20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 346/7


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (EURATOM) Nru 1369/2013

tat-13 ta’ Diċembru 2013

dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programm ta' għajnuna għad-dekummissjonar ta' impjanti nukleari fil-Litwanja, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1990/2006

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-2003, u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu u l-Protokoll Nru 4 għalih,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont il-Protokoll Numru 4 dwar l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja (1) mehmuż mal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 (il-“Protokoll Nru 4”), li fl-2004 irrikonoxxa l-fatt li l-Unjoni kienet lesta tipprovdi għajnuna tal-Unjoni addizzjonali adegwata għall-isforzi tal-Litwanja biex tlesti l-proċess ta’ dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina u li enfasizza din l-espressjoni ta’ solidarjetà, il-Litwanja impenjat ruħha li tagħlaq l-unità 1 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina qabel l-2005 u li tagħlaq l-unità 2 ta' dak l-impjant sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, u li wara tgħaddi għad-dekummissjonar ta’ dawk l-unitajiet. F’konformità mal-obbligi tagħha, il-Litwanja għalqet iż-żewġ unitajiet ikkonċernati fl-iskadenzi rispettivi tagħhom.

(2)

F’konformità mal-obbligi tagħha taħt it-Trattat tal-Adeżjoni u bl-għajnuna tal-Unjoni, il-Litwanja għalqet l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina u għamlet progress sinifikanti fil-proċess tad-dekummissjonar tiegħu. Hija meħtieġa aktar ħidma biex jitkompla l-progress fl-operazzjonijiet proprji tad-dekontaminazzjoni, iż-żarmar, il-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv u biex jiġi implimentat il-proċess kontinwu lejn l-istat aħħari tad-dekummissjonar f'konformità mal-pjan tad-dekummissjonar, waqt li jkun żgurat li jiġu applikati l-ogħla standards ta' sikurezza. Abbażi tal-istimi disponibbli, biex jitlesta x-xogħol ta’ dekummissjonar se jkun hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji addizzjonali sostanzjali.

(3)

B'rikonoxximent tal-fatt li l-għeluq prematur u d-dekummissjonar konsegwenti tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina b'żewġ unitajiet tar-reatturi tat-tip RBMK ta' 1 500 MW, li l-Litwanja wirtet mill-Unjoni Sovjetika, hija ta' natura mingħajr preċedent u għal-Litwanja tirrappreżenta piż finanzjarju eċċezzjonali li mhux proporzjonat mad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-pajjiż, il-Protokoll Nru 4 jiddikjara li l-assistenza tal-Unjoni taħt il-programm ta' Ignalina se jitkompla bla waqfien u se jiġi estiż lil hinn mill-2006, għall-perjodu tal-perspettivi finanzjarji li jmiss.

(4)

L-Unjoni impenjat ruħha li tassisti lil-Litwanja biex tindirizza l-piż finanzjarju eċċezzjonali impost bil-proċess ta' dekummissjonar. Sa mill-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni, il-Litwanja rċeviet appoġġ finanzjarju sostanzjali mill-Unjoni, l-iktar permezz tal-programm ta’ Ignalina li kien stabbilit għall-perjodu 2007 - 2013. L-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni taħt dak il-Programm se jintemm fl-2013.

(5)

B'rikonoxximent tal-impenn tal-Unjoni taħt il-Protokoll Nru 4, u wara t-talba għal iktar fondi min-naħa tal-Bulgarija, tal-Litwanja u tas-Slovakkja, fil-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss għall-perjodu 2014 - 2020 “Baġit għall-Ewropa 2020” huwa previst ammont ta’ EUR 700 miljun mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sikurezza u għad-dekummissjonar fil-qasam nukleari. Minn dan, ammont ta' EUR 500 miljun fi prezzijiet tal-2011, li jiġu madwar EUR 553 miljun fi prezzijiet attwali, huwa previst għal programm ġdid sabiex ikompli jiġi appoġġat il-proċess ta’ dekummissjonar tal-unitajiet 1 u 2 ta’ Bohunice V1, tal-unitajiet 1 u 2 ta’ Ignalina u tal-unitajiet 1 sa 4 ta’ Kozloduy għall-perjodu mill-2014 sal-2020.

(6)

L-ammont tal-approprjazzjonijiet allokati għall-programmi ta' Kozloduy, Ignalina u Bohunice, kif ukoll il-perjodu tal-ipprogrammar u d-distribuzzjoni tal-fondi fost dawk il-programmi jistgħu jiġu riveduti fuq il-bażi tar-riżultati ta' nofs il-perjodu u r-rapporti ta' evalwazzjoni finali.

(7)

L-appoġġ skont dan ir-Regolament għandu jiżgura kontinwazzjoni bla waqfien tad-dekummissjonar u jikkonċentra fuq miżuri li jimplimentaw il-proċess kontinwu lejn l-istat aħħari tad-dekummissjonar, waqt li jkun żgurat li jiġu applikati l-ogħla standards ta' sikurezza, peress li miżuri bħal dawn jagħtu l-ikbar valur miżjud lill-Unjoni, waqt li r-responsabbiltà aħħarija għas-sikurezza nukleari tibqa' tal-Istat Membru kkonċernat. Dan ir-Regolament huwa mingħajr ħsara għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura tal-għajnuna mill-Istat li jistgħu jitwettqu fil-ġejjieni skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(8)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri kkonċernatitaħt it-Trattat tal-Adeżjoni, b’mod partikulari taħt il-Protokoll Nru 4.

(9)

Sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ effiċjenza possibbli, u b'hekk jittieħed kont tal-aħjar prattika internazzjonali, id-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari kopert minn dan ir-Regolament għandu jitwettaq billi jintuża l-aħjar għarfien espert tekniku disponibbli, u billi jitqiesu kif xieraq in-natura tal-unitajiet li għandhom jingħalqu u l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi tagħhom.

(10)

L-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament u l-operazzjonijiet li huma jappoġġaw għandhom jikkonformaw mal-liġi applikabbli nazzjonali u tal-Unjoni. Id-dekummissjonar tal-impjant tal-enerġija nukleari kopert minn dan ir-Regolament għandu jsir skont il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza nukleari, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom (2), il-ġestjoni tal-iskart, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom (3) u l-ambjent, b'mod partikolari d-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u d-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 (5).

(11)

L-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament u l-operazzjonijiet li huma jappoġġaw għandhom ikunu bbażati fuq pjan ta' dekummissjonar aġġornat li jkopri l-attivitajiet ta' dekummissjonar u l-iskeda, l-ispejjeż u r-riżorsi umani meħtieġa assoċjati magħhom. L-ispejjeż għandhom jiġu stabbiliti skont standards rikonoxxuti f'livell internazzjonali għall-istima tal-ispejjeż tad-dekummissjonar, bħal, pereżempju, l-International Structure for Decommissioning Costing ippubblikat mill-Aġenzija għall-Enerġija Nukleari, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-Kummissjoni Ewropea.

(12)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm kontroll effettiv tal-iżvilupp tal-proċess tad-dekummissjonar sabiex tiżgura l-ogħla valur miżjud tal-Unjoni tal-fondi allokati taħt dan ir-Regolament, għalkemm ir-responsabbiltà aħħarija għall-proċess tad-dekummissjonar hija f’idejn l-Istat Membru kkonċernat. Dan jinkludi l-kejl tal-prestazzjoni effettiva u l-valutazzjoni tal-miżuri korrettivi matul il-programm ta' Ignalina.

(13)

L-interessi finanzjarji tal-Unjoni għandhom jitħarsu permezz ta’ miżuri proporzjonati tul iċ-ċiklu tal-infiq kollu kemm hu, li jinkludu l-prevenzjoni, il-kxif u l-investigazzjoni tal-irregolaritajiet, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod ħażin u, fejn xieraq, is-sanzjonijiet.

(14)

Peress li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, b’mod partikulari fir-rigward tal-provvedimenti għal riżorsi finanzjarji adegwati għall-kontinwazzjoni tal-proċess tad-dekummissjonar b’mod sikur, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjonijiet, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(15)

Ċerti miżuri taħt il-programm ta' Ignalina jistgħu jeħtieġu livell għoli ta' finanzjament mill-Unjoni, li jista', f'każijiet eċċezzjonali ġġustifikati tajjeb, jammonta għall-ammont sħiħ tal-finanzjament. Madanakollu, għandhom isiru l-isforzi kollha biex titkompla l-prattika tal-kofinanzjament stabbilita fil-qafas tal-assistenza ta' qabel l-adeżjoni u l-assistenza pprovduta matul il-perjodu 2007-2013 għall-isforzi ta' dekummissjonar tal-Litwanja, kif ukoll biex jiġi attirat kofinanzjament minn għejun oħra kif ikun adatt.

(16)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma annwali u tal-proċeduri ddettaljati ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(17)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1990/2006 (7) għandu jiġi revokat.

(18)

Ittieħed il-kont debitu tar-Rapport Speċjali Nru 16/2011 tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-għajnuna finanzjarja tal-UE għad-diżattivazzjoni ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja, ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu u t-tweġiba mill-Kummissjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi programm għall-implimentazzjoni tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni għall-miżuri marbuta mad-dekummissjonar tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja (il-“programm ta' Ignalina”).

Artikolu 2

Għanijiet

1.   L-għan ġenerali tal-programm ta' Ignalina hu li jgħin lill-Istat Membru kkonċernat fl-implimentazzjoni tal-proċess kontinwu lejn l-istati aħħarin tad-dekummissjonar tal-unitajiet 1 u 2 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Ignalina, f'konformità mal-pjan tiegħu għad-dekummissjonar, waqt li jinżamm l-ogħla livell ta' sikurezza.

2.   Fil-perjodu ta' finanzjament, l-għanijiet speċifiċi ewlenin tal-programm ta' Ignalina huma:

(a)

it-tneħħija tal-fjuwils mill-qalba tar-reattur tal-unità 2 u mill-pixxini għall-ħżin tal-fjuwil tar-reatturi tal-unitajiet 1 u 2 għal ġol-faċilità għall-ħżin fin-niexef tal-fjuwil użat, li għandu jitkejjel mill-għadd ta’ elementi tal-fjuwil li jkunu tneħħew;

(b)

iż-żamma tal-unitajiet tar-reattur b’mod sikur, li għandu jitkejjel mill-għadd ta’ inċidenti li jiġu rreġistrati;

(c)

iż-żarmar tas-sala tat-turbina u tal-bini sekondarju l-ieħor u l-ġestjoni sikura tal-iskart li ġej mill-proċess tad-dekummissjonar skont pjan iddettaljat għall-ġestjoni tal-iskart, li għandu jitkejjel mill-għadd u t-tip ta’ sistemi sekondarji żarmati, u mill-kwantità u t-tip ta’ skart ikkundizzjonat b'mod sikur.

3.   Il-programm ta' Ignalina jista' jinkludi wkoll miżuri għaż-żamma ta' livell għoli ta' sikurezza fl-unitajiet li qed jiġu dekummissjonati, inkluż appoġġ fir-rigward tal-persunal tal-impjanti tal-enerġija nukleari.

Artikolu 3

Baġit

1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-programm ta' Ignalina għall-perijodu mill-2014 sal-2020, għandu jkun ta’ EUR 229 629 000 fi prezzijiet attwali. Dan ir-Regolament ma jippreġudika b'ebda mod l-impenji finanzjarji taħt oqfsa finanzjarji pluriennali futuri.

2.   Sa tmiem l-2017, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-prestazzjoni tal-programm ta' Ignalina u għandha tivvaluta l-progress tiegħu f'relazzjoni mal-passi ewlenin u mal-iskadenzi msemmija fl-Artikolu 7 fil-qafas tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu msemmija fl-Artikolu 9. Fuq il-bażi tar-riżultati ta' dik il-valutazzjoni, tista' ssir reviżjoni tal-ammont tal-approprjazzjonijiet allokati lill-programm ta' Ignalina, kif ukoll tal-perjodu tal-ipprogrammar u d-distribuzzjoni tal-fondi bejn il-programm ta' Ignalina u l-programmi ta' Kozloduy u Bohunice kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1368/2013 (8) jistgħu jiġu riveduti biex jittieħed kont tal-progress imwettaq fl-implimentazzjoni ta' dawk il-programmi u jkun żgurat li l-ipprogrammar u l-allokazzjoni tar-riżorsi jkunu bbażati fuq ħtiġijiet ta' pagament u kapaċità ta' assorbiment effettivi.

3.   L-allokazzjoni finanzjarja għall-programm ta' Ignalina tista’ tkopri wkoll l-ispejjeż li jagħmlu parti mill-attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, kontroll, awditjar u evalwazzjoni li huma meħtieġa għall-ġestjoni ta' dak il-programm u għall-ilħuq tal-għanijiet tiegħu. B’mod partikulari jistgħu jkunu koperti l-ispejjeż relatati ma' studji, laqgħat tal-esperti, attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, fosthom il-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni sal-punt li dawn ikollhom x’jaqsmu mal-għanijiet ġenerali ta’ dan ir-Regolament, u spejjeż marbutin man-netwerks tal-informatika li jkunu mmirati lejn l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, flimkien mal-ispejjeż l-oħra kollha tekniċi u amministrattivi li l-Kummissjoni ġġarrab fil-ġestjoni tal-programm ta' Ignalina.

L-allokazzjoni finanzjarja għall-programm ta' Ignalina tista' tkopri wkoll l-ispejjeż għall-assistenza teknika u amministrattiva neċessarja biex tkun żgurata t-tranżizzjoni bejn dak il-programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1990/2006.

Artikolu 4

Kundizzjonalitajiet ex ante

1.   Sal-1 ta' Jannar 2014, il-Litwanja għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tissodisfa l-kundizzjonalitajiet ex ante li ġejjin:

(a)

tikkonforma mal-acquis tat-Trattat Euratom fil-qasam tas-sikurezza nukleari, b’mod partikulari fir-rigward tat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva 2009/71/Euratom u d-Direttiva 2011/70/Euratom;

(b)

tistabbilixxi, f'qafas nazzjonali, pjan ta' finanzjament li jidentifika l-ispejjeż kollha u s-sorsi ta' finanzjament previsti meħtieġa għat-tlestija b'mod sikur tad-dekummissjonar tal-unitajiet ta' reattur nukleari, inkluż il-ġestjoni tal-fjuwil użat u l-iskart radjuattiv, skont dan ir-Regolament;

(c)

tippreżenta lill-Kummissjoni pjan iddettaljat rivedut tad-dekummissjonar, imqassam biex jiġi speċifikat il-livell tal-attivitajiet ta' dekummissjonar, inkluż skeda u struttura korrispondenti tal-ispejjeż ibbażati fuq standards rikonoxxuti f'livell internazzjonali għall-istima tal-ispejjeż tad-dekummissjonar.

2.   Il-Litwanja għandha tipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa dwar l-ilħuq tal-kundizzjonalitajiet ex ante msemmijin fil-paragrafu 1 sa mhux aktar tard miż-żmien tal-impenn baġitarju fl-2014.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 meta tkun qed tħejji l-programm ta’ ħidma annwali għall-2014 imsemmi fl-Artikolu 6(1). Jekk il-Kummissjoni tkun tal-opinjoni motivata li jkun sar ksur taħt l-Artikolu 258 tat-TFUE minħabba nonosservanza tal-kundizzjonalità ex ante stipulata fil-paragrafu 1(a) jew jekk il-kundizzjonalitajiet ex ante stipulati fil-paragrafu 1(b) jew 1(c) ma jiġux issodisfati b'mod sodisfaċenti, deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-assistenza finanzjarja kollha, jew parti minnha, tal-Unjoni għandha tittieħed f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2). Dik id-deċiżjoni għandha tkun riflessa fl-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali tal-2014. L-ammont tal-assistenza sospiża għandu jiġi ddefinit skont il-kriterji stipulati fl-atti ta' implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 7.

Artikolu 5

Forom ta’ implimentazzjoni

1.   Il-programm ta' Ignalina għandu jiġi implimentat permezz ta’ waħda jew aktar mill-forom stipulati fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u b’mod partikolari, b'għotjiet ta' flus u akkwisti.

2.   Il-Kummissjoni tista’ tinkariga bl-implimentazzjoni tal-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni taħt il-programm ta' Ignalina dawk il-korpi stipulati fl-Artikolu 58(1)(c) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 6

Programmi ta' Ħidma Annwali

1.   Fil-bidu ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, programm ta' ħidma annwali għall-programm ta' Ignalina li jispeċifika l-għanijiet, ir-riżultati mistennija, l-indikaturi tal-prestazzjoni relatati u l-iskeda taż-żmien għall-użu tal-fondi taħt kull impenn finanzjarju annwali, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

2.   Fit-tmiem ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma mwettqa fis-snin preċedenti. Dak ir-rapport ta' progress għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandu jkun bażi għall-adozzjoni tal-programm ta' ħidma annwali li jkun imiss.

Artikolu 7

Proċeduri ta' implimentazzjoni ddettaljati

Sal-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, proċeduri ta' implimentazzjoni ddettaljati għal-programm ta' Ignalina għad-durata kollha tiegħu, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2). Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiddefinixxu f'aktar dettall, fir-rigward tal-programm ta' Ignalina, l-għanjiet, ir-riżultati mistennija, il-passi ewlenin, l-iskadenzi, kif ukoll l-indikaturi tal-prestazzjoni. Għandhom jinkludu wkoll il-pjan iddettaljat rivedut għad-dekummissjonar kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(c), li għandu jservi bħala l-bażi għall-monitoraġġ tal-progress u tal-ilħuq fil-ħin tar-riżultati mistennija.

Artikolu 8

Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri x-xierqa biex jiġi żgurat li, meta jiġu implimentati l-azzjonijiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jitħarsu billi jiġu applikati miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, billi jsiru verifiki effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jiġu rkuprati ammonti li ma kellhomx jitħallsu u, fejn ikun xieraq, billi jiġu imposti sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha u l-Qorti tal-Awdituri għandu jkollhom is-setgħa ta’ awditu, kemm abbażi tad-dokumenti kif ukoll ta’ verifiki fuq il-post, fuq il-benefiċjarji kollha tal-għotjiet u fuq il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni.

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) jista’ jwettaq verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati direttament jew indirettament mill-finanzjament tal-Unjoni skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (11) bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kinitx saret xi frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’rabta ma’ xi ftehim dwar għotjiet ta’ flus, deċiżjoni dwar għotjiet ta’ flus, jew kuntratt li għandu x’jaqsam mal-finanzjament tal-Unjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, ftehimiet dwar l-għotjiet ta’ flus, deċiżjonijiet dwar għotjiet ta’ flus u l-kuntratti li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li espressament jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex jwettqu l-awditi, l-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imsemmija f'dawk il-paragrafi, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 9

Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu

1.   Sal-31 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tistabbilixxi rapport ta’ evalwazzjoni ta' nofs it-terminu dwar il-kisba tal-għanijiet tal-miżuri kollha relatati mal-programm ta' Ignalina, fil-livell tar-riżultati u tal-impatti, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-valur miżjud għall-Unjoni tal-kisba tal-għanijiet, bil-ħsieb li tadotta deċiżjoni li temenda jew li tissospendi dawk il-miżuri. L-evalwazzjoni għandha wkoll tindirizza l-ambitu għal modifika tal-għanijiet speċifiċi u l-proċeduri ta' implimentazzjoni ddettaljati deskritti fl-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 7 rispettivament.

2.   L-evalwazzjoni ta' nofs il-perjodu għandha tqis il-progress li jkun sar imqabbel mal-indikaturi tal-prestazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 10

Evalwazzjoni finali

1.   Il-Kummissjoni għandha twettaq, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, evalwazzjoni ex post dwar l-effettività u l-effiċjenza tal-programm ta' Ignalina, kif ukoll tal-effettività tal-miżuri ffinanzjati f'termini ta' impatt, l-użu ta' riżorsi u l-valur miżjud għall-Unjoni.

2.   L-evalwazzjoni finali għandha tqis il-progress li jkun sar imqabbel mal-indikaturi tal-prestazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 2(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 11

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Meta għandha tinkiseb l-opinjoni tal-kumitat permezz ta' proċedura bil-miktub, dik il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta' żmien għall-ħruġ tal-opinjoni, il-president tal-kumitat jiddeċiedi hekk jew maġġoranza sempliċi tal-membri tal-kumitat jitolbu hekk.

Artikolu 12

Dispożizzjoni tranżizzjonali

Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika, li tinkludi l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, tal-proġetti kkonċernati, sal-għeluq tagħhom, jew tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1990/2006, jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta’ Diċembru 2013, li għandha tibqa' tapplika għall-azzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.

Artikolu 13

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 1990/2006 huwa b'dan revokat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. MAZURONIS


(1)  ĠU L 236, 23.9.2003, p. 944.

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18)

(3)  Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta' Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta' fjuwil użat u skart radjuattiv (ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48).

(4)  Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 114).

(5)  Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1).

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1990/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll Nru 4 dwar l-impjant tal-enerġija nukleari Ignalina fil-Litwanja għall-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tal-Estonja, ta’ Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Ungerija, ta’ Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tas-Slovakkja (Programm Ignalina) (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 10).

(8)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1368/2013 13 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programm ta' għajnuna għad-dekummissjonar ta' impjanti nukleari fil-Bulgarija u s-Slovakkja, u li jirrevoka ir-Regolamenti (UE) (Euratom) Nru 549/2007 u (Euratom) Nru 647/2010 (Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.).

(9)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(10)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(11)  Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).