11.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 165/100


Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2011
Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Applikazzjoni EGF/2011/005 PT/Norte-Centro Automotive - il-Portugall

P7_TA(2011)0523

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/005 PT/Norte-Centro Automotive mill-Portugall) (COM(2011)0664 – C7-0334/2011 – 2011/2262(BUD))

2013/C 165 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0664 – C7-0334/2011),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra l-proċedura tat-trilogu kif prevista fil-punt 28 tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0395/2011),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jipprovdu appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin u biex jiġu megħjuna jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-ambitu tal-FEG twessa’ għall-applikazzjonijiet imressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi appoġġ għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat dirett tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali,

C.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista’ jkun malajr u b’mod effiċjenti, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

D.

billi l-Portugall talab għajnuna fir-rigward ta’ każ li jikkonċerna 726 sensja, li kollha għandhom jingħataw l-għajnuna, fi tliet intrapriżi li joperaw fid-Diviżjoni 29 tan-NACE Reviżjoni 2 (‧Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers‧) fir-reġjun NUTS II ta' Norte (PT11) u Centro (PT16) fil-Portugall,

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza f'dan is-sens il-proċedura mtejba li ddaħħlet fis-seħħ mill-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni tal-FEG tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jittama li jsir aktar titjib fil-proċedura fil-qafas tar-rieżamijiet li se jsiru dalwaqt tal-FEG u li jintlaħaq livell akbar ta' effiċjenza u trasparenza tal-FEG;

2.

Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura mgħaġġla u bla xkiel għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex jiġi pprovdut appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien immirat biex jgħin lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b’riżultat tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja u ekonomika; jenfasizza r-rwol li jista' jkollu l-FEG fir-reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, b'mod partikulari l-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u l-anqas ikkwalifikati;

3.

Jenfasizza li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġa r-reintegrazzjoni fix-xogħol tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; barra dan jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri għas-suq tax-xogħol attivi li jwasslu għal impjiegi fit-tul; itenni li l-għajnuna mill-FEG m'għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri ta' ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi;

4.

Jinnota li l-informazzjoni pprovduta dwar il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-kompatibiltà u l-komplementarjetà ma' azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta’ din id-data anki fir-rapporti annwali tagħha;

5.

Jinnota l-fatt li wara t-talbiet ripetuti mill-Parlament, għall-ewwel darba l-baġit 2011 juri approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet ta' EUR 47 608 950 fil-linja baġitarja 04 05 01 tal-FEG; ifakkar li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku separat bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu stess u li għalhekk ħaqqu allokazzjoni apposta, u dan jevita li jkun trasferimenti minn linji baġitarji oħra, bħalma sar fil-passat, li jistgħu jkunu detrimentali għall-ilħuq tad-diversi objettivi politiċi;

6.

Jilqa' t-tisħiħ previst tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet fil-linja baġitarja tal-FEG li jintalbu permezz tat-Trasferiment Globali u li jintużaw biex ikopru l-ammont ta' EUR 1 518 465 meħtieġa għall-applikazzjoni attwali;

7.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


Il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2011
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2011/005 PT/Norte-Centro Automotive mill-Portugall)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2012/4/UE.)