23.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 434/142


P7_TA(2012)0509

L-industrija tal-azzar tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar l-industrija tal-azzar tal-UE (2012/2833(RSP))

(2015/C 434/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li huwa bbażat fuq it-Trattat KEFA,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-industrija tal-azzar u r-ristrutturazzjoni, it-trasferiment u l-għeluq ta' kumpaniji fl-UE,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2011 bl-isem “Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima” (COM(2011)0025),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa 2020,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2012 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Industrija Ewropea Aktar B’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku” (COM(2012)0582),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-industrija tal-azzar tal-UE (O-000184/2012 – B7-0368/2012),

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, wara tmiem it-Trattat KEFA, is-setturi tal-faħam u tal-azzar huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat UE;

B.

billi wieħed mill-objettivi tal-Unjoni Ewropea huwa li tappoġġa l-industrija tal-manifattura u tagħmilha kompetittiva, sostenibbli u kapaċi tadatta għall-kundizzjonijiet tas-swieq Ewropej u mhux Ewropej li qed jinbidlu, peress li dan huwa essenzjali għat-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa;

C.

billi l-industrija Ewropea tal-azzar għaddejja minn tnaqqis sostanzjali tad-domanda, li qed joħloq telf progressiv ta’ impjiegi u kompetittività;

D.

billi l-industrija tal-azzar hija ta’ importanza strateġika għall-ekonomija tal-UE, u billi huwa fl-interess tal-Unjoni Ewropea kollha li tippreserva l-attivitajiet li jiffurmaw it-tessut industrijali tagħha u li tiżgura s-sikurezza tal-provvista tal-enerġija permezz tal-produzzjoni interna;

E.

billi industrija tal-azzar Ewropea kompetittiva tikkostitwixxi s-sinsla tal-iżvilupp u l-ħolqien tal-valur għal ħafna setturi industrijali ewlenin, bħas-setturi tal-karozzi, tal-kostruzzjoni u tal-inġinerija mekkanika;

F.

billi l-industrija tal-azzar qed taffaċċja sfidi sinifikanti, bħat-tnaqqis sostanzjali fid-domanda, kompetizzjoni qawwija mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li għandhom regolamenti u standards differenti, aċċess diffiċli għall-materja prima u spejjeż ogħla, li wasslu għar-ristrutturazzjoni, il-fużjonijiet industrijali u t-telf tal-impjiegi;

G.

billi l-impjiegi fl-industrija tal-azzar waqgħu minn madwar miljun impjieg fl-1970 għal madwar 3 69  000 fl-2012, u billi hemm miljuni ta' ħaddiema fl-industriji downstream tal-produzzjoni tiegħu;

H.

billi, skont data ppubblikata mill-Kummissjoni, l-esportazzjonijiet tal-azzar tal-UE fl-2010 laħqu t-33,7 miljun tunnellata (EUR 32 biljun), u l-akbar swieq għall-esportazzjonijiet tal-azzar tal-UE huma t-Turkija, l-Istati Uniti tal-Amerika, l-Alġerija, l-Isvizzera, ir-Russja u l-Indja, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-azzar mill-UE fl-2010 laħqu s-26,8 miljun tunnellata (EUR 18-il biljun), fejn l-akbar sorsi ta’ importazzjoni kienu r-Russja, l-Ukraina, iċ-Ċina, it-Turkija, il-Korea t’Isfel, l-Isvizzera u s-Serbja;

I.

billi l-kriżi attwali qed toħloq sfidi soċjali enormi għall-ħaddiema u r-reġjuni affettwati, u billi dawk il-kumpaniji involuti fir-ristrutturazzjoni għandhom jaġixxu b'mod soċjalment responsabbli, peress li l-esperjenza wrietna li r-ristrutturazzjoni b’suċċess inkisbet biss permezz ta’ djalogu soċjali adegwat;

J.

billi industriji b'teknoloġija għolja – bħal pereżempju s-settur tal-azzar – huma meqjusa bħala mudell ta' għarfien teknoloġiku, u għalhekk għandhom jinżammu bit-teħid ta' azzjoni immedjata biex tiġi evitata d-delokalizzazzjoni tagħhom barra t-territorju tal-UE;

1.

Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi malajr stampa ċara tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-isfidi ewlenin li qed taffaċċja l-industrija tal-azzar fl-Ewropa; jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa żviluppi attwali sabiex tissalvagwardja l-wirt industrijali Ewropew u l-forza tax-xogħol involuta;

2.

Itenni li l-Kummissjoni hija intitolata, wara tmiem it-Trattat KEFA, li tindirizza l-impatt ekonomiku u soċjali tal-iżviluppi fl-industrija tal-azzar Ewropea, u jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-esperjenza pożittiva tal-KEFA u biex tistabbilixxi korp tripartitiku (trejdjunjins, industrija u Kummissjoni) għal ħidma lejn żvilupp ulterjuri tal-industrija Ewropea tal-azzar u biex jiżguraw l-antiċipazzjoni, il-konsultazzjoni u l-għoti tal-informazzjoni lill-ħaddiema u biex jiżguraw il-konformità sħiħa mar-rekwiżiti legali tad-Direttiva dwar l-istabbiliment ta’ Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (1);

3.

Jitlob lill-Kummissjoni twettaq riflessjoni attenta dwar inizjattivi strateġiċi fuq perjodu ta' żmien medju jew twil biex tappoġġa u tmantni l-industrija tal-azzar u s-setturi downstream tiegħu;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti iktar importanza lill-politika industrijali biex tqajjem il-kompetittività tal-industrija Ewropea, meta mqabbla mas-suq dinji, sabiex tiggarantixxi kundizzjonijiet ekwi filwaqt li tiżgura standards soċjali u ambjentali għoljin fl-UE u taħdem għar-reċiproċità fil-pajjiżi terzi;

5.

Jemmen li l-irkupru ekonomiku Ewropew jiddependi minn industrija tal-manifattura aktar b'saħħitha; jirrimarka li l-azzar għandu rwol ewlieni fl-iżgurar tal-kompetittività ta' industriji strateġiċi downstream, li jbatu minn industrija tal-azzar Ewropea iċken u jsiru dipendenti minn importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, li jagħmilhom vulnerabbli;

6.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal żvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-settur tal-azzar sa Ġunju 2013, iżda jenfasizza l-bżonn li dan jiġi ppreżentat mill-iktar fis;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha li ma testendix lil hinn mill-31 ta' Diċembru 2012 is-sistema preċedenti ta' sorveljanza għall-importazzjonijiet ta' prodotti tal-azzar u ta' pajpijiet tal-azzar, stabbilita bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1241/2009 (2), u biex tinkludi dik is-sistema fil-Pjan ta’ Azzjoni;

8.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha l-mobilizzazzjoni tal-għodda kollha disponibbli tal-UE, bħal żieda fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-effiċjenza tal-enerġija u l-effiċjenza tar-riżorsi, investiment immirat mill-Bank Ewropew tal-Investiment, politika attiva għall-ħiliet, rikwalifikazzjoni u taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u l-użu potenzjali tal-istrumenti finanzjarji tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, meta dan ikun meħtieġ, u inċentivi oħrajn biex tgħin lill-industrija tinvesti u timmodernizza;

9.

Huwa tal-fehma li Pjan ta' Azzjoni bħal dan għandu jqis ukoll mezzi biex jiġu indirizzati u mtaffija l-ispejjeż kbar tal-enerġija u tal-materja prima, li jikkostitwixxu theddida għall-kompetittività tal-industrija tal-azzar; jenfasizza b’rabta ma’ dan, li l-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi tista’ toħloq tifdil sostanzjali, u f’dan ir-rigward jilqa’ s-sħubija pubblika-privata SPIRE, iżda madankollu jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-settur tal-azzar innifsu jibqgħu jeżaminaw l-opportunitajiet disponibbli, iħeġġu l-istabbiliment ta’ konsorzji kummerċjali u jippromwovu sistema ta' produzzjoni “closed-loop” bl-għan li jiġi rkuprat u użat mill-ġdid l-iskart, meta titqies il-limitazzjoni attwali u futura tal-provvista ta’ materja prima;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-industrija tal-azzar fir-rieżami attwali tagħha ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u biex tevalwa l-fattibilità li tintroduċi ċertifikazzjoni tal-kwalità għal prodotti relatati mal-azzar;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq monitoraġġ tal-attivitajiet ta’ ristrutturazzjoni jew rilokazzjoni u tiżgura, fuq bażi ta’ każ b’każ, li dawn jitwettqu b’konformità stretta mal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni; huwa tal-fehma li l-abbużi potenzjali tal-pożizzjoni dominanti fis-suq ukoll għandhom jiġu monitorjati;

12.

Jilqa’ proġetti bħall-ULCOS (Ultra-Low Carbon Dioxide Steelmaking), li jservi bħala eżempju ta' inizjattiva ta' riċerka u żvilupp biex tgħin lill-industrija tal-azzar tkompli tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 tagħha, u jenfasizza l-ħtieġa għal attivitajiet kontinwi ta’ investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, li huma kruċjali għall-illanċjar mill-ġdid u t-tiġdid ta’ dan is-settur;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi futuri fl-istabbilimenti li jinsabu fi Florange, Liège, Terni, Galați, Schifflange, Piombino, Campia Turzii, Rodange, Otelu Rosu, Trieste, Silesia, Reşiţa, Targoviste, Călăraşi, Hunedoara, Buzău, Braila, Borlänge, Luleå, Oxelösund u fi bnadi oħra, li l-integrità tagħhom tinsab f’riskju, sabiex taċċerta li l-kompetittività tas-settur tal-azzar Ewropew u l-importanza tiegħu bħala settur ta' impjieg ma jkunux mhedda;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64.

(2)  ĠU L 332, 17.12.2009, p. 54.