16.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/35


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 77/2010

tal-11 ta’ Ġunju 2010

li temenda l-Anness XIV (Kompetizzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat permezz tal-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XIV tal-Ftehim ġie emendat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 52/2010 tat-30 ta’ April 2010 (1).

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiki miftiehma (2) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 (3), li ġie inkorporat fil-Ftehim, skada fil-31 ta’ Mejju 2010 u għalhekk għandu jitħassar skont il-Ftehim,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

It-test tal-punt 2 (Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999) tal-Anness XIV mal-Ftehim għandu jiġi mibdul b’li ġej:

32010 R 0330: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-iskop tal-Ftehim, jinqraw bl-addattamenti li ġejjin:

Dan li ġej għandu jiġi miżjud fl-aħħar tal-Artikolu 6:

‘Skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar l-Istabbiliment ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tista’ b’rakkomandazzjoni tiddikjara li, fejn sistemi paralleli ta’ restrizzjonijiet vertikali simili jkunu jkopru iktar minn 50 % ta’ suq rilevanti fl-Istati tal-EFTA, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal ftehim vertikali li jkun fihom restrizzjonijiet speċifiċi li jirrelataw għal dak is-suq.

Rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1 għandha tkun indirizzata lill-Istat tal-EFTA jew l-Istati tal-EFTA inkluż is-suq rilevanti in kwestjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun informata dwar il-ħruġ ta’ tali rakkomandazzjoni.

Fi żmien tliet xhur mill-ħruġ ta’ rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1, l-Istati tal-EFTA kollha indirizzati għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jekk jaċċettawx ir-rakkomandazzjoni. Jekk it-terminu perentorju ta’ tliet xhur jiskadi mingħajr risposta, dan għandu jinftiehem bħala aċċettazzjoni min-naħa tal-Istat tal-EFTA li ma jkunx irrisponda fil-ħin.

Jekk Stat tal-EFTA indirizzat bir-rakkomandazzjoni jew jaċċetta r-rakkomandazzjoni jew ma jirrispondix fil-ħin, jiġi impost fuqu obbligu legali skont il-Ftehim sabiex tkun implimentata r-rakkomandazzjoni fi żmien tliet xhur mill-ħruġ tagħha.

Jekk fi żmien it-terminu perentorju, Stat tal-EFTA indirizzat jinnotifika lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA li huwa ma jaċċettax ir-rakkomandazzjoni tagħha, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’din ir-risposta. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx taqbel mal-pożizzjoni tal-Istat tal-EFTA in kwestjoni, l-Artikolu 92(2) tal-Ftehim għandu japplika.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Fejn sistemi paralleli ta’ restrizzjonijet vertikali simili jkunu jkopru iktar minn 50 % ta’ suq rilevanti fit-territorju tal-Ftehim taż-ŻEE, iż-żewġ awtoritajiet ta’ sorveljanza jkunu jistgħu jibdew kooperazzjoni bl-iskop li jaddottaw miżuri separati. Jekk iż-żewġ awtoritajiet ta’ sorveljanza jiftiehmu dwar suq rilevanti u dwar kemm ikun f’loku li tkun addottata miżura skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha taddotta regolament indirizzat lill-Istati Membri tal-UE u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA rakkomandazzjoni ta’ sustanza korrispondenti għall-Istat tal-EFTA jew l-Istati tal-EFTA inkluż is-suq rilevanti in kwestjoni.’ ”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (UE) Nru 330/2010 li għandhom jiġu ppubblikati fl-ilsien Islandiż u dak Norveġiż, fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ nhar it-12 ta’ Ġunju 2010, kemm-il darba ikunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*). Din għandha tapplika mill-1 ta’ Ġunju 2010.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE, u fis-Suppliment taż-ŻEE, ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Alan SEATTER


(1)  ĠU L 181, 15.7.2010, p. 20.

(2)  ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1.

(3)  ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21.

(*)  Mhuma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.