14.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 75/6


Sejħa għall-proposti – EACEA/06/12

Il-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni

Azzjoni 3.2 – Iż-Żgħażagħ fid-Dinja: Kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn għajr il-pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea

2012/C 75/04

1.   Objettivi

L-għan ta’ din is-sejħa għall-proposti huwa li tappoġġja proġetti li jippromwovu l-kooperazzjoni fis-settur taż-żgħażagħ bejn il-Pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni u Pajjiżi Msieħba għajr dawk li huma ġirien tal-Unjoni Ewropea (pajjiżi li ffirmaw ftehim mal-Unjoni Ewropea rilevanti għall-qasam taż-żgħażagħ). Din is-sejħa tipprovdi għotjiet finanzjarji għall-proġetti.

Din hija maħsuba għal organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-settur taż-żgħażagħ li jkunu interessati fit-tmexxija ta’ proġetti li jippromwovu l-kooperazzjoni f’dan il-qasam u li jinvolvu ħaddiema żgħażagħ u mexxejja żgħażagħ, żgħażagħ infushom u atturi oħrajn involuti fi strutturi u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

L-għanijiet tagħha huma:

Li ttejjeb il-mobbiltà taż-żgħażagħ u ta' dawk li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ, kif ukoll l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ;

Li tippromwovi l-għoti ta’ setgħa liż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni attiva;

Li ttejjeb il-kapaċità umana fost l-istrutturi u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex dawn jagħtu kontribut favur l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;

Li tippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza u l-prassi tajba fil-qasam taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni mhux formali;

Li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ politika dwar iż-żgħażagħ, il-ħidma taż-żgħażagħ u s-settur tal-volontarjat; u

Li tiżviluppa sħubiji u netwerks sostenibbli bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Prijoritajiet

Tingħata preferenza lil dawk il-proġetti li jkunu jirriflettu bl-aħjar mod dawn il-prijoritajiet:

(i)

Prijoritajiet permanenti tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

Id-diversità kulturali;

Iċ-ċittadinanza Ewropea;

L-inklużjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.

(ii)

Prijoritajiet annwali tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar u l-marġinalizzazzjoni;

L-ispirtu ta’ inizjattiva, il-kreattività u l-intraprenditorija, l-impjegabbiltà;

Il-parteċipazzjoni fi sport fuq livell lokali aċċessibli għal kulħadd u f’attivitajiet fil-beraħ;

L-isfidi ambjentali globali u t-tibdil fil-klima.

(iii)

Kooperazzjoni ma’ reġjuni jew pajjiżi msieħba speċifiċi

Bħala segwitu għas-Sena taż-Żgħażagħ 2011 UE-Ċina u fil-kuntest tas-Sena tad-Djalogu Interkulturali 2012 UE-Ċina, għandha tingħata attenzjoni lil dawk il-proġetti li jippromwovu d-djalogu, l-iskambju u l-kooperazzjoni fil-qasam taż-żgħażagħ bejn l-UE u ċ-Ċina. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil dawk il-proġetti maħsubin biex jiżguraw is-segwitu u s-sostenibbiltà għall-kooperazzjoni mibdija fl-2011 u/jew lil dawk il-proġetti li jiffokaw fuq il-promozzjoni tad-djalogu interkulturali bejn żgħażagħ mill-UE u miċ-Ċina.

2.   Applikanti eliġibbli

Il-proposti għandhom jiġu sottomessi minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu:

Organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);

Korpi pubbliċi fil-livell reġjonali jew lokali; jew

Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

L-istess japplika għall-organizzazzjonijiet imsieħba.

L-applikanti għandhom – sad-data tal-iskadenza speċifikata għas-sottomissjoni tal-proposti tagħhom – ikunu ilhom irreġistrati legalment tul mill-inqas sentejn (2) f’wieħed mill-Pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm.

Il-Pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm huma dawn:

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit (1);

Dawk il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA): l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera;

Il-pajjiżi kandidati li għalihom ġiet stabbilita strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, b’konformità mal-prinċipji ġenerali u mat-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet ta’ qafas konklużi ma’ dawn il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi tal-UE: il-Kroazja u t-Turkija.

Il-korpi stabbiliti fil-pajjiżi li ġejjin jistgħu jipparteċipaw bħala sħab iżda ma jistgħux jissottomettu proposti skond din is-sejħa. Il-pajjiżi li huma partijiet minn ftehimiet mal-Unjoni Ewropea rigward il-qasam taż-żgħażagħ jitqiesu bħala Pajjiżi Msieħba. Dawn huma li ġejjin:

L-Amerika Latina: l-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċile, il-Kolumbja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj u l-Venezwela;

L-Afrika: l-Angola, il-Benin, il-Botswana, il-Burkina Faso, il-Burundi, il-Kamerun, Kap Verde, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, iċ-Ċad, il-Komoros, il-Kongo (Brazzaville), ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Gabon, il-Gambja, il-Gana, il-Ginea-Bissaw, il-Kenja, il-Kosta tal-Avorju, il-Lesoto, il-Liberja, il-Madagaskar, il-Malawi, il-Mali, il-Mawritanja, il-Mawrizju, il-Możambik, in-Namibja, in-Niġer, in-Niġerja, ir-Repubblika tal-Ginea, ir-Rwanda, Sao Tome u Prinċipe, is-Senegal, is-Seychelles, Sierra Leone, l-Afrika ta’ Isfel, is-Sudan, is-Sważilandja, it-Tanzanija, it-Togo, l-Uganda, iz-Zambja u ż-Żimbabwe;

Il-Karibew: Antigwa u Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, id-Dominika, ir-Repubblika Dominikana, il-Grenada, il-Gujana, il-Ħaiti, il-Ġamajka, Saint Kitts u Nevis, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, is-Surina u Trinidad u Tobago;

Il-Paċifiku: il-Gżejjer Cook, it-Timor tal-Lvant, il-Fiġi, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikronesja, Nauru, Niue, il-Palau, il-Papwa Ginea Ġdida, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Tuvalu u l-Vanwatu;

L-Asja: l-Afganistan, il-Bangladexx, il-Kambodja, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u Makaw), l-Indja, l-Indoneżja, il-Kazakastan, il-Kirgiżtan, il-Laos, il-Malasja, in-Nepal, il-Filippini, Singapor, it-Tajlandja, l-Uzbekistan, il-Vjetnam u l-Jemen;

Pajjiżi industrijalizzati (2): l-Awstralja, il-Brunej, il-Kanada, il-Ġappun, in-New Zealand, ir-Repubblika tal-Korea u l-Istati Uniti tal-Amerika.

Il-proġetti għandhom jinvolvu msieħba minn mill-inqas erba’ pajjiżi differenti (inkluża l-organizzazzjoni applikanta), inkluż mill-inqas żewġ Pajjiżi li jieħdu sehem f'dan il-Programm, li mill-inqas wieħed minnhom irid ikun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u żewġ Pajjiżi Msieħba.

Fir-rigward tas-segwitu għas-Sena taż-Żgħażagħ 2011 UE-Ċina jew is-Sena tad-Djalogu Interkulturali 2012 UE-Ċina, tingħata eċċezzjoni għal dawk il-proġetti li jinvolvu lir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina bħala Pajjiż Imsieħeb. F’dawn il-każi, l-proġetti jistgħu jinvolvu Pajjiż Imsieħeb wieħed (iċ-Ċina) u Pajjiż wieħed jew aktar li jieħdu sehem fil-Programm, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

3.   Attivitajiet eliġibbli

Il-proġett għandu jinkludi attivitajiet li ma jkollhomx l-għan li jagħmlu profitt u li jkunu relatati mal-qasam taż-żgħażagħ u mal-edukazzjoni mhux formali.

Lista indikattiva tal-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati mill-proposti

L-attivitajiet appoġġjati taħt din is-sejħa jistgħu jinkludu, mingħajr ma huma limitati għalihom, dawn li ġejjin:

Avvenimenti taż-żgħażagħ fuq skala kbira, seminars, konferenzi;

Attivitajiet li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ sħubiji u netwerks;

Attivitajiet li jinkoraġġixxu d-djalogu politiku fil-qasam taż-żgħażagħ;

Informazzjoni u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni miż-żgħażagħ u favur iż-żgħażagħ;

Taħriġ u bini tal-kapaċità tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-multiplikaturi;

Apprentistat u l-mobbiltà fit-tul għall-ħaddiema żgħażagħ.

Il-proġetti għandhom jibdew bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u l-31 ta’ Diċembru 2012. It-tul minimu huwa 6 xhur u t-tul massimu huwa 12-il xahar.

4.   Kriterji tal-għoti

L-applikazzjonijiet eliġibbli sejrin jiġu evalwati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

Ir-rilevanza tal-proġett fir-rigward tal-objettivi u l-prijoritajiet tas-sejħa (30 %)

Il-kwalità tal-proġett u tal-metodi ta’ ħidma li jinkludi (50 %)

Il-profil u n-numru ta’ parteċipanti u ta’ promoturi involuti fil-proġett (20 %)

Għalkemm ser titfittex rappreżentazzjoni ġeografika bilanċjata fil-proġetti magħżula, il-fattur determinanti prinċipali fir-rigward tan-numru ta’ proġetti ffinanzjati għal kull pajjiż ser ikun il-kwalità.

5.   Baġit

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa għall-proposti huwa stmat EUR 3 000 000.

L-assistenza finanzjarja mill-Aġenzija ma għandhiex tingħata għal aktar minn 80 % tal-ispejjeż eliġibbli totali ta’ proġett. L-għotja massima ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ EUR 100 000.

L-Aġenzija żżomm id-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

6.   Is-Sottomissjoni tal-applikazzjonijiet

Ma tistax tiġi sottomessa aktar minn proposta waħda għal proġett mill-istess applikant skond din is-Sejħa għall-Proposti.

Il-formoli jitniżżlu mill-Internet mill-indirizz li ġej:

http://eacea.ec.europa.eu/youth/funding/2012/call_action_3_2_en.php

L-applikazzjonijiet għall-għotjiet għandhom jitħejjew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE, u għandhom jintbagħtu mhux aktar tard mill-15 ta’ Mejju 2012 fl-indirizz li ġej:

Education, Audiovisual and Culture Executive Agency

Youth in Action Programme — EACEA/06/12

BOUR 4/029

Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

bil-posta, bid-data skont it-timbru tal-posta,

permezz ta’ kumpanija b’servizz ta’ kurrier, bid-data tal-irċevuta mill-kumpanija b’servizz ta’ kurrier li tittieħed bħala prova tal-postaġġ (għandha tiġi inkluża kopja tal-irċevuta oriġinali bid-data tad-depożitar fil-formola tal-applikazzjoni).

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu b’fax jew b’e-mail ma jiġux aċċettati.

7.   Informazzjoni addizzjonali

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet inklużi fil-Linji Gwida tal-Applikazzjoni – Sejħa għall-proposti EACEA/06/12, jiġu sottomessi fuq il-formola tal-applikazzjoni pprovduta għal dan il-għan u jinkludu l-annessi rilevanti.

Id-dokumenti msemmija jinstabu fuq l-Internet fl-indirizz li ġej:

http://eacea.ec.europa.eu/youth/funding/2012/call_action_3_2_en.php


(1)  Persuni minn pajjiżi u territorji barranin u, jekk applikabbli, istituzzjonijiet pubbliċi jew privati bbażati hemmhekk, huma eliġibbli taħt il-Programm “Żgħażagħ fl-Azzjoni”, jiddependi mir-regoli tal-programm u dawk li japplikaw fl-Istat Membru li miegħu jkunu konnessi. Lista ta’ dawn il-pajjiżi u territorji barranin hija mogħtija fl-Anness 1A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Komunità Ewropea (“Overseas Association Decision”) (ĠU L 314, 30.11.2001): http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2001D0822:20011202:MT:PDF

(2)  Jekk il-proġetti jinvolvu pajjiżi industrijalizzati, l-għotja finanzjarja mill-UE ma tistax tkopri l-ispejjeż imġarrba mis-sħab jew mill-parteċipanti minn dawk il-pajjiżi.