1.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/7


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta' April 2012

li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta' deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

(2012/232/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-27 ta’ Settembru 2011 ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżuri speċjali li jirrigwardaw xi vetturi tat-triq bil-magna b’deroga minn dawk id-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT mħallsa fuq ix-xiri ta’ prodotti u servizzi u minn dawk id-dispożizzjonijiet li jeħtieġu li t-taxxa tiġi ddikjarata fir-rigward tal-assi tan-negozju li jintużaw għal skopijiet personali.

(2)

B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta' ittra datata l-1 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tar-Rumanija. Permezz ta' ittra datata l-5 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)

L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta' persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq il-prodotti u s-servizzi li tkun irċeviet għall-iskop tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta’ dik id-Direttiva fih rekwiżit li l-VAT tiġi ddikjarata meta xi assi ta’ negozju jintuża għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha jew, b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet oħrajn mhux relatati man-negozju.

(4)

Huwa diffiċli li jiġi identifikat preċiżament l-użu privat ta' vetturi, u anki meta dan ikun possibbli, il-mekkaniżmu meħtieġ spiss joħloq piż kbir. Skont il-miżuri mitluba, l-ammont ta' VAT fuq in-nefqa eliġibbli għat-tnaqqis fir-rigward ta’ vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx esklużivament għal skopijiet kummerċjali għandu jkun stabbilit f'rata perċentwali fissa, b'xi eċċezzjonijiet. Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, ir-Rumanija temmen li rata ta' 50 % hija ġustifikabbli. Fl-istess ħin, biex ikun evitat l-intaxxar doppju, għandu jkun sospiż l-obbligu li tiġi ddikjarata l-VAT fuq l-użu privat ta' vetturi tat-triq bil-magna, meta din tkun soġġetta għal din ir-restrizzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-proċedura ta' ħlas tal-VAT u li titwaqqaf l-evażjoni tat-taxxa li ssir permezz ta' kontabilità ħażina u dikjarazzjonijiet fiskali foloz.

(5)

Ir-restrizzjoni għad-dritt ta’ tnaqqis permezz ta’ miżuri speċjali għandha tapplika għall-VAT imħallsa fuq ix-xiri, l-akkwisti intra-Komunitarji, l-importazzjoni, il-kiri jew leasing ta' vetturi tat-triq bil-magna speċifikati u fuq in-nefqa marbuta magħhom, inkluż ix-xiri ta' fjuwil.

(6)

Ċerti tipi ta’ vetturi tat-triq bil-magna għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri speċjali, peress li minħabba n-natura tagħhom jew it-tip ta' negozju li għalih jintużaw, kwalunke użu privat tagħhom jitqies negliġibbli. Għaldaqstant, il-miżuri speċjali m’għandhomx japplikaw għal vetturi li jkollhom iktar minn disa' postijiet (inkluż is-sewwieq) jew b’piż massimu meta mgħobbija ta’ iktar minn 3 500 kilogramma. Barra minn hekk, trid tiġi pprovduta lista dettaljata tat-tipi speċifiċi ta’ vetturi esklużi minn dik ir-restrizzjoni, skont l-użu partikolari tagħhom.

(7)

Dawn il-miżuri ta' deroga għandu jkollhom limitu ta' żmien biex ikun possibbli li ssir valutazzjoni tal-effettività tagħhom u tal-perċentwali xierqa, u dan peress li l-perċentwali proposta hija msejsa fuq it-tagħrif inizjali dwar l-użu kummerċjali.

(8)

Fejn ir-Rumanija tqis li tkun meħtieġa estensjoni tal-miżuri ta' deroga, għandu jitressaq rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-miżuri inkwistjoni, li jkun jinkludi reviżjoni tal-perċentwali applikata flimkien mat-talba għal estensjoni f'waqtha.

(9)

Fid-29 ta' Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat proposta (2) għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE, issa d-Direttiva 2006/112/KE, li tinkludi l-armonizzazzjoni tal-kategoriji ta’ infiq li għalihom jistgħu japplikaw l-esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis. Skont dik il-proposta, l-esklużjonijiet mid-dritt tat-tnaqqis jistgħu jiġu applikati għal vetturi tat-triq bil-magna. Il-miżuri ta’ deroga previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiskadu fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ tali Direttiva li temenda, jekk dik id-data tasal qabel id-data ta’ skadenza prevista f’din id-Deċiżjoni.

(10)

Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-valur miżjud,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, b'dan ir-Rumanija qed tingħata l-awtorizzazzjoni biex tillimita sa 50 % d-dritt ta' tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, l-akkwisti intra-Komunitarji, l-importazzjoni, il-kiri jew il-leasing ta' vetturi tat-triq bil-magna kif ukoll tal-VAT imħallsa fuq in-nefqa marbuta magħhom, meta dawn il-vetturi ma jintużawx esklużivament għal skop kummerċjali.

Ir-restrizzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu ma tapplikax għal vetturi tat-triq bil-magna li jkollhom piż massimu, meta mgħobbija, ta’ iktar minn 3 500 kilogramma jew li jkollhom iktar minn disa’ postijiet inkluż il-post tas-sewwieq.

Artikolu 2

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 m’għandux japplika għall-kategoriji ta’ vetturi tat-triq bil-magna li ġejjin:

(a)

vetturi użati esklużivament għal servizzi ta’ emerġenza, għas-sigurtà, għas-servizzi ta' protezzjoni u tal-kurjer;

(b)

vetturi użati mill-aġenti inkarigati mill-bejgħ jew mill-aġenti inkarigati mix-xiri;

(c)

vetturi użati għat-trasport ta’ passiġġieri bi ħlas, inklużi s-servizzi tat-taxi;

(d)

vetturi użati għall-provvista ta' servizzi bi ħlas, inklużi l-kiri jew il-lezzjonijiet tas-sewqan mogħtija minn skejjel tas-sewqan;

(e)

vetturi użati għall-kiri jew leasing;

(f)

vetturi użati bħala prodotti tal-konsum għal skopijiet kummerċjali.

Artikolu 3

B'deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Rumanija hija awtorizzata li ma tittrattax bħala għoti ta' servizzi bi ħlas l-użu privat ta' vettura li għaliha tapplika r-restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni minn persuna taxxabbli jew mill-impjegati tagħha, jew b'mod iktar ġenerali għal skopijiet li jmorru lil hinn minn dawk tan-negozju.

Artikolu 4

1.   Din id-Deċiżjoni tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq bil-magna li ma tikkwalifikax għal tnaqqis sħiħ tal-VAT, iżda mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014, skont liema data tiġi l-ewwel.

2.   Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2014.

Tali talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi reviżjoni tar-restrizzjoni tal-perċentwali applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq il-bażi ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fil-Luxembourg, is-26 ta’ April 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

M. GJERSKOV


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  COM(2004) 728 finali.