Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawża C‑334/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Meiningen (il‑Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Awwissu 2009, fil-proċedura

Frank Scheffler

vs

Landkreis Wartburgkreis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, A. Rosas (Relatur), u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar‑Regoli tal-Proċedura tagħha,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 1(2) u 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il‑liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317), kif emendata bid-Direttiva Nru 2006/103/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 363, p. 344, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 91/439”).

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn F. Scheffler, ċittadin Ġermaniż pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan tal-Klassi B maħruġa fil-Polonja, u l‑Landkreis Wartburgkreis (iktar ’il quddiem il-“Landkreis”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li tirrifjutalu d-dritt li juża l-liċenzja tas-sewqan tiegħu fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3. Skont l-ewwel premessa tad-Direttiva 91/439, li abrogat, mill-1 ta’ Lulju 1996, l‑Ewwel Direttiva tal-Kunsill 80/1263/KEE, tal-4 ta’ Diċembru 1980, dwar l‑introduzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan Komunitarja (ĠU L 375, p. 1) :

“[…] għall-għan tal-politika komuni tat-trasport, u bħala kontribuzzjoni sabiex titjieb is-sigurtà tat-traffiku, kif ukoll sabiex jeħfief il-moviment tan-nies li jmorru joqogħdu fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih ikunu għaddew minn test tas-sewqan, jixraq illi għandu jkun hemm mudell Komunitarju tal-liċenzja tas-sewqan nazzjonali li tkun rikonoxxuta reċiprokament mill-Istati Membri mingħajr l-ebda obbligu li jiġu mibdula l-liċenzji.”

4. Ir-raba’ premessa ta’ din l-istess direttiva tistabbilixxi:

“[…] għar-raġunijiet tas-sigurtà fuq it-triq, għandhom jiġu stabbiliti l-ħtiġiet minimi għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan”.

5. L-aħħar premessa tad-Direttiva 91/439 tispeċifika:

“[…] għar-raġunijiet konnessi mas-sigurtà fuq it-triq u mat-traffiku, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom meta jirtiraw, jissospendu u jikkanċellaw il-liċenzji tas-sewqan lill-possessuri kollha ta’ liċenzja tas-sewqan wara li jkun kisbu r-residenza normali fit-territorju tagħhom”.

6. L-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu liċenzja nazzjonali tas-sewqan imsejsa fuq il-mudell Komunitarju deskritt fl-Anness I jew xi [Ia], skond id‑dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. […]

2. Il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri għandhom ikunu rrikonoxxuti reċiprokament.

3. Meta l-possessur ta’ liċenzja nazzjonali valida tas-sewqan imur joqgħod normalment fi Stat Membru ieħor għajr dak li jkun ħariġlu l-liċenzja, l-Istat Membru ospitanti jista’ japplika fuq il-possessur tal-liċenzji r-regoli nazzjonali tiegħu fil-perjodu taż-żmien tal-validità tal-liċenzji, il-kontrolli mediċi u l‑arranġamenti dwar it-taxxi u jista’ jdaħħal fil-liċenzja kull tagħrif indispensabbli għall-amministrazzjoni.”

7. Skont l-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva,

“Il-liċenzji tas-sewqan għandhom, barra minn hekk, jinħarġu biss lil dawk l‑applikanti:

“(a) li jkunu għaddew mit-test tal-ħiliet u l-imġiba u test tat-teorija u li jilħqu l‑istandards mediċi, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Annessi II u III;

(b) għandhom ir-residenza normali tagħhom fit-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja, jew jistgħu jipproduċu xhieda illi kienu ilhom jistudjaw fih għal mill-inqas sitt xhur.”

8. Skont l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 91/439:

“L-ebda persuna ma jista’ jkollha liċenzja tas-sewqan minn iktar minn Stat Membru wieħed.”

9. L-Artikolu 8(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4) tal-istess direttiva jipprovdi:

“2. Bla ħsara għat-tħaris tal-prinċipju tat-territorjalità tal-liġijiet kriminali u tal-pulizija, l-Istati Membri tar-residenza normali jistgħu japplikaw id‑dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l‑irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan fuq il-possessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor u, jekk meħtieġ, jibdlu l-liċenzja b’dan il-għan.

[…]

4. Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-validità ta’ kull liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-persuna li tkun, fit-territorju ta’ l‑Istat ta’ qabel, bla ħsara [suġġetta] għal waħda mill-miżuri riferiti fil-paragrafu 2.”

10. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jispeċifika li “residenza normali” tfisser “il-post fejn persuna tgħix normalment, jiġifieri għall-inqas għal 185 jum f’kull sena kalendarja, minħabba rabtiet personali u tax-xogħol, jew, fil-każ ta’ persuna li ma jkollhiex irbit ta’ xogħol, minħabba r-rabtiet personali li juru rabtiet mill-qrib bejn din il-persuna u l-post fejn tgħix.”

11. L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 91/439 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-implimentazzjoni ta’ din id‑Direttiva u għandhom, jekk ikun hemm il-ħtieġa, jibdlu bejn xulxin it-tagħrif dwar il-liċenzji li jkunu rreġistraw.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti hija kkostitwita mil-leġiżlazzjoni dwar l‑aċċess ta’ persuni għat-traffiku (leġiżlazzjoni dwar il-liċenzja tas-sewqan) [Verordnung über die Zulassung von Personen zum Straßenverkehr (Fahrerlaubnis-Verordnung)], tat-18 ta’ Awwissu 1998 (BGBl. 1998 I, p. 2214), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-14 ta’ Ġunju 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1329, iktar ’il quddiem il-“FeV”), u mil-liġi dwar it-traffiku (Straßenverkehrsgesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. 2006 I, p. 1958, iktar ’il quddiem is-“StVG”).

Il-leġiżlazzjoni dwar ir-rikonoxxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stati membri oħra

13. F’dak li jirrigwarda r-rikonoxximent ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa minn Stati Membri oħra, l-Artikolu 28(1)(4) u (5), tal-FeV jipprovdi:

“(1) Il-pussessuri ta’ liċenzja tas-sewqan valida tal-[Unjoni Ewropea] jew taż-[Żona Ekonomika Ewropea (“ŻEE”)] li għandhom ir-residenza normali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 7(1) jew (2) fil-Ġermanja huma awtorizzati – b’riżerva għal restrizzjoni provduta fil-paragrafi 2 sa 4 – biex isuqu vetturi f’dan il-pajjiż fil-limitu tad-drittijiet li għandhom. Il-kundizzjonijiet marbuta mal-liċenzji tas-sewqan barranin huma wkoll osservati fil-Ġermanja. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw għal dawn il-liċenzji tas-sewqan ħlief jekk speċifikat mod ieħor.

[…]

(4) L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tapplika għal pussessuri ta’ liċenzja tas-sewqan tal-[Unjoni] jew taż-ŻEE,

[…]

3. meta l-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet suġġetta, fil-Ġermanja, għal miżura ta’ rtirar provviżorju jew definittiv minn qorti, jew miżura ta’ rtirar immedjatament eżekuttiva jew definittiva ta’ awtorità amministrattiva, li fir-rigward tagħhom il-liċenzja tas-sewqan tkun ġiet miċħuda b’deċiżjoni definittiva jew li fir-rigward tagħhom il-liċenzja tas-sewqan ma tkunx ġiet irtirata biss minħabba li fil-frattemp dawn ikunu rrinunzjaw għaliha,

[…]

(5) Id-dritt li jsir użu fil-Ġermanja ta’ liċenzja tas-sewqan tal-[Unjoni] jew taż-ŻEE wara deċiżjoni minn dawk imsemmija fil-paragrafu 4, punti 3 u 4, jingħata fuq talba għall-istess meta ma jkunx għad hemm ir-raġunijiet li jkunu ġġustifikaw l-irtirar jew il-projbizzjoni milli ssir talba għad-dritt tas-sewqan. […]”

Il-leġiżlazzjoni dwar l-irtirar tad-dritt ta’ użu tal-liċenzja tas-sewqan

14. L-Artikolu (3)(1) u (2) tas-StVG jipprovdi:

“1. Jekk persuna ma tkunx kapaċi ssuq vettura, l-awtorità responsabbli għall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan hija obbligata tirtiralha l-liċenzja. Fil-każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar – għalkemm isir fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħrajn – ikun ekwivalenti għal telf tad-dritt li l-liċenzja tas-sewqan tintuża fil-Ġermanja. […]

L-awtorizzazzjoni tas-sewqan tiskadi mal-irtirar tal-liċenzja. Fil-każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar jtemm id-dritt tas-sewqan fit-territorju nazzjonali. […]”

15. Skont l-Artikolu 46(1) tal-FeV, dispożizzjoni li timplementa l-Artikolu 3 tas-StVG, l-awtorità responsabbli għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan għandha tirtira d‑dritt tas-sewqan jekk jirriżulta li l-pussessur ta’ liċenzja ma huwiex kapaċi jsuq vetturi. Skont l-Artikolu 46(5) “fil-każ ta’ liċenzja tas-sewqan barranija, l-irtirar ifisser li jkun estint id-dritt tas-sewqan ta’ vetturi fit-territorju nazzjonali”.

Il-leġiżlazzjoni dwar il-kapaċità ta’sewqan

16. Fir-rigward tal-kapaċità tas-sewqan, l-Artikolu 11 tal-FeV, intitolat “Kapaċità”, jispeċifika:

“(1) Il-persuni li japplikaw għal liċenzja tas-sewqan għandhom jissodisfaw il‑kundizzjonijiet fiżiċi u mentali neċessarji għal dan il-għan. Dawn il‑kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti speċjalment fil-każ ta’ mard jew ta’ nuqqasijiet previsti fl-Anness 4 jew fl-Anness 5 li jeskludu l-kapaċità [għas-sewqan ta’ karozzi] jew il-kapaċità limitata għal [dan]. [...]

(2) Jekk ikun hemm fatti li jiġġustifikaw dubji dwar il-kapaċità fiżika jew mentali ta’ applikant għal liċenzja tas-sewqan, l-awtoritajiet kompetenti dwar il‑liċenzja tas-sewqan jistgħu jordnaw il-preżentazzjoni, mill-persuna kkonċernata, ta’ rapport ta’ espert mediku biex tinvestiga d-deċiżjonijiet rigward il-ħruġ jew l‑estensjoni tal-liċenzja, jew għall-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet jew ta’ kundizzjonijiet. [...]

(3) Il-preżentazzjoni ta’ rapport minn ċentru ta’ verifika tal-kapaċità ta’ seqwan uffiċjalment rikonoxxut (rapport ta’ espert mediku-psikoloġiku) tista’ tiġi ordnata sabiex jitneħħew id-dubji dwar il-kapaċità tas-sewqan, għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 11(2) [b’mod partikolari]

[...]

4. fil-każ ta’ reati tat-traffiku gravi jew ripetut jew delitti relevanti għat-traffiku jew għal-kapaċità ta’ sewqan [...]

jew

5. fil-każ ta’ rilaxx ġdid ta’ liċenzja tas-sewqan,

[…]

b) meta l-irtirar tal-liċenzja tas-sewqan ikun ibbażat fuq kwalunkwe raġuni msemmija fil-punt 4.

[…]

(8) Jekk il-persuna tirrifjuta li toqgħod għal eżami jew jekk hija ma tipprovdix fit-termini lill-awtorità kompetenti dwar il-liċenzji r-rapport ta’ espert mitlub minnha, l-awtorità kompetenti hija intitolata li tikkonkludi, fid-deċiżjoni tagħha li hemm l-inkapaċità tal-persuna kkonċernata. [...]”

17. Intitolat “Kapaċità fil-każ ta’ problemi ta’ alkoħol, l-Artikolu 13 tal-FeV jagħti s‑setgħa lill-awtoritajiet nazzjonali għall-ordni, f’ċerti ċirkustanzi, tal-preżentazzjoni ta’ rapport ta’ espert mediku psikoloġiku sabiex jittieħdu deċiżjonijiet kemm dwar il-ħruġ jew l-estensjoni ta’ liċenzja tas-sewqan, kif ukoll dwar l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet jew ta’ kundizzjonijiet rigward id-dritt tas-sewqan. Dan huwa partikolarment il-każ meta, skont opinjoni medika jew minħabba ċerti fatti, hemm sinjali ta’ abbuż mill-alkoħol jew meta ksur fil-qasam tat-traffiku seħħ għal diversi drabi taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18. F. Scheffler kien is-suġġett ta’ diversi okkorrenzi fir-reġistru ċentrali tat-traffiku għall-diversi reati, li jinkludu wieħed, imwettaq fil-11 ta’ Marzu 2000, ta’ sewqan mingħajr liċenzja u fi stat ta’ sokor u b’livell ta’ alkoħol fid-demm ta’ 1.94 grammi għal kull litru ta’ demm.

19. Wara li laħaq il-limitu massimu ta’ 18-il punt li hemm f’kull liċenzja tas-sewqan fil-Ġermanja minħabba dawn ir-reati, F. Scheffler irrinunzja, fid-29 ta’ Frar 2000, għal-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża li kienet inħarġitlu fit-28 ta’ Frar 1986.

20. Fil-5 ta’ Awwissu 2004, F. Scheffler ressaq talba ta’ ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan ġdida, li ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Frar 2005, għar-raġuni li hu ma kkonformax mal-ordni tal-Landkreis sabiex jipproduċi rapport ta’ espert mediku psikoloġiku dwar il-kapaċità tiegħu ta’ sewqan.

21. Fil-15 ta’ Ottubru 2004, F. Scheffler kiseb liċenzja tas-sewqan Pollakka, li ssemmi residenza fil-Polonja. Il-passaport tiegħu jinkludi ċertifikat ta’ residenza fit-territorju Pollakk għal perijodu ta’ sitt xhur.

22. Il-Landkreis sar jaf bil-ħruġ lil F. Scheffler ta’ liċenzja tas-sewqan Pollakka f’Marzu 2006, waqt li kien qed isir kontroll tat-traffiku.

23. Fit-13 ta’ April 2006, F. Scheffler talab mingħand il-Landkreis ir-rikonoxximent tad-dritt għall-użu tal-liċenzja tas-sewqan Pollakka tiegħu fit-territorju Ġermaniż. Fis-26 ta’ April 2006, huwa pproduċa rapport ta’ espert fuq il-kapaċità tiegħu ta’ sewqan, maħruġ mit-TÜV Thüringen eV, tal-1 ta’ Novembru 2004 u bbażat fuq eżami li sar fit-18 ta’ Ottubru 2004.

24. Skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dan ir-rapport jagħti tbassir negattiv rigward il-kapaċità ta’ sewqan ta’ F. Scheffler minħabba fatti li ġraw fil-passat ta’ dan tal-aħħar dwar is-sewqan fi stat ta’ sokor, billi bbaża, essenzjalment, fuq il‑fatt li l-livell ta’ alkoħol ta’ 1.94 grammi għal kull litru ta’ demm ikkonstatat fil-11 ta’ Marzu 2000 kien il-prova ta’ konsum abbużiv ta’ alkoħol u li F. Scheffler ma għelibx id-drawwiet tal-passat tiegħu ta’ konsum ta’ alkoħol.

25. Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Mejju 2006, il-Landkreis ordna lil F. Scheffler li jippreżenta, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu 2006, perizja ġdida għall-finijiet tal-verifika tal-kapaċità ta’ sewqan tiegħu.

26. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Awwissu 2006, l-awtorità Pollakka kompetenti dwar it‑traffiku, li kienet ħarġet lil F. Scheffler liċenzja tas-sewqan fil-15 ta’ Ottubru 2004, indikat li dan tal-aħħar kien iddikjara, wara li ġie infurmat b’sanzjonijiet kriminali inkorsi, li ma kienx ġie suġġett fil-Ġermanja għal teħid tal-liċenzja tas-sewqan tiegħu lanqas ta’ rtirar tad-dritt tas-sewqan.

27. Permezz ta’ ittri tal-24 ta’ April u tat-30 Mejju 2007, il-Landkreis tenna l-ordni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2006 billi ordna lil F. Scheffler jipproduċi rapport ta’ espert dwar il-kapaċità tiegħu ta’ sewqan. Huwa kien ikkunsidra li, minħabba r‑rapport tat-18 ta’ Ottubru 2004, fatti ġodda kienu tfaċċaw wara l-għoti ta’ liċenzji tas-sewqan Pollakka, fil-15 ta’ Ottubru 2004, tali li huma ġġustifikati dubji dwar il-kapaċità ta’ sewqan tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, huwa kien ikkritikat talli għamel dikjarazzjonijiet foloz lill-awtorità Pollakka.

28. Peress li F. Scheffler kien irrifjuta li jippreżenta rapport ta’ espert ġdid dwar il‑kapaċità tiegħu ta’ sewqan, il-Landkreis, permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rtirar”), irtiralu d-dritt għall-użu tal-liċenzja tas-sewqan Pollakka tiegħu fit-territorju Ġermaniż, u ordna l‑eżekuzzjoni immedjata ta’ dan il-punt tad-deċiżjoni tiegħu u ċaħad it-talba għar-rikonoxximent ta’ dan id-dritt.

29. Din id-deċiżjoni kienet essenzjalment immotivata mill-fatt li F. Scheffler kien saq fi stat ta’ sokor fil-11 ta’ Marzu 2000 b’livell ta’ alkoħol fid-demm ta’ 1.94 grammi għal kull litru ta’ demm, u dan qajjem dubji dwar il-kapaċità tas-sewqan tiegħu, dubji li ġew imneħħija mill-produzzjoni ta’ rapport ta’ espert. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-amministrazzjoni saret taf bir-rapport tal-espert tat-18 ta’ Ottubru 2004 biss matul April 2006 u li F. Scheffler kien ħeba din l-informazzjoni mill-awtorità kompetenti Pollakka. In-nuqqas ta’ kapaċità ta’ sewqan kien diġà stabbilit abbażi ta’ dan ir-rapport tat-18 ta’ Ottubru 2004. L‑istess deċiżjoni kkonkludiet li għandha tiġi ordnata l-eżekuzzjoni immedjata fl-interess pubbliku peress li jeżisti riskju li F. Scheffler jerġa’ jkollu inċident ieħor relatat mal-alkoħol.

30. F. Scheffler, li d-deċiżjoni ta’ rtirar kienet innotifikata lilu fis-17 ta’ Awwissu 2007, ippreżenta, fis-26 ta’ Awwissu ta’ wara, rikors prekontenzjuż kontra din id‑deċiżjoni quddiem it-Thüringer Landesverwaltungsamt. Huwa ppreżenta talba parallela għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Meiningen (Qorti Amministrattiva ta’ Meiningen).

31. Permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2007 it-Thüringer Landesverwaltungsamt ċaħdet ir-rikors prekontenzjuż ippreżentat minn F. Scheffler kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar. Fl-1 ta’ Frar 2008, dan tal-aħħar ippreżenta quddiem il-Verwaltungsgericht Meiningen rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda. Huwa talab l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rtirar, fil-verżjoni tad-deċiżjoni mogħtija fit-13 ta’ Diċembru 2007 fuq ir-rikors prekontenzjuż.

32. Il-kwistjoni preliminari hija mqajma fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ annullament.

It-talba għal miżuri provviżorji

33. It-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ rtirar ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-Verwaltungsgericht Meiningen tal-1 ta’ Ottubru 2007. Dik il-qorti ċaħdet ukoll, permezz ta’ digriet tal-21 ta’ Novembru 2008, it-talba mressqa minn F. Scheffler u intiża għar-riforma tad-digriet tal-1 ta’ Ottubru 2007 u sabiex jiġi ristabbilit l-effett sospensiv tar-rikors tiegħu.

34. Fil-15 ta’ Diċembru 2008, F. Scheffler ippreżenta appell mid-digriet tal-21 ta’ Novembru 2008 quddiem it-Thüringer Oberverwaltungsgericht (Qorti Superjuri ta’ Thuringen), fejn sostna li l-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk (C‑329/06 u C‑343/06, Ġabra p. I‑4635), kif ukoll Zerche et (C‑334/06 sa C‑336/06, Ġabra p. I‑4691), kienet wasslet għal bidla fid-dritt applikabbli f’din il-kawża. Skont F. Scheffler, peress li kien issodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan Pollakka, il-Landkreis ma kienx intitolat li jivverifika l‑kapaċità ta’ sewqan tiegħu. Huwa żied li r-rapport ta’ espert fuq il-kapaċità ta’ sewqan tiegħu ma kienx jikkostitwixxi aġir sussegwenti għall-imsemmi ħruġ, li jista’ jiġi meħud inkunsiderazzjoni taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropa, u li dan ir‑rapport jirreferi biss għal aġir li, b’mod kronoloġiku, kien qabel il-ksib tal-liċenzja tas-sewqan Pollakka.

35. Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Marzu 2009, it-Thüringer Oberverwaltungsgericht finalment tat effett ta’ sospensjoni għar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar.

36. Fid-digriet tagħha, it-Thüringer Oberverwaltungsgericht ikkunsidrat li r-rapport ta’ espert tal-1 ta’ Novembru 2004 ma setax jikkunsidra fatt li jista’ jeħles a posteriori lill-Istat Membru ospitanti mill-obbligu tiegħu ta’ rikonoxximent. Skont din il-qorti, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod ċar uriet, fid-digriet tagħha tas-6 ta’ April 2006, Halbritter (C‑227/05), li konstatazzjonijiet reali dwar il-kapaċità ta’ sewqan li huma bbażati fuq dak li jseħħ qabel il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni, peress li l-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandu jiġi kkunsidrata bħala l-prova li l-pussessur ta’ din il‑liċenzja jissodisfa, fil-jum meta nħarġet, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ provduti mid-Direttiva 91/439, inkluża l-kapaċità ta’ sewqan. Ikun każ differenti biss meta r-rapport dwar il-kapaċità ta’ sewqan ikun relatat ma’ “aġir” tal-persuna kkonċernata wara l-għoti ta’ liċenzja tas-sewqan fl-Istat Membru l-ieħor (digriet Halbritter, iċċitat iktar ’il fuq, punt 38 ). Minn din il-formula jirriżulta b’mod ċar li hija lanqas ma hija intiża għall-produzzjoni tar-rapport ta’ espert bħala tali, iżda biss għall-ksur mill-persuna kkonċernata tar-regoli tat-traffiku.

Ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rtirar

37. Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-Verwaltungsgericht Meiningen tikkonstata qabel xejn li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ikkundizzjonat ta’ liċenzji tas-sewqan skont id‑Direttiva 91/439 biss għal każijiet speċifiċi.

38. B’hekk ikun hemm eċċezzjoni jekk huwa stabbilit, abbażi tal-okkorrenzi fuq il‑liċenzja tas-sewqan jew ta’ informazzjoni inkontestabbli oħra li ġejja mill-Istat Membru tal-ħruġ, li meta l-imsemmija liċenzja nħarġet, il-possesur tagħha, li kien suġġett, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja preċedenti, ma kellux ir-residenza normali tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru tal-ħruġ (sentenza Zerche et, punt 70).

39. Skont il-qorti tar-rinviju, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Ir-residenza fil-Polonja ta’ F. Scheffler hija mniżżla fil-liċenzja tas-sewqan Pollakka ta’ dan tal-aħħar u ma hemm ebda informazzjoni inkontestabbli ġejja mill-Istat Membru tal-ħruġ li jikkontesta l-fatt li l-persuna interessata kellha r-residenza tagħha fil-Polonja meta nħarġet din il-liċenzja.

40. Barra minn hekk, l-Istat Membru ta’ residenza normali ma jistax jinħeles mill-obbligu ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ liċenzja tas-sewqan u jeżerċita l-fakultà rikonoxxuta lilu, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, li japplika għall-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan biss fil-każ ta’ aġir tal-persuna kkonċernata wara l-ksib ta’ din il‑liċenzja (digriet Halbritter, iċċitat iktar ’il fuq, punt 38, kif ukoll is-sentenza Zerche et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 56) jew ukoll ta’ “ċirkustanzi” li jseħħu wara li tinkiseb l-imsemmija liċenzja (digriet Halbritter, iċċitata iktar ’il, fuq, punt 38).

41. Għall-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti timplika li l-Istati Membri huma, fi kwalunkwe każ, awtorizzati mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, li japplikaw d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar verifika tal-kapaċità ta’ sewqan u tal-irtirar ta’ liċenzja ta’ sewwieqa li, wara li tinkiseb liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, ikollhom mill-ġdid aġir mhux korrett fit-territorju nazzjonali jew iqajmu dubji dwar il-kapaċità tagħha ta’ sewqan.

42. Il-qorti tar-rinviju madankollu tosserva li, għalkemm il-preżenza ta’ “aġir” li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni, fl-Istat Membru ta’ residenza normali, ta’ miżuri ta’ restrizzjonijiet, ta’ sospensjoni, ta’ rtirar jew ta’ tħassir fis-sens tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 fir-rigward ta’ liċenzja miksuba fi Stat Membru ieħor ma hijiex iddubitata fejn il-pussessur ta’ tali liċenzja, wara li jikseb din il-liċenzja, ikun mill-ġdid ħati ta’ att jew ta’ ommissjoni tat-traffiku, li jwassal għall-konklużjoni li hemm nuqqas tiegħu ta’ kapaċità ta’ sewqan, fil-kawża prinċipali, F. Scheffler ma kkommetta, wara l-15 ta’ Ottubru 2004, ebda ksur tal-kodiċi tat-traffiku li jista’ jikkostitwixxi tali “aġir”, li eventwalment jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Teżisti biss il-perizja dwar il-kapaċità tiegħu għas-sewqan tal-1 ta’ Novembru 2004, li saret abbażi tal-eżami tat-18 ta’ Ottubru 2004.

43. Il-qorti tar-rinviju ma tistax tasal li tiddeduċi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mid-digriet Halbritter, iċċitat iktar ’il fuq, indikazzjoni dwar jekk, wara l-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru ieħor, huwa biss nuqqas tal-persuna kkonċernata rigward it-traffiku li jagħti lill-Istat Membru ta’ residenza normali d-dritt li jieħu azzjoni kontra l-pussessur ta’ tali liċenzja, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439.

44. L-imsemmija qorti tqis li ma huwiex eskluż li l-perizja prodotta f’din il‑kawża tista’ tiġi kkunsidrata bħala fatt ġdid li jagħti lill-Istat Membru tar-residenza normali d-dritt li jieħu miżuri skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 kontra l-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor. Din il-perizja, għandha, ċertament, elementi li jirrigwardaw fatti preċedenti, iżda tagħmel tbassir dwar il-kapaċità ta’ sewqan ta’ F. Scheffler, li tlestiet wara d‑data tal-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan Pollakka u hija bbażata fuq analiżi mwettqa wara dik id-data.

45. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Meiningen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 [...] jista’ Stat Membru jeżerċita l-awtorità tiegħu taħt l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439/KEE sabiex japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is‑sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan għal pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor fir-rigward ta’ ċertifikat [perizja] ta’ kapaċità ta’ sewqan ippreżentat mill-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor jekk iċ-ċertifikat [il-perizja] kien maħruġ wara d-data ta’ ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan u huwa wkoll ibbażat fuq eżami tal-parti kkonċernata magħmul wara l-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan, imma huwa relatat ma’ fatti li saru qabel il-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan?”

Fuq id-domanda preliminari

46. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, meta r‑risposta għal domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, fi kwalunkwe mument, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat li għandu jkun fih referenza għall-ġurisprudenza kkonċernata.

47. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata f’din il-kawża.

Osservazzjonijiet preliminari

48. Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li teżamina d-dispożizzjonijiet tal-FeV flimkien mal-Artikoli 1(2) u 8(2) tad-Direttiva 91/439 fid-digrieti Halbritter, iċċitat iktar ’il fuq, u tat-28 ta’ Settembru 2006, Kremer (C‑340/05), iżda wkoll fis-sentenzi Wiedemann u Funk iċċitata iktar ’il fuq; Zerche et ; iċċitata iktar ’il fuq, tal-20 ta’ Novembru 2008, Weber (C‑1/07, Ġabra p. I‑8571); tad-19 ta’ Frar 2009, Schwarz (C‑321/07, Ġabra p. I‑1113), jew ukoll fid-digriet tad-9 ta’ Lulju 2009, Wierer (C‑445/08).

49. Fit-tieni lok, mill-ewwel premessa tad-Direttiva 91/439 jirriżulta li l-prinċipju ġenerali ta’ rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri, stipulat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, ġie stabbilit partikolarment sabiex jiffaċilita l-moviment tal-persuni li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak fejn ikunu għamlu test tas-sewqan (ara s-sentenza Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50. Skont ġurisprudenza stabbilita ferm, l-imsemmi Artikolu 1(2) jipprevedi r‑rikonoxximent reċiproku, mingħajr ebda formalità, ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni timponi fuq dawn tal-aħħar l‑obbligu ċar u preċiż, li ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għat-twettiq tiegħu (sentenza Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51. Il-Qorti tal-Ġustizzja minn dan ikkonkludiet li huwa l-Istat Membru li joħroġ il‑liċenzja li għandu jivverifika jekk il-kundizzjonijiet minimi imposti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk relattivi għar-residenza u għal-kapaċità ta’ sewqan, humiex sodisfatti, u, għaldaqstant, jekk il-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan – jekk ikun il-każ, ta’ liċenzja ġdida – ikunx ġustifikat (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Wiedemann u Funk, punt 52, kif ukoll Zerche et, punt 49).

52. Għaldaqstant, meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru ħarġu liċenzja tas-sewqan skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/439, l-Istati Membri l-oħra ma humiex intitolati li jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ ħruġ provduti minn din id‑direttiva. Fil-fatt, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru għandha tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi l-prova li l-pussessur ta’ din il‑liċenzja jissodisfa, fil-jum meta din tal-aħħar inħarġet, l-imsemmija kundizzjonijiet (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Wiedemann u Funk punt 53, kif ukoll Zerche et, punt 50), inkluż il-kapaċità ta’ sewqan.

53. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

54. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id‑dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 1(2) u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 jipprekludux Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-fakultà mogħtija lilu mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 li japplika għall-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor id-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward ir‑restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan, li jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan valida maħruġa fi Stat Membru ieħor, minħabba rapport ta’ espert fuq il‑kapaċità ta’ sewqan ippreżentata mill-pussessur tal-liċenzja, meta dan ir-rapport, għalkemm tħejja wara d-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja u abbażi ta’ eżami tal-persuna kkonċernata li sar wara din id-data, jirreferi prinċipalment għal ċirkustanzi li seħħew qabel l-imsemmija data.

Osservazzjonijiet ssottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

55. F. Scheffler isostni li perizja dwar il-kapaċità ta’ sewqan ma tistax tikkostitwixxi, fil-prinċipju, aġir sussegwenti għall-ħruġ ta’ liċenzja tas-sewqan fi Stat Membru ieħor li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa biss nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tat-traffiku li seħħ wara dan il-ħruġ li jista’ jikkostitwixxi tali aġir.

56. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li l-kunċett ta’ ċirkustanza jew ta’ aġir li seħħ wara l-ħruġ tal-liċenzja ma għandux neċessarjament jikkonsisti fi ksur tar-regoli tat-traffiku. Hija tqis li ma huwiex eskluż li perizja fuq il‑kapaċità ta’ sewqan tista’ tippermetti lil Stat Membru li jirrifjuta d-dritt għall-użu fit-territorju tiegħu, ta’ liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni madankollu li din il-perizja, imħejjija wara l-ħruġ tal-liċenzja fi Stat Membru ieħor tikkonċerna għall-inqas aġir tas-sewwieq sussegwenti għal dan il‑ħruġ u li tirrifletti perikolu li jikkostitwixxi indizju tan-nuqqas ta’ kapaċità tal-persuna kkonċernata ta’ sewqan fuq it-triq pubblika.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

57. Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li d-domanda preliminari ma tikkonċernax il‑validità, fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/439, ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-15 ta’ Ottuburu 2004. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Verwaltungsgericht Meiningen tqis li l‑liċenzja tas-sewqan kienet inħarġet fil-Polonja fl-osservanza tal-kundizzjonijiet provduti mid-Direttiva 91/439 u li hija intiża biss, permezz tad-domanda tagħha, sabiex tkun taf jekk Stat Membru jistax japplika għall-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir‑restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan abbażi ta’ perizja dwar il-kapaċità ta’ sewqan, jekk din il-perizja tħejjiet wara d‑data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja, iżda tikkonċerna fatti li seħħew esklużivament qabel din id-data.

58. Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet fil-ġurisprudenza tagħha fuq id-Direttiva 91/439, iddeċidiet fuq il-konsegwenzi ġuridiċi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa mill-Istati Membri u ppreċiżat ukoll, abbażi ta’ fatti differenti, id-drittijiet u l‑obbligi tal-Istat Membru tal-ħruġ u tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-verifiki tal-kapaċità ta’ sewqan u tal-post ta’ residenza tal-propjetarju tal-liċenzja.

59. B’hekk mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt 48 ta’ dan id-digriet jirriżulta li l‑Artikoli 1(2), 7(1) u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jipprekludux fil-każijiet kollha li Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu d-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor (digriet Wierer, iċċitat iktar ’il fuq, punt 50).

60. B’mod partikolari, għal raġunijiet ta’ sigurtà tat-traffiku, kif jirriżulta mill-aħħar premessa tad-Direttiva 91/439, l-Artikolu 8(2) u (4) ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri sabiex, f’ċerti ċirkustanzi, japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar u t-tħassir tal-liċenzja tas-sewqan fir-rigward ta’ kull pussessur ta’ liċenzja li għandu r-residenza normali tiegħu fit-territorju tagħhom (sentenza Zerche et , iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

61. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li din il-fakultà, inkwantu tirriżulta mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, tista’ tiġi eżerċitata biss abbażi tal-aġir tal-persuna kkonċernata wara l-ksib tal-liċenzja tas-sewqan maħruġa minn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, id-digrieti, iċċitati iktar ’il fuq, Halbritter, punt 38, u Kremer, punt 35; ara wkoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zerche et , punt 56, kif ukoll Weber, punt 34) u mhux minħabba raġunijiet ta’ ċirkustanzi li seħħew qabel il-ħruġ tal-imsmemija liċenzja.

62. Dwar l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(4), li jawtorizza lil Stat Membru jirrifjuta r-rikonoxximent tal-validità ta’ liċenzja tas-sewqan miksuba fi Stat Membru ieħor minn persuna li kienet suġġetta, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, għal miżura ta’ restrizzjoni, sospensjoni, irtirar jew tħassir ta’ liċenzja, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ġenerali tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan u, minħabba f’hekk, din għandha tingħata interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schwarz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63. Fil-fatt, l-eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa fl-Istati Membri mingħajr ebda formalità, li jibbilanċjaw dan il-prinċipju mal-prinċipju tas-sigurtà tat-traffiku, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod wiesa’ mingħajr ma jbattlu minn kull sustanza l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa fl-Istati Membri skont id-Direttiva 91/439 (ara, f’dan is-sens, id-digriet Wierer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

64. Il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-Istati Membri, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, li jiġi rrifjutat lill-pussessur ta’ liċenzja fi Stat Membru ieħor, iżda li jkun stabbilixxa r-residenza normali tiegħu fit-territorju tagħhom, id‑dritt għall-użu ta’ din il-liċenzja ġew b’mod partikolari eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-digrieti ċċitati iktar ’il fuq Halbritter u Kremer.

65. Il-kawża li tat lok għad-digriet Halbritter, iċċitata iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna persuna li, kienet suġġetta, fil-Ġermanja, għal miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja tas-sewqan akkumpanjata minn perijodu ta’ projbizzjoni li tikseb liċenzja ġdida wara li dan il-perijodu ta’ projbizzjoni kien skada. L-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw it‑talba għall-konverżjoni tal-liċenzja Ġermaniża f’liċenzja Awstrijaka, li ġiet interpretata bħala li hija intiża li jinkiseb id-dritt għall-użu tal-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka fit-territorju Ġermaniż. Huma kkunsidraw li l-liċenzja Awstrijaka ma setgħetx tiġi rikonoxxuta fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja peress li F. Halbritter kien suġġett, f’dak l-Istat Membru, ta’ miżura ta’ rtirar tal-liċenzja tiegħu tas-sewqan u li d-dubji dwar il-kapaċità ta’ sewqan eżistenti wara din il‑miżura ta’ rtirar setgħu jitneħħew biss permezz ta’ perizja medika psikoloġika pożittiva, imħejjija skont l-istandards applikabbli fil-Ġermanja. Il-perizja mħejjija fl-Awstrija qabel il-ħruġ tal-liċenzja Awstrijaka ma kienitx ikkunsidrata bħala ekwivalenti għal perizji skont l-istandards nazzjonali.

66. Fil-punt 37 ta’ dak id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, meta l-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan valida, maħruġa fi Stat Membru wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ projbizzjoni li tinkiseb liċenzja ġdida li l-persuna kkonċernata kienet suġġetta għaliha fi Stat Membru ieħor, jirrisjedi f’dan l-aħħar Stat Membru, dan ma jistax jirrikjedi verifika mill-ġdid tal-kapaċità ta’ sewqan tal-persuna kkonċernata, anki jekk tali eżami huwa impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali minħabba r-regolamenti nazzjonali minħabba ċirkustanzi li wasslu għall-irtirar ta liċenzja preċedenti, sakemm dawn iċ-ċirkustanzi kienu preċedenti għall-ħruġ tal-liċenzja l-ġdida.

67. Fil-punt 38 tad-digriet Halbritter, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tapplika, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, lill-pussessur tal-liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor, f’din il-kawża ir-Repubblika tal-Awstrija, u li jkun stabbilixxa r‑residenza normali tiegħu fil-Ġermanja, id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan tista’ tiġi eżerċitata biss minħabba l-aġir tal-persuna kkonċernata wara li jikseb liċenzja fi Stat Membru ieħor. F’dan il-każ, madankollu, il-qorti tar-rinviju kienet indikat li ma kien hemm ebda element sabiex tiġi ddubitata l-kapaċità ta’ sewqan ta’ F. Halbritter abbażi ta’ ċirkustanzi li seħħew wara l-ksib tal-liċenzja tas-sewqan Awstrijaka.

68. Dwar il-kawża li tat lok għad-digriet Kremer, iċċitat iktar ’il fuq, din kienet tikkonċerna ċittadin Ġermaniż residenti fil-Ġermanja, li l-liċenzja tas-sewqan Ġermaniża kienet ġiet irtirata wara ksur ripetut tal-kodiċi tat-traffiku. S. Kremer kien kiseb liċenzja ġdida fil-Belġju, filwaqt li ma kien hemm fis-seħħ l-ebda projbizzjoni li jikseb id-dritt għas-sewqan. Sussegwentement S. Kremer kien suġġett fil-Ġermanja għal kundanni għal sewqan mingħajr liċenzja u l-liċenzja Belġjana tiegħu kienet ġiet irtirata, minħabba li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu jqisu li ma kellux iktar dritt tas-sewqan fit-territorju Ġermaniż wara l-irtirar tal-liċenzja Ġermaniża tiegħu u huma rrifjutaw li jirrikonoxxu l-validità tal-liċenzja maħruġa iktar tard fil-Belġju sakemm S. Kremer ma josservax il-kundizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża għall-ksib ta’ liċenzja ġdida tas-sewqan wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti.

69. Fil-kawża Kremer, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet jekk l-Artikolu 1(2) u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 jipprekludix li Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor u, għaldaqstant il-validità tal-imsemmija liċenzja, sakemm il-posssessur ta’ din il-liċenzja, li kien suġġett, fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, ta’ miżura ta’ rtirar ta’ liċenzja miksuba preċedentement, mhux akkumpanjata minn miżura ta’ projbizzjoni temporanja għall-ksib ta’ liċenzja ġdida, ma tissodisfax il-kundizzjonijiet rikjesti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat għall-ħruġ ta’ liċenzja ġdida wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti, inkluż l-eżami tal-kapaċità ta’ sewqan li tiċċertifika li r-raġunijiet għall-irtirar ma għadhomx jeżistu.

70. Bl-istess mod bħal fid-digriet Halbritter, iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jistax jirrikjedi mill-pussessur ta’ liċenzja valida maħruġa fi Stat Membru ieħor li jissodisfa l-kundizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali tiegħu għall-ksib ta’ liċenzja ġdida tas-sewqan wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti. B’mod partikolari, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti ma jistgħux jissuġġettaw ir-rikonoxximent tad-dritt tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor għar-rekwiżit ta’ verifika ġdida tal-kapaċità ta’ sewqan tal-pussessur tagħha, anki jekk tali eżami huwa rikjest mil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’ċirkustanzi identiċi għal dawk li wasslu għall-irtirar ta’ liċenzja preċedenti, sakemm dawn iċ-ċirkustanzi huma qabel il-ħruġ ta’ liċenzja ġdida (digriet Kremer, iċċitat iktar ’il fuq, punti 32 u 33).

71. Għandu jiġi osservat li, fil-punt 36 tad-digriet Kremer, iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti tar-rinviju ma kienet indikat ebda element tali li tiġi kkontestata l-kapaċità ta’ sewqan ta’ S. Kremer abbażi ta’ ċirkustanzi li seħħew wara li tinkiseb il-liċenzja tas-sewqan valida maħruġa fil-Belġju. Fil-fatt, il-ksur tar-regolamenti li ġew allegati kontra l-persuna kkonċernata, kommessi wara l-ksib ta’ din il-liċenzja, kienu jikkonsistu f’li saq fit-territorju Ġermaniż mingħajr ma kien fil-pussess ta’ liċenzja valida tas-sewqan, peress li l-liċenzja miksuba fil-Belġju ma kinitx rikonoxxuta bħala tali peress li ma kinux sodisfatti l‑kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża għall-ksib ta’ liċenzja ġdida wara l-irtirar ta’ liċenzja preċedenti.

72. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex tiġi eżerċitata l-fakultà, mogħtija mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439 lill-Istat Membru ta’ residenza normali tal-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor, li japplika għall-pussessur ta’ din il-liċenzja, id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir‑restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan, għandhom jeżistu elementi li jistgħu jikkontestaw il-kapaċità ta’ sewqan tal-pussessur ta’ din il-liċenzja abbażi ta’ ċirkustanzi li għandhom ikunu relatati mal-aġir tal-persuna kkonċernata li jkun sussegwenti għall-ksib tal-liċenzja tagħha tas-sewqan fi Stat Membru ieħor u li jikkontesta l-validità tagħha.

73. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi ddeterminat jekk rapport ta’ espert bħal dak imħejji fl-1 ta’ Novembru 2004 jistax jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jirrifjutaw, skont l‑Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, lil pussessur ta’ liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor id-dritt li juża din il-liċenzja fit-territorju tal-ewwel Stat Membru, il-qorti tar-rinviju għandha tikkunsidra jekk dan ir-rapport jistax ikun tali li jikkontesta l-kapaċità ta’ sewqan ta’ F. Scheffler abbażi ta’ ċirkustanzi li seħħew wara l-ksib tal-imsemmija liċenzja.

74. F’dan il-każ, kif ġie osservat minn F. Scheffler u l-Kummissjoni, jidher li ma hemm ebda element sabiex tiġi kkontestata l-kapaċità ta’ sewqan ta’ F. Scheffler abbażi ta’ ċirkustanzi li seħħew wara li kiseb il-liċenzja tas-sewqan tiegħu Pollakka. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ sewqan magħmula wara d-data tal-ħruġ ta’ din il-liċenzja tas-sewqan tirreferi esklużivament għal fatti li seħħew qabel dik id-data. Il-qorti tar-rinviju b’mod partikolari tindika li ebda ksur tar-regoli tat-traffiku ma jista’ jiġi attribwit lil F. Scheffler wara l-ħruġ tal-imsemmija liċenzja.

75. Għandu jiġi osservat li r-rekwiżit ta’ aġir tal-pussessur tal-liċenzja maħruġa fi Stat Membru ieħor li huwa sussegwenti għall-ħruġ tal-imsemmija liċenzja u li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti dwar ir-restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan, ma għandux neċessarjament jinftiehem bħala li jirreferi biss għal ksur tar-regoli tat-traffiku. Madankollu, jibqa’ l-fatt li tali rekwiżit jirrikjedi l‑konstatazzjoni f’mument speċifiku, ta’ aġir tal-pussessur ta’ din il-liċenzja wara l-ħruġ tiegħu li jippermetti li jikkontesta l-kapaċità tiegħu ta’ sewqan ta’ vettura, jew li jikkonkludi li hemm nuqqas ta’ kapaċità ta’ sewqan.

76. Hija fi kwalunkwe każ il-qorti tar-rinviju, li hija hi biss li għandha għarfien profond tal-kawża quddiemha, li għandha tivverifika jekk perizja dwar il-kapaċità ta’ sewqan bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfax il‑kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 72, 73 u 75 ta’ dan id-digriet u għandhiex relazzjoni, anki parzjali, ma’ aġir tal-persuna kkonċernata, kkonstatat wara l-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan Pollakka. Jekk dan ma kienx il-każ, l-Istat Membru ta’ residenza normali ma jistax jirrifjuta, minħabba din il-perizja, li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/439, id-dritt tas-sewqan li tirriżulta minn liċenzja tas-sewqan valida maħruġa fi Stat Membru ieħor.

77. Hemm lok, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikoli 1(2) u 8(2) u (4) tad-Direttiva 91/439 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-fakultà mogħtija lilu mill-Artikolu 8(2), japplika għall-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir-restrizzjoni, is‑sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan, li jirrifjuta li jirrikonoxxi fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan valida maħruġa fi Stat Membru ieħor minħabba perizja dwar il‑kapaċità ta’ sewqan ippreżentat mill-pussessur tal-liċenzja, meta dan ir-rapport, għalkemm imħejji wara d-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja u abbażi ta’ eżami tal-persuna kkonċernata li jsir wara din id-data, ma għandu ebda relazzjoni, anki parzjali, ma’ aġir tal-persuna kkonċernata kkonstatat wara l-ħruġ ta’ din l-istess liċenzja tas-sewqan u li jirreferi esklużivament għal ċirkustanzi li seħħew qabel l‑imsemmija data.

Fuq l-ispejjeż

78. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 1(2) u 8(2) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan, kif emendata bid-Direttiva (KE) Nru 2006/103/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li Stat Membru, fl-eżerċizzju tal-fakultà mogħtija lilu mill-Artikolu 8(2), japplika għall-pussessur ta’ liċenzja tas-sewqan maħruġa fi Stat Membru ieħor id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu dwar ir‑restrizzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew it-tħassir tad-dritt tas-sewqan, li jirrifjuta li jirrikonoxxi, fit-territorju tiegħu, id-dritt tas-sewqan li jirriżulta minn liċenzja tas-sewqan valida maħruġa fi Stat Membru ieħor minħabba perizja dwar il-kapaċità ta’ sewqan ippreżentata mill-pussessur tal-liċenzja, meta din il-perizja, għalkemm imħejjija wara d-data tal-ħruġ tal-imsemmija liċenzja u abbażi ta’ eżami tal-persuna kkonċernata li ssir wara din id-data, ma għandha ebda relazzjoni, anki parzjali, ma’ aġir tal-persuna kkonċernata kkonstatat wara l-ħruġ ta’ din l-istess liċenzja tas-sewqan u li jirreferi esklużivament għal ċirkustanzi li seħħew qabel l-imsemmija data.