17.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 79/19


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6346 – APMT/Bolloré/Congo Terminal)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 79/06

1.

Fid-9 ta’ Marzu 2012 il–Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi APM Terminals B.V.(“APMT”), sussidjarja kkontrollata kollha kemm hija minn A.P. Møller-Mærsk A/S (“APMM”, il-Pajjiżi l-Baxxi), u “Bolloré Africa Logistics”, fl-aħħar mill-aħħar ikkontrollati minn Bolloré SA (“Bolloré”, Franza), jakkwistaw skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt tal-impriża Congo Terminal SA (ir-Repubblika tal-Kongo) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal APMT: sussidjarja ta' APMM, li tiżviluppa u topera terminals tal-kontejners u attivitajiet relatati madwar id-dinja, trasport tal-kontejners bil-baħar, trasportazzjoni fuq l-art u loġistika, irmunkar fil-portijiet, tankers, esplorazzjoni u produzzjoni taż-żejt u tal-gass, trasport bl-imnut kif ukoll bl-ajru,

għal Bolloré: twettiq ta' servizzi u ta' attivitajiet ta' konsulenza; servizzi ta' twassil ta' merkanzija u servizzi loġistiċi; servizzi ta' kera u ta' ġarr ta' merkanzija kbira fuq il-baħar, fuq ix-xmajjar, fuq l-art u fl-ajru; Attività ta' trasport u attivitajiet anċillari, u servizzi ta' amministrazzjoni u ħażna; akkwist ta' ishma f'kumpaniji jew f’impriżi,

għal Congo Terminal: ġestjoni tat-terminal tal-kontejners fil-port ta' Pointe Noire, Congo-Brazzaville, li tinkludi bażi ta' loġistika li tinsab viċin il-port ta' Pointe Noire.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6346 – APMT/Bolloré/Congo Terminal, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).