15.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/13


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tas-16 ta’ Novembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Oberlandesgericht Stuttgart — il-Ġermanja) — Eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra Gaetano Mantello

(Kawża C-261/09) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali - Mandat ta’ arrest Ewropew - Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA - Artikolu 3(2) - Ne bis in idem - Kunċett tal-‘istess atti’ - Possibbiltà għall-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew - Sentenza definittiva fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat - Pussess ta’ drogi narkotiċi - Traffikar ta’ drogi narkotiċi - Organizzazzjoni kriminali)

2011/C 13/20

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberlandesgericht Stuttgart

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gaetano Mantello

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Oberlandesgericht Stuttgart — Interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) — Prinċipju ta’ “non bis in idem” fil-livell nazzjonali — Possibbiltà tal-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri ta’ prosekuzzjoni kriminali marbuta ma’ fatti li parti minnhom diġà kienu s-suġġett ta’ sentenza definittiva fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat — Kunċett tal-“istess atti” — Sitwazzjoni li fiha l-fatti kollha li wasslu għall-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew kienu magħrufa mill-awtoritajiet ta’ investigazzjoni tal-Istat Membru li ħareġ il-mandat meta saret l-ewwel proċedura ta’ prosekuzzjoni kriminali, iżda ma ntużawx għal raġunijiet ta’ tattika investigattiva

Dispożittiv

Għall-finijiet tal-ħruġ u tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, il-kunċett tal-“istess atti”, li jinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] 2002/584/JHA, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment [konsenja] bejn l-Istati Membri, jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn, b’risposta għal talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas magħmula mill-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat, l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat, skont id-dritt nazzjonali tagħha u b’osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-kunċett tal-“istess atti” kif stabbilit fl-istess Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni qafas, tkun espressament ikkonstatat li s-sentenza mogħtija preċedentement fis-sistema legali tagħha ma tikkostitwixxix sentenza definittiva li tkopri l-fatti msemmija fil-mandat ta’ arrest tagħha u li għalhekk ma tipprekludix il-proċeduri msemmija fl-imsemmi mandat ta’ arrest, l-awtorità ġudizzjarja li teżegwixxi l-mandat b’ebda mod ma għandha għalfejn tapplika, b’rabta ma’ din is-sentenza, ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja stabbilita fl-imsemmi Artikolu 3(2).


(1)  ĠU C 220, 12. 09. 2009