19.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 325/48


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-twaqqif ta' qafas Ewropew ta' referenza ta' assigurazzjoni tal-kwalità għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u dwar il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' kredits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ECVET)

(2008/C 325/07)

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel dwar il-fatt li hemm kunsens wiesa' fl-Ewropa dwar il-ħtieġa li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa jridu jimmodernizzaw u jitjiebu. L-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali hija fattur essenzjali għal dan l-objettiv.

iqis li d-diffikultajiet biex jiġu rikonoxxuti r-riżultati tat-tagħlim fi Stati Membri differenti tellfu mill-mobbiltà fl-UE u huma ostaklu għal esperjenzi ġenwini fil-kamp tat-tagħlim tul il-ħajja.

jenfasizza li f'ħafna Stati Membri l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma r-responsabbiltà tal- tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

jilqa' b'mod favorevoli ż-żewġ rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, peress li jimmiraw li jsibu soluzzjonijiet li jirrispondu għall-isfidi tal-ekonomija dinija li ngħixu fiha, bbażata fuq l-għarfien. Barra minn hekk qed jiġi propost li tikber il-mobbiltà fl-Unjoni Ewropea, barra milli nippromovu l-iskambju tal-kompetenzi. Għal din ir-raġuni, il-KtR iqis li dawn huma essenzjali għall-iżvilupp ta' setturi li huma ta' importanza fundamentali għaċ-ċittadini u għall-attivitajiet li jidħlu fil-kompetenza tal- tal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

iqis li l-qafas Ewropew ta' referenza ta' assigurazzjoni tal-kwalità ser jintuża essenzjalment mill-korpi nazzjonali, reġjonali u lokali responsabbli mill-assigurazzjoni tal-kwalità u t-titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti jiġu involuti fil-proċess meħtieġ ta' koordinament bejn l-oqfsa tal-kwalifika nazzjonali/reġjonali u l-ECVET;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prova tas-suċċess ta' din is-sistema tinsab fl-implimentazzjoni u l-adozzjoni tagħha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu sieħba importanti għall-promozzjoni tas-sistema minħabba fin-netwerks tagħhom u biex din tkun kredibbli u tista' tintuża.

Rapporteur

:

Is-Sur Kent JOHANSSON (SV/ALDE), Membru tal-Kunsill tar-reġjun ta' Västra Götaland

Dokumenti ta' referenza

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' qafas Ewropew ta' referenza ta' assigurazzjoni tal-kwalità għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali

COM(2008) 179 finali — 2008/0069 (COD)

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta' sistema Ewropea ta' kredits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ECVET)

COM(2008) 180 finali — 2008/0070 (COD)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma importanti ħafna biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija ta' Liżbona dwar it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-inklużjoni soċjali. L-edukazzjoni u t-taħriġ, il-kompetenzi u t-tagħlim tul il-ħajja jidħlu fil-prijoritajiet politiki ewlenin tal-KtR;

2.

iqis li d-diffikultajiet biex jiġu rikonoxxuti r-riżultati tat-tagħlim fi Stati Membri differenti tellfu mill-mobbiltà fl-UE u huma ostaklu għal esperjenzi ġenwini fil-kamp tat-tagħlim tul il-ħajja;

3.

jaqbel dwar il-fatt li hemm kunsens wiesa' fl-Ewropa dwar il-ħtieġa li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa jridu jimmodernizzaw u jitjiebu. L-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali hija fattur essenzjali għal dan l-objettiv;

4.

jenfasizza li f'ħafna Stati Membri l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. It-taħriġ vokazzjonali fil-fatt huwa ffinanzjat minn korpi varji, anke jekk fil-parti l-kbira tal-Istati Membri huwa ffinanzjat mill-gvern kemm nazzjonali kif ukoll reġjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jagħtu wkoll kontribut importanti;

5.

jesprimi l-fehma tiegħu dwar iż-żewġ Komunikazzjonijiet li jikkonċernaw il-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali. Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żewġ komunikazzjonijiet u l-proposti tagħhom. Fir-rigward tat-twaqqif ta' sistema Ewropea ta' credits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-proċess ta' konsultazzjoni wasal fi stadju aktar avvanzat meta mqabbel ma' dak tad-dokument dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Għaldaqstant huwa importanti u mixtieq li jkun hemm aktar konsultazzjoni;

6.

jilqa' b'mod favorevoli ż-żewġ rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, peress li jimmiraw li jsibu soluzzjonijiet li jirrispondu għall-isfidi tal-ekonomija dinjija li ngħixu fiha, bbażata fuq l-għarfien. Barra minn hekk qed jiġi propost li tikber il-mobbiltà fl-Unjoni Ewropea, barra milli nippromovu l-iskambju tal-kompetenzi. Għal din ir-raġuni, il-KtR iqis li dawn huma essenzjali għall-iżvilupp ta' setturi li huma ta' importanza fundamentali għaċ-ċittadini u għall-attivitajiet li jidħlu fil-kompetenza tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

7.

josserva li s-sistema Ewropea ta' credits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ECVET), hija strument li jiddeskrivi l-kwalifiki f'termini ta' unitajiet ta' riżultati ta' tagħlim, bil-marki tagħhom, biex dawn ikunu jistgħu jiġu trasferiti u akkumulati. Qed jiġi propost li dan ikun strument metodoloġiku li jaġevola t-trasferiment tal-credits għar-riżultati tat-tagħlim minn sistema ta' kwalifiki għall-oħra jew minn linja ta' studju għall-oħra;

8.

mill-banda l-oħra, iqis li l-qafas Ewropew ta' referenza ta' assigurazzjoni tal-kwalità ser jintuża essenzjalment mill-korpi nazzjonali, reġjonali u lokali responsabbli mill-assigurazzjoni tal-kwalità u t-titjib fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Għall-kuntrarju tal-ECVET, il-qafas jimmira li jkabbar it-trasparenza u l-koerenza fl-evoluzzjoni tal-politiki fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

9.

jaqbel li l-parteċipazzjoni fl-implimentazzjoni tas-sistema Ewropea tal-credits fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u fil-qafas ta' referenza għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali trid tkun fuq bażi volontarja. Madankollu jenfasizza li huwa indispensabbli li jinħolqu qafas u linji gwida għat-tmexxija tas-sistema. Barra minn hekk, il-gruppi ta' utenti tas-sistema ECVET u n-netwerk Ewropew għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jrid ikollhom rappreżentanti li għandhom mandat dirett mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Bl-istess mod iridu jkunu rappreżentati wkoll iċ-ċittadini privati u l-partijiet soċjali;

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li indipendentement mill-għażla tal-pajjiżi differenti dwar jekk jieħdux sehem fl-implimentazzjoni tal-qafas ta' referenza u tas-sistema tal-credits, ir-reġjuni li minħabba fil-kostituzzjoni huma responsabbli mis-sistema tal-edukazzjoni, irid ikollhom aċċess dirett għall-forum komuni responsabbli mill-iżvilupp tas-sistema;

11.

jiġbed l-attenzjoni għall-mumenti importanti u diffiċli li ser niltaqgħu magħhom fil-futur meta jrid jinstab ekwilibriju san bejn l-iżvilupp tal-mobbiltà taċ-ċittadini li jsir possibbli minħabba f'sistemi ta' credits li jkunu trasferibbli u l-iżvilupp tal-kwalità fuq naħa, u l-ħtieġa li tiġi promossa d-diversità tas-sistemi tal-edukazzjoni u l-formazzjoni li huma r-responsabblità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'ħafna Stati Membri, fuq in-naħa l-oħra;

12.

jfakkar li l-qafas ta' referenza u s-sistema tal-credits jiffurmaw parti minn qasam ta' inizjattivi aktar wiesa' fl-edukazzjoni u t-taħriġ li fosthom hemm ukoll is-sistema Ewropea tat-trasferiment tal-credits akkademiċi (ECTS), il-Europass, il-karta Ewropea tal-kwalità għall-mobbiltà, il-prinċipji Ewropej għall-identifikazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tat-tagħlim informali u non-formali u l-qafas Ewropew tal-kwalifiki għat-tagħlim tul-il-ħajja (EQF);

13.

fl-opinjonijiet preċedenti osserva li l-kundizzjonjiet tax-xogħol li l-ħin kollu jinbidlu, li jdaħħlu sistemi ġodda tax-xogħol u l-adattament għal teknoloġiji ġodda joħolqu l-ħtieġa li l-forza tax-xogħol tibqa' taġġorna ruħha. It-taħriġ vokazzjonali, li jsir tul il-ħajja kollha, jista' jkun strument importanti fl-iżvilupp ta' forza tax-xogħol ikkwalifikata, li tkun tirrappreżenta l-elementi li fuqha jibbaża l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli (1). B'mod aktar partikolari, fid-dawl tal-iżviluppi demografiċi, hemm bżonn li l-forza tax-xogħol li diġà teżisti tintuża b'mod aktar effettiv;

14.

jinnota li hemm bżonn ta' aktar riżorsi finanzjari biex is-sistemi jiġu ppruvati u żviluppati aktar;

Is-sistema Ewropea ta' credits għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ECVET)

15.

josserva li t-tagħlim u l-attività professjonali transkonfinali għandhom storja twila fl-Ewropa. Barra minn hekk huma kienu importanti fl-iżvilupp tal-attività artiġjanali, industrijali u kummerċjali, barra mill-impreditorija, li min-naħa tagħha ġabet ġid fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

16.

it-tagħlim u l-attività professjonali transkonfinali għandhom importanza kbira f'ekonomija li hija globalizzata b'mod wiesgħa. Biex il-mobbiltà tiġi żgurata f'dawn l-oqsma hemm bżonn ta' strumenti li jkunu aġġornati maż-żminijiet u fl-opinjoni tal-KtR l-ECVET huwa wieħed minn dawn l-istrumenti;

17.

jinnota li l-ħtiġijiet ta' kompetenzi qed jiġu identifikati dejjem aktar fil-livell reġjonali. Il-KtR enfasizza li l-iżvilupp lokali u reġjonali jippreżenta kundizzjonijiet u punti ta' tluq differenti ħafna, iżda m'għandux jidher, bl-aktar mod assolut, bħala xi proċess iżolat mill-bqija tad-dinja. Ir-reġjuni u l-komunitajiet għandhom bżonn jiżviluppaw setturi produttivi ġodda li bil-mod il-mod jieħdu post impjiegi li qed jispiċċaw, biex ma nsibux ruħna quddiem ir-riskju ta' staġnar, esklużjoni soċjali minħabba fil-qgħad, livell għoli ta' waqfien mix-xogħol minħabba mard u tendenzi ta' tluq kmieni mis-suq tax-xogħol (2);

18.

jenfasizza l-bżonn ta' flessibbiltà kbira fid-dinja professjonali fl-Ewropa, fil-qafas ta' garanzija soda fil-livell soċjali, hekk kif inhi spjegata fid-dokument tal-Kummissjoni bit-titlu: Lejn Prinċipji Komuni ta' Flessigurtà (3);

19.

fil-passat il-KtR kien diġà qabel mal-Kummissjoni li l-oqfsa nazzjonali u l-Qafas Ewropew tal-kwalifiki jħaffu r-rikonoxximent tal-għarfien miksub fil-kuntesti kollha possibbli (4);

20.

jilqa' b'mod favorevoli il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki li ġie mfassal mill-Kummissjoni u jappoġġja ż-żewġ għanijiet tiegħu li jżid it-trasparenza tal-kwalifiki u li jippromovi l-mobbiltà fl-Unjoni;

21.

kif kien diġà talab fir-rigward tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti jiġu involuti fil-proċess meħtieġ ta' koordinament bejn l-EQF u l-ECVET;

22.

jfakkar dak li l-Kummissjoni stqarret, jiġifieri li l-ECVET hija “kulturalment u teknikament adattata għall-kuntesti (…) regionali”, u jfakkar li l-awtoritajiet regionali ta' spiss huma inkarigati biex jidentifikaw, jiżviluppaw u jimplimentaw sistemi b'rabta mal-kwalifiki u t-tagħlim tul il-ħajja f'kuntesti formali, informali u mhux formali;

23.

jenfasizza li ħafna mit-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja jsir minn intrapriżi jew netwerks ta' intrapriżi b'konċentrazzjoni għolja ta' kompetenzi u, ħaġa li qed issir dejjem aktar komuni, f'qafas transkonfinali;

24.

f'ħafna pajjiżi hemm ħafna esperjenzi validi ta' kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet inter-professjonali u r-reġjuni fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali bi skema komuni u r-rikonoxximent reċiproku (5). Huwa indispensabbli li wieħed jippromovi u japprofitta minn inizjattivi bħal dawn;

25.

jenfasizza li sistema ta' rikonoxximent trid tinkludi diversi suġġetti, dawk li joffru s-servizz, kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll dak privat, l-intrapriżi u l-partijiet soċjali;

26.

jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' grupp ta' utenti tas-sistema ECVET inkarigat mill-aġġornament u l-koordinazzjoni tal-proċess. Madankollu jinsisti, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fil-grupp, flimkien mal-intrapriżi lokali u l-imsieħba soċjali, sabiex ikunu jistgħu jgawdu mill-aċċess dirett għas-sistema, dejjem fir-rispett tal-liġijiet u r-regoli nazzjonali;

27.

jenfasizza li ta' spiss huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jimplimentaw miżuri effettivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

28.

josserva li l-ECVET, hija sistema ta' credits bbażata fuq l-unitajiet, li toffri l-possibblità li r-riżultati miksuba fil-kuntest tat-tagħlim jitkejlu, jiġu mqabbla, u trasferiti minn istituzzjoni għall-oħra;

29.

huwa sodisfatt li l-ECVET hija kompatibbli mas-sistemi kollha tal-kwalifiki, b'mod partikolari mas-sistema Ewropea tat-trasferiment tal-credits li tippromovi u taġevola l-mobbiltà tal-istudenti universitarji fl-Ewropa u 'l barra minnha;

30.

madankollu jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prova tas-suċċess ta' din is-sistema tinsab fl-implimentazzjoni u l-adozzjoni tagħha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu sieħba importanti għall-promozzjoni tas-sistema minħabba fin-netwerks tagħhom u biex din tkun kredibbli u tista' tintuża;

31.

iqis li biex is-sistema tkun tisa' tintuża' hemm bżonn ta' eżempji konkreti ta' tħaddim prattiku tas-sistema meta din titnieda. Dan ikun ta' xprun fuq front aktar wiesa' sabiex il-possibbiltajiet li toffri l-ECVET jiġu sfruttati;

Il-qafas Ewropew ta' referenza ta' assigurazzjoni tal-kwalità għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (EQAF)

32.

josserva li, fil-qafas tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, huwa possibbli li jkun hemm effiċjenza akbar fil-livell soċjoekonomiku billi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jkunu aktar mmirati li jissodisfaw il-bżonnijiet li dejjem qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol fis-soċjetàtal-informazzjoni, b'mod partikolari billi tiġi promossa forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin u li tkun kapaċi taffronta l-isfidi tal-globalizzazzjoni;

33.

jiġbed l-attenzjoni li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ m'għandhomx jiżviluppaw, kif ġieli jiġri, b'mod separat mill-ambjent tal-intraprenditorija, l-aspett soċjali u l-innovazzjoni tal-lokalità jew ir-reġjun minkejja l-fatt li t-tkabbir, il-kompetittività u l-prospetti tax-xogħol f'dik iż-żona jkunu jiddependu dejjem aktar mill-kompetenzi tal-forza tax-xogħol tagħha fil-preżent u fil-futur, kif ukoll mill-mod kif it-taħriġ vokazzjonali, it-taħriġ kontinwu u t-taħriġ mill-ġdid jistgħu jikkontribwixxu sabiex dawn il-kwalifiki jitkomplew u jiġu żviluppatti b'mod effettiv;

34.

jenfasizza li għaldaqstant huwa importanti li l-EQAF tintrabat mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol lokali u jitlob li fil-qafas ta' dan il-proċess isir progress fir-rikonoxximent taċ-ċentrital-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

35.

jieħu nota tal-valur miżjud li l-EQAF iġġib lill-iżvilupp tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu fl-UE, b'mod partikolari fil-promozzjoni tat-tagħlim reċiproku, tal-mobbiltà u l-iskambji tal-aħjar prattiki;

36.

jilqa' l-impostazzjoni bi prinċipju tal-EQAF bħala ċiklu ta' titjib u jenfasizza li l-indikaturi tal-kwalità għandhom jiġu kkunsidrati bħala punt ta' referenza, u mhux bħala indikazzjonijiet, li jistgħu jiġu żviluppati b'mod kostanti pereżempju f'kuntesti bilaterali u mulitlaterali;

37.

jenfasizza li hemm bżonn li l-EQAF ma tillimitax lilha nnifsha billi ssir sistema statistika jew li jkollha l-funzjoni ta' kontroll, iżda hemm bżonn li tkun ikkunsidrata bħala strument effettiv li jġib żvilupp kostanti fil-kwalità f'ħafna livelli u fost ħafna suġġetti u persuni interessati;

38.

jirrakkomanda li l-qafas ta' riferiment ma jkunx hemm biss għall-livell nazzjonali iżda li jinbdew proċessi simili fil-livelli lokali u reġjonali wkoll. Daqstant ieħor għandu jsir għas-sistema ta' tagħlim li hi barra mis-sistema pubblika tat-tagħlim, biex b'hekk jintlaħaq l-objettiv ta' titjib u żvilupp kontinwu;

39.

huwa tal-fehma li għandha tiġi kkunsidrata l-għamla li tingħata lill-qafas ta' referenza u kemm jeħtieġ li jkun dettaljat biex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu. Il-Kumitat jaħseb li l-indikaturi m'għandhomx ikunu daqshekk dettaljati li l-implimentazzjoni tal-qafas ta' referenza u s-segwitu tiegħu jwasslu għal sitwazzjoni fejn is-sistemi edukattivi jkunu suġġetti għal kontroll indirett;

40.

jenfasizza li l-indikaturi ta' referenza proposti mill-Kummissjoni

għandhom jitqiesu bħala għodda li l-għan tagħha huwa li tappoġġja l-evalwazzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali b'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-proċeduri nazzjonali,

ma jdaħħlu ebda standard ġdid, iżda għandhom jappoġġjaw l-isforzi tal-Istati Membri filwaqt li jħarsu d-diversità tal-approċċi nazzjonali,

jintużaw fuq bażi volontarja u huma biss konsultattivi; għaldaqstant m'għandhomx jintużaw bħala mezz biex jitqabblu l-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali differenti fl-Ewropa;

Għalhekk ikun vantaġġ li, utenti varji jistgħu jagħżlu l-iktar indikaturi rilevanti għall-ħtiġijiet tas-sistemi ta' assigurazzjoni tal-kwalità tagħhom;

41.

jenfasizza li d-dimensjoni lokali u reġjonali jridu jiġu rinforzati b'mod partikolari permezz tal-appoġġ għan-netwerks lokali u reġjonali f'dan il-qasam u jiddispjaċih li r-rakkomandazzjoni ma tagħrafx biżżejjed u b'mod espliċitu biżżejjed l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

42.

jitloqb li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti aktar, b'mod dirett fin-netwerk Ewropew għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Barra min hekk hemm bżonn li jiġi promoss u appoġġjat il-ħolqien ta' netwerk magħmul minn diversi reġjuni u intrapriżi dwar l-EQAF;

43.

jipproponi li tidħol it-tikketta tal-kwalità għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fuq il-mudell tal-klassifikazzjoni li diġà teżisti għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja;

44.

jindika li t-titjib fis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma ta' vantaġġ kbir kemm għall-individwi kif ukoll għas-soċjetà. It-titjib ġenerali fil-livell tal-edukazzjoni u tal-kompetenzi professjonali jikkontribwixxi lejn it-titjib fl-indikaturi ekonomiċi, bħall-produttività u l-impjiegi u l-indikatui soċjali bħall-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivika, il-kriminalità u l-ispiża fuq is-saħħa;

45.

josserva li t-taħriġ vokazzjonali jista' jiffavorixxi l-inklużjoni soċjali ta' gruppi żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol, bħal pereżempju l-migranti, iċ-ċittadini ta' età aktar avvanzata u ż-żgħażagħ li jkunu ħarġu kmieni mill-iskola;

46.

jenfasizza li mhux biżżejjed li wieħed iqis il-gruppi li jgawdu mit-taħriġ iżda hemm bżonn li naħsbu wkoll fl-individwi li m'għandhomx aċċess għas-sistema li dan hu diffiċli għalihom kif ukoll dawk li jabbandunawha.

Brussell, it-8 ta' Ottubru 2008.

Il-President

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


(1)  CdR 226/98 finali.

(2)  Opinjoni tal-KtR ta' l-14.6.2006 dwar il-proposta ta' rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja.

(3)  Ara wkoll l-opinjoni CdR 274/2007 dwar is-suġġett tad-dokument COM(2007) 359 finali.

(4)  CdR 335/2006 finali.

(5)  Per ezempju il-lezzjoni Ewropea tal-manutenzjoni tat-trakkijiet www.anfa-auto.fr