2.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 221/2


Avviż ta' informazzjoni dwar it-terminazzjoni tad-démarches fir-rigward ta' pajjiż terz li fl-1 ta' Ottubru 2015 kien ġie nnotifikat bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

(2019/C 221/02)

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Kummissjoni”) temmet id-démarches li kienet bdiet fir-rigward tat-Tajwan (1) fl-1 ta' Ottubru 2015 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2015/C 324/10 (2) dwar in-notifika lit-Tajwan dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż (3) terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (4) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament dwar is-sajd IUU”).

1.   Il-qafas legali

Skont l-Artikolu 32 tar-Regolament dwar is-sajd IUU, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiżi terzi bil-possibbiltà li jiġu identifikati bħala pajjiżi li ma jikkooperawx. It-tali notifika hija waħda preliminari u tissejjes fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 31 tar-Regolament dwar is-sajd IUU.

Il-Kummissjoni għandha tieħu d-démarches kollha stipulati fl-Artikolu 32 fir-rigward ta' dawk il-pajjiżi. B'mod partikulari, fin-notifika l-Kummissjoni għandha tinkludi l-informazzjoni dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom tissejjes din l-identifikazzjoni u tagħti l-opportunità lil dawk il-pajjiżi jwieġbu u jipprovdu provi li jirribattu l-identifikazzjoni jew, fejn ikun xieraq, pjan ta' azzjoni biex itejbu u jirranġaw is-sitwazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tagħti biżżejjed żmien lill-pajjiżi terzi kkonċernati biex iwieġbu n-notifika u tagħtihom perjodu raġonevoli taż-żmien biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni.

2.   Il-proċedura

Fl-1 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni Ewropea nnotifikat lit-Tajwan bil-possibbiltà li jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “is-sajd IUU”).

Il-Kummissjoni saħqet li, sabiex ma jiġix identifikat bħala pajjiż li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU, it-Tajwan kien mistieden jikkoopera mal-Kummissjoni abbażi ta' proposta ta' pjan ta' azzjoni biex jitranġaw in-nuqqasijiet identifikati.

Il-Kummissjoni bdiet proċess ta' djalogu mat-Tajwan. Dan il-pajjiż ippreżenta kummenti orali u bil-miktub li l-Kummissjoni eżaminat u qieset. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset li kienet meħtieġa.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li t-Tajwan daħħal il-miżuri meħtieġa biex jieqfu u jiġu evitati l-attivitajiet tas-sajd IUU li kienu wasslu għan-notifika dwar il-possibbiltà li dan il-pajjiż jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

3.   Konklużjoni

F'dawn iċ-ċirkustanzi u wara li eżaminat il-kunsiderazzjonijiet imsemmijin hawn fuq, il-Kummissjoni b'dan qed ittemm id-démarches li kienet bdiet fil-konfront tat-Tajwan skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament dwar is-sajd IUU f'dak li għandu x'jaqsam mal-qadi ta' dmirijietu skont il-liġi internazzjonali bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, u mal-azzjonijiet tiegħu biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU. Il-Kummissjoni għarrfet b'mod uffiċjali lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti b'dan.

It-terminazzjoni tad-démarches imsemmija hawn fuq ma tipprekludix lill-Kummissjoni jew lill-Kunsill milli jieħdu passi sussegwenti fil-ġejjieni, f'każ li l-elementi fattwali juru li l-pajjiż ma jkunx qed jaqdi dmirijietu skont il-liġi internazzjonali u b'hekk ma jkunx qed jieħu azzjoni biex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.


(1)  It-territorju doganali separat tat-Tajwan, Penghu, Kinmen u Matsu (it-Tajpei Ċiniża).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar notifika lil pajjiż terz dwar il-possibbiltà li dan jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (ĠU C 324, 2.10.2015, p. 17).

(3)  F'dak li għandu x'jaqsam mal-entità tas-sajd tat-Tajwan, it-termini “Stat” u “pajjiż” qed jintużaw biss fil-kuntest tar-Regolament dwar is-sajd IUU.

(4)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.