18.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 164/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-31 ta' Mejju 2007

dwar il-prevenzjoni tal-korrimenti u l-promozzjoni tas-sigurtà

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/C 164/01)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 152 (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi

(1)

Kull sena madwar 235,000 ċittadin tal-Komunità jmutu minħabba aċċidenti jew vjolenza. Il-korrimenti huma, wara l-mard kardjovaskolari, il-kanċer u l-mard respiratorju, ir-raba' kawża l-aktar komuni ta' mewt fl-Istati Membri.

(2)

Fit-tfal, addoloxxenti u żgħażagħ l-aċċidenti u l-korrimenti huma l-kawża prinċipali tal-mewt.

(3)

Bosta superstiti ta' korrimenti gravi jbatu minn debilitazzjonijiet f'saħħithom għal ħajjithom kollha. L-aċċidenti u l-korrimenti huma l-kawża ta' diżabbiltà l-aktar kronika fost iż-żgħażagħ u jwasslu għal telf qawwi u evitabbli ta' snin ta' ħajja b'saħħa tajba.

(4)

Bħala medja, il-korrimenti jammontaw għal madwar 6,8 miljun ammissjoni fl-isptarijiet, li jirrappreżentaw 11 % ta' l-ammissjonijiet kollha fl-isptarijiet madwar l-Unjoni Ewropea.

(5)

Il-korrimenti jirrappreżentaw piż finanzjarju kbir fuq is-sistemi ta' saħħa u tal-welfare u jiikawżaw madwar 20 % ta' leave minħabba mard u jikkostitwixxu fattur prinċipali għat-tnaqqis fil-produttività.

(6)

Ir-riskju ta' korriment huwa distribwit inugwalment fl-Istati Membri u fil-gruppi soċjali u jvarja wkoll skond l-età u s-sess. Ir-riskju ta' mewt minn korriment huwa ħames darbiet akbar fl-Istat Membru bl-ogħla rata ta' korriment milli f'dak bl-inqas rata.

(7)

B'kuntrast ma' ħafna kawżi oħrajn ta' mard jew mewt prematura, il-korrimenti jistgħu jiġu evitati billi nagħmlu l-ambjent li ngħixu fih, kif ukoll il-prodotti u s-servizzi li nużaw, aktar siguri. Hemm evidenza biżżejjed ta' effikaċja ppruvata f'miżuri ta' aċċidenti li għadhom mhumiex qegħdin jiġu applikati estensivament fil-Komunità.

(8)

Bosta minn dawn il-miżuri wrew li huma kost-effettivi għaliex il-benefiċċji tal-prevenzjoni għal sistemi tas-saħħa ta' spiss jeċċedu b'fattur ta' diversi drabi l-ispejjeż għall-intervent.

(9)

Huwa meħtieġ li jitkomplew l-avvanzi importanti li saru f'numru ta' oqsma konnessi mas-sigurtà bħat-traffiku jew il-post tax-xogħol. Addizzjonalment, għandha tingħata attenzjoni lil oqsma oħrajn li s'issa huma ħafna anqas koperti, bħall-aċċidenti fid-dar, matul ir-rikreazzjoni u fl-isport, u l-prevenzjoni għat-tfal u għall-anzjani.

(10)

Għandha tingħata wkoll konsiderazzjoni lill-konnessjoni bejn il-konsum ta' l-alkoħol u d-drogi u numru ta' korrimenti u aċċidenti kif ukoll għal korrimenti intenzjonati, b'mod partikolari l-vjolenza domestika kontra n-nisa u t-tfal.

(11)

Jidher għalhekk li huwa meħtieġ li jsir użu aħjar mid-data eżistenti u li tiġi żviluppata, kif meħtieġ, mekkaniżmu ta' sorveljanza tal-korrimenti u ta' rapportar, li jkun jista' jiżgura approċċ koordinat fl-Istati Membri kollha sabiex jiġu żviluppati u stabbiliti linji politiċi nazzjonali dwar il-prevenzjoni ta' korrimenti, inkluż l-iskambju ta' l-aqwa prattika. Tali mekkaniżmu jista' jkun żviluppat fi ħdan il-Programm Komunitarju dwar is-Saħħa Pubblika (2), kwalunkwe programm li jsegwih u kwalunkwe programmi Komunitarji rilevanti oħrajn, u għandu jinbena abbażi ta' strumenti nazzjonali rappreżentattivi ta' sorveljanza u rapportar ta' korrimenti li għandhom jiġu żviluppati b'manjiera koerenti u komplementari.

(12)

Sabiex jiġu razzjonalizzati r-riżorsi tal-Programm Komunitarju dwar is-Saħħa Pubblika u kwalunkwe programmi Komunitarji rilevati oħrajn u sabiex tiġi żviluppata l-prevenzjoni ta' korrimenti bl-aktar mod effettiv, ġew identifikati oqsma ta' prijorità: is-sigurtà tat-tfal u ta' l-adoloxxenti, is-sigurtà ta' l-anzjani, is-sigurtà ta' l-utenti vulnerabbli tat-triq, il-prevenzjoni ta' korrimenti fl-isport u fid-divertiment, il-prevenzjoni ta' korrimenti kkawżati minn prodotti u servizzi, il-prevenzjoni ta' l-awto-leżjoniżmu u l-prevenzjoni tal-vjolenza, partikolarment vjolenza domestika kontra n-nisa u t-tfal. Dawn l-oqsma ta' prijorità ġew determinati billi jittieħed kont ta' l-impatt soċjali ta' korrimenti f'termini tan-numru u tas-severità, ta' l-evidenza dwar l-effikaċja ta' azzjonijiet ta' intervent u tal-fattibbiltà ta' implimentazzjoni b'suċċess fl-Istati Membri.

B'DAN JIRRAKKOMANDA:

Bil-ħsieb ta' provvediment għal livell għoli ta' saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom:

(1)

Jagħmlu użu aħjar mid-data eżistenti u jiżviluppaw, fejn meħtieġ, strumenti rappreżentattivi ta' sorveljanza u rapportar ta' korrimenti sabiex jiksbu informazzjoni komparabbli, jimmonitoraw l-evoluzzjoni tar-riskji ta' korriment u l-effetti tal-miżuri preventivi matul iż-żmien u jivvalutaw il-ħtiġijiet għall-introduzzjoni ta' inizjattivi addizzjonali dwar is-sigurtà tal-prodotti u tas-servizzi u f'oqsma oħrajn;

(2)

Jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali jew miżuri ekwivalenti, inkluża l-promozzjoni tal-kuxjenza pubblika dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, sabiex ikunu evitati aċċidenti u korrimenti. Tali pjanijiet u miżuri għandhom jinizjaw u jippromwovu il-koperazzjoni interdipartimentali u internazzjonali u jużaw effikaċement opportunitajiet ta' finanzjament għal azzjonijiet preventivi u għall-promozzjoni tas-sigurtà. Fl-implimentazzjoni tagħhom, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil aspetti ta' sess u lil gruppi vulnerabbli bħal tfal, anzjani, persuni b'diżabbiltajiet, utenti vulnerabbli tat-triq, u għal korrimenti ta' l-isport u d-divertiment, korrimenti kkawżati minn prodotti u servizzi, vjolenza u awto-leżjoniżmu.

(3)

Jinkoraġġixxu l-introduzzjoni ta' prevenzjoni tal-korrimenti u l-promozzjoni tas-sigurtà, fl-iskejjel u fit-taħriġ ta' professjonisti tas-saħħa u ta' professjonisti oħrajn, sabiex dawn il-gruppi jistgħu jservu bħala atturi u konsulenti kompetenti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-korrimenti.

B'DAN JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI SABIEX:

(1)

Tiġbor, tipproċessa u tirrapporta informazzjoni dwar korrimenti mal-Komunità kollha bbażata fuq strumenti ta' sorveljanza nazzjonali ta' korrimenti;

(2)

Tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prattika u dwar azzjonijiet ta' politika f'oqsma prijoritarji identifikati u d-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni lill-partijiet interessati rilevanti;

(3)

Tappoġġa lill-Istati Membri fl-inklużjoni ta' tagħrif dwar il-prevenzjoni ta' korrimenti fit-taħriġ ta' professjonisti tas-saħħa u professjonisti oħrajn;

(4)

Twettaq azzjonijiet Komunitarji kif deskritt hawn fuq bl-użu tar-riżorsi previsti fil-Programm Komunitarju tas-Saħħa Pubblika u l-programmi suċċessuri, fil-qafas ġenerali għall-finanzjament ta' l-azzjonijiet Komunitarji b'appoġġ tal-politika tal-konsumatur (3), fil-Programm Kwadru għar-Riċerka (4) u fi kwalunkwe programmi Komunitarji rilevanti oħrajn;

(5)

Twettaq rapport ta' valutazzjoni erba' snin wara l-adozzjoni ta' din ir-Rakkomandazzjoni sabiex tiddetermina jekk il-miżuri proposti ikunux qegħdin jaħdmu effikaċement u sabiex tagħmel stima tal-ħtieġa għal aktar azzjonijiet.

Magħmul fi Brussel, fil-31 ta' Mejju 2007

Għall-Kunsill

Il-President

F. MÜNTEFERING


(1)  Ghad mhux ippubblikat

(2)  Deċiżjoni Nu 1786/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tadotta programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa pubblika (2003-2008) ĠU L 271, 9.10.2002, p. 1.

(3)  Deċiżjoni Nru 20/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-finanzjament ta' l-azzjonijiet Komunitarji b'appoġġ tal-politika tal-konsumatur għas-snin 2004 sa 2007, ĠU L 5, 9.1.2004, p. 1.

(4)  Deċiżjoni Nru 1513/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar is-sitt programm kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni, li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni, (2002 — 2006), ĠU L 232, tad-29.8.2002, p.1.