13.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 238/29


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2011 — Schwenk Zement vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-306/11)

2011/C 238/51

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Schwenk Zement KG (Ulm, il-Ġermanja) (rappreżentant: M. Raible, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 2367 finali, tat-30 ta’ Marzu 2011 (Każ COMP/39520 — siment u prodotti relatati);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti, hekk kif stabbilit mill-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali,.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv: il-forma sproporzjonata tad-deċiżjoni

Id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità għaliex id-deċiżjoni tirrappreżenta l-ewwel miżura diretta ta‘ investigazzjoni kontra r-rikorrenti u r-rikorrenti kienet lesta li tipprovdi informazzjoni.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 ma jistabbilixxi l-ebda relazzjoni ġerarkika bejn sempliċi talba għall-informazzjoni u deċiżjoni sabiex tipprovdi informazzjoni. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li l-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-għażla tal-miżuri istruttorji.

Talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003 meta mqabbla ma deċiżjoni sabiex tipprovdi informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 huwa mezz inqas aħrax u għall-kumpannija li lesta li tipprovdi informazzjoni dan huwa wkoll mezz effiċjenti.

(2)

It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003

Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-bażi legali tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

Il-Kummissjoni ma ssemmi l-ebda ksur speċifiku u l-informazzjoni mitluba fit-talba għal informazzjoni ma hijiex relatata mal-allegat ksur.

Għalhekk, it-talba għal informazzjoni ma kinitx meħtieġa għall-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni. L-informazzjoni mitluba ma tipprovdix il-prova ta’ ksur tad-dritt tal-kartell.

(3)

It-tielet motiv: it-terminu sproporzjonat

It-terminu ta’ ġimgħatejn sabiex ir-rikorrenti twieġeb il-mistoqsija 11 ma kienx suffiċjenti.

Il-Kummissjoni qassret minn xahrejn għal ġimagħtejn, it-terminu għat-tweġiba għall-mistoqsija 11 tad-deċiżjoni kkontestata, meta mqabbel mal-abbozz tad-deċiżjoni.

Tweġiba fit-terminu stabbilit ta’ ġimgħatejn kien impossibbli. Madankollu, estensjoni tat-terminu ġie rrifjutat kategorikament mill-Kummissjoni.

Terminu itwal kien imperattiv minħabba l-portata tal-informazzjoni meħtieġa, id-diffikultà tal-ġbir ta’ informazzjoni kif ukoll is-sitwazzjoni individwali tar-rikorrenti.

(4)

Ir-raba’ motiv: ġustifikazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata

Id-deċiżjoni kkontestata ma kinitx iġġustifikata kif jixraq.

Id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax l-allegat ksur tar-rikorrenti. Lanqas ma turi b’liema mod il-fatti kkontestati allegati huma marbuta mal-informazzjoni mitluba.

Lanqas ma hemm indikata ġustifikazzjoni adegwata għat-terminu totali kif ukoll għat-tqassir tat-terminu tal-abbozz tad-deċiżjoni, minn xahrejn għal ġimgħatejn, sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsija 11.

(5)

Il-ħames motiv: ksur tad-dritt tar-rikorrenti

Minħabba restrizzjonijiet ta’ żmien stabbiliti mill-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet għal-libertà ta’ awtoinkriminazzjoni tar-rikorrenti ma humiex protetti.