30.4.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 116/27


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/675

tad-29 ta' April 2016

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1519 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 23(4) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 598/2009 (2) il-Kunsill impona dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil kif definit fil-premessa (10) hawn taħt li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka.

(2)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 443/2011 (3), wara investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, il-Kunsill estenda d-dazju kompensatorju definittiv fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka għal importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le (“il-miżuri estiżi”).

(3)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 391/2014 (4), wara rieżami interim parzjali dwar il-miżuri antisussidju applikabbli fuq importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, kif estiżi għal importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le, il-Kunsill temm ir-rieżami interim parzjali mingħajr ma ġew emendati l-miżuri fis-seħħ kif estiżi.

(4)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1519 (5), wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kumissjoni”) imponiet dazju kompensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (“miżuri fis-seħħ”).

B.   TALBA GĦAL RIEŻAMI

(5)

Il-Kummissjoni irċeviet talba għal rieżami (“it-talba għal rieżami”) interim parzjali skont l-Artikoli 19 u 23(6) tar-Regolament bażiku.

(6)

It-talba għal rieżami tressqet minn DSM Nutritional Products Kanada Inc., (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Kanada, u kienet limitata fil-kamp ta' applikazzjoni għall-possibbiltà li tikseb eżenzjoni mill-miżuri estiżi.

(7)

Fit-talba għal rieżami l-applikant iddikjara li hu produttur ġenwin tal-prodott taħt rieżami u li jista' jipproduċi l-kwantità kollha li bagħat lejn l-Unjoni mill-bidu tal-perjodu ta' investigazzjoni tal-investigazzjoni ta' kontra ċ-ċirkomvenzjoni msemmija fil-premessa (2) li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri estiżi eżistenti.

(8)

Barra minn hekk, l-applikant allega li hu mhuwiex relatat ma' ebda produtturi esportaturi soġġetti għall-miżuri fis-seħħ, u li ma kienx qiegħed jevita l-miżuri fis-seħħ.

C.   BIDU TA' RIEŻAMI INTERIM PARZJALI

(9)

Il-Kummissjoni ddeterminat li t-talba għal rieżami kien fiha biżżejjed evidenza prima facie sabiex tiġġustifika l-bidu ta' rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 19 u 23(6) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant fid-19 ta' Mejju 2015 il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni permezz ta' notifika ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (6) (“in-notifika tal-bidu”).

D.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI

(10)

Il-prodott taħt rieżami huwa esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmin u/jew żejt tal-gass paraffiniku miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili, spiss magħruf bħala “bijodiżil”, f'forma pura jew f'taħlita li fiha iktar minn 20 % tal-piż esteri monoalkiliċi tal-aċidi xaħmin u/jew żejt tal-gass paraffiniku miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili (“il-prodott taħt rieżami”, jew “bijodiżil”), li bħalissa huwa kklassifikat fil-kodiċi NM ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 99, ex 2710 19 43, ex 2710 19 46, ex 2710 19 47, ex 2710 20 11, ex 2710 20 15, ex 2710 20 17, ex 3824 90 92, ex 3826 00 10 u ex 3826 00 90 li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerka.

E.   PERJODU TA' INVESTIGAZZJONI

(11)

Il-perjodu ta' rappurtar għal din l-investigazzjoni kopra l-perjodu mill-1 ta' April 2014 sal-31 ta' Marzu 2015 (“perjodu ta' rappurtar”). Kien hemm ġbir ta' dejta wkoll mill-1 ta' April 2009 sat-tmiem tal-perjodu ta' rappurtar.

F.   PARTIJIET INTERESSATI

(12)

Il-Kummissjoni għarrfet uffiċjalment lill-applikant u lir-rappreżentanti tal-Kanada dwar il-bidu tar-rieżami interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu ta' żmien stipulat fin-notifika ta' bidu. L-applikant biss ippreżenta ruħu. Ma ntalbet l-ebda seduta.

(13)

Il-Kummissjoni rċeviet it-tweġiba għall-kwestjonarju mibgħuta mill-applikant, li ġiet ivverifikata fuq il-post fl-istabbiliment tal-applikant fil-Kanada.

G.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

(14)

L-applikant ġie stabbilit fl-1997 bħal manifattur tas-supplimenti nutrizzjonali tal-Omega 3.

(15)

L-investigazzjoni stabbiliet li l-applikant huwa produttur ġenwin tal-bijodiżil li jirriżulta bħala prodott sekondarju mill-proċess ta' manifattura tal-konċentrati taż-żejt tal-ħuta Omega 3, in-negozju ewlieni tiegħu.

(16)

L-investigazzjoni kkonfermat ukoll li l-applikant ma huwa relatat ma' ebda produttur tal-bijodiżil fl-Istati Uniti tal-Amerka soġġett għall-miżuri.

(17)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni kkonfermat li l-bijodiżil esportat lejn is-suq tal-Unjoni kien tabilħaqq prodott mill-applikant.

(18)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni ma kixfet ebda evidenza li l-applikant xtara bijodiżil mill-Istati Uniti tal-Amerka, jew li trasborda bijodiżil manifatturat fl-Istati Uniti lejn l-Unjoni.

(19)

Fid-dawl tas-sejbiet fil-premessi (14) sa (18), il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant huwa produttur ġenwin tal-prodott taħt rieżami u li għalhekk għandu jkun eżentat mill-miżuri estiżi.

(20)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa dwar l-intenzjoni li tingħata l-eżenzjoni lill-applikant u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Ma waslu ebda kummenti li setgħu biddlu d-deċiżjoni li tiġi tterminata l-investigazzjoni ta' rieżami.

(21)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (7).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1519 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Id-dazju kompensatorju definittiv applikabbli lill-“kumpaniji l-oħrajn kollha” kif stipulat fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2, huwa estiż għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' esteri monoalkiliċi ta' aċidi xaħmin u/jew ta' żejt tal-gass paraffiniku miksub minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili, magħruf b'mod komuni bħala “bijodiżil”, f'forma pura jew f'taħlita li fiha bil-piż aktar minn 20 % ta' esteri monoalkiliċi ta' aċidi xaħmin u/jew ta' żejt tal-gass paraffiniku miksub minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili, ikkunsinnat mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada kif ukoll jekk le, li attwalment huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 1516 20 98 (kodiċi TARIC 1516209821), ex 1518 00 91 (kodiċi TARIC 1518009121), ex 1518 00 99 (kodiċi TARIC 1518009921), ex 2710 19 43 (kodiċi TARIC 2710194321), ex 2710 19 46 (kodiċi TARIC 2710194621), ex 2710 19 47 (kodiċi TARIC 2710194721), ex 2710 20 11 (kodiċi TARIC 2710201121), ex 2710 20 15 (kodiċi TARIC 2710201521), ex 2710 20 17 (kodiċi TARIC 2710201721), ex 3824 90 92 (kodiċi TARIC 3824909210), ex 3826 00 10 (kodiċijiet TARIC 3826001020, 3826001030, 3826001040, 3826001089) u ex 3826 00 90 (kodiċi TARIC 3826009011), bl-eċċezzjoni ta' dawk prodotti mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Il-Kanada

BIOX Corporation, Oakville, Ontario, Kanada

B107

DSM Nutritional Products Kanada Inc, Dartmouth, Nova Scotia, Kanada

C114

Rothsay Biodiesel, Guelph, Ontario, Kanada

B108

Id-dazju li għandu jiġi estiż ikun dak stabbilit għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 598/2009, li huwa dazju kompensatorju definittiv ta' EUR 237 kull tunnellata netta.

Id-dazju kompensatorju fuq it-taħlitiet jkun applikabbli, bħala proporzjon, fit-taħlita, bil-piż, tal-kontenut totali ta' esteri monoalkiliċi ta' aċidi xaħmin u żejt tal-gass paraffiniku miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta' oriġini mhux mill-fossili (il-kontenut tal-bijodiżil).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 598/2009 tas-7 ta' Lulju 2009 li jimponi dazju kompensatorju definittiv u jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka (ĠU L 179, 10.7.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 443/2011 tal-5 ta' Mejju 2011 li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka għall-importazzjonijiet ta' bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju kompensatorju definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 598/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil f'taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapore (ĠU L 122, 11.5.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 391/2014 tal-14 ta' April 2014 li jtemm ir-rieżami interim parzjali li jikkonċerna miżuri antisussidju applikabbli għal importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka, kif estiżi għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġina mill-Kanada, kif ukoll jekk le (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 14)

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1519 tal-14 ta' Settembru 2015 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 99).

(6)  Notifika ta' bidu ta' rieżami interim parzjali tal-miżuri kompensatorji applikabbli għal importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka, kif estiżi għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le (ĠU C 162, 19.5.2015, p. 9).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat- 30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).