1.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1128/2012

tas-26 ta’ Novembru 2012

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’din it-tabella.

(4)

Hu xieraq li jkun ipprovdut li informazzjoni tariffarja li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta' oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista', għal perjodu ta' tliet xhur, tibqa’ tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif tidher fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista' tkompli tkun invokata għal perjodu ta' tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 02 p. 382).

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 04 p. 307).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Pannell (hekk imsejjaħ "plajwudd reżistenti għall-ilma") magħmul minn tlettax-il folja ta’ injam inkullati flimkien b’kolla reżistenti għall-misħun. Il-folji huma mqiegħda b’mod li l-vini tas-saffi suċċessivi jiġu f'angolu.

Il-folji ta' ġewwa għandhom inqas minn 2 mm ħxuna. Iż-żewġ folji ta’ barra għandhom inqas minn 1 mm ħxuna u huma magħmulin mill-injam tas-siġar tal-luq miksija b'kisja tal-polimer għall-insulazzjoni.

Id-densità tal-pannell hija ta’ 0,5 g/cm3.

Il-pannell huwa użat fil-kostruzzjoni, pereżempju, biex iżżomm il-konkrit sakemm jagħqad.

4412 32 10

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u tal-kliem użat fil-kodiċi NM 4412 , 4412 32 u 4412 32 10 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 4413 bħala injam densifikat hija eskluża minħabba li l-pannell ma ġiex ittrattat b’mod kimiku jew fiżiku biex iżid id-densità jew l-ebusija tiegħu u jtejjeb is-saħħa mekkanika jew ir-reżistenza tiegħu għal aġenziji kimiċi jew elettriċi (ara wkoll in-Noti ta' Spjega tal-HS għall-intestatura 4413 ).

Il-pannell huwa meqjus bħala plajwudd billi jikkonsisti minn diversi folji ta’ injam inkullati u mqiegħda waħda fuq l-oħra b’mod li l-vini tas-saffi suċċessivi jiġu f'angolu (ara wkoll in-Noti ta' Spjega tal-HS għall-intestatura 4412 , punt 1)).

Għalhekk, il-pannell għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 4412 32 10 bħala plajwudd ieħor b'mill-inqas folja waħda fuq barra ta' injam mhux koniferu.