22.9.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (l-Olanda) fl-4 ta’ Ġunju 2012 — A. Adil vs Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

(Kawża C-278/12)

2012/C 287/30

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad van State

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A. Adil

Konvenuti: Minister voor Immigratie, Integratie en Asiel

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni nazzjonali, bħal dik mogħtija mill-Artikolu 50 tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (Liġi 2000 dwar il-barranin) u implementata fl-Artikolu 4.17a tal-Vreemdelingenbesluit 2000 (Digriet 2000 dwar il-barranin), li tippermetti li jsiru kontrolli fuq persuni mal-fruntieri interni sabiex jiġi vverifikat jekk dawn il-persuni jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ residenza legali applikabbli fl-Istat Membru?

(2)

(a)

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludi li kontrolli nazzjonali, bħal dawk previsti fl-Artikolu 50 tal-Vreemdelingenwet 2000, ikunu bbażati fuq informazzjoni ġenerali u esperjenza dwar ir-residenza illegali ta’ persuni fil-post tal-kontroll, fis-sens tal-Artikolu 4.17a(2) tal- Vreemdelingenwet 2000, jew inkella huwa meħtieġ li, waqt l-eżekuzzjoni ta’ tali kontrolli, ikunu jeżistu elementi konkreti li jindikaw li individwu jkun qiegħed jirrisjedi illegalment fl-Istat Membru kkonċernat?

(b)

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ dan it-tip ta’ kontroll li għandu l-għan li jikseb informazzjoni ġenerali u informazzjoni marbuta mal-esperjenza fil-qasam tar-residenza illegali fis-sens tal-punt (a), jekk dan il-kontroll isir b’mod limitat?

(3)

L-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen għandu jiġi interpretat fis-sens li l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ kontroll bħal dik deskritta f’dispożizzjoni leġiżlattiva bħall-Artikolu 4.17a tal-Vreemdelingenwet 2000 hija suffiċjenti sabiex tiggarantixxi li l-eżerċizzju fil-prattika ta’ kontroll ma jistax ikollu effett ekwivalenti għal dak ta’ verifiki mal-fruntiera pprojbiti mill-Artikolu 21 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen?


(1)  Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1)