8.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 285/7


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta' Settembru 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hoge Raad der Nederlanden — l-Olanda) — D.M.M.A. Arens-Sikken vs Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-43/07) (1)

(Moviment liberu tal-kapital - Artikoli 73 B u 73 D tat-Trattat KE (li saru, rispettivament, l-Artikoli 56 KE u 58 KE) - Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-taxxa tas-suċċessjoni u ta' trasferiment li ma tipprevedix, waqt il-kalkolu tat-taxxi msemmija, li jitnaqqsu d-debiti marbuta ma' ddotar żejjed li jirriżulta minn qsim testamentarju parentali inter vivos f'każ li, fil-mument tal-mewt tagħha, il-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha ma kinitx residenti fl-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tas-suċċessjoni - Restrizzjoni - Ġustifikazzjoni - Assenza - Assenza ta' ftehim bilaterali għall-ħelsien minn tassazzjoni doppja - Konsegwenzi fuq ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ta' konċessjoni għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja li hija iżgħar fl-Istat Membru ta' residenza tal-persuna msemmija)

(2008/C 285/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: D.M.M.A. Arens-Sikken

Konvenut: Staatssecretaris van Financiën

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Hoge Raad der Nederlanden — Interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 58 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq l-immobbli li ma tippermettix li jitnaqqas il-valur ta' immobbli mid-dejn marbut mad-diviżjoni tas-suċċessjoni f'każ li f'mewtu t-testatur kien residenti fi Stat Membru ieħor — Metodu ta' paragun applikabbli sabiex tiġi ddeterminata r-rata tat-taxxa tas-suċċessjoni f'każ li f'mewtu t-testatur kien residenti fl-Istat Membru fejn jinstab l-immobbli — Konvenzjoni bilaterali intiża sabiex tipprevjeni t-tassazzjoni doppja

Dispożittiv

1)

L-Artikoli 73 B u 73 D tat-Trattat KE (li saru, rispettivament, l-Artikoli 56 KE u 58 KE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni u tat-taxxa fuq it-trasferiment dovuti fir-rigward ta' proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru li, meta jsir il-kalkolu tat-taxxi msemmija, ma tipprevedix it-tnaqqis tad-debiti marbuta ma' ddotar żejjed li jirriżulta minn qsim testamentarju parentali inter vivos, meta l-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha ma kinitx, fil-mument tal-mewt tagħha, residenti f'dan l-Istat, iżda fi Stat Membru ieħor, filwaqt li tali tnaqqis ikun previst meta din il-persuna, f'dan l-istess mument, kienet residenti tal-Istat li fih tinsab il-proprjetà immobbli li hija s-suġġett tas-suċċessjoni, safejn tali leġiżlazzjoni tapplika rata ta' tassazzjoni progressiva u peress li n-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni tad-debiti msemmija, flimkien ma' tali tassazzjoni progressiva, jista' jwassal għal piż fiskali ogħla għall-eredi li ma jistawx jibbenifikaw minn tali tnaqqis.

2)

Ir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda mhijiex milquta mill-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih il-persuna li nfetħet is-suċċessjoni tagħha kienet tirrisjedi fil-mument tal-mewt tagħha tipprevedi unilateralment il-possibbiltà ta' għotja ta' kreditu fiskali fir-rigward tat-taxxa tas-suċċessjoni dovuta fi Stat Membru ieħor għal proprjetajiet immobbli li jinsabu f'dan l-Istat l-ieħor.


(1)  ĠU C 69, 24.3.2007.