19.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/17


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta' Frar 2009

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-Influwenza tat-Tjur fir-Renju Unit fl-2008

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 977)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2009/142/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(3) u 3a(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Influwenza tat-Tjur hija marda virali infettiva tat-tjur u għasafar oħra mrobbija b’impatt serju fuq il-profitabilità tat-trobbija tat-tjur u li toħloq xkiel fil-kummerċ intra-Komunitarju u l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

(2)

Fil-każ ta’ tifqigħa tal-Influwenza tat-Tjur, hemm ir-riskju li l-aġent tal-marda jista’ jinfirex f’irziezet oħra tat-tjur f’dak l-Istat Membru, imma wkoll fi Stati Membri oħra u f’pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ fit-tjur ħajjin jew il-prodotti tagħhom.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE li tintroduċi l-miżuri għall-kontroll tal-Influwenza tat-Tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (2) tistipula miżuri li f’każ ta’ tifqigħa għandhom jiġu implimentati immedjatament mill-Istati Membri b’urġenza sabiex jiġi evitat aktar tixrid tal-vajrus.

(4)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE tistipula l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Skont l-Artikolu 3a ta’ dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiksbu kontribuzzjoni finanzjarja għall-ispejjeż ta’ ċerti miżuri għall-qerda tal-Influwenza tat-Tjur.

(5)

L-Artikolu 3a(3), l-ewwel u t-tieni inċiżi tad-Deċiżjoni 90/424/KEE jistabbilixxu regoli dwar il-perċentwali tal-ispejjeż imġarrba mill-Istat Membru li jista’ jkun kopert mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità.

(6)

Il-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità għal miżuri ta’ emerġenza għall-qerda tal-Influwenza tat-Tjur huwa suġġett għar-regoli stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (3).

(7)

Fl-2008 kien hemm tifqigħat tal-Influwenza tat-Tjur fir-Renju Unit. Ir-Renju Unit ħa miżuri, b’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE, biex jiġġieled dawn it-tifqigħat.

(8)

Ir-Renju Unit ikkonforma għal kollox mal-obbligi tekniċi u amministrattivi tiegħu kif stipulati fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(9)

Fl-1 ta’ Awwissu 2008 u t-3 ta’ Settembru 2008, ir-Renju Unit ippreżenta stima tal-ispejjeż imġarrba fit-teħid tal-miżuri biex tinqered l-Influwenza tat-Tjur.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità lir-Renju Unit

Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità tista’ tingħata lir-Renju Unit għall-ispejjeż imġarrba minn dak l-Istat Membru fit-teħid tal-miżuri skont l-Artikolu 3a(2) u (3) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, fil-ġlieda kontra l-Influwenza tat-Tjur fl-2008.

Artikolu 2

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmula fi Brussell, 18 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19.

(2)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 270M, 29.9.2006, p. 5.

(3)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 275M, 6.10.2006, p. 158.