2009D0906 — MT — 06.12.2010 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/906/PESK

tat-8 ta' Diċembru 2009

dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH)

(ĠU L 322, 9.12.2009, p.22)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/755/PESK tas-6 ta’ Diċembru 2010

  L 320

10

7.12.2010




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2009/906/PESK

tat-8 ta' Diċembru 2009

dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 28 u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-19 ta' Novembru 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2002/749/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja u Ħerzegovina (BiH) ( 1 ). Dik l-Azzjoni Konġunta tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2009.

(2)

L-istruttura ta' kmand u kontroll tal-EUPM għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet kuntrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-EUPM.

(3)

Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPM.

(4)

L-EUPM ser titwettaq fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

Missjoni

1.  Il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Herzegovina (BiH), stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2002/210/PESK ( 2 ), għandha titkompla mill-1 ta' Jannar 2010.

2.  L-EUPM għandha topera konformement mal-mandat tal-missjoni stabbilit fl-Artikolu 2 u għandha twettaq il-kompiti ewlenin stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Mandat tal-missjoni

Bħala parti mill-approċċ usa' għall-istat tad-dritt fil-BiH u fir-reġjun, l-EUPM, filwaqt li żżomm kapaċitajiet residwali fl-oqsma tar-riforma tal-pulizija u r-responsabbiltà, għandha primarjament tappoġġa lill-Aġenziji rilevanti għall-Infurzar tal-Liġi fil-BiH fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, notament billi tiffoka fuq l-Aġenziji għall-Infurzar tal-Liġi fil-livell Statali, fuq it-tisħiħ tal-interazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuturi u fuq il-koperazzjoni reġjonali u internazzjonali.

L-EUPM għandha tagħti pariri fil-kuntest operattiv lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) biex tappoġġah fir-rwol tiegħu. Permezz tal-ħidma tagħha u n-netwerk tagħha fil-pajjiż, l-EUPM għandha tikkontribwixxi għall-isforzi ġenerali biex jiġi żgurat li l-UE tkun kompletament informata dwar l-iżviluppi fil-BiH.

L-EUPM għandha topera konformement mal-objettivi ġenerali tal-Anness 11 tal-Ftehim Kwadru Ġenerali għall-Paċi fil-Bosnja u Ħerzegovina u l-objettiv tagħha għandu jkun appoġġat mill-istrumenti tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 3

Kompiti ewlenin tal-missjoni

Bil-għan li titwettaq il-Missjoni, il-kompiti ewlenin tal-EUPM għandhom ikunu:

1) it-tisħiħ tal-kapaċità operattiva u l-kapaċità konġunta tal-Aġenziji għall-Infurzar tal-Liġi impenjati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

2) l-assistenza u l-appoġġ fl-ippjanar u t-twettiq ta' investigazzjonijiet fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni b'mod sistematiku;

3) l-assistenza u l-promozzjoni tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-BiH ta' investigazzjoni kriminali;

4) it-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuturi;

5) it-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-pulizija u s-sistema penitenzjarja;

6) kontribuzzjoni biex jiġi żgurat livell xieraq ta' responsabbiltà.

Artikolu 4

Struttura tal-Missjoni

1.  L-EUPM għandha tkun strutturata kif ġej:

(a) kwartieri ġenerali prinċipali f'Sarajevo, magħmulin mill-Kap tal-Missjoni u l-persunal kif definit fil-Pjan Operattiv (OPLAN);

(b) erbgħa Uffiċċji Reġjonali f'Sarajevo, Banja Luka, Mostar u Tuzla;

(c) ko-lokazzjonijiet fi ħdan l-Aġenziji għall-Infurzar tal-Liġi impenjati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni fil-livell superjuri ta' amministrazzjoni u f'livelli kruċjali oħra kif ikkunsidrat meħtieġ (Aġenzija tal-Istat għall-Investigazzjoni u l-Protezzjoni, Pulizija tal-Fruntieri, Awtorità tat-Tassazzjoni Indiretta, Direttorat għall-Koordinazzjoni tal-Pulizija, Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat, eċċ…).

2.  Dawn l-elementi għandhom ikunu suġġetti għal iżjed arranġamenti dettaljati fl-OPLAN. Il-Kunsill għandu japprova l-Kunċett tal-Operazzjonijiet (CONOPS) u l-OPLAN.

Artikolu 5

Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili

1.  Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUPM.

2.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-EUPM fil-livell strateġiku.

3.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u billi jagħtih pariri u appoġġ tekniku.

4.  Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE kkonċernata. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, gruppi u unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

5.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-UE jiġi attwat korrettament.

6.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u r-RSUE għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 6

Kap tal-Missjoni

1.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM fil-livell operattiv fuq il-post.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, gruppi u unitajiet minn Stati kontribwenti kif allokati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża dik mill-assi, mir-riżorsi u mill-informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-EUPM.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-EUPM għat-twettiq effikaċi tal-EUPM fil-post, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-EUPM. Għal dan l-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mal-Kummissjoni Ewropea.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali, jew tal-UE, konċernata.

6.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUPM fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tagħha.

7.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, adegwatament, ma' atturi oħrajn tal-UE fuq il-post. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE.

Artikolu 7

Persunal tal-EUPM

1.  In-numri u l-kompetenza tal-persunal tal-EUPM għandhom ikunu konsistenti mal-mandat tal-missjoni espost fl-Artikolu 2, il-kompiti ewlenin tal-missjoni esposti fl-Artikolu 3 u l-istruttura esposta fl-Artikolu 4.

2.  L-EUPM għandha tikkonsisti primarjament f'persunal sekondat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-UE. Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-UE għandu jerfa' l-ispejjeż ta' kwalunkwe persunal sekondat minnu, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, minbarra allowances tal-ġurnata applikabbli kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

3.  L-EUPM tista' tirrekluta persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali, skont kif ikun meħtieġ, fuq bażi kuntrattwali, jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux provduti minn persunal sekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f'każijiet debitament ġustifikati fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikazzjoni kwalifikata mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali, skont kif ikun meħtieġ, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti.

4.  Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-istandards operattivi minimi ta' sigurtà speċifiċi għall-missjoni u l-pjan ta' sigurtà tal-Missjoni li jappoġġaw il-politika tal-UE ta' sigurtà fuq il-post. Fir-rigward tal-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE li l-persunal ikun fdat biha waqt li jwettaq dmirijietu, il-persunal għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti tal-Kunsill rigward is-sigurtà ( 3 ) (minn hawn 'il quddiem “ir-Regolamenti ta' Sigurtà tal-Kunsill”).

Artikolu 8

Status tal-Missjoni u tal-persunal tal-EUPM

1.  L-arranġamenti meħtieġa għandhom isiru fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim bejn l-UE u l-BiH tal-4 ta' Ottubru 2002 dwar l-attivitajiet tal-EUPM fil-BiH matul l-EUPM.

2.  L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE li jkunu ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli sabiex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mas-sekondar, minn jew dwar il-membru tal-persunal. L-Istat jew l-istituzzjoni tal-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli għall-bidu ta' kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna sekondata.

3.  Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn il-Kap tal-Missjoni u l-membru tal-persunal.

Artikolu 9

Linja ta' kmand

1.  L-EUPM għandha jkollha linja ta' kmand unifikata bħala operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi.

▼M1

2.  Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM.

▼B

3.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jkun il-kmandant tal-EUPM fil-livell strateġiku u, bħala tali, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

5.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPM fil-livell operattiv fuq il-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

Artikolu 10

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

►M1  1.  Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUPM. ◄ Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tat-TPUE, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati il-CONOPS u l-OPLAN. Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUPM għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.  Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f'intervalli regolari.

3.  Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 11

Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

1.  Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għall-EUPM, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta' sussistenza ta' kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-BiH, u sakemm dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-EUPM, kif meħtieġ.

2.  L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUPM għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' ġestjoni ta' kuljum tal-EUPM daqs l-Istati Membri tal-UE.

3.  Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet relevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.

4.  L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu koperti minn strumenti ta' ftehim konklużi konformement mal-Artikolu 37 tat-Trattat. Ir-RGħ jista' jinnegozja tali ftehim. Fejn l-UE u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta' dak l-Istat terz f'operazzjonijiet tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta' dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-Missjoni.

Artikolu 12

Arranġamenti finanzjarji

1.  L-ammont finanzjarju ta’ referenza għas-sena 2010 biex tiġi koperta n-nefqa relatata mal-EUPM għandu jkun ta' 14 100 000.

▼M1

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa tal-EUPM għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru 2011 għandu jkun EUR 17 600 000.

▼B

2.  In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata konformement mar-regoli Komunitarji u mal-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. F'konformità mar-Regolament Finanzjarju, il-Kap tal-Missjoni jista' jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri tal-UE, ma' Stati terzi parteċipanti, u ma' atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u siti lill-EUPM. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni ta' maħżen li fih jinħażen tagħmir użat li jkun jista' wkoll jintuża biex jirrispondi għal ħtiġijiet urġenti fi skjeramenti taħt il-PESD. Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi parteċipanti u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi ospitanti għandhom ikunu permessi li jressqu offerti għall-kuntratti.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b'mod sħiħ lill-Kummissjoni, u jkun sorveljat minnha, rigward l-attivitajiet imwettqin fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

4.  L-arranġamenti finanzjarji għandhom josservaw ir-rekwiżiti operattivi tal-EUPM, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-gruppi tagħha.

5.  In-nefqa relatata mal-EUPM għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Jannar 2010.

Artikolu 13

Sigurtà

1.  Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri tas-sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom għall-EUPM konformement mal-Artikoli 5 u 9, f'koordinazzjoni mal-Uffiċċju ta' Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUPM u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-EUPM, konformement mal-politika tal-UE dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, u mad-dokumenti li jappoġġawha.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mal-Uffiċċju ta' Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

4.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jaħtar Uffiċjali tas-Sigurtà Distrettwali fl-erba' uffiċċji reġjonali, li, taħt l-awtorità tal-SMSO, għandhom ikunu responsabbli mill-amministrazzjoni ta' kuljum tal-aspetti kollha ta' sigurtà tal-elementi rispettivi tal-EUPM.

5.  Il-persunal tal-EUPM għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta' sigurtà qabel ma jibda xogħlu, konformement mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post tal-operazzjoni organizzat mill-SMSO.

Artikolu 14

Koordinazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-UE fil-BiH sabiex jiżgura konsistenza tal-azzjoni tal-UE b'appoġġ għall-BiH.

2.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE fil-BiH.

3.  Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkopera mal-atturi internazzjonali l-oħrajn preżenti fil-pajjiż, partikolarment l-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u l-Programm ta' Assistenza f'Taħriġ dwar Investigazzjoni Kriminali Internazzjonali (ICITAP).

Artikolu 15

Rilaxx ta' informazzjoni klassifikata

1.  Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, skont il-każ u skont il-ħtiġijiet tal-EUPM, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-EUPM, konformement mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

2.  Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ huwa awtorizzat ukoll jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE” li jiġu ġenerati għall-finijiet tal-EUPM, konformement mar-Regolamenti ta’ Sigurtà tal-Kunsill. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, din l-informazzjoni u dawn id-dokumenti għandhom jiġu rrilaxxati lill-Istat ospitanti konformement mal-proċeduri applikabbli għall-koperazzjoni mill-Istat ospitanti mal-UE.

3.  Ir-RGħ huwa awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-UE relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill relatati mal-EUPM u li jkunu koperti mill-obbligu ta' segretezza professjonali konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ( 4 ).

Artikolu 16

Reviżjoni

Għandu jitwettaq proċess ta' reviżjoni kull sitt xhur, skont il-kriterji ta' valutazzjoni esposti fil-CONOPS u l-OPLAN, għandu jippermetti li jsiru aġġustamenti fl-attivitajiet tal-EUPM skont kif ikun meħtieġ.

Artikolu 17

Kapaċità ta' Għassa

Il-Kapaċità ta' Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPM.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u tul ta' żmien

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2011. Il-baġit għall-2011 għandu jiġi deċiż separatament mill-Kunsill.

Artikolu 19

Pubblikazzjoni

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.  Id-deċiżjonijiet tal-KPS konformement mal-Artikolu 10(1) fir-rigward tal-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom ukoll jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



( 1 ) ĠU L 303, 21.11.2007, p. 40.

( 2 ) ĠU L 70, 13.3.2002, p. 1.

( 3 ) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/683/KE, Euratom tat-15 ta' Settembru 2006 li tadotta r-Regoli ta' proċedura tal-Kunsill (ĠU L 285, 16.10.2006, p. 47).