28.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 126/22


Appell ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2012 minn Willem Stols kontra s-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Diċembru 2011 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-51/08 RENV, Stols vs Il-Kunsill

(Kawża T-95/12 P)

2012/C 126/43

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Willem Stols (Halsteren, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: S. Rodrigues, A. Blot u C. Bernard-Glanz, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan l-appell inammissibbli;

tannulla s-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Diċembru 2011 mill-Ewwel Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, fil-Kawża F-51/08 RENV;

tilqa’ t-talbiet imressqa minnu fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka l-aggravji li ġejjin.

(1)

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li waqt l-eżami tal-ewwel motiv imqajjem fl-ewwel istanza ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, it-TSP kiser id-dritt tal-Unjoni:

billi uża kriterju mhux previst mill-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punti 46 u 47 tas-sentenza appellata);

billi mmotiva s-sentenza tiegħu b’mod insuffiċjenti u billi qiegħed inkwistjoni mill-ġdid il-klassifikazzjoni f’żewġ gruppi ta’ funzjonijiet skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punti 52 sa 54 tas-sentenza appellata) u

billi vvizzja l-motivazzjoni tiegħu b’ineżattezza materjali u billi wettaq interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju tal-lingwi msemmi fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara l-punti 50 u 51 tas-sentenza appellata).

(2)

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li waqt l-eżami tat-tieni motiv imqajjem fl-ewwel istanza ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, it-TSP adotta konklużjoni neċessarjament ivvizzjata fid-dritt, inkwantu huwa ċaħad it-tieni motiv bħala ineffettiv billi l-ewwel motiv ma kienx ġie stabbilit, filwaqt li wettaq numru ta’ żbalji ta’ liġi meta kkonkluda li l-ewwel motiv ma kienx ġie stabbilit (ara l-punti 59 u 60 tas-sentenza appellata).