1.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 262/15


Avviż li jikkonċerna l-miżuri kompensatorji fis-seħħ fir-rigward ta' l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' bjankerija ta' tip ta' qoton li toriġina mill-Indja: bidla fl-isem ta' kumpanija suġġetta għal rata individwali ta' dazju kompensatorju

(2007/C 262/13)

L-importazzjonijiet ta' bjankerija ta' tip ta' qoton, li toriġina mill-Indja huma suġġetti għal dazju kompensatorju definittiv, impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2004 (1).

Ramesh Textiles, kumpanija li tinsab fl-Indja, li l-esportazzjonijiet tagħha lejn il-Komunità ta' bjankerija ta' tip ta' qoton huma soġġetti għal rata individwali ta' dazju kompensatorju ta' 7.6 % impost skond l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 74/2004, għarrfet lill-Kummissjoni li mill-1 ta' April 2007 isimiha sar Ramesh Textiles India Pvt. Ltd.

Il-kumpanija sostniet li l-bidla fl-isem ma taffettwax id-dritt li l-kumpanija tibbenefika mir-rata individwali ta' dazju applikata lill-kumpanija taħt l-isem li kellha qabel ta' Ramesh Textiles.

Il-Kummissjoni eżaminat l-informazzjoni mogħtija u kkonkludiet li l-bidla fl-isem ma taffettwa bl-ebda mod is-sejbiet tar-Regolament (KE) Nru 74/2004. Għaldaqstant, ir-referenza għal Ramesh Textiles għandha tinqara bħala Ramesh Textiles India Pvt. Ltd fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 74/2004.

Il-kodiċi Taric addizzjonali A498 li qabel kien attribwit lil Ramesh Textiles għandu japplika għal Ramesh Textiles India Pvt. Ltd.


(1)  ĠU L 12, 17.1.2004, p. 1, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1840/2006 (ĠU L 355, 15.12.2006, p. 4).