8.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 303/36


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2014 – Brugg Kabel u Kabelwerke Brugg vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-441/14)

2014/C 303/45

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Brugg Kabel AG (Brugg, l-Isvizzera), Kabelwerke Brugg AG Holding (Brugg) (rappreżentanti: A. Rinne, A. Boos u M. Lichtenegger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

skont l-Artikolu 264(1) TFUE, tannulla l-punt 2 tal-Artikolu 1, l-Artikolu 2(b) u – sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti – l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-konvenuta tat-2 ta’ April 2014 fil-Każ AT.39610 – Power Cables

sussidjarjament, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti taħt l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni tal-konvenuta tat-2 ta’ April 2014 fil-Każ AT.39610 – Power Cables, u dan skont l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali;

f’kull każ, tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq minħabba r-rifjut li jingħata aċċess għall-fajl u li jiġu nnotifikati bl-Ingliż it-talba għal informazzjoni u l-ilmenti

F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti b’mod partikolari jsostnu li l-konvenuta kellha teżamina l-argumenti tad-destinatarji l-oħra fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet marbuta mal-aċċess għall-fajl bl-istess mod bħad-dokumenti l-oħra li jistgħu jiskaġunaw.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ ksur uniformi u repetut jew uniku u kontinwat, l-aċċess għall-osservazzjonijiet tal-parteċipanti l-oħra dwar in-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa l-korrispettiv proċedurali tal-imputazzjoni tal-ksur tal-parteċipanti l-oħra.

Barra minn hekk, huwa indikat li r-rikorrenti, bħala impriżi li għandhom is-sede tagħhom f’Kanton Aargau (l-Iżvizzera), fejn huwa mitkellem il-Ġermaniż, għandhom id-dritt jindirizzaw il-korrispondenza tagħhom mal-konvenuta bil-Ġermaniż peress li l-Ġermaniż huwa lingwa uffiċjali u saħansitra lingwa ta’ ħidma ta’ din tal-aħħar.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-inkompetenza tal-konvenuta fir-rigward ta’ ksur imwettaq minn Stati terzi li ma jaffettwax iż-ŻEE.

F’dan ir-rigward huwa affermat li sempliċi allegazzjoni ġenerali ta’ ksur uniformi u repetut jew uniku u kontinwat ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-kompetenza tal-konvenuta fir-rigward ta’ ksur imwettaq minn Stati terzi. Għall-kuntrarju, anki f’każ bħal dan, il-konvenuta kellha teżamina fid-dettall il-proġetti jew l-aġir barra miż-ŻEE fir-rigward tal-effetti diretti, essenzjali u prevedibbli tagħhom fiż-ŻEE.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza permezz taċ-ċaqliq u tal-estensjoni tal-oneru tal-prova fil-kuntest tal-ksur uniformi u repetut jew uniku u kontinwat.

Il-ksur ma humiex uniformi, b’mod partikolari sa fejn il-kejbils ta’ fuq l-art u fil-baħar huma kkonċernati. Fil-fatt, ma hemm l-ebda identiċità tal-prodotti u tas-servizzi u lanqas tal-modalitajiet għall-implementazzjoni u hemm biss identiċità parzjali tal-impriżi parteċipanti u tal-persuni fiżiċi. Barra minn hekk, il-ksur huwa nieqes minn komplementarjetà.

Għal kull impriża parteċipanti, il-konvenuta kellha tipproduċi provi sinjifikattivi u konkordanti tal-ksur, b’mod partikolari fil-bidu tal-parteċipazzjoni iżda wkoll matul il-perijodu kollu tagħha.

Fil-każ ta’ sempliċi parteċipazzjoni diretta parzjali fi ksur uniformi u repetut jew uniku u kontinwat, il-konvenuta għandha tistabbilixxi b’mod konkret li l-impriża parteċipanti kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni kollha u kienet taf bl-aġir illegali kollu l-ieħor tal-parteċipanti l-oħra fil-kuntest ta’ pjan globali jew li setgħet raġonevolment tipprevedi dan. Peress li l-konvenuta naqset milli tipproduċi din il-prova jew ma setgħetx tipprovdiha b’mod komplut, hija ma kellhiex iżżomm lir-rikorrenti bħala responsabbli għall-aġir illegali kollu.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ investigazzjoni u tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba konstatazzjoni ineżatta tal-fatti u falsifikazzjoni ta’ provi

Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni hija bbażata fuq sensiela ta’ suppożizzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-konvenuta ma pproduċietx provi sinjifikattivi u konkordanti. B’mod iktar speċifiku fir-rigward tal-allegat bidu fil-parteċipazzjoni tar-rikorrenti, il-konvenuta ffalsifikat il-provi, waslet għal konklużjonijiet spekulattivi u eskludiet spjegazzjonijiet alternattivi li kienu wkoll plawżibbli.

Barra minn hekk, id-deċiżjoni hija kontradittorja għaliex fid-dispożittiv tagħha tikkonstata ksur wieħed uniformi u kontinwat meta fil-motivi ma kienx jirriżulta li jirrigwarda ksur uniformi u repetut.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt sostantiv minħabba applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

Il-konvenuta kisret l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE peress li hija inkludiet lir-rikorrenti fil-ftehim ta’ impriżi oħra parteċipanti oħra dwar il-kunċett legali tal-ksur uniformi u repetut jew uniku u kontinwat, ftehim li r-rikorrenti ma kinux oġġettivament f’pożizzjoni li jipparteċipaw fihom.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter minħabba l-evalwazzjoni żbaljata tal-multa

Deroga mir-regola bażika tal-Artikolu 13 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi fid-determinazzjoni tas-sena ta’ referenza hija arbitrarja jekk din ma tkunx immotivata biżżejjed.

Barra minn hekk, ikun kontradittorju u jikser il-projbizzjoni tan-ne bis in idem, meta fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku, jittieħed bħala bażi ksur uniformi u repetut jew uniku u persistenti li l-gravità tiegħu hija b’mod uniformi stabbilita għal 15 %, filwaqt li għall-parteċipazzjoni f’ċerti partijiet ta’ dan l-akkordju globali ġiet stabbilita żieda komplementari ta’ 2 %. Fl-istabbiliment tal-ammont bażiku, il-konvenuta diġà kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti ma kinux responsabbli għall-akkordju kollu kemm hu.

Billi kklassifikat lir-rikorrenti bħala koparteċipanti jew parteċipanti aċċessorji, il-konvenuta kellha tibbaża ruħha fuq ir-rwol effettiv tar-rikorrenti fl-akkordju globali u mhux fuq numru każwali u mhux sinjifikattiv ta’ provi.

It-tnaqqis tal-multa b’5 % huwa baxx wisq u ma jirriflettix l-importanza relattiva tar-rwol tal-organizzaturi tal-akkordju u tal-parteċipanti ewleninin minn naħa, u tar-rwol minuri tar-rikorrenti min-naħa l-oħra.