Opinion of the Advocate-General

Opinion of the Advocate-General

I – Introduzzjoni

1. F’dawn il-kawżi magħquda, imsieħba soċjali kienu, inizjalment, innegozjaw diversi ftehim kollettiv sabiex jistabbilixxu skema ta’ sigurtà soċjali komplementari b’mod partikolari għall-finijiet li tittieħed responsabbiltà għall-ispejjeż tas-saħħa u stabbilixxew, f’dan il-ftehim, operatur fl-assigurazzjonijiet uniku mingħajr ma adottaw proċedura ta’ sejħa għal offerti. Sussegwentement, is-sħubija f’dawn l-iskemi kienet saret obbligatorja għall-impjegati u l-persuni li jimpjegaw kollha fil-qasam ikkonċernat mill-awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ estensjoni.

2. Il-kwistjoni ġuridika ewlenija li tqum minn dawn il-kwistjonijiet hija jekk il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnu, li żviluppat il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fil-qasam tal-konċessjonijiet ta’ servizzi, tapplikax mutatis mutandis għall-proċedura ta’ estensjoni deskritta iktar ’il fuq.

3. Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqin mill-Conseil d’État (Franza), joriġinaw f’rikorsi fejn, minn naħa, l-Union des syndicats de l’immobilier (UNIS) (iktar ’il quddiem l-“UNIS”), fil-kawża C‑25/14, u, min-naħa l-oħra, Beaudout Père et Fils SARL (iktar ’il quddiem “Beaudout”), fil-kawża C‑26/14, qed jitolbu l-annullament ta’ żewġ digrieti tal-ministre du Travail, de l’Emploi et de la Santé (Ministru tax-Xogħol, tal-Impjiegi u tas-Saħħa) li kellhom bħala għan li ssir tali estensjoni tal-ftehim kollettiv. Dawn jirrigwardaw il-kwistjoni jekk obbligu eventwali ta’ trasparenza li joriġina mill-Artikolu 56 TFUE japplikax għal deċiżjoni ta’ estensjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, li biha jingħata dritt esklużiv (2) lil operatur ekonomiku. Għalhekk, dawn il-kawżi jaqgħu taħt il-ġurisprudenza tal-kawża li wasslet għas-sentenza AG2R Prévoyance (3), billi jinvolvu l-evalwazzjoni tal-istess skema, jiġifieri dik li kienet is-suġġett tal-Kawża C‑26/14, fid-dawl tal-libertajiet fundamentali, u partikolarment tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u mhux tar-regoli ta’ kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

II – Il-kuntest ġuridiku Franċiż

4. Fi Franza, l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa marbuta ma’ marda jew inċident sostnuti mill-impjegati huma parzjalment koperti taħt l-iskema bażika tas-sigurtà soċjali. Il-parti tal-ispejjeż li tibqa’ dovuta mill-assigurat tista’ tkun suġġetta għal rimbors parzjali fil-kuntest ta’ assigurazzjoni tas-saħħa supplimentari.

5. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Franċiż jinsabu fil-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali u fil-Kodiċi tax-Xogħol.

6. Bis-saħħa tal-Artikolu L. 911‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, il-garanziji kollettivi li jibbenefikaw minnhom il-ħaddiema impjegati jistgħu jiġu ddeterminati, b’mod partikolari, permezz ta’ kuntratti jew ftehim kollettivi, li d-dispożizzjonijiet tagħhom fil-prinċipju jorbtu biss lill-membri tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni li jimpjegaw u lil ħaddiema impjegati li jkunu nnegozjawhom u kkonkludewhom. L-Artikolu L. 911-3 tal-istess kodiċi jistabbilixxi li d-diversi ftehim jistgħu, madankollu, jiġu estiżi b’digriet tal-ministru kompetenti.

7. Skont l-Artikolu L. 912‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-24 ta’ Ġunju 2006 sal-25 ta’ Diċembru 2013, “meta l-ftehim professjonali jew interprofessjonali msemmijin fl-Artikolu L. 911‑1 jipprovdu għad-distribuzzjoni tar-riskji li huma jkopru permezz ta’ organizzazzjoni jew diversi organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 89‑1009 […] jew permezz ta’ istituzzjoni jew diversi istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu L. 370‑1 tal-kodiċi tal-assigurazzjoni, li għalihom jaderixxu b’mod obbligatorju l-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehim, dawn għandu jkollhom klawżola li tistabbilixxi taħt liema kundizzjonijiet u f’liema terminu il-modalitajiet tal-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tar-riskji jistgħu jiġu eżaminati mill-ġdid. Iż-żmien tar-rieżami ma jistax jeċċedi ħames snin” (4) .

8. Il-proċedura ta’ estensjoni ta’ kuntratt jew ftehim hija rregolata mill-Kodiċi tax-Xogħol, b’mod partikolari l-Artikoli L. 2261‑15, L. 2261‑19, L. 2261‑24, L. 2261‑25, L. 2261‑27 u D. 2261‑3 tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-ftehim ta’ qasam ta’ xogħol kif ukoll il-ftehim professjonali jew interprofessjonali konklużi f’kummissjoni konġunta, kif ukoll l-emendi u l-annessi tagħhom, jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikunu suġġetti għal estensjoni b’digriet tal-ministru kompetenti, bl-għan ikun li jsiru obbligatorji għall-ħaddiema impjegati u l-persuni li jimpjegaw kollha inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ikkonċernat. Il-Kummissjoni Nazzjonali dwar in-Negozjar Kollettiv għandha tiġi kkonsultata minn qabel u tkun tat opinjoni mmotivata favorevoli. Fil-każ ta’ oppożizzjoni mmotivata min-naħa ta’ mill-inqas żewġ organizzazzjonijiet ta’ persuni li jimpjegaw jew ta’ żewġ organizzazzjonijiet ta’ impjegati rrappreżentati f’din il-kummissjoni, il-ministru jista’ jikkonsultaha mill-ġdid b’mod speċifiku biex imbagħad jiddeċiedi fuq l-estensjoni fid-dawl tal-opinjoni l-ġdida.

9. L-Artikolu L. 2261‑1 tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:

“Il-ministru inkarigat mix-xogħol jista’ jeskludi mill-estensjoni, wara opinjoni motivata tal-Kummissjoni nazzjonali dwar il-ftehim kollettiv, il-klawżoli li jkunu kuntrarji għad-dispożizzjonijiet legali.

Huwa jista’ jeskludi wkoll il-klawżoli li jistgħu jitneħħew mill-kuntratt jew mill-ftehim mingħajr ma jiġi mmodifikat is-sinjifikat tagħhom, iżda li ma jirriflettux is-sitwazzjoni tal-qasam jew tal-oqsma fil-kamp ta’ applikazzjoni kkunsidrat.

[…]”

10. L-Artikolu D. 2261‑3 tal-Kodiċi tax-Xogħol jistabbilixxi:

“Meta jkun previst digriet ta’ estensjoni jew ta’ twessigħ, għandu jkun hemm qabel il-pubblikazzjoni ta’ opinjoni fil-Journal officiel de la République française. Din l-opinjoni tistieden lill-organizzazzjonijiet u lill-persuni kkonċernati biex jesprimu l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-digriet għandu jindika l-post fejn il-kuntratt jew il-ftehim ikun ġie ddepożitat u d-dipartiment fejn ikunu ġew ippreżentati l-osservazzjonijiet.

L-organizzazzjonijiet u l-persuni kkonċernati għandhom ħmistax-il jum żmien mill-pubblikazzjoni tal-opinjoni biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.”

11. L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 89‑1009, tal-31 ta’ Diċembru 1989, li jsaħħaħ il-garanziji offruti lill-persuni assigurati kontra ċerti riskji (5), jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu japplikaw għall-operazzjonijiet li għandhom bħala suġġett il-prevenzjoni u l-kopertura tar-riskju tal-mewt, tar-riskju għall-integrità fiżika tal-persuna jew marbuta mal-maternità jew riskji ta’ inkapaċità għax-xogħol jew ta’ invalidità jew riskju ta’ strajk. Jistgħu jimplementaw l-operazzjonijiet ta’ kopertura previsti fl-ewwel inċiż l-operaturi li ġejjin biss:

a) impriżi rregolati mill-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet;

b) istituzzjonijiet li jaqgħu taħt it-Titolu III tal-Ktieb VII tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali;

c) istituzzjonijiet li jaqgħu taħt it-Taqsima 4 tal-Kapitolu II tat-Titolu II tal-Ktieb VII tal-Kodiċi Rurali;

d) soċjetajiet mutwali li jaqgħu taħt il-Kodiċi tal-Mutwalità.”

III – Il-fatti, il-kawżi prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12. Għal dak li jirrigwarda l-Kawża C‑25/14, il-ftehim kollettiv nazzjonali tan-negozjanti tal-proprjetà immobbli kien ġie konkluż fid-9 ta’ Settembru 1988. Skema obbligatorja ta’ sigurtà soċjali li tkopri r-riskji tal-mewt, l-inkapaċità għax-xogħol u l-invalidità u skema obbligatorja ta’ rimbors tal-ispejjeż tas-saħħa kienu ġew stabbiliti bl-emenda Nru 48, tat-23 ta’ Novembru 2010, u l-emendi Nri 49 u 50, tas-17 ta’ Mejju 2011, f’dan il-ftehim kollettiv. L-Artikolu 17 ta’ din l-emenda Nru 48 jinnomina, għal perijodu ta’ tliet snin, lill-Institution de prévoyance du groupe Mornay bħala l-uniku operatur fl-assigurazzjonijiet tal-garanziji ta’ dan iż-żewġ skemi.

13. Bid-digriet tat-13 ta’ Lulju 2011, il-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tas-Saħħa għamel l-imsemmija emendi Nri 48 sa 50 obbligatorji għall-ħaddiema impjegati u l-persuni li jimpjegaw kollha fil-qasam tal-attività kkonċernata.

14. F’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑26/14, il-ftehim kollettiv nazzjonali tal-furnara-dolċiera (impriżi artiġjanali) kien ġie konkluż fid-19 ta’ Marzu 1976. Kienet ġiet stabbilita skema ta’ rimbors komplementari tal-ispejjeż għall-kura tas-saħħa għall-benefiċċju tal-impjegati ta’ dan il-qasam bl-emenda Nru 83, tal-24 ta’ April 2006, għal dak il-ftehim, fuq il-bażi ta’ distribuzzjoni tar-riskji koperti u s-sħubija obbligatorja tal-persuni li jimpjegaw. B’din l-istess emenda, l-istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali AG2R Prévoyance (iktar ’il quddiem l-“AG2R”) kienet ġiet innominata bħala l-uniku operatur li għandu l-ġestjoni ta’ din l-iskema. Permezz tal-Artikolu 6 tal-emenda Nru 100, tas-27 ta’ Mejju 2011, l-AG2R ġiet innominata mill-ġdid, għal perijodu ta’ ħames snin, bħala operatur fl-assigurazzjonijiet ta’ dik l-iskema.

15. B’digriet tat-23 ta’ Diċembru 2011, il-Ministru tax-Xogħol, tal-Impjieg u tas-Saħħa kien għamel l-imsemmija emenda Nru 100 obbligatorja għall-impjegati u għall-persuni li jimpjegaw kollha fil-qasam tal-attività kkonċernata.

16. Permezz ta’ rikorsi ppreżentati, rispettivament, fit-23 ta’ Settembru 2011 u fl-24 ta’ Frar 2012, quddiem il-Conseil d’État, l-UNIS u Beaudout talbu l-annullament, rispettivament, tad-digrieti ministerjali ta’ estensjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 u tat-23 ta’ Diċembru 2011.

17. Fost aggravji oħrajn, l-UNIS u Beaudout sostnew li n-nomina ta’ operaturi fl-assigurazzjonijiet ta’ skemi ta’ protezzjoni soċjali komplementari inkwistjoni kienet saret bi ksur tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, l-UNIS u Beaudout ibbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq is-sentenza Sporting Exchange (6), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkwalifikat l-imsemmi obbligu ta’ trasparenza bħala li jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari obbligatorja tad-dritt ta’ Stat Membru li operatur jingħata d-dritt esklużiv li jwettaq attività ekonomika, ikun xi jkun il-metodu ta’ għażla ta’ dan l-operatur.

18. Skont il-qorti tar-rinviju, l-Institution de prévoyance du groupe Mornay u l-AG2R, għalkemm ma għandhomx għan ta’ profitt u jaħdmu fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà, għandhom jitqiesu li huma impriżi li jwettqu attività ekonomika, li ntgħażlu mill-imsieħba soċjali fost impriżi oħrajn li magħhom qegħdin f’kompetizzjoni fis-suq tas-servizzi ta’ sigurtà soċjali offruti minnhom.

19. Il-qorti tar-rinviju tqis li r-risposta għall-motivi bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ trasparenza tiddependi fuq jekk l-osservanza ta’ dan l-obbligu hijiex kundizzjoni preliminari obbligatorja għal estensjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali u li din il-kwistjoni hija determinanti għas-soluzzjoni tat-tilwim li hija għandha tiddeċiedi.

20. Billi kellu dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, il-Conseil d’État, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat-30 ta’ Diċembru 2013, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri fil-kawżi prinċipali u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari magħmula f’termini identiċi f’dawn iż-żewġ kawżi:

“L-osservanza tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija kundizzjoni minn qabel obbligatorja għall-estensjoni, minn Stat Membru, fil-konfront tal-impriżi kollha ta’ fergħa, ta’ ftehim kollettiv li jagħti lil operatur uniku, magħżul mill-imsieħba soċjali, il-ġestjoni ta’ sistema ta’ previdenza kumplementari obbligatorja stabbilita favur l-impjegati?”

21. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-UNIS, Beaudout, mis-Syndicat national des résidences de tourisme (iktar ’il quddiem is-“SNRT”) et , mill-Confédération nationale de la boulangerie et boulangerie‑pâtisserie française, mill-Fédération générale agroalimentaire FGA – CFDT et , mill-Gvern Franċiż u dak Belġjan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea, li kollha kienu rrappreżentati fis-seduta li saret fit-22 ta’ Jannar 2015.

IV – Analiżi

A – Osservazzjonijiet preliminari

22. Qabel kollox, nippreċiża li d-domanda tal-Conseil d’État tirrigwarda l-proċedura li biha Stat Membru jestendi ftehim kollettiv, li tinkludi n-nomina ta’ operatur fl-assigurazzjonijiet uniku, għall-impriżi kollha ta’ qasam, u mhux l-għażla ta’ dan l-operatur mill-imsieħba soċjali. Madankollu, jidhirli li huwa evidenti li ma tistax tiġi injorata, fl-analiżi tal-konformità tad-deċiżjonijiet inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-proċedura segwita mill-imsieħba soċjali, li hija prerekwiżit tagħha billi, fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ estensjoni, il-ministru kompetenti ma jistax jagħżel operatur ta’ sigurtà soċjali differenti minn dak magħżul mill-imsieħba soċjali.

23. Ċerti partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub enfasizzaw l-importanza tal-libertà kuntrattwali u tad-dritt ta’ negozjar kollettiv. Huwa veru li d-dritt tan-negozjar kollettiv huwa rrikonoxxut kemm mid-dispożizzjonijiet ta’ strumenti internazzjonali differenti li kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom l-Istati Membri kif ukoll minn dawk ta’ strumenti elaborati mill-imsemmija Stati Membri fuq livell Komunitarju jew fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea, bħall-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li lilu l-Artikolu 6 TUE jagħti l-istess valur ġuridiku bħal dak irrikonoxxut mit-Trattati (7) .

24. L-eżerċizzju tad-dritt fundamentali ta’ negozjar kollettiv għandu madankollu jiġi rrikonċiljat mar-rekwiżiti li jirriżultaw mil-libertajiet protetti mit-Trattat FUE u jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (8) .

25. Għalhekk, il-klawżoli ta’ ftehim kollettiv ma joħorġux mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-persuni. Id-drittijiet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital għandhom jitpoġġew f’bilanċ mal-għanijiet li ssegwi l-politika soċjali (9) .

26. Bħala t-tieni punt preliminari, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni Franċiża kienet ġiet emendata wara li kienu tressqu dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

27. Fil-fatt, bid-deċiżjoni tat-13 ta’ Ġunju 2013 (10), il-Conseil constitutionnel Franċiż, adit b’talba għall-istħarriġ tal-konformità mal-Kostituzzjoni Franċiża tad-dispożizzjonijiet ta’ liġi msejħa “liġi dwar is-sigurtà tal-impjieg” (11), iddikjara li ma humiex konformi mal-Kostituzzjoni d-dispożizzjonijiet tal-ewwel u tat-tieni inċiż tal-Artikolu L. 912‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali, dwar is-sħubija obbligatorja tal-impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċertu ftehim ma’ skema ta’ rimbors komplementari ta’ spejjeż ta’ kura tas-saħħa amministrata minn operatur innominat.

28. Skont id-deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel, id-dikjarazzjoni tal-inkostituzzjonalità tal-imsemmi Artikolu L. 912‑1 ġiet fis-seħħ mill-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, jiġifieri fis-16 ta’ Ġunju 2013, iżda ma tapplikax għall-kuntratti stipulati fuq dik il-bażi li kienu fis-seħħ waqt din il-pubblikazzjoni.

29. Sussegwentement, l-Artikolu L. 912‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali kien ġie emendat bil-liġi Nru 2013‑1203, tat-23 ta’ Diċembru 2013 (12), fis-sens li issa jistabbilixxi li l-ftehim professjonali jista’ jorganizza l-kopertura ta’ riskji kkonċernati bir-rakkomandazzjoni ta’ operatur wieħed jew iżjed awtorizzati biex jintervjenu bħala operaturi fl-assigurazzjoni. Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu L. 912‑1, “din ir-rakkomandazzjoni għandha tiġi ppreċeduta minn proċedura ta’ sejħa għal offerti tal-operaturi jew istituzzjonijiet ikkonċernati, f’kundizzjonijiet ta’ trasparenza, ta’ imparzjalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament fost il-kandidati u skont il-modalitajiet stabbiliti bid-digriet” (13) .

30. Madankollu, għandhom jiġu analizzati dawn id-domandi preliminari fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli qabel din l-emenda.

31. Se nibda l-analiżi tiegħi billi nivverifika r-rilevanza tal-Artikolu 56 TFUE għall-finijiet tal-kawżi prinċipali. Fit-tieni lok, biex jiġi evalwat jekk ir-rekwiżiti ta’ trasparenza li, skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżultaw mill-Artikolu 56 TFUE għandhomx jiġu osservati f’dan il-każ, irid jiġi eżaminat jekk il-ġestjoni ta’ dawk l-iskemi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhiex interess transkonfinali ċert u tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi. Jiena ser nagħlaq l-analiżi tiegħi billi neżamina jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, żviluppata essenzjalment mill-ġurisprudenza dwar kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi u dwar l-obbligu ta’ trasparenza, tistax tiġi trasposta għaċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-kawżi prinċipali. Fl-aħħar nett, ikun fadal li nesprimi ruħi dwar it-talba ta’ limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza eventwali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

B – Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 56 TFUE f’dan il-każ

32. Qabel kollox, għandu jiġi ddeterminat jekk il-kawżi prinċipali effettivament jirrigwardawx il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Matul is-seduta, is-SNRT u l-Confédération nationale de la boulangerie et boulangerie‑pâtisserie française allegaw li huma biss l-istituzzjonijiet li kisbu l-approvazzjoni tal-Istat Franċiż u li huma stabbiliti fi Franza li jistgħu jkunu operaturi fil-qasam tal-protezzjoni soċjali (14) .

33. Nemmen li huwa utli li nfakkar f’dan ir-rigward li l-iskemi ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali setgħu jiġu amministrati, barra minn istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali, minn impriżi rregolati mil-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet.

34. Wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 92/49 (15), direttiva tat-tielet ġenerazzjoni dwar l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja, l-aċċess għall-attività ta’ assigurazzjonijiet u l-eżerċizzju tagħha huma suġġetti għall-għoti ta’ approvazzjoni amministrattiva unika, mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn l-impriża tal-assigurazzjoniiet għandha s-sede soċjali tagħha. Din l-approvazzjoni tippermetti lill-impriża biex twettaq l-attivitajiet tagħha ġewwa l-Unjoni kollha, kemm taħt is-sistema tal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu L362‑2 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet, kull impriża ta’ assigurazzjonijiet Komunitarja stabbilita fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Franċiża tista’ tkopri jew tieħu fit-territorju Franċiż, bil-libertà li jiġu pprovduti servizzi minn meta tiġi stabbilita, riskji jew impenji skont l-approvazzjonijiet li jkunu ngħatawlha mill-awtoritajiet ta’ kontroll tal-Istat ta’ oriġini tagħha.

35. L-iskemi ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma skemi komplementari għas-sigurtà soċjali, b’tali mod li dawn ma jifformawx parti mill-iskema legali tas-sigurtà soċjali. Madankollu, għandu jingħad li mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju jirriżulta li anki jekk id-Direttiva 92/49 fil-prinċipju ma tirrigwardax l-assigurazzjonijiet inklużi f’sistema legali ta’ sigurtà soċjali, dik id-direttiva tapplika għall-kumpanniji tal-assigurazzjoni fi skema legali ta’ sigurtà soċjali pprattikata minn impriżi tal-assigurazzjoni b’riskji tagħhom stess (16) .

36. Għalhekk, fid-dawl tad-direttiva msemmija, tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, jidhirli li l-impriżi tal-assigurazzjoni, li huma stabbiliti fi Stati Membri oħrajn u li kisbu approvazzjoni f’dawk l-Istati Membri, għandhom ikunu jistgħu jipproponu s-servizzi tagħhom fi Franza taħt is-sistema tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni ta’ skema komplementari tal-ispejjeż tal-kura għas-saħħa bħal dawk li hemm inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

37. Madankollu, għandu jingħad li, għalkemm l-offerta transkonfinali ta’ dawn is-servizzi ma kinitx possibbli, il-kwistjoni tal-implikazzjonijiet tal-obbligu ta’ trasparenza fil-kuntest tal-għażla tal-operatur fl-assigurazzjonijiet, fi kwalunkwe każ, baqgħet rilevanti f’dak li jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment.

38. Fl-aħħar nett, ninnota li, meta tirreferi għall-Artikolu 56 TFUE, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-għoti tad-drittijiet esklużivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li din ir-restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata. Billi d-domanda preliminari ma tirrigwardax l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali restrizzjoni jew il-ġustifikazzjoni tagħha u billi l-eżistenza ta’ tali restrizzjoni jew il-ġustifikazzjoni tagħha lanqas ma ġiet ikkontestata, minix ser niddiskuti din il-kwistjoni ulterjorment.

39. Qabel ma tiġi eżaminata f’iktar dettall l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-parametri tal-obbligu ta’ trasparenza kif ukoll il-kwistjoni jekk din l-interpretazzjoni hijiex trasponibbli għaċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzaw il-kawżi prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk l-attività inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhiex interess transkonfinali, liema ħaġa hija, fuq kollox, kundizzjoni preliminari għall-applikazzjoni tal-obbligu ta’ trasparenza, kif żviluppata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

C – Dwar l-interess transkonfinali ċert tal-ġestjoni ta’ skema ta’ sigurtà soċjali komplementari bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali

40. Qabel kollox nosserva li l-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment għall-kunċett ta’ “interess transkonfinali ċert” fid-domandi għal deċiżjoni preliminari. Skont l-affermazzjonijiet tal-UNIS u ta’ Beaudout matul is-seduta, il-kwistjoni rigward dan l-interess lanqas ma ġiet diskussa espressament quddiem dik il-qorti. Madankollu, in-nuqqas ta’ konstatazzjonijiet minn qabel mill-qorti tar-rinviju dwar l-eżistenza ta’ interess eventwali transkonfinali ċert ma jfissirx li t-talba hija inammissibbli jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fid-dawl tal-elementi tal-proċess, li hija f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Minkejja dan, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tingħata biss bil-kundizzjoni li interess transkonfinali ċert fil-kawża prinċipali jkun jista’, abbażi ta’ kunsiderazzjoni ddettaljata tal-elementi kollha rilevanti dwar il-kawża prinċipali, jiġi kkonstatat mill-qorti tar-rinviju (17) .

41. Jidhirli li d-domanda preliminari qed issir mill-premessa li l-ġestjoni tal-iskemi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom interess transkonfinali ċert. Għalhekk, nikkunsidra li l-kwistjoni għandha tiġi eżaminata.

42. L-opinjonijiet tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub differenti fuq il-punt jekk l-attività ta’ ġestjoni ta’ skema ta’ sigurtà soċjali komplementari, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, iqajmu interess transkonfinali ċert.

43. Skont Beaudout u l-Kummissjoni, il-ġestjoni ta’ dawn l-iskemi fiha interess transkonfinali. Il-Kummissjoni ssostni li impriża ta’ Stat Membru ieħor tista’ tipproponi servizz bħal dak mingħajr ma tiltaqa’ ma’ diffikultà partikolari. Beaudout tirreferi wkoll, fil-Kawża C‑26/14, għall-valur tal-kuntratt ta’ ġestjoni kkonċernat, li hija tivvaluta f’EUR 70 miljun (18) .

44. Iżda, il-partijiet l-oħrajn li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Franċiż, isostnu li dan it-tip ta’ kuntratt ma jinteressax lil operatur ekonomiku li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor. Fost ir-raġunijiet imsemmija f’dan ir-rigward hemm il-karatteristiċi ekonomiċi tas-swieq tal-assigurazzjoni (19) kif ukoll ir-relazzjonijiet mill-qrib li għandu jkun hemm mal-amministrazzjoni tas-sigurtà soċjali kif ukoll mal-persuni li jimpjegaw u l-impjegati kkonċernati. Barra minn hekk, ir-rabtiet li l-istituzzjoni ta’ sigurtà soċjali tagħżel li jkollha mal-imsieħba soċjali, li jiżguraw il-kontroll b’mod konġunt, ikunu tali li l-ebda entità stabbilita fi Stat Membru ieħor ma tkun tista’ tissostitwixxi ruħha għal istituzzjoni bħal dik.

45. L-eżistenza ta’ interess transkonfinali ġiet eżaminata fil-ġurisprudenza li tirrigwarda l-kuntratti pubbliċi li, fid-dawl tal-valuri tagħhom, ma humiex suġġetti għall-proċeduri previsti mid-direttivi applikabbli fil-qasam u fil-ġurisprudenza dwar il-kuntratti tal-għoti ta’ servizzi.

46. Għalhekk, fis-sentenza SECAP u Santorso (20), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-eżistenza tal-interess transkonfinali ta’ kuntratt partikolari għandu jiġi evalwat b’relazzjoni mal-karatteristiċi tiegħu stess. Kuntratt ta’ xogħlijiet jista’, pereżempju, ikollu dan l-interess transkonfinali minħabba l-valur stmat tiegħu, flimkien mat-teknikalità tiegħu jew mal-post fejn isiru x-xogħlijiet li jkun ta’ natura li jiġbed l-interess ta’ operaturi barranin. Kriterji oġġettivi li jindikaw ir-realtà ta’ interess transkonfinali ċert jistgħu jkunu, b’mod partikolari, l-ammont ta’ ċertu importanza tal-kuntratt inkwistjoni, flimkien mal-post ta’ eżekuzzjoni tax-xogħlijiet. Huwa possibbli wkoll li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ dan l-interess fil-każ, pereżempju, ta’ interess ekonomiku żgħir ħafna tal-kuntratt inkwistjoni.

47. Mis-sentenza Belgacom (21) jirriżulta li interess transkonfinali ċert jista’ jirriżulta, b’mod partikolari, mill-importanza ekonomika tal-ftehim li qed jiġi previst li jiġi konkluż, mill-post tal-eżekuzzjoni tiegħu jew mill-karatteristiċi tekniċi tiegħu, u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel evalwazzjoni ddettaljata tal-elementi kollha rilevanti f’dan ir-rigward.

48. Jeżisti interess transkonfinali ċert mingħajr ma jkun meħtieġ li operatur ekonomiku jkun effettivament wera l-interess tiegħu. Dan japplika speċjalment meta l-kwistjoni tirrigwarda n-nuqqas ta’ trasparenza madwar il-ftehim inkwistjoni. Fil-fatt, f’każ bħal dak, l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn ma jkollhomx possibbiltà reali li juru l-interess tagħhom li jiksbu dik il-konċessjoni (22) .

49. Għal dak li jirrigwarda l-interess ekonomiku tal-attivitajiet inkwistjoni, jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż li l-iskema tal-ftehim kollettiv nazzjonali tal-furnara-dolċiera (impriżi artiġjanali) tkopri 117 476 impjegati fil-qasam (23) . Fir-rigward tal-ftehim kollettiv nazzjonali tan-negozjanti tal-proprjetà immobbli, dan jiggarantixxi lill-142 800 impjegat tal-qasam servizzi usa’ mill-ftehim kollettiv nazzjonali tal-furnara-dolċiera (impriżi artiġjanali). Għalhekk, jidhirli li l-interess ekonomiku tal-ġestjoni ta’ dawn l-iskemi ma jistax jiġi deskritt bħala żgħir.

50. Bla dubju, ċerti karatteristiċi tal-qasam tas-sigurtà soċjali komplementari jistgħu jwasslu biex wieħed jaħseb li dan huwa suq essenzjalment nazzjonali (24) .

51. Madankollu, ma jidhirlix li huwa eskluż li l-ġestjoni ta’ skema ta’ sigurtà soċjali komplementari bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali turi interess transkonfinali ċert, b’mod partikolari fid-dawl tal-interessi ekonomiċi marbutin ma’ dawn l-iskemi. F’kull każ, il-ħtieġa ta’ preżenza lokali u l-ħtiġijiet lingwistiċi ma humiex ostakoli li ma jistgħux jingħelbu għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn, għall-inqas fl-Istati Membri ġirien (25) .

52. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel evalwazzjoni dettaljata tal-elementi kollha rilevanti dwar is-suq sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ interess transkonfinali ċert (26) .

53. Jekk jitqies li jeżisti interess transkonfinali ċert, ikollu jiġi eżaminat, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata elementi utli biex tiddeċiedi l-kawżi li għandha quddiemha, l-obbligu ta’ trasparenza kif żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-applikabbiltà tiegħu f’dan il-każ.

D – Fuq l-obbligu ta’ trasparenza skont il-ġurisprudenza dwar il-kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi

54. Is-sentenza Sporting Exchange, li għaliha jagħmlu riferiment kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet li għamlu osservazzjonijiet bil-miktub, qiegħda fil-linja ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi. Fis-sentenza Sporting Exchange, li ma kinitx tirrigwarda konċessjoni ta’ servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet il-ġurisprudenza tagħha dwar il-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi għall-għoti ta’ dritt esklużiv, fil-kunsiderazzjoni li l-obbligu ta’ trasparenza kien jidher bħala kundizzjoni preliminari obbligatorja tad-dritt ta’ Stat Membru li jagħti lil operatur id-dritt esklużiv li jeżerċita attività ekonomika, ikun xi jkun il-metodu ta’ għażla ta’ dan l-operatur (27) . Biex wieħed jifhem aħjar il-portata ta’ dan l-obbligu ta’ trasparenza fil-ġurisprudenza, hemm bżonn, għalhekk, li tiġi analizzata l-ġurisprudenza dwar il-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi.

55. Il-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi attwalment ma huma rregolati minn ebda direttiva li biha l-leġiżlatur tal-Unjoni rregola l-qasam tal-kuntratti pubbliċi (28) . Mandankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jikkonkludu dawn il-kuntratti huma obbligati li jirrispettaw ir-regoli fundamentali tat-Trattat FUE inġenerali, b’mod partikolari l-Artikolu 56 TFUE, u, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnha (29) .

56. Qabel kollox nosserva li l-obbligu ta’ trasparenza, kif żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konċessjonijiet ta’ servizzi, huwa obbligu li jorbot lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri li jikkonkludu kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi (30) . Dan l-obbligu ta’ trasparenza japplika għall każ fejn il-konċessjoni ta’ servizzi kkonċernata tista’ tinteressa lil impriża li tinsab fi Stat Membru li ma jkunx dak fejn ingħatat dik il-konċessjoni (31) .

57. Għal dak li jirrigwarda l-għanijiet tal-obbligu ta’ trasparenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE u l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, isegwu għanijiet identiċi għal dawk stabbiliti mid-Direttiva 92/50/KEE (32), dwar il-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi, b’mod partikolari dwar il-libertà taċ-ċirkolazzjoni tas-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri (33) . Għalhekk, biex neżamina l-għanijiet tal-obbligu ta’ trasparenza, jista’ jkun utli, b’analoġija, li jiġu eżaminati l-għanijiet ta’ dik id-direttiva.

58. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tad-direttiva msemmija huwa li jiġu esklużi kemm ir-riskju li tingħata preferenza lill-offerenti jew kandidati nazzjonali, f’kull proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt mill-awtoritajiet kontraenti u l-possibbiltà li korp iffinanzjat jew ikkontrollat mill-Istat, mill-awtoritajiet territorjali jew korpi oħrajn irregolati mil-liġi pubblika, jitħallew jiġu ggwidati minn kunsiderazzjonijiet li ma humiex ekonomiċi (34) . L-obbligu ta’ trasparenza għandu għanijiet identiċi fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-għoti ta’ konċessjonijiet ta’ servizzi jew ta’ drittijiet esklużivi.

59. L-obbligu ta’ trasparenza jippermetti għalhekk lill-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni li tiżgura li l-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jiġu osservati. Hija l-awtorità pubblika li tagħmel il-konċessjoni li għandha tevalwa, taħt il-kontroll tal-qrati kompetenti, jekk il-modalitajiet ta’ tqegħid fil-kompetizzjoni humiex adattati għall-karatteristiċi tal-konċessjoni tas-servizzi pubbliċi inkwistjoni (35) .

60. Mingħajr ma neċessarjament jimplika obbligu li wieħed jipproċedi għal sejħa għal offerti, l-imsemmi obbligu ta’ trasparenza jimponi fuq l-awtorità kontraenti li tiżgura, għall-benefiċċju ta’ kull offerent potenzjali, livell ta’ pubbliċità suffiċjenti li jippermetti ftuh tal-konċessjonijiet ta’ servizzi għall-kompetizzjoni kif ukoll il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċeduri tal-għoti (36) .

61. Mis-sentenzi Parking Brixen u Il-Kummissjoni vs L-Italja jirriżulta li n-nuqqas totali ta’ sejħa għal offerti fil-każ ta’ għoti ta’ konċessjoni ta’ servizzi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, ma kienx jikkonforma mal-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE u, b’mod partikolari, kien jikser il-prinċipju ġenerali ta’ trasparenza kif ukoll l-obbligu li jiġi ggarantit grad ta’ pubbliċità adegwata (37) .

62. Fl-imsemmija sentenza Sporting Exchange, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fir-rigward tal-għoti ta’ liċenzja unika fil-qasam tal-logħob tal-ażżard li l-fatt li dak l-għoti ma huwiex ekwivalenti għal kuntratt ta’ għoti ta’ servizzi fih innifsu ma jiġġustifikax li r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 56 TFUE, partikolarment il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu tat-trasparenza, ma jitħarsux meta tingħata l-awtorizzazzjoni amministrattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ trasparenza għandu japplika fil-kuntest ta’ sistema ta’ liċenzja mogħtija lil operatur uniku mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ ordni pubbliku tagħhom, għaliex l-effetti ta’ din il-konċessjoni fir-rigward tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra u li jistgħu jkunu potenzjalment interessati fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, huma l-istess bħal dawk ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi (38) .

63. Din l-interpretazzjoni dwar id-drittijiet esklużivi kienet ġiet ikkonfermata fis-sentenza Belgacom dwar konċessjoni ta’ servizzi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li operatur ekonomiku ta’ Stat Membru jista’ jinvoka quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru l-ksur tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE li allegatament twettaq fl-okkażjoni tal-konklużjoni ta’ ftehim li permezz tiegħu entità pubblika waħda jew diversi entitajiet pubbliċi tal-imsemmi Stat Membru jew taw lil operatur ekonomiku tal-istess Stat Membru konċessjoni ta’ servizzi li għandha interess transkonfinali ċert, jew taw lil operatur ekonomiku d-dritt esklużiv li jeżerċita attività ekonomika li għandha tali interess (39) .

64. Fis-sentenza AG2R Prévoyance, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sa fejn AG2R għandha titqies li hija impriża li teżerċita attività ekonomika, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li jrendu l-affiljazzjoni fi skema ta’ rimbors supplimentari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa obbligatorja għall-impriżi kollha ta’ settur, mingħajr ebda possibbiltà ta’ eżenzjoni, timplika neċessarjament l-għoti lil din l-organizzazzjoni tad-dritt esklużiv li tirċievi u tamministra l-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni li jimpjegaw u mill-impjegati ta’ dan is-settur fil-kuntest ta’ din l-iskema (40) .

65. Isegwi li l-effetti ta’ tali dritt esklużiv fir-rigward tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn u li jkunu potenzjalment interessati fl-eżerċizzju ta’ din l-attività jistgħu jiġu assimilati ma’ dawk ta’ kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi. Għalhekk, issa għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni oħrajn tal-obbligu ta’ trasparenza.

E – Fuq l-applikabbiltà tal-obbligu ta’ trasparenza għall-proċedura ta’ estensjoni

66. Skont l-UNIS, Beaudout, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, mis-sentenza Sporting Exchange (41) jirriżulta li l-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE għandu jkun osservat meta dritt esklużiv jingħata lil operatur ekonomiku bil-proċedura ta’ estensjoni ta’ ftehim kollettiv.

67. Il-partijiet l-oħrajn li għamlu osservazzjonijiet bil-miktub isostnu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE li saret fis-sentenza Sporting Exchange ma setgħetx tiġi trasposta għaċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali u li l-obbligu ta’ trasparenza, għalhekk, ma japplikax. Qabel kollox, dawn il-partijiet isostnu li, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi kkunsidrati f’dik is-sentenza jew fil-kuntest tal-kuntratti pubbliċi u tal-konċessjonijiet ta’ servizzi, l-għażla ta’ operatur fl-assigurazzjonijiet tirriżulta mhux minn deċiżjoni ta’ awtorità pubblika, iżda minn ftehim mill-imsieħba soċjali li jaġixxu fil-kuntest ta’ negozjar kollettiv. Il-ministru li jkollu kompetenza li jestendi ftehim kollettiv li jindika operatur fl-assigurazzjonijiet ma għandu ebda setgħa fl-għażla ta’ dan l-operatur u ma għandu l-ebda setgħa dwar din l-għażla fil-kuntest tal-proċedura ta’ estensjoni.

68. Infakkar li l-obbligu ta’ trasparenza, kif żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konċessjonijiet ta’ servizzi, huwa obbligu li jorbot lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri li jikkonkludu kuntratt ta’ konċessjoni ta’ servizzi (42) u li dan l-obbligu ma jfissirx neċessarjament obbligu li ssir sejħa għal offerti. Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza huma ta’ natura li jippermettu lil impriża, li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn dak tad-destinatarju tal-prestazzjoni, tkun tista’ jkollha aċċess għal informazzjoni adegwata dwar dik il-konċessjoni qabel ma’ din tingħata , b’mod li, kieku dik l-impriża xtaqet, hija kienet tkun tista’ turi l-interess tagħha biex tikseb dik il-konċessjoni (43) .

69. Kif semmejt diġà fil-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-domanda tal-Conseil d’État tirrigwarda l-proċedura li biha Stat Membru jestendi ftehim kollettiv għall-impriżi kollha ta’ qasam. Dan jimplika neċessarjament l-għoti ta’ dritt esklużiv lill-operatur magħżul mill-imsieħba soċjali.

70. Jidher li jkun konformi mat-tagħlim tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq li l-Artikolu 56 TFUE jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti ta’ dritt esklużiv mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru lil operatur ekonomiku magħżul fil-kuntest ta’ proċedura kompletament mhux trasparenti, ikun li jkun il-metodu tal-għażla ta’ dan l-operatur.

71. Meta l-għażla ta’ tali l-operatur issir minn xi ħadd differenti mill-awtorità pubblika li tkun tat id-dritt esklużiv inkwistjoni u meta din l-awtorità pubblika tkun marbuta b’din l-għażla tal-operatur, li ssir fil-bidu ta’ proċedura li ma tkunx tmexxiet mill-awtorità inkwistjoni, l-obbligu ta’ trasparenza għandu jiġi osservat f’din il-proċedura ta’ għażla preliminari. Fin-nuqqas, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 56 TFUE ma jkunux issodisfatti għaliex l-impriżi li jinsabu fi Stati Membri oħrajn ma jkunux f’pożizzjoni li juru l-interess tagħhom qabel ma ssir l-għażla tal-operatur li għandu l-ġestjoni. F’dan il-każ, il-fatt li l-proċedura ta’ estensjoni tal-ftehim kollettiv fi ħdan il-ministeru hija trasparenti, kif isostni l-Gvern Franċiż, ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika n-nuqqas ta’ trasparenza tal-proċedura ta’ għażla tal-operatur tas-sigurtà soċjali.

72. Din il-konklużjoni ma tfissirx li l-obbligu ta’ trasparenza, bħala tali, jorbot lill-imsieħba soċjali, li dejjem jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ negozjar kollettiv (44), iżda sempliċement jimplika li livell minimu ta’ trasparenza jkun intlaħaq matul din il-proċedura preliminari, jekk il-ftehim kollettiv innegozjat għandu wara jiġi estiż għall-kumpless tal-qasam kollu mill-awtoritajiet pubbliċi.

73. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-għan tal-għażla tal-operatur fl-assigurazzjonijiet fih innifsu ma huwiex biżżejjed biex jiggarantixxi l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 56 TFUE. Proċedura ta’ għażla mhux trasparenti, għalkemm oġġettiva, ma tippermettix lill-impriżi kkonċernati li jkollhom aċċess għal informazzjoni adegwata u lanqas li jkollhom il-possibbiltà li juru l-interess tagħhom qabel ma ssir din l-għażla. Ir-rekwiżit ta’ minimu ta’ trasparenza jippermetti lill-impriżi kkonċernati li jkunu jafu l-kriterji tal-għażla u li jevalwaw l-oġġettività tagħhom, kif ukoll l-imparzjalità tal-għażla.

74. Infakkar li l-leġiżlazzjoni Franċiża fuq dan is-suġġett ġiet emendata reċentement biex tiddaħħal proċedura ta’ sejħa għal offerti, immexxija mill-imsieħba soċjali, fl-istadju tal-għażla ta’ dan l-operatur fl-assigurazzjonijiet. Għalhekk, jidhirli li soluzzjoni iktar trasparenti hija possibbli wkoll f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ għażla preliminari u li, a contrario sensu , limitazzjoni tat-trasparenza tal-proċedura ta’ għażla ma hijiex meħtieġa għall-protezzjoni tal-interessi ġenerali inkwistjoni.

F – L-obbligu ta’ trasparenza ġie rrispettat f’dan il-każ?

75. Skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Franċiż, konformement mal-Artikolu L. 2261‑19 tal-Kodiċi tax-Xogħol, biex ftehim fil-qasam jew biex ftehim professjonali jew interprofessjonali, jew anki emenda għal wieħed minn dawn it-testi, ikun jista’ jiġi estiż, huwa indispensabbli li dan ikun ġie nnegozjat u konkluż f’kummissjoni konġunta. Din il-kummissjoni hija komposta mill-imsieħba soċjali tal-qasam professjonali inkwistjoni, jiġifieri l-organizzazzjoni tal-persuni li jimpjegaw u tal-impjegati rappreżentanti fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-ftehim kollettiv ikkonċernat.

76. Fil-kuntest ta’ din il-fażi ta’ negozjar kollettiv, ikun possibbli għal operatur fl-assigurazzjonijiet li jissottometti lill-imsieħba soċjali tal-qasam professjonali kkonċernat il-kandidatura tiegħu sabiex jiġi inkarigat bil-ġestjoni tal-iskema ta’ sigurtà soċjali komplementari tal-qasam. F’dan ir-rigward, dan il-gvern jenfasizza l-aċċessibbiltà fuq l-Internet tal-ftehim kollettiv u l-possibbiltà tal-impriżi kkonċernati li jsegwu, mingħajr diffikultajiet, il-perijodi ta’ negozjar mill-ġdid dwar il-ġestjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali komplementari.

77. Fil-fehma tiegħi, ma huwiex eskluż li din il-prattika nazzjonali diġà tippermetti li jiġi evitat, sa ċertu punt, it-twettiq tar-riskji li l-obbligu ta’ trasparenza huwa intiż li jevita u tippermetti, b’mod partikolari, lill-impriżi kkonċernati li jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa u li juru l-interess tagħhom qabel ma tintervjeni l-għażla tal-operatur. Madankollu, għandi dubji serji dwar dan.

78. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk l-obbligu ta’ trasparenza jfissirx li r-rekwiżiti ta’ trasparenza jiġu ggarantiti mil-leġiżlazzjoni jew huwiex biżżejjed li t-trasparenza fattwali tkun, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni espressa, effettivament żgurata minn ċertu livell ta’ informazzjoni u ta’ pubblikazzjoni ta’ data, kif isostni l-Gvern Franċiż f’dan il-każ.

79. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirlix li teħtieġ garanziji leġiżlattivi ta’ trasparenza, jekk huwa ggarantit livell suffiċjenti ta’ trasparenza b’mezzi oħrajn.

80. Għandu jingħad ukoll li, fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni li ġiet diskussa matul is-seduta dwar l-effetti tal-kontroll li l-imsieħba soċjali jistgħu jeżerċitaw fuq l-operatur fl-assigurazzjonijiet li kienu għażlu, hija mingħajr rilevanza għall-finijiet ta’ ġustifikazzjoni eventwali tan-nuqqas ta’ trasparenza tal-proċedura ta’ għażla. Fil-fatt, skont ġurisprudenza preċedenti (45), kontroll strett eżerċitat minn Stat Membru fuq l-operatur magħżul jista’ f’ċerti sitwazzjonijiet, jiġġustifika n-nuqqas ta’ trasparenza fil-fażi tal-għażla. Madankollu, għandu jiġi osservat li din is-soluzzjoni tgħodd fil-preżenza ta’ kontroll li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament fuq l-operatur magħżul, filwaqt li fil-kawżi prinċipali, huma l-imsieħba soċjali li jistgħu, sa ċertu punt (46), jikkontrollaw l-operaturi fl-assigurazzjoni. Għaldaqstant, f’dak il-każ, l-Istat Membru ma jikkontrollahomx la direttament u lanqas permezz tal-intermedjazzjoni tal-imsieħba soċjali.

81. Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, jekk, f’kuntest bħal dak tal-kawżi prinċipali, il-proċedura ta’ għażla ta’ operaturi fl-assigurazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni kinitx trasparenti biżżejjed, mill-aspett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, biex jiġu ġġustifikati l-estensjonijiet bid-digrieti ministerjali inkwistjoni.

G – Fuq it-talba intiża għal limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tad-digriet

82. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Franċiż talab il-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-proċeduri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jikkonformawx mal-obbligu ta’ trasparenza, wara li jitqies ir-riskju ta’ riperkussjonijiet gravi fuq is-saħħa tal-benefiċjarji tal-iskemi estiżi bid-digrieti ministerjali (47) u tal- bona fide tal-oqsma kkonċernati. Matul is-seduta, Beaudout talbet li din it-talba tiġi miċħuda, filwaqt li l-Confédération nationale de la boulangerie et boulangerie‑pâtisserie française talbet modulazzjoni ratione temporis tas-sentenza.

83. Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex tikkontesta relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti bil- bona fide . Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l- bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ konsegwenzi serji (48) .

84. Fil-fehma tiegħi, l-elementi mressqa mill-Gvern Franċiż ma jissodisfawx dawn l-aħħar kriterji. L-annullament tad-digrieti ministerjali mhux neċessarjament jimplika l-waqfien ta’ diversi relazzjonijiet kuntrattwali li jeżistu f’dan il-każ fil-qasam tal-assigurazzjonijiet. L-effetti ta’ tali annullament kemm fir-rigward tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll fir-rigward tal-assigurati huma inċerti, tal-inqas mill-aspett tad-dritt ċivili, b’tali mod li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-effetti konkreti tas-sentenza li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

V – Konklużjoni

85. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari tal-Conseil d’État (Franza):

L-osservanza tal-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta mill-Artikolu 56 TFUE hija kundizzjoni minn qabel obbligatorja għall-estensjoni, minn Stat Membru, fil-konfront tal-impriżi kollha ta’ fergħa, ta’ ftehim kollettiv li jagħti lil operatur uniku, magħżul mill-imsieħba soċjali, il-ġestjoni ta’ sistema ta’ sigurtà soċjali komplementari obbligatorja stabbilita favur l-impjegati. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk f’kuntest bħal dak fil-kawżi prinċipali, il-proċedura ta’ għażla tal-operaturi fl-assigurazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali inkwistjoni hijiex biżżejjed trasparenti mill-aspett tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi biex jiġu ġġustifikati l-estensjonijiet inkwistjoni.

(1) .

(2)  – Madankollu, għandu jiġi nnotat li d-dritt esklużiv inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma huwiex dritt esklużiv “naturali” jew tradizzjonali, fis-sens tal-ġurisprudenza klassika dwar, pereżempju, is-suq tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza British Telecommunications, C‑302/94, EU:C:1996:485, punt 27).

(3)  – C‑437/09, EU:C:2011:112. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tevalwa, minn naħa, il-konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE u 102 TFUE ta’ dispożizzjoni ta’ sħubija obbligatorja fi skema ġestita minn operatur uniku, mingħajr ebda possibbiltà ta’ eżenzjoni għall-impriżi tas-settur ikkonċernat, u min-naħa l-oħra, abbuż eventwali ta’ pożizzjoni dominanti. B’mod parallel ma’ din il-kawża AG2R Prévoyance, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet adita bi tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-tribunal d’instance de Dax (Franza), dwar il-konformità ta’ din l-istess dispożizzjoni ta’ sħubija, li kien hemm fil-ftehim kollettiv nazzjonali tal-impriżi tal-furnara u d-dolċiera (impriżi artiġjanali), mal-Artikolu 102 TFUE (Kawżi C‑97/10, C‑98/10 u C‑99/10). Wara li ngħatat l-imsemmija sentenza AG2R Prévoyance, it-tribunal d’instance de Dax informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li ma kellux l-intenzjoni li jkompli bit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari tiegħu. B’digriet tat-8 ta’ Ġunju 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna t-tħassir ta’ dawn il-kawżi mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(4) – L-Artikoli L. 911‑1, L. 911‑3 u L. 912‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali kienu oriġinarjament intiżi biex jittrasponu fid-dritt nazzjonali, b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346) (ara l-Liġi Nru 94‑678, tat-8 ta’ Awwissu 1994, dwar il-protezzjoni soċjali komplementari tal-impjegati u li tittrasponi d-Direttivi tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej Nru 92‑49 u Nru 92‑96, tat-18 ta’ Ġunju u tal-10 ta’ Novembru 1992; (JORF tal-10 ta’ Awwissu 1994, p. 11655)). Dawn kienu ġew emendati bid-digriet Nru 2006‑344, tat-23 ta’ Marzu 2006 (JORF tal-24 ta’ Marzu 2006, p. 4456), li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Ġunju 2006.

(5)  – JORF tat-2 ta’ Jannar 1990, p. 13.

(6) – C‑203/08, EU:C:2010:307.

(7) – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑271/08, EU:C:2010:426, punt 37).

(8) – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑271/08, EU:C:2010:426, punti 42 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(9) – Sentenza International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punti 54 u 79).

(10)  – Deċiżjoni Nru 2013‑672 DC, tat-13 ta’ Ġunju 2013.

(11)  – Il-liġi msemmija kienet ġiet ippromulgata wara dik id-deċiżjoni, fl-14 ta’ Ġunju 2013 (JORF tas-16 ta’ Ġunju 2013, p. 9958). Skont dik id-deċiżjoni, il-Conseil constitutionnel jista’ jevalwa l-konformità mal-Kostituzzjoni ta’ liġi ppromulgata diġà meta jiġu eżaminati dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jemendawha, jikkompletawha jew jaffettwaw il-qasam ta’ applikazzjoni tagħha. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-liġi dwar is-sigurtà tal-impjieg jikkompletaw dawk tal-Artikolu L. 912-1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali.

(12) – JORF tal-24 ta’ Diċembru 2013, p. 21034.

(13) – Enfasi miżjuda minni. Il-modalitajiet ta’ din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienu ġew iddeterminati bid-digriet Nru 2015‑13, tat-8 ta’ Jannar 2015, dwar il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ta’ operaturi fil-kuntest tar-rakkomandazzjoni prevista fl-Artikolu L. 912‑1 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali (JORF tal-10 ta’ Jannar 2015, p. 450). L-imsemmi digriet għandu bħala għan li jiddefinixxi l-proċedura applikabbli, sabiex, b’mod partikolari, tiġi ggarantita t-trasparenza tagħha.

(14)  – Is-SNRT tirreferi għall-Artikolu L. 931‑4 tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali li jikkonċerna l-approvazzjoni amministrattiva meħtieġa tal-istituzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali.

(15)  – Dik id-direttiva tħassret sussegwentement permezz tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, p. 1).

(16)  – C‑206/98, EU:C:2000:256, punt 44. Dik is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju kienet tirrigwarda l-assigurazzjonijiet obbligatorji kontra l-inċidenti tax-xogħol li jaqgħu taħt l-iskema legali tas-sigurtà soċjali Belġjana.

(17) – Sentenzi Serrantoni u Consorzio stabile edili (C‑376/08, EU:C:2009:808, punt 25) u Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 48).

(18) – Barra minn hekk, matul is-seduta, Beaudout sostniet li, fi Franza, diġà kienu jeżistu oqsma li fihom impriżi barranin kienu wrew l-interess tagħhom biex imexxu tali skema u impriżi li għażlu operatur fl-assigurazzjonijiet barrani biex imexxi l-iskema tagħhom ta’ rimbors komplementari tal-ispejjeż tal-kura tas-saħħa. L-UNIS ma ttrattatx il-kwistjoni tal-interess transkonfinali fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, iżda, matul is-seduta, hija sostniet li kien jeżisti interess transkonfinali. Barra minn dan, skont l-UNIS, l-operaturi Franċiżi diġà qed jipproponu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħrajn.

(19) – Il-Confédération nationale de la boulangerie et boulangerie‑pâtisserie française tagħmel riferiment għal komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni, dwar investigazzjoni settorjali li saret bis-saħħa tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 dwar l-assigurazzjoni tal-impriżi (rapport finali) (COM(2007) 556 finali, konsultabbli fl-indirizz tal-Internet li ġej: http://eur‑lex.europa.eu/legal‑content/FR/TXT/PDF/?uri=CELEX:52007DC0556 & from=EN). Skont dak ir-rapport, is-swieq tal-assigurazzjoni ewlenin għandhom tendenza li jkollhom dimensjoni nazzjonali, bl-eċċezzjoni ta’ klijenti kbar u ta’ riskji kbar. Ir-raġunijiet li tipproponi l-Kummissjoni jinkludu l-varjetà ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kuntratti inġenerali, l-assigurazzjonijiet u r-responsabbiltà, il-ħtieġa tal-preżenza fil-post u l-problemi lingwistiċi. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni titmexxa “bil-ħsieb li finalment tidentifika kwalunkwe prattiċi restrittivi jew distorzjonijiet fil-kompetizzjoni li jistgħu jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikoli 81 jew 82 tat-Trattat” li jippresupponi diġà l-eżistenza ta’ suq transkonfinali fis-settur inkwistjoni. Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istat attwali tas-swieq tal-assigurazzjonijiet ma jistgħux ikunu determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess transkonfinali.

(20) – C‑147/06 u C‑148/06, EU:C:2008:277, punti 24 u 31.

(21) – C‑221/12, EU:C:2013:736, punti 29 u 30.

(22) – Sentenza Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 31). Madankollu, is-sempliċi indikazzjoni, mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas li jitwettaq obbligu, tal-eżistenza ta’ lment li jiġi indirizzat lilha fir-rigward tas-suq inkwistjoni ma huwiex biżżejjed biex juri li dak is-suq jirrifletti interess transkonfinali ċert u li jiġi kkonstatat, għalhekk, li jeżisti nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑507/03, EU:C:2007:676, punt 34).

(23) – Kif ġie indikat diġà fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Beaudout tistma l-valur tal-kuntratt ta’ ġestjoni inkwistjoni f’EUR 70 miljun.

(24) – Xorta jibqa’ l-fatt li, anki jekk jitqies li s-suq attwali kien essenzjalment nazzjonali, dan ma jindikax neċessarjament nuqqas ta’ interess transkonfinali. Skont ir-rapport finali ta’ grupp ta’ esperti li waqqfet il-Kummissjoni, id-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar il-kuntratti jtellfu l-provvista transkonfinali ta’ prodotti tal-assigurazzjoni billi jinvolvu spejjeż ogħla, inċertezza legali u diffikultajiet għall-konsumaturi u l-impriżi li jassiguraw ruħhom fi Stati Membri oħra tal-Unjoni [ara l-istqarrija għall-istampa tas-27 ta’ Frar 2014 dwar ir-rapport finali (Final Report of the Commission Expert Group on European Insurance Contract Law); ir-rapport jista’ jinqara’ bl-Ingliż fl-indirizz tal-Internet li ġej: http://ec.europa.eu/justice/contract/files/expert_groups/insurance/final_report_en.pdf. Għalhekk, ma jistax dedott min-numru żgħir ta’ operaturi assiguraturi barranin preżenti f’suq partikolari li dawn l-operaturi barranin ma jixtiqux jidħlu hemmhekk.

(25) – Infakkar ukoll li, anki jekk ma hemmx kwistjoni ta’ assigurazzjonijiet li jagħmlu parti mis-sigurtà soċjali, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni diretta minbarra l-assigurazzjoni fuq il-ħajja jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu applikabbli għall-assigurazzjonijiet inklużi fi skema legali ta’ sigurtà soċjali pprattikata minn impriżi ta’ assigurazzjoni b’riskju tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑206/98, EU:C:2000:256, punt 44).

(26) – Sentenzi SECAP u Santorso (C‑147/06 u C‑148/06, EU:C:2008:277, punt 34) kif ukoll Serrantoni u Consorzio stabile edili (C‑376/08, EU:C:2009:808, punt 25).

(27) – C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 47.

(28) – Il-kuntest legali dwar il-kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi ġie kkjarifikat fil-komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni fuq il-konċessjonijiet fid-dritt Komunitarju tad-29 ta’ April 2000 (ĠU C 121, p. 2). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li fis-26 ta’ Frar 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, p. 1), li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha huwa stabbilit għat-18 ta’ April 2016.

(29) – Sentenzi Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punti 60 u 61); Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punt 46); Wall (C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 33), kif ukoll Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 39).

(30) – Sentenzi Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punt 62); Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punti 49 u 50), kif ukoll Wall (C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 36).

(31) – Sentenzi Coname (C‑231/03, EU:C:2005:487 punt 17); Wall (C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 34); u Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 40).

(32)  – Direttiva tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).

(33) – Sentenza Wall (C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 48).

(34) – Sentenzi Mannesmann Anlagenbau Austria et (C‑44/96, EU:C:1998:4, punt 33), BFI Holding (C‑360/96, EU:C:1998:525, punti 42 u 43), kif ukoll University of Cambridge (C‑380/98, EU:C:2000:529, punt 17).

(35) – Sentenza Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punti 49 u 50).

(36) – Sentenzi Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punt 62); Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punt 49); Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑260/04, EU:C:2007:508, punt 24); Wall (C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 36), kif ukoll Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 41).

(37) – Sentenzi Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punt 50) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑260/04, EU:C:2007:508, punt 25).

(38) – Sentenza Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punti 46 u 47).

(39) – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Belgacom (C‑221/12, EU:C:2013:736, punt 34) (enfasi miżjuda minni).

(40)  – Sentenza AG2R Prévoyance (C‑437/09, EU:C:2011:112, punt 66).

(41) – C‑203/08, EU:C:2010:307.

(42) – Sentenzi Telaustria u Telefonadress (C‑324/98, EU:C:2000:669, punt 62), Parking Brixen (C‑458/03, EU:C:2005:605, punti 49 u 50), kif ukoll Wall (C‑91/08, EU:C:2010:182, punt 36).

(43) – Sentenzi Coname (C‑231/03, EU:C:2005:487, punt 21), Coditel Brabant (C‑324/07, EU:C:2008:621, punt 25), u Sporting Exchange (C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 41) (enfasi miżjuda minni).

(44)  – Fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(45) – Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-restrizzjonijiet fuq il-libertà fundamentali stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE li jirriżultaw speċifikament mill-proċeduri ta’ għoti u ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjoni għall-benefiċċju ta’ operatur uniku, jistgħu jitqiesu li huma ġġustifikati jekk l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li jagħti jew iġedded l-approvazzjoni lil operatur pubbliku li l-ġestjoni tiegħu hija suġġetta għas-sorveljanza diretta tal-Istat jew għal operatur privat dwar l-attivitajiet li fuqhom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw kontroll strett (sentenza Sporting Exchange, C‑203/08, EU:C:2010:307, punt 59).

(46) – Għandu jiġi nnotat li l-opinjonijiet tal-partijiet li pparteċipaw fis-seduta kienu diverġenti ħafna fuq il-kwistjoni jekk it-trade unions li ma ffirmawx ftehim kollettiv għandhomx il-possibbiltà li jieħdu sehem fil-kummissjoni konġunta wara l-estensjoni u, għalhekk, li jkollhom kontroll fuq l-operatur fl-assigurazzjonijiet.

(47) – Fost il-motivi li tressqu insostenn tat-talba, ġie allegat b’mod partikolari, li t-tħassir tad-digrieti ta’ estensjoni, li kienet il-konsegwenza probabbli, fil-livell nazzjonali, ta’ sentenza bħal dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, ittemm il-prinċipju ta’ mutwalizzazzjoni li hija l-bażi ta’ dawn l-iskemi u jpoġġi fid-dubju l-bilanċ finanzjarju u l-garanziji tagħhom li dawn l-iskemi jdaħħlu fis-seħħ. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-ftehim kollettiv nazzjonali tan-negozjanti tal-proprjetà immobbli, id-dħul fis-seħħ tal-iskema inkwistjoni kellha bħala kundizzjoni l-pubblikazzjoni tad-digriet ta’ estensjoni għall-impriżi kollha, inklużi l-impriżi li ssieħbu.

(48) – Sentenza Balazs u Casa Judeţeană de Pensii Cluj (C‑401/13 u C‑432/13, EU:C:2015:26, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).