24.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 58/11


Azzjoni mressqa fit-22 ta' Diċembru 2010 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra n-Norveġja

(Każ E-18/10)

2011/C 58/05

Fit-22 ta' Diċembru 2010 ttieħdet azzjoni fil-Qorti tal-EFTA kontra n-Norveġja mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Xavier Lewis u Ólafur Jóhannes Einarsson, li qegħdin jaġixxu ta' Aġenti tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, 35, rue Belliard, 1040 Brussell, Belgium.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA talbet lill-Qorti tal-EFTA tiddikjara li:

(1)

Peress li naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA fil-Każ E-2/07 l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA v ir-Renju tan-Norveġja, ir-Renju tan-Norveġja naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 33 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja.

(2)

Ir-Renju tan-Norveġja għandu jħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċedimenti.

Sfond legali u fattwali u eċċezzjonijiet legali miġjuba bħala sostenn:

L-applikazzjoni tindirizza n-nuqqas tan-Norveġja milli tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat-30 ta’ Ottubru 2007 fil-każ E-2/07 sakemm din ma adottatx miżuri xierqa minn dakinhar li ngħatat is-sentenza sabiex tiżgura l-ħlas ġust tal-pensjonijiet ikkalkolati għal dawk kollha li sofrew bħala riżultat tal-ksur min-naħa tan-Norveġja kif iddikjarat fis-sentenza.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li l-awtoritajiet tan-Norveġja qatt ma ċaħdu jew qajmu dubju dwar l-obbligu li jkun provdut rimedju għal dawk li ġew miċħuda mid-drittijiet tagħhom b’mod illegali mill-1 ta’ Jannar 1994 ’l quddiem kif instab mill-Qorti tal-EFTA.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li n-Norveġja damet wisq biex tikkonforma mas-sentenza tat-30 ta’ Ottubru 2007. Filwaqt li r-rimedju ta’ xi wħud mill-każijiet jew anki ta’ ħafna minnhom jista’ jkun ikkumplikat u jeħtieġ eżaminazzjoni bir-reqqa, huwa ċar li l-awtoritajiet tan-Norveġja ma ħadux il-passi meħtieġa u ma allokawx ir-riżorsi xierqa biex jiżguraw li tinkiseb konformità mas-sentenza fl-iqsar żmien possibbli.