16.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/334


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Artemis għas-sena finanzjarja 2011

(2013/614/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Artemis għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Artemis għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 (05755/2013 — C7–0040/2013),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-“Impriża Konġunta Artemis” għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0087/2013),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Artemis għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2011;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-direttur tal-Impriża Konġunta Artemis, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Martin SCHULZ

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)  ĠU C 6, 10.1.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-17 ta’ April 2013

li tinkludi l-osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Artemis għas-sena finanzjarja 2011

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Artemis għas-sena finanzjarja 2011,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Artemis għas-sena finanzjarja 2011, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2013 (05755/2013 – C7–0040/2013),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-bagit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-“Impriża Konġunta Artemis” għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), u b’mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0087/2013),

A.

billi l-Impriża Konġunta Artemis (l-“Impriża Konġunta”) twaqqfet f’Diċembru 2007 għal perjodu ta’ 10 snin biex tiddefinixxi u timplimenta “Aġenda ta’ Riċerka” għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għas-sistemi inkorporati tal-kompjuter f’diversi oqsma ta’ applikazzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà Ewropea, u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet soċjetali,

B.

billi l-Impriża Konġunta bdiet tiffunzjona b’mod awtonomu f’Ottubru 2009,

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2011 huma affidabbli;

D.

billi l-Qorti tal-Awdituri tat opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-Impriża Konġunta;

E.

billi l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni ghall-Impriża Konġunta għall-perjodu ta’ 10 snin hija EUR 420 000 000, somma li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka,

Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja

1.

Jinnota li l-baġit inizjali tal-2011 kien jinkludi approprjazzjonijiet operazzjonali li ammontaw għal EUR 46,6 miljun u li ġie adottat baġit emendatorju li naqqas l-approprjazzjonijiet operazzjonali għal EUR 18 600 000; jinnota, barraminnhekk, li r-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn operazzjonali kienet 100 %, b’riżultat tat-tnaqqis tal-approprjazzjonijiet operazzjonali għal EUR 18 600 000, filwaqt li r-rata għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet 51 %;

2.

Jinsab imħasseb fuq il-fatt li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta rċevew opinjoni kwalifikata mill-Qorti tal-Awdituri dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet minħabba l-fatt li l-Impriża Konġunta ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa jekk l-istrateġija tal-awditjar ex post tipprovdix assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza bi pjan ta’ azzjoni biex jingħeleb dak in-nuqqas potenzjali ta’ assigurazzjoni; jistenna li l-Qorti tal-Awdituri, permezz tal-awditi indipendenti tagħha, tkun f’pożizzjoni li tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza bl-opinjoni tagħha dwar l-effettività tal-istrateġija tal-awditjar ex post tal-Impriża Konġunta;

3.

Ifakkar li l-Impriża Konġunta fl-2010 adottat strateġija ta’ awditjar ex ante li hija għodda ewlenija għall-evalwazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti u li l-implimentazzjoni tagħha bdiet fl-2011; jinnota li l-awditjar tal-klejms ta’ spejjeż tal-proġett ġie delegat lill-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali (NFAs) tal-Istati Membri, iżda l-ftehimiet amministrattivi ffirmati mill-NFAs ma jinkludux l-arranġamenti prattiċi għal dawk l-awditi; jinnota, barra minn hekk, mill-Impriża Konġunta li diversi skemi ta’ finanzjament u regoli nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Membri differenti jimplikaw li awditjar ex post huwa fattibbli biss fuq proġetti kompletati u jitlob li jkun informat bir-riżultati tal-awditi li twettqu; itenni li l-Impriża Konġunta għandha ssaħħaħ mingħajr dewmien il-kwalità tal-kontroll ex ante tagħha b’mod partikolari għall-ġestjoni tal-għotjiet u jitlob li l-awtorità tal-kwittanza tkun informata bir-riżultati tal-proċessi tal-awditjar ex ante li jmiss imwettqa mill-Impriża Konġunta;

4.

Jieħu nota tal-fatt li għall-kuntrarju tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta, il-baġit tal-Impriża Konġunta tal-2011 ma jirriflettix approprjazzjonijiet ta’ pagament differenzjati għan-nefqa operazzjonali;

5.

Jinnota b’dispjaċir ir-rata ta’ implimentazzjoni relattivament baxxa għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali, li hija ta’ 86 %, 53 % u 18 % għas-sejħiet għal proposti tal-2008, tal-2009 u tal-2010; jinnota d-dewmien fil-livell tal-Istati Membri fl-iffirmar tal-ftehimiet ta’ għotjiet nazzjonali; huwa mħasseb dwar ir-rata ta’ implimentazzjoni baxxa tal-baġit, u barra minn hekk, dwar l-attivitajiet sottostanti tal-Impriża Konġunta; jitlob rapport ta’ progress dettaljat dwar dawn in-nuqqasijiet li jagħmel proposti speċifiċi għal titjib gradwali fir-rata ta’ implimentazzjoni;

6.

Jikkundanna l-fatt li l-Ġreċja qed tuża l-Fondi Strutturali tal-Unjoni sabiex tkopri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħha lill-benefiċjarji Griegi tal-proġetti Artemis minflok ma tipprovdi finanzjament nazzjonali u li l-Impriża Konġunta rrikonoxxiet il-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni Griega fil-proġetti Artemis iżda ma tipprovdi l-ebda finanzjament lill-benefiċjarji Griegi peress li nefqa kofinanzjata mill-Fondi Strutturali tal-Unjoni ma tistax tirċievi assistenza minn strument finanzjarju ieħor tal-Unjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (6); jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-legalità ta’ din is-sitwazzjoni malajr kemm jista’ jkun;

7.

Jieħu nota tal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-Impriża Konġunta qed tuża riporti mhux awtomatiċi ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għas-sena finanzjarja li jmiss, mingħajr madankollu deċiżjoni tal-Bord Governattiv kif meħtieġ mill-Artikolu 10(1) tar-Regoli Finanzjarji u li l-ebda distinzjoni ma qed issir bejn l-approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati mis-snin preċedenti u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali;

Sejħiet ghal Proposti

8.

Jieħu nota tal-fatt li l-implimentazzjoni effettiva u l-valur previst tas-sejħiet għal proposti jirrappreżentaw biss EUR 244 000 000 jew 58 % tal-baġit previst ta’ EUR 420 000 000 biex tiġi koperta n-nefqa operazzjonali;

Sistemi ta’ kontroll intern

9.

Jirrikonoxxi li matul l-2011 l-Impriża Konġunta intensifikat l-isforzi tagħha biex tistabbilixxi u timplimenta proċeduri effikaċi ta’ kontroll finanzjarju, ta’ kontabbiltà u ta’ ġestjoni; josserva li l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà vvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabbiltà użati, iżda għadu ma vvalidax il-proċessi ta’ attività sottostanti li jipprovdu informazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari dak li jipprovdi informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms ta’ spejjeż irċevuti mill-awtoritajiet nazzjonali; ifakkar li għad irid isir aktar xogħol b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards ta’ kontroll intern u li l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu f’Ottubru 2009;

Awditjar intern

10.

Jieħu nota tal-fatt li fl-aħħar tas-sena 2011, il-kapaċità tal-awditjar intern tal-Impriża Konġunta kienet għadha ma ġietx stabbilita; ifakkar li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni huwa l-Awditur Intern tal-Impriża Konġunta mill-2010 u li wettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju, u pjan tal-awditu strateġiku għall-2012-2014 ġie ppreżentat lill-Bord Governattiv tal-Impriża Konġunta; jirrikonoxxi li fid-dawl tad-daqs tal-Impriża Konġunta dan se jassumi wkoll ir-rwol tal-Kapaċità ta’ Awditjar Intern;

11.

Jinnota li r-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati formalment biex jinkludu d-dispożizzjoni li tirreferi għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni rigward il-baġit ġenerali fl-intier tiegħu;

Rapport annwali tal-attività

12.

Jieħu nota tal-fatt li r-rapport annwali tal-attività jipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati tal-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta iżda ma jinkludix valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll intern u fih in-nuqqasijiet li ġejjin:

Nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-awditjar ex-post, li mhijiex suffiċjenti biex jiġi konkluż jekk il-kontroll ewlieni huwiex qed jiffunzjona b’mod effettiv u kellux iwassal għal riżerva;

Ebda informazzjoni dwar il-validazzjoni parzjali tas-sistemi finanzjarji u kontabilistiċi mill-uffiċjal tal-kontabbiltà mhija pprovduta;

Hemm differenzi mhux spjegati bejn iċ-ċifri ta’ implimentazzjoni baġitarja inklużi fl-Eżitu fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament tar-rapport annwali ta’ attività u ċ-ċifri ta’ implimentazzjoni baġitarja inklużi fil-Kontijiet Definittivi;

Kwistjonijiet oħra relatati mal-ġestjoni

13.

Jinnota li fl-2011, l-Impriża Konġunta stabbiliet Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u wettqet progress fir-rigward tal-formalizzazzjoni tal-politiki ta’ sigurtà tal-IT iżda jeħtieġ li jsir aktar xogħol sabiex jiġi ffinalizzat il-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru;

14.

Jiddispjaċih li għall-kuntrarju tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta, l-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali s’issa għadhom ma ddikjaraw ebda interessi bankarji ġġenerati fuq pagamenti ta’ prefinanzjament;

15.

Jilqa’ l-fatt li l-Ftehim mal-Istat Ospitanti bejn l-Impriża Konġunta u l-awtoritajiet Belġjani dwar spazju għall-uffiċċji, privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jingħata ġie ffirmat fit-3 ta’ Frar 2012;

Kwistjonijiet oħra

Fużjoni possibbli mal-ENIAC

16.

Iqis li għandha titwettaq analiżi kostijiet-benefiċċji ta’ fużjoni mal-ENIAC u li l-Parlament Ewropew għandu jiġi notifikat dwar ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni. Dan ir-rapport għandu jenfasizza l-vantaġġi u l-iżvantaġġi possibbli ta’ fużjoni bħal din;

17.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Qorti tal-Awdituri biex, fi żmien raġonevoli, tipprovdi rapport speċjali lill-Parlament dwar kwistjonijiet komuni li jinqalgħu minħabba n-natura tal-impriżi konġunti, u li għandhom jiġu indirizzati mill-impriżi konġunti flimkien mas-sħab tagħhom sabiex jiġi żgurat il-valur miżjud tagħhom u t-twettiq effiċjenti tal-programmi ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni tal-Unjoni; jirrimarka wkoll li dak ir-rapport għandu jinkludi valutazzjoni tal-effikaċja tal-istabbiliment u l-istruttura tal-impriżi konġunti.


(1)  ĠU C 6, 10.1.2013, p. 1.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.