16.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 211/13


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ April 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-192/11)

2011/C 211/24

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Petrova u K. Herrmann, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 1, 5, u 9(1) u (2) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (1), minħabba li ma tipproteġix l-ispeċi kollha ta’ għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri u li l-protezzjoni tagħhom hija prevista minn din id-direttiva u minħabba li ma tiddefinix b’mod korrett il-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni ta’ derogi mill-projbizzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/147 sa fejn ma estendietx il-protezzjoni tal-ispeċi għall-ispeċi ta’ għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma protetti biss l-ispeċi ta’ għasafar li l-preżenza tagħhom kienet osservata fit-territorju Pollakk u li jinsabu elenkati fl-Annessi I u II tar-Rozporządzenie Ministra Środowiska z dnia 28 września 2004 r. w sprawie gatunków dziko występujących zwierząt objętych ochroną (Regolament tal-Ministru għall-Ambjent tat-28 ta’ Settembru 2004 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ annimali li jinsabu fin-natura) (2).

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/147 sa fejn il-projbizzjoni li jinżamm bajd vojt u li jinżammu għasafar ta’ speċi li l-kaċċa u l-insib tagħhom huma pprojbiti tkopri biss l-ispeċi ta’ għasafar li kienet osservata l-preżenza tagħhom fit-territorju Pollakk.

Ir-Repubblika tal-Polonja lanqas ma ttrasponiet b’mod korrett l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2009/147 sa fejn, fl-ewwel lok, l-Ustawa z 16 kwietnia 2004 r. o ochronie przyrody (Liġi tas-16 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tan-natura) (3) introduċiet il-possibbiltà li jiġu previsti derogi għal raġunijiet differenti minn dawk elenkati fl-artikolu msemmi, fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura jmorru lil hinn mir-rekwiżit stabbilit fit-tielet inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ dannu serju għall-uċuħ, għall-bhejjem, għall-foresti, għas-sajd u għall-ilmijiet; fit-tielet lok, fir-Regolament tal-Ministru għall-Ambjent dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ annimali li jinsabu fin-natura hija aċċettata deroga, fir-rigward tal-attivitajiet li jikkonċernaw l-attwazzjoni ta’ politika razzjonali dwar l-użu tal-art, tal-foresti u tal-ħut, li ma tinsabx fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva u, fir-raba’ lok, fir-regolament imsemmi hija aċċetta deroga ġenerali, li ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, fir-rigward tal-margun (Phalacrocorax carbo) u tar-russett griż (Ardea cinerea), li jinsabu fl-inħawi ta’ għadajjar tal-ilma li jkun fihom il-ħut u li huma identifikati bħala żoni ta’ tgħammir.

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tittrasponi b’mod korrett l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2009/147 sa fejn, fl-ewwel lok, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma huma previsti ebda kontrolli fir-rigward tad-derogi konċessi, fit-tieni lok, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma humiex iddefiniti l-kundizzjonijiet tar-riskju għad-derogi konċessi u, fit-tielet lok, ma huma stabbiliti ebda kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga ġenerali fis-sens tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva fir-rigward tal-margun (Phalacrocorax carbo) u tar-russett griż (Ardea cinerea), li jinsabu fl-inħawi ta’ għadajjar tal-ilma li jkun fihom il-ħut u li huma identifikati bħala żoni ta’ tgħammir, u li jinsabu elenkati fl-Anness II tar-Regolament tal-Ministru għall-Ambjent dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ annimali li jinsabu fin-natura.


(1)  ĠU L 20, p. 7

(2)  Dz.U. 2004, Nru 220, p. 2237.

(3)  Dz.U. 2004, Nru 92, p. 880, kif emendata sussewgentement.