31.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 334/11


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 334/09

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“OIGNON DE ROSCOFF”

Nru tal-KE: FR-PDO-0005-0812-25.06.2010

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Oignon de Roscoff”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.6.

Frott, ħaxix u ċereali friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f’(1):

L-“Oignon de Roscoff” hija basla li żżomm fit-tul (Allium cepa, familja Liliaceae). It-tip ta' basla aċċettata għall-produzzjoni għandha tissodisfa l-karatteristiċi li ġejjin: din għandha tkun basla b'dijametru ta' bejn 30 u 80 millimetru, b’forma li tvarja minn tonda u twila għal tonda u ċatta. Iz-zokk għandu jkun imqabbad tajjeb mal-basla mill-għonq u huwa twil mill-inqas 5 ċentimetri. Il-kulur tagħha fil-qoxra ta' barra jagħti fir-roża jew roża fir-ram, is-saffi ta’ ġewwa huma bojod sa roża ċar ħafna b’bordura roża. Il-kontenut niexef tal-basla jvarja bejn 9 % u 13 %.

L-“Oignon de Roscoff” tista’ tinkiseb b’dan il-mod:

jew permezz ta’ żrieragħ agrikoli li jikkorrispondu mal-varjetà definita hawn fuq;

jew minn varjetajiet ta’ żrieragħ iċċertifikati tal-varjetà Jack u Kéravel.

L-“Oignon de Roscoff” tiġi ppreżervata b’mod naturali. It-trattamenti ta’ kontra n-nebbieta mhumiex permessi.

Id-data tat-tmiem tal-kummerċjalizzazzjoni hija l-1 ta' Mejju tas-sena ta’ wara dik tal-ħsad.

Il-basla għandha l-karatteristiċi organolettiċi li ġejjin: meta tkun nejja, tiżviluppa riħa karatteristika (bouquet) qawwija u kumplessa ddominata minn aromi ta’ frott. Fil-ħalq tkun immerqa u tqarmeċ, u jkollha togħma ħelwa ta' frott, u tkun ftit pikkanti. Wara t-tisjir, il-konsistenza tagħha tirtab, ma tibqax pikkanti u tħalli togħma ħelwa.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:

Il-proċess kollu, mill-produzzjoni taż-żrieragħ, tax-xtieli u tal-basal, sal-koltivazzjoni u t-tnixxif tal-basal iseħħ fiż-żona ġeografika.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

L-“Oignon de Roscoff” hija basla delikata: wara l-ħsad din għandha tkun ittrattata b'attenzjoni kbira, speċjalment minħabba li ma tirċivix trattament kontra n-nebbieta. L-“Oignon de Roscoff” tinħażen fi kwantitajiet kbar fiż-żona ġeografika qabel ma jsir l-ippakkjar. L-obbligu li l-ħażna ssir fiż-żona ġeografika hija ġġustifikata mill-fraġilità tal-prodott: minħabba li din tinqala’ qabel ma tkun saret għal kollox u qabel ma l-qoxra ta’ barra tkun nixfet għal kollox, l-“Oignon de Roscoff” hija sensittiva għax-xokkijiet tal-magni. Għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha waqt il-ħażna. Il-basal jinħażen f'palits tal-kaxxi jew f'sajlos ivventilati, l-aktar sabiex il-qxur ta’ barra jibqgħu sħaħ. Ta’ min jenfasizza li waqt il-ħażna t-tnixxif tal-basal ikompli għaddej.

Barra minn hekk, ladarba jinxef, il-basal għandu jinżamm kemm jista’ jkun qrib il-post ta’ produzzjoni tiegħu sakemm jiġi ppakkjat. Maż-żmien, l-operaturi fiż-żona ġeografika kisbu l-esperjenza meħtieġa u l-materjal adattat sabiex inaqqsu l-probabbiltà li, qabel l-ippakkjar, il-basliet jibdew jaħbtu ma' xulxin. Minħabba li l-ippakkjar isir fiż-żona ġeografika, dan inaqqas l-ammont ta’ manipulazzjoni li ssir bejn il-ħażna u l-ippakkjar finali.

L-“Oignon de Roscoff” tiġi ppreżentata għall-konsum:

f'forma ta' malju b'basla fit-tarf bl-isem “penn kapiten” u l-basal l-ieħor imqiegħed f’ordni mill-iżgħar sal-akbar;

f’kontenituri li jiżnu mhux aktar minn 6 kilogrammi ssiġillati sabiex jiggarantixxi l-oriġini tal-basal u l-kwalità tal-prodott;

f’kontenituri ibsin li jiżnu mhux aktar minn 12-il kilogramma, minħabba li dan it-tip ta’ ppakkjar jippermetti l-bejgħ bil-waħdiet.

Matul l-ippakkjar, kull basla tiġi ppreparata bl-idejn biex tiġi żgurata l-konsistenza tagħha, ikun żgurat li z-zokk ma jinqatax u li ma jkunx fiha nebbieta, kif ukoll sabiex tissebbaħ il-preżentazzjoni tagħha billi jitneħħa l-qxur niexef li jinqala’ u jitwarrab il-basal imħassar. Hawnhekk il-basal jiġi mmaljat jew mirqum, jiġifieri jitneħħewlu l-għeruq, li jsir b’xogħol tal-idejn. Waqt li jkun qed isir dan il-proċess ta’ għażla, il-basal mingħajr forma jew li ma jilħaqx il-kwalità u t-tipiċità mixtieqa jitneħħa. Din l-għażla manwali teħtieġ għarfien perfett tal-prodott, hekk kif inhu partikolarment neċessarju li l-basla tintmess sabiex jinstab sal-inqas difett fiha, li jista’ jindika ksur bikri tar-raqda. Dan ix-xogħol jeħtieġ esperjenza partikolari fl-għarfien u l-evalwazzjoni tal-prodott, ħtieġa speċifika għall-“Oignon de Roscoff” u li l-produtturi tal-ħaxix taż-żona ġeografika jispeċjalizzaw fiha. Barra minn hekk, peress li l-basal huwa delikat, dan jiġi ppakkjat qrib kemm jista’ jkun tal-post ta’ produzzjoni u fl-istess waqt tal-istadji ta’ għażla manwali u ta’ preparazzjoni, dan preċiżament sabiex tonqos il-manipulazzjoni tal-basal u għalhekk tiġi evitata kwalunkwe ħsara fih. Barra minn hekk l-ippakkjar fiż-żona ġeografika jippermetti kontroll aktar effiċjenti tat-traċċabbiltà u tal-kwalità tal-prodotti.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

It-tikketta tal-pakketti għandha tinkludi:

l-isem “Oignon de Roscoff” miktub b’ittri li jidhru u jinqraw sew u li ma jistgħux jitħassru. Id-daqs ta’ dawn l-ittri, kemm fil-wisgħa kif ukoll fl-għoli, m’għandux ikun iżgħar minn dak tal-kliem l-ieħor li jidher fuq it-tikketta;

il-kliem “appellation d’origine protégée” (denominazzjoni protetta ta’ oriġini) eżatt taħt l-isem tad-denominazzjoni u mingħajr kliem bejniethom;

is-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea, ħdejn l-isem tad-denominazzjoni mingħajr kliem bejniethom;

l-identifikazzjoni tal-unità tal-ippakkjar.

Fil-każ tal-basal mibjugħ f’kontenituri ibsin b'piż massimu ta’ 12-il kilogramma, kull basla għandha tkun identifikata permezz ta’ stiker li fuqha jkun hemm:

l-isem “Oignon de Roscoff”; id-daqs ta’ dawn l-ittri, kemm fil-wisgħa kif ukoll fl-għoli, m’għandux ikun iżgħar minn dak tal-kliem l-ieħor li jidher fuq l-istiker;

il-kliem “appellation d’origine protégée” (denominazzjoni protetta ta’ oriġini).

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika hija mifruxa fuq il-communes u partijiet mill-communes li ġejjin fid-dipartiment ta’ Finistère:

Brignogan-Plage, Cléder, Goulven, Île-de-Batz, Kerlouan, Lanhouarneau, Mespaul, Plouénan, Plouescat, Plougar (taqsimiet A1p, D1p, D2p), Plougoulm, Plouider (taqsimiet A2, AA, AB, AC, C2), Plounéour-Trez, Plounévez-Lochrist, Plouvorn (taqsimiet A1, A2p, A3, F1p, Gp), Plouzévédé, Roscoff, Saint-Pol-de-Léon, Saint-Vougay, Santec, Sibiril, Tréflaouénan, Tréflez, Trézilidé.

Iż-żona ġeografika tal-“Oignon de Roscoff” tinsab fiż-żona fejn jitkabbru l-ħxejjex tal-Haut-Léon bejn Kerlouan fil-Punent u Saint-Pol-de-Léon fil-Lvant, tul il-kosta tal-Fliegu Ingliż. Hija tinsab fuq pjanura mżerżqa lejn il-baħar u tinfirex fuq żona li tkopri madwar għaxar kilometri ’l ġewwa mill-kosta, li tikkorrispondi għal altitudni ta’ madwar 100 metru.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Fatturi naturali li jikkontribwixxu għar-rabta

Iż-żona fejn jitkabbru l-ħxejjex ta’ Haut-Léon tinsab fuq pjanura kemmxejn imżerżqa lejn il-baħar, li minn fuqha jgħaddu diversi xmajjar żgħar li imbagħad jingħaqdu mal-kosta. Iż-żona ġeografika tal-“Oignon de Roscoff” tkopri madwar tletin kilometru mil-Lvant għall-Punent fuq il-periferija tal-kosta ta’ din il-pjanura, żona li l-altitudni tagħha ġeneralment ma taqbiżx il-100 metru.

Din is-sitwazzjoni ġeografika tispjega l-kundizzjonijiet klimatiċi ferm partikolari li tgawdi minnhom iż-żona ġeografika, taħt l-influwenza tal-oċean Atlantiku u tal-Fliegu Ingliż. Protetta mill-flussi tal-oċean mill-muntanji Arrée, iż-żona ġeografika hija soġġetta għal sistema ta’ xita moderata u mqassma tajjeb matul is-sena. Il-perjodi ta’ nixfa tas-sajf u t-tempesti kbar bir-ragħad huma rari. Barra minn hekk, taħt l-influwenza tal-Gulf Stream, ir-reġjun ta’ Roscoff ikollu temperaturi xitwin moderati ħafna, il-ġelu huwa rari, filwaqt li s-sħana tibqa’ moderata matul is-sajf. L-irjieħ prevalenti, mill-Grigal fir-rebbiegħa jew fis-sajf, jgħinu sabiex l-influwenza marittima tinfirex sat-truf tan-Nofsinhar taż-żona msemmija.

Iż-żona ġeografika tinsab fuq pjattaforma kristallina antika, magħmula primarjament minn granit tal-muntanji Armorikani. Din il-pjattaforma hija miksija b’sedimenti mtajra mir-riħ, li l-eħxen parti tiegħu tkun mal-kosta. Dawn id-depożiti ta’ sedimenti iwasslu għal ħamrija ħafifa, fonda u fertili, li kapaċi żżomm ħafna ilma. Filwaqt li hija perfettament adattata għall-iskopijiet tagħha, iż-żona identifikata għat-tkabbir tal-basal iżżomm l-art esposta sew u vventilata b’ħamrija b’saħħitha; ir-riżerva ta' ilma tagħha hija suffiċjenti għall-ħtiġijiet ta' irrigazzjoni.

Fatturi umani li jikkontribwixxu għar-rabta

It-tkabbir tal-basla roża, li beda fis-seklu sbatax, żviluppa fir-reġjun ta’ Roscoff matul is-seklu tmintax sabiex jissodisfa d-domanda tal-baħħara għal ikel li jżomm għal żmien twil. F’nofs is-seklu dsatax, l-attività tal-“Johnnies”, laqam mogħti mill-Ingliżi lill-bdiewa ta’ Roscoff li kienu jbiegħu l-basal fit-toroq, xerrdet il-fama tal-“Oignon de Roscoff” lil hinn mill-fruntieri Franċiżi. L-għarfien marbut ma' din il-produzzjoni għadda minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni u għadu preżenti sal-lum fir-reġjun ta’ Roscoff. L-operaturi taż-żona ġeografika involuti fil-produzzjoni tal-“Oignon de Roscoff” għaqqdu l-għarfien tagħhom sabiex, maż-żmien, ikunu jistgħu jagħżlu tip ta’ varjetà adattata għall-ambjent u jistabbilixxu t-teknika ta’ produzzjoni għaliha; mill-produzzjoni taż-żerriegħa sal-ippakkjar finali tal-prodott.

It-taħlita ta’ klima u ħamrija xierqa ilha żmien twil tħeġġeġ lill-agrikoltura taż-żona ġeografika biex tispjeċalizza sew fit-tkabbir tal-ħxejjex, f'kuntrast maż-żoni tal-madwar, li huma aktar orjentati lejn l-attivitajiet ta’ trobbija tal-bhejjem. Is-sistema agrikola użata fiż-żona tat-tkabbir tal-ħxejjex ta’ Haut-Léon f'Finistère hija kkaratterizzata minn netwerk intensiv ta’ rziezet żgħar speċjalizzati fil-produzzjoni esklużiva ta’ ħxejjex tal-għelieqi, u magħmula minn ħbula art sseparati minn xulxin permezz ta' ħitan jew ċnut.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

L-“Oignon de Roscoff” hija basla ta’ daqs medju u b'forma tonda.

Hija differenti mill-basal l-ieħor minħabba l-kulur roża sa roża jagħti fir-ram tal-qoxra ta’ barra tagħha u minħabba l-bordura roża tas-saffi ta’ ġewwa, bi ftit kontenut niexef.

Waħda mill-karatteristiċi partikolari tal-“Oignon de Roscoff” tinsab fil-kapaċità naturali tal-basla li għal xhur sħaħ ma tiksirx ir-raqda, mingħajr ma jkun meħtieġ l-ebda trattament kimiku kontra n-nebbieta, sakemm tinżamm f’kundizzjonijiet tajbin. Minħabba li għandha zokk twil imqabbad tajjeb mal-basla mill-għonq, tista’ tinżamm sar-rebbiegħa tas-sena ta’ wara l-qtugħ tagħha. Tiġi ppreżentata f’għenieqed immaljati jew f’kontenituri ta’ piż limitat. Huwa prodott delikat, li għandu jiġi trattat b’attenzjoni kbira minħabba l-kontenut baxx ta’ materjal niexef li fih.

L-“Oignon de Roscoff” għandha karatteristiċi organolettiċi speċifiċi, kemm jekk tittiekel nejja kif ukoll jekk tissajjar. Meta tkun nejja, tagħti aroma intensa ġeneralment immarkata bi ħjiel ta’ frott. Il-konsistenza tagħha hija mmerqa ħafna, u spiss tkun tqarmeċ u ftit pikkanti. Wara li tissajjar, ma tibqax pikkanti. Bil-konċentrazzjoni tal-basla, tiżdied il-ħlewwa tagħha.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-reġjun ta’ Roscoff jipprovdi klima u ħamrija ideali għal din l-għalla delikata.

Il-ħamrija ħafifa u ftit li xejn ġeblija taż-żona ġeografika jippermettu li l-basal jikber mingħajr tfixkil u b'mod armonjuż, u dan iwassal għall-forma tonda tiegħu. L-irjiħat li jonfħu l-ħin kollu fuq il-kosta ta’ Bretagne inaqqsu l-ħsara fuq il-weraq jew fuq il-basal li jikkawża l-mard kriptogramiku. L-iskarsezza ta’ xita qawwija tnaqqas ir-riskju ta’ telf taż-żerriegħa u tnaqqas ukoll il-ħsarat matul it-tnixxif tal-għalqa tal-basal. Dawn il-kondizzjonijiet naturali favorevoli jikkontribwixxu ferm għall-kwalità u r-regolarità tad-dehra tal-“Oignon de Roscoff”.

Ix-xtiewi partikolarment moderati fir-reġjun ta’ Roscoff jippermettu li ż-żriegħ isir kmieni, minħabba li l-ġelu huwa rari wara x-xahar ta’ Frar. Magħżula b’mod speċjali għall-kapaċità naturali tagħhom li jixorbu l-ilma, il-biċċiet ta’ art identifikati għall-produzzjoni tal-basal jippermettu bidu ta’ ċiklu veġetattiv bikri tal-pjanti. Dan huwa essenzjali sabiex il-kultivazzjoni tal-prodott issir mingħajr tisqija, li hija karatterisitika tipika tal-“Oignon de Roscoff”. Ix-xita regolari u moderata taż-żona ġeografika, fuq art b'ħamrija lomuża mogħnija b’riżerva ta’ ilma kbira, tiggarantixxi sistema idroloġika regolari għall-għelejjel, li tippermetti żvilupp veġetattiv mingħajr strapazz għall-basal. Il-karattru kemmxejn pikkanti tal-prodott huwa r-riżultat, b'mod partikolari, ta’ din il-provvista regolari ta’ ilma.

Il-meraq tagħha, flimkien mal-karatteristiċi tal-qxur tal-basal, huwa tipiku għall varjetà tal-“Oignon de Roscoff” u jikkostitwixxi r-riżultat ta' xogħol ta' għażla fit-tul imwettaq mill-operaturi sabiex jiksbu din it-tip ta’ varjetà.

Il-ħlewwa tagħha, marbuta mal-partikolaritajiet tat-tip ta’ varjetà tal-“Oignon de Roscoff”, hija żviluppata permezz tal-qtugħ tal-basal ftit qabel il-maturità fiżjoloġika tiegħu. Din is-sensazzjoni ta’ ħlewwa hija saħansitra aktar evidenti minħabba li l-basal huwa xi ftit pikkanti, u minħabba l-ammonti żgħar ta’ allinażi, l-enżima responsabbli għall-idroliżi tal-komposti tal-kubrit tal-alliums.

Il-lok tal-belt ta’ Roscoff u l-istorja tagħha kellhom rwol sinifikanti fil-ħolqien u wkoll fir-rigward tal-karatteristiċi tal-prodott, inkluż il-kapaċità tiegħu ta’ preservazzjoni naturali. L-attività intensiva tal-port ta’ Roscoff fis-sekli 17 u 18 tispjega l-iżvilupp ta’ koltivazzjoni kummerċjali tal-basal immirata lejn il-provvista ta’ għadd kbir ta’ bastimenti li kienu jinkrew jew jankraw fl-ibħra tagħha. Il-basla, li hija sors ta’ vitamina Ċ, kienet tgħin fil-ġlieda kontra l-iskorbut u kienet ikel bażiku għall-baħrin li kienu jbaħħru għal diversi ġimgħat jew saħansitra diversi xhur mingħajr waqfien.

Is-sitwazzjoni ġeografika ta’ Roscoff u l-fatt li tinsab viċin il-kosta Ingliża kienu wkoll strumentali għall-ħolqien ta’ kummerċ għani mal-Gran Brittanja, li ta bidu għall-fenomenu tal-“Johnnies” u tal-fama tal-prodott. Immaljata kif u meta meħtieġ u mibjugħa bieb bieb, l-“Oignon de Roscoff” riedet tkun kapaċi żżomm matul is-sena tas-suq, sar-rebbiegħa ta’ wara. Dawn is-swieq orjentaw b’mod naturali lill-produtturi lejn l-għażla ta’ varjetajiet li kellhom kapaċità kbira ta’ rqad.

Din il-koltivazzjoni delikata teħtieġ teknika kbira, kemm għall-għażla tal-art, għat-tħawwil u l-manipulazzjoni tal-għelejjel, għall-monitoraġġ tas-saħħa tagħhom, għas-sinkronizzazzjoni ta’ meta jaqgħu l-weraq kif ukoll biex il-basal jinqala meta jkun xieraq. Biex tkun tista’ tiżvela l-kwalitajiet organolettiċi kollha tagħha, speċjalment it-togħma ħelwa u r-riħa ta’ frott tagħha, l-“Oignon de Roscoff” tkun trid tinħasad sakemm ma tkunx għada mmaturat għal kollox, sabiex jitwaqqaf l-iżvilupp u d-dilwizzjoni tal-basal. Wara, waqt it-trasport, it-tnixxif u l-ippakkjar, għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha sabiex il-qoxra ta’ barra tibqa’ sħiħa u sabiex jinżammu l-kwalitajiet tal-prodott. Dan l-għarfien seta’ biss jinkiseb bil-mod il-mod matul iż-żmien u huwa l-wirt ta’ esperjenzi akkumulati min-naħa ta' diversi ġenerazzjonijiet ta’ bdiewa li ddedikaw lilhom infushom għal din il-koltivazzjoni.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCOignonDeRoscoff.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.