fir‑rigward tal‑għan tal‑leġiżlazzjoni li tistabbilixxi it‑trattament differenti (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2004, Hlozek, C‑19/02, Ġabra p. I‑11491, punt 46, kif ukoll, b’analoġija, tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et , C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 26).

35. Fil‑kawża prinċipali, il‑leġiżlazzjoni li tistabbilixxi t‑trattament differenti inkwistjoni għandha l‑għan li tirregola l‑kundizzjonijiet li taħthom l‑impjegati jistgħu jitlfu l‑impjieg tagħhom.

36. Fil‑kuntest ta’ din il‑kawża prinċipali, għall‑kuntrarju ta’ kif kien il‑każ fil‑kawża li wasslet għas‑sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1993, Roberts (C‑132/92, Ġabra p. I‑5579, punt 20), u Hlozek, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48), il‑vantaġġ mogħti lill‑ħaddiema nisa li jikkonsisti f’li jistgħu jitolbu għall‑pensjoni ta’ rtirar minn ħames snin qabel l‑età ffissata għall‑ħaddiema rġiel ma għandux relazzjoni diretta mal‑għan tal‑leġiżlazzjoni li tistabbilixxi trattament differenti.

37. Fil‑fatt, l‑imsemmi vantaġġ ma jistax ipoġġi lill‑ħaddiema nisa f’sitwazzjoni speċifika meta pparagunata mal‑ħaddiema rġiel, peress li l‑irġiel u n‑nisa jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi għal dak li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet għat‑terminazzjoni tar‑relazzjoni tax‑xogħol (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza tas‑26 ta’ Frar 1986, Roberts, 151/84, Ġabra p. 703, punt 36).

38. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid‑deċiżjoni tar‑rinviju, iċ‑ċirkustanza msemmija fil‑punt 33 tas‑sentenza preżenti tirriżulta mill‑fatt li r‑Repubblika Awstrijaka xtaqet tistabbilixxi, skont l‑eċċezzjoni għall‑prinċipju ta’ trattament ugwali msemmi fl‑Artikolu 7(1)(a) tad‑Direttiva 79/7, sistema li tipprovdi differenza bejn l‑irġiel u n‑nisa għal dak li jirrigwarda l‑età legali tal‑irtirar bl‑għan li tikkompensa l‑iżvantaġġi soċjali, familjari u ekonomiċi li jsofru minnhom in‑nisa.

39. Issa, il‑Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li, fid‑dawl tal‑importanza fundamentali tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali, l‑eċċezzjoni għall‑projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is‑sess prevista f’din id‑dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett, fis‑sens li tapplika biss għall‑iffissar tal‑età tal‑irtirar għall‑għoti ta’ pensjonijiet tax‑xjuħija u ta’ rtirar u għall‑konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minnhom għall‑benefiċċji oħrajn ta’ sigurtà soċjali (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi Marshall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; tal‑21 ta’ Lulju 2005, Vergani, C‑207/04, Ġabra p. I‑7453, punt 33, u tas‑27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, Ġabra p. I‑3585, punt 36).

40. Peress li l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil‑kawża prinċipali tikkonċerna, kif jirriżulta mill‑punt 27 tas‑sentenza preżenti, it‑tkeċċija fis‑sens tal‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207 u mhux biss il‑konsegwenzi msemmija fl‑Artikolu 7(1)(a) tad‑Direttiva 79/7, l‑imsemmija eċċezzjoni għaldaqstant ma tapplikax għal din il‑leġiżlazzjoni.

41. Fit‑tielet lok, id‑Direttiva 76/207 tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, id‑diskriminazzjoni bbażata direttament fuq is‑sess u, min‑naħa l‑oħra, dik imsejħa “indiretta”, fis‑sens li huma biss id‑dispożizzjonijiet, kriterji jew prattiki li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta li jistgħu, skont it‑tieni inċiż tal‑Artikolu 2(2) tagħha, jevitaw li jiġu kklassifikati bħala diskriminazzjoni bil‑kundizzjoni li jkunu “ġustifikat[i] b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l‑mezzi biex tintlaħaq din il‑mira ma jkunux xierqa u meħtieġa”. Madankollu, tali possibbiltà ma hijiex ipprovduta għat‑trattamenti differenti li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjoni diretta, fis‑sens tal‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 2(2) ta’ din id‑direttiva.

42. F’dawn iċ‑ċirkustanzi peress li, minn naħa, it‑trattament differenti stabbilit minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali huwa direttament ibbażat fuq is‑sess filwaqt li, bħalma jirriżulta mil‑punt 37 tas‑sentenza preżenti, is‑sitwazzjonijiet tan‑nisa u tal‑irġiel huma identiċi f’din l‑istanza u li, min‑naħa l‑oħra, id‑Direttiva 76/207 ma tinkludix deroga li tapplika, f’dan il‑każ, għall‑prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi konkluż li dan it‑trattament differenti jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is‑sess (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenza Vergani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

43. Għaldaqstant, l‑imsemmi trattament differenti ma jistax jiġi ġġustifikat mill‑għan ta’ promozzjoni tal‑impjieg ta’ persuni iżgħar fl‑età, kif jinvoka l‑korp tal‑assigurazzjoni tax‑xjuħija.

44. Fl‑aħħar nett, fir‑rigward tal‑kwistjoni ta’ eżistenza possibbli ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l‑età, fis‑sens tad‑Direttiva 2000/78, għandu jitfakkar li fil‑kuntest tal‑proċedura stabbilita fl‑Artikolu 234 KE, hija biss il‑qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il‑kawża u li għandha tassumi r‑responsabbiltà għad‑deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li hija obbligata tevalwa, fid‑dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari tal‑kawża, kemm in‑neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s‑sentenza tagħha, kif ukoll ir‑rilevanza tad‑domandi li hija tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2010, Rosenbladt, C‑45/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra, punt 32).

45. Peress li l‑qorti tar‑rinviju ma għamlitx lill‑Qorti tal‑Ġustizzja domandi dwar l‑interpretazzjoni ta’ din id‑direttiva u sa fejn mid‑deċiżjoni tar‑rinviju lanqas ma jirriżulta li l‑eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni ġiet allegata fil‑kuntest tal‑kawża prinċipali, l‑eżami ta’ tali problema ma jidhirx li huwa utli għas‑soluzzjoni tal‑imsemmija kawża..

46. Għaldaqstant, ir‑risposta għad‑domandi magħmula għandha tkun li l‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva 76/207 għandu jiġi interpretat fis‑sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tippromwovi l‑aċċess għall‑impjieg ta’ persuni iżgħar fl‑età, tippermetti lill-persuna li timpjega tkeċċi lill‑impjegati li jkunu kisbu d‑dritt għall‑pensjoni ta’ rtirar, meta għan‑nisa dan id‑dritt huwa miksub ħames snin qabel l‑età li fiha jiksbu dan id‑dritt l‑irġiel, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is‑sess, li hija projbita minn din id‑direttiva.

Fuq l‑ispejjeż

47. Peress li l‑proċedura għandha, fir‑rigward tal‑partijiet fil‑kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il‑qorti tar‑rinviju, hija din il‑qorti li tiddeċiedi fuq l‑ispejjeż. L‑ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill‑Qorti tal‑Ġustizzja, barra dawk tal‑imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il‑motivi, Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L‑Artikolu 3(1)(ċ) tad‑Direttiva tal‑Kunsill 76/207/KEE, tad‑9 ta’ Frar 1976, dwar l‑implimentazzjoni tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali għall‑irġiel u n‑nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal‑aċċess għall‑impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax‑xogħol, kif emendata bid‑Direttiva 2002/73/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tat‑23 ta’ Settembru 2002, għandu jiġi interpretat fis‑sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex tippromwovi l‑aċċess għall‑impjieg ta’ persuni iżgħar fl‑età, tippermetti lill-persuna li timpjega tkeċċi lill‑impjegati li jkunu kisbu d‑dritt għall‑pensjoni ta’ rtirar, meta għan‑nisa dan id‑dritt huwa miksub ħames snin qabel l‑età li fiha jiksbu dan id‑dritt l‑irġiel, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is‑sess, li hija pprojbita minn din id‑direttiva.