26.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 194/19


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 725/2011

tal-25 ta’ Lulju 2011

li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn vetturi ħfief (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi promoss l-iżvilupp u l-użu bikri ta’ teknoloġiji ġodda u avvanzati li jnaqqsu l-emissjoni ta’ CO2 tal-vetturi, ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 jipprovdi lill-manifatturi u l-fornituri bil-possibbiltà li japplikaw għall-approvazzjoni ta’ ċerti teknoloġiji innovattivi li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-kriterji li permezz tagħhom jiġu ddeterminati liema teknoloġiji għandhom ikunu eliġibbli bħala eko-innovazzjonijiet skont dak ir-Regolament.

(2)

Skont il-punt (c) tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, it-teknoloġiji li huma parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni spjegat fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas- 7 ta’ Frar 2007 intitolata Ir-riżultati tar-reviżjoni tal-Istrateġija Komunitarja sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief (2) u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas- 7 ta’ Frar 2007 intitolata Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 (3) u li ġew irregolati fil-liġi tal-Unjoni, jew teknoloġiji oħra li huma obbligatorji skont il-liġi tal-Unjoni, mhumiex eliġibbli bħala eko-innovazzjonijiet skont dak ir-Regolament. Dawn it-teknoloġiji jinkludu sistemi ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers, ir-reżistenza tat-tidwir tat-tajers u l-indikaturi tal-qlib tal-gerijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom (4) u, fir-rigward tar-reżistenza tat-tidwir tat-tajers, tar-Regolament (KE) Nru 1222/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Novembru 2009 dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra (5).

(3)

Teknoloġija li ilha għal xi żmien disponibbli b’mod wiesa’ fis-suq, ma tistax tiġi kkunsidrata innovattiva fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u għalhekk ma għandhiex tkun eliġibbli bħala eko-innovazzjoni. Sabiex jinħolqu l-inċentivi adegwati, huwa xieraq li l-livell ta’ penetrazzjoni tas-suq ta’ teknoloġija jiġi llimitat għal dak tas-settur ristrett kif iddefinit fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 u biex tintuża s-sena 2009 bħala s-sena ta’ referenza. Dawk il-limiti għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni mhux aktar tard mill-2015.

(4)

Sabiex jiġu promossi t-teknoloġiji bl-ogħla potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal karozzi tal-passiġġieri, u b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ propulsjoni, għandhom ikunu eliġibbli biss dawk it-teknoloġiji li huma intrinsiċi għall-funzjoni tat-trasport tal-vettura u li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-titjib tal-konsum ġenerali tal-enerġija tal-vettura. It-teknoloġiji li huma sekondarji għal dak l-iskop jew li għandhom l-għan li jtejbu l-kumdità tas-sewwieq jew tal-passiġġieri ma għandhomx ikunu eliġibbli.

(5)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009, jiġu ppreżentati applikazzjonijiet kemm mill-manifatturi kif ukoll mill-fornituri. L-applikazzjoni għandha tinkludi l-evidenza meħtieġa li l-kriterji tal-eliġibbiltà huma sodisfatti, inkluża metodoloġija għall-kejl tal-iffrankar ta’ CO2 mit-teknoloġija innovattiva.

(6)

Għandu jkun possibbli li l-iffrankar ta’ CO2 mill-eko-innovazzjoni jitkejjel bi grad sodisfaċenti ta’ eżattezza. Dik l-eżattezza tista’ tinkiseb biss fejn l-iffrankar huwa ta’ 1 gm CO2/km jew aktar.

(7)

Meta l-iffrankar ta’ CO2 ta’ teknoloġija jiddependi mill-imġiba tas-sewwieq jew minn fatturi oħra li jmorru lil hinn mill-kontroll tal-applikant, dik it-teknoloġija għandha bi prinċipju titqies bħala mhux eliġibbli bħala eko-innovazzjoni, sakemm mhuwiex possibbli, abbażi ta’ evidenza statistika qawwija u indipendenti, li jsiru suppożizzjonijiet verifikabbli dwar l-imġiba medja ta’ sewwieq.

(8)

Iċ-ċiklu tat-test standard użat għall-kejl tal-approvazzjoni tat-tip tal-emissjonijiet ta’ CO2 minn vettura ma jurix l-iffrankar kollu li jista’ jiġi attribwit għal ċerti teknoloġiji. Sabiex jinħolqu l-inċentivi meħtieġa għall-innovazzjoni, għandu jitqies biss dak l-iffrankar li ma jiġix ikkunsidrat miċ-ċiklu tat-test standard għall-kalkolu tal-iffrankar totali ta’ CO2.

(9)

Fid-dimostrazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2, għandu jsir tqabbil bejn l-istess vetturi bl-eko-innovazzjoni u mingħajr l-eko-innovazzjoni. Il-metodoloġija tal-ittestjar għandha tipprovdi kejl verifikabbli, li jista jiġi ripetut u komparabbli. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs u, fin-nuqqas ta’ ċiklu ta sewqan miftiehem u aktar realistiku, ix-xejriet ta’ sewqan fiċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew kif imsemmija fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat- 18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (6) għandu jintuża bħala referenza komuni. Il-metodoloġija tal-ittestjar għandha tkun ibbażata fuq kejl fuq dinamometru tax-chassis jew fuq immudellar jew simulazzjoni meta tali metodoloġiji jkunu jipprovdu riżultati aħjar u aktar eżatti.

(10)

Il-linji gwida dwar il-preparazzjoni tal-applikazzjoni u tal-metodoloġiji tal-ittestjar għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni u jiġu aġġornati regolarment biex jikkunsidraw l-esperjenza miksuba mill-valutazzjoni ta’ applikazzjonijiet differenti.

(11)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009, l-applikazzjoni għandha tiġi akkumpanjata minn rapport ta’ verifika pprovdut minn korp indipendenti u ċċertifikat. Dak il-korp għandu jkun servizz tekniku ta’ kategorija A jew B kif imsemmi fid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (7). Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-korp, isservizzi tekniċi magħżula skont l-Artikolu 41(6) ta’ dik id-Direttiva ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala korp indipendenti u ċċertifikat fi ħdan it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. Il-korp għandu, flimkien mar-rapport tal-verifika, jipprovdi evidenza rilevanti tal-indipendenza tiegħu mill-applikant.

(12)

Sabiex jiġu żgurati reġistrazzjoni u monitoraġġ effiċjenti tal-iffrankar speċifiku għall-vetturi individwali, l-iffrankar għandu jkun iċċertifikat bħala parti mill-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura u l-iffrankar totali għandu jiddaħħal fiċ-ċertifikat ta’ konformità skont id-Direttiva 2007/46/KE.

(13)

Il-Kummissjoni għandu jkollha l-possibbiltà li tivverifika fuq bażi ad hoc l-iffrankar totali ċċertifikat għall-vetturi individwali. Meta jkun evidenti li l-iffrankar iċċertifikat huwa inkonsistenti mal-livell tal-iffrankar li jirriżulta mid-deċiżjoni li tapprova teknoloġija bħala eko-innovazzjoni, il-Kummissjoni għandha tkun tista’ ma tikkunsidrax l-iffrankar ta’ CO2 iċċertifikat għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2. Madankollu, il-manifattur għandu jingħata perjodu ta’ żmien limitat li matulu jista’ juri li l-valuri ċċertifikati huma eżatti.

(14)

Sabiex tiġi żgurata proċedura trasparenti tal-applikazzjoni, għandu jkun hemm informazzjoni fil-qosor disponibbli għall-pubbliku dwar l-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u l-ittestjar tal-metodoloġiji. Ladarba approvati, il-metodoloġiji tal-ittestjar għandhom ikunu aċċessibbli pubblikament. L-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti kif stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (8) għandhom japplikaw kif xieraq.

(15)

Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, it-teknoloġiji innovattivi ma jistgħux jiġu iktar approvati taħt il-proċedura stipulata f’dak ir-Regolament mid-data tal-applikazzjoni ta’ proċedura riveduta għall-kejl tal-emissjonijiet ta’ CO2. Sabiex tiġi żgurata eliminazzjoni gradwali xierqa tal-krediti tal-eko-innovazzjoni approvati skont dan ir-Regolament, dan ir-Regolament għandu jiġi rivedut sa mhux aktar tard mill-2015.

(16)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-applikazzjoni għal, u l-valutazzjoni, approvazzjoni u ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 minn karozzi tal-passiġġieri skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Kwalunkwe teknoloġija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri li ġejjin koperti bl-approċċ integrat imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala teknoloġija innovattiva:

(a)

it-titjib fl-effiċjenza għal sistemi ta’ arja kkundizzjonata;

(b)

is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-pressjoni tat-tajers li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 661/2009;

(c)

ir-reżistenza tat-tidwir tat-tajers li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 u tar-Regolament (KE) Nru 1222/2009;

(d)

l-indikaturi tal-qlib tal-gerijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 661/2009;

(e)

l-użu ta’ bijofjuwils.

2.   Tista’ ssir applikazzjoni skont dan ir-Regolament fir-rigward ta’ teknoloġija, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun ġiet mgħammra fi 3 % jew inqas tal-karozzi ġodda kollha rreġistrati fl-2009;

(b)

tkun tirrelata ma’ oġġetti intrinsiċi għall-operazzjoni effiċjenti tal-vettura u tkun kompatibbli mad-Direttiva 2007/46/KE.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“teknoloġija innovattiva” tfisser teknoloġija jew taħlita ta’ teknoloġiji b’fatturi u karatteristiċi tekniċi simili fejn l-iffrankar ta’ CO2 jista’ jintwera permezz ta’ metodoloġija tal-ittestjar waħda u fejn kull teknoloġija individwali li tagħmel parti mit-taħlita taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni speċifikat fl-Artikolu 2;

(b)

“fornitur” tfisser il-manifattur ta’ teknoloġija innovattiva responsabbli għall-iżgurar tal-konformità tal-produzzjoni jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu fl-Unjoni jew l-importatur;

(c)

“applikant” tfisser il-manifattur jew il-fornitur li qed iressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ teknoloġija innovattiva bħala eko-innovazzjoni;

(d)

“eko-innovazzjoni” tfisser teknoloġija innovattiva akkumpanjata b’metodoloġija tal-ittestjar li ġiet approvata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament;

(e)

“korp indipendenti u ċċertifikat” tfisser servizz tekniku tal-kategorija A jew tal-kategorija B imsemmi fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 41(3) tad-Direttiva 2007/46/KE li jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 42 ta’ dik id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ servizzi tekniċi magħżula skont l-Artikolu 41(6) ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 4

Applikazzjoni

1.   Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ teknoloġija innovattiva bħala eko-innovazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni bil-miktub. L-applikazzjoni u d-dokumentazzjoni ta’ appoġġ kollha għandhom jiġu ppreżentati permezz tal-posta elettronika jew ta’ trasportatur ta’ dejta elettronika jew jittellgħu f’server ġestit mill-Kummissjoni. L-applikazzjoni bil-miktub għandha telenka d-dokumentazzjoni ta’ appoġġ.

2.   L-applikazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-applikant;

(b)

deskrizzjoni tat-teknoloġija innovattiva u l-mod kif inhi mgħammra fuq vettura, inkluża evidenza li t-teknoloġija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni speċifikat fl-Artikolu 2;

(c)

deskrizzjoni fil-qosor tat-teknoloġija innovattiva, inklużi dettalji li jsostnu li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) ġew sodisfatti, u tal-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija fil-punt (e) ta’ dan il-paragrafu li għandha tkun disponibbli għall-pubbliku mal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni lill-Kummissjoni;

(d)

indikazzjoni stmata tal-vetturi individwali li jistgħu jiġu mgħammra jew li huma maħsuba biex jiġu mgħammra bit-teknoloġija innovattiva, u t-tnaqqis stmat tal-emissjonijiet ta’ CO2 għal dawk il-vetturi mit-teknoloġija innovattiva;

(e)

metodoloġija li għandha tintuża għad-dimostrazzjoni li t-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 tat-teknoloġija innovattiva, jew meta metodoloġija bħal din kienet diġà ġiet approvata mill-Kummissjoni, referenza għall-metodoloġija approvata;

(f)

evidenza li turi li:

(i)

it-tnaqqis tal-emissjonijiet miksub permezz tat-teknoloġija innovattiva jissodisfa l-limitu speċifikat fl-Artikolu 9(1), filwaqt li jiġi kkunsidrat kwalunkwe deterjorament tat-teknoloġija matul iż-żmien;

(ii)

it-teknoloġija innovattiva mhijiex koperta miċ-ċiklu tat-test standard għall-kejl tas-CO2 imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 kif speċifikat fl-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-Regolament;

(iii)

l-applikant huwa responsabbli għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 tat-teknoloġija innovattiva kif speċifikat fl-Artikolu 9(3);

(g)

rapport ta’ verifika minn korp indipendenti u ċċertifikat kif speċifikat fl-Artikolu 7.

Artikolu 5

Vettura ta’ xenarju bażi u vettura ta’ eko-innovazzjoni

1.   Għall-fini tad-dimostrazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 msemmija fl-Artikolu 8, l-applikant għandu jagħżel:

(a)

vettura ta’ eko-innovazzjoni li għandha tkun mgħammra bit-teknoloġija innovattiva;

(b)

vettura ta’ xenarju bażi li ma għandhiex tkun mgħammra bit-teknoloġija innovattiva iżda li tkun identika fl-aspetti l-oħra kollha għall-vettura ta’ eko-innovazzjoni.

2.   Jekk l-applikant jikkunsidra li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8 u 9 tista’ tintwera mingħajr l-użu ta’ vettura ta’ xenarju bażi u vettura ta’ eko innovazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-applikant għandu jinkludi d-dettalji neċessarji li jiġġustifikaw dik il-konklużjoni u metodoloġija li tipprovdi riżultati ekwivalenti.

Artikolu 6

Metodoloġija tal-ittestjar

1.   Il-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 4(2) għandha tipprovdi riżultati li huma verifikabbli, li jistgħu jiġu ripetuti u komparabbli. Għandha tkun kapaċi turi b’mod realistiku l-benefiċċji, b’sinifikanza statistika qawwija, tat-teknoloġija innovattiva f’termini ta’ emissjonijiet ta’ CO2 u, fejn rilevanti, tikkunsidra l-interazzjoni ma’ eko-innovazzjonijiet oħrajn.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika gwida dwar il-preparazzjoni ta’ metodoloġiji tal-ittestjar għal teknoloġiji innovattivi potenzjali differenti li jissodisfaw il-kriterji fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

Rapport ta’ verifika

1.   Ir-rapport ta’ verifika msemmi fil-punt (g) tal-Artikolu 4(2) għandu jiġi stabbilit minn korp indipendenti u ċċertifikat li ma jkunx jagħmel parti mill-applikant jew li ma jkunx konness b’mod ieħor miegħu.

2.   Għall-finijiet tar-rapport ta’ verifika, il-korp indipendenti u ċċertifikat għandu:

(a)

jivverifika li l-kriterji ta’ eliġibbiltà speċifikati fl-Artikolu 2(2) jkunu sodisfatti;

(b)

jivverifika li l-informazzjoni pprovduta skont il-punt (f) tal-Artikolu 4(2) tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 9;

(c)

jivverifika li l-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 4(2) hija xierqa għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar tas-CO2 mit-teknoloġija innovattiva għall-vetturi rilevanti msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 4(2), u tissodisfa r-rekwiżiti minimi speċifikati fl-Artikolu 6(1);

(d)

jivverifika li t-teknoloġija innovattiva hija kompatibbli mar-rekwiżiti rilevanti speċifikati għall-approvazzjoni tat-tip tal-vettura;

(e)

jiddikkjara li r-rekwiżit speċifikat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu huwa sodisfatt.

3.   Għall-finijiet taċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2 skont l-Artikolu 11, il-korp indipendenti u ċċertifikat għandu, fuq talba tal-manifattur, ifassal rapport dwar l-interazzjoni bejn bosta eko-innovazzjonijiet mgħammra fuq tip, varjant jew verżjoni waħda ta’ vettura.

Ir-rapport għandu jispeċifika l-iffrankar ta’ CO2 mill-eko-innovazzjonijiet differenti waqt li jikkunsidra l-impatt tal-interazzjoni.

Artikolu 8

Dimostrazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2

1.   L-emissjonijiet ta’ CO2 li ġejjin għandhom jintwerew għal għadd ta’ vetturi rappreżentattivi tal-vetturi individwali indikati skont il-punt tal-Artikolu 4(2):

(a)

l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-vettura ta’ xenarju bażi u mill-vettura ta’ eko-innovazzjoni bit-teknoloġija innovattiva operattiva li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-metodoloġija msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 4(2);

(b)

l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-vettura ta’ xenarju bażi u mill-vettura ta’ eko-innovazzjoni bit-teknoloġija innovattiva operattiva li jirriżultaw mill-applikazzjoni taċ-ċiklu tat-test standard imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

Id-dimostrazzjoni tal-emissjonijiet ta’ CO2 skont il-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għandha titwettaq taħt kundizzjonijiet tal-ittestjar li huma identiċi għat-testijiet kollha.

2.   L-iffrankar totali għal vettura individwali għandu jkun id-differenza bejn l-emissjonijiet murija skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

Meta jkun hemm differenza bejn l-emissjonijiet murija skont il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, dik id-differenza għandha titnaqqas mill-iffrankar totali muri skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

Artikolu 9

Kriterji ta’ eliġibbiltà

1.   It-tnaqqis minimu miksub bit-teknoloġija innovattiva għandu jkun 1 gm CO2/km. Dak il-limitu għandu jiġi kkunsidrat meta l-iffrankar totali għat-teknoloġija innovattiva muri skont l-Artikolu 8(2) huwa 1 gm CO2/km jew aktar.

2.   Meta l-iffrankar totali ta’ teknoloġija innovattiva ma jinkludi l-ebda iffrankar muri skont iċ-ċiklu tat-test standard skont l-Artikolu 8(2), it-teknoloġija innovattiva għandha tiġi kkunsidrata li mhijiex koperta biċ-ċiklu tat-test standard.

3.   Id-deskrizzjoni teknika tat-teknoloġija innovattiva msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 4(2) għandha tipprovdi d-dettalji neċessarji biex turi li r-rendiment f’termini ta’ tnaqqis tas-CO2 tat-teknoloġija mhuwiex dipendenti fuq konfigurazzjonijiet jew għażliet li ma jiddependux mill-kontroll tal-applikant.

Meta d-deskrizzjoni hija bbażata fuq suppożizzjonijiet, dawk is-suppożizzjonijiet għandhom ikunu verifikabbli u bbażati fuq evidenza statistika qawwija u indipendenti li tappoġġahom u li tappoġġa wkoll l-applikabbiltà tagħhom fl-Unjoni kollha.

Artikolu 10

Valutazzjoni ta’ applikazzjoni għal eko-innovazzjoni

1.   Malli tirċievi applikazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli pubblikament deskrizzjoni fil-qosor tat-teknoloġija innovattiva u l-metodoloġija tal-ittestjar imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 4(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni u, fi żmien disa’ xhur minn meta tirċievi applikazzjoni kompluta, għandha tapprova t-teknoloġija innovattiva bħala eko-innovazzjoni flimkien mal-metodoloġija tal-ittestjar, sakemm ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-eliġibbiltà tat-teknoloġija jew l-adegwatezza tal-metodoloġija tal-ittestjar.

Id-deċiżjoni li tapprova t-teknoloġija innovattiva bħala eko-innovazzjoni għandha tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2 skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, soġġetta għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti speċifikati fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Il-Kummissjoni tista’ teżiġi aġġustamenti tal-metodoloġija tal-ittestjar proposta jew teżiġi l-użu ta’ metodoloġija tal-ittestjar approvata differenti minn dik proposta mill-applikant. L-applikant għandu jiġi kkonsultat dwar l-aġġustament propost jew dwar l-għażla tal-metodoloġija tal-ittestjar.

4.   Il-perjodu ta’ valutazzjoni jista’ jiġi estiż b’ħames xhur meta l-Kummissjoni ssib li, minħabba l-kumplessità tat-teknoloġija innovattiva u l-metodoloġija tal-ittestjar li takkumpanjaha jew minħabba d-daqs u l-kontenut tal-applikazzjoni, l-applikazzjoni ma tistax tiġi vvalutata b’mod xieraq fi żmien il-perjodu ta’ valutazzjoni ta’ disa’ xhur.

Jekk il-perjodu ta’ valutazzjoni jkun se jiġi estiż il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-applikant fi żmien 40 jum minn meta tirċievi l-applikazzjoni.

Artikolu 11

Ċertifikazzjoni tal-iffrankar ta’ CO2 mill-eko-innovazzjonijiet

1.   Manifattur li jixtieq jibbenefika minn tnaqqis tal-emissjonijiet medji ta’ CO2 speċifiċi tiegħu bil-għan li jissodisfa l-miri tal-emissjonijiet speċifiċi tiegħu permezz tal-iffrankar ta’ CO2 minn eko-innovazzjoni, għandu japplika għand awtorità ta’ approvazzjoni fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2007/46/KE għal ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip KE tal-vettura mgħammra bl-eko-innovazzjoni. L-applikazzjoni għal ċertifikat għandha, flimkien mad-dokumenti li jipprovdu l-informazzjoni neċessarja speċifikata fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2007/46/KE, tirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova eko-innovazzjoni skont l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-iffrankar ta’ CO2 tal-eko-innovazzjoni muri skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi speċifikat separatament kemm fid-dokumentazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip kif ukoll fiċ-ċertifikat ta’ konformità skont id-Direttiva 2007/46/KE, abbażi ta’ testijiet imwettqa mis-servizzi tekniċi skont l-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva, permezz tal-metodoloġija tal-ittestjar approvata.

Meta l-iffrankar ta’ CO2 ta’ eko-innovazzjoni għal tip, varjant jew verżjoni speċifika jkun taħt il-limitu speċifikat fl-Artikolu 9(1), l-iffrankar ma għandux jiġi ċċertifikat.

3.   Meta l-vettura tiġi mgħammra b’aktar minn eko-innovazzjoni waħda, l-iffrankar ta’ CO2 għandu jintwera separatament għal kull eko-innovazzjoni skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 8(1). L-għadd tal-iffrankar li jirriżulta ddeterminat skont l-Artikolu 8(2) għal kull eko-innovazzjoni għandu jipprovdi l-iffrankar totali ta’ CO2 għall-fini taċ-ċertifikazzjoni ta’ dik il-vettura.

4.   Meta l-interazzjoni bejn bosta eko-innovazzjonijiet mgħammra f’vettura waħda ma tkunx tista’ tiġi eskluża minħabba li dawn ikunu kjarament ta’ natura differenti, il-manifattur għandu jindika dan fl-applikazzjoni lill-awtorità ta’ approvazzjoni u għandu jipprovdi rapport minn korp indipendenti u ċċertifikat dwar l-impatt tal-interazzjoni fuq l-iffrankar tal-eko-innovazzjonijiet fil-vettura kif imsemmi fl-Artikolu 7(3).

Fejn, minħabba dik l-interazzjoni, l-iffrankar totali jkun inqas minn 1 gm CO2/km immultiplikat bl-għadd ta’ eko-innovazzjonijiet għandu jiġi kkunsidrat biss dak l-iffrankar mill-eko-innovazzjonijiet li jissodisfa l-limitu stipulat fl-Artikolu 9(1) biex jiġi kkalkulat l-iffrankar totali skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 12

Reviżjoni taċ-ċertifikazzjonijiet

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li ċ-ċertifikazzjonijiet u l-iffrankar ta’ CO2 attribwiti lil vetturi individwali jiġu vverifikati fuq bażi ad hoc.

Meta ssib li hemm differenza bejn l-iffrankar ta’ CO2 iċċertifikat u l-iffrankar li tkun ivverifikat permezz tal-metodoloġija jew il-metodoloġiji tal-ittestjar rilevanti, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-manifattur dwar is-sejbiet tagħha.

Il-manifattur jista’ fi żmien 60 jum minn meta jirċievi n-notifika jipprovdi lill-Kummissjoni b’evidenza li turi l-eżattezza tal-iffrankar ta’ CO2 iċċertifikat. Fuq talba tal-Kummissjoni, għandu jiġi pprovdut ir-rapport dwar l-interazzjoni ta’ eko-innovazzjonijiet differenti msemmi fl-Artikolu 7(3).

2.   Meta l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1 ma tiġix ipprovduta fil-perjodu ta’ żmien indikat, jew issib li l-evidenza pprovduta mhijiex sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tikkunsidrax l-iffrankar ta’ CO2 iċċertifikat għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ dak il-manifattur għas-sena kalendarja ta’ wara.

3.   Manifattur li l-iffrankar ta’ CO2 ċċertifikat tiegħu mhuwiex jiġi kkunsidrat aktar jista’ japplika għal ċertifikazzjoni ġdida tal-vetturi kkonċernati skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 11.

Artikolu 13

Żvelar ta’ informazzjoni

L-applikant li jitlob li l-informazzjoni ppreżentata skont dan ir-Regolament tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali għandu jiġġustifika għalfejn japplikaw xi wħud mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

Artikolu 14

Reviżjoni

Dan ir-Regolament u l-eko-innovazzjonijiet approvati skont dan ir-Regolament għandhom jiġu riveduti mhux aktar tard mill- 31 ta’ Diċembru 2015.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

(2)  COM(2007) 19 finali.

(3)  COM(2007) 22 finali.

(4)  ĠU L 200, 31.7.2009, p. 1.

(5)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 46.

(6)  ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(8)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.