2007E0406 — MT — 01.07.2008 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/406/PESK

tat-12 ta’ Ġunju 2007

dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza ta' l-Unjoni Ewropea għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)

(ĠU L 151, 13.6.2007, p.52)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2008/491/PESK tas-26 ta' Ġunju 2008

  L 168

42

28.6.2008




▼B

AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/406/PESK

tat-12 ta’ Ġunju 2007

dwar il-missjoni ta' konsulenza u assistenza ta' l-Unjoni Ewropea għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUSEC RD Congo)



IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14, l-Artikolu 25, it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 28(3), l-ewwel sub-paragrafu tiegħu,

Billi:

(1)

Wara stedina uffiċjali mill-gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), il-Kunsill adotta fit-2 ta' Mejju 2005 l-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK dwar il-missjoni ta' l-Unjoni Ewropea sabiex tipprovdi konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) ( 1 ) (EUSEC RD Congo), b'mod partikolari sabiex jappoġġa l-proċess ta' transizzjoni fl-RDK, inkluża l-formazzjoni ta' armata nazzjonali, ristrutturata u integrata, stabbilita bil-ftehim globali u inklużiv, iffirmat mill-partijiet Kongoliżi fil-Pretorja fis-17 ta' Diċembru 2002, segwit mill-Att Finali ffirmat f'Sun City fit-2 ta' April 2003.

(2)

Konsegwentement għar-ratifika fl-2005 tal-Kostituzzjoni tat-tielet Repubblika Kongoliża, iż-żamma ta' l-elezzjonijiet fir-RDK fl-2006 mmarkat it-tmiem tal-proċess ta' transizzjoni u ppermettiet fl-2007 l-formazzjoni ta' gvern billi ġie adottat programm ta' gvern, li b'mod partikolari ppreveda riforma globali tas-settur tas-sigurtà, l-elaborazzjoni ta' kunċett nazzjonali kif ukoll ta' azzjonijiet prijoritarji ta' riforma fl-oqsma tal-pulizija, tal-forzi armati u tal-ġustizzja.

(3)

In-Nazzjonijiet Uniti tenniet l-appoġġ tagħha għall-proċess ta' transizzjoni u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) permezz ta' diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà u qiegħda tmexxi fir-RDK l-missjoni ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) li tikkontribwixxi għas-sigurtà u l-istabbiltà fil-pajjiż. Fil-15 ta' Mejju 2007, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1756 (2007) li testendi l-mandat tal-MONUC u tippermetti l-kontribut tagħha f'koordinazzjoni mill-qrib ma' l-imsieħba internazzjonali l-oħrajn, u b'mod aktar partikolari l-Unjoni Ewropea (UE), għall-isforzi maħsubin sabiex jappoġġaw il-gvern fil-proċess inizjali ta' l-ippjanar tar-RSS.

(4)

L-UE wriet appoġġ kostanti għall-proċess ta' transizzjoni fir-RDK u għar-riforma tas-settur tas-sigurtà, inkluża l-adozzjoni ta' żewġ azzjonijiet konġunti oħrajn; l-Azzjoni Konġunta 2004/847/PESK tad-9 ta' Diċembru 2004 dwar il-missjoni tal-pulizija ta' l-Unjoni Ewropea f'Kinshasa (RDK) f'dak li jikkonċerna l-unità tal-pulizija integrata (EUPOL Kinshasa) ( 2 ) u l-Azzjoni Konġunta 2006/319/PESK tas-27 ta' April 2006 dwar l-operazzjoni militari ta' l-Unjoni Ewropea b'appoġġ ta' l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) waqt il-proċess elettorali ( 3 ) (Operazzjoni EUFOR RD Congo).

(5)

Konxja mill-interess f'approċċ globali li jħagqqad l-inizjattivi differenti involuti, l-UE indikat, fil-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fil-15 ta' Settembru 2006, id-disponibbiltà tagħha sabiex tiżgura l-koordinazzjoni ta' l-isforzi magħmula mill-komunità internazzjonali fis-settur tas-sigurtà, f'kooperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti, sabiex tappoġġa l-awtoritajiet Kongoliżi f'dan il-qasam.

(6)

Fl-14 ta' Mejju 2007, il-Kunsill approva l-kunċett ġenerali rivedut dwar il-kontinwazzjoni ta’ missjoni sabiex jiġu pprovduti konsulenza u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RDK.

(7)

Fl-14 ta' Mejju 2007, il-Kunsill approva l-kunċett operattiv dwar missjoni tal-pulizija fi ħdan il-qafas tal-politika Ewropea fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża dwar ir-RSS u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, imsejħa EUPOL RD Congo. Fit-12 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill dwar il-Missjoni tal-Pulizija fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) u r-relazzjoni tagħha mal-ġustizzja fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (EUPOL RD Congo). Din il-missjoni ser tissostitwixxi l-missjoni EUPOL Kinshasa.

(8)

Is-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, EUPOL RD Congo u EUSEC RD Congo, għandhom ikunu promossi b'kont meħud ukoll tal-perspettiva ta' l-għaqda eventwali taż-żewġ missjonijiet f'missjoni unika.

(9)

Bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koerenza ta' l-attivitajiet ta' l-UE fir-RDK, għandha tiġi żgurata koordinazzjoni kemm jista' jkun mill-qrib bejn l-atturi differenti ta' l-UE fil-Kinshasa kif ukoll fi Brussell, b'mod partikolari permezz ta' arranġamenti xierqa. Ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-UE (RSUE) għar-reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar għandu jkollu rwol importanti f'dan ir-rigward, b'kont meħud tal-mandat tiegħu.

(10)

Fil-15 ta' Frar 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/112/PESK ( 4 ), li taħtar lis-Sur Roeland VAN DE GEER bħala r-RSUE l-ġdid għar-reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar.

(11)

Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) għall-Politika Esterna u tas-Sigurtà Komuni indirizza lill-gvern tar-RDK ittra bid-data ta' 11 ta' Mejju 2007 fejn ippreżenta l-impenn imġedded ta' l-UE.

(12)

L-Azzjoni Konġunta 2005/355/PESK ġiet emendata diversi drabi sabiex tissaħħaħ il-missjoni, b'mod partikolari permezz ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/868/PESK dwar l-implimentazzjoni ta' proġett ta' assistenza teknika għall-modernizzazzjoni tal-linja ta' ħlas tal-Ministeru tad-Difiża fir-RDK u permezz ta' l-Azzjoni Konġunta 2007/192/PESK dwar l-installazzjoni ta' grupp ta' appoġġ għall-proġetti speċifiċi finanzjarji jew implimentat mill-Istati Membri u kunsillieri fil-livell ta' amministrazzjoni militari provinċjali. Il-mandat tal-missjoni jestendi sat-30 ta' Ġunju 2007 u għandu jiġi estiż u rivedut fid-dawl tal-kunċett rivedut mill-missjoni.

(13)

Għal raġunijiet ta' kjarezza, jaqbel li l-imsemmija Azzjoni u l-emendi suċċessivi tagħha jkunu sostitwiti minn Azzjoni Konġunta ġdida.

(14)

Jaqbel li Stati terzi jipparteċipaw fil-proġett b'mod konformi mal-linji gwida ġenerali definiti mill-Kunsill Ewropew.

(15)

Is-sitwazzjoni attwali ta’ sigurtà fil-RDK tista’ tiħżien, b’riperkussjonijiet potenzjalment serji fuq il-proċess ta’ tisħiħ tad-demokrazija, ta' l-istat tad-dritt u tas-sigurtà internazzjonali u reġjonali. Impenn kontinwu ta’ l-UE f’dak li hu sforz politiku u riżorsi jgħin sabiex tiġi msaħħa l-istabbiltà fir-reġjun,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:



Artikolu 1

Missjoni

1.  L-Unjoni Ewropea (UE) tmexxi missjoni ta' konsulenza u assistenza dwar ir-riforma tas-settur tas-sigurtà (RSS) fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), imsejħa “EUSEC RD Congo”, bl-għan li tikkontribwixxi għall-kisba ta' l-integrazzjoni tal-fazzjonijiet militari differenti fir-RDK u li tikkontribwixxi għall-isforzi Kongoliżi tar-ristrutturazzjoni u tar-rikonstruzzjoni ta' l-armata Kongoliża. Il-missjoni għandha tipprovdi lill-awtoritajiet Kongoliżi responsabbli għas-sigurtà b’konsulenza u assistenza, filwaqt li tieħu ħsieb li tippromovi linji politiċi kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, l-istandards demokratiċi u l-prinċipji ta’ governanza tajba, ta' trasparenza u ta' rispett għall-Istat tad-dritt.

2.  Il-missjoni għandha topera skond il-mandat previst fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Mandat

Il-missjoni għandha timmira, b'kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib ma' l-atturi oħrajn tal-komunità internazzjonali, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, u waqt li ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1, sabiex tipprovdi appoġġ konkret fil-qasam tar-RSS fir-RDK, hekk kif hu definit fil-kunċett ġenerali rivedut, inkluż:

▼M1

a) li tipprovdi konsulenza u assistenza lill-awtoritajiet Kongoliżi fil-ħidma tagħhom immirata lejn l-integrazzjoni, ir-ristrutturazzjoni u r-rikostruzzjoni ta' l-armata Kongoliża, b'mod partikolari:

 li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' pjanijiet u linji politiċi nazzjonali differenti, inkluża l-ħidma fuq kwistjonijiet orizzontali li jkopru l-oqsma kollha involuti fir-riforma tas-settur tas-sigurtà tar-RDK;

 li tagħti appoġġ lill-kumitati u l-korpi involuti f'din il-ħidma, u tikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-prijoritajiet u l-bżonnijiet prattiċi tal-Kongoliżi;

 li tikkontribwixxi, inkluż billi tipprovdi l-parir espert tagħha dwar l-għażla, it-taħriġ u l-edukazzjoni tal-persunal u l-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta' l-infrastruttura u l-materjal, għat-tfassil ta' arranġamenti għall-organizzazzjoni u l-istabbiliment gradwali tal-Forza ta' Reazzjoni Rapida bħala parti mill-pjan ta' direzzjoni ġenerali għar-riforma ta' l-armata b'rispett lejn il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, tal-liġi umanitarja internazzjonali, tal-kwistjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll ta' dawk relatati mat-tfal affettwati mill-konflitti armati;

b) li tmexxi u tlesti b'suċċess il-proġett ta' assistenza teknika fir-rigward ta' l-immodernizzar tal-katina ta' ħlas tal-Ministeru tad-Difiża fir-RDK, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ‘il-proġett ta' katina ta' ħlas’, sabiex jitwettqu l-kompiti speċifikati fil-Kunċett ġenerali dwar dan il-proġett;

c) li, abbażi tal-proġett tal-katina ta' ħlas, tipprovdi appoġġ għall-funzjoni tar-riżorsi umani u għall-iżvilupp ta' politika ġenerali dwar ir-riżorsi umani;

d) li tidentifika u tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' diversi proġetti u għażliet li l-UE jew l-Istati Membri tagħha jistgħu jiddeċiedu li jappoġġaw relatati mar-riforma tas-settur tas-sigurtà;

e) li tissorvelja u tiżgura l-implimentazzjoni ta' proġetti speċifiċi ffinanzjati jew mibdija mill-Istati Membri bil-għan li jinkisbu l-għanijiet tal-missjoni, f'koordinazzjoni mal-Kummissjoni;

f) li tipprovdi, kif u meta jkun meħtieġ, appoġġ lir-RSUE fil-qasam tal-ħidma mwettqa mill-kumitati għall-proċess ta' paċifikazzjoni tal-Kivu;

u

g) li tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-konsistenza ta' l-isforzi kollha mwettqa fil-qasam tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (SSR).

▼B

Artikolu 3

Struttura tal-missjoni

Il-missjoni għandha tkun strutturata kif ġej:

(a) uffiċċju f'Kinshasa, li b'mod partikolari jinkludi:

 ċellola ta' appoġġ, u;

▼M1

 ċellola ta' appoġġ, u;

▼B

 esperti assenjati fi ħdan grupp inkarigat b'mod partikolari mill-identifikazzjoni ta' proġetti speċifiċi ffinanzjati jew implimentati mill-Istati Membri u ta' appoġġ għalihom.

(b) kunsillieri assenjati għall-postijiet prinċipali fl-amministrazzjoni ċentrali tal-Ministeru tad-Difiża f'Kinshasa kif ukoll lill-amministrazzjonijiet provinċjali dipendenti minn dan il-Ministeru tad-Difiża.

(c) skwadra inkarigata mill-proġett ta' linja ta' ħlas li tinkludi:

 kap tal-proġett, ibbażat f'Kinshasa, maħtur mill-Kap tal-Missjoni u li jaġixxi taħt l-awtorità tiegħu;

 diviżjoni ta' “konsulenza, kompetenza u implimentazzjoni”, ibbażata f'Kinshasa, magħmula minn persunal mhux marbut ma' l-istati maġġuri tal-brigati integrati u li tinkludi ►M1  gruppi mobbli ◄ ta' esperti involuti fil-kontroll tal-persunal militari tal-brigati integrati; u

 esperti assenjati lill-istati maġġuri tal-brigati integrati.

Artikolu 4

Pjan ta' implimentazzjoni

Il-Kap tal-Missjoni, assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, għandu jfassal pjan ta' implimentazzjoni tal-missjoni (OPLAN) li hu approvat mill-Kunsill.

Artikolu 5

Kap tal-Missjoni

▼M1

1.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu f'idejh il-ġestjoni ta’ kuljum tal-missjoni u għandu jkun responsabbli għall-persunal u għall-kwistjonijiet dixxiplinari.

▼B

►M1  2.  Fil-qafas tal-mandat tal-missjoni hekk kif imniżżel fl-Artikolu 2(e), il-Kap tal-Missjoni għandu jkun awtorizzat jirrikorri għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji ta' l-Istati Membri. ◄ Għal dan l-għan, il-Kap tal-Missjoni jikkonkludi arranġament ma' l-Istati Membri kkonċernati. Dawn l-arranġamenti jirregolaw b'mod partikolari l-metodi speċifiċi dwar kwalunkwe tweġiba li tiġi minn pajjiż terz dwar il-ħsarat ikkawżati minn atti jew nuqqasijiet imwettqa mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu mill-Istati Membri kontribwenti.

F'ebda każ, ma tista' tiġi impenjata r-responsabbiltà ta' l-UE jew tas-SĠ/RGħ, mill-Istati Membri kontribwenti għall-atti jew in-nuqqasijiet imwettqa mill-Kap tal-Missjoni fl-użu tal-fondi ta' dawn l-Istati.

3.  Sabiex il-baġit tal-missjoni jiġi implimentat, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea.

4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkollabora mar-RSUE.

Artikolu 6

Persunal

1.  Għandhom jiġu ssekondati esperti tal-missjoni mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Ħlief għall-Kap tal-Missjoni, kull Stat Membru jew istituzzjoni għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati ma’ l-esperti ssekondati, inklużi l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, is-salarji u l-kopertura medika, u l-benefiċċji minbarra l-benefiċċji ta' kuljum.

2.  Għandhom jiġu reklutati, kif meħtieġ, persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali fuq bażi kuntrattwali mill-missjoni.

3.  L-esperti kollha tal-missjoni għandhom jibqgħu taħt l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru jew l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-UE, u għandhom jaqdu dmirijiethom u jaġixxu fl-interess tal-missjoni. Kemm waqt, kif ukoll wara l-missjoni, l-esperti tal-missjoni għandhom jeżerċitaw l-akbar diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha relatati mal-missjoni.

Artikolu 7

Linja ta’ kmand

1.  Il-missjoni għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata:

2.  Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika.

3.  Is-SĠ/RGħ għandu jagħti gwida lill-Kap tal-Missjoni permezz tar-RSUE.

4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-missjoni u jiżgura l-ġestjoni ta' kuljum tagħha.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta lis-SĠ/RGħ permezz tar-RSUE.

6.  Ir-RSUE għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

Artikolu 8

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.  Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni tinkludi s-setgħa għall-modifika tal-pjan ta’ implimentazzjoni u tal-linja ta’ kmand. Hi tinvolvi wkoll il-kompetenzi neċessarji sabiex jittieħdu deċiżjonijiet ulterjuri li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħa ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-għanijiet u t-tmiem tal-missjoni għandha tibqa’ mal-Kunsill, megħjun mis-SĠ/RGħ.

2.  Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-Kap tal-Missjoni bil-gwida politika meħtieġa sabiex iwettaq dmirijietu fil-livell lokali.

3.  Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

4.  Il-KPS għandu jirċievi rapporti mill-Kap tal-Missjoni f’intervalli regolari. Il-KPS jista' jistieden lill-Kap tal-Missjoni għal-laqgħat tiegħu, jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet finanzjarji

▼M1

1.  L-ammont ta’ referenza finanzjarju maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2007 sat-30 ta' Ġunju 2008 għandu jkun ta' EUR 9 700 000.

L-ammont ta’ referenza finanzjarju maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009 għandu jkun ta' EUR 8 450 000.

▼B

2.  Fir-rigward tan-nefqa ffinanzjat mill-ammont previst fil-paragrafu 1, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) in-nefqa għandha tiġi amministrata skond ir-regoli u l-proċeduri tal-Komunità applikabbli għall-baġit bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi huma awtorizzati li jissottomettu sejħiet għall-offerti;

(b) il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta bis-sħiħ lill-Kummissjoni li tissorvelja l-azzjoni tiegħu, dwar l-attivitajiet intrapriżi fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

3.  Id-dispożizzjonijiet finanzjarji għandhom jirrispettaw l-esiġenzi operattivi tal-missjoni, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir.

4.  In-nefqa relatata mal-Missjoni għandha ssir eliġibbli mad-dħul fis-seħħ ta' din l-Azzjoni Komuni.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni ta' Stati Terzi

1.  Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali ta' l-UE u tal-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jagħtu kontribuzzjoni għall-missjoni bil-ftehim li huma jħallsu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inklużi l-pagi, l-assikurazzjoni tar-“riskji kollha”, il-benefiċċji ta' kuljum u l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar lejn u mir-RDK, u li huma jikkontribwixxu kif xieraq għall-ispejjeż tal-funzjonament tal-missjoni.

2.  L-Istati terzi li jagħtu kontribuzzjonijiet lill-missjoni għandhom l-istess drittijiet u obbligi fil-ġestjoni ta' kuljum tal-missjoni daqs l-Istati Membri.

3.  Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex joħloq Kumitat tal-Kontributuri.

4.  L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehim konkluż b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista' jinnegozja dawn l-arranġamenti f'isem din ta' l-aħħar. Jekk l-UE u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dan l-Istat terz f'xi operazzjonijiet ta' l-UE ta' ġestjoni ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-qafas tal-missjoni.

Artikolu 11

Koerenza u Koordinazzjoni

1.  Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw, kull wieħed skond il-kompetenzi tiegħu, il-koerenza ta' l-Azzjoni Konġunta attwali ma' l-attivitajiet esterni tal-Komunità, skond l-Artikolu 3, it-tieni subparagrafu tat-Trattat. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw għal dan l-għan. Għandhom isiru arranġamenti dwar il-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet ta' l-UE fir-RDK kemm fil-Kinshasa, kif ukoll fi Brussell.

2.  Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Kummissjoni.

3.  Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni EUSEC RD Congo u l-Kap tal-Missjoni EUPOL RD Congo għandhom jikkoordinaw mill-qrib l-azzjonijiet tagħhom u jfittxu s-sinerġiji bejn iż-żewġ missjonijiet, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-aspetti orizzontali tar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RDK, kif ukoll fil-qafas tal-kondiviżjoni tal-funzjonijiet bejn iż-żewġ missjonijiet.

4.  Skond il-mandat tiegħu, ir-RSUE għandu jiżgura l-koerenza bejn l-azzjonijiet meħuda mill-missjoni EUSEC u mill-missjoni EUPOL RD Congo. Hu għandu jikkontribwixxi għall-koordinazzjoni mwettqa ma' l-atturi internazzjonali l-oħrajn impenjati fir-RSS fir-RDK.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoopera ma' l-atturi internazzjonali l-oħrajn preżenti, b'mod partikolari l-MONUC u l-Istati terzi impenjati fir-RDK.

Artikolu 12

Komunikazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata

1.  Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jikkomunika lill-Istati terzi assoċjati għal din l-Azzjoni Konġunta, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-Unjoni sal-livell “CONFIDENTIEL UE” stabbiliti għall-fini ta' l-operazzjoni, skond ir-regolament ta' sigurtà tal-Kunsill ( 5 ).

2.  Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jikkomunika lin-Nazzjonijiet Uniti, skond il-bżonnijiet operattivi tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-Unjoni sal-livell “CONFIDENTIEL UE” stabbiliti għall-fini ta' l-operazzjoni, skond ir-regolament ta' sigurtà tal-Kunsill. Għal dan l-għan ser ikunu stabbiliti arranġamenti lokali.

3.  F'każ ta' bżonn operattiv preċiż u immedjat, is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jikkomunika lill-Istat ospitanti informazzjoni u dokumenti klassifikati ta' l-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE” stabbiliti għall-fini ta' l-operazzjoni, skond ir-regolament ta' sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, din l-informazzjoni u d-dokumenti jkunu kkomunikati lill-Istat ospitanti skond il-proċeduri adegwati fil-livell ta' kooperazzjoni ta' l-Istat ospitanti ma' l-UE.

4.  Is-SĠ/RGħ hu awtorizzat jikkomunika lill-Istati terzi assoċjati għal din l-Azzjoni Konġunta dokumenti mhux klassifikati ta' l-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill fir-rigward tal-missjoni u koperti bis-sigriet professjonali, skond l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ( 6 ).

Artikolu 13

L-istatus tal-missjoni u tal-persunal tagħha

1.  L-istatut tal-persunal tal-missjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-missjoni u għat-twettiq tajjeb tal-missjoni, għandu jiġi stabbilit konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jassisti lill-Presidenza, jista' jinnegozja dawn l-arranġamenti f'isem din ta' l-aħħar.

2.  L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni Komunitarja inkwistjoni għandhom jistitwixxu kull azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

Artikolu 14

Sigurtà

1.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà ta' EUSEC RD Congo.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita din ir-responsabbiltà skond id-Direttivi ta' l-UE dwar is-sigurtà tal-persunal ta' l-UE sekondat barra mit-territorju ta' l-UE f'missjoni operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat u dokumenti relatati.

3.  Għandu jingħata taħriġ adegwat dwar miżuri ta' sigurtà lill-membri kollha tal-persunal, skond il-pjan ta' implimentazzjoni (OPLAN). L-istruzzjonijiet relatati mas-sigurtà għandhom jiġu regularment rinvokati mill-uffiċjal ta' l-EUSEC RD Congo responsabbli mis-sigurtà.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2007.

▼M1

Għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2009.

▼B

Artikolu 17

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.



( 1 ) ĠU L 112, 3.5.2005, p. 20. Azzjoni Konġunta emendata l-aħħar mill-Azzjoni Konġunta 2007/192/PESK (ĠU L 87, 28.3.2007, p. 22).

( 2 ) ĠU L 367, 14.12.2004, p. 30. Azzjoni Konġunta emendata l-aħħar mill-Azzjoni Konġunta 2006/913/PESK (ĠU L 346, 9.12.2006, p. 67).

( 3 ) ĠU L 116, 29.4.2006, p.98. Azzjoni Konġunta mħassra mill-Azzjoni Konġunta 2007/147/PESK (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 44).

( 4 ) ĠU L 46, 16.2.2007, p. 79.

( 5 ) Deċiżjoni 2001/264/KE (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1). Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).

( 6 ) Deċiżjoni 2006/683/KE, Euratom (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47). Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 2007/4/KE, Euratom (ĠU L 1, 4.1.2007, p. 9).