21.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea

CE 68/13


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Jannar 2008 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Bali dwar il-Bidla fil-Klima (COP 13 u COP/MOP 3)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Tlettax-il Konferenza tal-Partijiet (COP 13) fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) u t-Tielet Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 3) li saru f'Bali, l-Indoneżja, bejn it-3 u l-15 ta' Diċembru 2007,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni (AR4) tal-Panel Intergovernamentali dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) ippubblikat f'Valenzja, Spanja, fis-17 ta' Novembru 2007,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu rigward il-bidla fil-klima, u b'mod partikulari tal-15 ta' Novembru 2007 dwar il-limitar tal-bidla fil-klima dinjija għal 2 gradi Celsius — it-triq lejn il-Konferenza ta' Bali dwar il-Bidla fil-Klima u lil hinn (COP 13 u COP/MOP3) (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Bord Intergovernamentali dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) jafferma li l-pass dejjem aktar mgħaġġel tal-bidla fil-klima hu riżultat ta' l- attività tal-bniedem u li diġà qed ikollu effetti dinjija serji,

B.

billi l-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali jappoġġja l-konklużjonijiet ta' l-IPPC AR4 li m'hemm l-ebda dubju dwar it-tisħin globali, u li d-dewmien fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet jillimita b'mod sinifikanti l-opportunitajiet li jinkisbu livelli ta' stabbilizzazzjoni iktar baxxi u jżid ir-riskju ta' impatti fuq il-klima aktar gravi;

C.

billi ħafna nħawi fid-dinja diġà ġew affettwati mill-effetti ta' żieda fit-temperaturi medji globali, u billi l-aħħar evidenza xjentifika tissuġġerixxi li l-mira ta' l-UE fuq medda twila ta' żmien u li dwarha kien hemm qbil, li tillimita t-tisħin għal +2°C meta mqabbla mal-livelli ta' qabel l-era industrijali, tista' ma tkunx biżżejjed biex jiġu evitati l-effetti negattivi sinifikanti tal-bidla fil-klima,

D.

billi l-bidla fil-klima hi problema fit-tul u billi miżuri fuq perjodu ta' żmien qasir waħidhom mhux se jkunu biżżejjed biex iwasslu għal effetti pożittivi fuq il-klima; billi għas-sistema tal-klima huwa kruċjali li jkun żgurat li l-emissjonijiet globali jilħqu l-livell massimu tagħhom fl-10-15-il sena li ġejjin,

E.

billi l-pajjiżi industrijalizzati għandhom responsabilità ewlenija għall-akkumulazzjoni ta' l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG) fl-atmosfera; billi huma l-ifqar pajjiżi u l-ifqar popolazzjonijiet li l-aktar ser jintlaqtu minn klima aktar instabbli,

F.

billi ftehima internazzjonali wiesgħa dwar miri fuq medda twila ta' żmien għal tnaqqis fl-emissjonijiet hi assolutament essenzjali sabiex tipprovdi ċertezza għall-investiment f'teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra kif ukoll għal effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u forestrija sostenibbli, u biex ikunu evitati investimenti f'infrastruttura ta' l-enerġija inkompatibbli mal-miri rigward l-emissjonijiet,

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Partijiet fil-Konferenza ta' Bali biex jitnieda, fil-qafas tal-UNFCCC, proċess formali ta' negozjati għall-ftehima internazzjonali dwar il-klima għall-perjodu wara l-2012 bl-iskop li jinkiseb ftehim u tkun adotatta deċiżjoni fil-Ħmistax-il Konferenza tal-Partjiet, li se tinżamm fl-2009;

2.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali fih skeda ċara, jagħti l-iskadenza ta' l-2009 għall-konklużjoni tal-ftehima u jindika l-kwistjonijiet ewlenin li se jkunu indirizzati tul in-negozjati u jemmen li b'hekk dan jipprovdi bażi tajba għall-proċess ta' nnegozjar;

3.

Itenni li tali ftehim għandu jibni fuq prinċipji ewlenin u l-mekkaniżmi tal-UNFCCC u l-Protokoll ta' Kyoto u jqis ir-responsabilitajiet komuni iżda differenzjati u li għandu jkun ibbażat fuq l-elementi identifikati fil-Paragrafu 2 tar-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007;

4.

Iqis li s-superament tad-distinzjoni riġida bejn il-pajjiżi ta' l-Anness I u dawk li m'humiex parti mill-Anness I hija waħda mill-kisbiet l-iktar sinifikanti tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali;

5.

Jenfasizza l-irwol kostruttiv u ta' tmexxija li l-UE ħadet fil-Konferenza ta' Bali, li ffaċilita ħafna l-progress minkejja d-diffikultajiet fin-negozjati; jappoġġja l-kontinwazzjoni ta' rwol tant attiv fin-negozjati li ġejjin u jinsisti li l-Parlament irid ikun involut ħafna f'dawn in-negozjati;

6.

Jilqa' r-rikonoxximent mill-Partijiet li l-AR4 ta' l-IPCC jirrapreżenta l-iktar valutazzjoni komprensiva u awtorevoli s'issa tal-bidla fil-klima, li jipprovdi perspettiva xjentifika, teknika, u soċjo-ekonomika integrata dwar kwistjonijiet rilevanti, kif ukoll l-inkoraġġiment biex wieħed juża' din l-informazzjoni fl-iżvilupp ta' politiki nazzjonali dwar il-bidla fil-klima;

7.

Jiddispjaċih li ma kienx possibbli li jsiru riferenzi espliċiti għax-xjenza f'rabta mat-tnaqqis meħtieġ ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali; jilqa', madankollu, ir-rikonoxximent tal-Partijiet fil-Protokoll ta' Kyoto li tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra fil-firxa bejn 25-40 % meta mqabbel ma' l-1990 mill-pajjiżi industrijalizzati bħala grupp huwa meħtieġ sa l-2020;

8.

Ifakkar li l-pajjiżi industrijalizzati, inklużi dawk li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll ta' Kyoto, irid ikollhom irwol ta' tmexxija fl-indirizzar tal-bidla fil-klima fuq livell dinji u jridu jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom b'mill-inqas 30 % sas-sena 2020 u b'mill-inqas 60 %-80 % sas-sena 2050 meta mqabbla mas-sena 1990;

9.

Jilqa' l-approċċ kostruttiv għan-negozjati li ttieħed mill-maġġoranza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-impenn tagħhom li jimpenjaw ruħhom f'azzjonijiet ta' mitigazzjoni li jkunu xierqa fis-sitwazzjoni nazzjonali fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli, li jkunu appoġġjati u magħmula possibbli mit-teknoloġija, mill-finanzjament u l-bini tal-kapaċità, b'mod li jista' jitqies, ikun irrappurtat u vverifikat;

10.

Jenfasizza li l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli huwa dritt għal pajjiżi li qed jiżviluppaw kollha; jenfasizza li l-Unjoni Ewropea u pajjiżi industrijalizzati oħra jridu jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-iżvilupp ta' teknoloġiji sostenibbli;

11.

Ifakkar li l-kredibilità u l-effettività ta' l-isforzi dinjija ma jisgħux jinkisbu mingħajr impenji iktar fil-fond, u li jistgħu jitqiesu, ikunu irrappurtati u vverifikati mill-partjiet kollha involuti;

12.

Iqis li huwa fundamentali għas-suċċess tal-politika internazzjonali dwar il-klima li tinstab soluzzjoni ġusta;

13.

Iqis li, bħala innovazzjoni meta mqabbla mal-Protokoll ta' Kyoto, is-sitwazzjoni differenti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tkun riflessa fl-impenji li jittieħdu u li l-pajjiżi emerġenti għandhom jaċċettaw limiti fuq l-emissjonijiet tagħhom skond l-istadju ta' żvilupp tagħhom, il-kompożizzjoni settorali ta' l-ekonomiji tagħhom, il-potenzjal tagħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet u l-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tagħhom;

14.

Iqis li hemm lok għall-innovazzjoni, f'rabta mal-mekkaniżmi eżisteni tal-Protokoll ta' Kyoto, fil-forma ta' impenji u miri stipulati għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti, sabiex tali impenji jkunu kompatibbli mal-bżonnijiet u l-kapaċitajiet ta' kull pajjiż, sakemm dawk ikunu jistgħu jitqiesu, ikunu irrappurtati u vverifikati;

15.

Jilqa' d-deċiżjoni li jsir programm ta' xogħol dwar kwistjonijiet metodoloġiċi rigward firxa ta' approċċi ta' politika u inċentivi pożittivi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jqis b'mod bilanċjat il-funzjonijiet multipli u l-benefiċċji tal-foresti għall-bijodiversità, il-funzjonament ta' l-ekosistemi u l-għajxien tan-nies lokali; jilqa' wkoll il-fatt li l-Partijiet huma inkuraġġiti biex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità, biex jipprovdu għajnuna teknika u biex jagħmlu sforzi, inklużi proġetti pilota, biex jindirizzaw il-kawżi tad-deforestazzjoni u l-bżonn ta' appoġġ għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali;

16.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni rigward l-immaniġġjar tal-Fond għall-Adattament b'mod effettiv u trasparenti, li jiżgura li dan isir operattiv fi stadju bikri ta' l-ewwel perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto;

17.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li jitnieda programm strateġiku biex jiżdied il-livell ta' investiment għall-iżvilupp, it-trasferiment u l-użu ta' teknoloġiji ta' mitigazzjoni u adattament lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll l-allokatazzjoni lill-Grupp ta' Esperti dwar it-Trasferiment tat-Teknoloġija tal-kompitu ta' valutazzjoni tan-nuqqasijiet u l-ostakoli għall-użu ta', u l-aċċess għal, riżorsi finanzjarji.

18.

Huwa tal-fehma li r-riċerka, u l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji għall-enerġija iktar effiċjenti u inqas għoljin għandhom jingħataw prijorità għolja; jitlob għall-kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-gvernijiet, l-industrija u l-komunità tar-riċerka u s-soċjetà ċivili;

19.

Jikkunsidra li l-Konferenza/Laqgħa li jmiss tal-Partijiet f'Poznan għandha tiffoka fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw u, għalhekk, jinsisti li jsiru sforzi serji biex jintlaħaq progress reali rigward inċentivi, inklużi strumenti bbażati fuq is-suq, biex tiġi evitata d-deforestazzjoni u jiġi inkuraġġiti l-forestrija, l-iffinanzjar ta' l-adattament u titjib fit-trasferiment u t-tħaddim ta' teknoloġiji nodfa f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

20.

Jitlob għall-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji sinifikattivi u prevedibbli fil-qafas tal-politiki ta' l-UE sabiex jiġu megħjuna l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jadattaw ruħhom għall-impatt tal-bidla fil-klima u biex jonqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra kif ukoll id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti; ifakkar fil-bżonn ta' monitoraġġ kritiku aktar mill-qrib ta' l-impatt reali ta' strumenti finanzjarji eżistenti u futuri relatati mal-klima fuq pajjiżi li qed jiżviluppaw; iqis li l-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif (CDM) għandu jiġi rriformat sabiex jagħti l-potenzjal sħiħ tiegħu waqt il-perjodu ta' impenn 2008-2012;

21.

Jenfasizza li “greening” tal-politika ta' żvilupp u ta' l-għajnuna ta' l-UE hija neċessarja u urġenti, u għandha tiġi implimentata mingħajr ma tikkontradixxi l-politiki ta' l-UE dwar l-ambjent u l-bidla fil-klima; jiddispjaċih li f'dan il-qasam il-progress mexa bil-mod ħafna u jitlob lit-tmexxija ta' l-UE biex tagħmel il-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-adattament prijoritajiet ewlenin fil-politiki ta' l-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

22.

Jenfasizza li, sabiex tinżamm il-kredibilità tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali, pajjiżi industrijalizzati għandhom, bħala kwistjoni ta' urġenza, jidħlu fi sħubiji tal-klima flimkien ma' ekonomiji emerġenti kbar bħaċ-Ċina u l-Indja biex jippromwovu kooperazzjoni mill-qrib dwar ir-riforma tal-politika ta' l-enerġija, il-bini ta' kapaċitajiet, appoġġ għall-investiment fl-effiċjenza ta' l-enerġija u teknoloġija baxxa fil-karbonju;

23.

Jiddispjaċih li ma kienx possibbli li tiġi inkluża riferenza għall-ħtieġa li jsir ftehim fuq tnaqqis obbligatorju ta' emissjonijiet fl-avjazzjoni u fit-trasport marittimu; jinnota li l-mandat ta' Bali ma jeskludix miżuri obbligatorji għall-avjazzjoni u t-trasport marittimu; jirrepeti s-sejħa tiegħu biex l-emissjonijiet fl-avjazzjoni u t-trasport marittimu jiġu inklużi fl-impenn ta' tnaqqis internazzjonali tal-GHG għall-perjodu wara l-2012 taħt l-awpiċji tal-UNFCCC, peress li l-Organizzazzjoni Internazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) ma rriżultawx effiċjenti fil-mod kif ittrattaw il-kwistjoni;

24.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li s-setturi ewlenin kollha involuti fil-kummerċ internazzjonali jkunu inklużi fl-impenji u l-benchmarks dwar il-klima mad-dinja kollha, sabiex ikun iggarantit li l-miri globali għall-bidla fil-klima jintlaħqu u biex tiġi evitata d-distorzjoni fil-kompetizzjoni madwar id-dinja;

25.

Jitlob għal reviżjoni urġenti tal-politika ta' l-UE dwar il-bijofjuwils, b'enfasi partikolari fuq is-sostenibilità tal-ħajja kollha ta' kull bijofjuwil f'termini ta' tnaqqis ta' GHG; jenfasizza li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji tal-bijofjuwils bħala alternattiva ta' enerġija għandhom jikkunsidraw bis-sħiħ u jissalvagwardjaw kontra kull impatt ambjentali, soċjali u ekonomiku negattv assoċjat miegħu; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipproponi standards robusti u kriterji ċari għall-produzzjoni ta' bijofjuwils;

26.

Jenfasizza li l-Parlament qed jistenna bil-ħerqa r-rapport mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurta' Komuni (PESK) dwar il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima fuq is-sigurtà internazzjonali kif rikjest mill-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussel tal-21-22 ta' Ġunju 2007; jenfasizza li għandha ssir enfasi partikolari fuq oqsma ewlenin bħall-mitagazzjoni, l-adattament u l-mainstreaming tal-bidla fil-klima fil-politiki kollha, għaliex il-bidla fil-klima tista' tkun kawża importanti fid-distabbilizzazzjoni ta' l-ifqar pajjiżi;

27.

Konxju tal-kobor ta' l-isfida tan-negozjati li ġejjin, jinsisti li l-politika għall-klima ssir prijorità u komponent ewlenin fir-relazzjonijiet esterni kollha ta' l-UE ma' pajjiżi terzi, fil-konvenzjonijiet reġjonali u fl-organizzazzjonijiet ekonomiċi; barra minn dan jistieden lill-erba' Presidenzi (is-Slovenja, Franza, ir-Repubblika Ċeka u l-Isvezja) fl-2008 u fl-2009 sabiex jżommu l-Parlament Ewropew infurmat dwar l-objettivi tagħhom dwar il-politika għall-klima, kif ukoll sabiex jirrappurtaw regolarment, flimkien mal-Kummissjoni, dwar il-progress li jkun sar fin-negozjati;

28.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tesplora, sakemm ma jkunx hemm kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd, possibilitajiet għall-industrija sabiex isaħħaħ l-opportunitajiet ekonomiċi tagħha billi tiżviluppa industrija innovattiva “favur il-klima”; għalhekk jitlob sabiex issir riflessjoni fi ħdan id-WTO sabiex jiġu stabbiliti miżuri temporanji li jiffavorixxu l-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti li huma favur il-klima u ta' teknoloġiji innovativi;

29.

Jitlob lill-kumitati u lid-delgazzjonijiet permanenti u temporanji relevanti kollha tiegħu sabiex jaħdmu mill-qrib flimkien dwar il-bidla fil-klima, sabiex jiggarantixxu approċċ koerenti u koordinat fil-politiki kollha tiegħu, jiġifieri, dawk ambjentali, industrijali, għall-enerġija u t-trasport, għar-riċerka u l-iżvilupp u, b'mod partikolari, għall-kummerċ u l-politika għall-investiment, kif ukoll inizjattivi oħrajn fir-rigward tal-miri għall-bidla fil-klima; jitlob li l-kwistjonijiet dwar il-bidla fil-klima jitqajmu regolarment fil-livell tad-delegazzjoni interparlamentari u fil-kuntest tad-Djalogu Leġiżlattiv Tranżatlantiku;

30.

Jirrikonoxxi li l-kredibilità tan-negozjati ta' l-UE sserraħ fuq is-suċċess ta' l-isforzi ta' l-Ewropa għat-tnaqqis domestiċi u għall-iżvilupp u t-trasferiment ta' teknoloġiji baxxi fil-karbonju lil pajjiżi oħrajn; għalhekk jitlob l-adozzjoni ta' politiki u miżuri fil-livelli kollha, lokali, nazzjonali u dak Ewropew, li jiżguraw li sa l-2020 l-UE tikseb tnaqqis domestiku fl-emissjonijiet tal-gass b'effett serra ta' l-anqas ta' 30 % fuq il-livelli ta' l-1990, sakemm pajjiżi industrijalizzati oħrajn jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis simili fl-emissjonijiet u li pajjiżi li qed jiżviluppaw u li huma ekonomikament avvanzati jagħtu kontribut skond ir-responsabilitajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom; jirrikonoxxi l-obbligu aċċettat mill-UE — irrispettivament mill-konklużjoni ta' ftehima globali wara l-perjodu ta' wara l-2012 — li sa l-2020 tnaqqas il-gassijiet b'effett serra b'ta' l-anqas 20 % fuq il-livelli ta' l-1990; jiltob l-adozzjoni ta' politiki u miżuri li jappoġġjaw l-infiq ta' aktar fondi kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll dak Ewropew fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) u fl-innovazzjoni għat-tnaqqis ta' gassijiet b'effett serra (GHG);

31.

Jistieden lill-UE sabiex tuża s-saħħa u l-influwenza tagħha, bħala parteċipant ewlieni fl-arena internazzjonali u sħab mad-dinja li qed tiżviluppa, sabiex tintroduċi objettivi koerenti għall-bidla fil-klima fil-livell internazzjonali;

32.

Jenfasizza r-responsabilità storika ta' pajjiżi li fil-parti l-kbira tagħhom huma industrijalizzati bħala l-produtturi ewlenin ta' emissjonijiet ta' gass b'effett serra u għalhekk jistedinhom sabiex jagħmlu impenn akbar sabiex jevitaw u jillimitaw xenarji ta' diżastri naturali u inkwiet soċjali li jsegwi sakemm it-tisħin dinji ma' jiġix limitat;

33.

Jinnota l-inizjattiva li ħadet l-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti li ssejjaħ ħames laqgħat oħrajn ta'dawk li l-aktar jarmu emissjonijiet fid-dinja; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri konċernati sabiex jipparteċipaw bil-kundizzjoni li l-organizzaturi joffru proposti konkreti għal miri ta' tnaqqis fl-emissjonijiet fuq perjodu qasir li jkunu konsistenti mal-miri u l-objettivi tal-UNFCCC; jistieden lil dawk li l-aktar jarmu emissjonijiet fid-dinja sabiex jikkordinaw l-isforzi tagħhom ma' dawk tal-UNFCCC;

34.

Jinnota li l-Konferenza/Laqgħa tal-Partijiet imsemmija hawn fuq li se sseħħ f'Poznan ser issir fl-istess waqt tal-Kunsill Ewropew; jistieden lill-Kunsill sabiex jiskeda mill-ġdid il-Kunsill Ewropew sabiex ikun possibbli li l-Kapijiet ta' l-Istati u l-Kapijiet tal-Gvernijiet jattendu l-COP/MOP u sabiex jiżgura li l-COP/MOP tingħata attenzjoni sħiħa mill-gvernijiet;

35.

Jinsab konvint li biex l-objettivi msemmija hawn fuq jinkisbu hemm bżonn li tiġi involuta l-midja, li l-irwol tagħha jkun vitali fil-ħolqien ta' l-għarfien meħtieġ tal-massa dwar il-bidliet fil-klima li ser iseħħu fuq perjodu qasir u medju;

36.

Jemmen, bi qbil ma' dak li ġie diskuss fil-Konferenza ta'Bali ma' rappreżentanti parlamentari minn madwar id-dinja kollha, li l-Parlament jista' u għandu jkollu rwol importanti bħala kordinatur ta' forum interparlamentari permanenti dwar il-bidla fil-klima; għalhekk jitlob lill-entitajiet relevanti tiegħu sabiex jikkunsidraw din il-possibilità;

37.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni ta' Qafas tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC), bit-talba li din tiġi ċċirkulata mal-partijiet kollha involuti li m'humiex relatati ma' l-UE u ma' l-osservaturi tal-Konvenzjoni assoċjati magħhom.


(1)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0537.