PROTEZZJONI TAD-DATA PERSONALI

Din l-istqarrija ta’ privatezza tipprovdi informazzjoni dwar l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali tiegħek.

Operazzjoni tal-ipproċessar: Arkivju tal-web tal-Unjoni Ewropea

Kontrollur tad-Data: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, unità A.4, “Preservazzjoni u Depożitu Legali”

Referenza tar-Record: DPR-EC-00861

Werrej

  1. Introduzzjoni
  2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek?
  4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw b’mod ulterjuri?
  5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?
  6. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?
  7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?
  8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?
  9. Informazzjoni ta’ kuntatt
  10. Fejn tista’ ssib informazzjoni aktar iddettaljata?

1. Introduzzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Kummissjoni”) hi impenjata li tipproteġi d-data personali tiegħek u li tirrispetta l-privatezza tiegħek. Il-Kummissjoni tiġbor u tkompli tipproċessa d-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, (li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001).

Din l-istqarrija ta’ privatezza tispjega r-raġuni għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek, il-mod kif niġbru, nittrattaw u niżguraw il-protezzjoni tad-data personali kollha pprovduta, kif tintuża dik l-informazzjoni, u liema drittijiet tista’ teżerċita b’rabta mad-data personali tiegħek. Hi tispeċifika wkoll id-dettalji ta’ kuntatt tal-Kontrollur tad-Data responsabbli li tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek miegħu, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

L-informazzjoni rigward l-operazzjoni tal-ipproċessar “Arkivju tal-web tal-Unjoni Ewropea” mill-unità A.4 “Preservazzjoni u Depożitu Legali” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hi ppreżentata hawn taħt.

2. Għaliex u kif nipproċessaw id-data personali tiegħek?

L-għan tal-operazzjoni tal-ipproċessar: l-unità A.4, “Preservazzjoni u Depożitu Legali” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iżżomm l-Arkivju tal-web tal-Unjoni Ewropea biex jiġu ppreservati s-siti web tal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE. L-arkivju tal-web jinħoloq permezz ta’ crawling awtomatiku ta’ għażla ta’ siti elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku ospitati mill-istituzzjonijiet tal-UE. L-arkivju hekk maħluq hu aċċessibbli online mill-pubbliku.

L-operazzjoni tal-arkivjar tista’ tiġbor data personali li qabel kienet pubblikament disponibbli fuq is-siti web tal-istituzzjonijiet tal-UE: jekk il-proprjetarji tas-sit web ippubblikaw data personali fis-siti web oriġinali, is-siti u l-paġni arkivjati jista’ jkun fihom din id-data, jiġifieri l-ismijiet u d-dettalji possibbli ta’ kuntatt tal-persunal tal-UE u potenzjalment ta’ persuni oħrajn involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE bħal esperti nazzjonali. Jekk dan hu l-każ, il-paġni li fihom data personali jistgħu jinħbew wara li ssir talba min-naħa tas-sid tas-sit web pubbliku.

Din l-operazzjoni tal-ipproċessar isservi l-iskop espliċitu ta’ arkivjar fl-interess pubbliku.

Id-data personali tiegħek mhux se tintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat inkluż it-tfassil ta’ profili.

3. Fuq liema bażi(jiet) legali nipproċessaw id-data personali tiegħek?

Nipproċessaw id-data personali tiegħek, għax l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-istituzzjoni jew lill-korp tal-Unjoni.

Bażi ġuridika addizzjonali għall-ipproċessar: il-mandat tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, id-Deċiżjoni 2009/496/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, b’mod speċjali l-Art. 3(1)(g) u l-Art. 5(1)(m) tagħha.

4. Liema data personali niġbru u nipproċessaw b’mod ulterjuri?

Sabiex titwettaq din l-operazzjoni tal-ipproċessar, l-unità A.4 “Preservazzjoni u Depożitu Legali” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tista’ f’ċerti każijiet tiġbor il-kategoriji ta’ data personali li ġejjin:

  • l-isem u l-kunjom,
  • id-dettalji possibbli ta’ kuntatt (indirizz tal-posta elettronika, numru tat-telefown, indirizz fiżiku tal-uffiċċju);
  • f’każijiet eċċezzjonali, ir-ritratt jew data oħra.

L-arkivju tal-web tal-Unjoni Ewropea jikseb din id-data billi jarkivja s-siti web oriġinali tal-UE, disponibbli pubblikament.

5. Għal kemm żmien tinżamm id-data personali tiegħek?

L-unità A.4, “Preservazzjoni u Depożitu Legali” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet iżżomm id-data personali tiegħek għall-finijiet tal-arkivjar fl-interess storiku, mingħajr limitu ta’ żmien.

6. Kif inħarsu u nissalvagwardjaw id-data personali tiegħek?

Id-data kollha f’format elettroniku (emails, dokumenti, lottijiet ta’ data applowdjati, eċċ.) jinħażnu jew fuq is-servers tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-kuntrattur(i) tagħha. L-operazzjonijiet tal-ipproċessar jitwettqu kollha skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta' Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta' komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea.

Il-kuntratturi jistgħu jkunu bbażati barra ż-ŻEE. Bħalissa, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu kuntratti ta’ arkivjar ma’ Internet Archive, ibbażat fl-Istati Uniti tal-Amerika u ma’ GW Crossmedia, ibbażat fin-Netherlands. Internet Archive ma jiħux sehem fit-Tarka tal-Privatezza UE-Stati Uniti. Madankollu, id-data kollha tinżamm fuq servers li jinsabu fit-territorju taż-ŻEE, kif ukoll dawk miġburin minn Internet Archive. Il-kuntratturi tal-Kummissjoni huma marbutin bi klawsola kuntrattwali speċifika għal kull operazzjoni tal-ipproċessar tad-data tiegħek f’isem il-Kummissjoni, kif ukoll bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jitnisslu mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR” ir-Regolament (UE) 2016/679).

Sabiex tipproteġi d-data personali tiegħek, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa biex jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf ta’ data, il-modifika ta' data jew l-aċċess mhux awtorizzat, filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data personali li qed tiġi pproċessata. Il-miżuri organizzattivi jinkludu r-restrizzjoni tal-aċċess għad-data personali għall-persuni awtorizzati biss bi ħtieġa leġittima ta’ tagħrif għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar.

7. Min għandu aċċess għad-data personali tiegħek u lil min tiġi żvelata?

L-aċċess għad-data personali tiegħek hu pprovdut lill-istaff tal-Kummissjoni responsabbli għat-twettiq ta’ din l-operazzjoni tal-ipproċessar u lill-istaff awtorizzat skont il-prinċipju ta’ “ħtieġa ta' tagħrif”. Dan l-istaff jirrispetta ftehimiet statutorji, u fejn meħtieġ, ftehimiet addizzjonali ta’ kunfidenzjalità.

Abbażi tal-premessa 19, l-Art. 4(1) (b)+(e), l-Art. 13 u l-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2018/1725, dan it-trasferiment potenzjali ta’ data personali hu kkunsidrat ġustifikat peress li jservi l-għan espliċitu ta’ arkivjar fl-interess pubbliku.

L-arkivju tal-web tal-Unjoni Ewropea hu disponibbli pubblikament fuq l-internet.

8. X’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tista’ teżerċitahom?

Inti għandek drittijiet speċifiċi bħala “suġġett tad-data” skont il-Kapitolu III (l-Artikoli 14-25) tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari d-dritt li taħbi d-data personali tiegħek mill-wiri għall-pubbliku fl-arkivju tal-web u d-dritt li tillimita l-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Fejn applikabbli, għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar jew id-dritt għall-portabbiltà tad-data.

Int tista’ teżerċita d-drittijiet tiegħek billi tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, jew f’każ ta’ kunflitt lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tindirizza wkoll lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. L-informazzjoni ta’ kuntatt tagħhom tingħata taħt l-Intestatura 9 hawn taħt.

Meta tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-ipproċessar speċifika waħda jew aktar, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni tagħhom (jiġifieri r-referenza/i tar-Record tagħhom kif speċifikat taħt l-Intestatura 10 hawn taħt) fit-talba tiegħek.

9. Informazzjoni ta’ kuntatt

- Il-Kontrollur tad-Data

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jew jekk għandek xi kummenti, mistoqsijiet jew tħassib, jew jekk tixtieq tressaq ilment rigward il-ġbir u l-użu tad-data personali tiegħek, jekk jogħġbok ħossok liberu li tikkuntattja lill-Kontrollur tad-Data, l-unità A.4 “Preservazzjoni u Depożitu Legali” tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ( info@publications.europa.eu ).

- L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni

Tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (DATA-PROTECTION-OFFICER@ec.europa.eu) rigward kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725.

- Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD)

Inti għandek id-dritt tirrikorri (jiġifieri tista’ tressaq ilment) għand il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (edps@edps.europa.eu) jekk jidhirlek li nkisru d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 b’riżultat tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kontrollur tad-Data.

10. Fejn tista’ ssib aktar informazzjoni ddettaljata?

L-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Kummissjoni (UPD) jippubblika r-reġistru tal-operazzjonijiet kollha tal-ipproċessar dwar id-data personali mill-Kummissjoni, li ġew iddokumentati u nnotifikati lilu. Tista’ taċċessa r-reġistru minn dan il-link li ġej: http://ec.europa.eu/dpo-register.

Din l-operazzjoni tal-ipproċessar speċifika ġiet inkluża fir-reġistru pubbliku tal-UPD bir-Referenza tar-Record li ġejja: DPR-EC-00861.