14.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 109/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrchní soud v Praze (Ir-Repubblika Ċeka) fis-7 ta’ Frar 2012 — Marián Baláž

(Kawża C-60/12)

2012/C 109/13

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Vrchní soud v Praze

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Marián Baláž

Domandi preliminari

(1)

Il-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”, imsemmi fl-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Kwadru 2005/214/ĠAI tal-Kunsill, tal-24 ta’ Frar 2005, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ penali finanzjarji (iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni Qafas”) għandu jiġi interpretat bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni Ewropea?

(2)

(a)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, liema huma l-kriterji ta’ definizzjoni ġenerali li għandha tissodisfa qorti fi Stat li, fuq inizjattiva tal-persuna interessata, tista’ tisma’ kawża rigward deċiżjoni adottata minn awtorità oħra li ma hijiex qorti (awtorità amministrattiva) sabiex tkun tista’ tikkwalifika bħala “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” skont l-Artikolu 1(a)(iii), tad-Deċiżjoni Qafas?

(b)

Jista’ l-Unabhängiger Verwaltungssenat autrichien (tribunal amministrattiv indipendenti) jitqies bħala “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” skont l-Artikolu 1(a)(iii), tad-Deċiżjoni Qafas?

(c)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” skont l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas għandu jiġi interpretat mill-awtorità kompetenti tal-Istat eżekutur skont id-dritt tal-Istat li l-awtorità tiegħu tkun adottat id-deċiżjoni skont l-Artikolu 1(a)(iii) tad-Deċiżjoni Qafas, jew skont id-dritt tal-Istat li jiddeċiedi dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni?

(3)

L-“opportunità li jkollha l-każ deċiż” minn “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” skont l-Artikolu 1(a)(iii), tad-Deċiżjoni Qafas hija ggarantita wkoll meta l-persuna interessata ma tistax tikseb direttament l-eżami tal-kawża quddiem “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”, iżda li hija għandha fl-ewwel lok tikkontesta d-deċiżjoni ta’ awtorità oħra li ma hijiex qorti (awtorità amministrattiva) permezz ta’ azzjoni, li trendi inapplikabbli d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità, u għandha tinbeda proċedura ordinarja quddiem l-istess awtorità, u li hija biss kontra d-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar, meqjusa fil-kuntest ta’ din il-proċedura ordinarja, li jista’ jiġi ppreżentat appell li fuqu tista’ tiddeċiedi “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali”?

Fir-rigward tal-garanzija ta’ “opportunità li jkollha l-każ deċiż”, huwa neċessarju li tiġi solvuta wkoll il-kwistjoni dwar jekk appell li jiġi deċiż minn “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” għandux in-natura ta’ appell ordinarju (jiġifieri appell kontra deċiżjoni li ma hijiex definittiva), jew appell straordinarju (jiġifieri appell kontra deċiżjoni definittiva), kif ukoll dwar il-kwistjoni jekk “qorti li għandha l-kompetenza, b’mod partikolari, f’materji kriminali” għandhiex is-setgħa, abbażi ta’ dan l-appell, sabiex tipproċedi għal eżami komplet, kemm mil-lat fattwali kif ukoll minn dak ġuridiku?