20.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 174/12


Azzjoni mressqa fit-8 ta’ April 2013 minn DB Schenker kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

(Kawża E-5/13)

2013/C 174/08

Fit-8 ta’ April 2013 Schenker North AB, Schenker Privpak AB u Schenker Privpak AS (kollettivament DB Schenker), irrappreżentati minn Jon Midthjell, advokat, Advokatfirmaet Midthjell AS, Grev Wedels plass 5, 0151 Oslo, in-Norveġja, ressqu rikors quddiem il-Qorti tal-EFTA kontra l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA.

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-EFTA sabiex:

(1)

Tannulla d-Deċiżjoni tal-ESA tal-25 ta’ Jannar 2013 fil-kawża tal-ASE Nru 73075 (DB Schenker) sa fejn tirrifjuta aċċess sħiħ jew parzjali skont l-Artikolu 3(a) RAD 2012 u l-Artikoli 4(4) u 4(6) RAD 2012 għal dokumenti li jappartjenu għall-fajls tal-każ li wasslu għad-deċiżjoni tal-ASE Nru 321/10/COL (Norway Post – sistema ta' lealtà/skont) u tirrifjuta li tagħti aċċess għal verżjoni kompleta tad-Deċiżjoni ASE Nru 321/10/COL;

(2)

Tannulla d-Deċiżjoni tal-ASE tat-18 ta’ Frar 2013 fil-Kawża tal-ASE Nru 73075 (DB Schenker) fejn tirrifjuta aċċess sħiħ jew parzjali skont l-Artikoli 4(4) u 4(6) RAD 2012 għal dokumenti li jappartjenu għall-fajls tal-każ li wasslu għad-Deċiżjoni tal-ASE Nru 321/10/COL (Norway Post – sistema ta' lealtà/skont);

(3)

Tordna lill-ASE (u lil kwalunkwe intervenjent) biex iħallsu l-ispejjeż.

L-isfond legali u fattwali u r-raġunijiet legali miġjuba bħala sostenn:

Ir-rikorrenti Schenker North AB, Schenker Privpak AB u Schenker Privpak AS huma parti minn DB Schenker, grupp internazzjonali tat-trasport u l-loġistika tal-merkanzija. Schenker North AB tmexxi l-operazzjonijiet ta’ negozju fin-Norveġja, l-Isvezja u d-Danimarka, inklużi s-sussidjarji Schenker Privpak AS u Schenker Privpak AB.

Ir-rikorrenti ressqu applikazzjoni konfermatorja mal-ESA, fl-14 ta’ Jannar 2013, għal aċċess għad-dokumenti fil-faljs tal-każ li wasslet għad-Deċiżjoni tal-ASE Nru 321/10/COL (Norway Post – sistema ta' lealtà/skont) tal-14 ta’ Lulju 2010. Fil-25 ta’ Jannar 2013 u fit-18 ta’ Frar 2013, l-ASE ddeċidiet dwar it-talba għall-aċċess skont ir-regoli l-ġodda dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti (RAD 2012) li kienet adottata permezz tad-Deċiżjoni tal-ASE Nru 300/12/COL fil-5 ta’ Settembru 2012. Ir-rikorrenti jfittxu li jħassru dawn id-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 36 SCA minħabba li dawn jiċħdu aċċess sħiħ jew parzjali għad-dokumenti mitluba.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA:

kisret id-dritt għall-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti fl-Artikolu 2(1) RAD 2012 u tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet, cf. l-Artikolu 16 SCA fir-rigward ta' dokumenti miċħuda skont l-Artikolu 3(a) RAD 2012;

kisret id-dritt għall-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti fl-Artikolu 2 (1) RAD 2012 fir-rigward ta’ dokumenti li nċaħad l-aċċess għalihom, b’mod sħiħ jew parzjali, skont l-Artikolu 4(6) RAD 2012; kif ukoll

kisret id-dritt tal-pubbliku għall-aċċess għad-dokumenti fl-Artikolu 2(1) RAD 2012 u tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet, cf. l-Artikolu 16 SCA fir-rigward ta' dokumenti li nċaħad l-aċċess għalihom, b'mod sħiħ jew parzjali, skont l-Artikolu 4(a) RAD 2012;