SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

1 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat — Skema ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja lil produttur tal-azzar — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka — Rikors għal annullament — Locus standi — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Ammissibbiltà — Aspettattivi leġittimi — Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 — Rata ta’ interessi li għandha tiġi applikata għar-rimbors tal-għajnuna inkompatibbli — Obbligu ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru — Rata ta’ interessi komposta — Artikolu 9(4) u Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 794/2004”

Fil-Kawżi magħquda T-273/06 u T-297/06,

ISD Polska sp. z o.o., stabbilita f’Varsavja (il-Polonja),

Industrial Union of Donbass Corp., stabbilita f’Donetsk (l-Ukrajna), inizjalment irrappreżentata minn C. Rapin u E. Van den Haute, imbagħad minn C. Rapin, E. Van den Haute u C. Pétermann, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T-273/06,

ISD Polska sp. z o.o. (preċedentement Majątek Hutniczy sp. z o.o.), stabbilita f’Varsavja, inizjalment irrappreżentata minn C. Rapin u E. Van den Haute, imbagħad minn C. Rapin, E. Van den Haute u C. Pétermann, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T-297/06,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Giolito u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħala suġġett talbiet għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/937/KE, tal-5 ta’ Lulju 2005 dwar l-għajnuna mill-Istat C 20/04 (ex NN 25/04) favur il-produttur tal-azzar Huta Częstochowa S.A. (ĠU 2006, L 366, p. 1), sa fejn tiddikjara ċerta għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u tordna lir-Repubblika tal-Polonja tirkupraha.

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tmien Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro, President tal-Awla, S. Papasavvas u A. Dittrich (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Settembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

Skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 2 dwar il-prodotti KEFA tal-Ftehim Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 1991 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra (ĠU 1993, L 348, p. 2; iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 2”):

“1.   Dawn li ġejjin huma inkompatibbli mal-funzjonament korrett tal-ftehim, sa fejn jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn il-Komunità u l-Polonja:

[…]

iii)

l-għajnuna pubblika ta’ kull tip, minbarra derogi awtorizzati bis-saħħa tat-Trattat KEFA.

[…]

4.   Il-partijiet jaqblu li matul l-ewwel ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim u b’deroga mill-paragrafu 1(iii), ir-Repubblika tal-Polonja hija eċċezzjonalment awtorizzata, fir-rigward tal-prodotti “tal-azzar KEFA”, li tagħti għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni, bil-kundizzjoni li:

il-programm ta’ ristrutturazzjoni jkun marbut ma’ pjan ġenerali ta’ razzjonalizzazzjoni u ta’ tnaqqis tal-kapaċitajiet fil-Polonja,

din l-għajnuna tikkontribwixxi għall-vijabbiltà tal-impriżi benefiċjarji f’kundizzjonijiet normali tas-suq fi tmiem il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni,

l-ammont u l-iskala ta’ din l-għajnuna jkunu limitati għal-livelli strettament neċessarji sabiex terġa’ tiġi stabbilita din il-vijabbiltà u għandhom jitnaqqsu gradwalment.

B’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni ekonomika tar-Repubblika tal-Polonja, il-kunsill ta’ assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar il-possibbiltà li l-imsemmi perijodu ta’ ħames snin jiġi estiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Polonja Nru 3/2002 tat-23 ta’ Ottubru 2002 li testendi l-perijodu pprovdut fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2 (ĠU 2003, L 186, p. 38), estendiet bi tmien snin addizzjonali b’effett mill-1 ta’ Jannar 1997, jiġifieri sad-data tas-sħubija tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, il-perijodu li matulu r-Repubblika tal-Polonja kienet eċċezzjonalment awtorizzata, fir-rigward tal-prodotti “tal-azzar” sabiex tagħti għajnuna pubblika għar-ristrutturazzjoni skont il-modalitajiet ipprovduti fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2. L-Artikolu 2 tagħha jipprovdi:

“Ir-[Repubblika tal-]Polonja għandha tissottometti lill-Kummissjoni […] programm ta’ ristrutturazzjoni u pjanijiet ta’ ħidma li jissodisfaw ir-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 8(4) tal-protokoll [Nru] 2 u li ġew stmati u aċċettati mill-awtorità nazzjonali tagħha inkarigata mis-sorveljanza tal-għajnuna pubblika (Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u tal-Protezzjoni tal-Konsumatur).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

Il-Protokoll Nru 8 dwar ir-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka anness mal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 948; iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 8”) awtorizza lir-Repubblika tal-Polonja, b’deroga mir-regoli ġenerali dwar l-għajnuna mill-Istat, li tagħti għajnuna għar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-azzar tagħha abbażi tal-modalitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni u taħt il-kundizzjonijiet ipprovduti f’dan il-protokoll. Dan jipprovdi b’mod partikolari:

“1.

Minkejja l-Artikoli 87 [KE] u 88 [KE], għajnuna mill-Istat mogħtija mi[r-Repubblika tal-]Polonja għall-iskopijiet ta’ ristrutturar [ristrutturazzjoni] ta’ partijiet speċifiċi ta’ l-industrija ta’ l-azzar tal-Polonja għandha tiqies bħala kompatibbli mas-suq komuni sakemm:

il-perijodu li jipprovdi għalih l-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru. 2 […] ġie estiż sad-data ta’ l-adeżjoni,

it-termini stipulati mill-pjan tar-ristrutturar li abbazi tiegħu ġie estiż il-Protokoll imsemmi hawn fuq, jitħarsu matul il-perijodu 2002-2006,

il-kondizzjonijiet stipulati minn dan il-Protokoll jitwettqu, u

ma titħallas mill-Istat ebda għajnuna għal ristrutturar lill-industrija ta’ l-azzar tal-Polonja wara d-data ta’ l-adeżjoni.

2.

[…]

3.

Huma biss il-kumpanniji li huma mniżżla fl-Anness 1 (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘il-kumpanniji benefiċjarji’) li għandhom ikunu eliġibbli għall-għajnuna mogħtija mill-Istat fil-qafas tal-programm Pollakk tar-ristrutturar ta’ l-azzar.

4.

Kumpannija benefiċċjarja ma tistax:

a)

fil-każ ta’ fużjoni ma’ kumpannija li mhix imniżżla fl-Anness 1, tgħaddi l-benefiċċju ta’ l-għajnuna mogħtija lill-kumpannija benefiċċjarja;

b)

tassumi l-assi ta’ xi kumpannija li mhix inkluża fl-Anness 1 li hi dikjarata falluta fil-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2006.

5.

[…]

6.

L-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija lill-kumpanniji benefiċjarji għandha tiġi determinita abbażi tal-ġustifikazzjonijiet stipulati fil-pjan approvat tal-Polonja għar-ristrutturar ta’ l-azzar u fil-pjanijiet ta’ negozju individwali kif approvati mill-Kunsill. Iżda f’kull każ l-għajnuna mħallsa matul il-perijodu 1997-2003 u l-ammont globali tagħha ma għandhomx jaqbżu s-somma ta’ PLN 3387070000.

[…]

L-ebda għajnuna oħra mill-Istat ma għandha tingħata mi[r-Repubblika tal-]Polonja għal skopijiet ta’ ristrutturar ta’ l-industrija ta’ l-azzar tal-Polonja.

[…]

10.

Kull bidla sussegwenti fil-pjan globali tar-ristrutturar u l-pjanijiet individwali għandu jkollha l-kunsens tal-Kummissjoni, u fejn ikun il-każ, tal-Kunsill.

[…]

18.

Jekk il-kontroll juri li:

[…]

c)

matul il-perijodu ta’ ristrutturar i[r-repubblika tal-]Polonja tkun tat iżjed għajnuna mill-Istat li tkun nkompattibli lill-industrija ta’ l-azzar u lill-kumpanniji benefiċjarji b’mod partikolari,

l-arranġamenti transitorji li jinsabu f’dan il-Protokoll ikunu bla effett.

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi xierqa li jkunu jeħtieġu lil kull kumpannija konċernata tagħti lura kull għajnuna mogħtija bi ksur tal-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Protokoll.”

4

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/588/KE tal-21 ta’ Lulju 2003 dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 3/2002 (ĠU L 199, p. 17) tipprovdi fl-uniku artikolu tagħha:

“Il-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet ta’ ħidma ppreżentati quddiem il-Kummissjoni mir-[Repubblika tal-]Polonja fl-4 ta’ April 2003 skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 3/2002 […] jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jipprovdi fl-Artikolu 6(1):

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed [tesponi] id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment ma għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.”

6

L-Artikolu 7(5) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fejn il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna notifikata m’hijiex kompatibbli mas-suq komuni, għandha tiddeċiedi li dik l-għajnuna m’għandhiex tiddaħħal fis-seħħ (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni negattiva’).”

7

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

“1.   Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (minn hawn ‘l quddiem imsejjħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2.   L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax [interessi] f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.   […]”

8

Skont l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament:

“Kull parti interessata tista’ tissottometti kummenti skond l-Artikolu 6 wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Kull parti interessata li ssottomettiet dawn il-kummenti u kull benefiċjarju ta’ għajnuna individwali għandha tintbgħatilhom kopja tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 7.”

9

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3) jipprovdi fl-Artikolu 9 tiegħu:

“1.   Sakemm ma jkunx provdut mod ieħor f’xi deċiżjoni speċifika ir-rata ta’ mgħax [interessi] li għandha tintuża għall-irkupru ta’ għajnuna ta’ l-Istat mogħtija bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) [KE] għandha tkun rata perċentwali annwali ffissata għal kull sena kalendarja.

Din għandha tiġi kalkolata fuq il-bażi tal-medja tar-rati għal ħames snin ta’ skambju bejn banek għal Settembru, Ottubru u Novembru tas-sena li tiġi qabel, miżjuda b’75 punt bażiku. F’każijiet debitament ġustifikati, l-Kummissjoni tista’ żżid ir-rata b’aktar minn 75 punt bażiku fir-rigward ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

[…]

4.   Fin-nuqqas ta’ data ta’ min jorbot fuqha jew ekwivalenti jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali l-Kummissjoni tista’, b’ko-operazzjoni mill-qrib ma’ l-Istat/i Membri/i konċernat/i, tiffissa rata ta’ mgħax għall-irkupru ta’ għajnuna ta’ l-Istat, għal Stat Membru wieħed jew aktar, fuq il-bażi ta’ metodu differenti u fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli lilha.”

10

Fir-rigward tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-rata ta’ interessi, l-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Ir-rata ta’ mgħax [interessi] għandha tiġi applikata fuq bażi kompost[a] sad-data ta’ rkupru ta’ l-għajnuna. L-imgħax li jkiġġamma [dovut] fis-sena li tiġi qabel għandu jkun suġġett għall-mgħax f’kull sena li tiġi wara.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

11

Il-kawża preżenti tikkonċerna operazzjoni ta’ ristrutturazzjoni fir-rigward tal-produttur tal-azzar Pollakk Huta Częstochowa S.A. (iktar ’il quddiem “HCz”). Ir-ristrutturazzjoni ta’ HCz seħħet bejn l-2002 u l-2005. Għal dan il-għan, l-assi ta’ HCz ġew ittrasferiti lill-impriżi ġodda:

fl-2002, ġiet stabbilita Huta Stali Częstochowa sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “HSCz”) sabiex tissokta bil-produzzjoni tal-azzar ta’ HCz. HSCz kriet l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni mingħand il-kuratur maħtur mill-qorti u ħadet lura l-biċċa l-kbira tal-impjegati. Il-kumpannija parent ta’ HSCz kienet Towarzystwo Finansowe SILESIA Sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “TFS”), kumpannija miżmuma 100% mit-Teżor Pollakk;

fl-2004, ġew stabbiliti l-kumpanniji Majątek Hutniczy sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “MH”) u Majątek Hutniczy Plus (iktar ’il quddiem “MH Plus”). L-azzjonijiet tagħhom kienu miżmuma 100% minn HCz. MH irċeviet l-assi tal-azzar ta’ HCz u MH Plus irċeviet assi oħra neċessarji għall-produzzjoni;

l-assi mhux marbuta mal-produzzjoni (imsejħa “assi mhux tal-azzar”) kif ukoll il-kumpannija elettroenerġetika Elsen ġew trasferiti lill-kumpannija Operator ARP sp. z o.o., kumpannija li tiddependi mill-Agencja Rozwoju Przemysłu S.A. (aġenzija għall-iżvilupp industrijali miżmuma mit-Teżor Pollakk), sabiex tirrimborsa l-krediti tad-dritt pubbliku suġġetti għar-ristrutturazzjoni (taxxi u kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali).

12

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Mejju 2004, il-Kummissjoni informat lir-Repubblika tal-Polonja li kienet iddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lill-produttur tal-azzar HCz. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ Awwissu 2004 (ĠU C 204, p. 6, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-ftuħ”) fil-lingwa awtentika (il-Pollakk), ippreċeduta minn sunt fil-lingwi uffiċjali l-oħra. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-fatti u l-analiżi legali inklużi fid-Deċiżjoni tal-ftuħ. Hija rċeviet osservazzjonijiet mingħand ir-Repubblika tal-Polonja u mingħand erba’ partijiet interessati.

13

F’dokument intitolat “Dikjarazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat potenzjalment mogħtija lil [HCz] u/jew [lil HSCz]” tat-3 ta’ Frar 2005, ISD Polska sp. z o.o. (li dak iż-żmien kienet topera taħt l-isem kummerċjali ZPD Steel sp. z o.o.; iktar ’il quddiem “ISD”), kumpannija sussidjarja miżmuma 100% mill-Industrial Union of Donbass Corp. (iktar ’il quddiem “IUD”), għamlet, fil-kuntest tan-negozjati li ppreċedew ix-xiri ta’ HSCz, ta’ MH, ta’ MH Plus u ta’ għaxar kumpanniji sussidjarji oħra ta’ HCz, id-dikjarazzjoni li ġejja (imsejħa “garanzija”):

“Fil-każ fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li timponi lil [HCz], [lil HSCz] jew lil persuna li ħadet l-assi ta’ [HCz] tirrimborsa l-għajnuna pubblika illegali mogħtija fil-kuntest tal-għajnuna marbuta mal-Programm ta’ ristrutturazzjoni u li l- ammont totali tagħha mhux jkunx iktar minn [PLN] 20 miljun, aħna niddikjaraw li din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma jkollha l-effett li teżonerana mill-obbligi li jirriżultaw mill-offerta, u nimpenjaw ruħna li la nippreżentaw u lanqas ninvokaw ebda forma ta’ talba għal kumpens intiża kontra a) l-awtoritajiet fiskali tar-Repubblika tal-Polonja b) l-[Agencja Rozwoju Przemysłu], c) [TFS], d) [HCz] […] u marbuta man-neċessità li jsir rimbors tal-għajnuna jew ma’ kwalunkwe proċedura mibdija f’dan ir-rigward quddiem il-Kummissjoni wara l-għoti tal-għajnuna pubblika lil [HCz]. Jekk dan ikun il-każ, aħna nimpenjaw ruħna li [MH], [MH Plus] u [HSCz], jew kumpanniji oħra, kif ukoll is-suċċessuri tagħhom fid-dritt (indipendentement mit-titolu ta’ tali suċċessur) jirrimborsaw l-ammont tal-għajnuna pubblika illegali stabbilita fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni, anki jekk din id-deċiżjoni tkun tikkonċerna esklużivament lil [HCz].”

14

Fi tmiem il-proċedura, il-Kummissjoni kkonkludiet li, kuntrarjament għad-dubji inizjali li hija kellha, il-miżuri intiżi għar-ristrutturazzjoni ta’ HCz skont id-dispożizzjonijiet tal-Ustawa o pomocy publicznej dla przedsiębiorców o szczególnym znaczeniu dla rynku pracy (Liġi dwar l-għajnuna pubblika lill-impriżi li huma ta’ importanza kunsiderevoli fis-suq tax-xogħol tat-30 ta’ Ottubru 2002, Dz. U. Nru 213, pożizzjoni 1800, kif emendata), ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li HCz kienet ibbenefikat minn diversi tipi ta’ għajnuna mill-Istat għall-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-2002. Il-Kummissjoni kkonkludiet li din kienet parzjalment kompatibbli mas-suq komuni, iżda talbet ir-rimbors tas-sehem li hija kienet ikkunsidrat bħala inkompatibbli mas-suq komuni, jiġifieri l-ammont ta’ PLN 19699452 (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”).

15

Fil-5 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2006/937/KE dwar l-għajnuna mill-Istat C 20/04 (ex NN 25/04) favur il-produttur tal-azzar HCz (ĠU 2006, L 366, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”). L-Artikolu 3 tagħha jipprovdi:

“1.   L-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-[Repubblika tal-]Polonja favur [HCz] matul il-perijodu ta’ bejn l-1997 u Mejju 2002 li tammonta għal PLN 19699452, fil-forma ta’ għajnuna għall-funzjonament u għajnuna għar-ristrutturazzjoni tax-xogħol, mhijiex kompatibbli mas-suq komuni.

2.   Ir-[Repubblika tal-]Polonja għandha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tirkupra mingħand [HCz], [mingħand] Regionalny Fundusz Gospodarczy, [mingħand MH] u [mingħand Operator ARP] l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1, illegalment mogħtija lil [HCz]. L-impriżi msemmija iktar ’il fuq huma responsabbli in solidum li jirrimborsaw din l-għajnuna.

L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skont il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni preżenti. Is-somom li għandhom jiġu rkuprati jinkludu l-interessi b’effett mid-data li fiha ngħatat l-għajnuna lil [HCz] sad-data tal-irkupru tagħhom. L-interessi huma kkalkolati skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament […] Nru 794/2004.

3.   […]”

16

Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tapprova l-proposta ta’ emenda tal-programm nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni Pollakk, skont il-punt 10 tal-Protokoll Nru 8, sa fejn din tippermetti r-ristrutturazzjoni ta’ HCz mingħajr għajnuna mill-Istat u mingħajr żieda tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni.

17

Skont ftehim tat-30 ta’ Settembru 2005, li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2005, ISD xtrat mingħand HCz l-azzjonijiet kollha ta’ MH u ta’ MH Plus, kif ukoll l-għaxar sussidjarji li kien fadal ta’ HCz. Permezz ta’ kuntratt, dan ukoll tat-30 ta’ Settembru 2005 u li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Ottubru 2005, ISD xtrat mingħand TFS l-azzjonijiet kollha ta’ HSCz. Għalhekk, ISD saret il-proprjetarja ta’ HSCz, ta’ MH, ta’ MH Plus u tal-għaxar kumpanniji sussidjarji oħra ta’ HCz.

18

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Pollakki jindikawlha r-rata ta’ interessi għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand id-debituri in solidum imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni. Fir-risposta tagħhom tat-13 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Pollakki pproponew rati ta’ interessi applikabbli għall-irkupru u l-modalitajiet li għandhom japplikaw għall-kalkolu tal-interessi. Huma pproponew, b’mod partikolari, li għall-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-1999 tittieħed bħala bażi r-rata fissa tal-bonds tat-Teżor Pollakk għal ħames snin, bħala rata denominata f’PLN, u għall-perijodu mill-2000 sas-sħubija tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea, ir-rata tal-istess bonds għal għaxar snin. Barra minn hekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-swieq tal-kapital fil-Polonja f’dak iż-żmien, li kienet ikkarratterizzata minn rati ta’ interessi għoljin ħafna, iżda li jinżlu malajr, huma talbu li jsir aġġustament annwali ta’ dawn ir-rati u li l-interessi ma jkunux ikkalkolati fuq bażi komposta.

19

F’ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006, indirizzata lill-awtoritajiet Pollakki, il-Kummissjoni kkonstatat li r-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni għandha tkun, għall-perijodu kollu kkonċernat, ir-rata fissa tal-bonds tat-Teżor Pollakk għal ħames snin, denominata f’PLN, u li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 794/2004, din ir-rata ta’ interessi għandha tiġi applikata fuq bażi komposta.

20

Permezz ta’ ittri reġistrati tas-7 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Awwissu 2006 rispettivament, il-Kummissjoni nnotifikat id-Deċiżjoni lil IUD (notifika ta’ riċeviment maħruġa fil-11 ta’ Lulju 2006) u lil MH (notifika ta’ riċeviment maħruġa fit-18 ta’ Awwissu 2006). Fil-21 ta’ Diċembru 2006, id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Settembru 2006, ISD u IUD ressqu rikors fil-Kawża T-273/06.

22

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Ottubru 2006, MH ressqet rikors fil-Kawża T-297/06.

23

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2006, il-Kawżi T-273/06 u T-297/06 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

24

Fit-23 ta’ April 2007, ISD u MH informaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza bl-amalgamazzjoni tagħhom tal-15 ta’ Novembru 2006, fejn ISD ħadet id-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ MH.

25

Wara tiġdid parzjali tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid. Sussegwentement, peress li dan ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet assenjata lit-Tmien Awla.

26

Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tmien Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali, li tagħmel ċerti domandi bil-miktub lill-partijiet u li tistieden lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti. Il-partijiet għamlu dan fit-terminu stabbilit.

27

It-trattazzjoni u r-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu waqt is-seduta tas-3 ta’ Settembru 2008.

28

Fil-Kawża T-273/06, ISD u IUD jitolbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tannulla l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni;

sussidjarjament, tiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja ma għandhiex l-obbligu li tirkupra l-għajnuna inkwistjoni u l-interessi msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni, u, għalhekk, li l-ammonti korrispondenti mhumiex dovuti;

iktar sussidjarjament, tannulla t-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni, u tirrinvija l-kwistjoni tal-interessi quddiem il-Kummissjoni sabiex din tadotta deċiżjoni ġdida skont l-Anness A tar-rikors preżenti jew skont kull kunsiderazzjoni oħra li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tindika fil-motivi tas-sentenza;

f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha;

fil-każ fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 87(6) u dawk tal-Artikolu 90(a) tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha.

29

Skont il-punt 3 tar-rikors, ir-rikorrenti ISD u IUD beħsiebhom ukoll jikkontestaw l-ittra tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2006.

30

Fil-Kawża T-297/06, ISD (preċedentement MH, isem li ser jinżamm f’din is-sentenza minħabba raġunijiet ta’ kjarezza) tressaq talbiet identiċi, iżda titlob ukoll, barra minn hekk, l-annullament tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni.

31

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikorsi bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad ir-rikorsi bħala infondati;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi

32

Il-Kummissjoni tikkontesta l-locus standi tar-rikorrenti ISD u IUD kif ukoll l-osservanza tat-termini għall-preżentata taż-żewġ rikorsi. Barra minn hekk, hija ssostni li l-iffissar ta’ rati ta’ interessi għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mhuwiex kontestabbli.

Fuq il-locus standi

— L-argumenti tal-partijiet

33

Il-Kummissjoni tikkontesta l-possibbiltà tar-rikorrenti ISD u IUD li jippreżentaw rikors li huwa distint u paralleli għal dak ta’ MH. Fil-fatt, ir-rekwiżiti tal-ekonomija tal-ġudizzju jipprojbixxu eżami doppju tal-legalità ta’ deċiżjoni meta l-biċċa l-kbira tal-mezzi żviluppati mill-kumpannija parenti jkunu identiċi għal dawk tal-kumpannija sussidjarja tagħha. Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ April 1999, Monsanto vs Il-Kummissjoni (T-112/97, Ġabra p. II-1277) mhijiex rilevanti f’dan ir-rigward. Skont il-Kummissjoni, il-benefiċjarju ta’ għajnuna għandu jitqies bħala entità distinta mill-azzjonisti tiegħu, li għandha r-rieda tagħha stess, kif ġie rrikonoxxut fid-digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Settembru 2006, UPC France vs Il-Kummissjoni (T-367/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra). Għalhekk, MH, bħala benefiċjarja tal-għajnuna inkwistjoni, tista’ tippreżenta rikors għal annullament. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ interess distint minn dak ta’ MH, ir-rikorrenti ISD u IUD ma għandhomx locus standi u dan peress li mhumiex individwalment interessati.

34

Fir-rigward ta’ IUD, il-Kummissjoni tenfasizza li l-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali u l-kwalità tal-parti kkonċernata li tirriżulta ma tipprekludix lil rikorrent li huwa azzjonarju ta’ benefiċjarju ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli milli jistabbilixxi locus standi individwali tiegħu sabiex jippreżenta rikors għal annullament billi juri kif huwa individwalizzat b’mod identiku għal dak tal-benefiċjarja.

35

Ir-rikorrenti jikkonfermaw, fir-rigward tal-locus standi, li skont ġurisprudenza stabbilita, il-benefiċjarju ta’ għajnuna huwa individwalment ikkonċernat minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

36

Fir-rigward ta’ ISD, ir-rikorrenti jsostnu li din ġiet imġiegħla, taħt l-isem kummerċjali preċedenti tagħha, ZPD Steel, li tidħol bħala garanti għar-rimbors minn MH b’mod partikolari tal-għajnuna inkwistjoni koperta mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni. Għalhekk, huwa minnu li d-Deċiżjoni tikkonċernaha individwalment iktar minn kull persuna oħra, minbarra l-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni, u li hija tikkarratterizzaha individwalment b’mod analogu bħal ma tikkaratterizza lill-benefiċjarju, peress li hija għandha, minħabba d-dikjarazzjoni tagħha ta’ garanzija, tirrimborsa l-għajnuna inkwistjoni.

37

Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, kumpannija parent li għandha l-azzjonijiet kollha, u għalhekk, hija proprjetarja 100% tal-kumpannija sussidjarja li hija d-destinatarja ta’ deċiżjoni, u li għalhekk hija kkarratterizza meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, b’mod partikolari, meta mqabbla ma kull operatur ekonomiku fis-suq inkwistjoni, hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni li fir-rigward tagħha titlob l-annullament (sentenza Monsanto vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, punti 58 u 59). F’dan il-każ, ISD għandha l-azzjonijiet kollha ta’ MH, ta’ MH Plus u ta’ HSCz u, għalhekk, hija proprjetarja 100% ta’ dawn l-impriżi u għalhekk individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni.

38

Dan l-istess argument japplika wkoll għal IUD li hija l-proprjetarja 100% tal-azzjonijiet ta’ ISD. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fil-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jippermetti li jiġi stabbilit li persuna fiżika jew ġuridika hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni li fir-rigward tagħha titlob l-annullament. Peress li IUD ippreżentat osservazzjonijiet wara l-ftuħ, fit-12 ta’ Awwissu 2004, tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar l-għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija lil HCz, għaldaqstant hija wkoll hija individwalment ikkonċernata mid-Deċiżjoni.

39

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li ISD u IUD ukoll għandhom interess ġuridiku li jikkontestaw att li, minħabba li kkawża t-telf ta’ valur ta’ MH, jippreġudika d-dritt ta’ proprjetà tagħhom.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu biss jallegaw li din id-deċiżjoni tikkonċernahom individwalment jekk tkun taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ persuni oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom bl-istess mod li huwa individwalizzat id-destinatarju tad-deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223).

41

Għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-locus standi ta’ MH. Fil-fatt, peress li MH issemmiet fid-Deċiżjoni bħala impriża li għandha l-obbligu li tirrimborsa l-għajnuna inkwistjoni, ma hemmx dubju dwar il-fatt li hija individwalment ikkonċernata.

42

Fir-rigward ta’ ISD, għandu jiġi kkonstatat li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors fil-Kawża T-273/06, hija kienet għadha ma ngħaqditx ma’ MH. Għalhekk, il-locus standi tagħha għandu jiġi evalwat separatament minn dak ta’ MH.

43

Madankollu, fil-mument tal-preżentata tar-rikors tagħha, ISD kienet diġà proprjetarja 100% ta’ MH. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fis-sentenza Monsanto vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq (punt 58), li l-fatt li impriża tkun 100% proprjetarja ta’ impriża destinatarja tad-deċiżjoni inkwistoni tikkaratterizzaha, fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, minn kull persuna oħra u, b’mod partikolari, minn kull operatur ekonomiku ieħor fis-suq inkwistjoni.

44

Huwa minnu li l-Kummissjoni tikkontesta din il-ġurisprudenza billi tinvoka d-digriet UPC France vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq. Madankollu, dan id-digriet jikkonċerna, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni nfisha, talba għal intervent ta’ azzjonist b’minoranza u mhux rikors għal annullament ta’ proprjetarju 100% bħal fil-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet li ISD mhijiex biss proprjetarja 100% ta’ MH, iżda hija wkoll garanti tar-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni minn MH (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Konsegwentement, hija obbligata li tiggarantixxi r-rimbors ta’ din l-għajnuna. Barra minn hekk, dan huwa preċiżament dak li effettivament ġara, peress li ISD ħallset lura l-għajnuna inkwistjoni kollha.

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jinċaħad li ISD hija individwalment ikkonċernata, peress li d-Deċiżjoni taffettwaha b’mod negattiv minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkarratterizzaha minn kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha bl-istess mod li huwa individwalizzat id-destinatarju tad-Deċiżjoni.

46

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, kunsiderazzjonijiet relatati mal-ekonomija tal-ġudizzju ma jistgħux jikkonfutaw locus standi li ġie stabbilit.

47

Fir-rigward tal-locus standi ta’ IUD, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, peress li l-locus standi ta’ ISD ġie stabbilit, skont ġurisprudenza li issa titqies bħala stabbilita, fir-rigward tal-istess rikors, ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-locus standi tar-rikorrenti l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punt 31; tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2003, Verband der freien Rohrwerke et vs Il-Kummissjoni, T-374/00, Ġabra p. II-2275, punt 57, tad-9 ta’ Lulju 2007, Sun Chemical Group et vs Il-Kummissjoni, T-282/06, Ġabra p. II-2149, punt 50 u tas-6 ta’ Lulju 1995, AITEC et vs Il-Kummissjoni, T-447/93 sa T-449/93, Ġabra p. II-1971, punt 82).

48

Għalhekk, ma hemmx lok li l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn IUD tiġi eżaminata separatament.

49

Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, dwar il-locus standi tar-rikorrenti, għandha tinċaħad.

Fuq id-dewmien tal-preżentata tar-rikorsi

— L-argumenti tal-partijiet

50

Il-Kummissjoni ssostni li ż-żewġ rikorsi ġew ippreżentati tard, peress li t-tliet rikorrenti kellhom għarfien tad-Deċiżjoni l-iktar tard fl-10 ta’ April 2006. Fil-fatt, il-Kummissjoni tosserva li d-data tal-10 ta’ April 2006 tidher fin-naħa ta’ fuq ta’ kull paġna tal-faks tad-Deċiżjoni bil-lingwa Pollakka mehmuża mal-ittra tar-rikorrenti ISD u IUD tat-18 ta’ Settembru 2006 kif ukoll mal-ittra ta’ MH tas-17 ta’ Ottubru 2006, indirizzati lill-Qorti tal-Prim’Istanza, u li l-faks kienet indirizzata lil “Kancelaria LSW” li dak iż-żmien kienet il-konsulent tal-grupp IUD. Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tat-terminu ta’ estensjoni ta’ għaxart ijiem minħabba d-distanza, it-terminu għall-preżentata tar-rikors skada fl-20 ta’ Ġunju 2006.

51

Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-data li fiha r-rikorrenti kellha għarfien tal-att hija rilevanti biss b’mod sussidjarju, jiġifieri għall-atti li la huma suġġett ta’ notifika u lanqas ta’ pubblikazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkonstata li d-Deċiżjoni ġiet ikkomunikata lil IUD permezz ta’ ittra reġistrata tas-7 ta’ Lulju 2006, bin-notifika ta’ riċeviment tal-11 ta’ Lulju 2006, u lil MH permezz ta’ ittra reġistrata tas-16 ta’ Awwissu 2006, bin-notifika ta’ riċeviment tat-18 ta’ Lulju 2006. Hija tirrileva wkoll li d-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-21 ta’ Diċembru 2006 fil-Ġurnal Uffiċjali.

52

Madankollu, ir-rikorrenti, li mhumiex destinatarji tal-att, ma stabbilixxewx b’liema mod il-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni li saritilhom permezz ta’ ittra reġistrata skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999, tikkostitwixxi notifika fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230.

53

Ir-rikorrenti jikkonstataw li IUD ġiet innotifikata bid-Deċiżjoni fil-11 ta’ Lulju 2006 u li r-rikors fil-kawża T-273/06 ġie ppreżentat fil-11 ta’ Settembru 2006. MH ġiet innotifikata bid-Deċiżjoni fit-18 ta’ Awwissu 2006 u ppreżentat ir-rikors fis-17 ta’ Ottubru 2006. ISD ma setax ikollha għarfien tad-Deċiżjoni qabel ma IUD irċevietha fil-11 ta’ Lulju 2006.

54

Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li, peress li d-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, ir-rikorsi huma ammissibbli ratione temporis, u dan jew peress li d-Deċiżjoni hija suġġetta għal notifika u ġiet debitament innotifikata lilhom, jew peress li d-Deċiżjoni mhijiex suġġetta għal notifika u l-kriterju tal-għarfien effettiv invokat mill-Kummissjoni huwa sussidjarju meta mqabbel ma’ dak tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

55

Fir-rigward tal-osservanza tat-termini, għandu jiġi rrilevat li d-data li fiha r-rikorrenti kellhom għarfien tal-att hija biss rilevanti sussidjarjament, jiġifieri fir-rigward tal-atti li la huma suġġetti għal notifika u lanqas għal pubblikazzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita relatata mal-interpretazzjoni tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kriterju tad-data tal-għarfien tal-att bħala l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa sussidjarju meta mqabbel ma’ dawk tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973, punt 35, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-11/95, Ġabra p. II-3235, punt 47).

56

Fil-każ inkwistjoni, id-Deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-21 ta’ Diċembru 2006. Għalhekk, ir-rikorsi preżenti, ippreżentati fil-11 ta’ Settembru u fis-17 ta’ Ottubru 2006, ġew ippreżentati b’osservanza tat-terminu pprovdut fil-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, skont l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 102(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu skada fl-14 ta’ Marzu 2007, jiġifieri xahrejn, ġimagħtejn u għaxart ijiem wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni u għalhekk ħafna wara l-preżentata tar-rikorsi.

57

Huwa minnu li l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni ma kinitx kundizzjoni ta’ għarfien. Madankollu, hija prattika stabbilita li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-għajnuna skont l-Artikolu 88(2) KE jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. Għalhekk, ir-rikorrenti setgħet leġittimament tistenna li d-Deċiżjoni tkun suġġetta għal pubblikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 55 iktar ’il fuq, punti 48 sa 51).

58

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ittra tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2006, li permezz tagħha l-Kummissjoni nnotifikat it-test tad-Deċiżjoni lil IUD, tikkostitwixxix notifika fis-sens tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Polonja hija l-unika destinatarja tad-Deċiżjoni, skont l-Artikolu 254(3) KE. Peress li r-rikorrenti mhijiex id-destinatarja tad-Deċiżjoni, il-kriterju tan-notifika tal-att mhuwiex applikabbli fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T-17/02, Ġabra p. II-2031, punt 76).

59

Fi kwalunkwe każ, anke jekk jitqies li Deċiżjoni tista’ tiġi nnotifikata lil persuna li mhijiex id-destinatarja, u li l-komunikazzjoni tad-Deċiżjoni lir-rikorrenti skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999 għandha tiġi kkunsidrata bħala notifika, xorta jibqa l-fatt li għandu jitqies li r-rikorsi ġew ippreżentati fit-terminu stabbilit. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fatt, skont l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-terminu tar-rikors fil-Kawża T-273/06 skada fil-21 ta’ Settembru 2006, jiġifieri xahrejn u għaxart ijiem wara n-notifika tad-Deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2006, u għalhekk wara l-preżentata tar-rikors fil-11 ta’ Settembru 2006. It-terminu fil-kawża T-297/06 skada fit-30 ta’ Ottubru 2006, jiġifieri t-Tnejn ta’ wara l-iskadenza ta’ xahrejn u għaxart ijiem wara n-notifika tad-Deċiżjoni tat-18 ta’ Awwissu 2006, u għalhekk wara l-preżentata tar-rikors fis-17 ta’ Ottubru 2006.

60

Isegwi li r-rikorsi ġew ippreżentati fit-termini pprovduti.

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra l-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006

— L-argumenti tal-partijiet

61

Il-Kummissjoni ssostni li l-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006, li fiha stabbilixxiet ir-rata ta’ interessi li għandha tiġi applikata għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, mhijiex att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, ir-rata ta’ interessi li tirriżulta mill-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004 hija tal-“istess valur” bħal dik imsemmija fl-Artikolu 9(1). Għalhekk, dawn ir-rati għandhom “saħħa ta’ liġi erga omnes”. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkontestawhom meta ma jkunux interessati direttament u individwalment.

62

Din is-“saħħa ta’ liġi” hija kkonfermata mill-fatt li l-istess rata ntużat f’deċiżjonijiet oħra indirizzati lir-Repubblika tal-Polonja li wkoll kienu jikkonċernaw għajnuna illegali, pereżempju fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/344/KE tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar l-għajnuna mill-Istat C 23/06 (ex NN 35/06) implementata mir-Repubblika tal-Polonja favur il-grupp Technologie Buczek, produttur tal-azzar (ĠU 2008, L 116, p. 26).

63

Ir-rikorrenti jirrilevaw li r-rata stabbilita mill-Kummissjoni fl-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 lill-awtoritajiet Pollakki ma tapplikax b’mod ġenerali għall-għajnuna mill-Istat kollha mogħtija matul is-snin ta’ qabel is-sħubija tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea. Bil-kontra, din hija “deċiżjoni speċifika”, li tapplika biss għal każ ta’ HCz u li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi speċifiċi tas-sitwazzjoni u tas-suq tagħha.

64

Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-iffissar tar-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni hija parti integrali mid-Deċiżjoni u mhux mir-Regolament Nru 794/2004. Għalhekk, hija tista’ tiġi kkontestata bl-istess mod bħad-Deċiżjoni.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

65

L-ewwel nett, fir-rigward tan-natura vinkolanti tal-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata “tinkludi l-imgħax [interessi] f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni”. L-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004 jippreċiża li, fin-nuqqas, fost l-oħrajn, ta’ data neċessarja għall-kalkolu tar-rata skont l-Artikolu 9(1) tal-istess regolament, il-Kummissjoni tista’ “tiffissa”, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat jew mal-Istati Membri kkonċernati, rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, għal Stat Membru wieħed jew iktar, abbażi ta’ metodu differenti u tal-informazzjoni li hija għandha.

66

Minn dan isegwi li hija l-Kummissjoni li tiddetermina, għalkemm b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru kkonċernat, b’mod vinkolanti, ir-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, din in-natura vinkolanti ġiet ikkonfermata mill-Kummissjoni waqt is-seduta. Għalhekk, l-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 għandha titqies li hija att li jipproduċi effetti legali vinkolanti fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, Ġabra p. 2639, punt 9), u għalhekk hija att li jista’ jiġi kkontestat.

67

It-tieni nett, fir-rigward tal-locus standi tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk ir-rati inklużi fl-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 għandhomx saħħa ta’ liġi jew inkella jekk dawn jikkostitwixxux deċiżjoni individwali, mhijiex rilevanti għall-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat f’dan ir-rigward. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-rikorrenti mhumiex id-destinatarji tal-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006. F’dawn il-kundizzjonijiet, sabiex jikkontestaw ir-rati ta’ interessi stabbiliti f’din l-ittra r-rikorrenti għandhom juru li huma kkonċernati direttament u individwalment, skont id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, fiż-żewġ tipi ta’ każijiet imsemmija.

68

Fir-rigward ta’ jekk parti hijiex direttament ikkonċernata, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-miżura Komunitarja kkontestata għandha direttament toħloq effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha, li huma responsabbli mill-implementazzjoni tagħha, peress li din l-implementazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C-386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 43). Dan japplika wkoll meta l-possibbiltà li d-destinatarji jkollhom li ma jimplementawx l-att Komunitarju hija biss teoretika, peress li ma hemmx dubju dwar ir-rieda tagħhom li jaġixxu b’mod konformi miegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dreyfus vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punti 8 sa 10). Fil-kawża inkwistjoni, l-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet Pollakki, u dan anki fir-rigward tal-aspetti li dwarhom huma kienu għamlu proposta differenti lill-Kummissjoni fl-ittra tagħhom tat-13 ta’ Marzu 2006.

69

Fir-rigward ta’ jekk parti hijiex individwalment ikkonċernata, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004 jagħti lill-Kummissjoni l-possibbiltà li tiffissa, b’mod ġenerali, rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat “għal Stat Membru wieħed jew aktar”.

70

Issa, għandu jiġi kkonstat li, fl-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni ma ffissatx tali rata ġenerali.

71

Fil-fatt, f’din l-ittra, il-Kummissjoni tirreferi b’mod espliċitu għad-Deċiżjoni u tiffissa r-rata ta’ interessi għall-irkupru ta’ għajnuna speċifika li tagħha huma debituri r-rikorrenti. Id-diċitura tal-ittra mhijiex ta’ applikazzjoni ġenerali, iżda tikkonċerna “miżuri li għandhom jiġu adottati għall-implementazzjoni tad-[D]eċiżjoni”. Barra minn hekk, kuntrarjament għal rati kkalkolati skont il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 794/2004, ir-rata stabbilita mill-Kummissjoni fl-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 qatt ma ġiet ippubblikata. Għalhekk, ma jistax jitqies li l-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 hija ta’ applikazzjoni ġenerali.

72

Fl-aħħar nett, ir-risposta tal-Kummissjoni għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tikkonfuta l-konklużjoni li, fil-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni ma ffissatx ir-rata b’mod astratt u ġenerali iżda skont il-ħtiġijiet speċifiċi tad-Deċiżjoni. Huwa minnu li l-Kummissjoni ssostni li din ir-rata “ntużat” f’każ ieħor u li l-awtoritajiet Pollakki “aċċettaw” li jintuża l-istess metodu ta’ fffissar tar-rata. Madankollu, li kieku din ir-rata ġiet iffissata fl-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 għal każijiet kollha ta’ rkupru ta’ għajnuna mogħtija matul il-perijodu kkonċernat fil-Polonja, il-Kummissjoni la kien ikollha għalfejn terġa’ tibda l-proċedura pprovduta fl-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004, la tidħol “[f]’ko-operazzjoni mill-qrib ma’ l-Istat [Membru] konċernat”, u lanqas li tinvoka l-kunsens tal-awtoritajiet Pollakki. Hija kienet tkun tista’ sempliċement tapplika r-rata preċedentement stabbilita.

73

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiffissa r-rata applikabbli għal każ inkwistjoni u li din l-ittra tikkonċerna r-rikorrenti individwalment, peress li huma marbuta jirrimborsaw ammont flimkien mal-interessi b’dik ir-rata.

74

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-rikors ippreżentat kontra l-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 huwa ammissibbli.

Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet, tar-raba’ u tas-sitt kapijiet tat-talbiet

L-argumenti tal-partijiet

75

Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet, ir-raba’ u s-sitt kapijiet tat-talbiet tar-rikorrenti (ara l-punt 28 iktar ’il fuq) huma inammissibbli, peress li ma jidħlux fil-kap ta’ applikazzjoni tal-istħarriġ tal-legalità bbażat fuq l-Artikolu 230 KE. Fil-fatt, dawn il-kapijiet tat-talbiet huma essenzjalment intiżi li jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza timponi ordnijiet.

76

Ir-rikorrenti jwieġbu li dawn il-kapijiet tat-talbiet ma jiksrux in-“natura annullabbli” tar-rikors għal annullament, sa fejn dan ir-rikors jimplika t-teħid ta’ deċiżjoni ġdida li tkun konformi mas-sentenza tal-annullament.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

77

Kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, it-tielet u s-sitt kapijiet tat-talbiet mhumiex intiżi li jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza timponi ordnijiet fir-rigward tagħha. Fil-fatt, is-sitt kap tat-talbiet huwa intiż li din tal-aħħar tiġi kkundannata għall-ispejjeż u għalhekk huwa ammissibbli.

78

Permezz tat-tielet kap tat-talbiet, ir-rikorrenti sussidjarjament jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza “tiddikjara” li l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li tirkupra l-għajnuna ma jeżistix. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fin-nuqqas ta’ bażi legali fit-Trattat, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex kompetenti sabiex tieħu deċiżjoni dwar tali kap tat-talbiet. Għalhekk, dan huwa inammissibbli.

79

Permezz tar-raba’ kap tat-talbiet, ir-rikorrenti jitolbu b’mod partikolari lill-Qorti tal-Prim’Istanza tirrinvija quddiem il-Kummissjoni l-kwistjoni dwar l-interessi sabiex din tieħu deċiżjoni ġdida. Fir-replika tagħhom u waqt is-seduta r-rikorrenti indikaw li, permezz ta’ dan il-kap tat-talbiet, huma kienu qegħdin jillimitaw ruħhom li jsemmu konsegwenza loġika tas-sentenza fil-każ fejn tintlaqa’ t-talba għall-annullament magħmula f’dan l-istess kap tat-talbiet, konsegwenza li, barra minn hekk, hija diġà msemmija fl-Artikolu 233(1) KE. Għalhekk, ma għandux awtonomija sinjifikattiva.

Fuq il-mertu

80

Fil-Kawża T-273/06, ir-rikorrenti ISD u IUD jinvokaw sitt motivi bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ta’ fatti u fuq ksur tad-dritt tagħhom li jippreżentaw osservazzjonijiet, tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, tal-Protokoll Nru 8, tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u tar-Regolament Nru 794/2004. Fil-Kawża T-297/06, MH tinvoka erba’ motivi li huma essenzjalment identiċi għal dawk imqajma fil-kawża T-273/06, minbarra t-tieni u t-tielet motivi li mhumiex ripetuti.

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Protokoll Nru 8

— L-argumenti tal-partijiet

81

Qabelxejn, ir-rikorrenti jfakkru li fil-premessa 108 tad-Deċiżjoni l-Kummissjoni kkonstatat li l-Artikoli 87 KE u 88 KE normalment ma japplikawx għal għajnuna mogħtija qabel is-sħubija li ma tibqax tapplika wara s-sħubija. Għalhekk, sabiex tiġġustifika l-kompetenza tagħha l-Kummissjoni tipprovdi interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 6 tal-Protokoll Nru 8 li mhijiex konformi mal-għan tiegħu.

82

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li mhux biss talli l-Protokoll Nru 8 ma jirreferix għall-impriżi li mhumiex elenkati fl-Anness 1, minbarra l-eċċezzjoni unika tal-punt 4(b), iżda talli, bil-kontra ta dan, dan il-punt jipprovdi l-possibbiltà li terz jieħu l-assi ta’ kumpannija li mhijiex elenkata fl-Anness 1 li bbenefikat mill-għajnuna għar-ristrutturazzjoni. Fil-fatt, l-għan tal-Protokoll Nru 8 huwa li jiġi evitat li l-għajnuna mogħtija lill-impriża benefiċjarja partikolari tiżdied ma’ għajnuna mill-Istat oħra jew tiġi trażmessa lil terz. Għalhekk, il-Protokoll Nru 8 mhuwiex bażi legali li fuqha setgħet tibbaża ruħha l-Kummissjoni sabiex tadotta d-Deċiżjoni.

83

It-tieni nett, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-preżunzjoni tan-nonretroattivà, ikkonfermata fid-dritt internazzjonali, u l-“prinċipju ta’ prevedibbiltà” jimplikaw li test jista’ japplika retroattivament biss jekk regola tawtorizza dan espliċitament u tindika bi preċiżjoni l-perijodu ta’ applikazzjoni retroattiva tat-test inkwistjoni. Issa, it-test tat-tielet paragrafu tal-punt 6 tal-Protokoll Nru 8 ma jipprovdix espliċitament effett retroattiv. Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li dan ma japplikax għal għajnuna mill-Istat mogħtija qabel l-adozzjoni tagħha min-naħa ta’ kumpanniji li mhumiex inklużi fl-Anness 1.

84

L-uniku element ta’ retroattività li jinsab fil-Protokoll Nru 8 huwa r-rifermient, għal perijodu ta’ bejn l-1997 u l-2003, li jsir sistematikament jew fir-rigward tal-ammont totali tal-għajnuna li tista’ tingħata (punt 6) jew inkella fir-rigward tat-tnaqqis nett ta’ kapaċità li għandha twettaq ir-Repubblika tal-Polonja (punt 7). Dan ikun ifisser li l-kalkolu tal-għajnuna futura li tingħata lill-impriżi benefiċjarji wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Nru 8 għandu jsir billi retroattivament jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ammont tal-għajnuna li diġà ngħatat, iżda mhux billi l-għajnuna li diġà ngħatat tiġi retroattivament ikkunsidrata illegali.

85

It-tielet nett, il-Kummissjoni “daħlet fil-kompetenza ratione temporis ta’ istituzzjonijiet oħra”. Fil-fatt, huma biss il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni u l-Kunsill li għandhom is-setgħa li jieħdu deċiżjoni dwar il-konformità tal-programm ta’ ristrutturazzjoni Pollakk mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil rigward l-applikazzjoni tal-Ftehim Ewropew, l-istituzzjonijiet Komunitarji kellhom il-possibbiltà li jressqu talba quddiem il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni. Il-Kummissjoni m’għamlet xejn minn dan meta hija saret taf li HCz kienet irċeviet għajnuna mill-Istat. Billi fetħet investigazzjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni, hija indebitament assenjat lilha nfisha setgħa ta’ stħarriġ u, konsegwentement, id-deċiżjoni tagħha għandha tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

86

Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 8. Minkejja li HCz ma ġietx formalment iddikjarata bħala falluta, il-proċedura ta’ ristrutturazzjoni tagħha hija ekonomikament paragunabbli għal falliment. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ HCz u ISD (kif ukoll IUD) ġie applikat trattament differenti, kemm jekk minn perspettiva legali f’dak li jirrigwarda HCz kif ukoll jekk minn perspettiva fattwali f’dak li jirrigwarda ISD (u IUD), minn dak li l-punt 4(b) tal-Protokoll Nru 8 jirriżerva rispettivament lill-kumpannija f’falliment jew lil terzi xerrejja.

87

Fil-Kawża T-297/06, ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni billi ssostni li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti li tiddeċiedi li tissuġġetta l-emenda tal-“Programm nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni” Pollakk għal fatt li din l-emenda ma tkun tinkludi ebda għajnuna mill-Istat u ebda żieda tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet interpretazzjoni manifestament żbaljata tal-punt 10 tal-Protokoll Nru 8, peress li dan tal-aħħar ma jagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa diskrezzjonali li tirrifjuta li Stat Membru jżid fil-“Programm nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni” tiegħu għajnuna li hija kompatibbli mas-suq komuni.

88

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

89

Permezz tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-Protokoll Nru 8, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok peress li huwa jikkonċerna l-bażi legali tad-Deċiżjoni, ir-rikorrenti essenzjalment jikkontestaw l-applikabbiltà ratione temporis u ratione personae tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u l-kompetenza tal-Kummissjoni li tistħarreġ l-osservanza tagħhom matul il-perijodu ta’ qabel is-sħubija tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea.

90

Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, huwa paċifiku bejn il-partijiet, li bħala prinċipju, l-Artikoli 87 KE u 88 KE ma japplikawx għal għajnuna mogħtija qabel is-sħubija li ma tibqax tapplika wara s-sħubija.

91

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni, sabiex tiġġustifika l-kompetenza tagħha, issostni li l-Protokoll Nru 8 huwa lex specialis. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li din l-iskema hija differenti f’ħafna aspetti mill-iskema ġenerali pprovduta fit-Trattat KE u mill-Anness IV tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 797; iktar ’il quddiem l-“Anness IV tat-Trattat ta’ Adeżjoni”). Għalhekk, skont il-punt 1 tal-Protokoll Nru 8, ċerta għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja għar-ristrutturazzjoni ta’ setturi speċifiċi tal-industrija tal-azzar Pollakki, li mhijiex normalment ammissibbli skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE, hija meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni pprovdut fl-Anness IV tat-Trattat ta’ Adeżjoni jirrigwarda biss għajnuna mill-Istat mogħtija qabel is-sħubija li hija tibqa’ dejjem applikabbli wara d-data tas-sħubija.

92

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 8 jawtorizzawx lill-Kummissjoni testendi s-setgħa ta’ stħarriġ tagħha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għall-għajnuna inkwistjoni u jekk dawn jikkostitwixxux bażi legali suffiċjenti għal projbizzjoni ta’ din l-għajnuna.

93

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Protokoll Nru 8 jirreferi għal għajnuna mogħtija fil-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-2003. Dan jawtorizza ammont limitat ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija matul dan il-perijodu (jiġifieri qabel is-sħubija tar-Repubblika tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea) lil ċerti impriżi elenkati fl-Anness 1 u tipprojbixxi, inkambju, kull għajnuna mill-Istat oħra għar-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar.

94

L-ewwel paragrafu tal-punt 6 tal-Protokoll Nru 8 jipprovdi b’mod partikolari li, fi kwalunkwe każ, l-ammont totali tal-għajnuna mħallsa matul il-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-2003 ma jistax ikun ikbar minn PLN 3387070000. It-tielet paragrafu tal-punt 6 tal-Protokoll Nru 8 jippreċiża li ebda għajnuna oħra ma tista’ tingħata mir-Repubblika tal-Polonja għar-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka. Għalhekk, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, l-applikazzjoni retroattiva tal-Protokoll Nru 8 hija stabbilita fil-punt 6 li jirreferi għall-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-2003.

95

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li, fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-Protokoll Nru 8 f’Settembru 2003, dan il-perijodu kien kważi skada, l-argument tar-rikorrenti li jgħid li dan ir-riferiment għall-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-2003 japplika biss għal fatt li l-kalkolu tal-għajnuna futura għandu jsir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, retrospettivament, l-ammonti ta’ għajnuna li diġà ngħatat, iżda mhux billi l-għajnuna li diġà ngħatat tiġi retroattivament ikkunsidrata illegali, mhuwiex konvinċenti.

96

A contrario, l-għan tal-Protokoll Nru 8 kien li tiġi stabbilita skema komprensiva għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna intiża għar-ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka u mhux biss li tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-għajnuna minn impriżi benefiċjarji.

97

Isegwi li, fir-rigward tal-Anness IV tat-Trattat ta’ Sħubija u tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, il-Protokoll Nru 8 huwa lex specialis li jestendi s-setgħa ta’ sħarriġ tal-għajnuna mill-Istat li l-Kummissjoni għandha bis-saħħa tat-Trattat KE għall-għajnuna mogħtija favur ir-riorganizzazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka matul il-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-2003.

98

Lanqas l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma huma ta’ tali natura li jikkonfutaw l-applikabbiltà tal-Protokoll Nru 8.

99

Fir-rigward tal-argument dwar l-applikabbiltà ratione personae tal-Protokoll Nru 8, li jipprovdi li dan tal-aħħar ma jkoprix l-impriżi li mhumiex elenkati fl-Anness 1 tiegħu, għandu jingħad li dan il-protokoll jikkonċerna l-industrija tal-azzar Pollakka fl-intier tagħha, u dan jinkludi awtomatikament lir-rikorrenti. Fil-fatt, mhux biss talli t-tielet paragrafu tal-punt 6 tal-Protokoll Nru 8 jimponi ammont totali għal għajnuna u jeskludi kull għajnuna oħra mhux ipprovduta minnu, iżda talli l-punt 3 tiegħu jipprovdi espliċitament li l-impriżi elenkati fl-Anness 1 biss (impriżi benefiċjarji) jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-programm ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar Pollakka. Jekk jitqies li impriża mhux elenkata fl-Anness 1 tista’ żżomm ammonti limitati ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni rċevuta qabel is-sħubija mingħajr ma tnaqqas, inkambju, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, il-Protokoll Nru 8 ikun nieqes minn kull sens.

100

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-punt 4(b) tal-Protokoll Nru 8 li jgħid li huma biss l-impriżi benefiċjarji li ma jistgħux jieħdu l-assi ta’ impriża mhux elenkata fl-Anness 1 u li ġiet iddikjarata falluta, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jinterpretaw din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat. Fil-fatt, dan il-punt jikkonċerna biss l-impriżi benefiċjarji u għalhekk ma jippermettix li jittieħdu konklużjonijiet fir-rigward ta’ impriżi oħra. Barra minn hekk, anke jekk jitqies li dan il-punt jipprovdi l-possibbiltà li terz jieħu l-assi ta’ impriża falluta mhux elenkata fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8, dan bl-ebda mod ma jimplika li dan it-terz mhuwiex obbligat jirrifondi għajnuna illegali rċevuta mill-imsemmija impriża.

101

Għalhekk, il-fatt li s-sitwazzjoni ta’ HCz tista’ tiġi pparagunata ma’ dik ta’ impriża falluta mhux elenkata fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8, mhijiex rilevanti. Konsegwentement, l-ilment li jirreferi għal dan, ibbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 8, għandu wkoll jinċaħad. Barra minn hekk, HCz la hija kumpannija benefiċjarja u lanqas impriża falluta. Jekk jintlaqa’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali dan ikun essenzjalment ifisser li jkun qiegħed jiġi kkontestat il-Protokoll Nru 8 li, bħala sors tad-dritt primarju, jagħmel parti mit-Trattat KE.

102

Fir-rigward tal-argument li jipprovdi li l-Kummissjoni eċċediet il-kompetenza tagħha, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-punt 18 tal-Protokoll Nru 8 jipprovdi li, fil-każ fejn ir-Repubblika tal-Polonja, matul il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni, tat lill-industrija tal-azzar u, b’mod partikolari, lill-impriżi benefiċjarji, għajnuna mill-Istat addizzjonali inkompatibbli, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex teżiġi li l-impriżi kkonċernati jirrimborsaw kull għajnuna mogħtija bi ksur tal-kundizzjonijiet pprovduti f’dan il-protokoll. Dawn il-miżuri xierqa jinkludu miżuri ta’ stħarriġ skont l-Artikolu 88 KE. Isegwi li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tistħarreġ l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 8.

103

Fl-aħħar nett, rigward l-argumenti invokati sabiex tiġi kkontestata l-legalità tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-punt 10 tal-Protokoll Nru 8, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tapprova kull emenda oħra tal-pjan globali ta’ ristrutturazzjoni u ta’ pjanijiet individwali u li, fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni, hija tenniet ċerti kundizzjonijiet li huma diġà pprovduti fil-Protokoll Nru 8.

104

Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Protokoll Nru 8 għandu jiġi miċħud.

Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

— L-argumenti tal-partijiet

105

Ir-rikorrenti jsostnu li li kieku l-fatti rilevanti ġew stabbiliti b’mod korrett, dan kien iwassal lill-Kummissjoni tikkonstata li, minħabba t-teħid tal-mezzi ta’ produzzjoni ta’ HCz bi prezz korrispondenti għal prezz tas-suq, l-għajnuna inkwistjoni kienet diġà tħallset lura.

106

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’kawża simili li meta kumpannija benefiċjarja ta’ għajnuna nbiegħet bil-prezz tas-suq, il-prezz tal-bejgħ jirrifletti l-konsegwenzi tal-għajnuna preċedenti u huwa l-bejjiegħ tal-imsemmija kumpannija li jżomm il-benefiċċju tal-għajnuna. F’dan il-każ, l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti għandu, fl-ewwel lok, jiġi żgurat permezz tar-rimbors tal-għajnuna mill-bejjiegħ. Madankollu, jekk is-somom tal-privatizzazzjoni finalment tħallsu lill-Istat, dan tal-aħħar ikollu kemm il-kwalità ta’ bejjiegħ kif ukoll dik ta’ fornitur tal-għajnuna, b’mod li l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti ma tistax tiġi żgurata permezz tar-rimbors tal-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C-390/98, Ġabra p. I-6117, punti 78 u 79).

107

Fil-kawża inkwistjoni, ISD xtrat, bi prezz li jikkorrispondi mal-valur tas-suq, l-azzjonijiet ta’ HSCz mingħand TFS u l-azzjonijiet ta’ MH u ta’ MH Plus kif ukoll ta’ għaxar kumpanniji sussidjarji ta’ HCz mingħand din tal-aħħar. Għalhekk, ladarba twettaq il-bejgħ, kienu TFS u HCz, jiġifieri impriżi miżmuma 100% mill-Istat Pollakk, li kellhom il-benefiċċju tal-għajnuna inkwistjoni.

108

Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li kien taħt il-pressjoni tal-Istat Pollakk li IUD kellha toffri prezz kunsiderevolment ogħla minn dak tal-offerta inizjali tagħha u li, barra minn hekk, timpenja ruħha bħala garanti favur MH. Madankollu, l-imsemmi impenn jinkludi r-rikonoxximent espliċitu favur IUD tad-dritt ta’ rikors kontra deċiżjoni eventwali tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna.

109

Ir-rikorrenti jirrikonoxxu l-iżviluppi reċenti tal-ġurisprudenza Banks, punt 106 iktar ’il fuq, fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, (C-277/00, Ġabra p. I-3925, iktar ’il quddiem is-“sentenza SMI”), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Ottubru 2005, CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni (T-324/00, Ġabra p. II-4309). Madankollu, skont ir-rikorrenti, din il-ġurisprudenza għandha l-konsegwenza li meta l-benefiċjarju jsir parti mill-grupp tax-xerrej, l-irkupru tal-għajnuna mingħand il-benefiċjarju jaffettwa wkoll ekonomikament lix-xerrej li, skont il-każ, ikun diġà ħallas lura l-għajnuna billi ħallas prezz konformi mas-suq. Barra minn hekk, jekk il-bejjiegħ tal-pakkett azzjonarju kien l-Istat stess, li għandu jirkupra l-għajnuna inkwistjoni, l-imsemmi Stat jirkupra l-għajnuna darbtejn.

110

Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv għandu jitqies bħala mingħajr suġġett, peress li r-rikorrenti jikkontestaw punt li mhuwiex inkluż fid-Deċiżjoni.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

111

Sabiex tevalwa l-argument li jgħid li ISD xtrat l-assi ta’ HCz bil-prezz tas-suq, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ stadji. L-ewwel nett, MH u MH Plus, żewġ kumpanniji sussidjarji 100% ta’ HCz, ħadu l-assi tal-azzar u assi oħra neċessarji għall-produzzjoni mingħand HCz (asset deal). Sussegwentement, HCz biegħet lil MH u lil MH Plus lil ZPD Steel (li saret ISD), sussidjarja 100% ta’ IUD (share deal).

112

Fir-rigward tal-“asset deal”, huwa paċifiku li ebda prezz tal-bejgħ ma tħallas lil HCz minn MH u MH Plus inkambju għat-trasferiment tal-assi ta’ HCz lil dawn il-kumpanniji, li parti mill-assi tagħhom kienu marbutin bħala garanzija. Il-biża tal-Kummissjoni li, wara din ir-ristrutturazzjoni, HCz tista’ ssir “qoxra vojta”, fatt li jipprekludi kull irkupru tal-għajnuna ddikjarata bħala inkompatibbli minkejja l-preżenza fil-bidu ta’ assi sostanzjali, kienet għalhekk fondata. Konsegwentement, kien biss l-impożizzjoni ta’ obbligu tal-ħlas lura in solidum li seta’ jippermetti lir-Repubblika tal-Polonja taġixxi kontra kull impriża benefiċjarja.

113

Fir-rigward tax-“share deal”, għandu jiġi kkonstatat li x-xiri ta’ MH u ta’ MH Plus minn ISD, li barra minn hekk kien għadu ma sarx fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni, mhuwiex eżaminat hemmhekk. Fil-fatt, mid-dispożittiv u mill-premessi tagħha jirriżulta li huwa biss l-ewwel stadju, jiġifieri l-problema dwar it-trasferimenti tal-assi ta’ HCz (asset deal), li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni.

114

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tar-rikors għal annullament, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li jeżistu fid-data ta’ meta ġie adottat l-att (ara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7, u s-sentenza SMI, punt 109 iktar ’il fuq, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

Issa, fid-data ta’ meta ġiet adottata d-Deċiżjoni, jiġifieri l-5 ta’ Lulju 2005, HCz kienet għadha proprjetarja ta’ MH u ta’ MH Plus, peress li l-bejgħ lil ISD seħħ biss fit-30 ta’ Settembru 2005. Madankollu, dan il-bejgħ sussegwenti ta’ MH lil ISD mhuwiex rilevanti fir-rigward tal-legalità tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, avvenimenti li seħħew wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ma jistgħux jagħmluha, retroattivament, illegali. Għalhekk, dan il-motiv huwa mingħajr bażi, peress li r-rikorrenti jikkontestaw operazzjoni li mhijiex evalwata fid-Deċiżjoni.

116

Isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti ISD u IUD ibbażati fuq is-sentenzi Banks, punt 106 iktar ’il fuq, SMI u CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni, punt 109 iktar ’il fuq, ma għandhom ebda rilevanza fil-kuntest tal-kawża preżenti. Fil-fatt, fis-sentenza Banks, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-possibbiltà li titlob ir-rimbors tal-għajnuna wara l-bejgħ tal-impriża benefiċjarja. Is-sentenzi sussegwenti SMI u CDA Datenträger Albrechts vs Il-Kummissjoni jikkonċernaw sitwazzjonijiet fejn, kuntrarjament għal każ inkwistjoni, il-bejgħ seħħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna.

117

Wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, huwa fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni li l-modalitajiet tar-rimbors, inkluża l-kwistjoni dwar liema parti mis-somma totali għandha tiġi rrimborsata minn kull waħda mill-impriżi debitriċi in solidum, għandhom jiġu ddeterminati mill-awtoritajiet Pollakki.

118

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti għandu jinċaħad.

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet

— L-argumenti tal-partijiet

119

Ir-rikorrenti ISD u IUD isostnu li, minkejja li l-Kummissjoni kellha għarfien tal-għajnuna inkwistjoni, is-sunt tad-Deċiżjoni tal-ftuħ ma kinitx tirreferi għall-għajnuna inkwistjoni. Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ hemm esposti ċerti elementi rilevanti tad-dritt, iżda ma ġie ppreżentat l-ebda fatt fir-rigward ta’ għajnuna partikolari bħal mhija l-għajnuna inkwistjoni. Din id-diċitura ma ppermettietx lil IUD li ssir taf liema għajnuna kienet ikkonċernata mill-investigazzjoni. Konsegwentement, IUD ma setgħetx tkun taf li hija kellha għalfejn tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-għajnuna inkwistjoni. Għalhekk, hija ma setgħetx teżerċità d-dritt li hija għandha skont l-Artikolu 88 KE u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999.

120

Fir-replika tagħhom, ir-rikorrenti jirrikonoxxu li l-istedina sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ssemmi b’mod partikolari l-perijodu kopert mill-proċedura ta’ eżami. Madankollu, din l-informazzjoni tinsab biss fid-Deċiżjoni tal-ftuħ fil-verżjoni ppubblikata fil-lingwa oriġinali (il-Pollakk), u mhux fis-sunt. Issa, IUD ħasbet li setgħet issir taf bid-Deċiżjoni tal-ftuħ abbażi tas-sunt ippubblikat bl-Ingliż.

121

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li, fl-istadju tal-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami, l-evalwazzjoni ġuridika tal-fatti rilevanti hija neċessarjament preliminari, iżda li d-Deċiżjoni tal-ftuħ turi b’mod ċar li hija kienet staqsiet lilha nfisha fuq l-eżistenza ta’ għajnuna oħra mogħtija lil HCz u lil HSCz mill-1997.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

122

Huwa minnu li, fis-sunt tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, li tidentifika lil HCz bħala benefiċjarja potenzjali ta’ għajnuna mill-Istat, la l-għajnuna inkwistjoni u lanqas il-perijodu ta’ bejn l-1997 u l-2003 mhuma msemmija.

123

Madankollu, min-natura stess tas-sunt jirriżulta li dan ma jistax jinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha inkluża fid-Deċiżjoni tal-ftuħ. Barra min hekk, mill-istedina sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, jirriżulta li huwa biss it-test Pollakk li huwa awtentiku. Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni tal-ftuħ hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja li l-lingwa uffiċjali tagħha hija l-Pollakk. Għalhekk, ir-rikorrenti ma setgħux jillimitaw ruħhom li jsiru jafu bid-Deċiżjoni tal-ftuħ sempliċement abbażi tas-sunt ippubblikat bl-Ingliż. Fl-interess tagħhom stess, ir-rikorrenti kellhom iwettqu traduzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jekk, minkejja l-fatt li ISD hija impriża Pollakka, din ma setgħetx tinftiehem minnhom.

124

Fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-ftuħ infisha, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fażi tal-eżami msemmija fl-Artikolu 88(2) KE hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni jkollha informazzjoni kompleta dwar id-data kollha tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 38).

125

Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, id-Deċiżjoni tal-ftuħ tirriproduċi l-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkluża l-“evalwazzjoni preliminari” mill-Kummissjoni tal-miżura proposta, u tesponi r-raġunijiet għaliex tiddubita mill-fatt li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

126

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, l-analiżi tal-Kummissjoni hija neċessarjament ta’ natura preliminari. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fin-notifika tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il-Kummissjoni, T-354/99, Ġabra p. II-1475, punt 85].

127

Madankollu, il-punti 6, 32 u 51 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, li t-test tagħhom fil-lingwa Pollakka ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, juri b’mod ċar li l-Kummissjoni kellha dubji dwar l-eżistenza ta’ diversa għajnuna mogħtija lil HCz u lil HSCz mill-1997. Fil-fatt, fil-punt 6, hija tikkonstata li “[a]bbażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, jidher li HCz irċeviet diversa għajnuna pubblika mill-bidu tal-perijodu ta’ ristrutturazzjoni fl-1997”. Fil-punt 32, hija tippreċiża li “[f]il-kuntest ta’ din il-proċedura, kull għajnuna mogħtija lil HCz mill-1 ta’ Jannar 1997 għandha tittieħed inkunsiderazzjoni”. Għalhekk, hija titlob lill-awtoritajiet Pollakki “[j]agħtu informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti u d-destinazzjoni tal-għajnuna pubblika kollha mogħtija mir-[Repubblika tal-] Polonja lil HCz mill-1997” (punt 51).

128

Minkejja li d-Deċiżjoni tal-ftuħ ma ssemmix b’mod espliċitu għajnuna għar-ristrutturazzjoni, u lanqas is-somma ta’ PLN 19699452 PLN, madankollu minn dawn it-termini jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni tibda proċedura eżawrjenti li tkopri l-għajnuna kollha mogħtija lil HCz mill-1997.

129

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ddefiniet b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex it-terzi kkonċernati jkunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, dan il-motiv għandu jinċaħad.

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

— L-argumenti tal-partijiet

130

Ir-rikorrenti ISD u IUD isostnu li l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tindika bi preċiżjoni, fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, l-għajnuna mill-Istat li tagħha hija titlob it-tħassir fid-Deċiżjoni, għandha wkoll il-konsegwenza li tivvizzja d-Deċiżjoni b’illegalità li tirriżulta minn ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Huma jsostnu li l-aspettattivi leġittimi tagħhom kienu bbażati wkoll fuq il-fatt li IUD kienet qieset bħala fatt li l-għajnuna inkwistjoni kienet ser tiġi kkunsidrata bħala rimborsata skont il-ġurisprudenza Banks, punt 106 iktar ’il fuq, u li l-għajnuna mogħtija qabel l-2003 kienet ġiet debitament innotifikata lill-Kummissjoni.

131

Fil-kuntest tal-motiv sussegwenti, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni nisslet fihom l-aspettattiva li l-għajnuna rċevuta minn HCz ma kinitx ser tkun ikkanċellata. Anke li kieku kellu jiġi konkluż li l-għajnuna inkwistjoni kienet illegali, fil-kawża inkwistjoni jeżistu kundizzjonijiet li huma kompletament eċċezzjonali. Fil-fatt, wara li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003, li l-estensjoni tad-deroga pprovduta fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2 kellha l-effett li tirregolarizza retroattivament l-għajnuna li setgħet ingħatat illegalment wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim Ewropew, ir-rikorrenti setgħu leġittimament jaħsbu li l-Kummissjoni ma kinitx teħtieġ l-irkupru tal-għajnuna rċevuta minn HCz. Huma jirrilevaw li għalkemm l-għajnuna inkwistjoni ma kinitx ġiet innotifikata fis-sens tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, hija kienet ġiet “debitament innotifikata” skont il-proċeduri rilevanti tal-Protokoll Nru 2.

132

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u tiddikjara li r-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-kawża inkwistjoni.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

133

Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, għandha ssir riferenza għal eżami tal-motiv preċedenti fejn, wara li tfakkar li tali deċiżjoni kienet neċessarjament ta’ natura preliminari, ġie kkunsidrat li, fid-Deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet madankollu ddefinixxiet b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami (ara l-punti 126 sa 129 iktar ’il fuq). Għalhekk, in-nuqqas ta’ referenza espliċita għall-għajnuna inkwistjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ ma jippermettix lir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

134

Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw l-aspettattivi tagħhom rigward il-fatt li l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi kkunsidrata rimborsata, għandu jiġi kkonstatat li tali aspettattivi ma jistgħux jiġu estiżi abbażi tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, ir-rikorrenti la kienu mħeġġa, permezz ta’ att tal-Komunità, li jieħdu deċiżjoni li sussegwentement irriżultat f’konsegwenzi negattivi għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1988, Mulder, 120/86, Ġabra p. 2321, punt 24), u lanqas ma kienu benefiċjarji ta’ att amministrattiv favorevoli min-naħa ta’ istituzzjoni Komunitarja li ġie rtirat retroattivament minn din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 1997, de Compte vs Il-Parlament, C-90/95 P, Ġabra p. I-1999, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, is-sentenza Banks, punt 106 iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti fir-rigward tal-legalità tad-Deċiżjoni (ara l-punt 116 iktar ’il fuq).

135

Fir-rigward tal-allegata regolarizzazzjoni retroattiva tal-għajnuna illegali, għandu jiġi mfakkar li l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhomx, bħala prinċipju, aspettattivi leġittimi fir-regolarità ta’ għajnuna biss jekk din ingħatat fl-osservanza tal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 88 KE u li operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura li din il-proċedura tkun ġiet osservata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C-24/95, Ġabra p. I-1591, punt 25).

136

Fil-każ inkwistjoni, huwa paċifiku li ma kien hemm ebda notifika tal-għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, l-għajnuna inkwistjoni ngħatat fi żmien meta r-Repubblika tal-Polonja kienet għadha ma saritx membru tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, ma kienx possibbli li ssir notifika skont il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 88 KE.

137

Ir-rikorrenti jsostnu li l-għajnuna inkwistjoni kienet ġiet “debitament innotifikata” skont il-proċeduri rilevanti tal-Protokoll Nru 2. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 2 introduċa projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna pubblika ta’ kull tip, minbarra derogi awtorizzati skont it-Trattat KEFA. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll deroga fir-rigward tal-prodotti “tal-azzar KEFA”, għall-għajnuna għar-ristrutturazzjoni, li kienet madankollu suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet u proċeduri.

138

Madankollu, dawn il-proċeduri ma setgħux inisslu aspettattivi leġittimi fi ħdan ir-rikorrenti. Fil-fatt, permezz tad-dikjarazzjoni tagħhom li l-għajnuna inkwisjtoni kienet “debitament innotifikata” skont il-proċeduri tal-Protokoll Nru 2, ir-rikorrenti donnhom jirreferu għad-Deċiżjoni 2003/588. F’din id-deċiżjoni, il-Kunsill ikkonstata li l-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-pjanijiet ta’ impriża ppreżentati quddiem il-Kummissjoni mir-Repubblika tal-Polonja fl-4 ta’ April 2003 kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-pjan ta’ impriża rigwardanti HCz ma ġiex ippreżentat quddiem il-Kummissjoni. Konsegwentement, ma kienx kopert mill-approvazzjoni inkluża fid-Deċiżjoni 2003/588.

139

Fir-rigward tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, li tipprovdi li l-estensjoni tad-deroga pprovduta fl-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2 kellh l-effett li tirregolarizza retroattivament l-għajnuna kollha li ngħatat illegalment wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Ewropew, għandu jiġi kkonstatat li dawn it-termini ma jinsabux fl-att finalment adottat mill-Kunsill. Għalhekk, sempliċi proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill ma segħetx toħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan ir-rikorrenti.

140

Isegwi li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi għandu jinċaħad.

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999

— L-argumenti tal-partijiet

141

Ir-rikorrenti jfakkru li, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ma timponix l-irkupru tal-għajnuna jekk dan jimplika li, billi tagħmel hekk, hija tmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għalhekk, permezz tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

142

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-rikorrenti jippreżentaw l-argumenti esposti fil-punt 131 iktar ’il fuq.

143

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, ir-rikorrenti jsostnu li dan jipprekludi lil istituzzjoni milli teżiġi l-kanċellament ta’ għajnuna meta din tkun tgħarrfet dwarha fil-kuntest ta’ programm ta’ ristrutturazzjoni tal-industrija tal-azzar nazzjonali u li istituzzjoni oħra, fuq proposta ta’ din tal-ewwel, tkun ħadet deċiżjoni li tiddikjara dan il-programm konformi mad-dritt Komunitarju.

144

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-Kummissjoni, billi kkundannat lir-Repubblika tal-Polonja tirkupra l-għajnuna mogħtija lil HCz, filwaqt li kkunsidrat li l-għajnuna mogħtija lill-impriżi tal-Anness 1 kienet kompatibbli mat-Trattat, ittrattat b’mod radikalment differenti żewġ kategoriji ta’ persuni li s-sitwazzjonijiet ġuridiċi u fattwali tagħhom mhumiex essenzjalment differenti, jiġifieri l-impriżi elenkati fl-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8, minn naħa, u l-entità ekonomika li ssostitwixxiet lil HCz, minn naħa l-oħra.

145

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti u ssostni b’mod partikolari li l-għajnuna inkwistjoni qatt ma ġiet approvata mill-awtoritajiet Komunitarji jew Pollakki abbażi tal-Artikolu 8(4) tal-Protokoll Nru 2.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

146

Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, taċ-ċertezza legali u ta’ trattament ugwali bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999.

147

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-allegat ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandha ssir riferenza għal konklużjoni li saret wara l-eżami ta’ dawn l-argumenti fil-kuntest tal-motiv preċedenti (punt 140 iktar ’il fuq).

148

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-allegat ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, lanqas tali lment ma jista jintlaqa’. Fil-fatt, kif intwera iktar ’il fuq, l-aġir tal-Kummissjoni ma jmurx kontra d-Deċiżjoni 2003/588, peress li l-pjan ta’ impriża rigward HCz mhuwiex kopert minn din tal-aħħar. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-Anness 1 tal-Protokoll Nru 8 jinkludi l-isem tal-entitajiet awtorizzati li jirċievu għajnuna mill-Istat u li HCz ma kinitx inkluża.

149

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li HCz mhijiex inkluża fost l-impriżi benefiċjarji jikkostitwixxi, barra minn hekk preċiżament ir-raġuni li tiġġustifika trattament differenti meta mqabbla ma dawn tal-aħħar. Sa fejn il-Protokoll Nru 8 jipprovdi trattament differenti tal-impriżi benefiċjarji u tal-impriżi li mhumiex elenkati fl-Anness 1 tal-imsemmi protokoll, għandu jiġi kkonstatat li dan il-protokoll, bħala sors tad-dritt primarju, jagħmel parti mit-Trattat KE.

150

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 għandu jinċaħad.

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 794/2004

— L-argumenti tal-partijiet

151

Fil-każ fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi li l-motivi għal annullament imsemmija iktar ’il fuq huma infondati, ir-rikorrenti jikkunsidraw li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni, li jikkonċerna l-kalkolu tal-interessi dovuti, għandu xorta waħda jiġi annullat. Fil-fatt, il-Kummissjoni kisret l-għan tal-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004, jiġifieri l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni kif kienet qabel ma ngħatat l-għajnuna illegali (status quo ante), billi, minn naħa, imponiet interessi fuq il-ħlas lura tal-interessi u, min-naħa l-oħra, billi għażlet rata ta’ referenza li kienet totalment estranja għar-realtà tas-suq Pollakk bejn l-1997 u l-2004.

152

L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dritt Pollakk, l-interessi jiddekorru biss fuq il-kapital tal-arretrati tat-taxxa u li l-liġi fiskali ma tipprovdix għal kapitalizzazzjoni tal-interessi dovuti fuq dawn l-arretrati. Konsegwentement, l-impriżi benefiċjarji jinsabu f’sitwazzjoni li mhijiex identika għal dik li kienu jinsabu fiha qabel l-għoti tal-għajnuna, iżda f’sitwazzjoni inqas favorevoli.

153

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li, kif ġie spjegat fid-dettall fil-konsultazzjoni mehmuża mal-Anness A ta’ dan ir-rikors, kien rari ħafna, bejn l-1997 u l-2004, li impriżi jiksbu kapital estern għal terminu twil (5 snin jew iktar) billi jużaw bonds u self bankarju kkalkolati fi PLN. L-impriżi kienu jippreferu self fil-munita barranija iktar milli fil-munita nazzjonali u l-“munita barranija primarja” f’dan il-kuntest kienet id-dollar Amerikan (USD).

154

Peress li riedet tapplika r-rata ta’ interessi tal-bonds tat-Teżor Pollakk, il-Kummissjoni ma użatx ir-rata li tirrifletti korrettament il-vantaġġ li kienet ibbenefikat minnu HCz. Kuntrarjament, ir-rati ta’ interessi tal-bonds tat-Teżor kellhom l-effett li jissopravalutaw dan il-vantaġġ u l-ħlas lura tal-interessi jqiegħed lill-impriżi benefiċjarji f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mal-istatus quo ante. Fir-realtà, ir-rati determinanti jinsabu bejn 4.24 u 7.51%, filwaqt li r-rati proposti mill-Kummissjoni jvarjaw bejn 5.50 u 19.70%. Ladarba t-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni jiġi annullat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tirrinvija l-kwistjoni tal-interessi quddiem il-Kummissjoni sabiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida fis-sens tal-Anness A tar-rikors preżenti. Ir-rikorrenti jikkonkludu billi jagħmlu sunt tal-proċedura tal-kalkolu deskritta fl-imsemmi Anness A u jagħtu r-riżultati għas-snin ta’ bejn l-1997 u l-2006.

155

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

156

L-aħħar motiv tar-rikorrenti jirrigwarda r-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkontestaw mhux biss id-Deċiżjoni iżda wkoll l-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 li fiha l-Kummissjoni ffissat din ir-rata.

157

Fir-rigward tad-Deċiżjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(2) tagħha, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tesponi li s-somom li għandhom jiġu rkuprati jinkludu l-interessi b’effett minn meta ngħatat l-għajnuna inkwistjoni lil HCz sad-data tal-irkupru tagħha u li l-interessi huma kkalkolati skont id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu V tar-Regolament Nru 794/2004. Sa fejn ir-rikorrenti jikkontestaw ir-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, il-motiv huwa għalhekk mingħajr bażi, peress li r-rata la hija stabbilta f’dan id-dispożittiv u lanqas fil-premessi tad-Deċiżjoni.

158

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 147 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni espliċitament irrikonoxxiet li, peress li rata swap interbankarja għal ħames snin ma kinitx disponibbli fir-rigward tal-Polonja għal perijodu kkonċernat mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni, ir-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tagħha għandha tkun ibbażata, skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004, fuq ir-rata ta’ interessi disponibbli li għandha titqies bħala xierqa għal dan il-perijodu.

159

Sa fejn ir-rikorrenti jikkonstataw il-metodu ta’ kalkolu tal-interessi li jinsab fid-Deċiżjoni, għandu jiġi rrilevat li l-konstatazzjonijiet fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni huma ta’ natura purament dikjaratorja, peress li huma limitati li jirreferu għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kapitolu V tar-Regolament Nru 794/2004. Fil-fatt, il-metodu tal-kalkolu tal-interessi jirriżulta mir-Regolament Nru 794/2004 innifsu. Madankollu, ir-rikorrenti ma jissollevawx l-eċċezzjoni tal-illegalità dwar dan ir-regolament.

160

Fir-rigward tal-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006 fejn il-Kummissjoni ffissat ir-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li r-rata ta’ referenza magħżula mill-Kummissjoni hija kompletament estranja għar-realtà tas-suq Pollakk ta’ dak iż-żmien u li l-interessi ma għandhomx jiġu kkalkolati fuq bażi komposta.

161

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-ilmenti mhumiex fondati.

162

Fil-fatt, fir-rigward tal-metodu tal-iffissar tar-rata ta’ interessi, l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004 jipprovdi biss li l-iffissar tar-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru għandha titwettaq “b’kooperazzjoni mill-qrib” mal-Istat Membru kkonċernat.

163

Issa, mill-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki, li din ippreżentat wara domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li l-iffissar tar-rata applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni effettivament żvolġa “b’ko-operazzjoni mill-qrib” mar-Repubblika tal-Polonja. Fil-fatt, fl-ittra tagħhom tat-13 ta’ Marzu 2006, l-awtoritajiet Pollakki pproponew bħala rata ta’ interessi għall-irkupru, ir-rati tal-bonds tat-Teżor għal ħames snin u għaxar snin rispettivament. Fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-swieq tal-kapital fil-Polonja f’dak iż-żmien, li kienet ikkaratterizzata minn rati għoljin ħafna, iżda li jinżlu malajr, huma talbu li jsir aġġustament annwali ta’ dawn ir-rati u li l-interessi ma jkunux ikkalkolati fuq bażi komposta.

164

Il-Kummissjoni laqgħet il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-proposti. Huwa minnu li hija kkunsidrat, għal raġunijiet ta’ koerenza, li minflok tuża żewġ rati differenti hija kellha tapplika biss ir-rata tal-bonds għal ħames snin għall-perijodu kollu ta’ bejn l-1997 u l-2004. Madankollu, meta tiddetermina r-rata applikabbli skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 794/2004, il-Kummissjoni għandha ċerta marġni ta’ diskrezzjoni. Barra minn hekk, l-għażla ta’ rata unika lanqas ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti.

165

Fir-rigward tal-metodu tal-applikazzjoni tal-interessi, u b’mod partikolari, tal-kalkolu tal-interessi fuq bażi komposta, huwa minnu li l-Kummissjoni ċaħdet l-argument tar-Repubblika tal-Polonja. Madankollu, l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 794/2004 jippreċiża espliċitament li r-rata ta’ interessi għandha tapplika fuq bażi komposta sad-data tal-irkupru tal-għajnuna u li l-interessi li jiddekorru f’sena jipproduċu interessi kull sena sussegwenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 794/2004 jipprovdi li l-Artikoli 9 u 11 tiegħu huma applikabbli għal kull deċiżjoni ta’ rkupru nnotifikata wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Peress li r-Regolament Nru 794/2004 daħal fis-seħħ f’Mejju 2004, huwa kien għalhekk applikabbli waqt l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet obbligata titlob li l-interessi jkunu kkalkolati fuq bażi komposta.

166

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet Pollakki pproponew ir-rati ta’ referenza inkwistjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tiffissa r-rata ta’ interessi applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni b’kooperazzjoni mill-qrib mar-Repubblika tal-Polonja, li hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li hija ma kinitx iġġustifikata li tapplika l-imsemmija rata ta’ interessi fuq bażi komposta.

167

Isegwi li l-motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 794/2004 għandu jinċaħad.

168

Peress li l-motivi kollha tar-rikorrenti ġew miċħuda, għalhekk, ir-rikorsi għandhom jinċaħdu fl-intier tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

169

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

2)

ISD Polska sp. z o.o. u Industrial Union of Donbass Corp. huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Martins Ribeiro

Papasavvas

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-1 ta’ Lulju 2009.

Firem

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikorsi

 

Fuq il-locus standi

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq id-dewmien tal-preżentata tar-rikorsi

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra l-ittra tas-7 ta’ Ġunju 2006

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet, tar-raba’ u tas-sitt kapijiet tat-talbiet

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-mertu

 

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Protokoll Nru 8

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 794/2004

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.